Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

5.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 463/14


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Argeş (ir-Rumanija) fid-9 ta’ Awwissu 2022 – SC Adient Ltd & Co.Kg vs Agenţia Naţională de Administrare Fiscală, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Argeş

(Kawża C-533/22)

(2022/C 463/19)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Argeş

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: SC Adient Ltd & Co.Kg

Konvenuti: Agenţia Naţională de Administrare Fiscală, Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Ploieşti – Administraţia Judeţeană a Finanţelor Publice Argeş

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) u l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2) għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prassi tal-awtorità fiskali nazzjonali li tikkwalifika persuna ġuridika residenti indipendenti bħala l-istabbiliment permanenti ta’ entità mhux residenti, esklużivament fuq il-bażi tal-fatt li ż-żewġ kumpanniji huma parti mill-istess grupp?

2)

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-prassi tal-awtorità fiskali nazzjonali li żżomm l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment permanenti ta’ entità mhux residenti, billi tibbaża esklużivament fuq is-servizzi li l-persuna ġuridika residenti tipprovdi lill-entità mhux residenti?

3)

L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 u l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-leġiżlazzjoni fiskali u l-prassi tal-awtorità fiskali nazzjonali li żżomm l-eżistenza, fit-territorju ta’ Stat Membru, ta’ stabbiliment permanenti ta’ entità mhux residenti, peress li dan [l-istabbiliment] permanenti jipprovdi biss oġġetti u mhux servizzi?

4)

Fil-każ li persuna mhux residenti għandha fit-territorju ta’ Stat Membru, fil-livell ta’ persuna ġuridika residenti, riżorsi umani u tekniċi li jiżguraw il-provvista ta’ servizzi ta’ pproċessar għall-oġġetti meħtieġa li jiġu kkunsinnati mill-entità mhux residenti, l-Artikolu 192a(b) tad-Direttiva 2006/112, [kif ukoll] l-Artikolu 11 u l-Artikolu 53(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, għandhom jiġu interpretati fis-sens li s-servizzi ta’ pproċessar rilevanti, ipprovduti permezz tar-riżorsi tekniċi u umani tal-persuna ġuridika mhux residenti huma: (i) servizzi pprovduti mill-persuna ġuridika mhux residenti mill-persuna residenti, permezz tar-riżorsi umani u tekniċi inkwistjoni, jew, skont il-każ, (ii) servizzi pprovduti mill-persuna ġuridika mhux residenti stess, permezz tal-imsemmija riżorsi umani u tekniċi?

5)

Skont ir-risposta għar-raba’ domanda, kif għandu jiġi ddeterminat il-post tal-provvista tas-servizzi, billi ssir referenza għall-Artikolu 44 tad-Direttiva 2006/112 u għall-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011?

6)

Fid-dawl tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, attivitajiet relatati ma’ servizzi ta’ pproċessar ta’ merkanzija bħall-irċevuta, l-inventarju, it-tqegħid ta’ ordnijiet mal-fornituri, il-forniment ta’ spazji ta’ ħażna, il-ġestjoni tal-ħażniet fis-sistema tal-informatika, l-ipproċessar ta’ ordnijiet mill-klijenti, l-inklużjoni tal-indirizz fuq id-dokumenti tat-trasport u l-fatturi, is-sostenn lill-verifiki tal-kwalità, eċċ. għandhom jiġu injorati sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza tal-istabbiliment permanenti, minħabba li dawn huma attivitajiet amministrattivi ta’ sostenn, li huma strettament meħtieġa għall-attività tal-ipproċessar tal-merkanzija?

7)

Fid-dawl tal-prinċipji dwar il-post tat-tassazzjoni fil-post fejn iseħħ il-konsum fid-destinazzjoni, huwa rilevanti għad-determinazzjoni tal-post tal-provvista tas-servizzi pproċessati li l-oġġetti li jirriżultaw mill-ipproċessar jinbiegħu mill-benefiċjarju tas-servizzi (għandhom id-destinazzjoni) l-iktar barra mir-Rumanija, waqt li dawk mibjugħa fir-Rumanija huma suġġetti għall-VAT u, għaldaqstant, ir-riżultat tas-servizzi tal-ipproċessar ma huwiex “ikkonsmat” fir-Rumanija jew, jekk “jiġi kkonsmat” fir-Rumanija, huwa suġġett għall-VAT?

8)

Jekk ir-riżorsi tekniċi u umani tal-istabbiliment permanenti li ġie pprovdut bis-servizzi huma prattikament l-istess bħal dawk tal-fornitur li permezz tiegħu s-servizzi effettivament twettqu, għad hemm provvista ta’ servizzi fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.

(2)  ĠU 2011, L 77, p. 1.