Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

14 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 167 u 168 – Dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa – Rifjut – Frodi – Katina ta’ kunsinni – Rifjut tad-dritt għal tnaqqis meta l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT”

Fil-Kawża C-108/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Berlin-Brandebourg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Frar 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Frar 2020, fil-proċedura

HR

vs

Finanzamt Wilmersdorf,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, E. Juhász u I. Jarukaitis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal HR, minn M. Wulf, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u S. Eisenberg, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u L. Mantl, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 167 u tal-Artikolu 168(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn HR u l-Finanzamt Wilmersdorf (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Wilmersdorf, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tat-Taxxa”) dwar rifjut tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa fuq l-akkwist ta’ xorb magħmul matul is-snin finanzjarji 2009 u 2010.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 167 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fil-Kapitolu 1, intitolat “Oriġini u skop tad-dritt ta’ tnaqqis”, tat-Titolu X ta’ din id-direttiva, intitolat “Tnaqqis”, jistabbilixxi li:

“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

4        Taħt l-istess kapitolu, l-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva jipprevedi li:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

5        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

 Id-dritt Ġermaniż

6        L-Artikolu 15 tal-Umsatzsteuergesetz (il-Liġi dwar il-VAT, BGBI. 2005 I, p. 386), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“L-imprenditur jista’ jnaqqas it-taxxi tal-input imħallsa segwenti:

1.       it-taxxa legalment dovuta fuq kunsinni u provvisti oħra mwettqa minn imprenditur ieħor għall-finijiet tal-impriża tiegħu. L-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis jimplika li l-imprenditur ikollu fil-pussess tiegħu fattura maħruġa f’konformità mal-Artikoli 14 u 14a ta’ din il-liġi. [...]

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Matul is-snin 2009 u 2010, HR operat, b’kollaborazzjoni ma’ żewġha, kummerċ bl-ingrossa ta’ xorb. Fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha relatati ma’ dawn is-snin finanzjarji, hija naqqset il-VAT tal-input imħallsa fir-rigward tal-fatturi maħruġa minn P GmbH, li tammonta għal EUR 993 164 għas-sena 2009 u għal EUR 108 417.87 għas-sena 2010 u li kienet tirrigwarda kunsinni ta’ xorb li twettqu realment.

8        Minn żewġ sentenzi mogħtija minn qorti kriminali, li saru res judicata, jirriżulta li P akkwistat ix-xorb ikkunsinnat lil HR billi wettqet diversi istanzi ta’ frodi fil-qasam tal-VAT. Skont il-konstatazzjonijiet ta’ din il-qorti, il-konjuġi ta’ HR ipprovda lil P kwantitajiet sinjifikattivi ta’ spirti, ta’ kafè u ta’ Red Bull, b’dħul mill-bejgħ ta’ madwar EUR 80 miljun, mingħajr ma ħareġ fatturi għal dawn il-kunsinni. Impjegat ta’ P ħareġ fatturi fittizji dwar ix-xiri ta’ din il-merkanzija li abbażi tagħhom P indebitament invoka d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input. Il-konjuġi ta’ HR qiegħed ukoll għad-dispożizzjoni ta’ P listi ta’ prezzijiet u ta’ klijenti potenzjali għal din il-merkanzija. L-imsemmija merkanzija nbiegħet mill-ġdid lil xerrejja differenti, fosthom HR.

9        Wara l-iskoperta ta’ dawn il-fatti, l-awtorità tat-taxxa rrifjutat lil P il-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u għamlet l-istess fir-rigward ta’ HR billi qieset, essenzjalment, li din tal-aħħar kienet tagħmel parti, flimkien mal-impriża tagħha, mill-katina ta’ kunsinni li fiha kienu twettqu l-istanzi ta’ frodi.

10      HR ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Berlin-Brandenburg, il-Ġermanja), li quddiemha hija ssostni li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet legali sabiex tibbenefika mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa.

11      L-awtorità tat-taxxa tqis, għall-kuntrarju, li, minħabba l-parteċipazzjoni tal-konjuġi ta’ HR kif ukoll minħabba n-natura mhux tas-soltu ta’ din il-prattika kummerċjali, HR kellha tinduna li hija kienet tagħmel parti, flimkien mal-impriża tagħha, minn katina ta’ kunsinni li fiha kienu twettqu l-istanzi ta’ frodi fil-qasam tal-VAT.

