Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 53 – Provvisti ta’ servizzi li jikkonsistu fl-għoti ta’ aċċess għal avvenimenti ta’ divertiment – Lok tal-provvisti ta’ servizzi – Xandir ta’ sessjonijiet video interattivi permezz ta’ streaming – Tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ post u tal-materjal neċessarju għar-reġistrazzjoni video ta’ spettakli kif ukoll it-twettiq ta’ akkumpanjament sabiex jiġu pprovduti spettakli ta’ kwalità”

Fil-Kawża C-532/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2022, fil-proċedura

Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Cluj-Napoca,

Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Cluj

vs

SC Westside Unicat SRL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn, E. Regan (Relatur), President tal-Ħames Awla li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Awla, I. Jarukaitis u D. Gratsias, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SC Westside Unicat SRL, minn L. M. Roman, avocată,

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane u O.-C. Ichim, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u T. Isacu de Groot, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 53 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU 2008, L 44, p. 11) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC Westside Unicat SRL (iktar ’il quddiem “Westside Unicat”), minn naħa, u Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Cluj-Napoca (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj-Napoca, ir-Rumanija) u l-Administrația Județeană a Finanțelor Publice Cluj (l-Amministrazzjoni Dipartimentali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Cluj, ir-Rumanija) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“awtorità fiskali”), min-naħa l-oħra, dwar id-deċiżjoni ta’ din l-awtorità li tqis is-servizzi pprovduti minn din il-kumpannija bħala li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fir-Rumanija.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/112

3        Id-Direttiva 2006/112 tinkludi, fit-Titolu V tagħha, intitolat “Post ta’ Transazzjonijiet Taxxabbli”, il-Kapitolu 3, intitolat “Post tal-forniment tas-servizzi”. Dan il-Kapitolu 3 jinkludi t-Taqsima 2, intitolata “Regoli ġenerali”, li tinkludi l-Artikoli 44 u 45.

4        L-Artikolu 44 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”

5        Skont l-Artikolu 45 tal-imsemmija direttiva:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti minn stabbiliment fiss tal-fornitur li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn huwa stabbilixxa n-negozju tiegħu, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-fornitur għandu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn jirrisjedi normalment.”

6        Il-Kapitolu 3 tat-Titolu V tal-istess direttiva jinkludi wkoll it-Taqsima 3, intitolata “Dispożizzjonijiet partikolari”, li tinkludi l-Artikoli 46 sa 59a tad-Direttiva 2006/112.

7        L-Artikolu 53 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Il-post tal-forniment tas-servizzi fir-rigward tad-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, jew avvenimenti simili, bħal fieri u wirjiet, u tas-servizzi anċillari relatati mad-dħul, fornuti lil persuna taxxabbli, għandu jkun il-post fejn dawk l-avvenimenti tabilħaqq iseħħu.”

8        L-Artikolu 54 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.      Il-post tal-forniment tas-servizzi u tas-servizzi anċillari, relatati ma’ attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, jew avvenimenti simili, bħal fieri u wirjiet, inkluż il-forniment tas-servizzi ta’ l-organizzaturi ta’ tali attivitajiet, fornuti lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn dawk l-avvenimenti tabilħaqq iseħħu.

2.      Il-post tal-forniment tas-servizzi li ġejjin lil persuna mhux taxxabbli għandu jkun il-post fejn dawn is-servizzi jitwettqu fiżikament:

(a)      attivitajiet anċillari ta’ trasport bħal tagħbija, ħatt, trattament u attivitajiet simili;

(b)      valutazzjonijiet ta’ u xogħol fuq proprjetà mobbli tanġibbli.”

 Id-Direttiva 2008/8

9        Il-premessa 6 tad-Direttiva 2008/8 tipprovdi:

“F’ċerti ċirkostanzi, ir-regoli ġenerali rigward il-post fejn ikunu fornuti s-servizzi kemm lill-persuni taxxabbli kif ukoll lil dawk li mhumiex ma jkunux applikabbli u għandhom minflok japplikaw esklużjonijiet speċifikati. Dawn l-esklużjonijiet għandhom ikunu fil-biċċa l-kbira bbażati fuq kriterji eżistenti u jirriflettu l-prinċipju tat-tassazzjoni fil-post tal-konsum, filwaqt li ma jimponux piżijiet amministrattivi sproporzjonati fuq ċerti negozjanti.”

