Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Mejju 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa – Eċċess tal-VAT – Retenzjoni tal-eċċess wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ verifika fiskali – Talba għal rimbors tal-parti mill-eċċess marbuta ma’ tranżazzjonijiet li ma humiex koperti minn din il-proċedura – Rifjut tal-awtorità tat-taxxa”

Fil-Kawża C-446/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura

Agrobet CZ s. r. o.

vs

Finanční úřad pro Středočeský kraj,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President ta’ Awla, P. G. Xuereb u T. Von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Agrobet CZ s.r.o., minn M. Jelínek u O. Moravec, advokáti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Jiménez García, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tad-19 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 179, 183 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Agrobet CZ s. r. o. (iktar ’il quddiem “Agrobet”) u l-Finanční úřad pro Středočeský kraj (l-Uffiċċju Fiskali tar-Reġjun ta’ Středočeský, ir-Repubblika Ċeka) dwar ir-retenzjoni ta’ eċċess tal-VAT minn dan tal-aħħar wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ verifika fiskali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal-merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.”

4        L-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

5        L-Artikolu 168(a) tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tattransazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[…]”

6        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Il-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.”

7        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi kif ġej:

“Fejn, għal perijodu partikolari ta’ ntaxxa, l-ammont ta’ tnaqqis jeċċedi l-ammont tal-VAT dovuta, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw, jew jagħmlu rifużjoni jew imexxu l-eċċess ’il quddiem għall-perijodu li jmiss.”

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

 Id-dritt Ċek

9        L-Artikolu 105(1) taż-zákon č. 235/2004 Sb., o dani z přidané hodnoty (il-Liġi Nru 235/2004 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, jipprovdi:

“Jekk, wara verifika tal-eċċess tat-taxxa, jirriżulta ħlas żejjed rimborsabbli ta’ iktar minn 100 (koruna Ċeka (CZK) (madwar EUR 3.94)), dan għandu jiġi rrimborsat ex officio lill-persuna taxxabbli f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-verifika tal-eċċess. Dan ma japplikax jekk il-ħlas żejjed rimborsabbli jkun ir-riżultat ta’ modifika tat-taxxa stabbilita wara aġġustament.”

10      L-Artikolu 85(1), (3) u (4) taż-zákon č. 280/2009 Sb., daňový řád (il-Liġi Nru 280/2009 dwar il-Kodiċi Proċedurali tat-Taxxa), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”), jipprovdi:

“1.      Il-verifika fiskali għandha bħala suġġett l-obbligi fiskali, id-dikjarazzjonijiet tal-persuna taxxabbli jew ċirkustanzi determinanti oħra għall-verifika u d-determinazzjoni eżatta tat-taxxa marbuta ma’ proċedura fiskali.

[...]

3.      L-awtorità tat-taxxa għandha tivverifika s-suġġett tal-verifika fiskali sal-estent stabbilit. Il-portata tal-verifika fiskali tista’ tiġi estiża jew imnaqqsa matul il-proċedura skont il-proċedura prevista għall-ftuħ tagħha.

4.      Il-verifika fiskali tista’ titwettaq flimkien ma’ diversi proċeduri fiskali li jikkonċernaw l-istess persuna taxxabbli. L-awtorità tat-taxxa tista’ tibda verifika fiskali anki għal proċeduri fiskali oħra billi testendi l-verifika fiskali pendenti li tikkonċerna proċedura fiskali oħra.”

11      L-Artikolu 89(4) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Jekk mid-dikjarazzjoni fiskali ordinarja ppreżentata jew mid-dikjarazzjoni fiskali addizzjonali jirriżulta li l-persuna taxxabbli għandha dritt għal tnaqqis fiskali, l-awtorità tat-taxxa, fil-każ ta’ dubju, għandha tistieden lil din tal-aħħar tindirizza d-dubji f’terminu ta’ 30 jum mid-data tal-preżentazzjoni ta’ tali dikjarazzjoni, mhux iktar kmieni mill-aħħar jum tat-terminu stabbilit għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fiskali ordinarja jew tad-dikjarazzjoni fiskali addizzjonali.”

12      L-Artikolu 90(2) u (3) ta’ dan il-kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“2.      Jekk id-dubji ma jkunux ġew indirizzati u l-ammont tat-taxxa ma jkunx ġie stabbilit b’mod suffiċjentement kredibbli, l-awtorità tat-taxxa għandha tikkomunika lill-persuna taxxabbli r-riżultat tal-proċedura ta’ kjarifika u ta’ regolarizzazzjoni. Il-persuna taxxabbli tista’, fi żmien 15-il jum mid-data li fiha jkollha għarfien tar-riżultat tal-proċedura ta’ kjarifika u ta’ regolarizzazzjoni, tressaq talba għat-tkomplija tal-produzzjoni tal-prova flimkien ma’ offerta ta’ provi oħra.

