Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ Lulju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Spejjeż ta’ ġestjoni ta’ fond ta’ dotazzjoni li jagħmel investimenti bil-għan li jiġu koperti spejjeż tat-tranżazzjonijiet tal-output kollha mwettqa mill-persuna taxxabbli – Spejjeż ġenerali”

Fil-Kawża C-316/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit) permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ April 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura

Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

vs

The Chancellor, Masters and Scholars of the University of Cambridge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn F. Biltgen, President ta’ Awla, C. G. Fernlund (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal The Chancellor, Masters and Scholars of the University of Cambridge, minn S. Moore u A. Hitchmough, QC, B. Belgrano, barrister, u A. Brown, advocate,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn F. Shibli u R. Fadoju, bħala aġenti, assistiti minn K. Beal, QC,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (l-Amministrazzjoni tat-Taxxi u tad-Dwana, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Fiskali”), minn naħa, u The Chancellor, Masters and Scholars of the University of Cambridge (iktar ’il quddiem l-“Università ta’ Cambridge”), min-naħa l-oħra, dwar ir-rifjut ta’ din l-amministrazzjoni li tawtorizza lill-Università ta’ Cambridge twettaq tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata mal-ispejjeż sostnuti fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ investiment li ma jaqgħux taħt id-Direttiva dwar il-VAT, iżda li d-dħul iġġenerat minnhom intuża sabiex jiġu koperti spejjeż tal-attivitajiet kollha ta’ din l-università.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Is-Sitt Direttiva

3        Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kienet tipprevedi, fl-Artikolu 17(2)(a) tagħha:

“Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a)      il-[VAT] dovuta jew mħallsa fir-rigard ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra.”

 Id-Direttiva dwar il-VAT

4        L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva dwar il-VAT jipprovdi:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT:

a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]

ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

5        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1. ‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

6        L-Artikolu 168(a) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra.”

 Id-dritt tar-Renju Unit

7        L-Artikolu 1(1) tal-Value Added Tax Act 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud) jipprovdi:

“1)      Il-[VAT] għandha tiġi imposta, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi,

a)      fuq il-provvisti ta’ oġġetti jew ta’ servizzi fir-Renju Unit (kif ukoll fuq it-tranżazzjonijiet kollha kkunsidrati bħala provvista) [...]”

8        Skont l-Artikolu 26 ta’ din il-liġi, l-unika taxxa tal-input li tista’ titnaqqas hija dik li, skont il-VAT Regulations 1995 (ir-Regolament dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal-1995), hija relatata mal-provvisti taxxabbli magħmula mill-persuna taxxabbli u mhux dik relatata mal-provvisti eżenti. L-Artikolu 26(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi li meta persuna taxxabbli twettaq kemm tranżazzjonijiet taxxabbli kif ukoll tranżazzjonijiet eżenti, l-amministrazzjoni fiskali għandha tieħu l-passi meħtieġa sabiex tiżgura tqassim ġust u raġonevoli tat-taxxa tal-input bejn it-tranżazzjonijiet taxxabbli u t-tranżazzjonijiet eżenti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        L-Università ta’ Cambridge hija stabbiliment edukattiv mingħajr skop ta’ lukru li, minbarra l-attività prinċipali tagħha li tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi edukattivi, li huma eżenti mill-VAT, twettaq ukoll tranżazzjonijiet taxxabbli, fil-kuntest ta’ attivitajiet ta’ riċerka għal finijiet kummerċjali, ta’ bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet, ta’ provvista ta’ konsulenza, ta’ ristorazzjoni, ta’ akkomodazzjoni kif ukoll ta’ kiri ta’ faċilitajiet u ta’ tagħmir. Il-VAT tal-input relatata mal-ispejjeż imġarrba fit-twettiq kemm tat-tranżazzjonijiet suġġetti għall-VAT kif ukoll tat-tranżazzjonijiet eżenti titqassam, skont metodu speċjali ta’ eżenzjoni parzjali approvat mill-amministrazzjoni fiskali skont id-dritt nazzjonali, bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ tranżazzjonijiet.

