Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

21.1.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 25/29


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit) fit-12 ta’ Novembru 2018 – Healthspan Limited vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

(Kawża C-703/18)

(2019/C 25/37)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

First-tier Tribunal (Tax Chamber)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Healthspan Limited

Konvenuti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs

Domandi preliminari

1)

Fejn il-klijent jagħmel kuntratt (a) mal-fornitur għax-xiri tal-merkanzija, u (b) ma’ kumpannija ta’ distribuzzjoni terza (iktar 'il quddiem “il-kumpannija ta’ distribuzzjoni”) għall-ispedizzjoni u kunsinna, il-merkanzija hija meqjusa pprovduta mill-post fejn tinsab fil-mument tal-ispedizzjoni jew meta jibda t-trasport tal-merkanzija lill-klijent, sabiex japplika dejjem l-Artikolu 32 (1) (u mhux l-Artikolu 33)?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 1, il-merkanzija ttrasportata “mill-fornitur jew f’ismu” fejn il-klijent jagħmel kuntratt mal-kumpannija ta’ distribuzzjoni u waħda mill-kundizzjonijiet segwenti tapplika, u jekk huwa hekk, liema waħda jew iktar tapplika:

a)

Il-klijent ma għandux alternattiva prattika oħra għajr li juża l-kumpannija ta’ distribuzzjoni.

b)

Il-klijent ikollu kuntatt biss mal-fornitur u mhux mal-kumpannija ta’ distribuzzjoni.

c)

Il-fornitur u l-kumpannija ta’ distribuzzjoni jaqblu dwar il-prezz li għandu jiġi impost mill-kumpannija ta’ distribuzzjoni mingħajr l-involviment tal-klijent.

d)

Il-fornitur jissussidja l-ispejjeż tad-distribuzzjoni lill-klijent permezz ta’ skont fuq il-prezz tal-merkanzija.

e)

Il-fornitur jiġbor l-ispejjeż ta’ distribuzzjoni mill-klijent u jibgħathom lill-kumpannija ta’ distribuzzjoni terza.

f)

It-termini kuntrattwali li jistabbilixxu meta t-titolu tal-merkanzija jgħaddi lill-klijent ma jagħmlux sens kummerċjali, iżda dan ma huwiex importanti fil-prattika, minħabba li l-fornitur jagħmel tajjeb, favur il-klijent, għall-ispiża ta’ kwalunkwe dannu li l-merkanzija ġġarrab matul id-distribuzzjoni.

g)

Fir-rigward tal-ispejjeż ta’ distribuzzjoni fejn hemm problema bil-kunsinna oriġinali:

i)

skont il-kuntratt tiegħu mal-klijent il-fornitur huwa obbligat li jirrimborsa l-ispejjeż diġà mħallsa mill-klijent;

ii)

skont il-kuntratt tiegħu mal-klijent il-fornitur ma huwiex obbligat li jirrimborsa dawk l-ispejjeż, iżda jagħmel hekk bħala prassi;

iii)

fi kwalunkwe każ, il-fornitur (u mhux il-kumpannija ta’ distribuzzjoni) iġorr l-ispiża ta’ dawn ir-rimborsi; u/jew

iv)

skont il-kuntratt tiegħu mal-klijent il-fornitur huwa obbligat iħallas kemm l-ispejjeż sabiex tintbagħat merkanzija sostituttiva, kif ukoll l-ispejjeż tad-distribuzzjoni relatata; jew

v)

skont il-kuntratt tiegħu mal-klijent il-fornitur huwa obbligat iħallas l-ispiża sabiex jibgħat merkanzija sostittutiva iżda mhux għall-kunsinna tagħhom, iżda jagħmel hekk bħala prassi.

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 2, il-kumpannija ta’ distribuzzjoni għandha taġixxi f’isem il-fornitur, jekk iktar minn wieħed mill-punti ta’ hawn fuq jiġu ssodisfatti? Jekk iva, liema fatturi għandhom jiġu kkunsidrati u liema piż għandu jingħata lil kull fattur?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domanda 2 jew għad-domanda 3, il-kumpannija ta’ distribuzzjoni tkun qed taġixxi f’isem il-fornitur fejn il-fornitur jintervjeni direttament jew indirettament fit-trasport jew l-ispedizzjoni tal-merkanzija, kif ser ikun il-każ mill-2021 skont id-Direttiva 2017/2455 (2)? Fi kliem ieħor, il-bidliet introdotti minn dik id-direttiva sempliċement jesprimu f’lingwaġġ iktar ċar it-tifsira tal-Artikolu 33 fil-forma attwali tiegħu?


(1)  Artikolu 32 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1).

(2)  Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU 2017, L 348, p. 7).