Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

JACOBS

ippreżentati fit-2 ta' Diċembru 2004 (1)

Kawża C-342/03

Ir-Renju ta' Spanja

vs

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea






1.     F’din il-kawża Spanja tressaq talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/2003 tal-5 ta’ Ġunju 2003 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwota tat-tariffa għall-importazzjoni tat-tonn tal-bott koperti mill-kodiċi NM 1604 14 11, 1604 14 18 u 1604 20 70.(2)

 Ir-Regolament ikkontestat u l-kuntest tiegħu

2.     F’Novembru 2001 il-Komunità, it-Tajlandja u l-Filippini ftehmu li ssir konsultazzjoni biex jiġi eżaminat safejn l-interessi leġittimi tat-Tajlandiżi u tal-Filippini kienu qed jiġu mfixxkla minħabba fl-implimentazzjoni tat-trattament ta’ tariffa preferenzjali għat-tonn taż-żejt li joriġina mill-membri tal-Grupp ta’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Filippini ftehmu li jżommu (‘l-Istati ACP’).

3.     F’dak iż-żmien il-Komunità kienet tikkonċedi eżenzjoni totali mid-dazju doganali fuq it-tonn taż-żejt li joriġina mill-Istati ACP, filwaqt li t-tonn taż-żejt li joriġina mit-Tajlandja u l-Filippini kien suġġett għal dazju ta’ 24%.

4.     Wara in-nuqqas li tintlaħaq soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet, il-Komunità, it-Tajlandja u l-Filippini ftehmu li jirriferu din il-kwistjonni għal medjazzjoni fi ħdan l-Oraganizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (‘WTO’).

5.     Fl-20 ta’ Diċembru 2002 il-medjatur irrakomanada lill-Komunità li tiftaħ, għall-2003, kwota tat-tariffa ta’ 25 000 tunnellata ta’ tonn taż-żejt li joriġina mit-Tajlandja u mill-Filippini, b’rata ta’ dazju ta’ 12%.

6.     Din is-soluzzjoni ġiet implementata bir-Regolament Nru 975/2003 (‘ir-Regolament’ jew ir-Regolament ikkontestat’), li kien ibbażat fuq l-Artikolu 133 KE.

7.     Il-kwota tat-tariffa kienet diviża f’erba’, partijiet : 52% tal-volum annwali għal importazzjonijiet li joriġinaw mit-Tajlandja, 36% għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Filippini, 11% għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Indonesja u 1% għal importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra.

8.     Spanja ressqet tmien motivi biex issostni r-rikors għal annullament tagħha.

 Ksur tal-prinċipju tal-preferenza Komunitarja

9.     Spanja tosserva li r-Regolament jikser il-prinċipju tal-preferenza Komunitarja, li huwa wieħed mill-prinċipji tat-Trattat(3) u fuqu hija bbażata t-tariffa doganali komuni, (4) għaliex dawn il-miżuri jistgħu jiġu adottati biss jekk il-produzzjoni tal-Komunità tkun insuffiċjenti.

10.   Jien ma naċċettax dan l-argument. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat espliċitament li l-prinċipju ta’ preferenza Komunitarja mhuwiex rekwiżit legali li l-ksur tiegħu jwassal għall-invalidità tal-miżura in kwistjoni .(5)

 Distorsjoni tal-kompetizzjoni

11.   Spanja tirrepeti li miżuri bħar-Regolament jistgħu jiġu adottati biss jekk il-produzzjoni tal-Komunità tkun insuffiċjenti sabiex tforni s-suq tal-Komunità ;  fejn dan ma jkunx il-każ, il-miżura tfixkel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq.

12.   Madankollu huwa ċar li kwalunkwe tnaqqis tad-dazju impost fuq oġġetti importati minn pajjiżi terzi jista’ jkollu effett fuq il-kompetizzjoni bejn dawk l-oġġetti u prodotti ekwivalenti tal-Komunità bi żvantaġġ għal dawn ta’ l-aħħar. L-argument ta’ Spanja, skond il-konklużjoni loġika tiegħu, ifisser li l-Komunità ma tista’ qatt tnaqqas dazji fuq oġġetti importati. Bl-aktar mod ċar dan ma jistax ikun il-każ; għax f’kull każ, dan imur kontra l-Artikolu 131 KE li jipprovdi li, bit-twaqqif ta’ Unjoni Doganali bejniethom, l-Istati Membri jippruvaw jikkontribwixxu, fost affarijiet oħra għat-tnaqqis ta’ ostakoli tariffarji fil-kummerċ dinji. Hekk kif tissottometti l-Kummissjoni, li interveniet fil-kawża in sostenn tal-Kunsill, analiżi aktar rigoruża tagħti l-idea li huma d-dazji stess li jfixklu l-kompetizzjoni filwaqt li l-eliminazzjoni tagħhom tistabilixxi ekwilibrju fis-suq.