10      L-attivitajiet tal-Università ta’ Cambridge huma ffinanzjati parzjalment minn għotjiet u dotazzjonijiet, li jinġabru f’fond u huma sussegwentement investiti. Dan il-fond huwa ġestit minn terz. F’Marzu 2009, din l-università talbet lill-awtoritajiet fiskali t-tnaqqis tal-VAT relatata mal-kummissjonijiet imħallsa u relatati mal-ġestjoni tal-fond ikkonċernat, għall-perijodi mill-1 ta’ April 1973 sal-1 ta’ Mejju 1997 u mill-1 ta’ Mejju 2006 sat-30 ta’ Jannar 2009, filwaqt li sostniet li d-dħul iġġenerat minn dan il-fond kien intuża għall-finanzjament tal-ispejjeż tal-attivitajiet tagħha kollha.

11      L-amministrazzjoni fiskali ċaħdet din it-talba għar-raġuni li dawn il-kummissjonijiet kienu direttament u esklużivament attribwibbli għall-attività ta’ investiment ikkonċernata, li ma kinitx koperta mid-Direttiva dwar il-VAT. Din l-amministrazzjoni kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, l-imsemmija kummissjonijiet ma kinux jikkostitwixxu element tal-prezz tal-provvista tal-output ta’ oġġetti jew ta’ servizzi suġġetti għall-VAT, sa fejn id-dħul iġġenerat minn dan il-fond jiffinanzja parzjalment din il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi.

12      L-Università ta’ Cambridge ikkontestat id-deċiżjoni tal-imsemmija amministrazzjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (il-Qorti tal-Ewwel Istanza (Awla Fiskali), ir-Renju Unit). Din il-qorti, peress li qieset li l-kummissjonijiet għall-ġestjoni tal-fond ikkonċernat kienu jikkostitwixxu spejjeż sostnuti għall-bżonnijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Università ta’ Cambridge u li, bħala tali, huma kienu jiffurmaw parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar, laqgħet it-talba tal-Università ta’ Cambridge. Peress li din l-evalwazzjoni ġiet ikkonfermata mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (il-Qorti Superjuri (Awla tat-Taxxa u tal-Ekwità, ir-Renju Unit)), l-amministrazzjoni fiskali appellat mid-deċiżjoni ta’ din l-aħħar qorti quddiem il-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili), ir-Renju Unit).

13      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-ġbir tal-għotjiet u tad-dotazzjonijiet ikkonċernati f’fond ma jikkostitwixxix fih innifsu attività ekonomika, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li, għaldaqstant, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-VAT.

14      Din il-qorti tindika li l-ispejjeż tal-kummissjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-fond inkwistjoni jistgħu jkunu marbuta mal-attivitajiet tal-Università ta’ Cambridge biss sa fejn jista’ jiġi kkunsidrat li l-ispejjeż relatati mas-servizz ta’ ġestjoni tal-output ipprovdut huma attribwibbli għall-attivitajiet ekonomiċi li insostenn tagħhom inħoloq dan il-fond. Dan jimplika li tiġi injorata n-natura mhux taxxabbli tal-attività ta’ investiment imwettqa, favur l-attivitajiet ekonomiċi taxxabbli offruti mill-Università ta’ Cambridge.

15      Skont il-qorti tar-rinviju, jidher li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti każijiet, l-ispejjeż effettivament attribwibbli direttament għal attività mhux taxxabbli jistgħu, għall-finijiet tal-VAT, jiġu kkunsidrati bħala relatati mal-attività ekonomika taxxabbli li tkun ser titwettaq sussegwentement.

16      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (il-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) (Sezzjoni Ċivili)), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għandha ssir kwalunkwe distinzjoni bejn tranżazzjonijiet eżenti u mhux taxxabbli bl-iskop li jiġi deċiż jekk il-VAT imħallsa għall-iskopijiet ta’ dawn it-tranżazzjonijiet tagħti dritt għal tnaqqis?