12      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “katina ta’ kunsinni”, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, u dwar jekk ir-relazzjonijiet kummerċjali li huma s-suġġett tal-kawża li tressqet quddiemha jistgħux jaqgħu taħt dan il-kunċett, billi tosserva li la HR, billi invokat id-dritt tagħha għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa fuq il-kunsinni ta’ xorb imwettqa minn P, u lanqas din tal-aħħar, bħala fornitriċi tal-merkanzija, ma wettqu frodi tal-VAT fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni.

13      Fil-fehma tagħha, jista’ jitqies li s-sempliċi fatt li persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf bi frodi fiskali mwettqa fi stadju preċedenti tat-tranżazzjoni inkwistjoni jċaħħadha mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa. Il-kunċett ta’ “katina ta’ kunsinni” huwa għalhekk mifhum fis-sens li huwa biżżejjed li l-oġġett ikkunsinnat ikun is-suġġett ta’ diversi tranżazzjonijiet suċċessivi u l-involviment fil-frodi mwettqa upstream jeżisti minħabba s-sempliċi fatt li din tikkonċerna l-istess oġġett, mingħajr ma jkun neċessarju li l-persuna taxxabbli tkun iffaċilitat jew inkoraġġixxiet il-frodi permezz tat-tranżazzjoni inkwistjoni.

14      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tqis li tali interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “katina ta’ kunsinni” hija wiesgħa wisq, fid-dawl tal-prinċipji ta’ newtralità fiskali u ta’ proporzjonalità. Fil-fehma tagħha, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis fil-każ ta’ frodi jista’ jiġi kkunsidrat biss meta mill-kombinazzjoni speċifika tat-tranżazzjonijiet imwettqa suċċessivament tirriżulta n-natura frawdolenti ta’ dawn it-tranżazzjonijiet meħuda fl-intier tagħhom, bħal fil-każ, pereżempju, fejn il-kunsinni suċċessivi jaqgħu fil-kuntest ta’ pjan globali intiż sabiex irendi iktar diffiċli t-traċċabbiltà tal-oġġetti kkunsinnati u, għaldaqstant, l-iskoperta tal-istanzi ta’ frodi mwettqa fil-katina ta’ kunsinni. Tali analiżi hija sostnuta mill-ġurisprudenza li tissuġġetta r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis għal “parteċipazzjoni” jew għal “involviment” tal-persuna taxxabbli. Fil-fehma tagħha, is-sempliċi fatt li l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf bil-frodi ma jistax ikun biżżejjed sabiex jikkaratterizza parteċipazzjoni fil-frodi jew involviment fiha, fejn parteċipazzjoni jew involviment jippreżupponu kontribuzzjoni personali għall-frodi, għall-inqas fil-forma ta’ inkoraġġiment jew ta’ faċilitazzjoni. Il-mala fides, bħala ċirkustanza purament suġġettiva, ma tistax tissostitwixxi l-parteċipazzjoni attiva li hija neċessarja sabiex tiġi kkaratterizzata parteċipazzjoni jew involviment.

15      B’hekk, fil-fehma tagħha, f’każ bħal dak tal-kawża li tressqet quddiemha, fejn ma kienx hemm ħabi tar-relazzjonijiet ta’ provvista u lanqas tal-fornituri, fejn il-frodi mwettqa upstream hija mitmuma kompletament u ma tistax tiġi ffaċilitata jew inkoraġġita u fejn ma jeżistix pjan globali li jipprevedi li l-kunsinni jifformaw parti minn frodi li testendi fuq diversi tranżazzjonijiet, id-dritt għal tnaqqis ma għandux jiġi rrifjutat. It-tranżazzjoni li torbot lil P u HR tista’, f’tali ċirkustanzi, titqies li hija r-riżultat tar-relazzjoni ta’ provvista, indipendenti mit-tranżazzjoni involuta fil-frodi upstream, b’tali mod li l-katina ta’ kunsinni ntemmet ma’ P. Il-kwistjoni dwar jekk il-konjuġi ta’ HR ipprovdiex jew le l-lista tal-klijenti u dik tal-merkanzija inkwistjoni lil P hija irrilevanti, peress li din iċ-ċirkustanza ma tikkontestax il-fatt li l-kunsinni mwettqa minn P lil HR ma kellhom ebda effett fuq il-frodi mwettqa minn din il-kumpannija preċedentement. Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet inkwistjoni ma ppreġudikawx il-qasam tal-VAT, peress li P kien responsabbli għall-ħlas tal-VAT iffatturata, u ma ġġenerax vantaġġ fiskali li seta’ jmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2006/112.

