Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

27 ta’ April 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Artikolu 2(1)(a) – Kunċett ta’ ‘kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas’ – Artikolu 9(1) – Attività ekonomika – Artikolu 14(1) u (2)(a) – Kunsinna ta’ oġġetti – Konsum illegali ta’ elettriku – Prinċipju ta’ newtralità tal-VAT – Fatturazzjoni lill-konsumatur ta’ benefiċċju li jinkludi l-prezz tal-elettriku kkonsmat – Leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru – Persuna taxxabbli – Entità sui generis inkarigata minn muniċipalitajiet – Kunċett ta’ ‘organu rregolat mid-dritt pubbliku’ – Direttiva 2006/112/KE – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) u l-Anness I – Tassazzjoni, bħala prinċipju, tad-distribuzzjoni tal-elettriku – Kunċett ta’ ‘natura insinjifikattiva tal-attività’”

Fil-Kawża C-677/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Novembru 2021, fil-proċedura

Fluvius Antwerpen

vs

MX,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. L. Arastey Sahún, Presidenta tal-Awla, N. Wahl (Relatur) u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Fluvius Antwerpen, minn C. Docclo, avocate, kif ukoll T. Chellingsworth, D. Devroe u B. Gevers, advocaten,

–        għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin, J.-C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Jokubauskaitė u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Jannar 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, u r-rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14) (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2006/112”), moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) u (2) ta’ din id-direttiva, kif ukoll mal-Artikolu 9(1) u mal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Fluvius Antwerpen (iktar ’il quddiem “Fluvius”), operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku, u MX, konsumatur tal-elettriku, dwar il-ħlas ta’ fattura relatata ma’ teħid illegali ta’ elettriku.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“1.      It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)]:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija [kunsinna ta’ oġġetti] magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”

4        L-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

5        Skont l-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva:

“Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew transazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawk l-attivitajiet jew transazzjonijiet.

[...]

F’kwalunkwe każ, korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom jiġu kkunisdrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet elenkati fl-Anness I, sakemm dawk l-attivitajiet ma jkunux twettqu fuq skala tant żgħira li jkunu insinifikanti.”

6        L-Artikolu 14 tal-istess direttiva huwa redatt kif ġej:

“1.      ‘Provvista ta’ merkanzija’ [kunsinna ta’ oġġetti] għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

2.      Flimkien mat-transazzjonijiet imsemmija fil–paragrafu 1, kull waħda minn dawn li ġejjin għandha tiġi kkunisdrata bħala provvista ta’ merkanzija:

(a)      it-trasferiment, b’ordni ta’ jew f’isem awtorità pubblika jew skond il-liġi, tad-dritt ta’ proprjetà bi ħlas ta’ kumpens;

[...]”

7        L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi:

“L-elettriku, il-gass, l-enerġija għat-tisħin jew għat-tkessiħ u affarijiet simili għandhom jiġu ttrattati bħala proprjetà tanġibbli.”

8        L-Anness I ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista ta’ l-attivitajiet imsemmija fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 13(1)”, jinkludi punt 2 li jirreferi għall-“provvista ta’ ilma, gass, elettriku u enerġija termali”.

 Id-dritt Belġjan

 Il-Kodiċi tal-VAT

9        L-ewwel u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tal-wet tot invoering van de belasting over de toegevoegde waarde (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud), tat-3 ta’ Lulju 1969 (Belgisch Staatsbald, 17 ta’ Lulju 1969, p. 7046), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tal-VAT”), jipprovdu:

“L-Istat, il-Komunitajiet u r-Reġjuni tal-Istat Belġjan, il-provinċji, l-agglomerazzjonijiet, il-muniċipalitajiet u l-istabbilimenti pubbliċi ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi, anki meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew tranżazzjonijiet.

[...]

Fi kwalunkwe każ, dawn għandhom jitqiesu bħala persuni taxxabbli [għall-VAT] fir-rigward tal-attivitajiet jew tranżazzjonijiet li ġejjin, sa fejn dawn l-attivitajiet ma jkunux insinjifikattivi:

[...]

2°      il-provvista u d-distribuzzjoni ta’ ilma, gass, elettriku u enerġija termali;

[...]”

10      L-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Kodiċi tal-VAT huma redatti kif ġej:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-[Kodiċi tal-VAT], oġġett ifisser il-proprjetà tanġibbli.

Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala proprjetà tanġibbli:

1°      l-elettriku, il-gass, is-sħana u t-tkessiħ;

[...]”

