Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

22 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 98(2) – Possibbiltà għall-Istati Membri li japplikaw rata mnaqqsa waħda jew tnejn ta’ VAT għal ċerti kunsinni ta’ oġġetti u provvisti ta’ servizzi – Klassifikazzjoni ta’ attività kummerċjali bħala ‘provvista ta’ servizzi’ – Punt 12a tal-Anness III – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 – Artikolu 6 – Kunċett ta’ ‘servizzi fir-ristoranti u tal-catering’ – Ikliet lesti għall-konsum immedjat fuq il-post fl-istabbilimenti tal-bejjiegħ jew f’food court – Ikliet lesti għall-konsum immedjat take-away”

Fil-Kawża C-703/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Ġunju 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Settembru 2019, fil-proċedura

J.K.

vs

Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Małych i Średnich przedsiębiorców,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, L. Bay Larsen, C. Toader, M. Safjan u N. Jääskinen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Richard de La Tour

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal J.K., minn R. Baraniewicz, doradca podatkowy, u A. Zubik, radca prawny,

–        għad-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach, minn P. Selera, B. Kołodziej, T. Wojciechowski u M. Kowalewska,

–        għar-Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców, minn P. Chrupek u A. Zaręba-Faracik, radcowie prawni,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u M. Siekierzyńska, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE tal-5 ta’ Mejju 2009 dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2009, L 116, p. 18) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), moqri flimkien mal-punt 12a tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT u l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2011, L 77, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J.K. u d-Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach (id-Direttur tal-Kamra Fiskali ta’ Katowice, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“awtorità fiskali”), dwar ir-riżultati ta’ verifika fiskali mwettqa fl-2016, dwar ir-rata ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ ta’ ikel u ta’ ikliet ippreparati bl-għan li jiġu kkonsmati immedjatament fuq il-post jew take-away, li għalihom J.K. huwa persuna suġġetta għal din it-taxxa.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva tal-VAT

3        L-Artikolu 96 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa fformulat hekk:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”

4        L-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.      Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

[...]

3.      Meta jkunu qed japplikaw ir-rati mnaqqsa previsti fil-paragrafu 1 għal kategoriji ta’ merkanzija, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-Nomenklatura Magħquda[, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1031/2008 tad-19 ta’ Settembru 2008 (ĠU 2008, L 291, p. 1)] sabiex jistabbilixxu eżattament kemm hi koperta l-kategorija kkonċernata.”

5        L-Anness III tal-imsemmija direttiva, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”, jelenka, fil-punti 1 u 12a tiegħu:

“(1)      Oġġetti ta’ l-ikel (inkluż ix–xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel;

[...]

(12a)      is-servizzi tar-ristoranti u tal-catering, billi huwa possibbli li l-provvista ta’ xorb (alkoħoliku u/jew mhux alkoħoliku) tiġi eskluża;

[...]”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011

6        L-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jipprevedi:

“1.      Servizzi fir-ristoranti u tal-catering tfisser servizzi li jikkonsistu mill-forniment ta’ ikel jew xorb ippreparat jew mhux ippreparat jew it-tnejn li huma, għall-konsum tal-bniedem, akkumpanjat minn servizzi ta’ sostenn suffiċjenti għall-konsum immedjat tagħhom. Id-dispożizzjoni ta’ ikel u xorb jew it-tnejn li huma hija element uniku fost għaqda sħiħa ta’ elementi li fiha s-servizzi se jippredominaw. Is-servizzi fir-ristoranti huma l-forniment ta’ tali servizzi fil-bini tal-fornitur, u s-servizzi ta’ catering huma l-forniment ta’ tali servizzi ’l barra mill-kwartieri tal-fornitur.

2.      Il-forniment ta’ ikel jew xorb jew it-tnejn, ippreparat jew mhux ippreparat, kemm jekk jinkludi jew ma jinkludix it-trasport tiegħu iżda mingħajr ebda servizz ta’ appoġġ ieħor, ma għandux jitqies bħala servizz ta’ ristorant jew tal-catering fis-sens tal-paragrafu 1.”

 In-NM

7        In-Nomenklatura Magħquda, li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 1031/2008 (iktar ’il quddiem in-“NM”), hija bbażata fuq is-sistema armonizzata għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti, imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD), u stabbilita bil-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti, konkluża fi Brussell fl-14 ta’ Ġunju 1983. Din il-konvenzjoni internazzjonali ġiet approvata, bil-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal-24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas-7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

 Id-dritt Pollakk

8        L-Artikolu 5a tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. tal-2004, Nru 54, intestatura 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-VAT”) jipprovdi dan li ġej:

“L-oġġetti jew is-servizzi li huma s-suġġett tat-tranżazzjonijiet iċċitati fl-Artikolu 5, imsemmijin fil-klassifikazzjonijiet stabbiliti fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet relatati mal-istatistiċi uffiċjali, huma identifikati bl-użu ta’ dawn il-klassifikazzjonijiet, jekk id-dispożizzjonijiet legali jew il-miżuri regolatorji ta’ implimentazzjoni jassenjaw intestaturi statistiċi għal dawn l-oġġetti jew servizzi.”

