Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

J. KOKOTT

ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 20061(1)

Kawża C-284/04

T-Mobile Austria GmbH et

v

Ir-Repubblika ta’ l-Awstrija

(talba għal deċiżjoni preliminari mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien
(l-Awstrija))

“Sitt Direttiva tal-VAT – Tifsira ta’ attività ekonomika – Entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku bħala persuni taxxabbli – Irkant ta’ liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi għal servizzi tat-telekomunikazzjoni tat-tielet ġenerazzjoni [UMTS] kif ukoll għall-GSM-DCS-1800 u TETRA”





I –  Introduzzjoni

1.        F’Novembru 2000, it-Telekom-Control-Kommission, l-awtorità regolatorja Awstrijaka, mexxiet irkant ta’ diversi blokok ta’ frekwenzi biex jiġu pprovduti komunikazzjonijiet bil-mobbli skond l-istandard UMTS/IMT-2000(2) (imsejħa wkoll komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni – 3 G) u wara b’deċiżjoni assenjat drittijiet relattivi għall-użu ta’ frekwenza lill-aħjar offerenti. B’riżultat ta’ dan kellha dħul ta’ EUR 831 595 241, 10. Frekwenzi għall-provvista ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tieni ġenerazzjoni (Standard GSM(3)) u għas-sistema tar-radju bil-fil TETRA(4) diġà kienu ġew assenjati bl-istess mod.

2.        Apparati mobbli 3G għandhom kapaċità ikbar li jittrasferixxu data minn dik tat-telefon mobbli tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabel. Bihom huwa possibbli li jiġu pprovduti, b’mod partikolari, servizzi multimedjali bħal videokonferenzi, aċċess għall-internet u divertiment on-line. L-introduzzjoni ta’ komunikazzjoni bil-mobbli UMTS hija kkunsidrata bħala avvanz tekniku importanti li fetaħ bosta oqsma ġodda ta’ attività għal organizzazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet.

3.        Fil-proċeduri fil-kawża prinċipali t-tmien organizzazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet li akkwistaw id-dritt għall-użu ta’ frekwenza (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) qed isostnu li l-assenjazzjoni tad-drittijiet kienet tranżazzjoni suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud u li l-pagamenti għall-użu ta’ frekwenza kienu jinkludu l-VAT. Għalhekk huma qed jitlobu li jinħarġu rċevuti li juru l-VAT. Dan huwa meħtieġ sabiex isir tnaqqis tal-VAT allegatament imħallas bħala taxxa fuq ix-xiri.

4.        Skond l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (iktar ’il quddiem is- “Sitt Direttiva”)(5) huma biss it-tranżazzjonijiet li persuna taxxabbli twettaq matul l-attività ekonomika tagħha li huma suġġetti għat-taxxa. Skond l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva, l-Istat u l-entitajiet tiegħu m’għandhomx, fil-prinċipju, jitqiesu li huma persuni taxxabbli meta jeżerċitaw awtorità pubblika. Hija l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ l-irkant tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi li tifforma l-ġebla tax-xewka ta’ dawn il-proċeduri legali.

5.        F’rinviju għal deċiżjoni preliminari li sar b’mod parallel ma’ din il-kawża u li dwaru jiena wkoll ser nippreżenta l-konklużjonijiet tiegħi llum(6), il-VAT and Duties Tribunal London għamel domandi simili dwar kif għandu jiġi stmat l-irkant ta’ liċenzji UMTS fir-Renju Unit.

6.        Stati Membri oħrajn segwew l-eżempju Brittaniku u Awstrijak u wkoll irċevew ħlasijiet għal-liċenzji għoljin. Il-proċeduri legali preżenti u proċeduri legali paralleli fir-Renju Unit huma għalhekk ta’ sinjifikat partikolari mhux biss għas-somom kbar involuti imma anki għax se jservu ta’ eżempju f’każijiet simili fi Stati Membri oħrajn.

II –  Il-kuntest legali

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-VAT

1.      Id-Dritt Komunitarju

7.        Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva dawn li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

“il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali; […]”.

8.        L-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jiddefinixxi minn għandu jiġi kkunsidrat bħala “persuna taxxabbli” kif ġej:

“1.      “Persuna taxxabbli” tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu servizzi, magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet tal-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.

[…]

5.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ attivitajiet jew operazzjonijiet li jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

[…]”

9.        Fl-Anness D, “It-Telekomunikazzjonijiet” huma murija bħala t-Titolu 1 fil-lista ta’ attivitajiet li jsir riferiment għalihom fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

2.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10.      Skond l-ewwel inċiż tal-Paragrafu 1(1) ta’ l-UStG (Umsatzsteuergesetz, il-Liġi dwar it-taxxi fuq il-bejgħ) 1994, provvisti u servizzi oħra li kuntrattur, fil-kuntest ta’ l-impriża tiegħu, jeffettwa bi ħlas fuq it-territorju nazzjonali huma suġġetti għall-VAT. It-taxxa mhijiex eskluża minħabba l-fatt li l-operazzjoni hija effettwata fuq il-bażi ta’ att legali jew amministrattiv jew li għandha titqies li twettqet taħt xi dispożizzjoni legali.

11.      Operatur fit-tifsira tal-Paragrafu 2(1) ta’ l-UStG tfisser persuna li teżerċita, b’mod indipendenti, attività industrijali, kummerċjali jew professjonali. Kull attività mwettqa b’mod permanenti għall-iskop li jinkiseb dħul hija attività kummerċjali jew professjonali.

12.      Skond il-Paragrafu 2(3) ta’ l-UStG, persuni ġuridiċi ta’ dritt pubbliku ma jeżerċitawx attività industrijali, kummerċjali jew professjonali ħlief fil-kuntest ta’ l-impriżi ta’ natura industrijali jew kummerċjali tagħhom. (Paragrafu 2 tal-KStG (Körperschaftsteuergesetz, il-Liġi dwar it-taxxa tal-korporazzjonijiet). Il-Paragrafu 2(1) tal-KStG jistipula li operazzjoni ta’ natura kummerċjali ta’ korporazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku hija kull istallazzjoni li hija ekonomikament indipendenti u li sservi esklużivament jew fil-biċċa l-kbira għal attività ekonomika privata ta’ sinjifikat kummerċjali u li tiġi eżerċitata b’mod kontinwu għall-iskop li jiġi ġġenerat dħul, jew vantaġġi ekonomiċi oħrajn fin-nuqqas ta’ parteċipazzjoni fl-attività ekonomika ġenerali, u mhux agrikoltura jew xogħol fil-foresti.

