Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

20 ta’ April 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 14, 15 u 24 – Punti tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi – Tqegħid għad-dispożizzjoni tat-tagħmir intiż għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi, il-provvista tal-elettriku neċessarju kif ukoll il-provvista ta’ assistenza teknika u ta’ servizzi informatiċi – Kwalifika bħala ‘kunsinna ta’ oġġetti’ jew bħala ‘provvista ta’ servizzi’”

Fil-Kawża C-282/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Frar 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ April 2022, fil-proċedura

Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej

vs

P. w W.,

fil-preżenza ta’:

Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn D. Gratsias (Relatur), President tal-Awla, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għad-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej, minn B. Kołodziej, D. Pach u T. Wojciechowski,

–        għar-Rzecznik Małych i Średnich Przedsiębiorców, minn P. Chrupek, radca prawny,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn O. Serdula, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u U. Małecka, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1) u tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU L 335, 20.12.2007, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2010, L 10, p. 14) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn id-Dyrektor Krajowej Informacji Skarbowej (id-Direttur tal-Informazzjoni Fiskali Nazzjonali, il-Polonja, iktar ’il quddiem l-“Awtorità Fiskali”) u P. w W., dwar talba intiża għall-annullament ta’ deċiżjoni tat-taxxa tas-16 ta’ Mejju 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-taxxa”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/112

3        Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2006/112:

“It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għat-Taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)]:

(a)      il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]

(ċ)      il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[…]”

4        L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”

5        Skont l-Artikolu 15(1) tal-imsemmija Direttiva:

“Elettriku, gass, gass, sħana, kesħa u affarijiet simili għandhom jiġu ttrattati bħala proprjetà tanġibbli.”

6        L-Artikolu 24(1) tal-istess Direttiva jipprovdi:

“‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija.”

 Id-Direttiva 2014/94/UE

7        Skont l-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta’ infrastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU 2014, L 307, p. 1):

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi tal-punti tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku huma liberi li jixtru l-elettriku minn kwalunkwe fornitur tal-elettriku fl-Unjoni, soġġett għall-qbil tal-fornitur. L-operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar għandhom jitħallew jipprovdu servizzi tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi għall-klijenti fuq bażi kuntrattwali, inkluż f’isem u għan-nom ta’ fornituri ta’ servizzi oħrajn.”

 Id-dritt Pollakk

8        L-Artikolu 7(1) tal-ustawa o podatku od towarów i usług (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq l-Oġġetti u s-Servizzi) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U., Nru 54, intestatura 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-VAT”) jipprovdi:

“Il-kunsinna ta’ oġġetti, imsemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 5(1), tfisser trasferimenti tas-setgħa ta’ użu tal-oġġetti bħal proprjetarju […]”

9        L-Artikolu 8(1) tal-Liġi dwar il-VAT jipprevedi:

“Il-provvista ta’ servizzi msemmija fil-punt 1 tal-Artikolu 5(1) tfisser kull provvista lil persuna fiżika jew ġuridika, jew entità mingħajr personalità ġuridika, li ma tikkostitwixxix kunsinna ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 7 […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10      P. w W. għandu l-intenzjoni li jeżerċita attività li tikkonsisti fl-installazzjoni u fl-operat ta’ punti tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi miftuħa għall-pubbliku. Dawn il-punti huma mgħammra b’ċarġers imsejħa “multistandard”, li għandhom konnetturi ta’ ċċarġjar rapidu, f’kurrent dirett, u konnetturi ta’ ċċarġjar bil-mod, b’kurrent alternanti. It-tul ta’ żmien normali tal-iċċarġjar ta’ vettura elettrika sa 80 % tal-kapaċità tal-batterija permezz ta’ konnetturi ta’ ċċarġjar rapidu huwa ta’ madwar 20 sa 30 minuta. It-tul ta’ żmien tal-iċċarġjar ta’ vettura permezz ta’ konnetturi ta’ ċċarġjar bil-mod huwa, min-naħa tiegħu, ta’ madwar 4 sa 6 sigħat.

