Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

28 ta’ Mejju 2020 (*)

“ Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90 – Artikoli 184 sa 186 – Prinċipju ta’ Newtralità tal-VAT – Aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa li twettqet inizjalment – Roħs fil-prezzijiet mogħti għall-kunsinni ġewwa l-Komunità u domestiċi tal-oġġetti”

Fil-Kawża C-684/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Settembru 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Novembru 2018, fil-proċedura

World Comm Trading Gfz SRL

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (ANAF),

Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Rodin, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u N. Piçarra, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal World Comm Trading Gfz SRL, minn L. Ionescu-Donoiu, avocată,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u R. I. Haţieganu kif ukoll minn C.-R. Canţăr, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u J. Jokubauskaitė, bħala aġenti,

Wara li rat id-deċiżjoni meħuda li tagħti deċiżjoni mingħajr il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), kif ukoll tal-prinċipji ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn World Comm Trading Gfz SRL (iktar ’il quddiem “World Comm Trading”), kumpannija li għandha s-sede tagħha fir-Rumanija, u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală (ANAF) (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali, ir-Rumanija) u d-Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Ploieşti (id-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Ploieşti, ir-Rumanija), dwar aġġustament tal-VAT imposta fuq World Comm Trading wara r-roħs fil-prezzijiet li għalih ngħata l-kunsens għall-kunsinni ġewwa l-komunità u domestiċi tal-oġġetti suġġetti għal din it-taxxa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva dwar il-VAT

3        L-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi:

“1.      Fil-każ ta’ kanċellazzjoni, ċaħda jew nuqqas ta’ pagament totali jew parzjali, jew fejn il-prezz hu mnaqqas wara li l-provvista tkun saret, l-ammont taxxabbli għandu jiġi ridott għaldaqstant skond kondizzjonijet li jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.      Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-paragrafu 1.”

4        L-Artikolu 184 ta’ din id-direttiva jinqara kif ġej:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

5        L-Artikolu 185 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal–proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

6        Skont l-Artikolu 186 tal-istess direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185.”

 Id-dritt Rumen

7        L-Artikolu 138(c) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi tat-22 ta’ Diċembru 2003), Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat-23 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxi”), kien jipprovdi:

“Il-bażi tat-taxxa hija mnaqqsa [...] meta r-roħs fil-prezzijiet, tnaqqis, skontijiet u tnaqqis ieħor tal-prezz previsti fl-Artikolu 137(3)(a), huma miftehma wara l-kunsinna tal-oġġetti jew il-provvista tas-servizzi.”

8        Skont l-Artikolu 138a(1) tal-Kodiċi tat-Taxxi:

“Rigward l-akkwisti intra-Komunitarji ta’ oġġetti, il-bażi taxxabbli għandu jkun stabbilit abbażi tal-istess fatturi bħal dawk użati skont l-Artikolu 137 biex jiġi stabbilit il-bażi taxxabbli għall-kunsinna ta’ dawn l-istess oġġetti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-każ ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti, skont l-Artikolu 130a(2)(a), il-bażi taxxabbli hija stabbilita skont l-Artikolu 137(1)(c) u l-Artikolu 137(2).”

9        Il-punt 19(1) tal-Hotărârea Guvernului nr. 44/2004 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a Legii 571/2003 privind Codul fiscal (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 44/2004 li tapprova r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-Liġi Nru 571/2003 li tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa, Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 112, tas-6 ta’ Frar 2004) fil-verżjoni tagħha fis-seħħ f’Diċembru 2008, kien jipprevedi:

“Fis-sens tal-Artikolu 137(3)(a) tal-Kodiċi tat-Taxxi, ir-roħs fil-prezzijiet, it-tnaqqis, l-iskontijiet u tnaqqis ieħor tal-prezz ma humiex inklużi fil-bażi tat-taxxa jekk jingħataw mill-fornitur direttament għall-benefiċċju ta’ min jakkwista fil-mument tal-kunsinna/provvista u jekk ma jikkostitwixxux, fir-realtà, ir-remunerazzjoni ta’ servizz jew ta’ kunsinna. Għal dan il-għan, l-ekwivalenti tal-oġġetti kkunsinjati jew is-servizzi pprovduti huwa rreġistrat fuq il-fattura, eskluża t-taxxa, u l-ammont imnaqqas mill-bażi tat-taxxa jiddaħħal fuq linja separata bis-sinjal tat-tnaqqis (“-”). Il-[VAT] hija applikata fuq id-differenza miksuba.”

