Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

2 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 66 – Fatt taxxabbli u eżiġibbiltà tat-taxxa – Mument li fih isseħħ il-provvista ta’ servizzi – Xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-mument ta’ aċċettazzjoni tax-xogħlijiet prevista fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi”

Fil-Kawża C-224/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-28 ta’ Marzu 2018, fil-proċedura

Budimex S.A.

vs

Minister Finansów,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba' Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Levits (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Budimex S.A., minn M. Militz, doradca podatkowy,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Siekierzyńska u N. Gossement, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-Rettifiki ĠU 2007, L 335, p. 60, u ĠU 2018, L 329, p. 53), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 (ĠU 2010, L 189, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Budimex S.A. u l-Minister Finansów (il-Ministru għall-Finanzi, il-Polonja) fir-rigward ta’ analiżi fiskali li din il-kumpannija kienet talbet mingħand il-Ministru għall-Finanzi, fir-rigward tad-data ta’ eżiġibbiltà tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) għat-twettiq ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 24 tad-Direttiva dwar il-VAT:

“Il-kunċetti ta’ avveniment li jagħti lok għal ħlas u imposizzjoni ta’ VAT għandhom jiġu armonizzati jekk l-introduzzjoni tas-sistema komuni ta’ VAT u ta’ kwalunkwe emendi li jista’ jkun hemm għaliha għandhom jieħdu effett fl-istess żmien fl-Istati Membri kollha.”

4        L-Artikolu 2(1)(c) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-“provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” hija suġġetta għall-VAT.

5        L-Artikolu 63 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Għandu jkun hemm avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-VAT għandha tiġi imposta meta l-merkanzija jew is–servizzi huma pprovduti.”

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 66 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“[B]ħala deroga mill–Artikoli 63, 64 u 65, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-VAT għandha tiġi imposta, fir-rigward ta’ ċerti transazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli f’wieħed miż-żminijiet li ġejjin:

a)      mhux iktar tard miż-żmien tal-ħruġ tal-fattura;

b)      mhux iktar tard miż-żmien meta jiġi riċevut il-ħlas;

c)      fejn fattura ma tinħariġx, jew tinħareġ tard, fi żmien speċifikat mkux aktar tard mill-iskadenza tal-limitu ta’ żmien għall-ħruġ ta’ fatturi imposti mill-Istati Membri skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 jew fejn ma jkun ġie impost l-ebda limitu ta’ żmien bħal dan mill-Istat Membru, f’perijodu speċifikat mid-data tal-avveniment li jagħti lok għall-ħlas.”

7        L-Artikolu 222 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Għal provvisti ta’ merkanzija mwettqa skont il-kondizzjonijiet speċifikati fl-Artikolu 138 jew għal provvisti ta’ servizzi li għalihom il-VAT titħallas mill-klijent skont l-Artikolu 196, għandha tinħareġ fattura sa mhux aktar tard mill-ħmistax-il jum tax-xahar wara dak li fih iseħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas.

Għal provvisti oħrajn ta’ merkanzija jew servizzi l-Istati Membri jistgħu jimponu limiti ta’ żmien fuq persuni taxxabbli għall-ħruġ ta’ fatturi.”

 Id-dritt Pollakk

8        L-Artikolu 19a tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u fuq is-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. Nru 54, intestatura 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”) jipprovdi:

“1.      L-obbligu fiskali jsir dovut fil-mument ta’ twettiq tal-kunsinna tal-oġġetti jew tal-provvista tas-servizzi, bla ħsara għall-paragrafi 5 u 7 sa 11 tal-Artikolu 14(6), għall-Artikolu 20 u għall-Artikolu 21(1).

2.      Meta s-servizzi jkunu ġew ipprovduti biss parzjalment, il-provvista titqies li twettqet ukoll meta sseħħ parti mill-provvista li għaliha tkun prevista remunerazzjoni.

[...]

5.      L-obbligu fiskali jimmaterjalizza ruħu fil-mument:

[...]

3)      tal-ħruġ tal-fattura, fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 106b(1):

a)      għall-provvisti ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni,

[...]