2)      Meta jiġġarrbu spejjeż ta’ ġestjoni biss fir-rigward ta’ attività ta’ investiment mhux taxxabbli, huwa madankollu possibbli li ssir ir-rabta neċessarja bejn dawk l-ispejjeż u l-attivitajiet ekonomiċi li huma ssussidjati bid-dħul mill-investiment li jiġi prodott bħala riżultat tal-investimenti, sabiex jiġi permess dritt għal tnaqqis tal-VAT b’riferiment għan-natura u għall-firxa tal-attività ekonomika tal-output li tagħti dritt għal tnaqqis tal-VAT? Sa liema punt huwa rilevanti li jiġi kkunsidrat l-għan li fir-rigward tiegħu ser jiġi użat id-dħul iġġenerat?

3)      Għandha ssir distinzjoni bejn il-VAT imħallsa għall-iskop li jiġi pprovdut il-kapital għal negozju u l-VAT li tipproduċi hija stess fluss tad-dħul, distinta minn kwalunkwe fluss ta’ dħul derivat mill-attività ekonomika tal-output?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Qabelxejn, għandu jiġi indikat, minn naħa, li d-Direttiva dwar il-VAT, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, ħassret is-Sitt Direttiva, mingħajr madankollu ma għamlet tibdiliet sostantivi meta mqabbla ma’ din tal-aħħar. Peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva dwar il-VAT għandhom portata essenzjalment identika għal dik tas-Sitt Direttiva, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata ma’ din l-aħħar direttiva hija wkoll applikabbli fir-rigward tad-Direttiva dwar il-VAT.

18      Min-naħa l-oħra, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda perijodu ta’ żmien li matulu, inizjalment, is-Sitt Direttiva u, sussegwentement, id-Direttiva dwar il-VAT kienu fis-seħħ. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 168(a) tad-Direttiva dwar il-VAT adottata f’din is-sentenza hija applikabbli wkoll għall-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

19      Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet suġġetti għall-VAT kif ukoll attivitajiet eżenti minn din it-taxxa, li tinvesti l-għotjiet u d-dotazzjonijiet li hija tirċievi f’fond, u li tuża d-dħul iġġenerat minn dan il-fond sabiex tkopri spejjeż ta’ dawn l-attivitajiet kollha, hija awtorizzata li tnaqqas, bħala spejjeż ġenerali, il-VAT tal-input imħallsa u relatata mal-ispejjeż marbuta ma’ dan il-ġbir.

