Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis – Aġġustament tat-tnaqqis – Proċedura ta’ falliment – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi r-rifjut awtomatiku tat-tnaqqis tal-VAT relatat ma’ tranżazzjonijiet taxxabbli qabel il-ftuħ ta’ din il-proċedura”

Fil-Kawża C-182/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Suceava (il-Qorti tal-Appell ta’ Suceava, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ April 2020, fil-proċedura

BE,

DT

vs

Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Suceava,

Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Iaşi,

Accer Ipurl Suceava, fil-kwalità tagħha ta’ stralċjarju ġudizzjarju ta’ BE,

EP,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn N. Wahl, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), President tat-Tielet Awla, u F. Biltgen, Imħallef,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, R. I. Haţieganu u A. Wellman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u P. Carlin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT”), b’mod partikolari l-Artikoli 184 sa 186 ta’ din id-direttiva.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn BE, impriża mqiegħda taħt falliment, u DT, soċju u amministratur ta’ din l-impriża, u l-Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Suceava (l-Awtorità Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Suceava, ir-Rumanija), u d-Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Iaşi (id-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Iassy, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtoritajiet fiskali”), kif ukoll Accer Ipurl Suceava, fil-kwalità ta’ stralċjarju ġudizzjarju ta’ BE, u EP, dwar id-deċiżjoni tal-awtoritajiet fiskali, adottata wara t-tqegħid taħt falliment ta’ BE, li taġġusta ċertu tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imwettaq minn BE qabel it-tqegħid tagħha taħt falliment.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva dwar il-VAT, “il-provvista ta’ merkanzija [beni] magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” hija suġġetta għall-VAT.

4

Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5

L-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva jipprovdi li d-dritt għat-tnaqqis jitnissel fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir eżiġibbli.

6

L-Artikolu 168 tal-istess direttiva jgħid:

“Sakemm il-merkanzija [beni] u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)

il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra.

(b)

il-VAT dovuta rigward transazzjonijiet trattati bħala provvisti ta’ merkanzija jew servizzi skond l-Artikolu 18(a) u l-Artikolu 27;

(ċ)

il-VAT dovuta rigward akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija skond l-Artikolu 2(1)(b)(i);

(d)

il-VAT dovuta fuq transazzjonijiet trattati bħala akkwisti intra-Komunitarji skond l-Artikoli 21 u 22;

(e)

taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata f’dak l-Istat Membru.”

7

L-Artikolu 184 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprevedi:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

8

Skont il-kliem tal-Artikolu 185 ta’ din id-direttiva:

“1.   L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.   Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal-proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija [beni] riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

9

L-Artikolu 186 tal-imsemmija direttiva jgħid:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 184 u 185.”

Id-dritt Rumen

10

L-Artikolu 11 tal-Legea nr. 571/2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 dwar il-Kodiċi Fiskali) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Fiskali”) jipprovdi:

“1.   Sabiex jiddeterminaw l-ammont ta’ imposta jew ta’ taxxa fis-sens ta’ dan il-kodiċi, l-awtoritajiet fiskali jistgħu ma jiħdux inkunsiderazzjoni tranżazzjoni li ma jkollhiex finalità ekonomika jew tirriklassifika tranżazzjoni b’mod li jirrifletti l-kontenut ekonomiku tagħha.

[…]”

11

L-Artikolu 148 tal-Kodiċi Fiskali, intitolat “Aġġustament tat-taxxa li għandha titnaqqas għall-akkwist ta’ servizzi jew ta’ beni minbarra beni kapitali”, jgħid:

“1.   Sa fejn ma jkunux applikabbli r-regoli dwar il-kunsinna lilu nnifsu jew dwar il-provvista lilu nnifsu, it-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fil-każijiet li ġejjin:

a)

it-tnaqqis ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet fid-dritt li twettaq;

b)

il-bidliet fl-elementi meħuda inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-ammont li għandu jitnaqqas ikunu seħħu wara li titressaq id-dikjarazzjoni tal-VAT, […]

c)

il-persuna taxxabbli titlef id-dritt tagħha għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-beni mobbli mhux ikkunsinnati u s-servizzi mhux użati fil-każ ta’ avvenimenti bħal emendi leġiżlattivi jew tal-istatut tal-kumpannija, użu ta’ beni jew ta’ servizzi għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis u sussegwentement għat-twettiq ta’ tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis jew beni ddikjarati neqsin.