 Vjolazzjoni tal-Proċedura

13.   Spanja targumenta li mill-każistika jirriżulta li d-drittijiet garantiti mis-sistema ġuridika Komunitarja fi proċeduri amministrattivi jinkludu, b’mod partikolari, l-obbligu ta’ l-istituzzjoni kompetenti li teżamina b’attenzjoni u b’mod imparzjali l-aspetti kollha relevanti tal-każ partikolari.(6)  Hija ssostni li r-Regolament mhuwa bbażat fuq l-ebda studju li juri li huwa neċessarju u li għalhekk ġie adottat bi ksur tal-proċeduri amministrattivi.

14.   Madankollu jidher ċar li r-Regolament huwa r-riżultat mhux ta’ proċedura amministrattiva iżda ta’ proċedura leġiżlattiva. L-Artikolu 230 KE jipprovdi li l- Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti tiddeċiedi fuq azzjonijiet ta’ annullament minħabba nuqqas ta’ kompetenza, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, ksur tat-Trattat jew ta’ xi dispożizzjoni tal-liġi relattiva għall-applikazzjoni tiegħu, jew inkella l-iżvijar tal-poter. Ir-rekwiżiti proċedural essenzjali li l-ksur tagħhom jista’ jirriżulta fl-annullament ta’ att leġiżlattiv Komunitarju ma jinkludux il-ħtieġa ta’ analiżi ta’ l-impatt, kif fil-fatt qiegħed jiġi allegat minn Spanja.

15.   Fi kwalunkwe każ, madankollu, kif huwa kjarament indikat fil-preambolu tiegħu, (7) ir-Regolament ġie adottat fl-isfond ta’ proċedura ta’ medjazzjoni tal-WTO u b’mod partikolari sabiex jimplementa r-rakomandazzjonijiet tal-medjatur. L-opinjoni tal-medjatur, li hija espressament imsemmija fil-preambolu u li ġiet ippreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn Spanja, turi li huwa eżamina f’ħafna dettall is-swieq tat-tonn taż-żejt, billi ħa in kunsiderazzjoni b’mod partikolari data li tikkonċerna l-produzzjoni u l-konsum tal-Komunità u l-kapaċità tal-Komunità li tassorbi iktar importazzjoni. Ir-rati u t-tunellati tal-kwota tat-tariffa stipulati fir-Regolament xi ftit jew wisq jirriflettu l-figuri li wasal għalihom il-medjatur fid-dawl ta’ dan l-eżami. B’hekk mhuwiex il-każ li r-Regolament ġie adottat mingħajr ma ġie kkunsidrat l-impatt possibbli tiegħu.

 Ksur ta’ l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Cotonou

16.   Spanja ssostni li nkiser l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Cotonou. (8)

17.   Il-Ftehim ta’ Cotonou jipprova jippromwovi u jħaffef l-iżvilupp ekonomiku, kulturali u soċjali ta’ l-Istati ACP bil-għan li jikkontribbwixxi għall-paċi u s-sigurtà u sabiex jippromwovi ambjent ta’ politika stabbli u demokratika.

18.   L-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 12 jipprovdi li:

‘… il-Komunità għandha, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, meta hija tkun ser tadotta miżura li tista’ taffettwa, fil-kuntest ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, l-interessi ta' l-Istati ACP, tinforma lil dawn l-Istati b’dan fi żmien suffiċjenti. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tinforma simultanjament lis-Segretarjat ta’ l-Istati ACP bil-proposta tagħha għal dawn il-miżuri.’

19.   Spanja ssostni li, għalkemm saret laqgħa fi Brussell fit-28 ta’ Jannar 2003, ma’ l-esportaturi tat-tonn mill-Istati ACP, hija saret qabel il-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta għar-Regolament fis-27 ta’ Marzu 2003(9) ; għaldaqstant l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Cotonou ma ġiex rispettat.

