8.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 452/12 |
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Prahova (ir-Rumanija) fis-27 ta’ Lulju 2021 – SC Cartrans Preda SRL vs Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Prahova
(Kawża C-461/21)
(2021/C 452/12)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Prahova
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: SC Cartrans Preda SRL
Konvenut: Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Prahova
Domandi preliminari
1) |
Sabiex tingħata, konformement mad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) (1), eżenzjoni mill-VAT għal tranżazzjonijiet u servizzi tat-trasport marbuta mal-importazzjoni ta’ beni, l-Artikolu 86(1)(b) u (2) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li r-reġistrazzjoni ta’ tranżazzjoni ta’ importazzjoni (pereżempju l-istabbiliment mill-awtorità doganali tad-dikjarazzjoni sommarja ta’ dħul permezz tal-għoti ta’ numru msejjaħ MRN – Master Reference Number) timplika dejjem l-inklużjoni, abbażi ta’ kalkolu tal-valur doganali, tat-tariffa tat-trasport sal-ewwel post ta’ destinazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru ta’ importazzjoni? L-eżistenza ta’ MRN li fuqu ma hemm ebda indizju serju ta’ frodi turi impliċitament li l-ispejjeż kollha msemmija fl-Artikolu 86(1)(a) u (b) ġew inklużi fil-valur taxxabbli doganali? |
2) |
L-Artikolu 144 u l-Artikolu 86(1)(b) u (2) tad-Direttiva 2006/112 jipprekludu prattika fiskali tal-Istat Membru li tikkonsisti fir-rifjut tal-eżenzjoni mill-VAT għas-servizzi tat-trasport marbuta mal-importazzjoni ta’ beni fl-[Unjoni] għar-raġuni li n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-prova strettament formali tal-inklużjoni tat-tariffi tat-trasport fil-valur doganali, minkejja, minn naħa, il- preżentazzjoni ta’ dokumenti oħrajn ta’ sostenn tal-importazzjoni rilevanti – id-dikjarazzjoni sommarja u l-ittra ta’ konsenja CMR li tindika l-konsenja lid-destinatarju [-] u, min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kwalunkwe indizju li jippermetti li tiġi ddubitata l-awtentiċità jew l-affidabbiltà tad-dikjarazzjoni sommarja u tal-ittra ta’ konsenja CMR? |
3) |
Fir-rigward tal-Artikolu 57 TFUE, l-irkupru tal-VAT u tad-dazji tas-sisa minn amministrazzjonijiet finanzjarji ta’ diversi Stati Membri jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi intrakomunitarja jew l-attività ta’ kummissarju ġenerali li jservi bħala intermedjarju fil-kuntest ta’ tranżazzjoni kummerċjali? |
4) |
L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li teżisti restrizzjoni għall-moviment liberu tas-servizzi meta d-destinatarju ta’ servizz ipprovdut minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor huwa obbligat, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fih huwa stabbilit dan id-destinatarju, li jipproċedi għaż-żamma tat-taxxa fuq ir-remunerazzjoni dovuta għall-imsemmija provvista ta’ servizzi, għalkemm tali obbligu ma jeżistix meta l-istess servizz huwa miftiehem ma’ fornitur stabbilit fl-istess Stat Membru bħal dak li fih huwa stabbilit id-destinatarju tas-servizzi? |
5) |
It-trattament fiskali tal-Istat ta’ residenza tal-persuna li tħallas id-dħul jikkostitwixxi element li jagħmel il-moviment liberu tas-servizzi inqas attraenti u iktar diffiċli, sa fejn, sabiex tiġi evitata l-applikazzjoni tat-taxxa b’taxxa f’ras il-għajn ta’ 4 %, ir-resident għandu jillimita ruħu għal kollaborazzjonijiet, fil-qasam tal-irkupru tal-VAT u tad-dazji tas-sisa, ma’ entitajiet residenti wkoll, u mhux ma’ entitajiet oħrajn stabbiliti f’pajjiżi membri oħrajn? |
6) |
Il-fatt li d-dħul miksub fi Stat Membru minn persuna mhux residenti jkun milqut b’taxxa ta’ 4 % (jew, skont il-każ, ta’ 16 %) applikata għall-ammont gross, filwaqt li t-taxxa fuq il-kumpanniji li tolqot lill-fornitur ta’ servizzi residenti f’dan l-istess Stat Membru (sakemm huwa jagħmel profitt) hija taxxa ta’ 16 % applikata għall-ammont nett, jista’ jitqies ukoll bħala ksur tal-Artikolu 56 TFUE, sa fejn dan jikkostitwixxi element ieħor li jagħmel il-moviment liberu tal-imsemmija servizzi minn persuni mhux residenti inqas attraenti u iktar diffiċli? |
(1) ĠU 2006, L 347, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.