3.      Jekk l-awtorità tat-taxxa ssib raġunijiet għall-persegwiment tal-produzzjoni tal-prova, hija għandha tibda verifika fiskali fir-rigward ta’ dawn ir-raġunijiet. Jekk l-awtorità tat-taxxa ma ssib ebda raġuni għall-persegwiment tal-amministrazzjoni tal-prova, hija għandha tadotta deċiżjoni li tistabbilixxi t-taxxa f’terminu ta’ 15-il jum mid-data li fiha l-persuna taxxabbli tkun ressqet talba għall-persegwiment tal-amministrazzjoni tal-prova.”

13      L-Artikolu 148 tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“1.      It-taxxa ma tistax tiġi ffissata wara l-iskadenza tat-terminu previst għall-iffissar tat-taxxa, li huwa ta’ tliet snin. It-terminu għall-iffissar tat-taxxa jibda jiddekorri mill-jum li fih ikun iddekorra t-terminu għall-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni fiskali ordinarja, jew mill-jum li fih it-taxxa ssir dovuta mingħajr ma jkun hemm fl-istess ħin obbligu li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fiskali ordinarja.

[...]

3.      Jekk, qabel l-iskadenza tat-terminu għall-iffissar tat-taxxa, tkun inbdiet verifika fiskali, tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni fiskali ordinarja jew tkun inbdiet stedina sabiex tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fiskali ordinarja, it-terminu għall-iffissar tat-taxxa jerġa’ jibda jiddekorri mill-ġdid mill-jum li fih twettaq dan l-att.

4.      It-terminu għall-iffissar tat-taxxa jieqaf jiddekorri b’effett:

[...]

f)      mill-jum tal-applikazzjoni għal kooperazzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-ġestjoni tat-taxxa sal-jum tal-kisba tar-risposta għal din it-talba, jew sal-jum li fih tintbagħat il-komunikazzjoni tat-tmiem tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-kuntest tal-ġestjoni tat-taxxa f’dan il-każ.

5.      It-terminu għall-iffissar tat-taxxa jiskadi mhux iktar tard minn 10 snin wara li jkun beda jiddekorri konformement mal-paragrafu 1.

[...]”

14      L-Artikolu 254a tal-istess kodiċi jipprovdi:

“1.      Fil-każ fejn il-proċedura ta’ kjarifika u ta’ regolarizzazzjoni li tikkonċerna dikjarazzjoni fiskali ordinarja jew dikjarazzjoni fiskali addizzjonali, li tirrileva li l-persuna taxxabbli għandha dritt għal tnaqqis fiskali, iddum iktar minn ħames xhur, il-persuna taxxabbli jkollha dritt għal interessi fuq l-eċċess tat-taxxa kif stabbilit mill-awtorità tat-taxxa.

2.      Il-persuna taxxabbli għandha dritt għal interessi fuq it-tnaqqis fiskali b’effett mill-jum wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ħames xhur li jibda jiddekorri mill-jum tal-ftuħ tal-proċedura ta’ kjarifika u ta’ regolarizzazzjoni, li jdum iktar minn ħames xhur, sal-jum tar-rimbors tat-tnaqqis fiskali jew tal-użu tiegħu għall-finijiet tal-ħlas tal-arretrati, madankollu mhux iktar tard qabel l-iskadenza tat-terminu għar-rimbors tiegħu.

3.      L-interess fuq it-tnaqqis fiskali jikkorrispondi għar-rata annwali ta’ referenza “repo” stabbilita mill-Bank Nazzjonali Ċek, miżjuda b’punt perċentwali, applikabbli għall-ewwel jum tas-semestru kalendarju kkonċernat.

[...]

6.      L-interess rrikonoxxut skont din id-dispożizzjoni għandu jiġi applikat għall-kumpens irrikonoxxut għal dannu jew għall-kumpens irrikonoxxut fir-rigward tad-dannu morali kkawżat lill-persuna taxxabbli b’deċiżjoni illegali jew bi proċedura amministrattiva irregolari tal-awtorità tat-taxxa.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15      Fix-xahar ta’ Frar 2016, Agrobet ippreżentat żewġ dikjarazzjonijiet tal-VAT għall-perijodi taxxabbli li jikkorrispondu għax-xhur ta’ Diċembru 2015 u ta’ Jannar 2016 fejn indikat eċċess ta’ VAT li jammonta għal CZK 2 958 167 (madwar EUR 116 462) u ta’ CZK 1 559 241 (madwar EUR 61 386) rispettivament. Peress li kellu dubji serji dwar ir-regolarità tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw iż-żejt tal-kolza mwettqa minn Agrobet matul dawn iż-żewġ perijodi ta’ tassazzjoni, l-Uffiċċju Fiskali tar-Reġjun ta’ Středočeský beda proċeduri ta’ verifika fiskali li kienu limitati għal dawn it-tranżazzjonijiet biss. B’mod iktar speċifiku, peress li, skont il-konstatazzjonijiet magħmula minn dan l-uffiċċju fiskali, iż-żejt tal-kolza li joriġina mill-Polonja kien ġie kkummerċjalizzat fir-Repubblika Ċeka taħt forma mhux mibdula qabel ma reġa’ ġie kkunsinnat fil-Polonja minn Agrobet, l-imsemmi uffiċċju fiskali staqsa dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet neċessarji sabiex Agrobet tkun tista’ tibbenefika mill-eżenzjoni mill-VAT fuq il-provvisti ta’ żejt tal-kolza u tkun tista’ tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa fuq ix-xiri relatat. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-Uffiċċju Fiskali tar-Reġjun ta’ Středočeský kien diġà beda tali proċeduri għall-perijodi ta’ tassazzjoni li jikkorrispondu għax-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2015.