7.      Fil-każijiet imsemmija fil-punti 3 u 4 tal-paragrafu 5, jekk il-persuna taxxabbli ma tkunx ħarġet fattura jew tkun ħarġet il-fattura b’mod tardiv, l-obbligu fiskali jsir dovut mal-iskadenza tat-termini ta’ ħruġ tal-fatturi ffisati fl-Artikolu 106i(3) u (4), jew, jekk ma jkun ġie ffissat ebda terminu, mal-iskadenza tat-terminu ta’ ħlas.

[...]”

9        L-Artikolu 106b(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-persuna taxxabbli għandha l-obbligu li toħroġ il-fattura relatata ma’:

1)      kull bejgħ, kunsinna ta’ oġġetti u provvista ta’ servizzi msemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 106a, imwettqa minnha stess favur persuna taxxabbli oħra, jew persuna oħra suġġetta għall-VAT jew għal taxxa simili, jew favur persuna ġuridika mhux suġġetta;

[...]”

10      L-Artikolu 106i(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi kif ġej:

“Il-fattura għandha tinħareġ sa mhux iktar tard:

Minn 30 jum wara li sseħħ il-provvista ta’ servizzi – fil-każ imsemmi fil-punt 3(a) tal-Artikolu 19a(5);

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      Wara talba għal analiżi fiskali mressqa minn Budimex, dwar id-data ta’ eżiġibbiltà tal-VAT relatata max-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni mwettqa minn din l-impriża, il-Ministru għall-Finanzi indika, fit-tweġiba tiegħu tal-15 ta’ Ottubru 2014, li l-VAT issir eżiġibbli fil-mument fejn l-imprenditur joħroġ il-fattura relatata ma’ dawn ix-xogħlijiet jew, fin-nuqqas ta’ dan, fi tmiem terminu ta’ 30 jum wara d-data ta’ tlestija effettiva tal-imsemmija xogħlijiet.

12      F’dan ir-rigward, il-Ministru għall-Finanzi enfasizza li ċ-ċirkustanza li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li fuq il-bażi tagħhom jitwettqu x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u ta’ installazzjoni jipprevedu li sid il-kostruzzjoni li jkun talab dawn ix-xogħlijiet għandu jivvalidahom permezz ta’ kitba formali ta’ aċċettazzjoni, ma għandhiex effett fuq id-data ta’ eżiġibbiltà tal-VAT dovuta.

13      Budimex adixxiet il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva tal-Provinċja ta’ Varsavja, il-Polonja) b’rikors indirizzat kontra t-tweġiba tal-Ministru għall-Finanzi tal-15 ta’ Ottubru 2014, fejn sostniet li l-formalità ta’ validazzjoni tax-xogħlijiet imwettqa hija espressament prevista mill-kundizzjonijiet tas-suq iddefiniti mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Inġiniera Konsulenti (FIDIC), li jirregolaw il-kuntratti li hija tikkonkludi, u li, għalhekk, hija parti integrali ta’ kull provvista ta’ servizz ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni li hija twettaq. Dan ir-rikors ġie miċħud permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2015.

14      Budimex ippreżentat appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju, li tqis li għar-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali hija meħtieġa l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-VAT, li huma trasposti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati minn Budimex fil-kuntest tal-appell tagħha.

15      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li r-riżoluzzjoni tal-kawża prinċipali tiddependi mill-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizz ipprovdut”, fis-sens tal-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT. B’mod partikolari, tirriżulta l-kwistjoni dwar jekk iċ-ċirkustanza li provvista ta’ servizz ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni titqies li tkun twettqet, bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali, biss wara l-aċċettazzjoni tax-xogħlijiet minn sid il-kostruzzjoni, jistax ikollha effett fuq id-determinazzjoni tad-data ta’ eżeġibbiltà tal-VAT relatata ma’ din il-provvista ta’ servizz.