11      L-Artikolu 10(1) u (2) tal-Kodiċi tal-VAT huwa fformulat kif ġej:

“1.      Kunsinna ta’ oġġetti għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt li persuna tiddisponi minn proprjetà tanġibbli bħala proprjetarja.

B’mod partikolari, din tikkonċerna t-tqegħid ta’ oġġett għad-dispożizzjoni tax-xerrej jew taċ-ċessjonarju b’eżekuzzjoni ta’ kuntratt li jittrasferixxi proprjetà jew ta’ kuntratt dikjaratorju.

2.      Dawn li ġejjin għandhom ukoll jitqiesu bħala kunsinna ta’ oġġetti:

a)      it-trasferiment, b’ordni ta’ jew f’isem awtorità pubblika jew skont il-liġi, u b’mod iktar ġenerali, ta’ liġi, digriet, ordinanza, deċiżjoni, jew regolament amministrattiv, tad-dritt ta’ proprjetà bi ħlas ta’ kumpens;

[...]”

 Id-Digriet dwar l-Enerġija

12      Adottat mill-Gvern Fjamming, id-decreet houdende algemene bepalingen betreffende het energiebeleid (id-Digriet li Jirrigwarda d-Dispożizzjonijiet Ġenerali fil-Qasam tal-[...] Politika tal-Enerġija), tat-8 ta’ Mejju 2009 (Belgisch Staatsblad, tas-7 ta’ Lulju 2009, p. 46192), kif emendat bid-decreet tot wijziging van het Energiedecreet van 8 mei 2009, wat betreft het voorkomen, detecteren, vaststellen en bestraffen van energiefraude (id-Digriet li Jemenda d-Digriet dwar l-Enerġija tat-8 ta’ Mejju 2009, għal dak li jirrigwarda l-prevenzjoni, l-iskoperta, il-konstatazzjoni u s-sanzjoni tal-frodi tal-enerġija), tal-24 ta’ Frar 2017 (Belgisch Staatsblad, tat-22 ta’ Marzu 2017, p. 38694) (iktar ’il quddiem id-“Digriet dwar l-Enerġija”), jinkludi l-Artikolu 1.1.3, li jipprovdi:

“[...]

40°/1      frodi tal-enerġija: kull azzjoni illegali mwettqa minn kwalunkwe persuna, sew b’mod attiv kif ukoll b’mod passiv, li hija akkumpanjata mill-kisba ta’ vantaġġ indebitu. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala frodi tal-enerġija:

a)      l-eżekuzzjoni ta’ operazzjonijiet fuq in-network ta’ distribuzzjoni jew fuq in-network ta’ trażmissjoni lokali tal-elettriku mingħajr awtorizzazzjoni;

b)      il-manipulazzjoni tal-konnessjoni jew tal-meter tal-elettriku;

c)      in-nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi ta’ dikjarazzjoni li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dan id-digriet, tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tiegħu, tar-regolament ta’ konnessjoni, tal-kuntratt ta’ konnessjoni jew tar-regolament tekniku;

[...]”

13      Skont l-Artikolu 4.1.1 tad-Digriet dwar l-Enerġija, il-Vlaamse Regulator van de Elektriciteits- en Gasmarkt (ir-Regolatur Fjamming tal-Elettriku u tal-Gass, iktar ’il quddiem il-“VREG”), li huwa aġenzija awtonoma esterna rregolata mid-dritt pubbliku, għandha taħtar, għal żona ġeografikament iddelinjata, persuna ġuridika responsabbli mill-ġestjoni tan-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass naturali f’din iż-żona.

14      L-Artikolu 5.1.2 tad-Digriet dwar l-Enerġija jipprovdi:

“[...]

L-ispejjeż sostnuti mill-operatur tan-network sabiex jirrimedja l-frodi tal-enerġija msemmija fl-Artikolu 1.1.3, 40° /1(a), (b), (c), (d) u (g) l-ispejjeż ta’ skonnessjoni [...], ir-regolarizzazzjoni tal-konnessjoni jew tal-installazzjoni tal-meter, il-konnessjoni mill-ġdid, l-ispejjeż relatati mal-vantaġġ miksub b’mod indebitu u l-interessi għandhom jitħallsu mill-utent tan-network ikkonċernat.

[...]”