16      Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’tali ċirkustanzi, iż-żamma tal-effetti ta’ frodi mwettqa fi stadju preċedenti fuq it-tranżazzjonijiet kollha sussegwenti meta l-persuna taxxabbli tkun sempliċement taf jew kellha tkun taf bil-frodi tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali, filwaqt li tosserva li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis ma jistax ikollu n-natura ta’ sanzjoni. Dan il-kunċett ġuridiku jista’ jiġi kkorroborat, fil-fehma tagħha, mill-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kwistjoni dwar jekk il-VAT dovuta fuq it-tranżazzjonijiet preċedenti jew sussegwenti li jirrigwardaw l-oġġetti kkonċernati tħallsitx lit-Teżor Pubbliku jew le hija mingħajr effett fuq id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja dejjem enfasizzat li l-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jadottaw, skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, sabiex jiżguraw il-ġbir eżatt tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu tali għanijiet. Issa, ma jidhirx li interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ “katina ta’ provvisti” hija ta’ natura li tilħaq dawn l-għanijiet. Fl-aħħar nett, in-natura żbaljata ta’ rifjut li jingħata l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis f’dawn iċ-ċirkustanzi tista’ tirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li ma hemmx lok li ssir distinzjoni, mill-perspettiva tal-VAT, bejn it-tranżazzjonijiet legali u t-tranżazzjonijiet illegali.

17      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Finanzgericht Berlin-Brandenburg (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Berlin-Brandebourg) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 167 u 168a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112[...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li d-dritt għal tnaqqis [tal-VAT tal-input imħallsa] għandu jiġi rrifjutat ukoll fil-każ ta’ frodi [fil-qasam tal-VAT imwettqa upstream u] li fir-rigward tiegħu [tagħha] l-persuna taxxabbli kellha konoxxenza jew kellu jkollha konoxxenza, minkejja li, fir-rigward tat-tranżazzjoni li kienet id-destinatarja tagħha, ma pparteċipatx fil-frodi fiskali jew kienet involuta fih, u la inkoraġġiet u lanqas iffaċilitat l-imsemmi frodi?”

 Fuq id-domanda preliminari

18      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

19      Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ din il-kawża.

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/112 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi prattika nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli li akkwistat oġġetti li kienu s-suġġett ta’ frodi tal-VAT imwettqa upstream fil-katina ta’ provvisti u li kienet taf jew kellha tkun taf biha, minkejja li ma pparteċipatx b’mod attiv f’din il-frodi.

21      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret repetutament li l-ġlieda kontra eventwali frodi, evażjoni tat-taxxa u abbużi hija għan irrikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva 2006/112. F’dan ir-rigward, hija ddeċidiet li l-individwi ma jistgħux jinvokaw in-normi tad-dritt tal-Unjoni b’mod frawdolenti jew abbużiv u li, għaldaqstant, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jirrifjutaw id-dritt għal tnaqqis jekk jintwera, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt ikun qiegħed jiġi invokat għal għanijiet frawdolenti jew abbużivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punti 54 u 55, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret ukoll diversi drabi li l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis għandu jiġi rrifjutat mhux biss meta frodi titwettaq mill-persuna taxxabbli nnifisha, iżda wkoll meta jiġi stabbilit li l-persuna taxxabbli, li lilha l-oġġetti jew is-servizzi li jservu ta’ bażi sabiex fuqhom ikun ibbażat id-dritt għal tnaqqis ikunu ġew ikkunsinnati jew ipprovduti, kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punt 45, kif ukoll tas-16 ta’ Ottubru 2019, Glencore Agriculture Hungary, C-189/18, EU:C:2019:861, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan ir-rigward, ġie meqjus li tali persuna taxxabbli għandha, għall-ħtiġijiet tad-Direttiva 2006/112, titqies li tkun ipparteċipat fil-frodi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk tibbenefikax jew le mill-bejgħ mill-ġdid tal-oġġetti jew mill-użu tas-servizzi fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet intaxxati mwettqa minnha downstream, peress li din il-persuna taxxabbli, f’tali sitwazzjoni, tkun qiegħda tgħin lill-awturi ta’ din il-frodi u ssir kompliċi fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punti 56 u 57; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 46; tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punt 39; tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 27, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2015, PPUH Stehcemp, C-277/14, EU:C:2015:719, punt 48).