13.      Il-Paragrafu 2(5) tal-KStG jaqra: “M’hemmx attività ekonomika privata fit-tifsira tas-subparagrafu 1 jekk l-attività sservi fil-parti l-kbira għall-eżerċizzju ta’ poteri pubbliċi (operazzjoni ta’ awtorità pubblika) [...]”.

14.      L-ewwel u t-tieni frażijiet tal-Paragrafu 1(1) ta’ l-UStG jistipulaw dan li ġej: “Jekk l-operatur jagħmel tranżazzjonijiet fis-sens ta’ l-inċiż 1 tal-Paragrafu 1(1) ta’ l-UStG, huwa jkun intitolat joħroġ irċevuti. Jekk jagħmel tranżazzjonijiet lil xi operatur ieħor għall-impriża ta’ dan ta’ l-aħħar jew għal xi persuna legali fejn din ta’ l-aħħar ma tkunx operatur, huwa jkun obbligat joħroġ l-irċevuti”(7). Dawn l-irċevuti, skond is-sitt inċiż tal-Paragrafu 11(1) ta’ l-UStG, għandhom jinkludu l-ammont ta’ taxxa fuq il-pagament.

B –    L-isfond legali għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi

15.      Il-frekwenzi tar-radju huma riżorsi skarsi. Il-parti kbira ta’ l-ispettru tar-radju li hija teknikament disponibbli diġà ġiet allokata għal servizzi u tipi ta’ użu speċifiċi. Sabiex tiġi evitata l-interferenza, taqsimiet separati (spettri ta’ frekwenzi) jitpoġġew għad-dispożizzjoni għal kull tip ta’ użu. Il-katergorizzazzjoni internazzjonali ta’ frekwenzi hija bbażata fuq ix-xogħol li sar mill-Għaqda Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (“ITU”), organizzazzjoni internazzjonali li topera taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti.

16.      L-ispettri tal-frekwenzi li ġew miftuħin għas-sistema tal-mobbli UMTS/IMT-2000 ġew stabbiliti fil-prinċipju fl-1992 mill-Konferenza Dinjija tar-Radju (“WRC 92”) organizzata mill-ITU. Fir-Riżoluzzjoni 212, il-Konferenza Dinjija Amministrattiva tar-Radju ta’ l-1997 tassumi li s-sistemi tal-komunikazzjoni bil-mobbli kellhom jiġu introdotti bejn wieħed u ieħor fis-sena 2000.

17.      Il-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (“CEPT”)(8) wettqet xogħol preliminari ulterjuri fuq livell Ewropew fl-introduzzjoni tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni. Il-Kumitat Ewropew dwar ir-Radjukomunikazzjonijiet (“ERC”), li jifforma parti minn din l-organizzazzjoni, iddefinixxa l-ispettru ta’ frekwenzi disponibbli fid-Deċiżjoni tiegħu ERC/DEC(97)/07, tat-30 ta’ Ġunju 1997(9).

18.      Il-parti ta’ l-ispettru tal-frekwenzi rriżervati għall-komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni jistgħu jerġgħu jitqassmu f’taqsimiet oħrajn li fihom fornituri differenti jistgħu joperaw sistemi tal-mobbli b’mod parallel. Il-forma u n-numru ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi mogħtija għal dan l-iskop tvarja minn Stat Membru għal ieħor(10). Filwaqt li l-Awstrija u l-Ġermanja jaqsmu l-ispettru fost sitt fornituri, per eżempju, fil-Belġju u fi Franza kien hemm biss tlieta. Għalhekk, hemm ċertu ammont ta’ latitudni – suġġett għal rekwiżiti tekniċi minimi – biex jiġu stabbiliti l-frekwenzi li ġew liċenzjati għall-operazzjoni ta’ netwerk.

19.      Il-kategorizzazzjoni ta’ frekwenzi għal servizzi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli tat-tieni ġenerazzjoni hija wkoll ibbażata fuq il-linji gwida tas-CEPT.

1.      Id-Dritt Komunitarju

20.      Id-Direttiva 97/13/KE(11) kienet tifforma l-istruttura tad-dritt Komunitarju għall-assenjazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet waqt il-perijodu li huwa rilevanti għal din il-kawża.

21.      Skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 97/13 “L-Istati Membri jistgħu jassenjaw liċenzja individwali biss fejn il-benefiċjarju jingħata aċċess għal riżorsi fiżiċi jew riżorsi oħra li jkunu skarsi jew li tkun suġġetta għal obbligi partikolari jew tgawdi minn drittijiet partikolari, skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima III”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22.      It-Taqsima III tad-Direttiva (l-Artikoli 7 sa 11) tirrigwarda l-liċenzji individwali. L-Artikolu 10 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jillimitatw in-numru ta’ liċenzji individwali sal-limitu meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju. Dawn għandhom, b’mod partikolari jieħdu in kunsiderazzjoni l-bżonn li għall-utenti jiġi mmassimizzat u ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri għandhom jagħtu liċenzji individwali bħal dawn fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ għażla li għandhom ikunu oġġettivi, mhux diskriminatorji, iddettaljati, trasparenti u proporzjonati.

23.      Skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13, jistgħu jiġu imposti tariffi bl-iskop li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li jsiru fil-ħruġ ta’ liċenzji. Il-Paragrafu 2 jippermetti wkoll l-impożizzjoni ta’ tariffi oħra:

“Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, fejn se jiġu użati riżorsi skarsi, jippermettu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it-tariffi għandhom ikunu non diskriminatorji u jagħtu qies partikolari tal-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24.      Id-Direttiva 97/13 ġiet abrogata bid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas)(12). Bil-kontra tad-Direttiva 97/13, issa huwa stipulat fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2002/21 li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjonijiet sabiex impriżi jkunu jistgħu jittrasferixxu d-dritt li jużaw frekwenzi lill-impriżi oħrajn.