20.   Skond il-Kunsill, il-Komunità żammet lill-Istati ACP informati b’mod regolari dwar l-iżviluppi fuq din il-kwistjoni. Minbarra l-laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2003, il-kwistjoni tqajmet f’diversi okkażjonijiet oħra, inkluż f’laqgħat ma’ l-Istati ACP fis-6 ta’ Mejju 2002, l-1 ta’ Marzu 2003 u l-25 ta’ Marzu 2003. Il-Kunsill ipprovda kopji ta’ minuti ta’ dawn il-laqgħat li jissostanzjaw l-asserzjonijiet tiegħu. Spanja toġġezzjoni li dawn il-laqgħat ukoll saru qabel il-preżentazzjoni tal-proposta għar-Regolament;  madankollu, il-Kunsill josserva, li x’aktarx huwa inqas utli li proposta tiġi notifikata wara li din tiġi adottata milli notifika minn qabel li dan ser iseħħ. Barra minn hekk Spanja fir-risposta tagħha ssemmi laqgħa fuq il-Ftehim ta’ Cotonou li kienet saret fi Brazzaville (Repubblika tal-Kongo) mill-31 ta’ Marzu sat-3 ta’ April 2003 li fiha għaddiet riżoluzzjoni kontra s-soluzzjoni proposta għat-tilwima. Minn dan il-fatt jista’ jiġi dedott li kien hemm informazzjoni u komunikazzjoni fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Cotonou.

21.   Għalhekk jidher li ma kien hemm l-ebda ksur ta’ l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Cotonou.

 Ksur ta’ ftehim preferenzjali

22.   Motiv ieħor ta’ Spanja jikkonċerna ksur allegat tal-ftehim preferenzjali konklużi mill-Komunità ma’ (i) l-Istati ACP u (ii) l-Istati li jaqgħu taħt – skond il-kliem użat minn Spanja – l-iskema tad-drogi SGP (skema ta' preferenzi ġeneralizzati). Din ir-referenza hija għal ‘regoli speċjali dwar il-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga’ li huma parti mill-iskema ta’ preferenzi ġeneralizzati stabbilita issa (u fiż-żmien relevanti) mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2501/2001. (10)

23.   Spanja ssostni li l-ftehim imsemmija jagħtu trattament preferenzjali li jippermetti lit-tonn taż-żejt li joriġina mill-Istati ACP u Stati taħt l-iskema tad-droga jidħol fis-suq tal-Komunità. Hija tosserva li l-kwota tat-tariffa imposta mir-Regolament ikkontestat ser iddgħajjef dawk il-ftehim preferenzjali billi permezz tal-kwota, it-tonn taż-żejt minn pajjiżi żviluppati ikun jista’ jikkompeti ma’ tonn li joriġina mill-Istati ACP u minn dawk li jaqgħu taħt l-iskema tad-droga SGP. Barra minn hekk dawk il-ftehim jissoġġettaw it-tonn taż-żejt għal regoli aktar stretti fuq l-oriġini minn dawk stipulati fir-Regolament;  b’dan il-mod il-kwoti imposti mir-Regolament jagħmlu ħsara lill-Istati li daħlu fi ftehim preferenzjali mal-Komunità.

24.   Jiena ser nikkunsidra ż-żewġ partijiet tal-motiv imqajjem minn Spanja separatament.

 L-Istati ACP

25.   Il-Ftehim invokat minn Spanja konkluż mill-Komunità ma’ l-Istati ACP huwa l-Ftehim ta’ Cotonou. (11)  Dan il-Ftehim jipprovdi għall-eliminazzjoni totali tad-dazji(12) filwaqt illi l-kwota tat-tariffa imposta mir-Regolament hija soġġetta għal dazju ta’ 12%.  Għalhekk ma nistax nifhem kif ir-Regolament jista’ jitqies bħala wieħed li jdgħajjef il-Ftehim ta’ Cotonou.

26.   Barra minn hekk il-preferenzi tat-tariffi provduti fil-Ftehim ta’ Cotonou m’huma soġġetti għal ebda limitazzjoni kwantitattiva, min-naħa l-oħra, ir-Regolament jiftaħ kwota ta’ 25,000 tunnellata, li skond il-Kummissjoni (li ma ġietx kontradetta minn Spanja fuq dan il-punt) bilkemm tirrapreżenta 10% ta’ l-importazzjoni kollha mill-Istati ACP flimkien ma’ l-Istati fl-iskema tad-droga SGP.