20      Għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, għalkemm id-Direttiva dwar il-VAT għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna għall-VAT, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma milquta minn din it-taxxa. Fil-fatt, mill-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, li jagħti definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, jirriżulta li huma biss il-provvisti ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi mwettqa bi ħlas li huma suġġetti għall-imsemmija taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations, C-320/17, EU:C:2018:537, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-possibbiltà ta’ klassifikazzjoni ta’ provvista ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi bħala tranżazzjoni mwettqa bi ħlas tippreżupponi l-eżistenza ta’ tranżazzjoni bejn il-partijiet fejn ikun stipulat prezz jew korrispettiv, u li din il-provvista ta’ oġġetti jew din il-provvista ta’ servizzi titwettaq “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-VAT, biss meta teżisti rabta diretta bejn l-oġġett ipprovdut jew is-servizz mogħti u l-korrispettiv irċevut (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations, C-320/17, EU:C:2018:537, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Fit-tieni lok, is-sistema ta’ tnaqqis stabbilita mid-Direttiva dwar il-VAT hija intiża li teħles kompletament lill-imprenditur mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu kollha. Is-sistema komuni tal-VAT konsegwentement tiggarantixxi n-newtralità fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħhom, sakemm l-imsemmija attivitajiet ikunu, bħala prinċipju, huma stess suġġetti għall-VAT (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations, EU:C:2018:537, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Madankollu, mill-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis, huwa meħtieġ, minn naħa, li l-persuna kkonċernata tkun “persuna taxxabbli” fis-sens ta’ din id-direttiva u, min-naħa l-oħra, li l-oġġetti jew is-servizzi invokati sabiex jistabbilixxu dan id-dritt, jintużaw mill-persuna taxxabbli b’mod output għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha u li, b’mod input, dawn l-oġġetti jew dawn is-servizzi jkunu pprovduti minn persuna taxxabbli oħra (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations, C-320/17, EU:C:2018:537, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għalhekk, it-tranżazzjonijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-VAT jew dawk li huma eżenti mill-VAT lanqas ma jagħtu, bħala prinċipju, dritt għal tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input jiġi rrikonoxxut lill-persuna taxxabbli, huwa meħtieġ li jkun hemm rabta diretta u immedjata bejn it-tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-ouput li jagħtu lok għal dritt għal tnaqqis. Id-dritt għal tnaqqis tal-VAT imposta fuq l-akkwist ta’ oġġett jew ta’ servizz tal-input jippreżupponi li l-ispejjeż sostnuti fl-akkwist ta’ dan l-oġġett jew dan is-servizz ikunu parti mill-elementi kostituttivi tal-prezz tat-tranżazzjonijiet intaxxati bħala taxxa tal-output, li jagħtu lok għal tnaqqis (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, dritt ta’ tnaqqis huwa aċċettat ukoll favur il-persuna taxxabbli, anki fl-assenza ta’ rabta diretta u immedjata bejn tranżazzjoni partikolari tal-input u tranżazzjoni waħda jew iktar tal-output, meta l-ispejjeż tal-oġġetti jew tas-servizzi inkwistjoni jiffurmaw parti mill-ispejjeż ġenerali ta’ din tal-aħħar, u huma, bħala tali elementi kostituttivi tal-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti minnha, fejn tali spejjeż għandhom rabta diretta u immedjata mal-attività ekonomika kollha tal-persuna taxxabbli (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Iberdrola Inmobiliaria Real Estate Investments, C-132/16, EU:C:2017:683, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Minn dan jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ tali rabta diretta u immedjata tippreżupponi li l-ispiża tal-oġġetti jew tas-servizzi tal-input tiġi inkorporata rispettivament fil-prezz tat-tranżazzjonijiet partikolari tal-output jew fil-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, X, C-651/11, EU:C:2013:346, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      F’dan il-każ, sabiex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwiex possibbli li titnaqqas il-VAT imħallsa u relatata mal-ispejjeż marbuta mal-ġbir tal-għotjiet u tad-dotazzjonijiet f’fond, bil-għan li jiġu ġġenerati riżorsi intiżi sabiex jiġu koperti spejjeż tal-attivitajiet kollha ta’ stabbiliment edukattiv bħall-Università ta’ Cambridge, għandu jiġi stabbilit, qabelxejn, jekk il-ġbir ta’ dawn l-għotjiet u ta’ dawn id-dotazzjonijiet kif ukoll l-investiment tagħhom f’fond jikkostitwixxux attività ekonomika, fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT, u, minħabba f’hekk, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-ġbir ta’ għotjiet u ta’ dotazzjonijiet, l-Università ta’ Cambridge ma taġixxix bħala persuna taxxabbli. Fil-fatt, sabiex tiġi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli, persuna għandha twettaq attivitajiet ekonomiċi, jiġifieri attivitajiet imwettqa bi ħlas. Issa, peress li l-għotjiet u d-dotazzjonijiet, imħallsa essenzjalment għal raġunijiet soġġettivi, għal finijiet ta’ karità u b’mod mhux sistematiku, ma huma l-korrispettiv ta’ ebda attività ekonomika, il-ġbir tagħhom ma jidħolx għalhekk fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, EU:C:1994:80, punti 17 u 19). Minn dan isegwi, kif jirriżulta mill-punt 24 ta’ din is-sentenza, li l-VAT tal-input relatata mal-ispejjeż possibbilment sostnuti fil-kuntest tal-ġbir ta’ għotjiet u ta’ dotazzjonijiet, indipendentement mir-raġuni għalfejn dawn l-għotjiet u dawn id-dotazzjonijiet inġabru, ma tistax titnaqqas.