10      Skont il-punt 20 ta’ din id-deċiżjoni tal-Gvern:

“(1)      Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 138 tal-Kodiċi tat-Taxxi, il-fornituri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jirranġaw il-bażi ta’ impożizzjoni tat-taxxa wara li twettqet il-kunsinna jew il-provvista, jew wara l-kontijiet tagħha, anke jekk il-kunsinna jew il-provvista ma twettqitx, iżda li s-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 138 tal-Kodiċi tat-Taxxi sseħħ wara l-kontijiet u li titniżżel it-taxxa fil-kontabilità tal-persuna taxxabbli. Għal dan il-għan, il-fornituri għandhom jistabbilixxu l-kontijiet billi jiġu jidhru l-valuri bis-sinjal tat-tnaqqis (“-”) meta l-bażi ta’ impożizzjoni titnaqqas jew, skont il-każ, mingħajr is-sinjal tat-tnaqqis (“-”) jekk il-bażi ta’ impożizzjoni tiżdied, kontijiet li ser jiġu trażmessi wkoll lill-benefiċjarju. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu japplikaw ukoll għall-kunsinni intra-komunitarji.

(2)      Il-benefiċjarji huma obbligati jaġġustaw id-dritt għal tnaqqis eżerċitat inizjalment, skont l-Artikolu 148(b) u l-Artikolu 149(4)(e) tal-Kodiċi tat-Taxxi, għat-tranżazzjonijiet biss previsti fl-Artikolu 138(a) sa (c) u (e) tal-Kodiċi tat-Taxxi. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu japplikaw ukoll għall-kunsinni intra-komunitarji.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      World Comm Trading, kumpannija stabbilita fir-Rumanija, ikkonkludiet, fl-1 ta’ April 2004, kuntratt ta’ distribuzzjoni ta’ prodotti tat-telefonija mobbli ma’ Nokia Corporation (iktar ’il quddiem “Nokia”).

12      Bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt, World Comm Trading xtrat mingħand Nokia diversi prodotti tal-telefonija mobbli. Dawn il-prodotti kienu s-suġġett ta’ kunsinni lil World Comm Trading minn Nokia mill-Finlandja, il-Ġermanja, l-Ungerija u r-Rumanija.

13      Għall-kunsinni intra-komunitarji ta’ dawn il-prodotti mill-Finlandja, il-Ġermanja u l-Ungerija, Nokia kienet tuża, rispettivament, in-numri tagħha tal-VAT Finlandiżi, Ġermaniżi u Ungeriżi. Għal dawn il-kunsinni, Nokia ħarġet kontijiet eżenti mill-VAT u World Comm Trading irreġistrat il-VAT fir-Rumanija, billi applikat il-mekkaniżmu tar-reverse charge.

14      Għall-kunsinni interni tal-imsemmija prodotti mir-Rumanija, Nokia ħarġet kontijiet li jinkludu n-numru tagħha tal-VAT Rumena u World Comm Trading irreġistrat il-VAT bħala VAT li titnaqqas.

15      Nokia kienet tagħti kull tliet xhur lil World Comm Trading roħs fil-prezzijiet kwantitattiv għall-bejgħ tal-prodotti ta’ telefonija mobbli, jiġifieri tnaqqis fil-prezz mogħti meta jkun intlaħaq ċertu limitu kwantitattiv. Dan il-limitu kwantitattiv ġie kkalkolat irrispettivament mill-post tal-kunsinna tal-prodotti.