24      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll repetutament, f’sitwazzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet materjali tad-dritt għal tnaqqis kienu ssodisfatti, li l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jista’ jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli biss jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li hija kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist tal-oġġetti jew tas-servizzi li jservu ta’ bażi sabiex jiġi stabbilit id-dritt għal tnaqqis, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta f’tali frodi mwettqa mill-fornitur jew minn operatur ieħor li jintervjeni upstream jew downstream fil-katina ta’ kunsinni jew ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punt 40; tat-13 ta’ Frar 2014, Maks Pen, C-18/13, EU:C:2014:69, punt 28, u d-digriet tat-3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C-610/19, EU:C:2020:673, punt 53).

25      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dan ir-rigward, li ma huwiex kompatibbli mas-sistema tad-dritt għal tnaqqis prevista mid-Direttiva 2006/112 li tiġi ssanzjonata, bir-rifjut ta’ dan id-dritt, persuna taxxabbli li ma kinitx taf jew li ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra li tagħmel parti mill-katina ta’ kunsinni, qabel jew wara dik imwettqa mill-imsemmija persuna taxxabbli, kienet ivvizzjata bi frodi tal-VAT, peress li l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas tmur fil-fatt lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu ssalvagwardati d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 47 u 48; tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, EU:C:2012:774, punti 41 u 42, kif ukoll id-digriet tat-3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C-610/19, EU:C:2020:673, punt 52).

26      Fl-ewwel lok, kuntrarjament għall-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja magħmula mill-qorti tar-rinviju, mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 21 sa 25 ta’ dan id-digriet jirriżulta b’mod ċar li s-sempliċi fatt li l-persuna taxxabbli akkwistat oġġetti jew servizzi meta kienet taf, bi kwalunkwe mod possibbli, li, permezz ta’ dan l-akkwist, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT imwettqa upstream fil-katina ta’ kunsinni jew ta’ servizzi għandu jitqies, għall-ħtiġijiet tad-Direttiva 2006/112, bħala parteċipazzjoni f’din il-frodi. Kif isostni l-Gvern Ġermaniż, l-uniku att pożittiv li huwa determinanti sabiex jiġġustifika rifjut tad-dritt għal tnaqqis f’tali sitwazzjoni huwa l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi. Għaldaqstant, sabiex jiġi ġġustifikat tali rifjut, ma hemmx bżonn li jiġi stabbilit li din il-persuna taxxabbli tkun ipparteċipat attivament fl-imsemmija frodi, b’xi mod jew ieħor, anki jekk sempliċement billi tinkoraġġixxi jew tiffaċilita attivament din il-frodi. Ma jimportax wkoll li hija ma ħbietx ir-relazzjonijiet ta’ provvista tagħha u l-fornituri tagħha.

27      Dan huwa iktar u iktar minnu peress li, skont din il-ġurisprudenza, il-persuna taxxabbli li kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT imwettqa upstream fil-katina ta’ kunsinni jew ta’ servizzi, hija wkoll imċaħħda mid-dritt għal tnaqqis. F’tali sitwazzjoni, huwa n-nuqqas li titwettaq ċerta diliġenza li twassal għal rifjut tad-dritt għal tnaqqis.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li ma huwiex kuntrarju għad-dritt tal-Unjoni li jiġi rikjest li operatur jieħu l-miżuri kollha li jistgħu raġonevolment ikunu meħtieġa sabiex jiġi żgurat li t-tranżazzjoni li huwa jwettaq ma twasslux sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali, peress li d-determinazzjoni tal-miżuri li jistgħu, f’każ partikolari, ikunu raġonevolment rikjesti minn persuna taxxabbli li tixtieq teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT sabiex tiżgura ruħha li t-tranżazzjonijiet tagħha ma jkunux involuti fi frodi mwettqa minn operatur upstream tiddependi essenzjalment miċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punti 54 u 59, kif ukoll tad-19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult, C-101/16, EU:C:2017:775, punt 52).