27.   F’kull każ, l-uniku obbligu tal-Komunità li jirriżulta mill-Ftehim ta’ Cotonou fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet huwa li teżenthom mid-dazji doganali; m’hemm l-ebda dispożizzjoni li tiggarantixxi lill-Istati benefiċjarji jew marġni ta’ tariffa prefernzjali jew volum minimu ta’ importazzjonijiet meta mqabbla ma’ dawk ta’ Stati oħra. Għaldaqstant anke jekk ir-Regolament kellu l-effetti allegati minn Spanja, mhemmx kunflitt ma’ ftehim preċedenti.

 L-Istati ta’ l-iskema tad-droga SGP

28.   Spanja tirreferi għal ftehim preferenzjali bejn il-Komunità u l-Istati ta’ l-iskema tad-droga SGP. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni tosserva, it-tariffi preferenzjali konċessi mill-Komunità lill-pajjiżi benefiċjarji ta’ l-iskema tad-droga SGP mhuma s-suġġett ta’ ebda ftehim ma’ dawk il-pajjiżi: huma iżda preferenzi unilaterali mogħtija mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ ‘regoli speċjali dwar il-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga’ imsemmija iktar ‘il fuq.(13)

29.   Dawn ir-regoli jinkludu s-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni fuq 'prodotti li, skond l-Anness IV, huma inklużi fir-regoli speċjali dwar il-ġlieda kontra l-produzzjoni u t-traffikar tad-droga imsemmija fit-Titolu IV u li joriġinaw minn pajjiż li skond il-Kolonna I ta’ l-Anness I jibbenefika minn dawn ir-regoli'.(14)  Madankollu, ma jidhirx li dawk il-prodotti, jinkludu t-tonn taż-żejt(15)

30.   Anke jekk ir-regoli preferenzjali konċessi mill-Komunità taħt l-iskema tad-droga SGP jestendu għat-tonn taż-żejt, jiena nikkunsidra li, għar-raġunijiet imsemmija iktar’il fuq fil-kuntest ta’ l-ewwel parti tal-motiv invokat minn Spanja li jirrigwarda l-Ftehim ta’ Cotonou, ma jistax jingħad li r-Regolament ikkontestat idgħajjef dawn ir-regoli.

 Ksur ta’ l-aspettattivi leġittimi

31.   Spanja ssostni li r-Regolament jikser il-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi. L-aspettattivi in kwistjoni apparentament huma dawk ta’ l-operaturi tal-Komunità li għamlu investimenti fl-Istati ACP u fl-Istati taħt l-iskema tad-droga SGP. Spanja tallega li r-Regolament ser jaffettwa investimenti magħmula f’dawk l-Istati u ser ikollu riperkussjonijiet negattivi fuq l-ekonomija tagħhom billi l-invenstimenti, jekk ma jibqgħux aktar jirrendu, jistgħu jisparixxu.

32.   Jiena nistqarr li għandi xi ftit diffikultà sabiex insegwi dan l-argument ; inkwantu dan jissuġġerixxi li negozjanti tal-Komunità jista’ jkollhom aspettattivi leġittimi li l-ekonomiji ta’ l-Istati ACP u ta’ l-Istati taħt l-iskema tad-droga SGP ma tistax tmur lura, huwa jidher daqsxejn fittizju. F’kull każ huwa ċar li aspettattivi leġittimi ġeneralment ma jiġux ivvjolati minn leġiżlazzjoni adottata skond id-diskrezzjoni ta’ l-istituzzjonijiet.

33.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq iddeċidiet, kif semmiet Spanja, li ‘xejn ma jwaqqaf Stat Membru milli jisħaq, permezz ta' rikors għal annullament, li att ta’ l-istituzzjonijiet jippreġudika l-aspettattivi leġittimi ta' ċerti individwi’.(16)  Fil-paragrafu ta’ wara ta’ dik is-sentenza, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid li peress li ‘l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom poter diskrezzjonali fl-għażla tal-mezzi neċessarji sabiex titwettaq politika kummerċjali komuni, l-operaturi ekonomiċi ma jistgħux jibbażaw l-aspettattivi leġittimi tagħhom fuq iż-żamma ta' sitwazzjoni eżistenti li kapaċi tinbidel b’deċiżjonijiet meħuda minn dawk l-istituzzjonijiet fil-limitu tal-poteri diskrezzjonali tagħhom’. (17)

34.   F’dan il-każ ma nistax nifhem kif inhu possibbli li kemm il-Ftehim ta’ Cotonou jew l-iskema tad-drogi SGP (anke li kieku kienet relevanti) setgħu jagħtu lok għal kwalunkwe aspettattiva raġjonevoli li l-Komunità ma tiftaħx kwota tat-tariffa għat-tonn taż-żejt li joriġina mit-Tajlandja u l-Filippini.