9        Konformement mal-Artikolu 41(1) tal-Liġi tal-VAT, ir-rata standard tal-VAT hija ta’ 22 %. L-Artikolu 41(2a) tagħha jispeċifika:

“Ir-rata applikabbli għall-oġġetti elenkati fl-Anness 10 ta’ din il-liġi hija ta’ 5 %”.

10      Il-punt 28 tal-Anness 10 ta’ din il-liġi jsemmi l-“[i]kliet ippreparati, ħlief għal prodotti b’qawwa alkoħolika ikbar minn 1.2 %”, li jaqgħu taħt is-subklassi 10.85.1 tar-Rzporządzenie Rady Ministrów w sprawie Polskiej Klasyfikacji Wyrobów i Usług (ir-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Prodotti u tas-Servizzi) tal-4 ta’ Settembru 2015 (Dz. U. tal-2015, intestatura 1676) (iktar ’il quddiem il-“PKWiU”).

11      Il-punt (1) tal-Artikolu 3(1) tar-rozporządzenie Ministra Finansów w sprawie towarów i usług dla których obniża się stawkę podatku od towarów i usług oraz warunków stosowania stawek obniżonych (ir-Regolament tal-Ministru tal-Finanzi dwar l-Oġġetti u s-Servizzi Suġġetti għal Rata Mnaqqsa ta’ VAT u għall-Kundizzjonijiet ta’ Applikazzjoni tar-Rati Mnaqqsa) tat-23 ta’ Diċembru 2013 (Dz. U. tal-2013, intestatura 1719), huwa fformulat kif ġej:

“Ir-rata tal-VAT indikata fl-Artikolu 41(1) tal-Liġi [tal-VAT] hija mnaqqsa għal 8 % għal:

(1)      l-oġġetti u s-servizzi elenkati fl-anness ta’ dan ir-regolament.”

12      L-intestatura 7 tal-punt III tal-anness ta’ dan ir-regolament issemmi s-servizzi segwenti:

“Servizzi ta’ catering u postijiet tax-xorb (PKWiU ex 56), bl-esklużjoni ta’ bejgħ ta’: 1) xorb alkoħoliku li l-qawwa alkoħolika tiegħu taqbeż il-1.2 %, 2) xorb alkoħoliku li huwa taħlita ta’ birra u xorb mhux alkoħoliku li l-qawwa alkoħolika tiegħu taqbeż iż-0.5 %, 3) xorb li fit-tħejjija tiegħu hemm kafè jew te, ikun xi jkun il-proporzjon tagħhom fix-xarba ppreparata, 4) xorb karbonizzat mhux alkoħoliku, 5) ilma minerali, 6) prodotti oħra mhux ipproċessati suġġetti għar-rata msemmija fl-Artikolu 41(1) tal-Liġi [tal-VAT]”.

13      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju, taħt it-taqsima ex 56 tal-PKWiU, intitolata “Servizzi ta’ catering u ta’ ħwienet tax-xorb”, is-subklassi 56.1 tinkludi s-servizzi ta’ catering u ta’ catering take-away, fosthom, b’mod partikolari, is-servizzi ta’ catering ma’ mejda, is-servizzi ta’ catering self-service u s-servizzi l-oħra ta’ catering (iktar ’il quddiem is-“‘servizzi ta’ catering’, fis-sens tat-taqsima ex 56 tal-PKWiU”).

14      Dik il-qorti tippreċiża wkoll li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-PKWiU ssir b’riferiment għar-rozporządzenie Rady Ministrów w sprawie Polskiej klasyfikacji działalności (ir-Regolament tal-Kunsill tal-Ministri dwar il-Klassifikazzjoni Pollakka tal-Attività) tal-24 ta’ Diċembru 2007 (Dz. U. tal-2007, Nru 251, intestatura 1885), b’mod partikolari, fit-taqsima ex 56 tagħha u fis-subklassijiet inklużi fiha. Din it-taqsima tinkludi l-attivitajiet ta’ servizzi marbuta mal-provvista ta’ ikliet għal konsum immedjat f’ristoranti, inklużi r-ristoranti self-service u r-ristoranti li joffru take-away, b’postijiet bilqiegħda jew mingħajr. L-importanti f’dan ir-rigward ma huwiex it-tip ta’ stabbiliment li jservi l-ikliet, iżda l-fatt li dawn l-ikliet huma maħsuba għall-konsum immedjat. Is-subklassi 56.10.A, intitolata “Ristoranti u stabbilimenti ta’ catering permanenti oħra”, tinkludi s-servizzi ta’ catering ipprovduti lil klijenti bilqiegħda ma’ mejda, jew lil klijenti li jagħżlu l-ikliet tagħhom stess minn menù espost, irrispettivament minn jekk dawn jikkonsmawhomx fuq il-post, jeħduhomx take-away jew jordnawx il-kunsinna tagħhom. Din is-subklassi tinkludi l-attivitajiet li ġejjin: ir-ristoranti, il-kafetteriji, il-catering rapidu, il-ħwienet tal-ġelat, il-pizzeriji, il-postijiet ta’ catering take-away, ir-ristoranti jew il-bars użati f’mezzi ta’ trasport u operati minn entitajiet distinti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali huwa l-konċessjonarju ta’ katina ta’ stabbilimenti tal-fast food. Huwa jeżerċita attività ta’ bejgħ ta’ ikliet u ikliet ippreparati, bħal sandwiches, insalati, chips, ġelati, eċċ. Dawn il-prodotti jiġu servuti fuq tray tal-plastik li miegħu l-klijent jirċievi srievet tal-karti u, għal ċerti prodotti, pożati tal-plastik u/jew straw. Dawn l-ikliet u ikliet ippreparati jiġu ppreparati fuq il-post minn prodotti nofshom lesti, jistgħu jiġu servuti sħan jew kesħin u qegħdin biex jittieklu fuq il-post jew biex il-klijent jeħodhom miegħu.