30      Attività li tikkonsisti fil-ġbir tal-għotjiet kif ukoll tad-dotazzjonijiet u l-ispejjeż relatati ma’ din l-attività ta’ investiment għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod, fir-rigward tal-VAT, bħall-attività mhux ekonomika li jikkostitwixxi l-ġbir tagħhom u l-ispejjeż possibbilment relatati ma’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, tali attività ta’ investiment finanzjarju ma tikkostitwixxix biss, għall-Università ta’ Cambridge, bħall-investitur privat, mezz li jippermetti li jiġi ġġenerat dħul mill-għotjiet u mid-dotazzjonijiet miġbura b’dan il-mod, iżda wkoll attività direttament marbuta mal-ġbir tagħhom, u, għalhekk, hija sempliċement estensjoni diretta ta’ din l-attività mhux ekonomika. Għaldaqstant, lanqas ma tista’ titnaqqas il-VAT tal-input imħallsa u relatata mal-ispejjeż ta’ dan l-investiment.

31      Ċertament, il-fatt li spejjeż ikunu ġew sostnuti għall-akkwist ta’ servizz fil-kuntest ta’ attività mhux ekonomika ma jeskludix, waħdu, li dawn jagħtu dritt għal tnaqqis fil-kuntest tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli sa fejn huma inklużi fil-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-output speċifiċi mwettqa jew fil-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli fil-kuntest ta’ din l-attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, EU:C:2005:320, punt 36).

32      Madankollu, f’dan il-każ, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minn naħa, l-ispejjeż relatati mal-ġestjoni tal-għotjiet u tad-dotazzjonijiet investiti fil-fond ikkonċernat ma humiex inklużi fil-prezz ta’ tranżazzjoni speċifika tal-output imwettqa. Min-naħa l-oħra, sa fejn jirriżulta minn dan il-proċess li l-Università ta’ Cambridge hija stabbiliment edukattiv mingħajr skop ta’ lukru u li l-ispejjeż inkwistjoni jintefqu sabiex jiġu ġġenerati riżorsi li jintużaw sabiex ikopru l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet kollha tal-output imwettqa minn din l-università, liema riżorsi jippermettu, għalhekk, it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-oġġetti u tas-servizzi pprovduti minnha, dawn l-ispejjeż ma jistgħux jitqiesu bħala elementi kostituttivi ta’ dawn il-prezzijiet u, għaldaqstant, ma jiffurmawx parti mill-ispejjeż ġenerali tal-imsemmija università. Peress li ma hemm, f’dan il-każ, l-ebda rabta diretta u immedjata bejn l-imsemmija spejjeż u tranżazzjoni partikolari tal-output imwettqa jew bejniethom u l-attivitajiet kollha tal-Università ta’ Cambridge, il-VAT relatata mal-istess spejjeż, fi kwalunkwe każ, ma tistax titnaqqas.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-mistoqsijiet magħmula għandha tkun li l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva dwar il-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet suġġetti għall-VAT kif ukoll attivitajiet eżenti minn din it-taxxa, li tinvesti l-għotjiet u d-dotazzjonijiet li hija tirċievi f’fond, u li tuża d-dħul iġġenerat minn dan il-fond sabiex tkopri spejjeż ta’ dawn l-attivitajiet kollha, ma hijiex awtorizzata li tnaqqas, bħala spejjeż ġenerali, il-VAT tal-input imħallsa u relatata mal-ispejjeż marbuta ma’ dan l-investiment.

 Fuq l-ispejjeż

34      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna taxxabbli li twettaq kemm attivitajiet suġġetti għall-VAT kif ukoll attivitajiet eżenti minn din it-taxxa, li tinvesti l-għotjiet u d-dotazzjonijiet li hija tirċievi f’fond, u li tuża d-dħul iġġenerat minn dan il-fond sabiex tkopri spejjeż ta’ dawn l-attivitajiet kollha, ma hijiex awtorizzata li tnaqqas, bħala spejjeż ġenerali, il-VAT tal-input imħallsa u relatata mal-ispejjeż marbuta ma’ dan l-investiment.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.