25.      L-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21 f’dan il-kuntest jistipula kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jasiguraw li l-ħsieb ta’ impriża li tittrasferixxi l-liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju jiġi nnotifikat lill-awtorità nazzjonali regolatorja responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ l-ispettru u li dak it-trasferiment iseħħ skond il-proċeduri stipulati mill-awtorità nazzjonali regolatorja u li jsir pubbliku. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jassiguraw li l-kompetizzjoni ma titgħawwiġx bħala riżultat ta’ xi transazzjoni bħal din. Fejn l-użu ta’ frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat permezz ta’ l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni dwar l-ispettri tar-radju) jew ta’ miżuri oħra tal-Komunità, kull trasferiment bħal dak m’għandux jirriżulta f’xi bidla fl-użu ta’ dik il-frekwenza tar-radju”.

26.      Id-Deciżjoni Nru 128/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-14 ta’ Diċembru 1998, dwar l-introduzzjoni kkoordinata tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni u mingħajr fili (UMTS) fil-Komunità(13) (id-“Deċiżjoni UMTS”) għandha wkoll rilevanza għal din il-kawża. B’din id-Deċiżjoni l-Parlament u l-Kunsill taw virtwalment is-sinjal tal-bidu għall-introduzzjoni fi ħdan l-Ewropa kollha tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS.

27.      Il-premessi fil-preambolu għad-Deċiżjoni UMTS jirreferu għal żviluppi internazzjonali u linji gwida għal sistema tal-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni. L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni UMTS jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni ta’ servizzi UMTS sa l-1 ta’ Jannar 2000. Skond l-Artikolu 3(3), dawn għandhom “jiżguraw, skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, li l-provvista ta’ UMTS tiġi organizzata […] fi spettri ta’ frekwenzi li huma armonizzati mill-CEPT […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

2.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

28.      Skond il-Paragrafu 14 tat-Telekommunikationsgesetz, kif ġie emendat fl-1 ta’ Ġunju 2000 (it-“TKG”), biex jiġi pprovdut servizz ta’ telefonija mobbli bil-leħen jew servizzi pubbliċi oħrajn ta’ komunikazzjoni bil-mobbli li jużaw netwerks ta’ komunikazzjoni bil-mobbli operati direttament, hija meħtieġa liċenzja. Għandha tiġi assenjata liċenzja jekk, fil-każ ta’ liċenzji biex tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli, il-frekwenzi ġew mogħtija lill-applikant jew setgħu ġew mogħtija simultanjament mal-liċenzja (il-Paragrafi 15(2)(3) tat-TKG). Skond il-Paragrafu 16(1) tat-TKG, liċenzji jistgħu jiġu ttrasferiti bil-kunsens ta’ l-awtorità regolatorja. Għandha titħallas tariffa biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż amministrattivi li jkunu saru fl-assenjazzjoni tal-liċenzja (il-Paragrafu 17 tat-TGK).

29.      Skond il-Paragrafu 21(1) tat-TKG, sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi, detenturi ta’ liċenzja għall-komunikazzjonijiet bil-mobbli għandhom iħallsu wkoll tariffa ta’ darba jew tariffa annwali għall-użu ta’ frekwenza minbarra l-ħlas għall-użu tal-frekwenza. Il-Paragrafu 49(4) tat-TKG jistipula li “frekwenzi intiżi għall-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi bil-mobbli għandhom jiġu assenjati mill-awtorità regolatorja”.

30.      Il-proċedura dettaljata għall-assenjazzjoni hija stipulata fil-Paragrafu 49a tat-TKG, li tiegħu l-paragrafu 1 jaqra: “L-awtorità regolatorja għandha talloka l-frekwenzi mogħtija lilha fost dawk l-applikanti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ġenerali fis-subparagrafi 1 u 2 tal-Paragrafu 15(2) u tiggarantixxi l-aktar użu effiċjenti tal-frekwenzi. Dan għandu jiġi stabbilit mid-daqs tal-ħlas għal użu ta’ frekwenzi li jiġi offrut.”

31.      Dettalji ulterjuri kienu jinsabu fil-Kodiċi tal-Proċedura li ddaħħal mit- Telekom-Control-Kommission skond il-Paragrafu 49a(7) tat-TKG u fid-dokumentazzjoni tas-sejħa għal offerti ta’ l-10 ta’ Lulju 2000 fil-proċedura għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni (UMTS/IMT-2000). Dawn kienu jistipulaw inter alia li l-offerti ma setgħux ikunu ta’ inqas minn ATS 700 000 000 (EUR 50 870 983, 92) għal pakkett ta’ frekwenza ta’ spettru f’par u ATS 350 000 000 (EUR 25 435 491, 96) għal pakkett ta’ frekwenza ta’ spettru mhux f’par.

32.      Qabel l-1 ta’ Ġunju 2000 kienet tapplika l-verżjoni ta’ l-1997 tat-TKG għall-assenjazzjoni ta’ liċenzji.

33.      It-TKG ġiet emendata fl-2003. Il-Paragrafu 56(1) tat-TKG 2003 issa jirregola, b’mod partikolari, it-trasferiment ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi assenjati mill-awtorità regolatorja. Trasferimenti huma possibbli biss f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi u jeħtieġu l-kunsens ta’ l-awtorità regolatorja.

34.      L-istruttura u d-dmirijiet tat-Telekom-Control-Kommission huma stipulati fil-Paragrafi 110 sa 112 tat-TKG. Din tinsab fit-Telekom-Control GmbH, li l-uniku azzjonist tagħha huwa l-Istat u li twettaq id-dmirijiet ta’ awtorità regolatorja li mhumiex speċifikament assenjati lit-Telekom-Control-Kommission (il-Paragrafi 108 u 109 tat-TKG). Ir-responsabbiltajiet tat-Telekom-Control-Kommission jinkludu inter alia l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi skond il-Paragrafu 49(4) flimkien mal-Paragrafu 49a tat-TKG (Paragrafu 111(9) tat-TKG).