16      Peress li ressqet ilmenti kontra l-ftuħ ta’ dawn il-proċeduri, Agrobet sostniet b’mod partikolari li, peress li d-dubji tal-awtorità tat-taxxa kienu jikkonċernaw biss parti żgħira mill-eċċess tal-VAT iddikjarat, ir-retenzjoni totali ta’ dan l-eċċess għal diversi perijodi ta’ tassazzjoni suċċessivi kienet tirrappreżenta għaliha piż sproporzjonat fid-dawl tal-għan tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Agrobet għalhekk talbet il-ħlas tal-parti inkontestata tal-imsemmi eċċess, jiġifieri l-parti tiegħu relatata ma’ tranżazzjonijiet mhux koperti mill-imsemmija proċeduri.

17      Wara ċ-ċaħda tal-ilmenti tagħha mill-Uffiċċju Fiskali tar-Reġjun ta’ Středočeský, Agrobet, fix-xahar ta’ Mejju 2016, talbet lill-Odvolací finanční ředitelství (id-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi, ir-Repubblika Ċeka) jeżamina l-mod kif kienu ġew ipproċessati dawn l-ilmenti filwaqt li tenniet b’mod partikolari li r-retenzjoni matul diversi xhur suċċessivi tal-eċċess tal-VAT li kien iddikjarat, li parti sostanzjali minnu ma kinitx koperta mid-dubji tal-awtorità tat-taxxa, kienet sproporzjonata. Id-Direttorat tal-Appelli tal-Finanzi qies li din it-talba ma kinitx fondata minħabba li l-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali ma jipprevedix il-ħruġ ta’ avviż ta’ taxxa parzjali u l-VAT hija dejjem relatata mal-perijodu kollu tat-taxxa u mhux biss ma’ parti mis-servizzi taxxabbli.

18      Għaldaqstant, Agrobet talbet lill-Krajský soud v Praze (il-Qorti Reġjonali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka) tordna lill-awtorità tat-taxxa tistabbilixxi, għall-perijodu ta’ tassazzjoni tax-xahar ta’ Ottubru 2015, l-eċċess tal-VAT sal-ammont li ma kienx kopert mill-proċeduri ta’ verifika fiskali inkwistjoni. Permezz ta’ sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2016, din il-qorti laqgħet it-talba ta’ Agrobet, billi rreferiet b’mod partikolari għall-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT u għas-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, EU:C:1997:623).

19      Peress li d-Direttorat tal-Appell tal-Finanzi rrifjuta li japplika din is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2016 għall-perijodi ta’ tassazzjoni tax-xhur ta’ Diċembru 2015 u ta’ Jannar 2016, Agrobet ressqet mill-ġdid kawża quddiem il-Krajský soud v Praze (il-Qorti Reġjonali ta’ Praga) sabiex tikseb deċiżjoni ekwivalenti għal dawn il-perijodi.

20      Is-sentenza tal-Krajský soud v Praze (il-Qorti Reġjonali ta’ Praga) tal-4 ta’ Ottubru 2016, ġiet fil-frattemp annullata b’sentenza tal-qorti tar-rinviju tal-11 ta’ Mejju 2017 minħabba li, peress li l-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali ma jipprevedix espressament il-possibbiltà li jiġi stabbilit avviż ta’ taxxa parzjali, l-awtorità tat-taxxa ma tistax tuża tali setgħa fl-assenza ta’ bażi legali. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, EU:C:1997:623), ma jirriżultax li d-dritt nazzjonali għandu jippermetti l-istabbiliment parzjali tal-eċċess tal-VAT sas-somma inkontestata.

21      B’riferiment għall-imsemmija sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, il-Krajský soud v Praze (il-Qorti Reġjonali ta’ Praga) ċaħdet, permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorsi ta’ Agrobet dwar il-perijodi ta’ tassazzjoni tax-xhur ta’ Diċembru 2015 u ta’ Jannar 2016.

22      Agrobet appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju mill-imsemmija sentenza tat-13 ta’ Ġunju 2017, fejn sostniet li, billi ma jippermettix l-adozzjoni ta’ avviż ta’ taxxa parzjali, id-dritt proċedurali nazzjonali huwa inkompatibbli mad-Direttiva tal-VAT u mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Skont Agrobet, id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jippermettix li jiġi ttrasferit ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ verifika fiskali għajr sa fejn huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex minn din il-proċedura. Peress li parti mill-eċċess tal-VAT ma hijiex ikkontestata mill-awtorità tat-taxxa u ma hijiex is-suġġett tal-imsemmija proċedura, ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li r-retenzjoni tal-parti inkontestata ta’ dan l-eċċess hija proporzjonata.

