Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 43 u 45 – Direttiva 2006/112/KE, kif emendata bid-Direttiva 2008/8/KE – Artikoli 44, 45 u 47 – Provvista ta’ servizzi – Post ta’ tassazzjoni – Kunċett ta’ ‘stabbiliment permanenti’ – Kiri ta’ beni immobbli fi Stat Membru – Proprjetarju ta’ beni immobbli li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fil-gżira ta’ Jersey”

Fil-Kawża C-931/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2019, fil-proċedura

Titanium Ltd

vs

Finanzamt Österreich, li qabel kien Finanzamt Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, F. Koppensteiner u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Mantl u R. Lyal, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif ukoll tad-Direttiva 2006/112 kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112 kif emendata”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Titanium Ltd, stabbilita f’Jersey, u l-Finanzamt Österreich (l-Uffiċċju Fiskali tal-Awstrija), li qabel kien il-Finanzamt Wien (l-Uffiċċju Fiskali ta’ Vjenna, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju Fiskali”), dwar l-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fuq id-dħul mill-kiri ta’ proprjetà immobbli li tinsab fl-Awstrija fir-rigward tas-snin 2009 u 2010.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2006/112

3

It-Titolu V tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Post ta’ transazzjonijiet taxxabbli”, kien jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu 3, intitolat “Post ta’ provvista ta’ servizzi”, li fih kienu jinsabu l-Artikoli 43 sa 59 ta’ din id-direttiva.

4

L-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/112 kien jipprevedi:

“Il-post minn fejn hu pprovdut is-servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn hu pprovdut is-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.”

5

Skont l-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva:

“Il-post tal-provvista ta’ servizzi li jikkonċernaw proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ aġenti tal-proprjetà u esperti, u servizzi li jikkonċernaw it-tħejjija u l-kordinazzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ periti u ta’ ditti li jipprovdu superviżjoni fuq il-post, għandu jkun il-post fejn tkun tinsab il-proprjetà.”

6

Skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li tkun qed twettaq forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra fejn din titħallas minn persuna oħra fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 194 sa 199 u fl-Artikolu 202.”

7

L-Artikolu 194 tal-imsemmija direttiva kien jipprovdi:

“1.   Fejn il-provvista taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi titwettaq minn persuna taxxabbli li mhijiex stabbilita fl-Istat Membru li fih il-VAT hi dovuta, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-persuna obbligata li tħallas il-VAT hija l-persuna li lilha qed issir il-provvista tal-merkanzija jew servizzi.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1.”

8

L-Artikolu 196 tal-istess direttiva kien jipprevedi:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li lilha ikunu ġew ipprovduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 56 jew kwalunkwe persuna identifikata għall-finijiet tal-VAT fl-Istat Membru li fih hi dovuta t-taxxa li lilha jiġu pprovduti s-servizzi previsti fl-Artikoli 44, 47, 50, 53, 54 u 55, jekk is-servizzi jiġu pprovduti minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita f’dak l-Istat Membru.”

Id-Direttiva 2006/112 kif emendata

9

Id-Direttiva 2008/8 emendat, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, id-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tagħha li jinsabu fil-Kapitolu 3 tat-Titolu V tagħha kif ukoll l-Artikolu 196 tagħha.

10

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata jipprovdi:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”

11

L-Artikolu 45 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti minn stabbiliment fiss tal-fornitur li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn huwa stabbilixxa n-negozju tiegħu, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-fornitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn jirrisjedi normalment.”

12

L-Artikolu 47 tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi relatati mal-proprjetà immobbli, inklużi s-servizzi ta’ esperti, u l-aġenti immobbiljari, il-forniment ta’ alloġġ fis-settur tal-lukandi jew f’setturi b’funzjoni simili, bħal kampijiet għall-btala jew siti żviluppati għall-użu bħala kampeġġi, l-għoti ta’ drittijiet sabiex tintuża proprjetà immobbli u s-servizzi għat-tħejjija u l-koordinazzjoni tax-xogħol ta’ kostruzzjoni, bħalma huma s-servizzi ta’ arkitetti u ta’ ditti li jfornu sorveljanza fuq il-post, għandu jkun il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli.”