16      Fil-kuntest tal-attività ekonomika tiegħu, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali japplika diversi metodi ta’ bejgħ. Il-prodotti jinbiegħu jew ġewwa r-ristorant, jew minn bankijiet esterni ta’ dan tal-aħħar, jew ġewwa ċentri kummerċjali f’żoni indikati għall-catering.

17      Fix-xahar ta’ Settembru 2016, l-awtorità fiskali vverifikat ċerti dikjarazzjonijiet tal-VAT tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll il-kalkolu u l-ħlas ta’ din it-taxxa għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2016.

18      Wara din il-verifika, peress li qieset li l-attivitajiet kollha tar-rikorrent fil-kawża prinċipali kellhom jiġu kklassifikati bħala “servizzi ta’ catering” suġġetti għar-rata tal-VAT ta’ 8 % u mhux, kif dawn l-attivitajiet kienu ġew iddikjarati, bħala “kunsinni ta’ ikliet ippreparati”, li għalihom tapplika r-rata tal-VAT ta’ 5 %, l-awtorità fiskali, permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ April 2017, irrettifikat l-ammont tal-VAT dovut mir-rikorrent fil-kawża prinċipali għall-perijodu ta’ referenza. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-awtorità fiskali tat-tieni istanza.

19      Permezz ta’ sentenza tal-1 ta’ Marzu 2018, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra d-deċiżjoni tal-awtorità fiskali tat-tieni istanza u kkonfermat it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

20      Il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice) irrilevat, bħall-awtorità fiskali, li l-possibbiltà offruta lill-klijenti li jikkonsmaw fuq il-post il-platt mixtri, mingħajr ebda preparazzjoni addizzjonali ma tkun neċessarja, kienet teċċedi s-sempliċi provvista ta’ platt sa fejn dan tal-aħħar, minkejja li ma jeħtieġx preparazzjonijiet tal-ikel addizzjonali min-naħa tal-klijent, kellu madankollu jiġi msaħħan jew imħallat sabiex ikun jista’ jiġi kkonsmat direttament.

21      Is-sentenza mogħtija mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Gliwice) ġiet ikkontestata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja).

22      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fl-Artikolu 5a tal-Liġi tal-VAT, ir-Repubblika tal-Polonja użat il-possibbiltà għall-Istati Membri, prevista fl-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, li jnaqqsu r-rata tal-VAT applikabbli għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi li jinsabu fl-Anness III ta’ din id-direttiva. Madankollu, dik il-qorti tesprimi dubji dwar it-traspożizzjoni fid-dritt Pollakk tal-Artikolu 98 tal-imsemmija direttiva u tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, minħabba r-riferiment li jsir f’dan id-dritt, mhux għan-NM, iżda għall-PKWiU, li hija klassifikazzjoni tal-attivitajiet għal finijiet ta’ statistika li jiddefinixxu, b’mod partikolari, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċetti li jinsabu fih skont l-attività ta’ entitajiet speċifiċi u mhux, bħalma huwa l-każ fil-qasam tal-VAT, abbażi tas-suġġett ta’ din it-taxxa.

23      Għalhekk, skont is-sistema stabbilita fid-dritt Pollakk, ir-rata mnaqqsa li tapplika għal tranżazzjoni taxxabbli hija ddeterminata biss abbażi tat-taqsima tal-PKWiU li hija taqa’ taħtha, b’tali mod li l-fatt li din it-tranżazzjoni tiġi kklassifikata bħala “provvista ta’ merkanzija” jew bħala “provvista ta’ servizzi” huwa irrilevanti. Skont din is-sistema, it-tranżazzjonijiet taxxabbli li jaqgħu taħt il-kategorija ta’ “ikliet u ikliet ippreparati”, fis-sens tas-subklassi 10.85.1 tal-PKWiU, huma suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 5 %, filwaqt li dawk li jaqgħu taħt is-“servizzi ta’ catering”, fis-sens tat-taqsima ex 56 tal-PKWiU, huma suġġetti għal rata mnaqqsa ta’ VAT ta’ 8 %.

