Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

8 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 63 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Moviment liberu tal-kapital – Determinazzjoni tad-dħul taxxabbli tal-kumpanniji – Persuni li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ interdipendenza – Vantaġġ mhux normali mogħti minn fergħa residenti lil kumpannija mhux residenti – Rettifika tad-dħul taxxabbli tal-fergħa ta’ kumpannija mhux residenti – Assenza ta’ rettifika tad-dħul taxxabbli fil-każ ta’ vantaġġ identiku mogħti mill-fergħa tagħha lil kumpannija residenti – Prinċipju ta’ kompetizzjoni libera – Restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment – Ġustifikazzjoni – Tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri – Proporzjonalità”

Fil-Kawża C-558/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2019, fil-proċedura

Impresa Pizzarotti & C SPA Italia Sucursala Cluj

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Impresa Pizzarotti & C SPA Italia Sucursala Cluj, minn L. I. Buduşan, avocată,

għall-Gvern Rumen, inizjalment minn C.-R. Canţăr, E. Gane u A. Rotăreanu, sussegwentement minn E. Gane u A. Rotăreanu, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u J. Očková, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou u A. Magrippi, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u A. Armenia, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 63 TFUE.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Impresa Pizzarotti & C SPA Italia Sucursala Cluj (iktar ’il quddiem “Impresa Pizzarotti”) u l-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili (l-Aġenzija Nazzjonali tal-Amministrazzjoni Fiskali – id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni ta’ Kontribwenti Kbar, ir-Rumanija, iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali”) dwar l-annullament ta’ att amministrattiv fiskali maħruġ minn din l-awtorità kif ukoll tal-valutazzjoni tat-taxxa stabbilita abbażi tal-imsemmi att.

Id-dritt Rumen

3

L-Artikolu 7(c) tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi tat-Taxxi) tat-22 ta’ Diċembru 2003 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat-23 ta’ Diċembru 2003), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxi”), jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan il-kodiċi, bl-eċċezzjoni tat-Titolu VI, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

20.   ‘persuna’: kull persuna fiżika jew ġuridika;

21.   ‘persuna relatata’: persuna tkun relatata ma’ persuna oħra jekk ir-relazzjoni tagħhom tikkorrispondi mill-inqas għal wieħed mill-każijiet li ġejjin:

[…]

(c)

persuna ġuridika hija relatata ma’ persuna oħra jekk, mill-inqas:

i)

l-ewwel persuna ġuridika għandha direttament jew indirettament, inklużi l-holdings tal-persuni relatati, mill-inqas 25 % tal-valur jew tan-numru ta’ ishma jew tad-drittijiet tal-vot tal-persuna ġuridika l-oħra jew jekk hija tikkontrolla lil din tal-aħħar;

ii)

it-tieni persuna ġuridika għandha, direttament jew indirettament, inklużi l-holdings tal-persuni relatati, mill-inqas 25 % tal-valur jew tan-numru tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot tal-ewwel persuna ġuridika;

iii)

persuna ġuridika terza għandha, direttament jew indirettament, inklużi l-ishma tal-persuni relatati, mill-inqas 25 % tal-valur jew tan-numru ta’ ishma jew tad-drittijiet ta’ vot kemm tal-ewwel persuna ġuridika kif ukoll tat-tieni.

[…]

32.   ‘trasferiment’: kull bejgħ, ċessjoni jew trasferiment tad-dritt ta’ proprjetà, l-iskambju ta’ dritt ta’ proprjetà għal servizzi jew dritt ieħor ta’ proprjetà kif ukoll it-trasferiment tal-patrimonju fiduċjarju fil-kuntest tat-tranżazzjoni fiduċjarja skont il-Kodiċi Ċivili.”

4

L-Artikolu 11(2) ta’ dan il-kodiċi jipprevedi:

“Fil-kuntest ta’ tranżazzjoni bejn persuni Rumeni u persuni mhux residenti relatati kif ukoll bejn persuni Rumeni relatati, l-awtoritajiet fiskali jistgħu jaġġustaw id-dħul jew l-ispejjeż ta’ kull waħda minn dawn il-persuni, sa fejn meħtieġ, sabiex jirriflettu l-prezz tas-suq tal-oġġetti jew tas-servizzi pprovduti fil-kuntest tat-tranżazzjoni. Sabiex jiġi stabbilit il-prezz tas-suq tat-tranżazzjonijiet bejn persuni relatati, il-metodu l-iktar adegwat fost dawn li ġejjin għandu jiġi segwit: […]”