10      L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva introduċa b’mod partikolari, mill-1 ta’ Jannar 2011, l-Artikoli 53 u 54 tad-Direttiva 2006/112 fil-verżjoni tagħhom li tinsab fil-punti 7 u 8 ta’ din is-sentenza.

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011

11      L-Artikolu 32(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1) jipprovdi:

“1.      Servizzi fir-rigward tal-aċċess għal avvenimenti kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew avvenimenti simili msemmijin fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jikludu l-forniment ta’ servizzi li tagħhom il-karatteristiċi essenzjali huma l-għoti tad-dritt ta’ aċċess għal avveniment bi skambju għal biljett jew ħlas, inkluż ħlas fil-forma ta’ sottoskrizzjoni, biljett għal staġun jew miżata perjodika jikkonsistu fil-forniment.

2.      Il-Paragrafu 1 għandu japplika, b’mod partikolari għal:

(a)      id-dritt ta’ dħul għal spettakli, preżentazzjonijiet teatrali, spettakli taċ-ċirku, fieri, parks ta’ divertiment, kunċerti, wirjiet, kif ukoll avvenimenti kulturali oħra simili;

[...]”

12      Skont l-Artikolu 33 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni:

“Is-servizzi anċillari msemmija fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112/KE għandhom jinkludu servizzi li huma direttament marbuta mal-aċċess għal avvenimenti kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew avvenimenti simili li jiġu pprovduti separatament lill-persuna li tattendi għal avveniment, b’korrispettiv.

Dawn is-servizzi anċillari għandhom jinkludu b’mod partikolari l-użu ta’ kmamar tal-ilbies jew ta’ faċilitajiet sanitarji iżda ma jinkludux sempliċi servizzi intermedjarji relatati mal-bejgħ ta’ biljetti.”

13      L-Artikolu 33a tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, li ġie miżjud bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1042/2013 tas-7 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011 fir-rigward tal-post tal-provvista tas-servizzi (ĠU 2013, L 284, p. 1), jipprevedi:

“Il-forniment ta’ biljetti li jagħtu aċċess għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal avveniment simili minn intermedjarju li jaġixxi f’ismu stess iżda fl-interess tal-organizzatur, jew minn persuna taxxabbli, minbarra l-organizzatur, li taġixxi fl-interess tagħha stess, għandu jkun kopert bl-Artikolu 53 u bl-Artikolu 54(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1042/2013

14      Il-premessa 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1042/2013 tipprovdi:

“Taħt id-Direttiva 2006/112/KE, id-dħul għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi u ta’ divertiment jew għal attivitajiet simili għandu, fiċ-ċirkostanzi kollha, jiġi intaxxat fil-post fejn fil-fatt isir l-avveniment. Għandu jiġi speċifikat li dan japplika wkoll fejn il-biljetti għal avvenimenti bħal dawn ma jinbigħux direttament mill-organizzatur iżda jiġu ddistribwiti permezz ta’ intermedjarji.”

 Id-Direttiva (UE) 2022/542

15      Skont il-premessa 18 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2022/542 tal-5 ta’ April 2022 li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u (UE) 2020/285 fir-rigward tar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2022, L 107, p. 1):

“Sabiex tiġi żgurata tassazzjoni fl-Istat Membru tal-konsum, huwa meħtieġ li s-servizzi kollha li jistgħu jiġu fornuti lil klijent b’mezzi elettroniċi jkunu taxxabbli fil-post fejn ikun stabbilit il-klijent, fejn ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu modifikati r-regoli li jirregolaw il-post tal-provvista tas-servizzi relatati ma’ tali attivitajiet.”

16      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2022/542 emenda l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 sabiex iżid miegħu l-paragrafu li ġej:

“Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-ammissjoni għall-avvenimenti msemmija fl-ewwel paragrafu fejn l-attendenza tkun virtwali.”

 Id-dritt Rumen

 Il-Kodiċi tat-Taxxa

17      L-Artikolu 278 tal-Legea nr. 227/2015 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa), tat-8 ta’ Settembru 2015 (Monitorul Oficial al României, Partie I, no 688, tal-10 ta’ Settembru 2015) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi tat-Taxxa”), bit-titolu “Post tal-provvisti ta’ servizz”, jipprovdi inter alia:

“2.      Il-post tal-provvisti ta’ servizzi mogħtija lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali huwa l-post fejn dan id-destinatarju tas-servizzi stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu. [...]