24      Il-qorti tar-rinviju tirrileva, madankollu, li, skont il-metodu ta’ klassifikazzjoni adottat, is-“servizzi ta’ catering”, fis-sens tat-taqsima ex 56 tal-PKWiU, jikkostitwixxu kategorija iktar wiesgħa minn dik tas-“servizzi tar-ristoranti u tal-catering”, fis-sens tal-punt 12a tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

25      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “ikliet u ikliet ippreparati”, il-qorti tar-rinviju tindika li dan għandu jiġi interpretat konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tistaqsi dwar kif il-kriterju bbażat fuq il-metodu ta’ preparazzjoni tal-platti, applikat mill-awtorità fiskali u mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (il-Qorti Amministrattiva ta’ Gliwice), huwa rilevanti sabiex dan il-kunċett jiġi distint minn dak ta’ “servizz ta’ ristorant”. Dik il-qorti tqis, fil-fatt, li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-preparazzjoni ta’ prodott finali sħun ma tistax, waħedha, tagħti n-natura ta’ provvista ta’ servizzi lit-tranżazzjoni kkonċernata (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punti 68 u 69).

26      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-kriterji li jippermettu li ssir id-distinzjoni bejn il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi fil-qasam tal-bejgħ tal-ikel u tax-xorb ġew elaborati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-2 ta’ Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien (C-231/94, EU:C:1996:184), mogħtija qabel ma s-“servizzi fir-ristoranti u tal-catering” ġew iddefiniti fid-dritt tal-Unjoni, fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011. Għalhekk, skont dik il-qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk dawn il-kriterji għadhomx validi.

27      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tenfasizza n-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-metodi kollha ta’ bejgħ applikati mir-rikorrent fil-kawża prinċipali sabiex issir distinzjoni bejn il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi, filwaqt li tippreċiża li kull wieħed minn dawn il-metodi jippreżenta elementi li jirrigwardaw kemm dawk tal-ewwel kif ukoll dawk tat-tieni. L-unika differenza tinsab, skont dik il-qorti, fil-portata tal-infrastruttura proposta mill-bejjiegħ u fl-aspettattivi tal-klijenti fir-rigward tal-importanza tal-elementi li jaqgħu taħt il-provvista ta’ servizzi.

28      Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, ikun x’ikun il-metodu ta’ bejgħ, il-provvista ta’ servizzi, b’mod partikolari l-possibbiltà li jiġi kkonsmat fuq il-post il-platt jew l-ikliet mixtrija, għandha biss natura potenzjali u tiddependi mill-għażla tal-klijent. Minħabba s-sistema ta’ bejgħ issemplifikat kif ukoll il-mod kif jiġu servuti u ppakkjati dawn il-platti jew ikliet, ma jkunx possibbli, fl-istadju tal-bejgħ, li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi platt jew ikliet humiex ser jiġu kkonsmati fuq il-post jew jekk dan huwiex bejgħ take-away.

29      Huwa f’dan il-kuntest li n-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Il-kunċett ta’ “servizzi ta’ ristoranti” li għalihom tapplika rata mnaqqsa ta’ VAT (Artikolu 98(2) tad-Direttiva [tal-VAT], moqri flimkien mal-punt (12a) tal-Anness III tagħha u mal-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni [Nru 282/2011]), ikopri l-bejgħ ta’ ikliet ippreparati minn qabel taħt il-kundizzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, jiġifieri f’sitwazzjoni fejn:

–        il-bejjiegħ jipprovdi lix-xerrejja infrastruttura li tippermettilhom jikkonsumaw l-ikla tagħhom fuq il-post (spazju separat intiż għall-konsum tal-ikel, aċċess għat-tojlits);

–        ma hemm ebda servizz speċjali pprovdut minn wejters;

–        ma hemm ebda servizz fil-veru sens tal-kelma;

–        il-proċess biex issir l-ordni huwa ssemplifikat u parzjalment awtomatizzat;

–        il-possibbiltà li l-klijent jippersonalizza l-ordni tiegħu hija limitata?

(2)      Il-mod kif jiġu ppreparati l-ikliet huwa rilevanti għar-risposta tal-ewwel domanda, b’mod partikolari l-fatt li ċerti prodotti nofshom lesti jiġu msaħħna u li l-ikliet ippreparati minn qabel jiġu komposti minn prodotti nofshom lesti?

(3)      Il-fatt li l-klijent għandu l-possibbiltà juża l-infrastruttura proposta huwa suffiċjenti għar-risposta tal-ewwel domanda, jew għandu jiġi stabbilit li, mill-perspettiva tal-klijent medju, dan l-element jikkostitwixxi element essenzjali tas-servizz ipprovdut?”