 Id-Deċiżjoni dwar l-Enerġija

15      Il-besluit van de Vlaamse Regering houdende algemene bepalingen over het energiebeleid (id-Deċiżjoni tal-Gvern Fjamming li Tirrigwarda d-Dispożizzjonijiet Ġenerali fil-Qasam tal-[...] Politika tal-Enerġija), tad-19 ta’ Novembru 2010 (Belgisch Staatsblad, tat-8 ta’ Diċembru 2010, p. 74551), kif emendat bil-besluit van de Vlaamse Regering tot wijziging van het Energiebesluit van 19 november 2010, wat betreft het voorkomen, detecteren, vaststellen en bestraffen van energiefraude (id-Deċiżjoni tal-Gvern Fjamming li Temenda d-Deċiżjoni dwar l-Enerġija tad-19 ta’ Novembru 2010, għal dak li jirrigwarda l-prevenzjoni, l-iskoperta, il-konstatazzjoni u s-sanzjoni tal-frodi tal-enerġija), tas-26 ta’ Jannar 2018 (Belgisch Staatsblad, tat-30 ta’ Marzu 2018, p. 31178) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni dwar l-Enerġija”), jinkludi l-Artikolu 4.1.2, li huwa fformulat kif ġej:

“§ 1.      Il-vantaġġ miksub indebitament imsemmi fl-Artikoli 5.1.2 u 5.1.3 tad-[Digriet dwar l-Enerġija] huwa kkalkolat, skont il-każ, bħala l-prodott ta’ wieħed jew iktar mill-elementi li ġejjin:

1°      prezz fiss;

2°      volum stmat ta’ konsum, injezzjoni jew produzzjoni;

3°      it-tul ta’ żmien tal-frodi tal-enerġija.

Il-kalkolu msemmi fis-subparagrafu 1 huwa dejjem indiċjat fuq il-bażi tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum. Għal dan il-għan, il-vantaġġ miksub indebitament ikkalkolat jiġi mmultiplikat bil-proporzjon tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum fl-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha tkun ġiet ikkonstatata l-frodi tal-enerġija u tal-indiċi tal-prezzijiet għall-konsum fl-1 ta’ Jannar tas-sena li fiha tkun seħħet il-frodi tal-enerġija.

Il-vantaġġ miksub indebitament jista’ jirrigwarda wieħed jew iktar mill-punti li ġejjin:

1°      l-ispejjeż evitati fil-każ ta’ użu abbużiv tan-network ta’ distribuzzjoni jew tan-network ta’ trażmissjoni tal-elettriku lokali;

2°      l-ispejjeż evitati mill-użu tan-network ta’ distribuzzjoni jew tan-network lokali ta’ trażmissjoni tal-elettriku;

3°      l-ispejjeż evitati mill-konnessjoni man-network ta’ distribuzzjoni jew mill-modifika tal-konnessjoni;

4°      l-ispejjeż evitati għall-enerġija pprovduta;

[...]

§ 2.      Fil-każ imsemmi fil-punti 1°, 2° u 3°, tas-subparagrafu 3, tal-paragrafu 1, il-kalkolu għandu jkun ibbażat fuq it-tariffi għall-konnessjoni ma’, jew għall-użu tan-network ta’ distribuzzjoni jew tan-network lokali ta’ trasport tal-elettriku, iddeterminati konformement mal-metodu tariffarju applikabbli, inklużi t-taxxi, l-imposti u l-VAT.

Il-kalkolu msemmi fis-subparagrafu 1 għandu jkun ibbażat fuq it-tul totali tal-frodi tal-enerġija, bil-mument tal-bidu jiġi ddeterminat minn elementi oġġettivi identifikati mill-operatur tan-network.

§ 3.      Fil-każ imsemmi fil-punt 4°, tas-subparagrafu 3, tal-paragrafu 1, il-kwantità ta’ enerġija pprovduta għandha tiġi stmata skont il-metodu ta’ stima previst mir-Regolamenti Tekniċi.

[...]

Il-prezz użat fil-kalkolu tal-elettriku jew tal-gass naturali kkonsmat illegalment għandu jkun il-prezz tal-elettriku jew tal-gass naturali f’każ ta’ frodi, kif approvat mir-regolatur kompetenti u ddeterminat skont l-Artikolu 20(1) tal-Liġi tad-29 ta’ April 1999 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-elettriku jew konformement mal-Artikolu 15/10(1) tal-Liġi tat-12 ta’ April 1965 dwar it-trażmissjoni ta’ prodotti tal-gass u oħrajn permezz ta’ pajpijiet, inklużi t-taxxi, il-ħlasijiet u l-VAT.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Il-provvista tal-enerġija lill-individwi hija, fir-Région flamande (ir-Reġjun Fjamming, il-Belġju), irregolata mid-Digriet dwar l-Enerġija, li min-naħa tiegħu huwa kkompletat u implimentat bid-Deċiżjoni dwar l-Enerġija.