23      Quddiem il-qorti tar-rinviju, l-Uffiċċju Fiskali tar-Reġjun ta’ Středočeský isostni li, peress li l-eċċess tal-VAT kien relatat mal-perijodu kollu tat-taxxa, dan seta’ jinħoloq biss b’mod indiviżibbli. Fil-fehma tiegħu, għalhekk ma teżistix parti inkontestata tal-eċċess tal-VAT li jkun possibbli li tiġi stabbilita parzjalment u rrimborsata lill-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, dan l-uffiċċju fiskali qies li mis-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, EU:C:1997:623) ma jirriżultax li l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri huma marbuta jwettqu tali rimborsi parzjali.

24      Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi li l-miżuri nazzjonali adottati skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT għall-ġlieda kontra l-frodi fiskali jistgħu jimplikaw limitazzjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u b’hekk iwasslu lill-Istati Membri, abbażi tal-awtonomija proċedurali rrikonoxxuta lilhom fl-Artikolu 183 ta’ din id-direttiva, sabiex jirritjenu l-eċċess tal-VAT fil-kuntest ta’ verifika fiskali. Filwaqt li tfakkar, billi tirreferi b’mod partikolari għall-punti 33 u 53 tas-sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3 (C-107/10, EU:C:2011:298), li tali retenzjoni ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex issir din il-verifika u li kull żvantaġġ ekonomiku mġarrab mill-persuna taxxabbli għandu jiġi kkumpensat bil-ħlas ta’ interessi b’mod li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-punt 49 tas-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone (C-332/15, EU:C:2016:614), il-miżuri intiżi kontra l-frodi fiskali ma għandhomx jintużaw b’mod li jikkontestaw sistematikament id-dritt għal tnaqqis tal-VAT u, għalhekk, in-newtralità tal-VAT.

25      Il-qorti tar-rinviju tqis, essenzjalment, li leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħal-leġiżlazzjoni Ċeka, ma tirrikonoxxix, matul ċertu perijodu, provvista taxxabbli ddikjarata li l-fondatezza tagħha ma toħloqx dubju jew li lanqas ma tawtorizza l-prova tal-fondatezza tagħha tikkontesta sistematikament id-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Għalhekk, skont din il-qorti, meta r-regolarità ta’ ċerti provvisti ma tkun is-suġġett ta’ ebda dubju fi ħdan perijodu ta’ tassazzjoni, l-awtorità tat-taxxa ma għandhiex tkun awtorizzata tirritjeni l-eċċess tal-VAT marbut ma’ dawn il-provvisti. Fil-fatt, peress li l-kundizzjonijiet għar-rimbors tal-parti mill-eċċess tal-VAT relatat mal-imsemmija provvisti huma ssodisfatti, din il-parti tal-eċċess ma għandhiex tiġi rretenuta iktar u għandha tkun is-suġġett ta’ rimbors.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Miżura ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-istabbiliment u l-ħlas ta’ parti mit-tnaqqis tal-VAT mitlub għat-terminazzjoni tal-proċedimenti li jirrigwardaw is-servizzi taxxabbli kollha matul perijodu taxxabbli determinat hija kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT?”

 Fuq id-domanda preliminari

27      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 179, 183 u 273 tad-Direttiva tal-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-awtorità tat-taxxa li, qabel it-tmiem ta’ proċedura ta’ verifika fiskali relatata ma’ dikjarazzjoni tal-VAT li tindika eċċess għal perijodu taxxabbli partikolari, tirrimborsa parti minn dan l-eċċess relatat ma’ tranżazzjonijiet li ma jkunux inklużi f’din il-proċedura meta tinfetaħ.

28      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li din id-domanda tqum fil-kuntest fejn, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-awtorità tat-taxxa ddikjarat li ser tillimita l-proċedura ta’ verifika fiskali inkwistjoni għal ċerti tranżazzjonijiet li kkontribwixxew għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni tal-VAT u fejn għalhekk jidher, fil-ftuħ ta’ din il-proċedura, li l-parti mill-eċċess tal-VAT relatata mat-tranżazzjonijiet mhux koperti mill-imsemmija proċedura tista’ titqies bħala inkontestata u, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ rimbors qabel it-tmiem tagħha. Madankollu, tali possibbiltà ma hijiex prevista fid-dritt Ċek.

29      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-perspettiva li l-eċċess tal-VAT li jirriżulta matul perijodu taxxabbli partikolari jinftiehem b’mod li tista’ tiġi identifikata, jekk ikun il-każ, parti inkontestata minn dan l-eċċess, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 179(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-persuna taxxabbli twettaq l-imputazzjoni globalment billi tnaqqas, mill-ammont tat-taxxa dovuta għal perijodu taxxabbli, l-ammont tal-VAT li fir-rigward tiegħu tnissel id-dritt għal tnaqqis u jkun eżerċitat matul l-istess perijodu. L-Artikolu 183(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża li, meta l-ammont tat-tnaqqis jeċċedi dak tal-VAT dovuta għal perijodu taxxabbli, ikun hemm eċċess li jista’ jiġi ttrasferit għall-perijodu segwenti jew jiġi rrimborsat, peress li d-dritt Ċek ikun għażel li jipprevedi rimbors.