13

L-Artikoli 193 u 194 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata huma identiċi għall-Artikoli 193 u 194 tad-Direttiva 2006/112.

14

Skont l-Artikolu 196 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli, jew persuna ġuridika mhux taxxabbli li hi identifikata għall-finijiet tal-VAT, li lilha jiġu fornuti s-servizzi previsti fl-Artikolu 44, jekk s-servizzi jiġu fornuti minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju ta’ l-Istat Membru.”

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011

15

Il-premessa 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112 (ĠU 2011, L 77, p. 1), tiddikjara:

“Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ lokalizzazzjoni ta’ transazzjonijiet taxxabli, jeħtieġ li jkunu ċċarati ċerti kunċetti bħas-sede tan-negozju, l-indirizz permanenti, id-domiċilju jew il-post fejn persuna tirrisjedi. B’kont meħud tal-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], l-użu ta’ kriterji ċari u objettivi kemm jista’ jkun għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-kunċetti.”

16

L-Artikolu 11 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jipprovdi:

“1.   Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112/KE ‘l-istabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.

2.   Fl-applikazzjoni tal-Artikoli li ġejjin, ‘stabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika msemmija fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-Regolament, li huwa karatterizzat minn livell ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu jipprovdi s-servizzi li huwa jforni.

(a)

l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(b)

mill-1 ta’ Jannar 2013, it-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2006/112/KE;

(c)

mill-1 ta’ Jannar 2014 l-Artikolu 58 tad-Direttiva 2006/112/KE;

(d)

l-Artikolu 192a tad-Direttiva 2006/112/KE.

3.   Il-fatt li jkollu numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT m’huwiex suffiċjenti fih innifsu biex jitqies li persuna taxxabbi għandha stabbiliment fiss.”

17

Konformement mal-Artikolu 65 tiegħu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li daħal fis-seħħ fl-għoxrin jum mill-pubblikazzjoni tiegħu, jiġifieri fit-12 ta’ April 2011, sar applikabbli b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011.

Id-dritt Awstrijak

18

L-Artikolu 19(1) tal-Umsatzeuergesetz 1994 (il-Liġi tal-1994 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ, BGB1. 663/1994) (iktar ’il quddiem l-“UStG”), fil-verżjoni applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2009, kien jipprovdi:

“Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija l-imprenditur fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1(1) u l-emittent tal-fattura fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(14).

Fir-rigward tal-provvisti l-oħra (ħlief għat-tolleranza bi ħlas tal-użu tat-toroq federali) u fir-rigward tal-provvisti ta’ xogħlijiet, it-taxxa hija dovuta mill-benefiċjarju tal-provvista meta:

l-imprenditur fornitur la jkollu d-domiċilju (l-uffiċċju), la r-residenza abitwali, u lanqas stabbiliment permanenti [Betriebsstätte] fit-territorju nazzjonali, u meta

il-benefiċjarju tal-provvista jkun imprenditur jew persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku.

L-imprenditur fornitur huwa responsabbli għal din it-taxxa.”

19

L-Artikolu 19(1) tal-UStG, fil-verżjoni applikabbli b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa hija l-imprenditur fil-każijiet imsemmija fil-punti 1 u 2 tal-Artikolu 1(1) u l-emittent tal-fattura fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(14).

Fir-rigward tal-provvisti l-oħra (ħlief għat-tolleranza bi ħlas tal-użu tat-toroq federali) u fir-rigward tal-provvisti ta’ xogħlijiet, it-taxxa hija dovuta mill-benefiċjarju tal-provvista meta:

l-imprenditur fornitur ma jkollux, fit-territorju nazzjonali, id-domiċilju (l-uffiċċju), ir-residenza abitwali, jew stabbiliment permanenti [Betriebsstätte] li jipparteċipa fil-kunsinna tal-provvista, u meta

il-benefiċjarju tal-provvista huwa imprenditur fis-sens tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 3a(5), jew huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li ma hijiex imprenditur fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 3a(5).

L-imprenditur fornitur huwa responsabbli għat-taxxa.”