[...]

6.      B’eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2, il-post tal-provvisti ta’ servizzi li ġejjin għandu jitqies li jinsab:

[...]

(b)      fil-post fejn fil-fatt iseħħu l-avvenimenti, għall-provvisti ta’ servizzi għall-għoti ta’ aċċess għal avvenimenti kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, jew avvenimenti simili, bħal fieri u wirjiet, kif ukoll għall-provvisti ta’ servizzi anċillari għal dan l-aċċess, ipprovduti lil persuna taxxabbli.”

 Ir-Regoli Metodoloġiċi ta’ Applikazzjoni tal-Kodiċi tat-Taxxa

18      Il-punt 22(4), (5), (7) u (8) tal-Hotărârea Guvernului nr. 1 din 6 ianuarie 2016 pentru aprobarea Normelor metodologice de aplicare a Legii nr. 227/2015 privind Codul fiscal (id-Deċiżjoni tal-Gvern Nru 1 tas-6 ta’ Jannar 2016 li Tapprova r-Regoli Metodoloġiċi ta’ Applikazzjoni tal-Liġi Nru 227/2015 dwar il-Kodiċi tat-Taxxa) (Monitorul Oficial al României, Partie I, no 22 tat-13 ta’ Jannar 2016) jipprevedi:

“(4)      Is-servizzi relatati mal-għoti ta’ aċċess għal avvenimenti kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew avvenimenti simili msemmijin fl-Artikolu 278(6)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa, għandhom jinkludu l-provvisti ta’ servizzi li tagħhom il-karatteristiċi essenzjali huma l-għoti ta’ dritt ta’ aċċess għal avveniment bi skambju għal biljett jew remunerazzjoni, inkluża remunerazzjoni fil-forma ta’ abbonament jew ta’ ħlas perijodiku.

(5)      Il-paragrafu 4 jinkludi b’mod partikolari l-għoti:

a) tad-dritt ta’ aċċess għal spettakli, preżentazzjonijiet teatrali, spettakli taċ-ċirku, fieri, parks ta’ divertiment, kunċerti, wirjiet, kif ukoll avvenimenti kulturali oħra simili; [...]

[...]

(7)      Is-servizzi anċillari msemmija fl-Artikolu 278(6)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa jinkludu s-servizzi li huma direttament marbuta mal-aċċess għal avvenimenti kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew avvenimenti simili u li huma pprovduti separatament lill-persuna li tattendi għal avveniment, bi ħlas ta’ korrispettiv distint. Dawn is-servizzi anċillari għandhom jinkludu b’mod partikolari l-użu ta’ kmamar tal-ilbies jew ta’ faċilitajiet sanitarji iżda ma jinkludux sempliċi servizzi intermedjarji relatati mal-bejgħ ta’ biljetti.

(8)      Il-forniment ta’ biljetti li jagħtu aċċess għal avveniment kulturali, artistiku, sportiv, xjentifiku, edukattiv u ta’ divertiment jew għal avveniment simili minn intermedjarju li jaġixxi f’ismu stess, iżda fl-interess tal-organizzatur, jew minn persuna taxxabbli minbarra l-organizzatur, li taġixxi f’isimha stess, huwa kopert mill-Artikolu 278(5)(f) u (6)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Westside Unicat hija kumpannija stabbilita fir-Rumanija li topera studio ta’ reġistrazzjoni video. L-attività ekonomika prinċipali tagħha tikkonsisti fil-kummerċjalizzazzjoni lil StreamRay USA Inc. (iktar ’il quddiem “StreamRay”) ta’ kontenut diġitali ta’ natura erotika li jieħu b’mod partikolari l-forma ta’ sessjonijiet ta’ komunikazzjoni viżiva online u wiċċ imb wiċċ (iktar ’il quddiem il-“video chats”) imwettqa ma’ mudelli.

20      StreamRay hija persuna ġuridika rreġistrata fl-Istati Uniti tal-Amerika li xxandar b’mod dirett fuq is-sit internet tagħha l-videos ta’ dawn is-sessjonijiet u tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħha, persuni fiżiċi, l-interface neċessarju sabiex jinteraġixxu mal-mudelli.