30      Mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 179(1) u tal-Artikolu 183(1) tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li eċċess tal-VAT joriġina minn tranżazzjoni aritmetika mwettqa globalment mill-persuna taxxabbli għall-perijodu taxxabbli kollu, b’mod li tali eċċess tal-VAT jista’ jidher biss, fid-dikjarazzjoni tal-VAT, fil-forma ta’ riżultat uniku.

31      Din in-natura globali tal-kalkolu tal-eċċess tal-VAT madankollu ma timplikax li dan għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi, kif sostnew essenzjalment il-Gvern Ċek u dak Spanjol kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub u orali tagħhom, intier indissoċjabbli li jkun impossibbli li jiġi diviż f’parti kkontestata u parti inkontestata relatati rispettivament ma’ tranżazzjonijiet preċiżi koperti jew le minn proċedura ta’ verifika fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      Fil-fatt, minn naħa, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 179 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 34 tal-konklużjonijiet tagħha, li dan l-artikolu jimponi biss, fil-paragrafu 1 tiegħu, l-obbligu fuq il-persuna taxxabbli li tipproċedi globalment għat-tnaqqis tal-VAT. Bl-istess mod, il-kliem tal-Artikolu 183(1) tal-imsemmija direttiva ma jipprekludix, fih innifsu, trasferiment jew rimbors parzjali jew frazzjonat tal-eċċess tal-VAT.

33      Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mill-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 179 u 183 tad-Direttiva tal-VAT. Kif fil-fatt diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Artikoli 178 sa 183 ta’ din id-direttiva huma relatati biss mal-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, l-eżistenza stess ta’ dan id-dritt, li jitnissel fil-mument meta ssir dovuta t-taxxa li tista’ titnaqqas, taqa’ taħt l-Artikoli 167 sa 172 tal-imsemmija direttiva li jinsabu fil-Kapitolu 1 tat-Titolu X ta’ din tal-aħħar, intitolat “Oriġini u skop tad-dritt għal tnaqqis” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-274/10, EU:C:2011:530, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Minn dan isegwi li d-Direttiva tal-VAT tagħmel distinzjoni netta bejn ir-rekwiżiti sostantivi tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT u r-rekwiżiti formali ta’ dan id-dritt (sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone, C-332/15, EU:C:2016:614, punt 47). Għalhekk, għalkemm il-persuna taxxabbli hija marbuta tikkonforma ruħha mal-modalitajiet tal-eżerċizzju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u, b’mod partikolari, tissottometti dikjarazzjoni tal-VAT waħda għall-perijodu taxxabbli kollu, hija ma tistax sussegwentement tiġi prekluża, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet kuntrarji f’din id-direttiva, milli tinvoka b’mod parzjali d-drittijiet u l-pretensjonijiet materjali li hija tislet mill-imsemmi Kapitolu 1 fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni.

34      Min-naħa l-oħra, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) u mill-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-persuna taxxabbli hija responsabbli għall-ħlas tal-VAT jew tista’ titlob it-tnaqqis tagħha fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni li hija twettaq. Hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 36 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jinftiehem b’hekk fir-rigward ta’ tranżazzjoni preċiża.

35      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, għalkemm l-Istati Membri għandhom libertà ggarantita fl-istabbiliment tal-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT, dawn il-modalitajiet ma jistgħux jippreġudikaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali billi jġiegħlu lill-persuna taxxabbli ssostni, kompletament jew parzjalment, il-piż ta’ din it-taxxa. B’mod partikolari, kundizzjonijiet bħal dawn għandhom jagħtu l-possibbiltà lill-persuna taxxabbli tirkupra, skont kundizzjonijiet xierqa, il-kreditu kollu li nħoloq minn dan l-eċċess tal-VAT, li jimplika li r-rimbors isir f’perijodu raġonevoli permezz ta’ ħlasijiet likwidi jew b’mod ekwivalenti u li, fi kwalunkwe każ, il-mod ta’ rimbors adottat ma għandu jimplika ebda riskju finanzjarju għall-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska, C-25/07, EU:C:2008:395, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, modalitajiet li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jippermettux lil persuna taxxabbli tkun tista’ tidentifika ċerta parti mill-eċċess tal-VAT, li hija tqis bħala inkontestata, iwasslu sabiex jipprekludu lil din il-persuna taxxabbli milli tinvoka l-eżistenza ta’ tali parti inkontestata u milli tkun tista’ titlob ir-rimbors ta’ din il-parti billi tkun marbuta ssostni, parzjalment, il-piż tat-taxxa bi ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

36      Minn dan isegwi li l-Artikoli 179 u 183 tad-Direttiva tal-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jeskludu, bħala prinċipju, il-possibbiltà li tiġi identifikata, għal perijodu taxxabbli, parti inkontestata tal-eċċess tal-VAT indikat fuq dikjarazzjoni tal-VAT li tista’ tagħti lok għal trasferiment jew għal rimbors parzjali ta’ dan l-eċċess.

