Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

30 ta’ Settembru 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva u ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Regolament (UE) Nru 904/2010 – L-Artikoli 10 sa 12 – Skambju ta’ informazzjoni – Kontroll fiskali – Termini – Sospensjoni tal-proċedura ta’ verifika fiskali fil-każ ta’ skambju ta’ informazzjoni – Qbiż tat-terminu impost għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni – Effett fuq il-legalità tas-sospensjoni tal-proċedura ta’ verifika fiskali”

Fil-Kawża C-186/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ April 2020, fil-proċedura

HYDINA SK s.r.o.

vs

Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn M. Ilešič, President ta’ Awla, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla, u I. Jarukaitis, Imħallef,

avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2021,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal HYDINA SK s.r.o., minn M. Kvasňovský, avukat,

–        għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, O. Serdula u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u A. Tokár, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2010,L 268, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn HYDINA SK s.r.o. u Finančné riaditeľstvo Slovenskej republiky (id-Direttorat tal-Finanzi tar-Repubblika Slovakka) (iktar ’il quddiem id-“Direttorat tal-Finanzi”), dwar kontroll fiskali wara talba għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) relatata ma’ kunsinni ta’ merkanzija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 5, 7, 8 u 25 tar-Regolament Nru 904/2010 jistabbilixxu:

“(5)      Il-miżuri tal-armonizzazzjoni tat-taxxa meħuda biex jitlesta s-suq intern għandhom jinkludu l-istabbiliment ta’ sistema komuni għal kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward ta’ skambji ta’ informazzjoni, fejn l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri għandhom jassistu lil xulxin u jikkoperaw mal-Kummissjoni sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tal-VAT fuq provvisti ta’ oġġetti u servizzi, fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti u fuq l-importazzjoni tal-oġġetti.

[…]

(7)      Sabiex jiġbru t-taxxa dovuta, l-Istati Membri għandhom jikkoperaw biex jgħinu biex jiżguraw li l-VAT tiġi stabbilita b’mod korrett. L-Istati Membri Huma għaldaqstant għandhom mhux biss iwettqu monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tat-taxxa dovuta fit-territorju tagħhom stess, iżda għandhom ukoll jipprovdu assistenza lil Stati Membri oħra għall-iżgurar tal-applikazzjoni korretta tat-taxxa relatata mal-attività mwettqa fit-territorju tagħhom stess iżda dovuta fi Stat Membru ieħor.

(8)      Il-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-VAT fi transazzjonijiet transkonfinali taxxabbli fi Stat Membru ieħor li mhuwiex dak fejn il-fornitur huwa stabbilit jiddependi f’ħafna każijiet mill-informazzjoni miżmuma mill-Istat Membru ta’ stabbiliment jew li tista’ tinkiseb aktar faċilment minn dak l-Istat Membru. Superviżjoni effettiva ta’ tali transazzjonijiet għaldaqstant tiddependi fuq l-Istat Membru ta’ stabbiliment li jiġbor jew li jkun f’pożizzjoni li jiġbor dik l-informazzjoni.

[…]

(25)      Il-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-għoti ta’ informazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi massimi li m’għandhomx jinqabżu, bil-prinċipju li, sabiex il-kooperazzjoni tkun effettiva, l-informazzjoni diġà disponibbli lill-Istat Membru rikjedenti għandha tiġi pprovduta mingħajr aktar dewmien.”

4        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li bihom l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri responsabbli għall-applikazzjoni tal-liġijiet dwar il-VAT għandhom jikkoperaw flimkien u mal-Kummissjoni biex jiżguraw konformità ma’ dawk il-liġijiet.

Għal dan il-għan, huwa jistabbilixxi regoli u proċeduri biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri biex jikkoperaw u jiskambjaw bejniethom kwalunkwe informazzjoni li tista’ tgħin biex issir valutazzjoni korretta tal-VAT, biex jikkontrollaw l-applikazzjoni korretta tal-VAT, b’mod partikolari fil-każ ta’ tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u biex tiġi miġġielda l-frodi fil-konfront tal-VAT. B’mod partikolari, jiddefinixxi r-regoli u l-proċeduri li jippermettu lill-Istati Membri jiġbru u jiskambjaw tali informazzjoni b’mezzi elettroniċi.”