16      Huwa f’dan il-kuntest li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Meta l-partijiet fi tranżazzjoni jkunu qablu li l-ħlas tar-remunerazzjoni dovuta għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni huwa suġġett għall-aċċettazzjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom mill-persuna li tordna dawn ix-xogħlijiet, espressa fil-kitba formali ta’ aċċettazzjoni, għandu jitqies, fil-kuntest ta’ tali tranżazzjoni, li l-provvista ta’ servizzi twettqet, fis-sens tal-Artikolu 63 tad-[Direttiva dwar il-VAT] fil-mument tal-eżekuzzjoni effettiva tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni, jew inkella fil-mument tal-aċċettazzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet mill-persuna li tordna dawn ix-xogħlijiet espressa fil-kitba formali ta’ aċċettazzjoni?”

 Fuq id-domanda preliminari

17      Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 63 tad-Direttiva dwar il-VAT, it-taxxa ssir eżiġibbli fil-mument tat-twettiq tal-provvista ta’ servizzi.

18      L-ewwel paragrafu (c) tal-Artikolu 66 ta’ din id-direttiva jippreċiża, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li t-taxxa ssir eżiġibbli għal ċerti tranżazzjonijiet, f’terminu speċifiku u sa mhux iktar tard mill-iskadenza tat-terminu ta’ ħruġ tal-fatturi impost mill-Istati Membri, fil-każ ta’ assenza ta’ ħruġ jew ta’ ħruġ tardiv tal-fattura relatata mal-provvista ta’ servizzi mogħtija.

19      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Pollakka implimentat il-jedd li huwa rrikonoxxut lilha bis-saħħa tal-Artikolu 66 tad-Direttiva dwar il-VAT billi pprevediet, fl-Artikolu 19a(7) u fl-Artikolu 106i(3) tal-Liġi dwar il-VAT, moqrija flimkien, li, fl-assenza ta’ ħruġ jew ta’ ħruġ tardiv tal-fattura, il-VAT issir eżiġibbli mal-iskadenza ta’ terminu ta’ 30 jum wara t-twettiq tal-provvista ta’ servizzi.

20      Għalhekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, li jiġi kkonstatat jekk l-ewwel paragrafu (c) tal-Artikolu 66 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprekludix, fil-każ ta’ assenza ta’ ħruġ jew ta’ ħruġ tardiv tal-fattura relatata mas-servizzi pprovduti, li l-aċċettazzjoni formali ta’ din il-provvista ta’ servizzi tiġi kkunsidrata bħala l-mument meta tkun twettqet l-imsemmija provvista, meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru jipprevedi li t-taxxa ssir eżiġibbli mal-iskadenza ta’ terminu li jibda jiddekorri mill-jum meta tkun twettqet il-provvista ta’ servizzi.

21      Qabel kollox għandu jitfakkar li d-Direttiva dwar il-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C-653/11, EU:C:2013:409, punt 39).

22      B’mod partikolari, il-premessa 24 ta’ din id-direttiva tispjega li l-kunċetti ta’ “fatt taxxabbli” u ta’ “eżiġibbiltà tat-taxxa” għandhom jiġu armonizzati sabiex l-applikazzjoni u l-modifiki ulterjuri tas-sistema komuni ta’ VAT jidħlu fis-seħħ fl-istess data. B’hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jarmonizza bis-sħiħ id-data li fiha jiġi fis-seħħ l-obbligu fiskali fl-Istati Membri kollha sabiex jiġi ggarantit ġbir uniformi ta’ din it-taxxa (sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, TNT Express Worldwide (Poland), C-169/12, EU:C:2013:314, punt 31).

23      Skont l-Artikolu 63 tal-imsemmija direttiva, il-fatt taxxabbli jseħħ u t-taxxa ssir eżiġibbli fil-mument meta titwettaq il-provvista ta’ servizzi.

24      Konformement mal-ewwel paragrafu (c) tal-Artikolu 66 ta’ din l-istess direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li t-taxxa ssir eżiġibbli għal ċerti tranżazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli f’terminu ddeterminat li jibda mid-data tal-fatt taxxabbli fil-każ ta’ assenza ta’ ħruġ jew ta’ ħruġ tardiv tal-fattura.