III –  Il-fatti u d-domandi rinvjati lill-Qorti għal deċiżjoni preliminari

35.      B’deċiżjoni tat-Telekom-Control-Kommission ta’ l-20 ta’ Novembru 2000, ġew assenjati frekwenzi u ġew mogħtija liċenzji għal sistemi tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni (UMTS/IMT-2000). Qabel ma ġew assenjati, il-pakketti ta’ frekwenzi ġew offruti pubblikament imbagħad ġew irkantati fi proċedura ta’ irkant simultanja f’diversi stadji. Fl-irkant fit-2 u t-3 ta’ Novembru 2000 total ta’ 12-il blokk ta’ frekwenzi ta’ 5 MHz kull wieħed ġew irkantati. Fuq il-bażi tar-riżultati ta’ l-irkant, il-frekwenzi ġew assenjati lill-offerenti b’deċiżjoni. Il-ħlasijiet għal użu ta’ frekwenzi ġew stabbiliti kif ġej:

T-Mobile Austria GmbH:

EUR 170 417 796, 10

Mobilkom Austria AG & Co KG:

EUR 171 507 888, 60

TRA-3G Mobilfunk GmbH:

EUR 113 151 602, 70

ONE GmbH:

EUR 120 055 522, 00

Hutchison 3G Austria GmbH:

EUR 139 023 131, 70

3G Mobile Telecommunications GmbH:

EUR 117 439 300, 00

36.      L-ammonti ddikjarati kellhom jitħallsu mill-offerenti rebbieħa permezz ta’ żewġ pagamenti, l-ewwel pagament fi żmien sebat ijiem minn notifika tad-deċiżjoni tat-Telekom-Control-Kommission, it-tieni fi żmien sitt ġimgħat. Il-liċenzji u l-frekwenzi ġew assenjati sal-31 ta’ Diċembru 2020.

37.      B’deċiżjoni tat-Telekom-Control-Kommission tat-3 ta’ Mejju 1999 tele.ring Telekom Service GmbH & Co KG ġiet allokata d-drittijiet ta’ użu tal-frekwenza GSM (kanali DCS-1800) għall-ħlas għal użu ta’ frekwenza ta’ EUR 98 108 326, 00. B’deċiżjoni tat-Telekom-Control-Kommission tas-7 ta’ Frar 2000 master-talk Austria Telekom Service GmbH und Co KG ġiet allokata frekwenzi għal sistema tar-radju bil-fil TETRA, bi ħlas għal użu ta’ frekwenza ta’ EUR 4 832 743, 47 kif ġie stipulat. Dawn id-deċiżjonijiet ġew ibbażati wkoll fuq proċedura ta’ irkant.

38.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qed jitolbu li jinħarġu rċevuti għall-ħlasijiet ta’ użu ta’ frekwenza li jkunu juru t-taxxa fuq il-valur miżjud; huma jikkunsidraw li din kienet inkluża fil-ħlasijiet. Fil-kors ta’ dawn il-proċeduri legali l-Landesgericht für Zivilrechtssachen (il-Qorti Ċivili Reġjonali) Vjenna (Awstrija) fis-7 ta’ Ġunju 2004 ħarġet digriet ta’ rinviju tad-domandi li ġejjin, lill-Qorti tal-Ġustizzja, għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE:

“1.      It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, flimkien man-Nru 1 ta’ l-Anness D għas-Sitt Direttiva tal-Kunsill … għandhom jiġu interpretati li jfissru li l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjoni bil-mobbli skond l-UMTS/IMT-2000, GSM-DCS-1800 u l-istandards TETRA ... minn Stat Membru għal ħlas għal użu ta’ frekwenza li din hija attività ta’ telekomunikazzjoni?

2.      It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li Stat Membru li l-liġi nazzjonali tiegħu ma tipprovdix għall-kriterju msemmi fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tad-direttiva tad-daqs “mhux żgħira” ta’ attività (ir-regola de minimis) bħala kundizzjoni biex wieħed ikollu l-istat ta’ persuna taxxabbli għandu għalhekk jitqies li huwa persuna taxabbli għall-attivitajiet tat-telekomunikazzjonijiet kollha f’kull każ indipendentement minn jekk id-daqs ta’ dawk l-attivitajiet ikun żgħir?

3.      It-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli minn Stat Membru għal ħlasijiet għal użu ta’ frekwenzi li jammontaw għal EUR 831 595 241, 10 (UMTS/IMT 2000) jew EUR 98 108 326, 00 (kanali DCS-1800) jew
EUR 4 832 743, 47 (TETRA) għandha titqies li hija attività li mhijiex żgħira, b’tali mod li l-Istat Membru jitqies li huwa persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dik l-attività?

4.      It-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li jista’ jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni jekk Stat Membru, meta jassenja drittijiet għal użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjoni bil-mobbli għal ħlas totali ta’ EUR 831 595 241, 10 (UMTS/IMT 2000) jew EUR 98 108 326, 00 (kanali DCS-1800) jew EUR 4 832 743, 47 (TETRA), ma jissuġġettax dawk il-ħlasijiet għal taxxa fuq ix-xiri u l-offerenti privati għal dawk il-frekwenzi jkollhom jissuġġettaw din l-attività għat-taxxa fuq ix-xiri?

5.      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li attività ta’ Stat Membru li jassenja drittijiet għal użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjoni bil-mobbli lil operaturi tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli b’tali mod li l-ogħla offerta ta’ ħlas għal użu ta’ frekwenza tiġi l-ewwel aċċertata fi proċedura ta’ irkant imbagħad il-frekwenzi jiġu assenjati lill-ogħla offerent ma sseħħx fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika, b’tali mod li l-Istat Membru jitqies li huwa persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dik l-attività indipendentement minn natura ġuridika skond il-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru ta’ l-att li permezz tiegħu ssir l-assenjazzjoni?

6.      L-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat li jfisser li l-assenjazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli minn Stat Membru indikat fid-Domanda 5 għandha titqies li hija attività ekonomika, b’tali mod li l-Istat Membru jitqies li huwa persuna taxxabbli fir-rigward ta’ din l-attività?

7.      Is-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata li tfisser li l-ħlasijiet għal użu ta’ frekwenza stabbiliti għall-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenza għal sistemi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli huma ħlas gross (li diġà jinkludu t-taxxa fuq il-valur miżjud) jew ħlas nett (li magħha t-taxxa fuq il-valur miżjud għadha tista’ tiġi miżjuda)?”