5

L-Artikolu 29(3) tal-imsemmi kodiċi huwa fformulat kif ġej:

“Il-profitt taxxabbli tal-istabbiliment permanenti għandu jiġi ddeterminat billi dan tal-aħħar jitqies bħala persuna distinta u skont ir-regoli dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment applikati sabiex jiġi ddeterminat il-prezz tas-suq ta’ trasferiment magħmul bejn il-persuna ġuridika barranija u l-istabbiliment permanenti tagħha. Meta l-istabbiliment permanenti ma jkollux fattura għall-infiq allokat lilu mill-istabbiliment prinċipali tiegħu, l-evidenza l-oħra ta’ sostenn għandha tinkludi provi tat-teħid ta’ responsabbiltà effettiva għall-ispejjeż u l-allokazzjoni raġonevoli ta’ dawn l-ispejjeż lill-istabbiliment permanenti skont ir-regoli dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6

Impresa Pizzarotti hija l-fergħa Rumena ta’ SC Impresa Pizzarotti & C SPA Italia (iktar ’il quddiem “Pizzarotti Italia”), stabbilita fl-Italja.

7

Bejn id-29 ta’ Lulju 2016 u l-11 ta’ Settembru 2017, id-diviżjoni ta’ kontroll tal-awtorità fiskali wettqet xi verifiki ma’ Impresa Pizzarotti, fil-kwalità tagħha ta’ persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-kumpanniji, li matulhom ġie kkonstatat li din il-fergħa kienet ikkonkludiet, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li ssellef, żewġ kuntratti ta’ self mal-kumpannija omm tagħha, Pizzarotti Italia: kuntratt iddatat is-6 ta’ Frar 2012, dwar ammont ta’ EUR 11400000, u kuntratt iddatat id-9 ta’ Marzu 2012, dwar ammont ta’ EUR 2300000.

8

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li dawn is-somom kienu ġew mislufa għal perijodu inizjali ta’ sena, li jista’ jiġi estiż permezz ta’ ftehim addizzjonali, li l-kuntratti ta’ self ma kienu jinkludu ebda klawżola dwar il-ġbir ta’ interessi minn Impresa Pizzarotti u li, għalkemm fl-1 ta’ Jannar 2013 l-ammont dovut kien jammonta għal EUR 11250000, fid-9 ta’ April 2014 iż-żewġ ammonti mislufa kienu ġew irrimborsati kollha.

9

Għalhekk, fid-dawl tal-Artikolu 11(2) tal-Kodiċi tat-Taxxa, li jipprevedi li t-tranżazzjonijiet imwettqa bejn persuni Rumeni u persuni mhux residenti relatati huma suġġetti għar-regoli fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, u tal-Artikolu 29(3) ta’ dan il-kodiċi, skont liema l-kunċett ta’ “persuni Rumeni” jkopri fergħa li hija l-istabbiliment permanenti ta’ persuna mhux residenti, l-awtorità fiskali qieset li Impresa Pizzarotti, kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali, kellha titqies bħala persuna relatata ma’ Pizzarotti Italia u li r-rata ta’ interessi tal-imsemmija self kellha tkun iffissata għall-prezz fis-suq, konformement mar-regoli fil-qasam ta’ prezz ta’ trasferiment, daqslikieku kienu seħħew f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali.

10

Konsegwentement, l-awtorità fiskali, fl-20 ta’ Settembru 2017, abbażi tar-rapport ta’ kontroll fiskali tal-istess jum, stabbilixxiet valutazzjoni tat-taxxa li timponi fuq Impresa Pizzarotti żieda tat-taxxa fl-ammont ta’ RON 297 141.92 (lei Rumeni) (madwar EUR 72400) u żieda fil-bażi taxxabbli fl-ammont ta’ RON 1857137 (madwar EUR 452595).

11

Permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2017, l-awtorità fiskali ċaħdet bħala infondat l-ilment ta’ Impresa Pizzarotti kontra din il-valutazzjoni tat-taxxa.

12

Din tal-aħħar għalhekk adixxiet lill-qorti tar-rinviju, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj, ir-Rumanija), b’talba għall-annullament tad-deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2017 kif ukoll tal-valutazzjoni tat-taxxa tal-20 ta’ Settembru 2017.