[…]”

12

Skont il-kliem tal-Artikolu 149 tal-Kodiċi Fiskali, intitolat “Aġġustament tat-taxxa li għandha titnaqqas fir-rigward tal-beni kapitali”:

“[…]

2.   Meta r-regoli dwar il-provvista lilu nnifsu jew il-provvista lilu nnifsu ma jkunux applikabbli, it-taxxa li għandha titnaqqas relatata mal-beni kapitali għandha tiġi aġġustata fil-każijiet imsemmija fl-inċiżi (a) sa (d) tas-subparagrafu 4 […]

[…]

4.   L-aġġustament tat-taxxa li għandha titnaqqas imsemmija fil-paragrafu 1(d) jitwettaq:

a)

meta l-beni kapitali jintuża mill-persuna taxxabbli:

1)

totalment jew parzjalment, għal skopijiet oħra minbarra l-attivitajiet ekonomiċi, bl-eċċezzjoni tal-beni li l-akkwist tagħhom ikun suġġett għal-limitazzjoni ta’ 50 % tad-dritt għal tnaqqis […]

2)

għal tranżazzjonijiet li ma jagħtux dritt għal tnaqqis tat-taxxa;

3)

għal tranżazzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis tat-taxxa differenti mit-tnaqqis inizjalment imwettaq;

b)

fejn isiru xi bidliet fl-elementi użati fil-kalkolu tat-taxxa mnaqqsa;

c)

meta beni kapitali li fir-rigward tiegħu d-dritt għal tnaqqis ikun ġie kompletament jew parzjalment limitat ikun is-suġġett ta’ kull tranżazzjoni li għaliha t-taxxa għandha titnaqqas. Fil-każ ta’ kunsinna ta’ beni, l-ammont addizzjonali tat-taxxa li għandha titnaqqas jiġi llimitat għall-ammont tat-taxxa miġbura għall-kunsinna tal-beni inkwistjoni;

d)

meta l-beni kapitali ma jibqgħux jeżistu […]

[…]”

13

L-Artikolu 3 tal-Legea nr. 85/2006 privind procedura insolvenței (il-Liġi Nru 85/2006 dwar il-Proċedura ta’ Insolvenza) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Insolvenza”) jgħid:

“[…]

23.   ‘proċedura ta’ falliment’ tfisser il-proċedura ta’ insolvenza kollettiva u in solidum li tapplika għad-debitur fid-dawl tal-istralċ tal-attiv tiegħu sabiex ikopri l-passiv tiegħu, segwita mit-tneħħija tad-debitur mir-reġistru li fih ikun irreġistrat;

[…]”

14

Skont l-Artikolu 47 tal-Liġi dwar l-Insolvenza:

“[…]

7.   Minn meta jitqiegħed taħt falliment, id-debitur ikun jista’ jeżerċita biss l-attivitajiet neċessarji għall-iżvolġiment tat-tranżazzjonijiet ta’ stralċ. […]”

15

L-Artikolu 116 tal-Liġi dwar l-Insolvenza jgħid:

“1.   L-istralċ tal-beni li jagħmlu parti mill-assi tad-debitur isir mil-istralċjarju taħt is-superviżjoni tal-imħallef kummissarju. Sabiex ikabbar kemm jista’ l-valur tal-attiv tad-debitur, l-istralċjarju għandu jieħu l-passi kollha ta’ tqegħid fis-suq, f’forma xierqa, ta’ dan tal-aħħar, peress li l-ispejjeż ta’ reklamar jiġu sostnuti mill-attiv tad-debitur.

2.   L-istralċ jibda minnufih wara t-tmiem tal-inventarju mill-istralċjarju u l-preżentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni. Il-beni jistgħu jinbiegħu kollha flimkien, bħala li kollha jkunu fi stat ta’ funzjonament, jew individwalment. Il-metodu tal-bejgħ tal-beni, jiġifieri bejgħ b’irkant pubbliku, negozjar dirett jew kombinazzjoni tat-tnejn, għandu jiġi approvat mill-assemblea tal-kredituri, fuq proposta tal-istralċjarju. L-istralċjarju għandu jippreżenta wkoll, fl-assemblea tal-kredituri, il-ftehim ta’ bejgħ li jikkorrispondi mal-modalitajiet ta’ bejgħ li jkun għażel.