17      Skont l-Artikolu 4.1.1 tad-Digriet dwar l-Enerġija, il-VREG ħatret lil Fluvius bħala persuna ġuridika responsabbli mill-ġestjoni tan-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku jew tal-gass naturali fit-territorju ta’ grupp ta’ muniċipalitajiet ta’ dan ir-reġjun.

18      Fluvius hija struttura ta’ kooperazzjoni intermuniċipali maħluqa fil-forma ta’ assoċjazzjoni li tagħha 38 muniċipalità Fjamminga huma membri. Hija ddefinita fl-Artikolu 2 tal-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħha bħala persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li għandha status sui generis.

19      Fluvius tiġi fdata minn uħud mill-muniċipalitajiet li huma membri tagħha bl-implimentazzjoni ta’ waħda jew iktar mill-kompetenzi tagħhom li jaqgħu taħt qasam jew numru ta’ oqsma ta’ attività, f’dan il-każ id-distribuzzjoni tal-enerġija. Il-Bord ta’ Tmexxija tiegħu huwa kompost minn kunsilliera u membri (schepen) tal-muniċipalitajiet li huma membri tagħha. Bħala operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, hija, b’mod partikolari, inkarigata mit-trasport tal-elettriku sal-installazzjonijiet individwali u hija responsabbli mill-installazzjoni, mit-tqegħid fis-servizz u mill-qari tal-meters.

20      Matul il-perijodu bejn is-7 ta’ Mejju 2017 u s-7 ta’ Awwissu 2019, MX, individwu, ikkonsma elettriku illegalment.

21      Wara li kkonstatat li dan il-konsum kien illegali, Fluvius, fuq il-bażi ta’ paragun bejn iċ-ċifri tal-meter tal-post ta’ dan il-konsum fil-bidu u fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, ħarġet fattura li tammonta għal EUR 813.41, li minnhom EUR 131.45 huma VAT, fejn din is-somma ġiet miżjuda bl-interessi moratorji u ġudizzjarji. MX ma ħallasx din il-fattura.

22      Fit-22 ta’ Ġunju 2021, Fluvius, għalhekk, ħarrket lil MX għall-ħlas tal-imsemmija fattura quddiem il-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen, il-Belġju), il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar ikkundannat lil MX, permezz tad-deċiżjoni tar-rinviju, jikkumpensa lil Fluvius sal-ammont tal-ispiża tal-“enerġija meħuda illegalment”. Madankollu, hija tesprimi dubji dwar l-eżiġibbiltà tal-VAT f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża li għandha quddiemha.

23      F’dan ir-rigward, hija tosserva li, qabel l-1 ta’ Mejju 2018, ebda test leġiżlattiv ma kien jittratta b’mod espliċitu l-kwistjoni dwar jekk il-VAT setgħetx tiġi imposta fuq il-kumpens dovut minn min kien jieħu enerġija illegalment. Minn din id-data, id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 40°(1) tal-Artikolu 1.1.3 u tal-Artikolu 5.1.2 tad-Digriet dwar l-Enerġija, kif ukoll tal-Artikolu 4.1.2 tad-Deċiżjoni dwar l-Enerġija mlew din il-lakuna peress li l-fatt li jittieħed elettriku min-network mingħajr ma jiġi konkluż kuntratt kummerċjali u mingħajr ma dan jiġi ddikjarat lill-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni jista’ jitqies bħala att illeġittimu, attiv jew passiv, assoċjat mal-kisba ta’ vantaġġ illeġittimu, fis-sens tal-punt 40°(1) tal-Artikolu 1.1.3 tad-Digriet dwar l-Enerġija. Barra minn hekk, l-Artikolu 4.1.2 (3) tad-Deċiżjoni dwar l-Enerġija jipprevedi l-modalitajiet li skonthom il-kumpens li jirrappreżenta l-vantaġġ miksub indebitament huwa ddeterminat u li dan il-kumpens jinkludi t-taxxi, l-imposti u l-VAT.

24      Madankollu l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ma’ diversi artikoli tad-Direttiva 2006/112.

25      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-vredegerecht te Antwerpen (il-Qorti Konċiljatorja ta’ Antwerpen) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet magħqudin tal-Artikolu 2(1)(a) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija huwa kunsinna ta’ merkanzija, jiġifieri t-trasferiment tad-dritt ta’ proprjetarju li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli?

2)      Fin-negattiv, l-Artikolu 14(2)(a) tad-Direttiva [2006//112] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija huwa kunsinna ta’ merkanzija, jiġifieri t-trasferiment, b’ordni ta’ jew f’isem awtorità pubblika jew skont il-liġi, tad-dritt ta’ proprjetà bi ħlas ta’ kumpens?