37      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kwistjoni dwar f’liema kundizzjonijiet jista’ jitqies li l-parti ta’ eċċess tal-VAT ma tkunx effettivament inkontestata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika fiskali limitata mill-awtorità tat-taxxa, skont id-dritt nazzjonali tagħha, għal ċerti tranżazzjonijiet ta’ perijodu taxxabbli, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-eċċess tal-VAT jirriżulta mit-tranżazzjoni aritmetika mfakkra fil-punti 30 u 31 ta’ din is-sentenza, ikun hemm biss parti inkontestata ta’ dan l-eċċess jekk l-ammont tat-taxxa dovuta u l-ammont tat-taxxa mnaqqsa marbuta ma’ dawn it-tranżazzjonijiet ikunu huma stess inkontestati.

38      Madankollu, jekk, waqt il-ftuħ ta’ proċedura ta’ verifika fiskali jew matulha, l-awtorità tat-taxxa ma tkunx f’pożizzjoni li teskludi li, fi tmiem din il-proċedura, l-ammonti tat-taxxa dovuta u tat-taxxa deduċibbli li jikkorrispondu mat-tranżazzjonijiet mhux koperti mill-imsemmija proċedura jistgħu jvarjaw meta mqabbla mal-ammonti ddikjarati mill-persuna taxxabbli, ma jistax jitqies li l-parti korrispondenti tal-eċċess tal-VAT inkwistjoni hija inkontestata. Huwa wkoll neċessarju li l-awtorità tat-taxxa tkun żgurat ruħha, waqt il-ftuħ tal-proċedura ta’ verifika fiskali inkwistjoni jew matulha, li l-elementi li jkunu ntużaw għall-kalkolu tal-imsemmija parti ma jkunux iktar jistgħu jiġu kkontestati qabel it-tmiem ta’ din il-proċedura.

39      Minn dan isegwi li, sabiex parti mill-eċċess tal-VAT tkun tista’ titqies bħala inkontestata, ma huwiex biżżejjed li l-persuna taxxabbli tiddikjara unilateralment li teżisti parti inkontestata ta’ dan l-eċċess u lanqas li jidher li teżisti tali parti minħabba s-sempliċi fatt li, fil-ftuħ tal-proċedura ta’ verifika inkwistjoni, l-awtorità tat-taxxa tkun illimitat din il-proċedura għal ċerti tranżazzjonijiet tal-persuna taxxabbli. Għall-kuntrarju, huwa neċessarju li l-awtorità tat-taxxa tiżgura, minn naħa, li l-irregolaritajiet possibbli li hija tissuspetta ma jistgħux, jekk jiġu pprovati, ikollhom riperkussjonijiet fuq l-ammonti tal-VAT dovuta u tal-VAT deduċibbli li jikkorrispondu għat-tranżazzjonijiet mhux koperti mill-imsemmija proċedura u, għaldaqstant, fuq l-ammont tal-eċċess tal-VAT li jidher inkontestat u, min-naħa l-oħra, li hija ma hijiex ser tkun meħtieġa testendi l-portata ta’ din l-istess proċedura sabiex tinkludi t-tranżazzjonijiet kollha jew parti minnhom li ma kinux ġew oriġinarjament ivverifikati. Tali elementi għandhom jirriżultaw b’mod ċar, preċiż u inekwivoku mid-dokumenti kollha tal-proċedura ta’ verifika fiskali u miċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ.

40      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, minn naħa, li t-terminu sabiex jitwettaq ir-rimbors tal-eċċess ta’ VAT jista’, bħala prinċipju, jiġi estiż sabiex issir verifika fiskali mingħajr ma tali terminu estiż ikollu jitqies irraġonevoli sa fejn l-estensjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex titwettaq din il-proċedura ta’ verifika (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2011, Enel Maritsa Iztok 3, C-107/10, EU:C:2011:298, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra li, meta r-rimbors lill-persuna taxxabbli ta’ tali eċċess ma jsirx f’terminu raġonevoli, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali tal-VAT jeżiġi li t-telf finanzjarju iġġenerat b’dan il-mod minħabba l-indisponibbiltà tas-somom ta’ flus inkwistjoni, għad-detriment tal-persuna taxxabbli, jiġi kkumpensat bil-ħlas ta’ interessi moratorji (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Nidera, C-387/16, EU:C:2018:121, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Barra minn hekk, fid-dawl tal-fatt li l-għan tal-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbuż eventwali huwa rrikonoxxut u inkoraġġit mid-Direttiva tal-VAT, u b’mod partikolari, mill-Artikolu 273 tagħha, u li l-individwi ma jistgħux jinvokaw regoli tad-dritt tal-Unjoni frawdolożament jew abbużivament, huma l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali li għandhom jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl tal-elementi oġġettivi, li dan id-dritt huwa invokat frawdolożament jew abbużivament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Lulju 2016, Astone, C-332/15, EU:C:2016:614, punt 50 kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 34). Għalhekk, fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ verifika fiskali, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom, bil-għan aħħari li jistabbilixxu b’mod korrett l-ammont tat-taxxa, mhux biss jeliminaw id-dubji li huma jista’ jkollhom fir-rigward tar-regolarità ta’ ċerti tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuna taxxabbli, iżda wkoll jiżguraw li l-irregolaritajiet eventwali li jistgħu jidentifikaw ’il quddiem ma jkunux ta’ portata ikbar minn dik issuspettata minnhom.