25      F’dan il-każ, l-Artikolu 19a (5) u (7) tal-Liġi dwar il-VAT, moqri flimkien mal-Artikolu 106i(3) ta’ din il-liġi, jipprevedi li, meta l-fattura tkun għadha ma nħarġitx f’terminu ta’ 30 jum wara t-twettiq tal-provvista ta’ servizzi, it-taxxa ssir eżiġibbli.

26      Hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali fir-rigward tal-mument tat-twettiq tal-provvista tas-servizzi minn Budimex, fejn din tal-aħħar issostni li, minħabba d-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jinsabu fil-kuntratti li hija tikkonkludi, tali mument jista’ jseħħ biss wara l-aċċettazzjoni tax-xogħlijiet minn sid il-kostruzzjoni, indipendentement miċ-ċirkustanza li dawn materjalment ikunu twettqu f’data preċedenti.

27      Għalkemm huwa minnu li fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni, din komunement titqies li tkun twettqet fid-data ta’ tlestija materjali tax-xogħlijiet, xorta jibqa’ l-fatt li sabiex tranżazzjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “tranżazzjoni taxxabbli” fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, ir-realtà ekonomika u kummerċjali tikkostitwixxi kriterju fundamentali għall-applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2018, MEO – Serviços de Comunicações e Multimédia, C-295/17, EU:C:2018:942, punt 43).

28      F’dan il-kuntest, ġie deċiż li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali rilevanti jikkostitwixxu element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni meta jkun meħtieġ li tiġi identifikata l-persuna li tipprovdi s-servizz u l-benefiċjarju fi tranżazzjoni ta’ “provvista ta’ servizzi” fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT (sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C-653/11, EU:C:2013:409, punt 43).

29      Għalhekk, ma jistax jiġi eskluż li, b’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet kuntrattwali li jirriflettu r-realtà ekonomika u kummerċjali fil-qasam li fih titwettaq il-provvista tas-servizz, din tal-aħħar tkun tista’ titqies li ġiet imwettqa biss fi stadju ulterjuri għad-data ta’ tlestija materjali tal-provvista tas-servizz, wara li jkunu seħħew ċerti formalitajiet li jkunu indissoċjabbilment marbuta mal-provvista tas-servizz u li jkunu determinanti sabiex jiżguraw il-kompletezza tagħha.

30      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li provvista ta’ servizzi hija taxxabbli biss jekk bejn il-persuna li tipprovdi s-servizz u l-benefiċjarju tkun teżisti relazzjoni ġuridika li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati provvisti ta’ servizz reċiproċi, fejn il-ħlas irċevut mill-persuna li tipprovdi s-servizz ikun jikkostitwixxi l-valur korrispettiv effettiv ta’ servizz identifikabbli mogħti lill-benefiċjarju (sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Lajvér, C-263/15, EU:C:2016:392, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, mill-preċiżazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-dispożizzjonijiet kuntrattwali inklużi fil-kuntratti konklużi mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jipprevedu d-dritt, għal sid il-kostruzzjoni, li jivverifika l-konformità tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni mwettqa qabel ma jaċċettahom u l-obbligu għall-persuna li tipprovdi s-servizz li twettaq il-bidliet neċessarji sabiex ir-riżultat ikun jikkorrispondi effettivament għal dak li ġie miftiehem. F’dan ir-rigward, Budimex issostni, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ħafna drabi kien ikun impossibbli għaliha li tiddefinixxi l-bażi taxxabbli u l-ammont tat-taxxa dovuta qabel ma x-xogħlijiet jiġu aċċettati minn sid il-kostruzzjoni.

32      Issa, minn naħa, sa fejn il-formalità kkostitwita mir-redazzjoni ta’ kitba formali ta’ aċċettazzjoni minn sid il-kostruzzjoni sseħħ biss hekk kif jintemm it-terminu mogħti għan-notifika ta’ difetti eventwali lill-persuna li tipprovdi s-servizz, li din tal-aħħar ikollha tikkoreġi sabiex il-provvista tas-servizz ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni tkun konformi ma’ dak li ġie miftiehem, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmija provvista ta’ servizz ma tkunx twettqet għalkollox qabel ma tkun seħħet l-aċċettazzjoni.