11      Il-prezz iffatturat lill-utenti jiddependi b’mod partikolari mit-tul ta’ żmien tal-iċċarġjar, espress f’sigħat għall-konnetturi tal-iċċarġjar bil-mod, jew f’minuti għall-konnetturi ta’ ċċarġjar rapidu, kif ukoll mill-mudell ta’ konnettur magħżul mill-utent ikkonċernat. Il-ħlasijiet jistgħu jsiru wara kull sessjoni tal-iċċarġjar jew fi tmiem perjodu ta’ fatturazzjoni miftiehem, mingħajr ma tiġi eskluża l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema li tippermetti x-xiri ta’ krediti, akkumulati f’portafoll diġitali, li għandhom jintużaw biex tiġi ċċarġjata l-vettura elettrika kkonċernata.

12      Is-servizz ipprovdut f’kull sessjoni ta’ ċċarġjar jista’ jinkludi, bħala prinċipju, skont il-bżonnijiet tal-utent ikkonċernat, it-tranżazzjonijiet li jikkonsistu:

–        fl-aċċess għal tagħmir tal-iċċarġjar, inkluża l-integrazzjoni ta’ ċarġer mas-sistema operattiva tal-vettura;

–        fit-trażmissjoni tal-elettriku b’parametri adattati speċjalment għall-batterija ta’ dik il-vettura;

–        fl-assistenza teknika meħtieġa.

13      P. w W. għandu wkoll l-intenzjoni li joħloq pjattaforma speċjalizzata, sit internet jew applikazzjoni informatika, li jippermettu lill-utent ikkonċernat li jirriżerva konnettur partikolari u li jikkonsulta l-istorja tat-tranżazzjonijiet u tal-ħlasijiet imwettqa.

14      Għal dawn is-servizzi kollha, P. w W. jiffattura prezz uniku.

15      P. w W. talab lill-awtorità fiskali l-ħruġ ta’ deċiżjoni tat-taxxa li tiċċertifika li l-attività prevista kienet tikkonsisti fi “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Liġi dwar il-VAT.

16      Fid-deċiżjoni tat-taxxa, l-Awtorità tat-Taxxa qieset li l-provvista tal-elettriku neċessarju għall-iċċarġjar ta’ vettura elettrika kellha titqies bħala l-provvista prinċipali, filwaqt li s-servizzi l-oħra offruti minn P. w W. kellhom jitqiesu bħala anċillari. Minn dan isegwi li t-tqegħid għad-dispożizzjoni minn P. w W. ta’ tagħmir li jippermetti l-iċċarġjar rapidu tal-vetturi elettriċi ma għandux jitqies li huwa l-element predominanti tal-operazzjoni kkonċernata u li l-iċċarġjar tal-vettura ma huwiex ta’ importanza sekondarja.

17      Wara rikors ippreżentat minn P. w W., il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministratti Provinċjali ta’ Varsavja, il-Polonja) annullat id-deċiżjoni tat-taxxa permezz ta’ sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2018. Skont din il-qorti, l-intenzjoni primarja tal-utenti tal-punti tal-iċċarġjar hija li jużaw tagħmir li jippermettilhom jiċċarġjaw il-vettura tagħhom b’mod rapidu u effettiv. B’hekk, mill-perspettiva tal-utent ikkonċernat, il-provvista prinċipali tikkonsisti fl-aċċess għal punt ta’ ċċarġjar kif ukoll fl-integrazzjoni neċessarja ta’ ċarġer mas-sistema operattiva ta’ vettura. L-għan ta’ tali operazzjoni ma huwiex li jiġi offrut l-elettriku, iżda li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti kkonċernati t-tagħmir tal-iċċarġjar sofistikat li dawn il-punti tal-iċċarġjar tagħhom huma mgħammra bihom.

18      Skont l-imsemmija qorti, minn naħa, kieku l-utenti kkonċernati kienu jridu biss jixtru l-elettriku għall-vetturi elettriċi tagħhom, huma kienu jużaw in-netwerk domestika tagħhom jew dik tal-post tax-xogħol tagħhom minflok ma jirrikorru għall-punti ta’ ċċarġjar pubbliċi. Huma jagħżlu li jużaw dawn tal-aħħar biss minħabba l-konnetturi tagħhom bi standards differenti li jippermettu li l-batteriji tal-vetturi elettriċi jiġu ċċarġjati b’mod iktar rapidu u effettiv. Min-naħa l-oħra, il-prezz ma huwiex ikkalkolat skont l-enerġija kkonsmata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attrazzjoni tal-offerta tal-punti ta’ ċċarġjar ta’ dawn il-vetturi tirriżulta prinċipalment mill-ħin tal-iċċarġjar u mhux mill-aċċess għall-elettriku bħala tali.