13

Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, Impresa Pizzarotti targumenta, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali invokati mill-awtorità fiskali jiksru l-Artikoli 49 u 63 TFUE, sa fejn dawn jipprevedu li t-trasferimenti ta’ fondi bejn fergħa stabbilita fi Stat Membru u l-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor jirrappreżentaw tranżazzjonijiet li jistgħu jkunu suġġetti għar-regoli fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, filwaqt li dawn ir-regoli ma humiex applikabbli jekk il-fergħa u l-kumpannija omm tagħha jkunu stabbiliti fl-istess Stat Membru.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunalul Cluj (il-Qorti tal-Kontea ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikoli 49 u 63 [TFUE] jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali [bħall-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 29(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa], li tippermetti li trasferiment bankarju ta’ fondi minn fergħa residenti fi Stat Membru lill-kumpannija omm tagħha residenti fi Stat Membru ieħor jiġi rriklassifikat bħala ‘tranżazzjoni li tiġġenera dħul’, b’mod li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-prezzijiet tat-trasferiment issir obbligatorja, filwaqt li, jekk l-istess tranżazzjoni tkun saret bejn fergħa u kumpannija omm, it-tnejn li huma residenti fl-istess Stat Membru, din ma kinitx tkun tista’ tiġi rriklassifikata hekk u l-imsemmija regoli ma kinux jiġu applikati?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 49 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema trasferiment ta’ fondi mwettaq minn fergħa residenti, favur il-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, jista’ jiġi kklassifikat bħala “tranżazzjoni li tiġġenera dħul”, b’tali mod li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-prezzijiet ta’ trasferiment issir obbligatorja, filwaqt li, kieku l-istess tranżazzjoni kienet saret bejn fergħa u kumpannija omm stabbiliti t-tnejn li huma fl-istess Stat Membru, din ma kinitx tiġi kklassifikata b’dan il-mod u l-imsemmija regoli ma kinux japplikaw.

16

F’dan ir-rigward, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jsegwi li l-Kodiċi tat-Taxxa jipprevedi regoli ta’ rettifika tal-bażi taxxabbli, dwar il-“prezzijiet ta’ trasferiment”, intiżi sabiex jiġi evitat li kumpanniji residenti jipprovdu prodotti jew servizzi lil kumpanniji mhux residenti bi prezz stmat inqas jew b’xejn, u għalhekk inaqqsu d-dħul taxxabbli tagħhom fir-Rumanija.

17

Peress li l-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment, fid-domanda magħmula, kemm għal-libertà ta’ stabbiliment kif ukoll għall-moviment liberu tal-kapital, stabbiliti fl-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE rispettivament, għandu jitfakkar, preliminarjament, li l-ħolqien u ż-żamma totali minn persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru ta’ stabbiliment permanenti, bħal fergħa, li tinsab fi Stat Membru ieħor, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv tal-Artikolu 49 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C-414/06, EU:C:2008:278, punt 15, u tal-15 ta’ Settembru 2011, Dickinger u Ömer, C-347/09, EU:C:2011:582, punt 35).

18

F’dan il-każ, it-tilwima fil-kawża prinċipali tikkonċerna l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq it-trattament fiskali ta’ trasferiment ta’ fondi bejn fergħa stabbilita fir-Rumanija u l-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor.

19

Jekk jitqies li s-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinkludi effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, tali effetti jkunu l-konsegwenza inevitabbli ta’ eventwali ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami tal-imsemmija sistema fiskali fid-dawl tal-Artikolu 63 TFUE (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium, C-414/06, EU:C:2008:278, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment tat-Trattat FUE.

21

Għalhekk, għandu jitfakkar li l-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea, tinkludi, b’mod konformi mal-Artikolu 54 TFUE, għall-kumpanniji stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede prinċipali, it-tmexxija ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom fi ħdan l-Unjoni, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stat Membru ieħor permezz ta’ sussidjarja, fergħa jew aġenzija (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, EU:C:2006:783, punt 20, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Masco Denmark u Damixa, C-593/14, EU:C:2016:984, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

L-eliminazzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment tinkludi r-restrizzjonijiet għall-ħolqien ta’ aġenziji, fergħat jew sussidjarji miċ-ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, EU:C:2006:783, punt 21).