16      Għal dan ir-roħs fil-prezzijiet, Nokia kienet tistabbilixxi kull tliet xhur kont wieħed fejn kien jidher bilanċ negattiv, flimkien mas-sinjal “-” (tnaqqis). Dan il-kont kien jinkludi n-numru tagħha tal-VAT Finlandiż, anke jekk parti mill-prodotti kkonċernati mill-istess roħs fil-prezzijiet kienu ġew ikkunsinnati mir-Rumanija. Wara, World Comm Trading irreġistrat il-VAT korrispondenti billi applikat il-mekkaniżmu ta’ reverse charges. Fil-fatt, World Comm Trading irreġistrat is-somma kollha li tikkorrispondi għar-roħs fil-prezzijiet miksub bħala relatat ma’ tranżizzjonijiet intra-komunitarji.

17      Wara stħarriġ, l-awtoritajiet tat-taxxa Rumeni kkonstataw li World Comm Trading irreġistrat b’mod żbaljat il-VAT, billi ma għamlitx distinzjoni bejn kunsinni interni u l-kunsinni intra-komunitarji. Skont dawn l-awtoritajiet, World Comm Trading kien imissha rreġistrat il-VAT li jikkorrispondi mar-roħs fil-prezzijiet relatat mal-kunsinni interni b’mod separat minn dak li jikkorrispondi mar-roħs fil-prezzijiet relatat mal-kunsinni intra-komunitarji tal-prodotti inkwistjoni. L-awtoritajiet tat-taxxa, konsegwentement, ħarġu opinjoni ta’ impożizzjoni ta’ ammont totali ta’ RON 821 377 leu Rumeni (madwar EUR 173 855.84), li jinkludi wkoll l-interessi u l-penali tardivi.

18      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju, il-Curtea de Apel Bucureşti (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija), tippreċiża, fir-risposta tagħha għal talba ta’ kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja, li dan l-ammont kien jikkorrispondi għad-differenza bejn l-ammont tat-tnaqqis li twettaq inizjalment u ammont evalwat mill-ġdid tal-VAT li jitnaqqas, fid-dawl tal-bażi ta’ impożizzjoni mibdula wara roħs fil-prezzijiet miksub għall-kunsinni interni tal-prodotti ta’ telefonija mobbli fir-Rumanija.

19      Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2014, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali ċaħdet l-ilment imressaq minn World Comm Trading kontra opinjoni ta’ impożizzjoni msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza.

20      Wara ċ-ċaħda tar-rikors tagħha kontra din id-deċiżjoni mit-Tribunalul București (il-Qorti tal-Muniċipalità ta’ Bukarest, ir-Rumanija), World Comm Trading ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

21      Quddiemha, World Comm Trading issostni li r-rekwiżit tal-amministrazzjoni fiskali li tirreġistra separament il-VAT li tikkorrispondi mar-roħs fil-prezzijiet relatat mal-kunsinni interni u dik li tikkorrispondi mar-roħs fil-prezzijiet relatat mal-kunsinni intra-komunitarji jaqgħu taħt formaliżmu eċċessiv. Il-baġit tal-Istat ma huwiex affettwat mill-mod li bih hija rreġistrat dan ir-roħs fil-prezzijiet li Nokia tat il-kunsens għalih. Barra minn hekk dan ir-rekwiżit imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, peress li fil-mument tal-istħarriġ fiskali, Nokia kienet waqqfet l-attività tagħha fir-Rumanija u ma setgħetx iktar toħroġ kont li jinkludi numru tal-VAT Rumen fir-rigward tar-roħs fil-prezzijiet kwantitattiv relatat mal-kunsinni interni tal-prodotti tat-telefonija mobbli fir-Rumanija.