 Fuq id-domandi preliminari

30      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda tistaqsi, essenzjalment, jekk l-attività ta’ persuna taxxabbli, li tikkonsisti fil-bejgħ, skont diversi modalitajiet, ta’ ikliet u ta’ ikliet lesti li jiġu kkonsmati, taqax fil-kategorija tas-“servizzi fir-ristoranti u tal-catering” li għalihom tista’ tiġi applikata rata mnaqqsa ta’ VAT skont l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-punt 12a tal-Anness III ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011.

31      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja joriġinaw mid-dubji li l-qorti tar-rinviju għandha f’dak li jirrigwarda l-mod kif il-leġiżlatur Pollakk ittraspona, fid-dritt nazzjonali, l-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-Anness III ta’ din tal-aħħar.

32      Id-dubji li għandha dik il-qorti jirrigwardaw, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanza li, fil-fehma tagħha, is-“servizzi ta’ catering”, fis-sens tat-taqsima ex 56 tal-PKWiU, jikkostitwixxu kategorija iktar wiesgħa minn dik li tinsab fil-punt 12a tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT.

33      Fil-fatt, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-intestatura ex 56 tal-PKWiU tinkludi kemm parti mis-servizzi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi tar-ristoranti u tal-catering”, fis-sens tal-punt 12a tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, kif ukoll parti mill-oġġetti li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “oġġetti ta’ l-ikel”, fis-sens tal-punt 1 tal-Anness III.

34      Konsegwentement, minn naħa, il-metodu ta’ klassifikazzjoni magħżul mir-Repubblika tal-Polonja jwassal, essenzjalment, għal sitwazzjoni li fiha tranżazzjonijiet taxxabbli differenti, li jaqgħu taħt żewġ kategoriji distinti tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, jistgħu jiġu kklassifikati, fil-livell nazzjonali, fl-istess kategorija u suġġetti għall-istess rata mnaqqsa. Min-naħa l-oħra, dan il-metodu jimplika li żewġ rati mnaqqsa ta’ VAT differenti jistgħu japplikaw għall-istess kategorija, li tinsab f’dan l-Anness III, minħabba l-fatt li, fil-livell nazzjonali, il-kontenut ta’ din il-kategorija huwa s-suġġett ta’ diversi taqsimiet tal-PKWiU.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-VAT, l-istess rata ta’ VAT, jiġifieri r-rata normali stabbilita minn kull Stat Membru, hija bħala prinċipju applikabbli għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi.

36      B’deroga minn dan il-prinċipju, hija prevista l-possibbiltà li jiġu applikati rati mnaqqsa ta’ VAT, abbażi tal-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva. Għal dan l-għan, l-Anness III tal-imsemmija direttiva jelenka, b’mod eżawrjenti, il-kategoriji ta’ kunsinni ta’ oġġetti u ta’ provvisti ta’ servizzi li jistgħu jkunu suġġetti għal dawn ir-rati mnaqqsa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Segler-Vereinigung Cuxhaven, C-715/18, EU:C:2019:1138, punt 22).

37      L-għan tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri li jipprevedu rati mnaqqsa ta’ VAT huwa li jagħmel inqas oneruż, u, konsegwentement, iktar aċċessibbli għall-konsumatur finali, li finalment iħallas il-VAT, ċerti oġġetti u servizzi meqjusa bħala partikolarment neċessarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C-573/15, EU:C:2017:189, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, jiddeterminaw iktar preċiżament fost il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi inklużi fil-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT dawk li fir-rigward tagħhom tapplika r-rata mnaqqsa (sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ, C-499/16, EU:C:2017:846, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 98(3) tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-NM meta japplikaw ir-rati mnaqqsa għall-kategoriji li jagħmlu riferiment għal kunsinni ta’ oġġetti, sabiex jiddelimitaw bi preċiżjoni l-kategorija kkonċernata. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-użu tan-NM huwa biss metodu fost oħrajn sabiex il-kategorija kkonċernata tiġi ddelimitata bi preċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, AZ, C-499/16, EU:C:2017:846, punt 25.

40      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, sakemm it-tranżazzjonijiet li għalihom tapplika r-rata mnaqqsa jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT u li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jiġi osservat, il-leġiżlatur nazzjonali huwa liberu, meta huwa jiddelimita, fid-dritt intern tiegħu, il-kategoriji li għalihom huwa għandu l-intenzjoni li japplika din ir-rata mnaqqsa, li jikklassifika l-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi inklużi fil-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT skont il-metodu li huwa jqis bħala l-iktar xieraq.

41      Bla ħsara għall-osservanza tal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-leġiżlatur nazzjonali jista’ jikklassifika fl-istess kategorija tranżazzjonijiet taxxabbli differenti, inklużi f’kategoriji distinti ta’ dan l-Anness III, mingħajr ma jagħmel distinzjoni formali bejn il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi. Bl-istess mod, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, ftit jimporta li l-leġiżlatur nazzjonali għażel li juża, sabiex jindika kategorija tal-klassifikazzjoni tiegħu, termini simili għal dawk ta’ wieħed mill-punti tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT filwaqt li żamm kamp ta’ applikazzjoni iktar wiesa’ minn dak tal-kategorija msemmija fil-punt ikkonċernat peress li l-oġġetti u s-servizzi msemmija fih huma taxxabbli bir-rata mnaqqsa tal-VAT.