23

Fir-rigward ta’ kumpanniji, għandu jiġi rrilevat ukoll li s-sede tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 54 TFUE, isservi sabiex tiġi ddeterminata, bħaċ-ċittadinanza tal-persuni fiżiċi, ir-rabta tagħhom mal-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru. Li jiġi aċċettat li l-Istat Membru ta’ stabbiliment tas-sussidjarja residenti jista’ liberament japplika trattament differenti għall-imsemmija sussidjarja minħabba s-sempliċi fatt li s-sede tal-kumpannija omm tkun qiegħda fi Stat Membru ieħor, iċaħħad l-Artikolu 49 TFUE minn kull sens. Il-libertà ta’ stabbiliment hija għalhekk intiża sabiex tiggarantixxi l-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti tal-fergħa, billi tipprojbixxi kull diskriminazzjoni, anki dik minima, ibbażata fuq il-post tas-sede tal-kumpanniji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, EU:C:2006:783, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li vantaġġi mhux normali jew gratwiti mogħtija minn kumpannija residenti lil kumpannija li għandha rabta ta’ interdipendenza magħha jiżdiedu mal-profitti rispettivi tal-ewwel kumpannija biss jekk il-kumpannija benefiċjarja tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, EU:C:2010:26, punti 42 sa 45).

25

F’dan il-każ, kif indikat il-qorti tar-rinviju, il-Kodiċi tat-Taxxa jirrigwarda l-fergħat bħala persuni distinti biss meta dawn ikunu stabbiliment permanenti ta’ persuna ġuridika mhux residenti b’tali mod li d-dħul ta’ fergħa jiġi rrettifikat, skont ir-regoli tal-prezz ta’ trasferiment, biss jekk il-kumpannija omm tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor. Jekk, min-naħa l-oħra, il-fergħa u l-kumpannija omm ikunu stabbiliti fir-Rumanija, ma ssir ebda korrezzjoni tad-dħul.

26

Minn dan jirriżulta li fergħa ta’ kumpannija mhux residenti bħal Impresa Pizzarotti tibbenefika minn trattament inqas favorevoli minn dak li tibbenefika minnu l-fergħa ta’ kumpannija residenti li twettaq tranżazzjonijiet simili mal-kumpannija omm tagħha.

27

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li tali differenza fit-trattament fiskali tal-fergħat, skont il-post tas-sede tal-kumpanniji omm tagħhom, li magħhom ġew konklużi tranżazzjonijiet ikkaratterizzati minn kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 49 TFUE. Fil-fatt, il-kumpannija omm tista’ tasal li jkollha tirrinunzja l-akkwist, il-ħolqien jew iż-żamma ta’ fergħa fi Stat Membru differenti mill-Istat Membru tar-residenza rispettiva tagħha, minħabba l-oneru fiskali li jolqot, f’sitwazzjoni transkonfinali, l-għoti ta’ kundizzjonijiet li ma humiex komuni bejn terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Hornbach-Baumarkt, C-382/16, EU:C:2018:366, punt 35).

28

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura fiskali li tista’ tostakola l-libertà ta’ stabbiliment stabbilita fl-Artikolu 49 TFUE tista’ tiġi aċċettata biss jekk din tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk din tista’ tiġi ġġustifikata b’raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni. Huwa wkoll neċessarju, f’din l-ipoteżi, li dan ikun xieraq sabiex jiżgura li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u li dan ma jeċċedix dak li huwa meħtieġ sabiex dan l-għan jintlaħaq (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Hornbach-Baumarkt, C-382/16, EU:C:2018:366, punt 36).

29

Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-regoli dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment previsti mill-Kodiċi tat-Taxxa għandhom l-għan li jevitaw li l-bażi taxxabbli fl-Istat ta’ residenza tal-istabbiliment permanenti ta’ kumpannija mhux residenti titnaqqas minħabba tranżazzjonijiet imwettqa minn dan l-istabbiliment permanenti mal-kumpannija omm tiegħu li ma humiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq.

30

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tkun ta’ natura li tiġġustifika differenza fit-trattament meta s-sistema eżaminata tkun intiża sabiex tipprevjeni aġir ta’ natura li jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (sentenza tal-31 ta’ Mejju 2018, Hornbach-Baumarkt, C-382/16, EU:C:2018:366, punt 43).

31

F’dan il-każ, il-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra Impresa Pizzarotti, jikkunsidraw li r-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment maħluqa mil-leġiżlazzjoni Rumena inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata min-neċessità li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, li jikkostitwixxi, kif jirriżulta mill-punt preċedenti, raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

32

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, jekk il-fergħat tal-kumpanniji mhux residenti jitħallew jittrasferixxu l-profitti tagħhom fil-forma ta’ vantaġġi mhux normali jew gratwiti lejn il-kumpanniji omm tagħhom, dan jista’ jikkomprometti tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri. Dan jista’ jikkomprometti s-sistema stess ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, għaliex l-Istat Membru tal-fergħa li tkun tat vantaġġi mhux normali jew gratwiti jkun kostrett li jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jintaxxa, bħala Stat ta’ residenza ta’ dan l-istabbiliment permanenti, id-dħul tiegħu, għall-benefiċċju, eventwalment, tal-Istat Membru fejn il-kumpannija omm benefiċjarja għandha s-sede tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, EU:C:2010:26, punt 63).