3)      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li Fluvius għandha d-dritt għal kumpens għall-enerġija illegalment meħuda, għandha titqies bħala persuna taxxabbli minħabba li t-teħid illegali huwa l-konsegwenza ta’ ‘attività ekonomika’ ta’ [Fluvius], jiġifieri l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa?

4)      Jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija jikkostitwixxi attività ekonomika, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li [Fluvius] hija awtorità pubblika u, fl-affermattiv, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) għandu jiġi interpretat fis-sens li t-teħid illegali ta’ enerġija huwa r-riżultat ta’ attività ta’ [Fluvius] li ma hijiex insinjifikattiva?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari

26      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) jew mal-Artikolu 14(2)(a) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ elettriku minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti fis-sens ta’ waħda jew l-oħra minn dawn l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet.

27      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, dwar it-tranżazzjonijiet taxxabbli, jipprovdi li huma suġġetti għall-VAT, b’mod partikolari, il-kunsinni ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi inkwantu tali.

28      Fir-rigward tal-attività inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri l-provvista tal-elettriku, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, minn naħa, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, fil-qasam tal-ġbir tal-VAT, distinzjoni ġġeneralizzata bejn it-tranżazzjonijiet illegali u t-tranżazzjonijiet legali (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C-259/10 u C-260/10, EU:C:2011:719, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), fejn is-sistema tal-VAT hija intiża li tintaxxa l-konsumatur finali ta’ oġġetti jew servizzi (sentenza tal-1 ta’ Lulju 2021, Tribunal Económico Administrativo Regional de Galicia, C-521/19, EU:C:2021:527, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata) meta dawn ikunu ġew ikkunsinnati jew ipprovduti fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli skont id-Direttiva 2006/112.

29      Min-naħa l-oħra, ġaladarba l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jekwipara l-elettriku ma’ proprjetà tanġibbli, għandu jiġi ppreċiżat li l-kunsinna ta’ tali oġġett, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tal-imsemmija direttiva, għandha ssir “bi ħlas”, li jimplika li teżisti rabta diretta bejn il-kunsinna tal-oġġett u korrispettiv effettivament irċevut mill-persuna taxxabbli. Tali rabta diretta hija stabbilita meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur u l-benefiċjarju li fl-ambitu tagħha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn ir-remunerazzjoni li jirċievi l-fornitur tkun tikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tal-provvista mogħtija lill-imsemmi benefiċjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 36).

30      F’dan il-każ, ir-rabta diretta bejn l-elettriku illegalment ikkonsmat u s-somma mitluba bħala korrispettiv minn Fluvius tirriżulta b’mod ċar mill-elementi pprovduti mill-qorti tar-rinviju, peress li MX ħa l-elettriku fl-indirizz ta’ residenza tiegħu u Fluvius setgħet tistabbilixxi l-kwantità hekk miġbura billi tistabbilixxi rendikont tal-konsum li sar bejn is-7 ta’ Mejju 2017 sas-7 ta’ Awwissu 2019 permezz tal-qari tal-meter li jinsab f’dan l-indirizz. B’hekk, l-ammont li jikkorrispondi għall-ispiża tal-elettriku illegalment ikkonsmat ġie inkluż fis-somma dovuta mingħand MX.

31      Barra minn hekk, il-kriterju marbut mal-eżistenza ta’ relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha sseħħ il-kunsinna ta’ oġġett u l-korrispettiv tiegħu għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 28 ta’ din is-sentenza, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ inkwistjoni b’tali mod li wieħed ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. F’dan il-kuntest, dan il-kriterju għandu jingħata tifsira wiesgħa.

32      Barra minn hekk, minn naħa, kif tenfasizza Fluvius, anki jekk il-provvista tal-elettriku seħħet fl-assenza ta’ konklużjoni ta’ kuntratt, ir-relazzjonijiet bejn il-konsumatur klandestin u l-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku huma rregolati mir-regolament ta’ konnessjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “teħid illegali” u jipprevedi l-imputazzjoni tal-konsum li jirriżulta minn dan it-teħid mill-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni lill-persuna li wettqet dan it-teħid. Min-naħa l-oħra, kif ġie indikat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, kemm id-Digriet dwar l-Enerġija kif ukoll id-Deċiżjoni dwar l-Enerġija jirregolaw l-ipoteżi tat-teħid ta’ elettriku mingħajr konklużjoni ta’ kuntratt kummerċjali u mingħajr dikjarazzjoni minn qabel lill-operatur tan-network ta’ distribuzzjoni, u jiddeterminaw il-modalitajiet li skonthom jiġi stabbilit il-kumpens li jirrappreżenta l-vantaġġ miksub indebitament minn dan il-konsumatur.

