Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go
201808030172050452018/C 294/494012018CJC29420180820MT01MTINFO_JUDICIAL20180618353622

Kawża C-401/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze (Ir-Repubblika Ċeka) fit-18 ta’ Ġunju 2018 – Herst, s.r.o. vs Odvolací finanční ředitelství


C2942018MT3520120180618MT0049352362

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Krajský soud v Praze (Ir-Repubblika Ċeka) fit-18 ta’ Ġunju 2018 – Herst, s.r.o. vs Odvolací finanční ředitelství

(Kawża C-401/18)

2018/C 294/49Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Qorti tar-rinviju

Krajský soud v Praze

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Herst, s.r.o.

Konvenuta: Odvolací finanční ředitelství

Domandi preliminari

1)

Kull persuna taxxabbli għandha titqies bħala persuna taxxabbli fis-sens tal-Artikolu 138(2)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ( 1 ) dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT”)? Jekk dan mahuwiex il-każ, għal-liema persuni taxxabbli għandha tapplika din id-dispożizzjoni?

2)

F’każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun li l-Artikolu 138(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT japplika għal sitwazzjoni bħal dik preżenti fil-kawża prinċipali (li fiha, l-persuna akkwirenti tal-prodotti hija persuna taxxabbli rreġistrata għall-finijiet tat-taxxa), dik id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li, meta l-kunsinna jew it-trasport ta’ dawk il-prodotti jitwettaq skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE ( 2 ) dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (“id-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa”), provvista konnessa ma’ proċedura skont id-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa għandha titqies bħala provvista intitolata għal eżenzjoni skont dik id-dispożizzjoni, anki jekk ma jkunux issodisfatti fil-kumplament tagħhom, il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT, b’kont meħud tal-attribuzzjoni tat-trasport tal-oġġetti lil tranżazzjoini oħra?

3)

F’każ li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tkun li l-Artikolu 138(2)(b) tad-Direttiva tal-VAT ma japplikax għal sitwazzjoni bħal dik preżenti fil-kawża prinċipali, il-fatt li l-oġġetti jiġu ttrasportati taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa jikkostitwixxi fatt deċiżiv għad-determinazzjoni tal-kwistjoni dwar ma’ liema mill-provvisti suċċessivi għandu jitqies li huwa marbut it-trasport għall-finijiet tad-dritt għal eżenzjoni mill-VAT taħt l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-VAT?

4)

Id-“dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà” fis-sens tad-Direttiva tal-VAT jiġi akkwistat minn persuna taxxabbli fil-każ li din tixtri oġġetti minn persuna taxxabbli oħra direttament għal konsumtur speċifiku sabiex tissodisfa ordni diġà eżistenti (li tidentifika it-tip ta’ oġġetti, il-kwantità, il-post tal-oriġini u l-ħin tal-kunsinna) fejn din ma titrattax fiżikment hi stess l-oġġetti peress li, fil-kuntest tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ, il-klijent tagħha jkun ftiehem li ser jipprovdi hu għat-trasport tal-oġġetti mill-punt tal-oriġini tagħhom, b’tali mod li l-imsemmija persuna taxxabbli sempliċiment tipprovdi l-aċċess għall-oġġetti rikjesti permezz tal-fornituri tagħha u tikkomunika l-informazzjoni neċessarja għall-aċċettazzjoni tal-oġġetti (għan-nom proprju tagħha jew għan-nom tas-sub-fornitur tagħha fil-katina), u l-profitti tagħha mit-tranżazzjoni jkunu ikkostitwiti mid-differenza bejn il-prezz tal-akkwist u l-prezz tal-bejgħ ta’ tali oġġetti mingħajr l-ispejjeż għat-trasport tal-oġġetti ffatturati fil-katina?

5)

Id-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa tistabbilixxi (pereżempju, fl-Artikolu 4(1), fl-Artikolu 17 jew fl-Artikolu 19), direttament jew indirettament permezz ta’ limitu fuq it-trattazzjoni ta’ tali oġġetti, kundizzjonijiet suffiċjenti għat-trasferiment tad-“dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà (suġġetta għad-dazju tas-sisa)” fis-sens tad-Direttiva tal-VAT, b’tali mod li t-teħid ta’ kontroll fuq l-oġġetti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa minn depożitarju awtorizzat jew minn kunsinnatarju rreġistrat skont il-kundizzjonijiet naxxenti mid-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa għandu jitqies bħala provvista ta’ oġġetti għall-finijet tal-VAT?

6)

F’dan il-kuntest, għall-finijiet tal-kunsiderazzjonijiet għad-determinazzjoni ta’ provvista marbuta ma’ trasport fi ħdan katina ta’ provvista ta’ oġġetti taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa bi trasport uniku, huwa neċessarju li trasport fis-sens tad-Direttiva tal-VAT jitqies bħala li jibda u li jiġi konkluż skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa?

7)

Il-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jew xi prinċipju ieħor tad-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprevjeni l-applikazzjoni tal-priniċpju kostituzzjonali ta’ in dubio mitius fid-dritt nazzjonali, li jobbliga lill-awtoritajiet pubbliċi, f’każ li l-liġijiet ikunu ambigwi u oġġettivament joffru numru ta’ interpretazzjonijiet possibbli, li jagħżlu l-interpretazzjoni li tkun ta’ benefiċċju għall-persuna suġġetta għal-liġi (fil-każ odjern il-persuna taxxabbli għall-VAT)? L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-inqas jekk din tkun limitata għal sitwazzjonijiet li fihom il-fatti rilevanti tal-każ ikunu preċedenti għal interpretazzjoni vinkolanti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar kwistjoni legali kontroversa, li ddeterminat li hija korretta interpretazzjoni oħra li hija inqas favorevoli għall-entità taxxabbli?

Huwa possibbli li jiġi applikat il-prinċipju ta’ in dubio mitius?

8)

Fid-dawl tal-limiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea fil-mument meta ġiet eżegwita t-tranżazzjoni taxxabbli (Novembru 2010 sa Mejju 2013) kien possibbli li jitqies li oġġettivament hija legalment inċerta u li toffri żewġ interpretazzjonijiet, dik il-kwistjoni dwar jekk il-kunċett legali ta’ provvista ta’ oġġetti jew trasport ta’ oġġetti għandux (jew le) l-istess kontenut kemm għall-finijiet tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll għall-finijiet tad-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa?


( 1 ) ĠU 2006 L 347, p. 1.

( 2 ) ĠU 2009 L 9, p. 12.