21      Il-mudelli li jużaw is-servizzi ta’ Westside Unicat jikkonkludu ma’ din il-kumpannija kuntratt, imsejjaħ “Kuntratt ta’ assoċjazzjoni” fid-deċiżjoni tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Huma jiffirmaw ukoll dikjarazzjoni li tiċċertifika lil StreamRay li huma jaħtru lill-istudio, jiġifieri Westside Unicat, sabiex “jiġbor u jirċievi s-somom kollha” li huma dovuti lilhom abbażi tal-ispettakli mwettqa fil-kuntest ta’ dawn il-video chats u jaċċettaw espressament li dawn is-somom jitħallsu lilhom mill-istudio.

22      StreamRay, li tipprovdi servizzi f’isimha stess, tistabbilixxi l-kundizzjonijiet kummerċjali applikabbli sabiex il-klijenti tagħha jaraw l-ispettakli inkwistjoni u jinteraġixxu mal-mudelli. Din il-kumpannija tiffissa u tirċievi, inter alia, il-prezz imħallas mill-klijenti tagħha għal dan l-għan. Mill-prezz hekk miġbur, jitħallas perċentwali lil Westside Unicat li, min-naħa tagħha, tgħaddi parti minnu lill-mudelli.

23      Wara kontroll fiskali dwar id-determinazzjoni tal-VAT li kellha titħallas għall-perijodu mill-1 ta’ Settembru 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-awtorità fiskali ħarġet, fit-13 ta’ Novembru 2020, avviż ta’ tassazzjoni li skontu Westside Unicat tqieset responsabbli għall-ħlas ta’ VAT addizzjonali ta’ 640 433 leu Rumen.

24      Din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq il-fatt li, kuntrarjament għal dak li qieset Westside Unicat meta nħarġu l-fatturi indirizzati lil SteamRay, il-post tal-provvisti ta’ servizzi li hija kienet ipprovdiet lilha kellu jitqies li huwa r-Rumanija, konformement mal-Artikolu 278(6)(b) tal-Kodiċi tat-Taxxa. Fil-fatt, Westside Unicat hija l-organizzatur tal-ispettakli interattivi inkwistjoni, kif jirriżulta mill-kuntratti ffirmati ma’ StreamRay. Issa, dawn l-ispettakli jikkostitwixxu avvenimenti ta’ divertiment, fis-sens tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112, b’tali mod li għandha tiġi applikata s-soluzzjoni adottata fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Geelen (C-568/17, EU:C:2019:8), li tipprovdi li l-post ta’ provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fl-offerta ta’ sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet għandu jitqies bħala l-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa s-sede tal-attivitajiet ekonomiċi tiegħu.

25      Wara lment amministrattiv mingħajr suċċess kontra dan l-avviż ta’ tassazzjoni, Westside Unicat ressqet azzjoni quddiem it-Tribunalul Maramureș (il-Qorti tal-Kontea ta’ Maramureș, ir-Rumanija) li laqgħet parzjalment din l-azzjoni permezz ta’ sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2021. Din il-qorti qieset, fil-fatt, li StreamRay kienet l-organizzatriċi tal-avvenimenti ta’ divertiment inkwistjoni sa fejn din kienet tippermetti lill-klijenti tagħha jaċċedu għas-sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika.

26      L-awtorità fiskali appellat minn din is-sentenza quddiem il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj, ir-Rumanija), li hija l-qorti tar-rinviju. Insostenn ta’ dan l-appell, hija ssostni, essenzjalment, li kemm l-organizzatur tal-avveniment ta’ divertiment kif ukoll l-operaturi kollha li jikkontribwixxu sabiex jagħmlu possibbli aċċess tal-pubbliku għalih, li jaġixxu f’isimhom stess, huma meqjusa li jagħtu tali aċċess. Issa, fil-kawża li biha hija adita dik il-qorti, bħall-attur fil-kawża prinċipali fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Geelen (C-568/17, EU:C:2019:8), Westside Unicat għandha, bħala organizzatur tas-sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika inkwistjoni, titqies li tagħti aċċess lil dawn tal-aħħar.