[…]”

16

L-Artikolu 123 tal-Liġi dwar l-Insolvenza jipprevedi:

“Fil-każ ta’ falliment, id-djun jitħallsu fl-ordni li ġej:

1)

it-taxxi, bolol u kull spiża oħra marbuta mal-proċedura stabbilita minn din il-liġi, […];

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

17

BE, li tagħha DT għandu l-kwalità ta’ soċju u amministratur, hija kumpannija li eżerċitat attività ekonomika fis-sens tad-Direttiva dwar il-VAT. Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Frar 2015, it-Tribunalul Suceava (il-Qorti tal-Kontea ta’ Suceava, ir-Rumanija) iddikjarat il-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment fil-konfront ta’ BE.

18

Wara li tqiegħdet taħt falliment, BE kienet is-suġġett ta’ stħarriġ fiskali li ġie konkluż bl-adozzjoni ta’ avviż ta’ taxxa tas-26 ta’ Novembru 2015. Dan l-avviż jimponi fuq BE, b’mod partikolari, l-obbligu li tħallas is-somma ta’ 646259 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 132000) bħala aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT li hija kienet wettqet għall-perijodu mill-20 ta’ Mejju 2013 sat-13 ta’ Frar 2014, li matulu hija kienet teżerċita attività ekonomika u kienet irreġistrata bħala persuna taxxabbli għall-VAT. Din is-somma hija komposta minn RON 535409 (madwar EUR 109000) bħala tnaqqis relatat ma’ merkanzija u beni ta’ konsum, RON 55134 (madwar EUR 11400) bħala tnaqqis relatat ma’ beni kapitali u RON 55716 (madwar EUR 11600) bħala tnaqqis relatat ma’ kuntratt ta’ kiri ta’ proprjetà immobbli.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2018, il-kontestazzjoni mressqa minn BE u DT kontra l-imsemmi avviż ta’ taxxa ġie miċħud, peress li l-awtoritajiet fiskali qiesu li BE kienet waqfet teżerċita attività ekonomika fil-mument tat-tqegħid taħt falliment. Dawn l-awtoritajiet irrilevaw, f’dan ir-rigward, li tali tqegħid taħt falliment jimplika proċedura ta’ stralċ u ta’ bejgħ tal-beni bil-għan ta’ rimbors tad-djun, peress li t-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ din il-proċedura ma għandhomx, fihom infushom, għan ekonomiku. Dejjem skont l-imsemmija awtoritajiet, il-fatt li l-bejgħ tal-beni fil-kuntest tal-proċedura ta’ falliment kien suġġett għall-VAT huwa bla rilevanza.

20

It-Tribunalul Suceava (il-Qorti tal-Kontea ta’ Suceava) laqgħet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kontra l-avviż ta’ taxxa tas-26 ta’ Novembru 2015 u kontra d-deċiżjoni fuq il-kontestazzjoni tat-22 ta’ Jannar 2018. Permezz tas-sentenza tagħha tat-18 ta’ Ġunju 2019, il-qorti tar-rinviju laqgħet l-appell ippreżentat mill-awtoritajiet fiskali mis-sentenza ta’ din il-qorti, biex b’hekk BE baqgħet debitriċi tas-somma ta’ RON 646259 (madwar EUR 132000) stabbilita f’dan l-avviż ta’ taxxa. Il-qorti tar-rinviju kkonfermat, f’dan il-kuntest, l-interpretazzjoni tad-dritt intern adottata mill-awtoritajiet fiskali, li tgħid li l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment għandu jitqies fih innifsu li huwa kawża ta’ terminazzjoni tad-dritt għal tnaqqis peress li t-tranżazzjonijiet imwettqa matul din il-proċedura ma għandhomx għan ekonomiku.

21

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors għal reviżjoni quddiem l-imsemmija qorti billi invokaw il-ksur tad-Direttiva dwar il-VAT.

22

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, b’mod partikolari, li, kemm qabel l-istralċ ta’ BE kif ukoll matul il-proċedura ta’ falliment, din l-impriża kienet irreġistrata validament bħala persuna taxxabbli għall-VAT, b’tali mod li l-attivitajiet marbuta mal-proċedura ta’ falliment, jiġifieri l-bejgħ ta’ beni u ta’ immobbli kif ukoll il-kiri ta’ proprjetà immobbli, baqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, li baqgħet tinġabar.