33      Għalhekk, kunsinna ta’ oġġetti li għandha tali karatteristiċi, liema verifika dwar dan għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, tikkorrispondi għal kunsinna ta’ oġġetti mwettqa bi ħlas fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.

34      Għad irid jiġi ddeterminat jekk tali kunsinna ta’ oġġetti tistax tiġi ddefinita bħala t-trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi minn proprjetà tanġibbli, fis-sens tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jew jekk din il-provvista hijiex trasferiment, bi ħlas ta’ kumpens, tad-dritt ta’ proprjetà bis-saħħa ta’ ordni magħmula mill-awtorità pubblika jew f’isimha jew skont il-liġi, konformement mal-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ proprjetà tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra tiddisponi minnu fil-fatt bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Dan il-kunċett huwa ta’ natura oġġettiva u japplika indipendentement mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (sentenza tal-15 ta’ Mejju 2019, Vega International Car Transport and Logistic, C-235/18, EU:C:2019:412, punt 28).

37      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Fluvius, matul il-perijodu ta’ bejn is-7 ta’ Mejju 2017 u s-7 ta’ Awwissu 2019, jiġifieri għal iktar minn sentejn, ipprovdiet l-elettriku lil MX. Għalhekk huwa neċessarjament assuma li kien qiegħed jagħti provvista lil klijent u, fl-istess ħin, MX aġixxa bħala tali fil-konfront ta’ Fluvius u aġixxa “bħallikieku kien proprjetarju”, jiġifieri li huwa kkonsma l-elettriku pprovdut minn Fluvius. Kif osserva ġustament il-Gvern Belġjan, il-karatteristiċi tal-elettriku huma tali li t-teħid ta’ elettriku min-network ta’ distribuzzjoni jikkoinċidi mal-konsum tal-oġġett u li dan il-konsum ma jikkorrispondix biss mal-użu ta’ dan l-oġġett iżda wkoll maċ-ċessjoni tiegħu. Issa, dan tal-aħħar huwa l-attribut aħħari tad-dritt ta’ proprjetà. Kunsinna ta’ oġġetti li seħħet f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali għandha għalhekk tiġi analizzata bħala t-trasferiment tad-dritt li persuna tiddisponi minn proprjetà tanġibbli, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112.

38      Peress li mill-formulazzjoni u mill-istruttura tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva jirriżulta li l-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jikkostitwixxi, fir-rigward tad-definizzjoni ġenerali ddikjarata fil-paragrafu 1 tiegħu, lex specialis, li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tiegħu għandhom natura awtonoma meta mqabbla ma’ dawk tal-imsemmi paragrafu 1 (sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza teskludi l-applikazzjoni fil-kawża prinċipali tal-Artikolu 14(2)(a) tal-imsemmija direttiva.

39      Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ elettriku minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas li tagħti lok għat-trasferiment tas-setgħa li persuna tiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda preliminari

40      Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ elettriku minn operatur ta’ distribuzzjoni, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, tikkostitwixxi attività ekonomika u, billi tammetti li dan huwa l-każ, jekk, l-ewwel nett, operatur li jeżerċita tali attività, bħal Fluvius, jaġixxix għalhekk bħala awtorità pubblika fis-sens tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva u, it-tieni, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tali ġbir jikkorrispondi għal attività mhux insinjifikattiva tal-imsemmi operatur.

41      Għandu jiġi enfasizzat li l-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 twassal, minn naħa, biex turi b’mod ċar il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “attività ekonomika” u, min-naħa l-oħra, biex tippreċiża n-natura oġġettiva tagħha, fis-sens li l-attività hija meqjusa minnha nnifisha indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wroclaw (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Għalhekk, attività hija, b’mod ġenerali, ikklassifikata bħala ekonomika meta tkun ta’ natura permanenti u titwettaq b’korrispettiv ta’ remunerazzjoni rċevuta mill-awtur tat-tranżazzjoni (sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ma tistaqsix lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klassifikazzjoni tal-attività ta’ operatur li, bħal Fluvius, jaġixxi fil-kwalità ta’ operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, liema attività tissodisfa b’mod ċar il-kriterji mfakkra fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, fatt li huwa, barra minn hekk, ikkonfermat mill-formulazzjoni nnifisha tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-Anness I ta’ din id-direttiva, li jipprevedi l-issuġġettar, bħala prinċipju, għall-VAT tad-distribuzzjoni tal-elettriku anki meta din issir minn korp irregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika. Billi tenfasizza l-kriterju tar-rieda tal-operatur li jiġġenera dħul fuq bażi kontinwa, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar in-natura, minn naħa, mhux mixtieqa mill-operatur, u, min-naħa l-oħra, iżolata, tat-teħid illegali ta’ elettriku mwettaq f’dan il-każ minn MX.