5        L-Artikolu 10 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“L-awtorità rikjesta għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 7 u 9 kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data tal-irċevuta tat-talba.

Madankollu, fejn l-awtorità rikjesta diġà għandha dik l-informazzjoni, il-limitu ta’ żmien għandu jkun imnaqqas għal perijodu massimu ta’ xahar.”

6        Skont l-Artikolu 11 tal-istess regolament:

“F’ċerti kategoriji speċjali ta’ każijiet jistgħu jiġu miftiehma limiti ta’ żmien differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 10 bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti.”

7        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 904/2010 jipprovdi:

“Meta l-awtorità rikjesta ma tkunx tista’ tirrispondi għat-talba sal-iskadenza prevista, hija għandha tinforma immedjatament lill-awtorità rikjedenti bil-kitba bir-raġunijiet għall-inkapaċità tagħha li tagħmel dan, u meta hija tikkunsidra meta ser tkun tista’ tirrispondi.”

 Id-dritt Slovakk

8        Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) taż-zákon č. 563/2009 Z. z. o správe daní (daňový poriadok) a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 563/2009 dwar l-Amministrazzjoni Fiskali (il-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali) u li Temenda Ċerti Liġijiet Oħra), tal-1 ta’ Diċembru 2009, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-Proċedura Fiskali”):

“L-amministrazzjoni fiskali hija marbuta li teżamina kull każ li huwa s-suġġett ta’ ġbir tat-taxxa, li tittrattah mingħajr telf ta’ żmien u mingħajr dewmien inutli u li tadotta l-iktar mezzi adatti għall-finijiet ta’ determinazzjoni u ġbir korretti tat-taxxa.”

9        L-Artikolu 46(10) tal-Kodiċi tal-Proċedura Fiskali jipprovdi:

“It-terminu sabiex titwettaq verifika fiskali għandu jkun ta’ mhux iktar minn sena mid-data tal-bidu tal-verifika. Fil-każ ta’ sospensjoni tal-verifika fiskali, l-Artikolu 61 għandu japplika mutatis mutandis.”

10      L-Artikolu 61(1)(b) ta’ dan il-kodiċi jipprovdi:

“L-amministrazzjoni fiskali tista’ tissospendi l-proċedura fiskali jekk tkun inbdiet proċedura dwar ċirkustanza determinanti oħra għall-finijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni jew jekk ikun neċessarju li tinkiseb informazzjoni b’mod stabbilit minn leġiżlazzjoni speċjali.”

11      Dan l-Artikolu 61(1)(b) jinkludi nota ta’ qiegħ il-paġna 21a, li ssemmi, bħala eżempju ta’ tali leġiżlazzjoni speċjali, iż-zákon č. 442/2012 Z. z. o medzinárodnej pomoci a spolupráci pri správe daní (il-Liġi dwar l-Għajnuna u l-Kooperazzjoni Internazzjonali fil-Qasam tal-Ġbir tat-Taxxa), tal-5 ta’ Diċembru 2012, u r-Regolament Nru 904/2010.

12      L-Artikolu 61(5) tal-imsemmi kodiċi jipprovdi:

“Fil-każ ta’ sospensjoni tal-proċedura fiskali, it-termini previsti minn din il-liġi jieqfu jiddekorru.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13      Matul il-perijodu ta’ tassazzjoni relatat max-xahar ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kumpannija stabbilita fis-Slovakkja, invokat dritt għat-tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ kunsinni ta’ prodotti tal-laħam imsemmija fuq fatturi maħruġa minn Argus Plus spol. s r.o., stabbilita wkoll f’dan l-Istat Membru.

14      Id-Daňový úrad Prešov (l-Amministrazzjoni Fiskali ta’ Prešov, is-Slovakkja) (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”) bdiet verifika fiskali, sabiex tistabbilixxi l-fondatezza ta’ dan id-dritt u tat-talba għal rimbors korrispondenti, dwar l-eċċess tal-VAT, jew parti minnu, għal dan il-perijodu ta’ tassazzjoni.