27      F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk is-servizzi pprovduti minn Westside Unicat jaqgħux taħt il-kunċett ta’ provvisti ta’ servizzi li jikkonsistu fl-għoti ta’ aċċess għal avvenimenti ta’ divertiment, fis-sens tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll, jekk ikun il-każ, dwar il-mod kif din id-dispożizzjoni għandha tiġi applikata.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Cluj (il-Qorti tal-Appell ta’ Cluj) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)      L-Artikolu 53 tad-[Direttiva 2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika wkoll għal servizzi tat-tip inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri servizzi pprovduti mill-istudios tal-video chat lill-operatur tas-sit internet, li jikkonsistu f’sessjonijiet interattivi ta’ natura erotika, iffilmjat u mxandar b’mod dirett permezz tal-internet (streaming dirett ta’ kontenut diġitali)?

(2)      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, sabiex tiġi interpretata l-frażi li tinsab fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri ‘il-post fejn dawk l-avvenimenti tabilħaqq iseħħu’, huwa rilevanti l-post fejn il-mudelli jidhru quddiem il-webcam, il-post fejn huwa stabbilit l-organizzatur tas-sessjoni, il-post fejn il-klijenti jaraw l-immaġini jew għandu jiġi kkunsidrat post ieħor differenti minn dawk diġà indikati?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Kif jirriżulta b’mod ċar mit-talba għal deċiżjoni preliminari, il-provvisti ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsistu fit-twettiq ta’ kontenut diġitali fil-forma ta’ sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika ffilmjati minn studio ta’ reġistrazzjoni bl-għan li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-operatur ta’ pjattaforma ta’ xandir permezz tal-internet għall-finijiet tax-xandir tagħhom minn dan l-operatur fuq din il-pjattaforma.

30      Konsegwentement, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, l-ewwel domanda għandha tinftiehem fis-sens li tirrigwarda l-punt dwar jekk l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika għal servizzi pprovduti minn studio li jirreġistra video chats lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ xandir permezz tal-internet u li jikkonsistu fil-twettiq ta’ kontenut diġitali fil-forma ta’ sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika ffilmjati minn tali studio sabiex dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur għall-finijiet tax-xandir tagħhom minn dan tal-aħħar fuq l-imsemmija pjattaforma.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 jinkludu regola ġenerali għad-determinazzjoni tal-post ta’ rabta fiskali tal-provvisti ta’ servizzi, filwaqt li l-Artikoli 46 sa 59a ta’ din id-direttiva jipprevedu sensiela ta’ rabtiet speċifiċi (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna, C-647/17, EU:C:2019:195, punt 20).

32      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma teżisti ebda preċedenza tal-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva 2006/112 fuq l-Artikoli 46 sa 59a tagħha. F’kull sitwazzjoni, tqum il-kwistjoni dwar jekk din tikkorrispondix għal xi wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikoli 46 sa 59a. Huwa fin-nuqqas ta’ dan li l-imsemmija sitwazzjoni tkun taqa’ taħt l-Artikoli 44 u 45 tagħha (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna, C-647/17, EU:C:2019:195, punt 21).

33      Minn dan isegwi li l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 ma għandux jitqies bħala eċċezzjoni għal regola ġenerali li għandha tiġi interpretata b’mod strett (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2019, Srf konsulterna, C-647/17, EU:C:2016:195, punt 22).

34      Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika ffilmjati u mxandra bi streaming dirett permezz tal-internet, il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet, fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Geelen, (C-568/17, EU:C:2019:388, punti 36 sa 42), li tali sessjonijiet jikkostitwixxu attivitajiet ta’ divertiment, sa fejn dawn għandhom l-għan li jagħtu lid-destinatarji tagħhom sors ta’ divertiment u l-kunċett ta’ attivitajiet ta’ divertiment ma huwiex limitat għall-provvisti ta’ servizzi pprovduti fil-preżenza fiżika tad-destinatarji ta’ din l-attività.

35      Madankollu, għalkemm, f’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sussegwentement iddeduċiet minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li tali provvisti ta’ servizzi kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ rabta speċifika f’dak iż-żmien prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2002/38/KE tas-7 ta’ Mejju 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 358), kif ukoll fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula f’din il-kawża ma tirrigwardax l-interpretazzjoni ta’ din ir-regola ta’ rabta speċifika, iżda ta’ regola oħra ta’ rabta speċifika li, peress li ġiet introdotta bid-Direttiva 2008/8, ma kinitx għadha fis-seħħ u ma kinitx ġiet trasposta fid-dritt tal-Istati Membri fil-mument tal-fatti tal-kawża li wasslu għall-imsemmija sentenza.