44      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk tranżazzjoni speċifika tidħolx fil-kuntest ta’ attività ekonomika, jeħtieġ li jiġu analizzati l-kundizzjonijiet kollha li fihom din titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ April 2021, Administration de l’Enregistrement, des Domaines et de la TVA, C-846/19, EU:C:2021:277, punt 48 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

45      F’dan ir-rigward, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel nett, li Fluvius hija obbligata, fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-muniċipalitajiet li jipparteċipaw fl-istruttura ta’ kooperazzjoni intermuniċipali kkostitwita minnha, li tagħti provvista lil kull persuna li ma jkollhiex iktar kuntratt ma’ distributur kummerċjali u wara li din tkun informat lil organu bħal Fluvius minn qabel. Konsegwentement, jidher li dan tal-aħħar jista’ jitwassal, sa fejn dan ikun neċessarju, jeżerċita direttament rwol ta’ fornitur tal-elettriku, b’tali mod li tali attività ma hijiex ta’ natura marġinali u, barra minn hekk, mhux biss ma hijiex estranja għall-attività tagħha ta’ operatur tan-network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku iżda ma tistax tiġi ddissoċjata mill-missjonijiet tagħha kkunsidrati fit-totalità tagħhom.

46      It-tieni, kemm ir-Reġjun Fjamming, permezz tal-Artikolu 1.1.3, 40°/1, u l-Artikolu 5.1.2 tad-Digriet dwar l-Enerġija, u permezz tal-Artikolu 4.1.2 tad-Deċiżjoni dwar l-Enerġija, kif ukoll Fluvius innifisha, permezz tar-regolament ta’ konnessjoni applikabbli għall-fatti inkwistjoni, ipprevedew l-ipoteżi tat-teħid illegali ta’ enerġija, b’mod partikolari ta’ elettriku, u rregolaw il-konsegwenzi kemm amministrattivi kif ukoll pekunjarji li jirriżultaw minn dan – li jeskludi li dan il-fenomenu jitqies li huwa ad hoc u iżolat peress li rriżulta li huwa suffiċjentement preżenti u repetut sabiex jiġġustifika azzjoni normattiva.

47      It-tielet, ir-riskju ta’ telf wara serq, f’dan il-każ dak li persuna jkollha ssostni bi spejjeż tagħha l-kwantitajiet ta’ elettriku mitlufa minħabba t-teħid illegali tiegħu minn terz, jikkostitwixxi riskju kummerċjali tipiku ta’ attività ekonomika, f’dan il-każ dik ta’ operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

48      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, bla ħsara għal verifika tal-punti ta’ fatt imsemmija iktar ’il fuq mill-qorti tar-rinviju, li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ elettriku minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, tikkostitwixxi attività ekonomika ta’ dan l-operatur sa fejn din twassal għal riskju inerenti għall-attività tiegħu ta’ operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku.

49      Anki li kieku kellu jiġi aċċettat, minn naħa, li Fluvius hija organu rregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112 u, min-naħa l-oħra, li hija aġixxiet bħala awtorità pubblika billi pprovdiet l-elettriku lil MX, din il-kunsinna ta’ oġġetti għandha, bħala prinċipju, tiġi ssuġġettata għall-VAT (ara l-punt 43 ta’ din is-sentenza), sakemm l-attività ta’ Fluvius f’dan ir-rigward ma titqiesx li hija insinjifikattiva.

50      Bla ħsara għall-evalwazzjoni li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, peress li hija biss il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni biex tinterpreta d-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, għandu jiġi rrilevat li l-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ Fluvius jikkwalifikawh bħala persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku li għandha status sui generis, kif jikkonferma l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet tiegħu. Barra minn hekk, kif ġie indikat fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, bħala struttura ta’ kooperazzjoni intermuniċipali, Fluvius hija amministrata minn rappreżentanti eletti tal-muniċipalitajiet li jipparteċipaw f’din il-kooperazzjoni u l-missjonijiet tagħha huma dawk, eżerċitati b’mod konġunt, ta’ dawn il-muniċipalitajiet. Għalhekk, fid-dawl ta’ dawn l-elementi tal-proċess, minkejja l-isem ta’ “assoċjazzjoni inkarigata mill-missjoni” (Opdrachthoudende vereniging), organu bħal Fluvius jidher li jissodisfa d-definizzjoni ta’ korp irregolat mid-dritt pubbliku fis-sens tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112.