42      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu u fid-dawl, b’mod partikolari, tas-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, Pro Med Logistik u Pongratz (C-454/12C-455/12, EU:C:2014:111, punti 43 u 44), id-Direttiva tal-VAT, barra minn hekk, ma tipprekludix li kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li jifformaw parti mill-istess kategorija tal-Anness III ta’ din id-direttiva jkunu suġġetti għal żewġ rati mnaqqsa ta’ VAT differenti.

43      Wara li ġie ppreċiżat dan, għandu jitfakkar li, meta jagħżlu li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT waħda jew tnejn għal waħda mill-24 kategorija ta’ kunsinni ta’ oġġetti jew ta’ provvisti ta’ servizzi li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT jew, jekk ikun il-każ, li jillimitaw l-applikazzjoni tagħha b’mod selettiv għal parti mill-kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C-573/15, EU:C:2017:189, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      Dan il-prinċipju jipprekludi li, mill-perspettiva tal-VAT, kunsinni ta’ oġġetti jew provvisti ta’ servizzi li jixxiebhu, li jkunu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti (sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2017, Oxycure Belgium, C-573/15, EU:C:2017:189, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Segler-Vereinigung Cuxhaven, C-715/18, EU:C:2019:1138, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-qorti nazzjonali li għandha mhux biss tivverifika li l-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li japplika rata mnaqqsa ta’ VAT waħda jew tnejn tirrigwarda tranżazzjonijiet li jaqgħu taħt kategorija waħda jew iktar li jinsabu fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, iżda wkoll li t-trattament differenti mill-perspettiva tal-VAT tal-kunsinni ta’ oġġetti jew tal-provvisti ta’ servizzi li jaqgħu taħt l-istess kategorija ta’ dan l-anness josserva l-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

46      Peress li l-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet taxxabbli skont il-kategoriji tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT hija prerekwiżit indispensabbli għall-verifika tal-applikabbiltà ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tiddefinixxi l-kriterji utli għal din l-evalwazzjoni, li taqa’ f’idejn il-qorti nazzjonali.

47      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva tal-VAT tistabbilixxi sistema komuni tal-VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 2018, Polfarmex, C-421/17, EU:C:2018:432, punt 27, u tal-11 ta’ Mejju 2017, Posnania Investment, C-36/16, EU:C:2017:361, punt 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Fil-każ ta’ tranżazzjoni kumplessa, ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u atti marbuta mill-qrib li oġġettivament jifformaw tranżazzjoni ekonomika waħda li ma tistax tiġi sseparata, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk din it-tranżazzjoni għandhiex tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi, iċ-ċirkustanzi kollha li fihom l-imsemmija tranżazzjoni sseħħ sabiex jiġu mfittxija l-elementi karatteristiċi u predominanti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li l-element predominanti għandu jiġi stabbilit abbażi tal-perspettiva tal-konsumatur medju u b’kunsiderazzjoni, bl-evalwazzjoni tal-elementi kollha, tal-importanza mhux biss kwantitattiva iżda wkoll kwalitattiva tal-elementi tal-provvista ta’ servizzi meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt kunsinna ta’ oġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punt 62).

50      F’dan ir-rigward, peress li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett tkun dejjem akkumpanjata minn provvista ta’ servizzi minima, bħall-preżentazzjoni tal-prodotti fuq xkafef jew il-ħruġ ta’ fattura, huma biss is-servizz distinti minn dawk li neċessarjament jakkumpanjaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat is-sehem li għandha l-provvista ta’ servizzi fit-tranżazzjoni kumplessa kollha li tinkludi wkoll il-kunsinna ta’ oġġetti (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punt 63 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’mod partikolari, li t-tranżazzjoni ta’ catering hija kkaratterizzata minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti, li l-kunsinna tal-ikel hija biss komponent wieħed tagħha, li fi ħdanha s-servizzi huma fil-parti l-kbira predominanti u li din it-tranżazzjoni għandha, konsegwentement, titqies bħala “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li sar l-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-VAT. Min-naħa l-oħra, dan ikun differenti meta t-tranżazzjoni tirrigwarda ikel take-away u li ma tiġix akkumpanjata b’servizzi intiżi li jtejbu l-konsum fuq il-post f’qafas adegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien, C-231/94, EU:C:1996:184, punt 14, u tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punt 64 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