36      Issa, filwaqt li r-regola ta’ rabta speċifika stabbilita fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva 77/388 u fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112, kif dawn id-dispożizzjonijiet kienu fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Geelen, (C-568/17, EU:C:2019:388), kienet tirreferi, b’mod ġenerali, għall-attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, ta’ tagħlim, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, kif ukoll, jekk ikun il-każ, għall-provvisti ta’ servizzi anċillari għal dawn l-attivitajiet, ir-regola ta’ konnessjoni speċifika li tinsab fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 għandha bħala għan partikolari l-provvisti ta’ servizzi li jikkonsistu fl-għoti ta’ aċċess għal avvenimenti kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew avvenimenti simili, bħall-fieri u l-wirjiet, kif ukoll il-provvisti ta’ servizzi anċillari għal dan l-aċċess, ipprovduti lil persuna taxxabbli.

37      Konsegwentement, il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2019, Geelen, (C-568/17, EU:C:2019:388), dwar il-portata tar-regola ta’ rabta speċifika li dak iż-żmien kienet stipulata fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(ċ) tas-Sitt Direttiva 77/388 u fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 ma tistax tiġi trasposta għar-regola ta’ rabta speċifika stipulata fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112, li kienet applikabbli fil-mument tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

38      Fir-rigward, mill-banda l-oħra, tal-portata ta’ din it-tieni regola, għandu jiġi rrilevat li, skont is-sens abitwali tagħha, il-kelma “avveniment” [“manifestation” fil-verżjoni Franċiża] tindika preżentazzjoni lill-pubbliku. Konsegwentement, minn dan jista’ jiġi dedott, fl-assenza ta’ definizzjoni speċifika li tinsab fid-Direttiva 2006/112, li l-kunċett ta’ “provvista ta’ servizz li tikkonsisti fl-għoti ta’ aċċess għal avveniment”, kif użat fl-Artikolu 53 ta’ din id-direttiva, għandu jinftiehem bħala li jirreferi għal provvisti ta’ servizzi li jingħataw downstream mill-organizzazzjoni ta’ dak li huwa s-suġġett ta’ din il-preżentazzjoni u li huma intiżi sabiex jagħtu l-aċċess tal-pubbliku lil din tal-aħħar.

39      Din il-konklużjoni hija kkorroborata, qabelxejn, mill-Artikolu 33 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li jispeċifika li l-provvisti anċillari għal dawk previsti fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jinkludu s-servizzi li huma direttament marbuta mal-aċċess għal avvenimenti kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew avvenimenti simili li jiġu pprovduti separatament lill-persuna li tattendi għal avveniment, bi ħlas ta’ korrispettiv distint. Fil-fatt, peress li s-servizzi anċillari huma dawk ipprovduti separatament lill-persuna li tattendi f’avveniment, is-servizz prinċipali għandu jitqies bħala dak ipprovdut lil din l-istess persuna sabiex tingħata d-dritt li taċċedi għall-imsemmi avveniment.

40      Sussegwentement, l-Artikolu 32 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jippreċiża li s-servizzi li għandhom bħala suġġett l-aċċess għal avvenimenti ta’ divertiment imsemmija fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 jinkludu l-provvisti ta’ servizzi li l-karatteristiċi essenzjali tagħhom jikkonsistu fl-għoti ta’ dritt ta’ aċċess għal avveniment inkambju għal biljett jew għal remunerazzjoni, li jfisser li s-servizzi hekk previsti huma biss dawk relatati mal-kummerċjalizzazzjoni lil klijenti tad-dritt ta’ aċċess għall-avveniment inkwistjoni.

41      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 33a tal-imsemmi regolament ta’ implimentazzjoni, moqri fid-dawl tal-premessa 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1042/2013, jirriżulta li l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 japplika meta l-biljetti ta’ aċċess għall-avvenimenti ma jinbigħux direttament mill-organizzatur, iżda jitqassmu minn intermedjarji li jaġixxu f’isimhom stess, li jimplika, għal darba oħra, li l-provvisti msemmija fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 huma marbuta mal-kummerċjalizzazzjoni lil klijenti tad-dritt ta’ aċċess għall-avveniment inkwistjoni.