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

20

Titanium hija kumpannija li l-uffiċċju rreġistrat tagħha kif ukoll it-tmexxija tagħha jinsabu f’Jersey u li l-għan statutorju tagħha huwa l-ġestjoni tal-proprjetà immobbli, il-ġestjoni tal-patrimonju u l-ġestjoni ta’ abitazzjonijiet u ta’ akkomodazzjonijiet.

21

Matul is-snin 2009 u 2010, din il-kumpannija kriet, b’kera suġġetta għall-VAT, proprjetà immobbli fi Vjenna (l-Awstrija) li tagħha hija kienet il-proprjetarja lil żewġ imprendituri Awstrijaki.

22

Sabiex twettaq dawn it-tranżazzjonijiet, li kienu l-uniċi mwettqa minn Titanium fl-Awstrija, din il-kumpannija qabbdet kumpannija Awstrijaka li tiġġestixxi l-proprjetajiet immobbli sabiex tagħmilha ta’ intermedjarja mal-prestatarji ta’ servizzi u mal-fornituri, sabiex tiffattura l-kirjiet u l-ispejjeż tal-isfruttament, sabiex iżżomm ir-reġistri kummerċjali u sabiex tipprepara l-informazzjoni għad-dikjarazzjoni tal-VAT. Dawn il-provvisti twettqu mill-mandatarju f’postijiet differenti minn dawk tal-proprjetà li tappartjeni lil Titanium.

23

Madankollu, Titanium żammet is-setgħa ta’ deċiżjoni fir-rigward tal-konklużjoni u tax-xoljiment tal-kirjiet, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u legali tal-kera, fir-rigward tat-twettiq ta’ investimenti u ta’ tiswijiet kif ukoll fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-finanzjament tagħhom, fir-rigward tal-għażla ta’ terzi sabiex jipprovdu servizzi oħra fi stadju preċedenti u, fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għażla, tal-ħatra u tas-superviżjoni tal-kumpannija stess li tiġġestixxi l-proprjetà immobbli.

24

Filwaqt li Titanium qieset li hija ma kinitx responsabbli għall-ħlas tal-VAT fir-rigward tal-attività tagħha ta’ kiri tal-proprjetà immobbli, minħabba li ma kellhiex stabbiliment permanenti fl-Awstrija, l-Uffiċċju Fiskali qies li beni immobbli mqiegħed għall-kiri jikkostitwixxi tali stabbiliment permanenti u, għalhekk, stabbilixxa ammont ta’ VAT li kellu jitħallas minn din il-kumpannija għas-snin 2009 u 2010.

25

Titanium ippreżentat, quddiem il-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi, l-Awstrija), rikors kontra d-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Fiskali li fih sostniet li, fl-assenza ta’ persunal, il-proprjetà immobbli li hija kienet tagħti b’kiri ma setgħetx titqies bħala stabbiliment permanenti.

26

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju Fiskali enfasizza li, skont l-Umsatzsteuerrichtilinien 2000 (id-Direttivi tal-2000 dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ), imprenditur li jkollu, fit-territorju Awstrijak, beni immobbli li huwa jagħti b’kiri suġġett għall-VAT għandu jiġi ttrattat bħala imprenditur nazzjonali u li l-benefiċjarju tal-provvista ma huwiex il-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq din it-tranżazzjoni. B’hekk, skont l-Uffiċċju Fiskali, dejjem ikun hemm stabbiliment permanenti fil-każ ta’ għoti b’kiri ta’ beni immobbli.

27

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li d-dispożizzjoni nazzjonali li hija għandha tapplika hija l-Artikolu 19(1) tal-UStG, li jipprevedi li d-dejn fiskali għandu jiġi ttrasferit lill-benefiċjarju tal-provvista meta l-imprenditur ma joperax l-impriża tiegħu fit-territorju nazzjonali jew ma jkollu ebda stabbiliment permanenti f’dan it-territorju (Betriebsstätte). Hija tispeċifika li din id-dispożizzjoni ma ttrasponietx biss l-Artikolu 196 tad-Direttiva 2006/112, iżda wkoll l-Artikolu 194 tagħha.

28

Il-qorti tar-rinviju tosserva wkoll li, mis-sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, ARO Lease (C-190/95, EU:C:1997:374), u tas-7 ta’ Mejju 1998, Lease Plan (C-390/96, EU:C:1998:206), jirriżulta li l-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” jeħtieġ li l-fornitur għandu jkollu b’mod konkret il-persunal tiegħu stess u li l-użu tal-persunal ta’ impriża mandatarja oħra ma huwiex biżżejjed sabiex tkun stabbilita l-eżistenza ta’ tali kunċett.