 Nuqqas ta’ motivazzjoni

35.   Spanja ssostni li r-Regolament jikser ir-rekwiżit fl-Artikolu 253 KE li regolamenti għandhom jindikaw ir-raġunijiet li huma bbażati fuqhom: l-ewwel premessa fil-preambolu tar-Regolament sempliċiment tirreferi għall-opinjoni tal-medjatur tal-WTO, li ma torbotx lill-Komunità, u r-Regolament ma jaffrontax il-problema b’mod globali peress li ma jeżaminax l-effett tal-miżuri fuq l-industrija tal-bottijiet fil-Komunità.

36.   Fil-fatt il-preambolu tar-Regolament meta moqri kollu f’daqqa juri li ma jagħmilx biss sempliċi referenza għall-opinjoni tal-medjatur. Il-preambolu sħiħ jgħid hekk:

‘(1)      F'Novembru 2001, il-Komunità, it-Tajlandja u l-Filippini ftiehmu li ssir konsultazzjoni biex tiġi eżaminata sa fejn l-interessi leġittimi tat-Tajlandizi u l-Filippini kienu qed jiġu mfixkla minħabba fl-implimentazzjoni tat-trattament ta' tariffa preferenzali għat-tonn tal-bott li joriġina mill-Istati ACP. Minħabba li ma setgħetx tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-partijiet kollha kkonċernati, il-Komunità, it-Tajlandja u l-Filippini ftiehmu li jirreferu dan l-argument għall-medjazzjoni. Fl-20 ta' Diċembru 2002 il-medjatur ippresenta l-opinjoni tiegħu fejn il-Komunità għandha tiftaħ kwota ta' tariffa MFN ta' 25000 għas-sena 2003 b'rata ta' tariffa in-quota ta' 12 % ad valoremtunnellata.

(2)      Minħabba x-xewqa li tinstab soluzzjoni għal din il-problema antika, il-Kommunità aċċettat din il-proposta. Għalhekk, għandha tiġi miftuħa kwota ta' tariffa addizjonali għal volum limitat ta' bottijiet tat-tonn.

(3)      Huwa xieraq li jiġu allokati ishma speċifiċi għal kull pajjiż għall-kwota ta' dawk il-pajjiżi li għandhom interess sostanzjali biex ifornu tonn tal-bott, fuq il-bażi tal-kwantitajiet fornuti minn kull wieħed minnhom skond il-kondizzjonijiet mhux prefenzali matul perjodu ta' żmien rappreżentattiv. Il-bqija tal-kwota għandha tkun disponibbli għall-pajjiżi l-oħra kollha.

(4)      L-aħjar mod li jiġi żgurat l-aħjar użu tal-kwota ta' tariffa hi li tiġi allokata fl-ordni kronoloġika tad-dati ta' meta d-dikjarazzjonijiet tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni ħielsa jiġu aċċettati.

(5)      Sabiex tiġi żgurata li l-kwota tiġi amministrata b'mod effiċjenti, il-preżentazzjoni ta' ċertifikat t'oriġini għandha tiġi mitluba għall-laned ta' tonn importati mit-Tajlandja, l-Filippini u l-Indoneżja, l-ikbar fornituri u l-ikbar benefiċjarji ta' din il-kwota.

(6)      Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jiġi addottat skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni’.

37.   Dawn il-premessi għalija jidhru li huma stqarrija perfettament adegwata ta’ raġunijiet, li jaqblu kompletament mar-rekwiżit imsemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-preambolu ta’ att li jkun maħsub sabiex ikollu applikazzjoni ġenerali, għandu jindika s-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u għall-għanijiet ġenerali li huwa intiż sabiex jilħaq.(18)  Huwa minnu li, kif tallega Spanja, il-preambolu ma jsemmix l-effett tal-miżuri fuq l-industrija tal-bottijiet tal-Komunità. Madankollu, billi ma jeżisti ebda rekwiżit li jagħmel hekk, dik l-ommissjoni mhijiex raġuni għall-annullament.