15      Sabiex jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal tnaqqis tal-VAT kinux issodisfatti, l-amministrazzjoni fiskali pproċediet b’miżuri importanti ta’ amministrazzjoni tal-prova intiżi li jivverifikaw l-eżistenza ta’ rabtiet li jgħaqqdu lil Argus Plus mar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni fiskali ssospendiet darbtejn il-verifika fiskali li tikkonċerna lil din tal-aħħar minħabba talbiet għal informazzjoni li hija kienet indirizzat lill-awtoritajiet kompetenti rispettivi ta’ żewġ Stati Membri, skont il-proċedura prevista mir-Regolament Nru 904/2010, sabiex tiddetermina jekk il-merkanzija ffatturata lilha minn ARGUS Plus kinitx ġiet effettivament ikkunsinnata.

16      L-ewwel talba għal informazzjoni tressqet quddiem l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja, Stat Membru li fih din il-merkanzija kienet inxtrat minn ARGUS Plus, li wassal għas-sospensjoni tal-verifika fiskali matul il-perijodu mis-26 ta’ Awwissu 2014 sal-11 ta’ Marzu 2015, peress li l-amministrazzjoni fiskali neħħiet din is-sospensjoni biss wara li rċeviet ir-risposta mibgħuta mill-awtoritajiet Pollakki, li seħħet wara l-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 904/2010. Barra minn hekk, l-Artikoli 11 u 12 tiegħu ma ġewx applikati.

17      It-tieni talba għal informazzjoni ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ungerija bil-għan li jinkiseb il-proċess verbal ta’ smigħ taċ-ċittadin Ungeriż li jmexxi lil ARGUS Plus, li għal darba oħra wassal għas-sospensjoni tal-verifika fiskali, matul il-perijodu bejn l-20 ta’ April u l-1 ta’ Lulju 2015.

18      Fi tmiem din il-proċedura, l-amministrazzjoni fiskali kkonkludiet li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kienet ipproduċiet ebda prova ta’ natura li tistabbilixxi li, matul il-perijodu ta’ tassazzjoni relatat max-xahar ta’ Diċembru 2013, ARGUS Plus kienet effettivament ikkunsinnat il-merkanzija msemmija fil-fatturi li kienu ġew ippreżentati lilha. Hija kkonstatat li, matul dan il-perijodu ta’ tassazzjoni, ARGUS Plus ma kinitx eżerċitat attività ekonomika reali, li hija ma kinitx effettivament kisbet id-dritt li tiddisponi minn din il-merkanzija bħala proprjetarja u li, konsegwentement, hija ma setgħetx tikkunsinna l-imsemmija merkanzija lil persuni taxxabbli oħra.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-amministrazzjoni fiskali adottat, fit-30 ta’ Mejju 2016, deċiżjoni li permezz tagħha hija stabbilixxiet, għall-imsemmi perijodu ta’ tassazzjoni, differenza ta’ VAT fl-ammont ta’ EUR 174 699.33 fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

20      Din tal-aħħar ressqet ilment kontra din id-deċiżjoni. Permezz tad-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2016, id-Direttorat tal-Finanzi kkonferma d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fiskali.

21      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat rikors quddiem il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov, is-Slovakkja) kontra din id-deċiżjoni tad-Direttorat għall-Finanzi. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, hija invokat, b’mod partikolari, in-natura eċċessiva tat-tul globali tal-verifika fiskali. Hija enfasizzat li, skont l-Artikolu 46(10) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, it-tul ta’ din il-verifika fiskali ma jistax jeċċedi sena mill-ftuħ tagħha. Issa, f’dan il-każ, il-verifika fiskali nbdiet fil-21 ta’ Marzu 2014 u ngħalqet fis-7 ta’ Diċembru 2015.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Jannar 2018, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) ċaħdet l-imsemmi appell. Fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ verifika fiskali, din il-qorti rrilevat li mill-Artikolu 61(5) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali jirriżulta li, fil-każ ta’ sospensjoni tal-verifika fiskali, it-terminu previst fl-Artikolu 46(10) ta’ dan il-kodiċi jieqaf jiddekorri, li jfisser li, għall-finijiet tal-kalkolu ta’ dan it-terminu, il-perijodu li matulu tkun ġiet sospiża l-proċedura ta’ verifika fiskali ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni. Fil-kawża prinċipali, peress li l-verifika fiskali ġiet sospiża minħabba ż-żewġ talbiet għal informazzjoni mressqa abbażi tar-Regolament Nru 904/2010, il-Krajský súd v Prešove (il-Qorti Reġjonali ta’ Prešov) iddeċidiet li l-ilment tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar it-tul ta’ din il-verifika kien infondat.