42      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif tindika l-qorti tar-rinviju fil-kuntest tal-argument tagħha espost fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-leġiżlazzjoni Ċeka inkwistjoni fil-kawża prinċipali lanqas ma tawtorizza l-possibbiltà għal persuna taxxabbli li tipproduċi l-prova tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ parti inkontestata tal-eċċess tal-VAT, bi ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba.

43      F’dan ir-rigward, hemm lok, minn naħa, li jitfakkar li, meta Stat Membru jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt għal amministrazzjoni tajba, li jirrifletti prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u f’terminu raġonevoli, huma applikabbli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika fiskali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2014, N., C-604/12, EU:C:2014:302, punti 49 u 50).

44      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li dan il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jeżiġi li awtorità amministrattiva bħall-awtorità tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq, fil-kuntest tal-obbligi ta’ verifika li hija għandha, eżami diliġenti u imparzjali tal-aspetti rilevanti kollha b’mod li tiżgura ruħha li hija jkollha, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, l-iktar elementi kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott, C-290/07 P, EU:C:C:2010:480, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, dan l-obbligu ta’ diliġenza, li għandu bħala korollarju d-dritt mogħti lil kull persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u f’terminu raġonevoli mill-awtoritajiet amministrattivi jirrikjedi, essenzjalment, li dawn jeżaminaw, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, inkluż u fuq kollox dawk relatati mal-allegazzjonijiet espressi minn persuna taxxabbli bħal Agrobet (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C-16/90, EU:C:1991:402, punti 30 sa 35).

45      Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll fil-każ fejn il-persuna taxxabbli ssostni li s-suspetti li jkollha l-awtorità fiskali fir-rigward tar-regolarità ta’ parti mit-tranżazzjonijiet li jkunu kkontribwixxew għall-istabbiliment tad-dikjarazzjoni tal-VAT inkwistjoni ma jistax ikollhom riperkussjonijiet fuq it-tranżazzjonijiet li ma humiex koperti mill-proċedura ta’ verifika fiskali inkwistjoni u lanqas fuq parti mill-eċċess tal-VAT indikat f’din id-dikjarazzjoni u li b’hekk teżisti parti inkontestata ta’ dan l-eċċess. Fil-fatt, jista’ jkun fl-interess leġittimu tal-persuna taxxabbli li tfittex li tikseb deċiżjoni tal-awtorità tat-taxxa li tikkonferma li l-imsemmija proċedura tibqa’ limitata għal ċerti tranżazzjonijiet biss, iktar u iktar fil-każ fejn dawn it-tranżazzjonijiet jikkonċernaw biss parti żgħira mill-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli.

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi enfasizzat li leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-kuntest tal-miżuri adottati minn Stat Membru skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva tal-VAT, ma tawtorizzax lil persuna taxxabbli tipproduċi tali provi u lanqas l-awtorità tat-taxxa li tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward tmur kontra l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u konsegwentement ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva tal-VAT.