 Użu ħażin tal-poteri

38.   Fl-aħħarnett, Spanja ssostni li r-Regolament huwa difettuż minħabba użu ħażin tal-poteri, peress illi alloka l-kwota lill-Istati benfiċjarji b’mod arbitrarju billi nkluda mhux biss it-Tajlandja u l-Filippini imma wkoll lill-Indoneżja u billi ħalla l-bilanċ rimanenti lill-pajjiżi terzi. Spanja tqis li l-perċentwali stabbiliti mir-Regolament imorru kontra l-kunċett innifsu ta’ kwota u jidhru li x’aktarx huma r-riżultat ta’ negozjati politiċi. Hija tkompli tallega li l-għoti ta’ dawn it-tariffi preferenzjali joħloq preċedent perikoluż li ċertament ser jagħti lok għal ħafna talbiet għal trattament simili minn Stati li jikkunsidraw lilhom infushom milquta ħażin mill-ftehim preferenzjali bejn il-Komunità u l-pajjiżi taħt skema ta’ droga SGP; barra minn hekk il-pajjiżi ACP u dawk taħt skema tad-droga SGP, jistgħu wkoll iħossuhom diskriminati minħabba d-differenzi fir-regoli dwar l-oriġini, u għalhekk iressqu din il-problema quddiem il-WTO.

39.   Hija ġurisprudenza stabbilita li att ikun diffettuż minħabba użu ħażin ta' poter biss jekk fuq il-bażi ta' indikazzjonijiet oġġettivi, pertinenti u konkordanti, jidher li dan ikun ġie adottat bl-għan esklużiv jew almenu determinati, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk iddikjarati jew sabiex tiġi evitata xi proċedura speċjali prevista mit-Trattat sabiex tevita ċ-ċirkostanzi tal-każ.(19)  Spanja ma pproduċietx provi bħal dawn. Għalhekk fl-opinjoni tiegħi l-aħħar motiv ta’ Spanja għandu jiġi respint, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu kkunsidrati l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni (li ma’ l-ewwel daqqa t’għajn jidhru persważivi) għalfejn l-allegazzjonijiet magħmula minn Spanja f’dan il-kuntest huma żbaljati.

 Konklużjoni

40.   Għalhekk jiena ta’ l-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      tiċħad ir-rikors;

(2)      tordna lir-Renju ta’ Spanja ibati l-ispejjeż, ħlief għall-ispejjeż tal-Kummissjoni, li bħala parti intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa originali: l-Ingliż.


2 – ĠU 2003 L 141, p. 1


3  – Spanja ċċitat is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1968, Beus (5/67, Ġabra 83, p. 98).


4  – Sentenza ta’ l-10 ta’ Diċembru 1987, Nicolet Instrument (232/86 Ġabra p. 5025, punt 13).


5 – Sentenza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Il-Greċja vs Il-Kunsill (C-352/92, Ġabra p. I-3411, punt 50).


6  – Sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C-269/90, Ġabra I-5469, punt 14).


7  – Il-preambolo kollu huwa riprodott fil-punt 36 iktar ‘il quddiem.


8  – Ftehim ta’ Sħubija bejn il-Membri ta’ l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, ĠU 2000 L 317, p. 3.


9 – COM (2003) 141 finali.


10 – Regolament tal-Kunsill ta’ l-10 ta’ Diċembru 2001 li japplika skema ta’ preferenzi ġeneralizzati tat-tariffa għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2002 sal-31 ta’ Diċembru 2004, ĠU 2001 L 346, p. 1).


11  – Ara l-punt 17 u n-nota 8 iktar ‘il fuq.


12 – Ara l-Artikolu 1 ta’ l-Anness V tal-Ftehim.


13  – Ara l-punt 22.


14  – Ara l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 2501/2001.


15  – Ara l-Artikolu 4 u l-lista fl-Anness IV tar-Regolament Nru 2501/2001.


16  – Sentenza tad-19 ta’ Novembru 1998, Spanja v Il-Kunsill (C-284/94, Ġabra I-7309, punt 42).


17  – Punt 43 tas-sentenza, li jiċċita numru ta’ każijiet.


18  – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda v Il-Kunsill (C-301/97, Ġabra p. I-8853, punt 189).


19  – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, L-Olanda v Il-Kunsill (C-110/97, Ġabra I-8763, punt 137).