22      Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk kumpannija li ġiet ikkunsidrata bħala li ssodisfat il-kundizzjonijiet bażi biex taġġusta d-dritt tagħha ta’ tnaqqis tal-VAT tista’ tiċċaħħad dan l-aġġustament, minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali jew il-prassi amministrattiva nazzjonali jipprojbixxu t-tnaqqis tal-VAT fil-każ fejn fornitur stabbilixxa kont wieħed biss, kemm għall-prodotti li kienu s-suġġett ta’ kunsinni interni kif ukoll għall-prodotti li kienu s-suġġett ta’ kunsinni intra-komunitarji.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, partikolarment, dwar il-kwistjoni jekk il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi l-awtoritajiet tat-taxxa li jimponu fuq World Comm Trading li tħallas lura d-differenza bejn l-ammont ta’ tnaqqis li twettaq inizjalment u ammont evalwat mill-ġdid tal-VAT imnaqqsa. Hija titlob, b’mod partikolari, jekk dawn l-awtoritajiet jistgħu jimponu tali ħlas lura, f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-bażi taxxabbli, ġiet rettifikata wara roħs fil-prezz miksub għall-kunsinni tal-prodotti ta’ telefonija mobbli li twettqu fir-Rumanija, anke jekk Nokia kienet waqqfet l-attività tagħha fi dan l-Istat Membru, u ma kinitx iktar f’pożizzjoni li toħroġ kont għar-roħs fil-prezzijiet relatat mal-kunsinni interni li jinkludu n-numru tal-VAT Rumen tagħha.

24      Barra minn hekk, billi tagħmel riferiment għall-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT, li tħalli lill-Istati Membri l-ħsieb li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet konkreti li fihom bażi taxxabbli titnaqqas, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tobbliga lil dawn li jadottaw leġiżlazzjoni ċara u prevedibbli fid-dawl tal-kundizzjonijiet formali u sostantivi meħtieġa biex wieħed jeżerċita d-dritt għal tnaqqis. Fl-assenza ta’ tali leġiżlazzjoni nazzjonali, din il-qorti tixtieq tkun taf jekk ikunx possibbli li wieħed jirrifjuta dritt għal tnaqqis tal-VAT.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 90 tad-[Direttiva tal-VAT] u l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali (jew prassi amministrattiva bbażata fuq leġiżlazzjoni li ma tantx hija ċara) li tirrifjuta lil kumpannija d-dritt li tnaqqas il-VAT b’mod proporzjonali mal-valur tal-iskont applikat għal kunsinni nazzjonali ta’ oġġetti, għar-raġuni li l-fattura maħruġa mill-fornitur intra Komunitarju (bħala r-rappreżentant ta’ grupp ekonomiku) tindika l-iskont globali, mogħti kemm għall-prodotti intra [li kienu s-suġġett ta’ kunsinni Komunitarji] kif ukoll għall-prodotti [li kienu s-suġġett ta’ kunsinni domestiċi] pprovduti taħt l-istess kuntratt qafas iżda rreġistrati bħala xiri li joriġina mill-Istat Membru inkwistjoni (mixtrija mingħand kumpannija li tappartjeni għal dan il-grupp, li għandha numru tal-VAT differenti minn dak indikat fuq il-fattura li tindika l-iskont)?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi li l-benefiċjarju jiġi rrifjutat id-dritt li jnaqqas il-VAT b’mod proporzjonali mal-valur tal-iskont mogħti globalment mill-fornitur intra Komunitraju, meta l-fornitur lokali (li jifforma parti mill-istess grupp) ikun temm l-attività ekonomiku tiegħu u ma jistax iktar inaqqas l-ammont taxxabbli tal-kunsinna billi joħroġ fattura bin-numru tal-VAT tiegħu stess, bil-għan tar-rimbors tad-differenza tal-VAT miġbura?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

26      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-kompetenza ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Rensen Shipbuilding, C-192/19, EU:C:2020:194, punt 25).