23

B’hekk, skont il-qorti tar-rinviju, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jippermettix li t-tranżazzjonijiet imwettqa matul il-proċedura ta’ falliment jitqisux awtomatikament li ma jkollhomx għan ekonomiku, li jfisser li l-ftuħ ta’ din il-proċedura jobbliga lill-operatur ekonomiku jaġġusta awtomatikament favur l-Istat il-VAT miġbura fuq tranżazzjonijiet ekonomiċi preċedenti għall-ftuħ ta’ din il-proċedura, u dan minkejja l-fatt li dan l-operatur ikun żamm, matul il-proċedura ta’ falliment miftuħa fir-rigward tiegħu, ħlief għal perijodu qasir ta’ tliet ġimgħat, il-kwalità ta’ persuna taxxabbli għall-VAT, u li l-bejgħ tal-beni f’dan il-kuntest kien suġġett għall-VAT.

24

Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li tali aġġustament awtomatiku jkun leġittimu u kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li jkun neċessarju li tiġi kkjarifikata l-kwistjoni dwar jekk tali mod li wieħed jipproċedi huwiex proporzjonat għall-għan imfittex.

25

Din il-qorti tippreċiża wkoll li, f’dan il-każ, l-istralċ tal-beni ntemm u li, għat-tranżazzjonijiet imwettqa matulu, fl-aħħar mill-aħħar ma ngħata ebda tnaqqis.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel București (il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-Direttiva [VAT] kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ dritt għal tnaqqis tal-VAT u ta’ ċertezza tat-tassazzjoni, jipprekludu, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-operatur ekonomiku, awtomatikament u mingħajr verifiki oħra, ladarba tkun infetħet il-proċedura ta’ falliment, jaġġusta l-VAT, permezz tar-rifjut li titnaqqas il-VAT relatata ma’ tranżazzjonijiet taxxabbli preċedenti għall-proċedura ta’ falliment, u jħallas il-VAT li tista’ titnaqqas? Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jipprekludi, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, tali dispożizzjoni legali nazzjonali, minħabba l-konsegwenzi ekonomiċi għall-operatur ekonomiku u n-natura definittiva ta’ tali aġġustament?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva dwar il-VAT għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li biha l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment fir-rigward ta’ operatur ekonomiku, li jimplika l-istralċ tal-attiv tiegħu favur il-kredituri tiegħu, iwassal awtomatikament għall-obbligu ta’ dan l-operatur li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT li huwa jkun wettaq għal beni u servizzi miksuba qabel ma jkun tqiegħed taħt falliment.

28

Hemm lok li jitfakkar li d-dritt għal tnaqqis stabbilit fl-Artikolu 168 tad-Direttiva dwar il-VAT huwa parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u ma jistax, bħala prinċipju, jiġi llimitat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Marzu 2021, A. (Eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis), C-895/19, EU:C:2021:216, punt 32).

29

Il-mekkaniżmu ta’ aġġustament previst fl-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva dwar il-VAT jifforma parti integrali mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva. Huwa jfittex li tittejjeb il-preċiżjoni tat-tnaqqis b’tali mod li tiġi żgurata n-newtralità tal-VAT, sabiex it-tranżazzjonijiet imwettqa fi stadju preċedenti jibqgħu jagħtu lok għad-dritt għal tnaqqis biss sa fejn iservu sabiex jiġu pprovduti s-servizzi suġġetti għal din it-taxxa. Għaldaqstant, l-għan ta’ dan il-mekkaniżmu huwa li jistabbilixxi relazzjoni stretta u diretta bejn id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-użu tal-beni jew tas-servizzi kkonċernati għal tranżazzjonijiet taxxabbli tal-output (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2019, Mydibel, C-201/18, EU:C:2019:254, punt 27).

30

Fil-fatt, fis-sistema komuni tal-VAT, jistgħu jitnaqqsu biss it-taxxi tal-input fuq beni jew servizzi użati mill-persuni taxxabbli għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. It-tnaqqis tat-taxxi tal-input huwa marbut mal-ġbir tat-taxxa tal-output. Meta beni jew servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli jintużaw għall-finijiet ta’ tranżazzjonijiet eżenti jew li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, ma jkun jista’ jkun hemm la l-ġbir ta’ taxxa tal-output u lanqas tnaqqis tat-taxxa tal-input (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2020, Finanzamt Bad Neuenahr-Ahrweiler, C-374/19, EU:C:2020:546, punt 21).