52      Għaldaqstant, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet ta’ catering imwettqa fuq ferry-boats, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunsinna ta’ ikel ippreparat u ta’ xarbiet lesti għall-konsum immedjat hija r-riżultat ta’ serje ta’ servizzi li jvarjaw mit-tisjir ta’ dan l-ikel sal-għoti materjali tiegħu fuq mejda u li din il-kunsinna tkun akkumpanjata mit-tpoġġija għad-dispożizzjoni tal-klijent ta’ infrastruttura li tinkludi kemm sala ta’ ristorant b’faċilitajiet, bħal vestjarju, kif ukoll l-għamara u r-reċipjenti ta’ fuq il-mejda. Fejn ikun xieraq jiġu pprovduti persuni fiżiċi li l-attività professjonali tagħhom tikkonsisti fit-twettiq ta’ dawn it-tranżazzjonijiet ta’ catering sabiex jarmaw l-imwejjed, jagħtu parir lill-klijent u jagħtuh spjegazzjonijiet dwar l-ikel jew ix-xarbiet proposti, iservu dawn il-prodotti fuq il-mejda u, finalment, jiżbarazzaw l-imwejjed wara l-konsum (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien, C-231/94, EU:C:1996:184, punt 13).

53      Dejjem fir-rigward tal-elementi ta’ provvista ta’ servizzi li jikkaratterizzaw it-tranżazzjonijiet ta’ catering u, b’mod partikolari, tal-infrastruttura pprovduta lill-klijent, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, madankollu, meta l-provvista tal-ikel tkun akkumpanjata biss mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ installazzjonijiet bażiċi, jiġifieri minn sempliċi bankijiet għall-konsum, mingħajr ebda possibbiltà li wieħed ipoġġi, li jippermettu biss lil numru limitat ta’ klijenti li jikkonsmaw fuq il-post u fil-beraħ, li jippreżupponu biss intervent uman negliġibbli, dawn l-elementi jikkostitwixxu biss provvisti aċċessorji minimi li ma humiex ta’ natura li jbiddlu n-natura predominanti tal-provvista prinċipali, jiġifieri dik ta’ kunsinna ta’ oġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punt 70).

54      F’dak li jikkonċerna l-preparazzjoni tal-prodotti, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-provvista ta’ ikel ippreparat tippreżupponi t-tisjir jew it-tisħin tiegħu mill-ġdid, li jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tat-tranżazzjoni kkonċernata għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tagħha bħala kunsinna ta’ oġġetti jew provvista ta’ servizzi. Madankollu, minkejja li l-preparazzjoni tal-prodott finali sħun hija limitata, essenzjalment, għal azzjonijiet qosra u standardizzati, li, ġeneralment, isiru mhux fuq ordni ta’ klijent partikolari, iżda b’mod kostanti jew regolari skont it-talba prevedibbli b’mod ġenerali, din ma tikkostitwixxix l-element predominanti tat-tranżazzjoni kkonċernata u ma tistax, waħidha, tagħti lil dik it-tranżazzjoni n-natura ta’ provvista ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punti 67 u 68).

55      Barra minn hekk, kif tosserva l-qorti tar-rinviju, il-leġiżlatur tal-Unjoni intervjena wkoll sabiex jiggarantixxi l-applikazzjoni uniformi tas-sistema tal-VAT, sabiex jippreċiża l-kriterju li jippermetti li jiġu kklassifikati tranżazzjonijiet ta’ servizzi ta’ ristorant jew ta’ catering permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, applikabbli, skont l-Artikolu 65 tiegħu, mill-1 ta’ Lulju 2011.

56      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 jipprevedi li “[s]ervizzi fir-ristoranti u tal-catering tfisser servizzi li jikkonsistu mill-forniment ta’ ikel jew xorb ippreparat jew mhux ippreparat jew it-tnejn li huma, għall-konsum tal-bniedem, akkumpanjat minn servizzi ta’ sostenn suffiċjenti għall-konsum immedjat tagħhom”, li “[i]d-dispożizzjoni ta’ ikel u xorb jew it-tnejn li huma hija element uniku fost għaqda sħiħa ta’ elementi li fiha s-servizzi se jippredominaw” u li “[s]-servizzi fir-ristoranti huma l-forniment ta’ tali servizzi fil-bini tal-fornitur, u s-servizzi ta’ catering huma l-forniment ta’ tali servizzi ’l barra mill-kwartieri tal-fornitur”.

57      L-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jippreċiża li “[l-]forniment ta’ ikel jew xorb jew it-tnejn, ippreparat jew mhux ippreparat, kemm jekk jinkludi jew ma jinkludix it-trasport tiegħu iżda mingħajr ebda servizz ta’ appoġġ ieħor, ma għandux jitqies bħala servizz ta’ ristorant jew tal-catering fis-sens tal-paragrafu 1”.

58      Għalhekk, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni taxxabbli bħala “servizzi fir-ristoranti u tal-catering”, il-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jagħti importanza determinanti mhux lill-mod ta’ preparazzjoni tal-ikel jew tal-kunsinna tiegħu, iżda lill-implimentazzjoni ta’ servizzi relatati li jakkumpanjaw il-provvista tal-ikel ippreparat, liema servizzi għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jiżguraw il-konsum immedjat ta’ dan l-ikel u predominanti meta mqabbla mal-provvista tiegħu.