39.      L-impriżi msemmija fil-punti 35 u 37, il-Finanzprokuratur (ir-rappreżentant tal-Ministeru Federali tal-Finanzi) tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, bħala konvenut, il-Gvernijiet tad-Danimarka, tal-Ġermanja, ta’ l-Italja, ta’ l-Olanda, ta’ l-Awstrija, tal-Polonja u tar-Renju Unit u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

A –    IV - Evalwazzjoni legali

40.      Skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, “persuna taxxabbli” tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post kull attività ekonomika, ikun xi jkun il-għan jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. L-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva jkompli billi jiddefinixxi “attività ekonomika” aktar fil-fond. Din id-dispożizzjoni għalhekk mhux biss tiddikjara minn jista’ jkun persuna taxxabbli imma tistipula wkoll iċ-ċirkustanzi fejn l-attività ta’ persuna tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

41.      L-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva fih arranġamenti differenti għal meta l-Istat għandu jiġi kkunsidrat li huwa persuna taxxabbli(14). Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tippresupponi li jkun hemm attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2). Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi kkunsidrata, l-ewwel nett, is-sitt domanda rinvjata lill-Qorti għal deċiżjoni preliminari, li titlob li tingħata interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

B –    Is-sitt domanda: l-eżistenza ta attività ekonomika

42.      Bis-sitt domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi għal sistemi ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli minn Stat Membru tikkostitwixxix attività ekonomika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.

43.      L-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva fih medda wiesa’ ta’ attivitajiet enumerati li għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1). Barra mill-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jfornu servizzi, dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli u intanġibbli għall-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn din id-definizzjoni “li l-iskop tat-terminu attivitajiet ekonomiċi huwa wiesa’ ħafna, u li t-terminu huwa ta’ natura oġġettiva, fis-sens li l-attività għandha tiġi kkunsidrata per se indipendentement mill-iskopijiet u mir-riżultati tagħha”(15).

45.      L-intenzjonijiet suġġettivi li bihom il-persuna kkonċernata ssegwi l-attività għalhekk mhumiex rilevanti. Li kellu jkun mod ieħor, l-awtoritajiet tat-taxxa kien ikollhom jagħmlu investigazzjonijiet biex jistabbilixxu dawk l-intenzjonijiet u dan kien imur kontra l-għanijiet tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud. L-iskop ta’ dik is-sistema huwa li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali u li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-VAT billi tittieħed in kunsiderazzjoni, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, in-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni in kwistjoni(16).

46.      Jien l-ewwel li ser nikkunsidra hija l-oġġezzjoni li l-eżistenza ta’ attività ekonomika hija diġà prekluża mill-fatt li d-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi ġew irkantati fl-interess tar-regolamentazzjoni tas-suq. Jien imbagħad ser inkompli neżamina jekk il-proċedura għandhiex tiġi kklassifikata bħala sfruttament ta’ propjretà intanġibbli għall-iskop li jiġi akkwistat dħul minnha fuq bażi kontinwa, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.

1.      L-għan tar-regolamentazzjoni tas-suq jipprekludi attività ekonomika?

47.      L-isfond għall-irkantar tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi huwa l-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma riżorsi skarsi. It-taqsima ta’ l-ispettru elettromanjetika li hija disponibbli għas-servizzi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli hija stabbilita bi ftehim internazzjonali. Fi ħdan dik it-taqsima numru limitat ta’ netwerks biss jistgħu jiġu operati b’mod parallel. Ma jistax jiġi evitat intervent regolatorju mill-Istat sabiex jiġi żgurat l-użu fl-ordni ta’ frekwenzi mingħajr interferenza.

48.      Id-Deċiżjoni UMTS tobbliga lill-Istati Membri biex iwettqu l-proċedura amministrattiva meħtieġa għall-introduzzjoni tas-servizzi UMTS.

49.      Id-Direttiva 97/13 u l-legiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti li ttrasponietha jiffurmaw il-qafas (qafas) legali partikolari li jorbot lill-Istati Membri meta jassenjaw l-ispettri ta’ frekwenzi. Skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/13, huma obbligati li jagħtu liċenzji individwali fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ għażla li huma oġġettivi, mhux diskriminatorji, iddettaljati, trasparenti u proporzjonati. Skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 dawn jistgħu jimponu tariffi f’dan ir-rigward li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-użu ottimali ta’ dawn ir-riżorsi.

50.      L-Awstrija ddeċidiet li tagħmel irkant tad-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi. Skond il-Paragrafu 49a tat-TKG, il-proċess ta’ l-irkant kien maħsub biex jiġi assigurat li l-offerenti li ggarantixxew, li kien se jsir l-aħjar użu mill-frekwenzi. Skond il-Gvern Awstrijak, il-punt ma kienx li jinkiseb dħul kbir ħafna għall-Istat.

51.      L-Istati Membri li huma partijiet f’dawn il-proċedimenti legali u l-Kummissjoni jikkonkludu minn dawn il-fatti li l-assenjazzjoni tad-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi mit-Telekom-Control-Kommission ma kinitx attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva imma miżura biex jiġi regolat is-suq.

52.      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

53.      Id-domanda dwar jekk attività tikkostitwixxix attività ekonomika għall-iskopijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tiddependi fuq in-natura oġġettiva tagħha, li għandha tiġi stabbilita billi ssir referenza għall-avvenimenti esterni konkreti. L-għan imħaddan mill-attività, li kien li jiġi rregolat l-aċċess għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli skond ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju u li jiġu aċċertati l-offerenti tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli l-aktar adattati, huwa irrilevanti peress li, skond il-ġurisprudenza ċċitata, tali għanijiet m’għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni meta tkun qed tiġi kkategorizzata attività(17).

54.      Is-suġġett ta’ l-irkant kien id-dritt għal użu ta’ frekwenzi definiti għall-operazzjoni ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli għal perijodu ta’ 20 sena. Dak id-dritt, jew id-dritt għall-assenjazzjoni tiegħu, kien assenjat permezz ta’ l-irkant lil dawk l-impriżi li għamlu l-ogħla offerti.

55.      Id-domanda dwar kif l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi mill-Istat għandha tiġi kklassifikata fil-liġi – bħala awtorizzazzjoni amministrattiva jew bħala tranżazzjoni skond il-liġi ċivili – hija ta’ importanza żgħira meta tiġi determinata n-natura oġġettiva ta’ attività bħalma hi d-definizzjoni mogħtija għall-korrispettiv korrispondenti ta’ l-impriża. F’kull każ, id-drittijiet ġew assenjati biss wara l-ħlas tas-somma ta’ flus stabbilita bl-irkant b’mod li l-ħlas ta’ flus kien direttament marbut ma’ l-assenjazzjoni tad-drittijiet. Lanqas il-ħlas għal użu ta’ frekwenza ma jikkostitwixxi tariffa li permezz tagħha jiġu koperti biss l-ispejjeż amministrattivi għall-assenjazzjoni tal-frekwenzi.