19      Skont l-istess qorti, il-provvista ta’ P. w W. hija differenti minn dik tal-istazzjonijiet ta’ pompi tal-petrol li joffru karburanti tradizzjonali, peress li tqiegħed enfasi mhux fuq it-tip jew il-kwalità tal-karburant, li huma identiċi mingħand kull fornitur, iżda fuq il-ħeffa u l-effettività tal-iċċarġjar, li tiddependi mill-karatteristiċi tat-tagħmir imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti kkonċernati.

20      L-awtorità fiskali adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’appell ta’ kassazzjoni mis-sentenza tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (il-Qorti Amministrattiva Provinċjali ta’ Varsavja), imsemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza. Insostenn ta’ dan l-appell, l-awtorità fiskali ssostni li, fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni, bi ħlas, ta’ punti ta’ ċċarġjar ta’ vetturi elettriċi, il-provvista prinċipali tikkonsisti fi provvista ta’ oġġetti, jiġifieri l-elettriku.

21      Skont il-qorti tar-rinviju, it-tliet tranżazzjonijiet deskritti fil-punt 12 ta’ din is-sentenza huma marbuta mill-qrib b’tali mod li jikkostitwixxu tranżazzjoni kumplessa unika. Min-naħa l-oħra, l-istabbiliment ta’ pjattaforma speċjalizzata, ta’ sit internet jew ta’ applikazzjoni informatika, li jippermettu lill-utent ikkonċernat jirriżerva konnettur partikolari kif ukoll li jikkonsulta l-istorja tat-tranżazzjonijiet u tal-ħlasijiet imwettqa, jikkostitwixxi provvista anċillari li tifforma parti minn din it-tranżazzjoni kumplessa unika u intiża biex tiffaċilita lill-konsumaturi l-iċċarġjar tal-vetturi tagħhom.

22      Fid-dawl tal-fatt li l-aċċess għat-tagħmir tal-iċċarġjar offrut lill-klijenti sabiex tiġi żgurata t-trażmissjoni tal-elettriku b’parametri debitament adattati għall-batterija tal-vettura ma huwiex element anċillari għall-provvista tal-elettriku, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jiġi ddeterminat l-element predominanti tal-provvista unika deskritta fil-punti 12 u 21 ta’ din is-sentenza. F’dan il-kuntest, din il-qorti tippreċiża li, skont P. w W., id-deċiżjoni li jintużaw is-servizzi ta’ punt ta’ ċċarġjar partikolari tista’ tkun iddettata mir-rieda li jitnaqqas il-ħin neċessarju għall-iċċarġjar tal-vettura, sabiex ikun jista’ jitkompla malajr vjaġġ. Għalhekk, mill-perspettiva tal-utent ikkonċernat, ma huwiex tant il-prezz tal-enerġija li huwa determinanti iżda l-aċċess offrut għal infrastruttura speċjalizzata li jiggarantixxi tul ta’ żmien iqsar tal-waqfa għall-iċċarġjar.

23      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-użu tal-punti tal-iċċarġjar ma jikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda huwa intiż biex jippermetti l-iċċarġjar tal-batterija ta’ vettura elettrika. Għalhekk, l-utenti ta’ dawn il-punti għandhom l-għażla bejn punti ta’ ċċarġjar rapidu u punti tal-iċċarġjar bil-mod, li huma jagħżlu mhux biss skont it-tul tal-iċċarġjar, iżda wkoll billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-batterija tal-vettura. L-aċċess għat-tagħmir tal-iċċarġjar jikkostitwixxi għalhekk il-mezz li jippermetti l-benefiċċju f’kundizzjonijiet aħjar tal-provvista tal-elettriku, li tikkostitwixxi l-provvista predominanti.

24      Madankollu, minn naħa, il-fatt li l-prezz tal-iċċarġjar jinkludi wkoll tariffa għall-ipparkjar tal-vettura u, min-naħa l-oħra, ir-riferiment, li jinsab fl-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2014/94, għas-“servizzi tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi” li jipprovdu l-operaturi ta’ punti tal-iċċarġjar, jispira dubji lill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-klassifikazzjoni tal-provvista unika inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Servizz kumpless ipprovdut f’punti tal-iċċarġjar għall-utenti ta’ vetturi elettriċi li jinkludi:

a)      it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ tagħmir għall-iċċarġjar (inkluż l-integrazzjoni taċ-ċarġer mas-sistema operattiva tal-vettura),