31

F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet fiskali wettqu l-aġġustament tat-tnaqqis tal-VAT imwettaq minn BE fir-rigward ta’ beni u ta’ servizzi akkwistati matul il-perijodu bejn l-20 ta’ Mejju 2013 u t-13 ta’ Frar 2014 billi bbażaw ruħhom fuq il-premessa li t-tqegħid taħt falliment ta’ impriża bħal BE neċessarjament temm l-attivitajiet ekonomiċi tagħha. F’dan ir-rigward, huma sostnew li t-tranżazzjonijiet imwettqa wara tali falliment iservu biss sabiex jistralċjaw l-assi tal-impriża għall-benefiċċju tal-kredituri tagħha, b’tali mod li dawn ma għandhomx għan ekonomiku.

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għalkemm id-Direttiva dwar il-VAT tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika li huma milquta minn din it-taxxa. Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-direttiva, dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, huma suġġetti għall-VAT, b’mod partikolari, il-provvisti ta’ beni magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2020, WEG Tevesstraße, C-449/19, EU:C:2020:1038, punti 24 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Isegwi li, fl-ipoteżi li jiġri li, mill-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, ebda attività ekonomika ma tkun tista’ titwettaq, ma jkunx hemm iktar, minn dan il-ftuħ, tranżazzjonijiet li jkunu jistgħu jippermettu l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Wind Inovation 1, C-552/16, EU:C:2017:849, punt 35), ħaġa li tirrendi neċessarju aġġustament tat-tnaqqis konformement mad-dritt nazzjonali li jittrasponi l-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva dwar il-VAT.

34

Madankollu, il-qorti tar-rinviju tindika li għandha dubju dwar il-premessa msemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, li tgħid li l-falliment ta’ operatur ekonomiku neċessarjament itemm l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu.

35

Għaldaqstant, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk attività ekonomika tistax titqies li tkun waqfet minħabba t-tqegħid taħt falliment tal-operatur ekonomiku kkonċernat, sa fejn dan it-tqegħid taħt falliment ikollu bħala konsegwenza, skont ir-regoli previsti mid-dritt nazzjonali, li t-tranżazzjonijiet imwettqa wara dan ikunu jservu biss sabiex jistralċjaw l-assi ta’ dan l-operatur għall-benefiċċju tal-kredituri tiegħu.

36

Issa, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva dwar il-VAT jgħid li kull min iwettaq, b’mod indipendenti, attività ekonomika, ikunu xi jkunu l-għanijiet u r-riżultati ta’ din l-attività, jitqies li jkun persuna taxxabbli. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ddefinit fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva bħala li jiġbor fih l-attivitajiet kollha ta’ produttur, kummerċjant jew persuna li tagħti servizzi, u b’mod partikolari t-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.

37

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-analiżi ta’ dawn id-definizzjonijiet turi l-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni kopert mill-kunċett ta’ “attività ekonomika” kif ukoll in-natura oġġettiva ta’ dan il-kunċett, fis-sens li l-attività hija meqjusa fiha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet tagħha jew mir-riżultati tagħha. Attività hija b’dan il-mod, bħala regola ġenerali, ikklassifikata bħala ekonomika meta tkun ta’ natura kontinwa u ssir bl-għoti ta’ remunerazzjoni lill-awtur tat-tranżazzjoni (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2018, Marle Participations, C-320/17, EU:C:2018:537, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Konsegwentement, peress li l-attività għandha titqies fiha nnifisha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha, is-sempliċi fatt li l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment fir-rigward ta’ persuna taxxabbli jbiddel, skont il-modalitajiet previsti f’dan ir-rigward fid-dritt intern, l-għanijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ din il-persuna taxxabbli, fis-sens li dawn l-għanijiet ma jinkludux iktar l-isfruttament sostenibbli tal-impriża tagħha, iżda jirrigwardaw biss l-istralċ tagħha għall-finijiet tal-verifika tad-djun wara x-xoljiment tagħha, ma jistax, fih innifsu, jaffettwa n-natura ekonomika tat-tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ din l-impriża.

39

Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni Ewropea, din l-interpretazzjoni hija neċessarja wkoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jipprekludi b’mod partikolari li żewġ tranżazzjonijiet identiċi jew simili mill-perspettiva tal-konsumatur, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT (ara, d’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C-581/19, EU:C:2021:167, punt 32).