51      Barra minn hekk, l-obbligu ta’ Fluvius imfakkar fil-punt 45 ta’ din is-sentenza jidher li jikkorrispondi għal obbligu ta’ servizz pubbliku, sa fejn huwa intiż li jevita li persuni li ma għandhomx kuntratt kummerċjali ma’ fornitur tal-enerġija, pereżempju għal raġunijiet ta’ prekarjetà ekonomika, jiġu mċaħħda minn provvista tal-elettriku. 

52      Għaldaqstant, huwa neċessarju li jiġi ddeterminat x’jistgħu jkunu attivitajiet insinjifikattivi, fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2006/112, u jekk il-provvista tal-elettriku minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-enerġija, fil-kuntest ta’ teħid illegali ta’ elettriku, tistax taqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

53      Billi ppreveda, f’din id-dispożizzjoni, li l-attivitajiet elenkati fl-Anness I ta’ din id-direttiva, bħad-distribuzzjoni tal-elettriku, huma, fi kwalunkwe każ, sakemm ma jkunux insinjifikattiva, suġġetti għall-VAT, anki jekk jitwettqu minn organu rregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea pprova jevita li jseħħu ċerti distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs Lirlanda,-Irlanda, C-554/07, EU:C:2009:464, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

54      Minn dan jirriżulta li l-kunċett ta’ “natura insinjifikattiva tal-attività” jikkostitwixxi deroga mir-regola ġenerali tal-issuġġettar ta’ kull attività ta’ natura ekonomika għall-VAT. Għaldaqstant, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Frar 2021, Gmina Wrocław (Konverżjoni tad-dritt ta’ użufrutt), C-604/19, EU:C:2021:132, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      Għalhekk huwa biss jekk l-attività msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2006/112, imwettqa minn organu rregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika, tista’ titqies li hija ta’ daqs minimu, kemm minn perspettiva spazjali kif ukoll temporali, u, konsegwentement, ta’ impatt ekonomiku tant dgħajjef li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minnha jkunu, jekk mhux xejn, minn tal-inqas insinjifikattivi, li din l-attività ma tkunx suġġetta għall-VAT.

56      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, jidher li dan ma huwiex il-każ tal-provvista ta’ elettriku mwettqa minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni bħal Fluvius, inkluż fil-kuntest ta’ teħid illegali ta’ elettriku, peress li kemm ir-ir-Reġjun Fjamming kif ukoll Fluvius waslu sabiex iddefinixxew il-konsegwenzi amministrattivi u pekunjarji ta’ teħid illegali – li jikkostitwixxi indizju tan-natura sinjifikattiva tagħhom. Konsegwentement, provvista ta’ elettriku bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kuntest ta’ attività ta’ natura insinjifikattiva u għandha għalhekk tkun suġġetta għall-VAT.

57      Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ elettriku minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, tikkostitwixxi attività ekonomika mwettqa minn dan l-operatur sa fejn din twassal għal riskju inerenti għall-attività tiegħu ta’ operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Jekk jitqies li din l-attività ekonomika titwettaq minn organu rregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika, tali attività, imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, tista’ titqies li hija insinjifikattiva fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva biss jekk tkun ta’ portata minima, kemm minn perspettiva spazjali kif ukoll temporali u, konsegwentement, ta’ impatt ekonomiku tant dgħajjef li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minnha jkunu, jekk mhux xejn, minn tal-inqas insinjifikattivi.

 Fuq l-ispejjeż

58      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009, moqri flimkien mal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-provvista ta’ elettriku minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti bi ħlas li tagħti lok għat-trasferiment tas-setgħa li persuna tiddisponi minn proprjetà tanġibbli.

2)      L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, kif emendat bid-Direttiva 2009/162,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-provvista ta’ elettriku minn operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni, anki jekk involontarja u r-riżultat tal-azzjoni illegali ta’ terz, tikkostitwixxi attività ekonomika mwettqa minn dan l-operatur sa fejn din twassal għal riskju inerenti għall-attività tiegħu ta’ operatur ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Jekk jitqies li din l-attività ekonomika titwettaq minn organu rregolat mid-dritt pubbliku li jaġixxi bħala awtorità pubblika, tali attività, imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva, tista’ titqies li hija insinjifikattiva fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tal-imsemmija direttiva biss jekk tkun ta’ portata minima, kemm minn perspettiva spazjali kif ukoll temporali u, konsegwentement, ta’ impatt ekonomiku tant dgħajjef li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jistgħu jirriżultaw minnha jkunu, jekk mhux xejn, minn tal-inqas insinjifikattivi.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.