b)      il-provvista tal-fluss tal-elettriku bil-parametri debitament adattati għall-batteriji tal-vetturi elettriċi,

c)      l-appoġġ tekniku meħtieġ għall-utenti tal-vetturi,

d)      it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-utenti ta’ pjattaforma, sit internet jew applikazzjoni speċjali li jservu sabiex wieħed jirriżerva konnettur speċifiku, jara t-tranżazzjonijiet u l-ħlasijiet imwettqa diġà, kif ukoll tal-possibbiltà li jsir użu mill-hekk imsejjaħ portafoll elettroniku (e-wallet) li jservi għat-twettiq ta’ ħlasijiet ta’ ammonti dovuti għal sessjonijiet individwali ta’ ċċarġjar,

jikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva tal-Kunsill [2006/112] jew provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 24(1) ta’ din id-direttiva?”

 Fuq id-domanda preliminari

26      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2006/112 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi “kunsinna ta’ oġġetti”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, jew inkella “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tal-Artikolu 24(1) tagħha, provvista unika u kumplessa komposta minn:

–        aċċess għal tagħmir tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi (inkluża l-integrazzjoni ta’ ċarġer mas-sistema operattiva tal-vettura);

–        it-trażmissjoni tal-elettriku b’parametri adattati kif xieraq għall-batteriji ta’ dik il-vettura;

–        assistenza teknika meħtieġa għall-utenti kkonċernati;

–        it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ applikazzjonijiet informatiċi li jippermettu lill-utent ikkonċernat jirriżerva konnettur, li jikkonsulta l-istorja tat-tranżazzjonijiet kif ukoll li jixtri krediti akkumulati f’portafoll diġitali u li jużahom biex iħallas l-iċċarġjar.

27      Għandu jiġi rrilevat li, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ atti, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ din it-tranżazzjoni sabiex jiġi ddeterminat, minn naħa, jekk it-tranżazzjoni msemmija tagħtix lok, għall-finijiet tal-VAT, għal żewġ provvisti distinti jew iktar jew għal provvista unika u, min-naħa l-oħra, jekk, f’dan l-aħħar każ, din il-provvista unika għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew “provvista ta’ servizzi” (sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punt 52, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Q-GmbH (Assigurazzjoni ta’ riskji speċjali), C-907/19, EU:C:2021:237, punt 19 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

28      B’mod partikolari, għalkemm mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li kull tranżazzjoni għandha normalment titqies bħala distinta u indipendenti, it-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda fil-livell ekonomiku ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li teżisti provvista unika meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli lill-klijent ikunu tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli li s-separazzjoni tagħha tkun artifiċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punt 53, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Q-GmbH (Assigurazzjoni ta’ riskji speċjali), C-907/19, EU:C:2021:237, punt 20 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29      Barra minn hekk, f’ċerti ċirkustanzi, diversi tranżazzjonijiet distinti formalment, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u b’hekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti (sentenza tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere, C-276/09, EU:C:2010:730, punt 23).

30      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta element wieħed jew iktar ikollhom jitqiesu li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt li, bil-kontra, elementi oħra għandhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għall-provvista prinċipali. B’mod partikolari, provvista għandha titqies li hija anċillari għal provvista prinċipali meta għall-klijenti ma tkunx tikkostitwixxi għan fiha nnifisha, iżda l-mezz li bih titgawda taħt l-aħjar kundizzjonijiet il-provvista prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punt 54, u tal-4 ta’ Marzu 2021, Frenetikexito, C-581/19, EU:C:2021:167, punt 41).

31      Fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari, il-benefiċċju kkonċernat jikkostitwixxix provvista unika u li għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punt 55, u tal-25 ta’ Marzu 2021, Q-GmbH (Assigurazzjoni ta’ riskji speċjali), C-907/19, EU:C:2021:237, punt 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-kawża prinċipali tirrigwarda taħlita ta’ operazzjonijiet li jikkonsistu fil-kunsinna tal-elettriku għall-finijiet tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi u fil-provvista ta’ servizzi differenti, bħall-organizzazzjoni tal-aċċess għal punti tal-iċċarġjar u l-iffaċilitar tal-użu tagħhom, l-assistenza teknika neċessarja u l-applikazzjonijiet informatiċi li jippermettu r-riżervazzjoni ta’ konnettur, il-monitoraġġ tat-tranżazzjonijiet u l-ħlas ta’ dawn tal-aħħar. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kunsinna u l-provvista inkwistjoni jifformaw tranżazzjoni unika għall-finijiet tal-VAT. Fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, ma jidhirx li din il-klassifikazzjoni tikser wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-punti 27 sa 30 ta’ din is-sentenza.

