Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

23.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 95/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fit-13 ta’ Awwissu 2019 – Vikingo Fővállalkozó Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-610/19)

(2020/C 95/06)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Vikingo Fővállalkozó Kft.

Konvenuta: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

Huma konformi mal-Artikoli 168(a) u 178(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), flimkien mal-Artikoli 220(a) u 226 tal-istess direttiva, u mal-prinċipju ta’ effettività, interpretazzjoni ġuridika nazzjonali u prattika nazzjonali skont liema, meta jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti sostantivi tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa, ma huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement ikollu fattura li l-kontenut tagħha jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 226 tal-imsemmija direttiva, iżda li l-persuna taxxabbli, sabiex teżerċita leġittimament id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa abbażi tal-fattura inkwistjoni, għandha, barra minn hekk, ikollha provi dokumentali addizzjonali li mhux biss għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2006/112, iżda wkoll jissodisfaw il-prinċipji tar-regoli nazzjonali dwar il-kontabbiltà u d-dispożizzjonijiet speċifiċi fil-qasam ta’ dokumenti ta’ sostenn, u skont liema kull wieħed mill-membri tal-katina għandu jiftakar u jiddikjara bl-istess mod kull dettall tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi li jattestaw dawn id-dokumenti ta’ sostenn?

2)

Huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar [it-tnaqqis tal-VAT] u mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, interpretazzjoni ġuridika nazzjonali u prattika nazzjonali skont liema, fil-każ ta’ tranżazzjoni f’katina, indipendentement minn kwalunkwe ċirkustanza oħra, għas-sempliċi fatt li t-tranżazzjoni tkun ta’ dan it-tip, jiġi impost fuq kull wieħed mill-membri tal-katina l-obbligu li jivverifikaw l-elementi tat-tranżazzjoni ekonomika magħmula minnhom u r-rekwiżit li jisiltu minn din il-verifika konsegwenzi rigward il-persuna taxxabbli li tinsab fit-tarf l-ieħor tal-katina, kif ukoll li l-persuna taxxabbli jitneħħielha d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] għar-raġuni li l-istabbiliment tal-katina, minkejja li ma huwiex ipprojbit mid-dritt nazzjonali, ma kienx iġġustifikat [raġonevolment] minn perspettiva ekonomika? F’dan il-kuntest, fil-każ ta’ tranżazzjoni f’katina, fir-rigward tal-eżami taċ-ċirkustanzi oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut tad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT], meta jiġu ddeterminati u evalwati n-natura rilevanti u s-saħħa probatorja tal-provi li huwa bbażat fuqhom ir-rifjut tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, jistgħu jiġu applikati biss id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 u tad-dritt nazzjonali dwar it-tnaqqis tat-taxxa bħal regoli sostantivi li jispeċifikaw il-fatti rilevanti dwar id-determinazzjoni tal-qafas fattwali, jew għandhom jiġu applikati wkoll bħala regoli speċjali d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-kontabbiltà tal-Istat Membru inkwistjoni?

3)

Huma konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar it-[tnaqqis tal-VAT] u mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, interpretazzjoni nazzjonali u prattika nazzjonali skont liema l-persuna taxxabbli, li tuża l-merkanzija għan-neċessitajiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha fl-Istat Membru li fih twettaq tali tranżazzjonijiet u li għandha fattura konformement mad-Direttiva 2006/112, jitneħħielha d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] għar-raġuni li ma għandhiex għarfien tal-elementi kollha [tat-tranżazzjoni] mwettqa mill-membri tal-katina, jew abbażi ta’ ċirkustanzi relatati mal-membri tal-katina qabel l-emittent tal-fattura u li dwarhom il-persuna taxxabbli ma seta’ jkollha ebda influwenza għal raġunijiet ’il barra mill-kontroll tagħha, kif ukoll li d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] huwa suġġett għar-rekwiżit li l-persuna taxxabbli tissodisfa, fir-rigward tal-miżuri raġonevolment imposti fuqha, obbligu ġenerali ta’ verifika li għandha teżerċita mhux biss qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, iżda wkoll matul u wara l-eżekuzzjoni tiegħu? F’dan il-kuntest, il-persuna taxxabbli hija obbligata tastjeni milli teżerċita d-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] meta, fir-rigward ta’ kwalunkwe element tat-tranżazzjoni ekonomika indikata fuq il-fattura, f’mument qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, jew matul jew wara l-eżekuzzjoni tiegħu, tinnota irregolarità jew issir taf b’ċirkustanza li jkollhom bħala konsegwenza r-rifjut tad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] skont il-prattika tal-amministrazzjoni fiskali?