56.      Lanqas m’hija kruċjali l-kwistjoni dwar jekk l-akkwist ta’ dħul kienx motiv għall-forma tal-proċedura ta’ assenjazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi. Minn perspettiva oġġettiva, it-Telekom-Control-Kommission assenjat id-drittijiet kontra ħlas monetarju li kellu jirrifletti l-valur kummerċjali tad-drittijiet u li kien ogħla ħafna mill-ammont minfuq fil-proċedura ta’ l-assenjazzjoni. Billi ġie stabbilit skond ir-regoli ta’ l-irkant li l-offerti ma kellhomx ikunu ta’ inqas minn EUR 50 miljun, jidher li mill-ewwel kien hemm il-ħsieb li jinkiseb ammont kunsiderevoli ta’ dħul. Meta jiġi kkategorizzat l-irkant għall-finijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud m’għandux ikun rilevanti jekk il-motiv ta’ l-Istat kienx li jintleħaq dak id-dħul jew jekk id-dħul kienx sempliċement effett sekondarju inerenti għal din it-tip ta’ proċedura ta’ l-assenjazzjoni.

57.      Lanqas il-kategorizzazzjoni ta’ attività ekonomika m’hi prekluża mill-fatt li l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi fl-aħħar mill-aħħar kienet konformi ma’ qafas regolatorju bbażat fuq id-dritt Komunitarju. L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti legali wkoll tikkostitwixxi għan (preskritt b’mod obbligatorju) li għandu jitwarrab meta azzjoni tiġi meqjusa attività ekonomika(18).

58.      Mill-punt 7 fl-Anness D għas-Sitt Direttiva jidher li attività regolatorja tista’ tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud bħala attività ekonomika. Attivitajiet li dejjem għandhom jitqiesu bħala attivitajiet ta’ l-Istat suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud taħt it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jinkludu tranżazzjonijiet ta’ aġenziji ta’ intervent agrikolu fir-rigward ta’ prodotti agrikoli mwettqa skond ir-regolamenti dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq f’dawk il-prodotti. Għaldaqstant, meta aġenzija ta’ invervent tbigħ prodotti mill-istokk tagħha għandha titħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud anki jekk dawk it-tranżazzjonijiet huma primarjament maħsubin biex jirregolaw is-suq u mhux biex jiġi akkwistat dħul.

59.      Meta wieħed jikkonċentra fuq il-fatturi esterni oġġettivi ta’ tranżazzjoni, jkun qed jingħata skop wiesa’ għall-kunċett ta’ attività ekonomika, li huwa konformi mal-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja(19). Jekk, f’dan l-istadju ta’ l-evalwazzjoni, wieħed kellu jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li enti pubbliku kien qed jaġixxi fit-twettiq tad-dmirijiet statutorji u regolatorji tiegħu, l-iskop tad-Direttiva immedjatament jiġi kunsiderevolment ridott. B’mod partikolari, ftit li xejn ikun hemm skop imbagħad għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, anki jekk dik id-dispożizzjoni fiha regoli speċifiċi li jirregolaw l-awtoritajiet pubbliċi.

60.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, partikolarment fis-sentenza msejħa “Eurocontrol”(20), li għaliha jirreferu mill-partijiet, li m’hemm l-ebda attività ekonomika għall-iskopijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat meta jiġu eżerċitati l-poteri ta’ awtorità pubblika.

61.      Madankollu, ir-regoli tal-kompetizzjoni u s-Sitt Direttiva tal-VAT huma bbażati fuq kunċetti differenti ta’ attività ekonomika. Skond ir-regoli tal-kompetizzjoni l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika huwa l-kriterju li jipprekludi attività milli jkollha rilevanza għal skopijiet ta’ kompetizzjoni. Però, mhemmx dispożizzjoni separata għall-attivitajiet ta’ l-Istat meta dan jeżerċita awtorità pubblika.

62.      Il-kunċett ta’ attività ekonomika fl-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva huwa aktar wiesa’ minn dak korrispondenti fil-liġi tal-kompetizzjoni. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhuwiex inizjalment fattur hawnhekk. Dan l-element jittieħed in kunsiderazzjoni biss fi stadju suċċessiv ta’ evalwazzjoni, jiġifieri fil-kuntest tad-dispożizzjoni speċjali fl-Artikolu 4(5). Din id-dispożizzjoni tkun virtwalment superfluwa kieku, b’analoġija mar-regoli tal-kompetizzjoni ma, kellu jkun hemm ebda skop għall-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT fil-każ ta’ atti ta’ awtoritajiet pubbliċi.

2.      L-isfruttament ta’ proprjetà għall-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa

63.      L-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva speċifikament jistipula li l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għall-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu jitqies li huwa attività ekonomika. Drittijiet għal użu ta’ frekwenzi jikkostitwixxu proprjetà intanġibbli.

64.      Hija ġurisprudenza stabbilita li, skond ir-rekwiżiti tal-prinċipju li s-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun newtrali, it-terminu “sfruttament” jirreferi għat-tranżazzjonijiet kollha, indipendentement mill-forma legali tagħhom(21). Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-kiri jikkostitwixxi sfruttament ta’ proprjetà li għandu jiġi kklassifikat bħala attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva(22). It-Telekom-Control-Kommission assenjat drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi lir-rikorrenti għal perijodu limitat ta’ żmien mal-ħlas ta’ tariffa. Din it-tranżazzjoni, li hija simili għal tranżazzjoni li tikri jew tagħti b’kirja, għandha titqies li hija sfruttament ta’ proprjetà intanġibbli bl-iskop li jinkiseb dħul minnha.

65.      Madankollu, il-Finanzprokuratur u l-Gvernijiet tad-Danimarka, l-Olanda u l-Awstrija jargumentaw li dan ma jikkostitwixxix il-kisba ta’ dħul fuq bażi kontinwa għax l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi kienet tranżazzjoni ta’ darba.

66.      Għalkemm il-kelma “nachhaltig” użata fil-verżjoni Ġermaniża mhijiex daqshekk ċara, huwa evidenti mir-riferiment għal verżjonijiet lingwistiċi oħrajn li għandu jinkiseb dħul fuq perijodu fit-tul(23). L-isfruttament kummerċjali purament okkażjonali ta’ proprjetà għalhekk ma jikkostitwixxix attività ekonomika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Enkler(24).

