Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

22.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 471/20


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (L-Ungerija) fil-5 ta’ Awwissu 2021 – Euler Hermes SA Magyarországi Fióktelepe vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-482/21)

(2021/C 471/28)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Euler Hermes SA Magyarországi Fióktelepe

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

Il-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività – fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li Stat Membru ma jistax jirċievi, bħala VAT, ammont ogħla minn dak li l-fornitur ta’ beni jew ta’ servizzi jikseb effettivament għat-tranżazzjoni inkwistjoni -, u l-eżenzjoni mit-taxxa prevista fl-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) [(iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar il-VAT)] – fid-dawl b’mod partikolari tar-rekwiżit li din l-attività tiġi ttrattata bħala tranżazzjoni unika eżentata, fis-sens tal-prinċipji żviluppati fil-punti 35, 37 u 53 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Swiss Re Germany Holding (C-242/08, EU:C:2009:300) – kif ukoll ir-rekwiżit li jiġi żgurat il-moviment liberu tal-kapital u tas-servizzi fis-suq intern, jipprekludu prattika ta’ Stat Membru skont liema t-tnaqqis tal-ammont taxxabbli applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas definittiv, stabbilit fl-Artikolu 90(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, ma huwiex applikabbli għal assiguratur li, fil-kuntest tal-attività tiegħu ta’ assigurazzjoni ta’ dejn, ħallas kumpens lill-assigurat għall-bażi tat-taxxa kif ukoll għall-VAT li jikkorrispondi għall-mument ta’ meta jimmaterjalizza r-riskju (in-nuqqas ta’ ħlas mill-klijent tal-assigurat), li jimplika li, bis-saħħa tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, id-dejn huwa ttrasferit lill-assiguratur, bid-drittijiet ta’ eżekuzzjoni kollha relatati mal-imsemmi dejn, meta jokkorru ċ-ċirkustanzi li ġejjin:

(i)

fil-mument meta d-dejn inkwistjoni sar irrekuperabbli, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kienet tippermetti l-ebda tnaqqis tal-ammont taxxabbli minħabba dejn irrekuperabbli;

(ii)

minn meta l-inkompatibbiltà tal-imsemmija projbizzjoni mad-dritt komunitarju saret manifesta, id-dritt pożittiv nazzjonali jeskludi kategorikament b’mod kostanti r-rimbors tal-VAT fuq dejn irrekuperabbli lill-fornitur tal-provvista inizjali (l-assigurat) għaliex l-assiguratur irrimborsalu l-ammont tal-imsemmija VAT, u

(iii)

l-assiguratur jista’ juri li d-dejn tiegħu kontra d-debitur sar definittivament irrekuperabbli?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.