33      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitfakkar li l-bażi taxxabbli għall-provvista ta’ servizz imwettqa b’mod oneruż hija kkostitwita mill-korrispettiv realment irċevut f’dan is-sens mill-persuna taxxabbli (sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Tulică u Plavoşin, C-249/12 u C-250/12, EU:C:2013:722, punt 33).

34      Għalhekk, sa fejn ma huwiex possibbli li jiġi ddeterminat il-korrispettiv dovut mill-persuna li tirċievi s-servizzi qabel ma din tkun aċċettat il-provvista ta’ servizz ta’ kostruzzjoni jew ta’ installazzjoni, it-taxxa relatata ma’ dawn is-servizzi ma tistax tkun eżiġibbli qabel l-imsemmija aċċettazzjoni.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, u sa fejn ikun hemm qbil dwar l-aċċettazzjoni tax-xogħlijiet fil-kuntratt ta’ provvista ta’ servizzi, fejn tali formalità tkun tirrifletti r-regoli u l-istandards fis-seħħ fil-qasam li fih titwettaq il-provvista ta’ servizz, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din il-formalità tirriżulta, min-natura tagħha stess, mill-provvista tas-servizz u li, għalhekk, hija determinanti sabiex jitqies li din il-provvista effettivament tkun twettqet.

36      Għandu jingħad ukoll li formalitajiet oħra, bħal, b’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ rendikont formali tal-ispejjeż sostnuti jew ta’ ċertifikat ta’ ħlas finali, imsemmija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, ma jistgħux jitqiesu bħala rilevanti għad-determinazzjoni tal-mument meta twettqet il-provvista tas-servizz, sa fejn, ġaladarba ma jagħmlux parti mill-provvista ta’ servizz bħala tali, huma ma humiex determinanti sabiex jiġi kkonstatat li dan is-servizz effettivament ġie pprovdut.

37      Fid-dawl tal-punti preċedenti, jeħtieġ li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-ewwel paragrafu (c) tal-Artikolu 66 tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-każ ta’ assenza ta’ ħruġ jew ta’ ħruġ tardiv tal-fattura relatata mal-għoti tal-provvista ta’ servizzi, li l-aċċettazzjoni formali ta’ din il-provvista ta’ servizz titqies bħala l-mument meta twettqet l-imsemmija provvista, fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru jipprevedi li t-taxxa ssir eżiġibbli mal-iskadenza ta’ terminu li jibda jiddekorri mill-jum li fih tkun twettqet il-provvista, sa fejn, minn naħa, il-formalità tal-aċċettazzjoni ġiet miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt li jivvinkolahom mat-termini ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali relatati mar-realtà ekonomika u kummerċjali tal-qasam li fih tkun twettqet il-provvista ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, li din il-formalità tikkorrispondi mat-tlestija materjali tal-provvista ta’ servizz u tiffissa b’mod definittiv l-ammont tal-korrispettiv dovut, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel paragrafu (c) tal-Artikolu 66 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE tat-13 ta’ Lulju 2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, fil-każ ta’ assenza ta’ ħruġ jew ta’ ħruġ tardiv tal-fattura relatata mal-għoti tal-provvista ta’ servizzi, li l-aċċettazzjoni formali ta’ din il-provvista ta’ servizz titqies bħala l-mument meta twettqet l-imsemmija provvista, fil-każ fejn, bħal fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru jipprevedi li t-taxxa ssir eżiġibbli mal-iskadenza ta’ terminu li jibda jiddekorri mill-jum li fih tkun twettqet il-provvista, sa fejn, minn naħa, il-formalità tal-aċċettazzjoni ġiet miftiehma mill-partijiet fil-kuntratt li jivvinkolahom mat-termini ta’ dispożizzjonijiet kuntrattwali relatati mar-realtà ekonomika u kummerċjali tal-qasam li fih tkun twettqet il-provvista ta’ servizz u, min-naħa l-oħra, li din il-formalità tikkorrispondi mat-tlestija materjali tal-provvista ta’ servizz u tiffissa b’mod definittiv l-ammont tal-korrispettiv dovut, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.