40

Fil-fatt, anki jekk il-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jimplika normalment l-għajbien tal-impriża kkonċernata, xorta jibqa’ l-fatt li, sakemm din l-impriża tkompli l-attivitajiet tagħha matul il-proċedura ta’ falliment, hija tinsab f’kompetizzjoni ma’ persuni taxxabbli oħra li jipprovdu servizzi simili għal tagħha, b’tali mod li s-servizzi kkonċernati għandhom, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b’mod identiku għall-finijiet tal-VAT.

41

Barra minn hekk, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li, f’dan il-każ, BE kompliet, matul il-proċedura ta’ falliment, tiġi rreġistrata bħala persuna taxxabbli u li l-awtoritajiet fiskali ssuġġettaw għall-VAT it-tranżazzjonijiet li twettqu fil-kuntest ta’ din il-proċedura, u dan jikkonferma li BE effettivament kompliet l-attività ekonomika tagħha u wettqet tranżazzjonijiet intaxxati minkejja t-tqegħid taħt falliment tagħha.

42

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jiġi preżunt li l-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment kiser ir-relazzjoni stretta u diretta bejn id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-użu tal-beni jew tas-servizzi kkonċernati għal tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli u li l-persuna taxxabbli kkonċernata hija obbligata tħallas l-ammont tal-VAT imnaqqas (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Wind Inovation 1, C-552/16, EU:C:2017:849, punt 46).

43

Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li essenzjalment sostna l-Gvern Rumen, il-possibbiltà għall-persuna taxxabbli kkonċernata, f’sitwazzjoni fejn hija kienet obbligata, fil-bidu, taġġusta t-tnaqqis tal-VAT imwettaq minħabba t-tqegħid taħt falliment tagħha, minkejja l-kontinwazzjoni tal-attività ekonomika tagħha, li titlob, sussegwentement, li s-somom ikkonċernati jiġu rrimborsati lilha preċiżament minħabba li hija effettivament kompliet, matul il-proċedura ta’ falliment, l-attività ekonomika tagħha, ma hijiex ta’ natura li tnaqqas il-limitazzjoni tad-dritt tagħha għal tnaqqis li jirriżulta minn dan l-obbligu ta’ aġġustament impost mid-dritt nazzjonali.

44

Fil-fatt, kif irrilevat ukoll il-Kummissjoni, il-fatt li l-impriża kkonċernata tintalab, wara deċiżjoni ta’ aġġustament, il-ħlas effettiv tal-VAT allegatament dovuta jikkostitwixxi, għal din l-impriża, ostakolu għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa, peress li dan iġiegħel lill-imsemmija impriża torbot fondi sakemm l-awtoritajiet fiskali jirrimborsawlha l-VAT imħallsa indebitament, filwaqt li operaturi oħra li ma jkunux tqiegħdu taħt falliment ikunu jistgħu jużaw dawn il-fondi għall-attivitajiet ekonomiċi tagħhom mingħajr ma jkunu kostretti jagħmlu tali ħlas (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2017, Wind Inovation 1, C-552/16, EU:C:2017:849, punt 44).

45

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva dwar il-VAT jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li biha l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment fir-rigward ta’ operatur ekonomiku, li jimplika l-istralċ tal-attiv tiegħu favur il-kredituri tiegħu, iwassal awtomatikament għall-obbligu ta’ dan l-operatur li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT li huwa jkun wettaq għal beni u servizzi akkwistati qabel ma jkun tqiegħed taħt falliment, meta l-ftuħ ta’ din il-proċedura ma tkunx ta’ natura li tostakola l-attività ekonomika tal-imsemmi operatur, fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari għall-finijiet tal-istralċ tal-impriża kkonċernata.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 184 sa 186 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali li biha l-ftuħ ta’ proċedura ta’ falliment fir-rigward ta’ operatur ekonomiku, li jimplika l-istralċ tal-attiv tiegħu favur il-kredituri tiegħu, iwassal awtomatikament għall-obbligu ta’ dan l-operatur li jaġġusta t-tnaqqis tal-VAT li huwa jkun wettaq għal beni u servizzi akkwistati qabel ma jkun tqiegħed taħt falliment, meta l-ftuħ ta’ din il-proċedura ma tkunx ta’ natura li tostakola l-attività ekonomika tal-imsemmi operatur, fis-sens tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, b’mod partikolari għall-finijiet tal-istralċ tal-impriża kkonċernata.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.