33

Billi tipprevedi t-tassazzjoni tal-istabbiliment permanenti minħabba l-ammont preżunt tal-ħlas tal-vantaġġ mogħti lill-kumpannija omm mingħajr korrispettiv, sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-ammont li dan l-istabbiliment permanenti kellu jiddikjara bħala profitti tiegħu li kieku t-tranżazzjoni ġiet konkluża skont il-kundizzjonijiet tas-suq, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tippermetti għalhekk lir-Rumanija teżerċita l-kompetenza fiskali tagħha fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tagħha.

34

Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija intiża li tipprekludi li benefiċċji ġġenerati fl-Istat Membru kkonċernat jiġu ttrasferiti barra mill-ġurisdizzjoni fiskali ta’ dan tal-aħħar permezz ta’ tranżazzjonijiet li ma humiex konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, mingħajr ma jkunu ġew intaxxati, hija tali li tiżgura l-preżervazzjoni tat-tqassim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri.

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-tielet lok, għandu jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali li hija bbażata fuq eżami ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni tippreżentax in-natura ta’ kostruzzjoni artifiċjali għal finijiet fiskali għandha titqies li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-ħtieġa li jiġi ssalvagwardjat it-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri u dik tal-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali, meta, fl-ewwel lok, f’kull każ fejn jeżisti suspett li tranżazzjoni tmur lil hinn minn dak li l-kumpanniji kkonċernati jkunu ftiehmu taħt il-kundizzjonijiet tas-suq, il-persuna taxxabbli titqiegħed f’pożizzjoni, mingħajr ma tkun suġġetta għal restrizzjonijiet amministrattivi eċċessivi, li tipproduċi elementi relatati mar-raġunijiet kummerċjali eventwali li għalihom ġiet konkluża din it-tranżazzjoni. Fit-tieni lok, meta l-verifika ta’ tali elementi twassal għall-konklużjoni li t-tranżazzjoni inkwistjoni taqbeż dak li l-kumpanniji kkonċernati kienu jiftiehmu f’ċirkustanzi ta’ kompetizzjoni sħiħa, il-miżura fiskali korrettiva għandha tkun limitata għall-parti li taqbeż dak li kien jiġi maqbul fin-nuqqas ta’ sitwazzjoni ta’ interdipendenza bejniethom (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, EU:C:2010:26, punti 71 u 72).

37

F’dan il-każ, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jidher li jirriżulta li, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-aġġustament tad-dħul impost mill-Artikolu 29(3) tal-Kodiċi tat-Taxxa jikkonċerna biss id-differenza bejn il-prezz tas-suq tat-tranżazzjoni inkwistjoni, li kien jipprevali f’kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa, u dak applikat b’mod konkret mill-partijiet. Bl-istess mod, il-persuna taxxabbli dejjem ikollha l-possibbiltà li tistabbilixxi li kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi sabiex it-tranżazzjoni tiġi konkluża bi prezz li ma jirriflettix il-prezz tas-suq.

38

Għalhekk, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-leġiżlazzjoni Rumena inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu li huwa l-bażi tagħha.

39

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema trasferiment ta’ fondi mwettaq minn fergħa residenti, favur il-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala “tranżazzjoni li tiġġenera dħul”, b’tali mod li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment issir obbligatorja, filwaqt li, li kieku l-istess tranżazzjoni kienet saret bejn fergħa u kumpannija omm, it-tnejn li huma stabbiliti fl-istess Stat Membru, hija ma kinitx tiġi kklassifikata b’dan il-mod u l-imsemmija regoli ma kinux ikunu applikabbli.

Fuq l-ispejjeż

40

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema trasferiment ta’ fondi mwettaq minn fergħa residenti, favur il-kumpannija omm tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, jista’ jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala “tranżazzjoni li tiġġenera dħul”, b’tali mod li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment issir obbligatorja, filwaqt li, li kieku l-istess tranżazzjoni kienet saret bejn fergħa u kumpannija omm, it-tnejn li huma stabbiliti fl-istess Stat Membru, hija ma kinitx tiġi kklassifikata b’dan il-mod u l-imsemmija regoli ma kinux ikunu applikabbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.