42      Minn dan jirriżulta li r-regola ta’ rabta speċifika, prevista fl-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112, għandha tinftiehem bħala li ma tapplikax għas-servizzi pprovduti sabiex titwettaq attività li tagħti lok għal avveniment, iżda biss għas-servizzi li jikkonsistu fil-kummerċjalizzazzjoni lil klijenti tad-dritt ta’ aċċess għal tali avveniment.

43      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-provvisti ta’ servizzi pprovduti minn studio ta’ reġistrazzjoni ta’ video chats lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ xandir permezz tal-internet u li jikkonsistu fit-twettiq ta’ kontenut diġitali fil-forma ta’ sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika ffilmjati minn tali studio bl-għan li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur għall-finijiet tax-xandir tagħhom fuq l-imsemmija pjattaforma ma jaqgħux taħt l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, tali provvisti ta’ servizzi la jikkostitwixxu servizzi intiżi li jagħtu lill-klijenti d-dritt ta’ aċċess għal dan il-kontenut u lanqas servizzi anċillari għal dan tal-aħħar, iżda jikkostitwixxu servizzi neċessarji għax-xandir tal-imsemmi kontenut minn dan l-operatur lill-klijenti tiegħu stess.

44      Ċertament, l-istudio li jirreġistra l-video chats għandu t-tagħmir użat sabiex jinqabad u jiġi rreġistrat l-ispettaklu erotiku li sussegwentement jiġi hekk imxandar, iżda tali ċirkustanza ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li dan l-istudio jagħti l-aċċess għas-sessjonijiet video interattivi li jirriżultaw minnu sa fejn la l-pussess tal-imsemmi tagħmir u lanqas il-manipulazzjoni tiegħu ma jimplikaw, waħedhom, li dawn is-sessjonijiet jiġu ppreżentati lill-pubbliku.

45      Barra minn hekk, tali kunsiderazzjoni tikkorrispondi għall-approċċ adottat mill-Kumitat tal-VAT, li huwa kumitat konsultattiv stabbilit fl-Artikolu 398 tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, mil-linji gwida ta’ dan il-kumitat li rriżultaw mil-laqgħa tiegħu tad-19 ta’ April 2021 (Document B – taxud.c.1(2021)6378389 – 1016) jirriżulta li dan ftiehem kważi b’unanimità li, meta servizzi li jikkonsistu f’sessjonijiet interattivi ffilmjati u mxandra f’ħin reali permezz tal-internet (pereżempju, video chats) huma pprovduti minn persuna taxxabbli li hija proprjetarja tal-kontenut diġitali lil klijent finali, jiġifieri lil spettatur, minkejja li dan il-kontenut ġie pprovdut lil din il-persuna taxxabbli minn persuna taxxabbli oħra, il-provvista tal-kontenut diġitali minn din tal-aħħar ma tikkonsistix fl-għoti ta’ aċċess għal avveniment, fis-sens tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112.

46      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal servizzi pprovduti minn studio ta’ reġistrazzjoni ta’ video chats lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ xandir permezz tal-internet u li jikkonsistu fit-twettiq ta’ kontenut diġitali li jieħu l-forma ta’ sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika ffilmjati minn tali studio bl-għan li dawn jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur għall-finijiet tax-xandir tagħhom minn dan tal-aħħar fuq l-imsemmija pjattaforma.

 Fuq it-tieni domanda

47      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li t-tieni domanda saret biss fl-ipoteżi fejn mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda jirriżulta li l-Artikolu 53 tad-Direttiva 2006/112 japplika għal servizzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok għalhekk li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

49      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 53 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE tat-12 ta’ Frar 2008,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma japplikax għal servizzi pprovduti minn studio ta’ reġistrazzjoni ta’ video chats lill-operatur ta’ pjattaforma ta’ xandir permezz tal-internet u li jikkonsistu fit-twettiq ta’ kontenut diġitali fil-forma ta’ sessjonijiet video interattivi ta’ natura erotika ffilmjati minn tali studio bl-għan li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur għall-finijiet tax-xandir tagħhom minn dan tal-aħħar fuq l-imsemmija pjattaforma.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.