29

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li diversi qrati fiskali Ġermaniżi qiesu li, għalkemm ma jimpjega ebda riżorsi umani, park eoliku jista’ jitqies li jikkostitwixxi stabbiliment permanenti meta tali park ikollu valur sinjifikattiv u jippreżenta livell massimu ta’ stabbiltà. Hija tindika li, madankollu, sal-lum il-ġurnata, il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) għadha ma tatx deċiżjoni dwar dan is-suġġett.

30

Il-qorti tar-rinviju għalhekk għandha dubju dwari l-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” fir-rigward ta’ attività li, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tirrikjedi ebda riżorsi tekniċi jew umani għall-eżekuzzjoni tagħha.

31

Kien f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Bundesfinanzgericht (il-Qorti Federali tal-Finanzi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-kunċett ta’ ‘stabbiliment permanenti’ għandu jiġi interpretat fis-sens li tali stabbiliment għandu dejjem ikollu riżorsi umani u tekniċi u li, għaldaqstant, il-fornitur ta’ servizz għandu neċessarjament ikollu, f’dan l-istabbiliment, persunal proprju tiegħu, jew inkella, fil-każ speċifiku tal-kiri taxxabbli ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju nazzjonali, li jikkostitwixxi biss provvista passiva li permezz tagħha l-fornitur jawtorizza lil terz jagħmel xi ħaġa li huwa ma jkunx jista’ jagħmel mingħajr din l-awtorizzazzjoni (Duldungsleistung), din il-proprjetà immobbli tista’ titqies bħala ‘stabbiliment permanenti’ anki fl-assenza ta’ riżorsi umani?”

Fuq id-domanda preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domanda

32

Il-Gvern Awstrijak isostni li huma l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 47 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata, li jipprevedu li l-post tal-provvista ta’ servizzi marbuta ma’ beni immobbli huwa l-post fejn jinsab dan il-beni, li huma intiżi li japplikaw għat-tilwima fil-kawża prinċipali, u mhux l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata.

33

Minn dan huwa jiddeduċi li huma l-Artikolu 194 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 194 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata li huma intiżi li japplikaw f’din il-kawża u mhux, kif tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 196 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 196 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata.

34

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-Artikolu 194 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikolu 194 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata jistabbilixxu dritt ta’ għażla għall-Istati Membri u jħalli f’idejhom sabiex jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, billi jiddeċiedu jekk jittrasferixxux jew le d-dejn fiskali fuq il-benefiċjarju tal-provvista, b’tali mod li l-għażla magħmula mil-leġiżlatur Awstrijak tirrendi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju mingħajr suġġett.

35

Minn dan hija tikkonkludi li l-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” ma għandu ebda rabta mat-tilwima fil-kawża prinċipali, u dan jiġġustifika li t-talba għal deċiżjoni preliminari tiġi ddikjarata inammissibbli.

36

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejnha u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li ser tagħti, li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni (sentenza tad-29 ta’ April 2021, Ubezpieczeniowy Fundusz Gwarancyjny,C-383/19, EU:C:2021:337, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Minn dan isegwi li d-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali ddefinit minnha taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tagħti risposta utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2020, Úrad špeciálnej prokuratúry,C-603/19, EU:C:2020:774, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat, f’dokument tad-19 ta’ Awwissu 2020 ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja, li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna b’mod ġenerali l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti”, li jinsab fid-Direttiva 2006/112 kif ukoll fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, u li din id-domanda ma tagħmel ebda riferiment konkret għall-Artikolu 194 jew għall-Artikolu 196 ta’ din id-direttiva. Hija enfasizzat li l-kwistjoni ta’ jekk it-tilwima fil-kawża prinċipali taqax taħt wieħed jew l-ieħor minn dawn l-artikoli hija, fl-aħħar mill-aħħar, kwistjoni anċillari sa fejn iż-żewġ artikoli jqajmu l-kwistjoni ta’ f’liema Stat hija stabbilita l-persuna taxxabbli, li jimplika li, fiż-żewġ każijiet, għandu jiġi deċiż jekk jeżistix jew le stabbiliment permanenti.