29      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, meta jkunu jeżistu indizji li jippermettu li tiġi ssuspettata l-eżistenza ta’ irregolaritajiet jew ta’ frodi, operatur avżat jista’, skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, ikun obbligat jikseb informazzjoni dwar operatur ieħor li mingħandu huwa għandu l-intenzjoni li jixtri oġġetti jew servizzi sabiex jiżgura ruħu mill-affidabbiltà tiegħu (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, EU:C:2012:373, punt 60; digrieti tas-16 ta’ Mejju 2013, Hardimpex, C-444/12, mhux ippubblikat, EU:C:2013:318, punt 25, kif ukoll tat-3 ta’ Settembru 2020, Vikingo Fővállalkozó, C-610/19, EU:C:2020:673, punt 55).

30      Barra minn hekk, peress li l-qorti tar-rinviju ssostni, essenzjalment, li l-mala fides tal-persuna taxxabbli ma tistax tikkostitwixxi kriterju li jista’ jissostitwixxi dak tal-parteċipazzjoni attiva ta’ din il-persuna taxxabbli, għandu jiġi osservat li ma jmurx kontra d-dritt tal-Unjoni li operatur jintalab jaġixxi bona fide (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Vinš, C-275/18, EU:C:2019:265, punt 33, u tas-17 ta’ Ottubru 2019, Unitel, C-653/18, EU:C:2019:876, punt 33).

31      Madankollu, ma huwiex neċessarju li l-mala fides tal-persuna taxxabbli tiġi stabbilita sabiex jiġi rrifjutat lilha l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis, peress li mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 21 sa 25 ta’ dan id-digriet u mill-motivi preċedenti jirriżulta li l-fatt li l-persuna taxxabbli akkwistat oġġetti jew servizzi meta kienet taf jew kellha tkun taf, billi tieħu il-miżuri li setgħu raġonevolment jiġu rikjesti minnha sabiex tiżgura ruħha li din it-tranżazzjoni ma kinitx twassalha sabiex tipparteċipa fi frodi, li, permezz ta’ dan l-akkwist, hija kienet qiegħda tipparteċipa f’tranżazzjoni implikata fi frodi huwa biżżejjed sabiex jitqies, għall-finijiet tad-Direttiva 2006/112, li l-imsemmija persuna taxxabbli pparteċipat f’din il-frodi u sabiex tiġi mċaħħda mill-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis.

32      Fit-tieni lok, ma tistax tiġi aċċettata l-interpretazzjoni li tgħid li, minn naħa, il-kunċett ta’ “katina ta’ kunsinni” għandu jinftiehem bħala li jkopri biss il-każijiet fejn il-frodi tirriżulta minn kombinazzjoni speċifika ta’ tranżazzjonijiet suċċessivi jew minn pjan globali li jipprevedi li l-kunsinni jkunu parti minn frodi li testendi fuq diversi tranżazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni mwettqa mill-persuna taxxabbli u dik upstream ivvizzjata bi frodi għandhom, apparti minn dawn il-każijiet, jitqiesu bħala tranżazzjonijiet indipendenti, b’mod partikolari meta t-twettiq tal-frodi kien mitmum fil-mument meta seħħet l-ewwel waħda minn dawn it-tranżazzjonijiet, b’tali mod li din il-frodi ma setgħetx tiġi ffaċilitata jew inkoraġġita.

33      Fil-fatt, tali interpretazzjoni żżid kundizzjonijiet addizzjonali għar-rifjut tad-dritt għal tnaqqis fil-każ ta’ frodi li ma jirriżultawx mill-ġurisprudenza esposta fil-punti 21 sa 25 ta’ dan id-digriet. Kif ġie osservat fil-punt 31 ta’ dan id-digriet, il-fatt li l-persuna taxxabbli akkwistat oġġetti jew servizzi meta kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist ta’ dawn l-oġġetti jew ta’ dawn is-servizzi, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi mwettqa upstream huwa biżżejjed sabiex jitqies li din il-persuna taxxabbli pparteċipat f’din il-frodi u sabiex tiġi mċaħħda mill-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis.

