Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

14.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 432/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (l-Ungerija) fil-11 ta’ Awwissu 2022 – Global Ink Trade Kft vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-537/22)

(2022/C 432/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Törvényszék

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Global Ink Trade Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

Il-fatt li l-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza tinterpreta deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, mogħtija permezz ta’ digriet fuq rinviju għal deċiżjoni preliminari, li s-suġġett tiegħu huwa preċiżament il-ġurisprudenza żviluppata mill-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, fis-sens li din ma tinkludi ebda element ġdid li seta’ kellu jew jista’ jkollu bħala effett li jiġu invalidati d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja u li tiġi mibdula l-ġurisprudenza żviluppata preċedentement mill-qorti nazzjonali tal-aħħar istanza, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

2)

Il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-prinċipju tas-supremazija tad-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ japplika anki meta l-qorti ta’ Stat Membru li tiddeċiedi fl-aħħar istanza f’kawża tinvoka wkoll s-sentenzi preċedenti tagħha bħala preċedent? Tista’ tingħata risposta differenti, fid-dawl ukoll tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tieħu l-forma ta’ digriet?

3)

Fid-dawl tal-Artikoli 167, 168(a) u 178(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), kif ukoll mal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ newtralità fiskali, huwa permess, fil-kuntest tal-obbligu ġenerali tal-persuna suġġetta għat-taxxa li tiċċekkja t-tranżazzjoni ffatturata, mingħajr ma jitqiesu t-twettiq u n-natura tal-avveniment ekonomiku skont il-fattura, li l-persuna suġġetta għat-taxxa tiġi meħtieġa, bħala kundizzjoni għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT, fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali tal-Istat Membru f’dan is-sens, li hija jkollha kuntatti personali [mal-emittent tal-fattura] jew li hija jkollha relazzjonijiet mal-fornitur tagħha biss permezz tal-indirizz elettroniku kkomunikat uffiċjalment lill-awtoritajiet? Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jitqiesu bħala l-prova ta’ assenza ta’ diliġenza tal-persuna suġġetta għat-taxxa, murija permezz ta’ fatti oġġettivi, filwaqt li huwa magħruf li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux jeżistu fil-mument tal-iċċekkjar imwettaq mill-persuna suġġetta għat-taxxa qabel l-istabbiliment tar-relazzjoni kummerċjali, iżda huma elementi tar-relazzjoni kummerċjali bejn il-partijiet?

4)

L-interpretazzjoni u l-prattika ta’ Stat Membru li jirrifjuta d-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT lil persuna suġġetta għat-taxxa li għandha fattura konformement mad-Direttiva 2006/112, għar-raġuni li hija ma aġixxietx bid-diliġenza meħtieġa fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet peress li hija ma wrietx li hija kienet adottat aġir li jippermetti li jiġi konkluż li l-attività tagħha ma hijiex limitata għas-sempliċi aċċettazzjoni ta’ fatturi formalment konformi, u dan minkejja li din il-persuna suġġetta għat-taxxa ppreżentat id-dokumenti kollha dwar it-tranżazzjonijiet kontenzjużi u li l-awtorità tat-taxxa ċaħdet l-offerti tagħha ta’ provi addizzjonali fil-kuntest tal-proċedura fiskali amministrattiva, huma konformi mal-artikoli ppreċitati tad-Direttiva 2006/112, mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali u, b’mod iktar partikolari, mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja żviluppata fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li tistabbilixxi l-obbligi tal-awtorità tat-taxxa fil-qasam ta’ oneru tal-prova?

5)

Fid-dawl tal-artikoli ppreċitati tad-Direttiva 2006/112 u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, tista’ titqies bħala fatt oġġettiv il-konstatazzjoni, magħmula f’relazzjoni mal-obbligu ta’ diliġenza raġjonevoli, li l-emittent tal-fatturi ma jkun eżerċita ebda attività ekonomika, jekk l-awtorità tat-taxxa tiddeċiedi li ma ntweriex li fil-verità seħħ avveniment ekonomiku, stabbilit permezz ta’ fatturi, ta’ kuntratti u ta’ elementi oħrajn ta’ prova kontabbli kif ukoll il-korrispondenza, u kkonfermat barra minn hekk mill-kumpannija ta’ ħżin, kif ukoll mid-dikjarazzjonijiet tad-direttur tal-persuna suġġetta għat-taxxa u mill-impjegat tiegħu, u li din l-istess awtorità tat-taxxa tqis li, peress li dan il-fatt ma ntweriex, dan l-avveniment ekonomiku ma seħħx, u dan abbażi biss ta’ dikjarazzjoni tad-direttur tal-intrapriża fornitriċi li jikkontesta l-veraċità ta’ dan, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi li fihom saret id-dikjarazzjoni u l-interessi tal-awtur tad-dikjarazzjoni kif ukoll tal-fatt li, bħalma jixhdu dokumenti, u skont id-data disponibbli, huwa dan li waqqaf il-kumpannija u mandatarju aġixxa f’isem il-kumpannija?

6)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar it-tnaqqis tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li, jekk l-awtorità tat-taxxa tiskopri, fil-kuntest tal-proċedura fiskali amministrattiva, li l-oġġetti li jinsabu fuq il-fatturi joriġinaw mill-Komunità u li l-persuna suġġetta għat-taxxa hija t-tieni operatur tal-katina, wieħed jista’ jqis li l-indikazzjoni ta’ skema, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-oġġetti li joriġinaw mill-Komunità huma eżentati mill-VAT u li għalhekk ma huwiex l-ewwel akkwirent Ungeriż li għandu d-dritt li jnaqqas il-VAT, iżda biss it-tieni membru tal-katina, huwa fih innifsu fatt oġġettiv biżżejjed sabiex tintwera l-evażjoni tat-taxxa, jew l-awtorità tat-taxxa għandha, f’tali każ, tipprova wkoll permezz ta’ fatti oġġettivi liema huwa l-membru jew liema huma l-membri tal-katina li wettaq jew wettqu l-evażjoni tat-taxxa, permezz ta’ liema aġir huwa wettaqha jew huma wettquha u jekk il-persuna suġġetta għat-taxxa kienet taf jew missha kienet taf dan billi taġixxi bid-diliġenza meħtieġa?


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60.