4)

Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar it-[tnaqqis tal-VAT] u tal-prinċipju ta’ effettività, l-amministrazzjoni fiskali hija obbligata tispeċifika f’xiex tikkonsisti l-frodi fiskali? Huwa xieraq li l-amministrazzjoni fiskali tipproċedi b’tali mod li l-ommissjonijiet u l-irregolaritajiet li ma għandhomx rabta kawżali raġonevoli mad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] li wettqu l-membri tal-katina jitqiesu bħala prova tal-frodi fiskali għar-raġuni li, peress li dawn l-ommissjonijiet u irregolaritajiet għamlu l-kontenut tal-fattura implawżibbli, il-persuna taxxabbli kienet taf jew missha kienet taf bil-frodi fiskali? Fil-każ li teżisti tali frodi fiskali, din iċ-ċirkustanza tiġġustifika li l-verifika rikjesta mill-persuna taxxabbli għandu jkollha l-portata, id-dettall u l-ambitu msemmija iktar ’il fuq, jew dan l-obbligu jeċċedi r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ effettività?

5)

Sanzjoni li tinvolvi r-rifjut tad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] u li tikkonsisti fl-obbligu li titħallas sanzjoni fiskali ekwivalenti għal 200 % tad-differenza fiskali meta t-Teżor Pubbliku ma sostna ebda telf ta’ dħul marbut direttament mad-dritt [għat-tnaqqis tal-VAT] tal-persuna taxxabbli, hija proporzjonata? Il-fatt li jkun hemm xi waħda miċ-ċirkustanzi li tagħmel riferiment għalihom it-tielet sentenza tal-Artikolu 170(1) tal-az adózás rendjéről szóló 2003. évi XCII. Törvény (il-Liġi XCII tal-2003 dwar ir-Regoli ta’ Proċedura Fiskali Ġenerali, iktar ’il quddiem ir-“RPFĠ”) meta l-persuna taxxabbli tkun għamlet disponibbli għall-amministrazzjoni fiskali d-dokumenti kollha li kienu fil-pussess tagħha u inkludiet fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha l-fatturi maħruġa, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni?

6)

Fil-każ li huwa evidenti mir-risposti mogħtija għad-domandi preliminari magħmula li l-interpretazzjoni tar-regola ġuridika nazzjonali segwita wara l-kawża li tat lok għad-digriet tal-10 ta’ Novembru 2016, Signum Alfa Sped (C-446/15, EU:C:2016:869) u l-prattika adottata abbażi tal-istess interpretazzjoni ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar it-[tnaqqis tal-VAT], u fid-dawl tal-fatt li l-qorti tal-ewwel istanza ma tistax tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi kollha, jista’ jitqies, abbażi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li d-dritt tal-persuni taxxabbli li jeżerċitaw azzjoni ġudizzjarja ta’ talba għal danni jiggarantilhom id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u għal qorti imparzjali rrikonoxxut f’dan l-artikolu? F’dan il-kuntest, tista’ tiġi adottata interpretazzjoni li l-għażla tal-forma tad-deċiżjoni mogħtija fil-kawża Signum Alfa Sped tippresupponi li l-kwistjoni kienet diġà rregolata bid-dritt Komunitarju u kienet ġiet ikkjarifikata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li, konsegwentement, it-tweġiba għaliha kienet evidenti, jew pjuttost tfisser li, peress li nbdiet proċedura ġdida, il-kwistjoni ma kinitx ġiet ikkjarifikata kompletament u li, konsegwentement, kien għadu neċessarju li ssir talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika ĠU 2007, L 335, p. 60).