23      Adita b’appell minn din is-sentenza, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja) tirrileva, fl-ewwel lok, li, għalkemm il-ħtieġa li tinkiseb informazzjoni skont ir-Regolament Nru 904/2010 tiġġustifika s-sospensjoni tal-verifika fiskali, xorta jibqa’ l-fatt li, fis-sens tal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, moqri fid-dawl tal-premessa 25 tiegħu, l-awtoritajiet meħtieġa għandhom jikkomunikaw din l-informazzjoni f’terminu massimu ta’ tliet xhur mid-data li fiha jirċievu t-talba għal informazzjoni indirizzata lilhom. Issa, f’dan il-każ, dan it-terminu ma ġiex osservat. Barra minn hekk, il-qbiż tal-imsemmi terminu lanqas ma ġie rregolarizzat, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 11 u 12 tal-imsemmi regolament, liema ħaġa tippermetti l-estensjoni tal-istess terminu.

24      Filwaqt li tirrileva li n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 21a, li tinsab fl-Artikolu 61(1)(b) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali, tirreferi għar-Regolament Nru 904/2010 kollu bħala eżempju ta’ leġiżlazzjoni speċjali li l-applikazzjoni tagħha tista’ tiġġustifika s-sospensjoni ta’ verifika fiskali, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk huwiex possibbli, minn naħa, li minn dan ir-regolament jinsilet motiv leġittimu li jiġġustifika s-sospensjoni tal-verifika fiskali u, min-naħa l-oħra, li jiġu injorati d-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu. Fil-fatt, hija tqis li din in-nota ta’ qiegħ il-paġna ma tistax tiġi interpretata fis-sens li tagħti lill-imsemmi regolament l-unika funzjoni li jilleġittima s-sospensjoni tal-verifika, iżda li, barra minn hekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni t-termini stabbiliti minnu.

25      Fit-tieni lok, skont il-qorti tar-rinviju, huwa indispensabbli li tiġi ppreċiżata n-natura tal-obbligi li t-termini previsti mill-istess regolament jimponu fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif ukoll il-konsegwenzi tal-qbiż tagħhom, fid-dawl tal-eventwali ksur tad-drittijiet tal-persuni taxxabbli.

26      Fil-fatt, sabiex tiġi ddeterminata l-legalità tat-tul ta’ verifika fiskali, din il-qorti tqis li huwa neċessarju li tiġi evalwata l-legalità tat-tul ta’ perijodu sospensiv, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali.

27      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka, is-Slovakkja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjoni, li tinsab fil-premessa 25 tar-[Regolament Nru 904/2010], ‘[i]l-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dan ir-Regolament għall-għoti ta’ informazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħala perijodi massimi li m’għandhomx jinqabżu’ għandha tiġi interpretata fis-sens li dawn huma termini li ma jistgħux jinqabżu u fis-sens li qbiż tat-terminu jwassal għall-illegalità tas-sospensjoni tal-kontroll fiskali?

2)      Teżisti konsegwenza (sanzjoni) għall-awtorità rikjesta jew għall-awtorità rikjedenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tat-termini ta’ eżekuzzjoni tal-iskambju internazzjonali ta’ informazzjoni stabbiliti fir-[Regolament Nru 904/2010]?

3)      Skambju internazzjonali ta’ informazzjoni li jaqbeż it-termini stabbiliti mir-[Regolament Nru 904/2010] jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur illegali tad-drittijiet tal-persuna taxxabbli?”