47      Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-possibbiltà għall-persuna taxxabbli li tinvoka l-eżistenza ta’ parti inkontestata tal-eċċess tal-VAT għal perijodu taxxabbli b’mod li tikseb ir-rimbors tagħha qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ verifika fiskali ma timplikax awtomatikament l-obbligu għall-awtorità tat-taxxa li tirrimborsa din il-parti b’mod antiċipat, inkluż meta hija tirrikonoxxi n-natura inkontestata tal-imsemmija parti. Fil-fatt, mill-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li, indipendentement mill-modalitajiet li huma jistabbilixxu, l-Istati Membri huma obbligati jirrimborsaw jew jittrasferixxu l-eċċess tal-VAT biss meta l-ammont tat-tnaqqis jeċċedi dak tal-VAT dovuta għall-perijodu taxxabbli kkonċernat. Għalhekk, l-obbligu ta’ rimbors jew ta’ differiment impost fuq l-Istati Membri skont din id-dispożizzjoni huwa kkundizzjonat mill-eżistenza ta’ eċċess tal-VAT relatat mal-perijodu taxxabbli kollu inkwistjoni.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li, fil-każ fejn persuna taxxabbli tinvoka l-eżistenza ta’ parti inkontestata tal-eċċess tal-VAT fil-kuntest ta’ proċedura ta’ verifika fiskali, l-awtorità tat-taxxa hija obbligata tirrimborsa jew tittrasferixxi biss il-parti mill-eċċess tal-VAT li, fid-dawl tad-dubji mqajma minnha matul din il-proċedura u fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ, hija tinsab f’pożizzjoni li tidentifika b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, indipendentement mill-eżitu tal-imsemmija proċedura, fir-rigward tal-perijodu taxxabbli kollu li huwa s-suġġett tad-dikjarazzjoni tal-VAT inizjali. Tali obbligu ta’ rimbors jew ta’ differiment, minħabba l-fatt li dan jirrigwarda perijodu taxxabbli partikolari, għandu għalhekk jeżisti mhux biss fir-rigward tal-ammonti tat-taxxa dovuta u tat-taxxa deduċibbli li jikkorrispondu għat-tranżazzjonijiet mhux koperti mill-proċedura ta’ verifika fiskali inkwistjoni, identifikati bħala inkontestati mill-awtorità tat-taxxa, iżda fir-rigward tal-parti mill-eċċess tal-VAT li ser tissussisti indipendentement mill-eżitu ta’ din il-proċedura u li, waħedha, tista’ titqies, fl-aħħar mill-aħħar, bħala inkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din il-parti inkontestata tal-eċċess tal-VAT tista’, jekk ikun il-każ, tkun inqas mill-parti tal-eċċess mitluba mill-persuna taxxabbli u relatata mal-imsemmija ammonti, irrikonoxxuti bħala inkontestati mill-awtorità tat-taxxa.

49      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, fid-dawl tal-provi eventwalment ipprovduti minn Agrobet, l-awtorità tat-taxxa identifikatx jew kellhiex tidentifika b’mod ċar, preċiż u inekwivoku, fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ verifika fiskali, l-eżistenza ta’ parti inkontestata tal-eċċess tal-VAT u jekk, b’mod partikolari, hija ddeterminatx jew kellhiex tiddetermina li l-ammonti tat-taxxa dovuta u tat-taxxa deduċibbli li jikkorrispondu għat-tranżazzjonijiet mhux koperti mill-imsemmija proċedura ma setgħux ivarjaw iktar, qabel it-tmiem tagħha, fir-rigward tal-ammonti ddikjarati mill-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, hija għandha tivverifika jekk l-awtorità tat-taxxa kinitx jew kellhiex tkun f’pożizzjoni, fid-dawl tad-dubji mqajma minnha matul il-proċedura ta’ verifika fiskali u fid-dawl tal-atti kollha tal-proċedura kif ukoll taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ, li tiddetermina bl-istess mod li eċċess tal-VAT, li l-ammont tiegħu jista’ jkun inqas minn dak relatat mat-tranżazzjonijiet mhux koperti mill-verifika, jibqa’ jissussisti irrispettivament mill-eżitu ta’ din l-istess proċedura. Tali verifika għandha, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni s-sanzjonijiet eventwali li l-persuna taxxabbli jista’ jkollha tħallas fil-każ ta’ rimbors parzjali jew provviżorju tal-parti mill-eċċess tal-VAT mitluba fil-każ ta’ suċċess tal-verifika fiskali.

50      Jekk l-awtorità tat-taxxa ma kinitx f’pożizzjoni li tagħmel dawn il-konstatazzjonijiet, ma jistax jiġi allegat fil-konfront tagħha li hija rrifjutat l-istabbiliment ta’ avviż ta’ taxxa parzjali qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ verifika fiskali inkwistjoni.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 179, 183 u 273 tad-Direttiva tal-VAT, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-awtorità tat-taxxa li, qabel it-tmiem ta’ proċedura ta’ verifika fiskali dwar dikjarazzjoni tal-VAT li tindika eċċess għal perijodu taxxabbli partikolari, tirrimborsa l-parti minn dan l-eċċess li tirrigwarda tranżazzjonijiet li ma jkunux koperti minn din il-proċedura meta tkun infetħet, sa fejn ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat b’mod ċar, preċiż u inekwivoku li eċċess tal-VAT, li l-ammont tiegħu jista’ jkun inqas minn dak relatat ma’ tranżazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-imsemmija proċedura, jissussisti indipendentement mill-eżitu tagħha, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikoli 179, 183 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix il-possibbiltà għall-awtorità tat-taxxa li, qabel it-tmiem ta’ proċedura ta’ verifika fiskali dwar dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li tindika eċċess għal perijodu taxxabbli partikolari, tirrimborsa l-parti minn dan l-eċċess li tirrigwarda tranżazzjonijiet li ma jkunux koperti minn din il-proċedura meta tkun infetħet, sa fejn ma jkunx possibbli li jiġi ddeterminat b’mod ċar, preċiż u inekwivoku li eċċess tal-VAT, li l-ammont tiegħu jista’ jkun inqas minn dak relatat ma’ tranżazzjonijiet li ma jkunux koperti mill-imsemmija proċedura, jissussisti indipendentement mill-eżitu tagħha, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.