33      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “kunsinna ta’ oġġetti”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112, l-Artikolu 14(1) tagħha jipprovdi li jitqies bħala tali t-trasferiment tad-dritt ta’ użu ta’ oġġett tanġibbli daqs proprjetarju. Dan il-kunċett jinkludi kull tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett tanġibbli minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra li fil-fatt tiddisponi minn dan l-oġġett bħallikieku hija kienet il-proprjetarja tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punt 59, u tat-23 ta’ April 2020, Herst, C-401/18, EU:C:2020:295, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva, l-elettriku huwa assimilat ma’ oġġett tanġibbli.

34      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112, mill-Artikolu 24(1) tagħha jirriżulta li dan ikopri kull tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix “kunsinna ta’ oġġetti”, fis-sens tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva.

35      Sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista kumplessa unika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni kkonċernata sabiex jiġu identifikati l-elementi karatteristiċi tagħha u jiġu identifikati l-elementi predominanti tagħha. L-elementi inkwistjoni għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-perspettiva tal-utent medju tal-punti tal-iċċarġjar u fid-dawl, fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali, tal-importanza kwalitattiva, u mhux sempliċement kwantitattiva, tal-elementi ta’ provvista ta’ servizzi meta mqabbla ma’ dawk li jaqgħu taħt kunsinna ta’ oġġetti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punti 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36      Għalhekk, minn naħa, ir-riferiment, li jinsab fl-Artikolu 4(8) tad-Direttiva 2014/94, għal “servizzi tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi” ma jippreġudikax il-klassifikazzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala “kunsinna ta’ oġġetti” jew bħala “provvista ta’ servizzi”, fis-sens tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/94, din tal-aħħar għandha l-għan li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għall-istabbiliment tal-infrastrutturi intiżi għall-karburanti alternattivi, inklużi l-punti tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi. Għaldaqstant, din ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi kwalunkwe regola dwar it-trattament, mill-perspettiva tal-VAT, tal-provvista ta’ karburant alternattiv.

37      Min-naħa l-oħra, peress li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett hija dejjem akkumpanjata minn provvista ta’ servizzi minima, huma biss is-servizzi distinti minn dawk li neċessarjament jakkumpanjaw il-kummerċjalizzazzjoni ta’ dan l-oġġett li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-parti li tokkupa l-provvista ta’ servizzi fit-totalità ta’ provvista kumplessa li tinkludi wkoll il-kunsinna tal-imsemmi oġġett (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, EU:C:2011:135, punt 63, u tat-22 ta’ April 2021, Dyrektor Izby Administracji Skarbowej w Katowicach, C-703/19, EU:C:2021:314, punt 50).

38      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, it-tranżazzjoni li tikkonsisti fit-trażmissjoni tal-elettriku lejn il-batterija ta’ vettura elettrika tikkostitwixxi kunsinna ta’ oġġetti sa fejn din it-tranżazzjoni tippermetti lill-utent taċ-ċentru tal-iċċarġjar għall-konsum, għall-finijiet tal-propulsjoni tal-vettura tiegħu, tal-elettriku ttrasferit, li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2006/112, huwa assimilat ma’ oġġett tanġibbli.

39      It-tieni nett, tali provvista ta’ elettriku fil-batterija ta’ vettura elettrika tippreżupponi l-użu ta’ tagħmir tal-iċċarġjar xieraq, li jista’ jinkludi ċarġer li għandu jiġi integrat mas-sistema operattiva tal-vettura. Konsegwentement, l-għoti tal-aċċess għal dan it-tagħmir jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi minima li neċessarjament takkumpanja l-kunsinna ta’ elettriku u ma tistax, minħabba f’hekk, tittieħed inkunsiderazzjoni biex jiġi evalwat is-sehem li tokkupa l-provvista ta’ servizzi fi tranżazzjoni kumplessa kkunsidrata b’mod sħiħ li tinkludi wkoll din il-kunsinna ta’ elettriku.