34      Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tinjora l-fatt li frodi mwettqa fi stadju tal-katina ta’ kunsinni jew ta’ servizzi tkun riflessa fl-istadji sussegwenti ta’ din il-katina jekk l-ammont tal-VAT miġbur ma jikkorrispondix għall-ammont dovut minħabba t-tnaqqis fil-prezz tal-oġġetti jew tas-servizzi minħabba l-VAT tal-input mhux miġbura. Fil-każijiet kollha, l-akkwist mill-persuna taxxabbli ta’ oġġetti li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni upstream ivvizzjata bi frodi jippermetti l-bejgħ tagħhom, kif juru l-fatti tal-kawża prinċipali, b’tali mod li, kif josserva l-Gvern Ċek, dan jiffaċilita l-frodi.

35      Fit-tielet lok, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuna taxxabbli pparteċipatx fi frodi, huwa irrilevanti jekk it-tranżazzjoni inkwistjoni tathiex jew le vantaġġ fiskali. Fil-fatt, b’differenza minn dak li ġie deċiż fil-qasam tal-prattiki abbużivi (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, EU:C:2006:121, punti 74 u 75; tas-17 ta’ Diċembru 2015, WebMindLicenses, C-419/14, EU:C:2015:832, punt 36, kif ukoll tal-10 ta’ Lulju 2019, Kuršu zeme, C-273/18, EU:C:2019:588, punt 35), il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-persuna taxxabbli fi frodi tal-VAT ma hijiex suġġetta għall-kundizzjoni li din it-tranżazzjoni tkun tatha vantaġġ fiskali li l-għoti tiegħu jmur kontra l-għan imfittex mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112. Bl-istess mod, huwa irrilevanti li t-tranżazzjoni inkwistjoni ma tat lill-persuna taxxabbli ebda vantaġġ ekonomiku, kif tfakkar fil-punti 23 u 34 ta’ dan id-digriet.

36      Fl-aħħar lok, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 23 u 25 ta’ dan id-digriet, li jgħidu li, minn naħa, l-istabbiliment ta’ sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġu protetti d-drittijiet tat-Teżor Pubbliku u, min-naħa l-oħra, il-persuna taxxabbli li kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija kienet qiegħda tipparteċipa fi tranżazzjoni involuta fi frodi tgħin lill-awturi ta’ din il-frodi u ssir kompliċi fiha jirriżulta li tali parteċipazzjoni tikkostitwixxi nuqqas li għalih hija responsabbli din il-persuna taxxabbli.

37      Din l-interpretazzjoni hija ta’ natura li tostakola t-tranżazzjonijiet frawdolenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, EU:C:2006:446, punt 58), billi b’mod partikolari ċċaħħad l-oġġetti u s-servizzi li kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni involuta fi frodi mill-kummerċjabbiltà tagħhom, u, għaldaqstant, tipparteċipa fil-ġlieda kontra l-frodi li hija, kif tfakkar fil-punt 21 ta’ dan id-digriet, għan irrikonoxxut u inkoraġġit mid-Direttiva 2006/112. Billi ddeċidiet b’mod kostanti li l-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis għandu jiġi rrifjutat meta l-persuna taxxabbli kienet taf jew kellha tkun taf li, bl-akkwist tagħha, hija pparteċipat fi tranżazzjoni involuta fi frodi, il-Qorti tal-Ġustizzja neċessarjament qieset li rifjut li jkun sar f’dawn il-kundizzjonijiet ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan. Bl-istess mod, hija neċessarjament iddeċidiet li tali rifjut ma jistax jitqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li, barra minn hekk, ma jistax jiġi invokat għall-finijiet tat-tnaqqis tal-VAT minn persuna taxxabbli li pparteċipat fi frodi fiskali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 2019, Vinš, C-275/18, EU:C:2019:265, punt 33, u tas-17 ta’ Ottubru 2019, Unitel, C-653/18, EU:C:2019:876, punt 33).

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li d-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli li akkwistat oġġetti li kienu s-suġġett ta’ frodi tal-VAT imwettqa upstream fil-katina ta’ provvisti u li kienet taf jew kellha tkun taf biha, minkejja li ma pparteċipatx b’mod attiv f’din il-frodi.

 Fuq l-ispejjeż

39      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix prattika nazzjonali li tipprovdi li l-benefiċċju tad-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud (VAT) imħallsa jiġi rrifjutat lil persuna taxxabbli li akkwistat oġġetti li kienu s-suġġett ta’ frodi tal-VAT imwettqa upstream fil-katina ta’ provvisti u li kienet taf jew kellha tkun taf biha, minkejja li ma pparteċipatx b’mod attiv f’din il-frodi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.