Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

7.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/25


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD) (il-Portugall) fil-25 ta’ Lulju 2022 – Deco Proteste – Editores Lda vs Autoridade Tributária e Aduaneira

(Kawża C-505/22)

(2022/C 424/32)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Arbitral Tributário (Centro de Arbitragem Administrativa – CAAD)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Deco Proteste – Editores Lda

Konvenut: Autoridade Tributária e Aduaneira

Domandi preliminari

1)

Fiċ-ċirkustanzi fejn permezz tas-sottoskrizzjoni għal pubblikazzjonijiet perjodiċi b’abbonament jingħata rigal (gadget) lill-abbonati l-ġodda, skont it-tifsira tal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), dan l-għoti għandu jiġi kkunsidrat:

a)

bħala provvista mwettqa mingħajr ħlas, separata mill-operazzjoni ta’ abbonament tal-pubblikazzjonijiet perjodiċi?

jew,

b)

bħala parti integrali minn operazzjoni waħda mwettqa bi ħlas?

jew ukoll,

c)

bħala parti integrali minn pakkett kummerċjali, ikkostitwit minn operazzjoni prinċipali (l-abbonament tal-magażin) u oħra anċillari (l-għoti ta’ rigal), fejn din tal-aħħar titqies bħala provvista bi ħlas u essenzjali għall-abbonament tal-magażin?

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li din hija provvista mingħajr ħlas, id-determinazzjoni ta’ limitu annwali tal-valur globali tar-rigali li jikkorrispondi għal ratio ta’ 0.5 % tal-volum tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli fis-sena preċedenti (li jingħadd mal-limitu tal-valur unitarju) hija konformi mal-kunċett ta’ “għoti ta’ rigali ta’ valur baxx” previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-VAT?

3)

Fil-każ li r-risposta għad-domanda preċedenti tkun fl-affermattiv, dan ir-ratio ta’ 0.5 % tal-volum tad-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli fis-sena preċedenti għandu jitqies li huwa tant baxx li jneħħi kull effett utli mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar il-VAT?

4)

L-imsemmi limitu ta’ 0.5 % tal-volum ta’ dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli fis-sena preċedenti jikser, anki fid-dawl tal-għanijiet li għalihom ġie stabbilit, il-prinċipji ta’ newtralità u ta’ ugwaljanza fit-trattament jew ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.