67.      L-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu tal-frekwenzi in kwistjoni f’dan il-każ, madankollu, ma tikkostitwixxix użu okkażjonali f’dan is-sens. Nota qasira taċ-ċirkustanzi fil-kawża Enkler tkun opportuna bħala spjegazzjoni. Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-kirja okkażjonali ta’ karavan bil-mutur li s-sid tiegħu kien jużah primarjament għal skopijiet privati għandhiex xorta waħda titqies li hija sfruttament ta’ proprjetà bl-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa.

68.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in-natura tal-proprjetà bħala l-punt tat-tluq għall-evalwazzjoni tagħha. Din qalet li l-fatt li proprjetà hija adattata biss għal sfruttament ekonomiku għandu jkun biżżejjed, ġeneralment, biex jiġi konkluż li sidha qed jisfruttaha għall-iskopijiet ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu u, konsegwentement, għall-iskop li jikseb dħul minnha fuq bażi kontinwa. Mill-banda l-oħra, jekk, minħabba n-natura tagħha, il-proprjetà tista’ tiġi użata kemm għall-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll privati, iċ-ċirkustanzi kollha fejn tiġi użata jkollhom jiġu eżaminati sabiex jiġi stabbilit jekk verament hux qed tiġi użata għall-iskop li jinkiseb dħul biha fuq bażi regolari(25).

69.      Id-dritt għal użu ta’ frekwenzi tar-radju biex jiġu pprovduti telekomunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS u GSM jistgħu jiġu kkunsidrati biss bħala sfruttament ekonomiku. Konsegwentement, ab initio m’hemm l-ebda kwistjoni li wieħed jiddistingwi bejn sfruttament ekonomiku jew privat ta’ proprjetà. Lanqas għalhekk ma jista’ jkun hemm kwistjoni ta’ attività ekonomika purament okkażjonali, li hija sekondarja għall-isfruttament privat.

70.      Is-sistema tar-radju bil-fil TETRA hija wkoll ġeneralment maħsuba inter alia biex tiġi użata għal komunikazzjonijiet min-naħa ta’ aġenziji tas-sigurtà jew aġenziji regolatorji. Li kieku dawn kellhom jittrasferixxu l-operazzjoni tan-netwerk lil fornitur mis-settur privat, ikun hemm ukoll sfruttament ekonomiku tal-frekwenzi kkonċernati. F’kull każ, fil-każ ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi effettivament mogħtija għas-sistema tar-radju bit-TETRA mhux evidenti li dawn kellhom biss jintużaw parzjalment għal skopijiet li jsir profitt.

71.      Lanqas il-fatt li d-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi ġew assenjati sempliċement għal darba waħda għal perijodu twil ta’ żmien ma jirrendi l-isfruttament ekonomiku tagħhom okkażjonali. F’dan il-kuntest m’huma ta’ l-ebda rilevanza d-drabi li persuna taxxabbli tikkonkludi tranżazzjonijiet komparabbli; li huwa rilevanti huwa jekk il-proprjetà partikolari tipprovdix dħul fuq perijodu twil ta’ żmien. M’għandu jkun hemm l-ebda dubju dwar dan hawnhekk. Id-dritt għal użu ta’ frekwenzi ġie assenjat għal 20 sena u jipprovdi lill-Istat b’dħul fuq perijodu twil ta’ żmien.

72.      Il-fatt li l-ħlas għall-użu ta’ frekwenzi kellu jsir f’żewġ pagamenti biss hekk kif ġew assenjati d-drittijiet u mhux bħala ħlas perjodiku ma jbiddel xejn mill-fatt li jiġi akkwistat dħul fuq bażi kontinwa. Il-ħlas għal użu ta’ frekwenza seta’ wkoll, fit-teorija, ġie rranġat b’mod differenti. Madankollu, l-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva ma tistax tiddependi fuq il-metodi ta’ ħlas disponibbli għall-partijiet.

73.      Barra minn dan, madankollu, id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenza jistgħu jiġu rrinunzjati qabel it-terminu, ittrasferiti jew revokati, b’mod li d-dritt għall-użu jista’ ma jibqax jiġi assenjat fuq il-bażi ta’ darba għal 20 sena.

74.      L-assenjazzjoni tad-dritt għall-użu għall-perijodu limitat ta’ żmien fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex paragunabbli mal-bejgħ ta’ titoli, li skond ma ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja mhuwiex attività ekonomika għal żewġ raġunijiet, sakemm ma seħħx fil-kors ta’ l-immaniġġjar ta’ investiment kummerċjali(26).

75.      L-ewwel nett, dħul irċevut minn investiment jew bejgħ ta’ titoli – jiġifieri, dividendi u profitti li jisru fuq il-prezz ta’ l-ishma – mhuwiex ir-riżultat ta’ sfruttament attiv tat-titoli imma l-konsegwenza diretta tal-pussess tagħhom. B’differenza minn din is-sitwazzjoni, dħul irċevut mill-assenjazzjoni ta’ frekwenzi mhuwiex dħul dovut biss mid-dritt ta’ trasferiment ta’ frekwenzi, bħal dividendi u profitti fuq bejgħ, imma huwa dħul mill-isfruttament ta’ dak id-dritt.

76.      It-tieni nett, dħul mill-bejgħ ta’ titoli jiġi rċevut darba. Ġaladarba l-attiv ma jkunx jifforma aktar parti mill-proprjetà tal-bejjiegħ hu ma jkunx jista’ jużah aktar biex jipproduċi dħul. Madankollu, l-Istat, mhuwiex qed jassenja dritt finali ta’ trasferiment ta’ frekwenzi. Tabilħaqq, dan id-dritt imur lura għandu ma’ l-iskadenza tal-perijodu ta’ l-assenjazzjoni tal-frekwenzi, meta jkun jistgħu jerġgħu jingħataw mill-ġdid.

77.      Ir-risposta għas-sitt domanda għandha għalhekk tkun li:

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali l-irkantar minn entitajiet ta’ l-Istat tad-dritt li jiġu użati partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku biex jiġu pprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli għal perijodu ta’ żmien speċifiku għandu jitqies li huwa sfruttament ta’ proprjetà intanġibbli bl-iskop li jiġi akkwistat dħul minnha fuq bażi kontinwa u għandha għalhekk titqies li hija attività ekonomika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

C –    L-ewwel sal-ħames domandi: iċ-ċirkustanzi li fihom entitajiet pubbliċi jaġixxu bħala persuni taxxabbli

1.      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-istruttura ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

78.      Skond ir-regola bażika li tinstab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m'għandhomx jitqiesu li huma persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi. Id-dispożizzjoni teżenta għalhekk awtoritajiet pubbliċi mill-obbligu ġenerali ta’ taxxa anki meta jsegwu xi attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika huwa għalhekk ekwiparat ma’ l-att ta’ konsumutar individwali privat.