59      Għaldaqstant, mid-definizzjoni tas-“servizzi fir-ristoranti u tal-catering” stabbilita fl-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, moqrija fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-kriterji determinanti sabiex jiġi evalwat jekk is-servizzi li jakkumpanjaw il-provvista ta’ ikel ippreparat jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “servizzi ta’ sostenn” huma relatati mal-livell ta’ servizzi offruti lill-konsumatur.

60      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, elementi bħall-preżenza ta’ waiters, l-eżistenza ta’ servizz li jikkonsisti, b’mod partikolari, fit-trażmissjoni tal-ordnijiet tal-kċina, fil-preżentazzjoni sussegwenti tal-platti u s-servizzi tagħhom fuq il-mejda lill-klijenti, l-eżistenza ta’ bini magħluq bl-arja kkundizzjonata speċjalment għall-konsum tal-ikel, jew ukoll il-preżenza ta’ vestjarji u ta’ toilets kif ukoll il-provvista ta’ reċipjenti, ta’ għamara u ta’ pożati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09C-502/09, EU:C:2011:135, punt 69).

61      Wara li dan ġie ppreċiżat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 92 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji għandha tiġi kkombinata mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-għażla tal-konsumatur li jibbenefika mis-servizzi relatati mal-provvista tal-ikel jew tax-xorb, li ser jiġi preżunt skont il-mod ta’ bejgħ tal-ikel għall-konsum immedjat.

62      Kif tfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, fil-fatt, fil-każ tas-servizzi kumplessi, l-element predominanti ta’ tranżazzjoni għandu jiġi ddeterminat abbażi tal-perspettiva tal-konsumatur. Issa, meta dan tal-aħħar jagħżel li ma jibbenefikax mill-mezzi materjali u umani mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna taxxabbli, dawn il-mezzi ma humiex determinanti għal dan il-konsumatur. Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li ebda servizz relatat ma jakkumpanja l-provvista ta’ ikel jew ta’ xorb u li t-tranżazzjoni kkonċernata għandha tiġi kklassifikata bħala kunsinna ta’ oġġetti.

63      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, fid-dawl tal-kriterji esposti fil-punt 60 ta’ din is-sentenza, jekk id-diversi sistemi ta’ bejgħ implimentati mill-persuna taxxabbli jaqgħux jew le taħt il-kunċett ta’ “servizzi fir-ristoranti u tal-catering”.

64      F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-fatt li t-tranżazzjonijiet ikkonċernati jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “servizzi fir-ristoranti u tal-catering” jew dak ta’ “affarijiet tal-ikel”, fis-sens tal-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, jista’ ma jkollux effett fuq l-għażla tar-rata mnaqqsa tal-VAT applikabbli mill-Istat Membru. Fil-fatt, kif ġie ppreċiżat fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, kull Stat Membru huwa liberu li jikklassifika fl-istess kategorija u li jintaxxa bl-istess rata mnaqqsa ta’ VAT tranżazzjonijiet taxxabbli differenti, inklużi f’kategoriji distinti ta’ dan l-anness, mingħajr ma jagħmel distinzjoni formali bejn il-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi.

65      Min-naħa l-oħra, jekk rati tal-VAT imnaqqsa differenti japplikaw għall-kunsinni ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi jew għal parti minnhom, kif irrilevat il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, hija l-persuna taxxabbli li għandha żżomm kontabbiltà adegwata u, b’mod partikolari, li żżomm kopja tal-fatturi kollha li tkun ħarġet li jiġġustifikaw l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2018, Fontana, C-648/16, EU:C:2018:932, punt 31).

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-punt 12a tal-Anness III ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi fir-ristoranti u tal-catering” il-provvista ta’ ikel li jkun akkumpanjat minn servizzi relatati suffiċjenti, intiżi sabiex jippermettu l-konsum immedjat ta’ dan l-ikel mill-klijent finali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Meta l-klijent finali jagħżel li ma jibbenefikax mill-mezzi materjali u umani mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna taxxabbli sabiex jakkumpanja l-konsum tal-ikel ipprovdut, hemm lok li jitqies li ebda servizz relatat ma jakkumpanja l-provvista ta’ dan l-ikel.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 98(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/47/KE tal-5 ta’ Mejju 2009 dwar rati mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 12a tal-Anness III ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat fis-sens li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “servizzi fir-ristoranti u tal-catering” il-provvista ta’ ikel li jkun akkumpanjat minn servizzi relatati suffiċjenti, intiżi sabiex jippermettu l-konsum immedjat ta’ dan l-ikel mill-klijent finali, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Meta l-klijent finali jagħżel li ma jibbenefikax mill-mezzi materjali u umani mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu mill-persuna taxxabbli sabiex jakkumpanja l-konsum tal-ikel ipprovdut, hemm lok li jitqies li ebda servizz relatat ma jakkumpanja l-provvista ta’ dan l-ikel.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.