27      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-ewwel domanda tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 90 tad-Direttiva tal-VAT, li tikkonċerna, fil-paragrafu 1 tagħha, il-każ ta’ annullament, ta’ terminazzjoni, ta’ riżoluzzjoni, ta’ nuqqas ta’ ħlas totali jew parzjali jew ta’ tnaqqis tal-prezz wara l-mument meta titwettaq it-tranżazzjoni, u tobbliga lill-Istati Membri li jnaqqsu l-bażi taxxabbli, kif ukoll, għaldaqstant, l-ammont tal-VAT dovuta mill-persuna responsabbli kull darba li, wara l-konklużjoni ta’ tranżazzjoni, parti jew l-ammont sħiħ tal-kunsiderazzjoni ma tinġabarx minnha (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2019, UniCredit Leasing C-242/18, EU:C:2019:558, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda hija intiża li tiddetermina jekk l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali huma bbażati li jimponu fuq persuna taxxabbli opinjoni ta’ impożizzjoni, li tirriżulta minn aġġustament tat-tnaqqis li twettaq inizjalment, wara l-kisba tar-roħs fil-prezzijiet għall-kunsinni interni tal-oġġetti.

29      Issa, huwa l-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT li jirrigwarda preċiżament l-aġġustament tat-tnaqqis li twettaq inizjalment, fil-każ, b’mod partikolari, tar-roħs fil-prezzijiet miksub wara d-dikjarazzjoni tal-VAT.

30      Għaldaqstant, għandha tinftiehem l-ewwel domanda bħala li hija intiża li tiddetermina jekk l-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jistgħu jimponu fuq persuna taxxabbli aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment, meta, wara l-kisba, minnha, tar-roħs fil-prezzijiet fuq il-kunsinni interni tal-oġġetti, dawn l-awtoritajiet qiesu li t-tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment kien iktar minn dak li din il-persuna taxxabbli kienet fid-dritt li twettaq.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva tal-VAT jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li fihom l-amministrazzjoni tat-taxxa tista’ teżiġi aġġustament min-naħa tal-persuna taxxabbli. Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst fl-artikoli msemmija huwa parti integrali mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva. Għandha l-għan li żżid il-preċiżjoni tat-tnaqqis b’mod li tiżgura n-newtralità tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, C-107/13, EU:C:2014:151, punti 48 u 50).

32      Fir-rigward tal-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, l-Artikolu 184 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li t-tnaqqis li twettaq inizjalment għandu jiġi aġġustat meta huwa inqas jew iktar minn dak li l-persuna taxxabbli kienet fid-dritt li twettaq.

33      Mill-Artikolu 185(1) jirriżulta li aġġustament ta’ tnaqqis li twettaq inizjalment għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas.

34      Minn qari konġunt tal-Artikoli 184 u 185(1) tad-Direttiva tal-VAT jirriżulta li, meta, minħabba l-modifika ta’ wieħed mill-elementi inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-tnaqqis, jirriżulta li jkun neċessarju aġġustament, il-kalkolu tal-ammont ta’ dan l-aġġustament għandu jwassal sabiex l-ammont tat-tnaqqis finalment imwettaq ikun jikkorrispondi għal dak li l-persuna taxxabbli kien ikollha dritt twettaq li kieku dik il-modifika kienet ġiet inizjalment meħuda inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2016, Kreissparkasse Wiedenbrück, C-186/15, EU:C:2016:452, punt 47).

35      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, ir-roħs fil-prezzijiet miksub minn World Comm Trading, relatat mal-kunsinni interni tal-prodotti tat-telefonija mobbli fir-Rumanija, naqqsu l-ammont tal-VAT li jitnaqqas għal dawn il-kunsinni, kif inizjalment ikkalkolat minn dawn l-awtoritajiet tat-taxxa.

36      F’tali każ, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, hemm lok li jiġi aġġustat it-tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment, b’mod li, permezz ta’ din il-bidla, l-ammont ta’ dan it-tnaqqis jikkorrispondi, finalment, għal dak li l-persuna taxxabbli kienet fid-dritt li twettaq jekk l-imsemmija bidla kienet tqieset inizjalment.