39

Għaldaqstant, il-pożizzjoni legali tar-Repubblika tal-Awstrija ma hijiex l-unika interpretazzjoni possibbli li tista’ tingħata u għalhekk ma tistax tirrendi d-domanda preliminari inammissibbli.

Fuq il-mertu

40

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk proprjetà immobbli mogħtija b’kiri fi Stat Membru hijiex stabbiliment permanenti, fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll tal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata, f’ċirkustanzi fejn il-proprjetarju ta’ din il-proprjetà immobbli ma jkollux il-persunal tiegħu stess sabiex iwettaq il-provvista marbuta mal-kiri.

41

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-qorti tar-rinviju ma hijiex qiegħda tispeċifika jekk hija tixtieqx teżamina jekk din il-proprjetà immobbli tistax tiġi kklassifikata bħala stabbiliment permanenti ta’ persuna taxxabbli li tirċievi jew, għall-kuntrarju, li tipprovdi servizzi marbuta mal-kiri li għalih hija suġġetta din il-proprjetà immobbli. Madankollu, huwa possibbli li tingħata risposta għad-domanda preliminari billi jittieħdu inkunsiderazzjoni dawn iż-żewġ alternattivi.

42

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” jeħtieġ konsistenza minima, bil-preżenza permanenti tar-riżorsi umani u tekniċi meħtieġa għall-provvisti ta’ servizzi partikolari. Għaldaqstant, dan il-kunċett jeħtieġ livell suffiċjenti ta’ permanenza u struttura adegwata, mill-perspettiva tar-riżorsi umani u tekniċi, sabiex ikunu possibbli, b’mod awtonomu, il-provvisti ta’ servizzi kkunsidrati (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg,C-73/06, EU:C:2007:397, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod partikolari, struttura mingħajr persunal tagħha stess ma tistax taqa’ taħt dan il-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 1997, ARO Lease,C-190/95, EU:C:1997:374, punt 19).

43

Din il-ġurisprudenza hija kkorroborata mill-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li jipprovdi li stabbiliment permanenti huwa kkaratterizzat, b’mod partikolari, minn struttura adatta, “f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi”. Għalkemm huwa minnu li, skont l-Artikolu 65 tiegħu, kien biss fl-1 ta’ Lulju 2011 li dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni sar applikabbli, u għalhekk ma japplikax ratione temporis għat-tilwima fil-kawża prinċipali, il-premessa 14 tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni tiddikjara li dan huwa intiż li jispeċifika ċerti kunċetti, inkluż il-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti”, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44

F’dan il-każ, mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma għandha ebda persunal tagħha stess fl-Awstrija u li l-persuni responsabbli għal ċerti kompiti ta’ ġestjoni tqabbdu kuntrattwalment minn din il-kumpannija, li min-naħa tagħha rriżervat id-deċiżjonijiet importanti kollha li jikkonċernaw il-kiri tal-proprjetà immobbli inkwistjoni.

45

Issa, proprjetà immobbli li ma jkollha ebda riżorsi umani li jagħtuha l-kapaċità taġixxi b’mod awtonomu manifestament ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza sabiex tiġi kklassifikata bħala stabbiliment permanenti, la fis-sens tad-Direttiva 2006/112 u lanqas fis-sens tad-Direttiva 2006/112 kif emendata.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li proprjetà immobbli mogħtija b’kiri fi Stat Membru, f’ċirkustanzi fejn il-proprjetarju ta’ din il-proprjetà immobbli ma għandux il-persunal tiegħu stess sabiex jeżegwixxi l-provvista marbuta mal-kiri, ma hijiex stabbiliment permanenti fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll tal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Proprjetà immobbli mogħtija b’kiri fi Stat Membru, f’ċirkustanzi fejn il-proprjetarju ta’ din il-proprjetà immobbli ma għandux il-persunal tiegħu stess sabiex jeżegwixxi l-provvista marbuta mal-kiri, ma hijiex stabbiliment permanenti fis-sens tal-Artikolu 43 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud kif ukoll tal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.