 Fuq id-domandi preliminari

28      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 904/2010, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan tal-aħħar, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi termini li l-iskadenza tagħhom tista’ taffettwa l-legalità tas-sospensjoni ta’ verifika fiskali prevista mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti fl-istennija tal-komunikazzjoni, mill-Istat Membru rikjest, tal-informazzjoni mitluba fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilit minn dan ir-regolament.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li din tagħmel parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2020, Jobcenter Krefeld, C-181/19, EU:C:2020:794, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal-24 ta’ Marzu 2021, A, C-950/19, EU:C:2021:230, punt 34).

30      Fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 904/2010, dan jipprovdi li l-awtorità rikjesta għandha tikkomunika l-informazzjoni mitluba mill-awtorità rikjedenti l-iktar malajr possibbli, u mhux iktar tard minn tliet xhur mid-data li fiha tiġi rċevuta t-talba, fejn dan it-terminu jitnaqqas għal perijodu ta’ mhux iktar minn xahar fil-każ fejn l-informazzjoni kkonċernata tkun diġà għad-dispożizzjoni tal-awtorità rikjesta.

31      Kif jirriżulta mill-premessa 25 ta’ dan ir-regolament, dan l-Artikolu 10 jistabbilixxi, konsegwentement, it-termini massimi li fihom l-awtorità rikjesta għandha tipprovdi lill-awtorità rikjedenti l-informazzjoni mitluba minn din tal-aħħar.

32      Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, huwa neċessarju, sabiex tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 904/2010, li jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikoli 11 u 12 ta’ dan ir-regolament, li jikkostitwixxu, flimkien ma’ dan l-Artikolu 10, it-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament, intitolata “Limitu ta’ żmien biex tiġi pprovduta informazzjoni”.

33      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 904/2010 jipprovdi li, għal kategoriji ta’ każijiet partikolari, jistgħu jiġu miftiehma limiti ta’ żmien differenti minn dawk previsti fl-Artikolu 10 bejn l-awtoritajiet rikjesti u dawk rikjedenti. Fir-rigward tal-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament, dan jipprovdi li, meta l-awtorità rikjesta ma tkunx tista’ tirrispondi għat-talba fit-terminu previst, hija għandha tinforma immedjatament bil-kitba lill-awtorità rikjedenti bir-raġunijiet li jipprekluduha milli tosserva dan it-terminu u bid-data li fiha din tqis li tkun tista’ tirrispondi.

34      Minn dawn l-artikoli jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda espliċitament il-possibbiltà għall-awtoritajiet fiskali kompetenti tal-Istati Membri li jirrispondu għal talba għal informazzjoni wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 904/2010.

35      Barra minn hekk, mill-Artikoli 11 u 12 tar-Regolament Nru 904/2010 jirriżulta wkoll li t-termini previsti fl-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament ma jikkonċernawx ir-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet fiskali kompetenti li jikkooperaw fil-kuntest tal-mekkaniżmu implimentat mill-imsemmi regolament u l-persuni taxxabbli, iżda biss ir-relazzjonijiet bejn dawn l-awtoritajiet. Fil-fatt, minn naħa, l-awtoritajiet fiskali kkonċernati jistgħu, skont dan l-Artikolu 11, jiftiehmu fuq terminu itwal, mingħajr ma jkun previst li huma jkunu obbligati jikkonsultaw lill-persuna taxxabbli kkonċernata u, min-naħa l-oħra, skont dan l-Artikolu 12, hija biss l-awtorità rikjedenti, u mhux il-persuna taxxabbli, li għandha tkun informata mill-awtorità rikjesta dwar l-impossibbiltà li tirrispondi għat-talba fit-terminu stabbilit.

36      Barra minn hekk, la l-Artikoli 10 sa 12 tar-Regolament Nru 904/2010 u lanqas ebda dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-regolament ma jipprevedu xi konsegwenza fil-każ ta’ qbiż mill-awtoritajiet fiskali kompetenti ta’ wieħed mit-termini li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-imsemmija artikoli, kemm jekk għal dawn l-awtoritajiet jew għall-persuni taxxabbli.