37      Il-fatt li l-persuna taxxabbli ma għandhiex kont distint, relatat mar-roħs fil-prezzijiet mogħti għall-kunsinni interni, stabbilit mill-fornitur nazzjonali, iżda biss kont globali maħruġ mill-fornitur intra-komunitarju, li jaffettwa wkoll il-bażi taxxabbli tal-kunsinni interni, ma teżentahiex li tosserva r-rekwiżit li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment, wara t-tnaqqis fil-prezz miksub, dan ir-rekwiżit jagħmel parti integrali mis-sistema tat-tnaqqis tal-VAT stabbilit mid-Direttiva VAT.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għandhom jimponu fuq persuna taxxabbli aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment, meta, wara l-ksib tar-roħs fil-prezzijiet għall-kunsinni interni ta’ oġġetti, dawn l-awtoritajiet jikkunsidraw li t-tnaqqis li twettaq inizjalment kien iktar minn dak li din il-persuna taxxabbli kienet fid-dritt li twettaq.

 Fuq it-tieni domanda

39      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tfittex, essenzjalment, li ssir taf jekk l-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment huwa impost fir-rigward ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru, anke meta l-fornitur ta’ din il-persuna taxxabbli waqqaf l-attivitajiet tiegħu fi dan l-Istat Membru u li l-imsemmi fornitur ma jistax iżjed, minħabba dan il-fatt, jitlob il-ħlas lura ta’ parti tal-VAT li huwa ħallas.

40      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li, quddiem din il-qorti, World Comm Trading tislet l-argument, biex tipprekludi l-aġġustament tal-VAT, minħabba li l-fornitur tagħha, li waqqaf l-attività tiegħu fir-Rumanija, ma huwiex iżjed irreġistrat għall-VAT f’dan l-Istat Membru u ma huwiex, għaldaqstant, iżjed f’pożizzjoni li joħroġ kont għar-roħs fil-prezz relatat mal-kunsinni nazzjonali li jinkludu numru tal-VAT Rumen, lanqas li jitlob, mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa Rumeni, il-ħlas lura ta’ parti tal-VAT li kien ħallas.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċirkustanza li l-VAT dovuta mill-fornitur tal-persuna taxxabbli ma hijiex hija stess aġġustata ma għandha ebda influwenza fuq id-dritt, għall-amministrazzjoni tat-taxxa nazzjonali kompetenti, li teħtieġ l-aġġustament tal-VAT imnaqqsa minn persuna taxxabbli.

42      Fil-fatt, minn naħa, tali ċirkustanza ma tidhirx fost id-derogi previsti fl-Artikolu 185(2) tad-Direttiva tal-VAT, li jelenka l-każijiet differenti li ma jagħtux lok għall-aġġustament ta’ tnaqqis li twettaq inizjalment.

43      Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iċ-ċirkustanza li l-VAT dovuta mill-fornitur ta’ persuna taxxabbli ma tkunx hija stess aġġustata u mingħajr effetti fuq id-dritt għall-amministrazzjoni tat-taxxa li tikseb il-ħlas lura tal-VAT imnaqqsa għal persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, FIRIN, C-107/13, EU:C:2014:151, punt 57).

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda li l-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment jiġi impost fir-rigward ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru, anke meta l-fornitur ta’ din il-persuna taxxabbli waqqaf l-attivitajiet tiegħu f’dan l-Istat Membru u li l-imsemmi fornitur ma jistax iżjed, minħabba dan il-fatt, jitlob il-ħlas lura ta’ parti tal-VAT li huwa ħallas.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 185 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għandhom jimponu fuq persuna taxxabbli aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li twettaq inizjalment, meta, wara l-ksib minnha tar-roħs fil-prezzijiet għall-kunsinni interni ta’ oġġetti, dawn l-awtoritajiet jikkunsidraw li t-tnaqqis li twettaq inizjalment kien iktar minn dak li din il-persuna taxxabbli kienet fid-dritt li twettaq.

2)      L-Artikolu 185 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT li twettaq inizjalment jiġi impost fir-rigward ta’ persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru, anke meta l-fornitur ta’ din il-persuna taxxabbli waqqaf l-attivitajiet tiegħu f’dan l-Istat Membru u li l-imsemmi fornitur ma jistax iżjed, minħabba dan il-fatt, jitlob il-ħlas lura ta’ parti tal-VAT li huwa ħallas.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.