40      It-tielet nett, l-assistenza teknika li tista’ tkun neċessarja għall-utenti kkonċernati tikkostitwixxi, min-naħa tagħha, mhux għan fiha nnifisha, iżda mezz biex jibbenefikaw fl-aħjar kundizzjonijiet mill-kunsinna tal-elettriku neċessarju għall-propulsjoni tal-vettura elettrika. Għaldaqstant, hija tikkostitwixxi servizz anċillari meta mqabbel ma’ din il-kunsinna ta’ elettriku.

41      Dan huwa wkoll il-każ tat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ applikazzjonijiet informatiċi li jippermettu lill-utent ikkonċernat li jirriżerva konnettur, li jikkonsulta l-istorja tat-tranżazzjonijiet u li jixtri krediti għall-finijiet tal-iċċarġjar. Fil-fatt, tali servizzi joffru lil dan l-utent ċerti faċilitajiet prattiċi addizzjonali li l-uniku għan tagħhom huwa li jtejbu t-trażmissjoni tal-elettriku neċessarju għall-iċċarġjar tal-vettura tiegħu u li joffru deskrizzjoni tat-tranżazzjonijiet imwettqa fil-passat.

42      Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, it-trażmissjoni tal-elettriku tikkostitwixxi l-element karatteristiku u predominanti tal-provvista unika u kumplessa li fir-rigward tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

43      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata miċ-ċirkustanza invokata minn din il-qorti, li tgħid li, sabiex jiġi kkalkolat l-ammont dovut għall-iċċarġjar ta’ vettura elettrika, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss il-kwantità tal-elettriku trażmess, iżda wkoll tariffa għall-perijodi ta’ waqfien matul dan l-iċċarġjar. B’mod partikolari, dan jimplika sempliċement li l-prezz unitarju tal-oġġett ikkunsinnat, jiġifieri l-elettriku, huwa kompost mhux biss mill-ispiża tiegħu bħala tali, iżda wkoll miż-żmien tal-użu tat-tagħmir imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti kkonċernati.

44      Il-konklużjoni esposta fil-punt 42 ta’ din is-sentenza lanqas ma hija invalidata meta l-operatur ikkonċernat jikkalkola l-prezz fuq il-bażi biss tat-tul ta’ żmien tal-iċċarġjar. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-kwantità tal-elettriku kkunsinnat tiddependi fuq is-saħħa ttrasferita matul iż-żmien ta’ dan it-trasferiment, tali kalkolu jirrifletti, huwa wkoll, il-prezz unitarju ta’ dan l-elettriku.

45      Bl-istess mod, is-sempliċi fatt li l-prezz unitarju ta’ ċċarġjar rapidu, b’kurrent dirett, huwa marġinalment ogħla minn dak ta’ ċċarġjar bil-mod, b’kurrent alternanti, ma huwiex biżżejjed biex jistabbilixxi, mill-perspettiva tal-utent ikkonċernat, il-ħeffa u l-effettività ta’ dan l-iċċarġjar bħala element karatteristiku u predominanti tat-tranżazzjoni kkonċernata.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi “kunsinna ta’ oġġetti”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva, provvista unika u kumplessa komposta minn:

–        aċċess għal tagħmir tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi (inkluża l-integrazzjoni ta’ ċarġer mas-sistema operattiva tal-vettura);

–        trażmissjoni ta’ elettriku b’parametri adattati kif xieraq għall-batteriji ta’ dik il-vettura;

–        assistenza teknika meħtieġa għall-utenti kkonċernati;

–        tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ applikazzjonijiet informatiċi li jippermettu lill-utent ikkonċernat jirriżerva konnettur, li jikkonsulta l-istorja tat-tranżazzjonijiet kif ukoll li jixtri krediti akkumulati f’portafoll diġitali u li jużahom biex iħallas l-iċċarġjar.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009,

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

tikkostitwixxi “kunsinna ta’ oġġetti”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, kif emendata, provvista unika u kumplessa komposta minn:

–        aċċess għal tagħmir tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi (inkluża l-integrazzjoni ta’ ċarġer mas-sistema operattiva tal-vettura);

–        trażmissjoni ta’ elettriku b’parametri adattati kif xieraq għall-batteriji ta’ dik il-vettura;

–        assistenza teknika meħtieġa għall-utenti kkonċernati;

–        tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ applikazzjonijiet informatiċi li jippermettu lill-utent ikkonċernat jirriżerva konnettur, li jikkonsulta l-istorja tat-tranżazzjonijiet kif ukoll li jixtri krediti akkumulati f’portafoll diġitali u li jużahom biex iħallas l-iċċarġjar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.