37      Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u, sussegwentement, mill-kuntest li fih jinsab dan l-Artikolu 10, jirriżulta li l-qbiż ta’ wieħed mit-termini previsti minn dan tal-aħħar ma jagħti lok għal ebda dritt lill-persuna taxxabbli kkonċernata u ma jwassal għal ebda konsegwenza speċifika, inkluż f’dak li jirrigwarda l-legalità tas-sospensjoni tal-verifika fiskali prevista mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedent sakemm l-Istat Membru rikjest jikkomunika l-informazzjoni mitluba.

38      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 904/2010.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, dan ir-regolament għandu l-għan li jiddetermina l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti responsabbli, fl-Istati Membri, mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar il-VAT għandhom jikkooperaw bejniethom kif ukoll mal-Kummissjoni sabiex jiżguraw l-osservanza ta’ din il-leġiżlazzjoni u, għal dan il-għan, li jiddefinixxi regoli u proċeduri li jippermettu lil dawn l-awtoritajiet li jikkooperaw u jaqsmu bejniethom l-informazzjoni kollha li tista’ tippermetti li tiġi stabbilita b’mod korrett il-VAT, li tiġi kkontrollata l-applikazzjoni korretta tal-VAT, b’mod partikolari fuq it-tranżazzjonijiet intra-Komunitarji, u li tiġi miġġielda l-frodi tat-taxxa msemmija.

40      B’hekk, kif jirriżulta mill-premessi 5 u 7 tiegħu, ir-Regolament Nru 904/2010 għandu l-għan, permezz tal-implimentazzjoni ta’ sistema komuni ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-iskambju ta’ informazzjoni, li jikkontribwixxi għall-assigurazzjoni tal-istabbiliment korrett tal-VAT, b’mod partikolari fir-rigward tal-attivitajiet eżerċitati fit-territorju ta’ wieħed minnhom, iżda li l-VAT relatata magħhom tkun dovuta fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, hekk kif irrikonoxxa l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 8 ta’ dan ir-regolament, il-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-VAT fi tranżazzjonijiet transkonfinali taxxabbli fi Stat Membru differenti minn dak fejn huwa stabbilit il-fornitur jiddependi, fil-parti l-kbira tal-każijiet, mill-informazzjoni miżmuma mill-Istat Membru ta’ stabbiliment jew li tista’ tinkiseb ħafna iktar faċilment minn dak l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, KrakVet Marek Batko, C-276/18, EU:C:2020:485, punt 43).

41      B’hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 904/2010 għandu l-għan li jippermetti kooperazzjoni amministrattiva għall-finijiet tal-iskambju tal-informazzjoni li tista’ tkun neċessarja għall-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2020, KrakVet Marek Batko, C-276/18, EU:C:2020:485, punt 48).

42      Min-naħa l-oħra, u fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fir-Regolament Nru 904/2010, dan ma jistax jiġi interpretat bħala li jagħti drittijiet speċifiċi lill-persuni taxxabbli (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 2018, Enteco Baltic, C-108/17, EU:C:2018:473, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Barra minn hekk, dan ir-regolament ma jirregolax it-tul massimu ta’ verifika fiskali jew il-kundizzjonijiet għas-sospensjoni ta’ tali verifika fil-każ li tinbeda l-proċedura ta’ skambju ta’ informazzjoni prevista minnu. Għaldaqstant, persuna taxxabbli ma tistax tinvoka l-imsemmi regolament sabiex tikkontesta, minħabba tul eċċessiv, il-legalità tas-sospensjoni tal-verifika fiskali li hija s-suġġett tagħha.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 904/2010, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprevedix termini li l-iskadenza tagħhom tista’ taffettwa l-legalità tas-sospensjoni ta’ verifika fiskali prevista mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti fl-istennija tal-komunikazzjoni, mill-Istat Membru rikjest, tal-informazzjoni mitluba fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilit minn dan ir-regolament.

 Fuq l-ispejjeż

45      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, moqri fid-dawl tal-premessa 25 ta’ dan tal-aħħar, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprevedix termini li l-iskadenza tagħhom tista’ taffettwa l-legalità tas-sospensjoni ta’ verifika fiskali prevista mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti fl-istennija tal-komunikazzjoni, mill-Istat Membru rikjest, tal-informazzjoni mitluba fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni amministrattiva stabbilit minn dan ir-regolament.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: is-Slovakk.