79.      Madankollu, skond it-tieni subparagrafu, minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Istat jiġi xorta waħda meqjus li huwa persuna taxxabbli meta t-trattament bħala persuna mhux taxxabbli jkun iwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-idea li ċerti entitajiet statali jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni ma’ kompetituri mis-settur privat – anki fejn dawk l-entitajiet Statali jidħlu fi tranżazzjonijiet fi ħdan l-iskop ta’ l-awtorità pubblika tagħhom. L-iskop tagħha huwa li tiġi ggarantita n-newtralità fiskali(27).

80.      Fl-aħħar nett, skond it-tielet subparagrafu, l-entitajiet Statali għandhom jiġu kkunsidrati dejjem li huma persuni taxxabbli fir-rigward ta’ ċerti setturi elenkati fl-Anness D sakemm l-attivitajiet ma jitwettqux fuq skala tant żgħira li jkunu negliġibbli. Għalhekk fl-aħħar mill-aħħar m’hemmx bżonn li jiġi deċiż jekk, fil-każ ta’ l-attivitajiet elenkati, l-Istat hux qed isegwi dawk l-attivitajiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika tiegħu.

81.      Is-setturi elenkati fl-Anness D – li jinkludu t-telekomunikazzjonijiet – essenzjalment għandhom x’jaqsmu ma’ tranżazzjonijiet ekonomiċi(28) li ħafna drabi huma jew twettqu mill-Istat fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika tiegħu sempliċement minħabba s-sinjifikat tagħhom għall-interess pubbliku, imma li jistgħu jiġu pprovduti wkoll minn impriżi fis-settur privat(29). Uħud mis-setturi ekonomiċi msemmija issa ġew liberalizzati. Impriżi privati hawnhekk huma effettivament f’kompetizzjoni ma’ fornituri li qabel kellhom monopolju, uħud minnhom li kienu ġew privatizzati u xi oħrajn li għadhom s’issa proprjetà ta’ l-Istat. Fiż-żmien li kienet ġiet adottata s-Sitt Direttiva tal-VAT fl-1977 din evidentement ħadet qies ta’ dan l-iżvilupp.

82.      Jekk l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli għandha titqies li hija attività fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, imwettqa fuq skala tant żgħira li tkun negliġibbli, din tkun f’kull każ suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud indipendentement mill-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jew ta’ xi distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni.

83.      Fid-dawl ta’ l-istruttura tad-dispożizzjoni jidher li jkun xieraq, fil-kuntest ta’ l-ewalwazzjoni ta’ l-ewwel, it-tieni, u t-tielet domandi, li tiġi mwieġba l-ewwel u qabel kollox il-ħames domanda magħmula għal deċiżjoni preliminari peress li l-iskop tagħha huwa li jiġi interpretat l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Huwa biss fil-każ fejn l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi tkun ġiet effettwata fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika li mbagħad ikun meħtieġ li jiġi stabbilit jekk l-entità Statli li tieħu dik l-azzjoni għandhiex tkun taxxabbli skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5), peress li, kieku kellu jkun mod ieħor, kien ikun hemm ir-riskju ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

2.      L-ewwel domanda: il-kelma ‘Telekomunikazzjonijiet’ fl-Anness D għas-Sitt Direttiva tinkludi wkoll l-irkantar ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi?

84.      Il-partijiet essenzjalment ma jaqblux dwar jekk il-kelma ‘Telekomunikazzjonijiet’ fil-punt 1 ta’ l-Anness D ifissirx biss il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet(30)per se – li hija l-fehma tal-konvenut, tal-Gvernijiet involuti u tal-Kummissjoni – jew jekk dan jinkludix ukoll attivitajiet oħrajn b’konnessjoni ma’ l-assenjazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi, li hija l-linja meħuda mir-rikorrenti.

85.      Id-diċitura ta’ l-Anness D ma tipprovdi ebda kjarifika fuq din il-kwistjoni li ma hemmx qbil dwarha. Ma jista’ jiġi attribwit l-ebda sinjifikat għal fatt li l-verżjoni Ġermaniża tuża’ l-kelma li m’għadhiex fl-użu ‘Fernmeldewesen’ u mhux it-terminu ‘Telekommunikation’. Verżjonijiet oħrajn jużaw hawnhekk il-kliem li kienu dejjem fl-użu fil-lingwi tagħhom (per eżempju ‘telecommunications’ jew ‘télécommunications’). Barra minn hekk, il-kliem ‘Fernmeldewesen’ u ‘Telekommunikation’ huma prattikament sinonimi, kif ġie ġustament iddikjarat mill-Gvern Ġermaniż.

–       Approċċ storiku

86.      Mil-lat storiku, wieħed jista’, b’mod konċepibbli, jargumenta li l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi lill-impriżi privati ma tistax tiġi koperta bil-kelma “telekomunikazzjonijiet” peress li fid-data li fiha d-Direttiva ġiet adottata fl-1977 l-awtoritajiet amministrattivi postali ta’ l-Istat kienu qed jipprovdu s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet kollha taħt it-tmexxija diretta tagħhom stess. Probabbilment għalhekk il-leġiżlatura tal-Komunità oriġinarjament ma kellhiex il-ħsieb li tadotta leġiżlazzjoni fir-rigward ta’ l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri privati.

87.      Madankollu, T-Mobile Austria tissuġġerixxi li fil-kuntest ta’ approċċ storiku jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni tibdil fiċ­-ċirkustanzi fattwali (interpretazzjoni evoluttiva) biex b’hekk wieħed ikun jista’ jistaqsi għalxiex, storikament, il-leġiżlatura setgħet riedet tipprovdi fid-dawl tas-sitwazzjoni preżenti(31). Jekk jittieħed dak l-approċċ, l-idea li l-leġiżlatura setgħet riedet tinkludi wkoll l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi fil-kelma “telekomunikazzjonijiet” ma tistax tiġi mwarrba mill-ewwel.

88.      Madankollu, l-approċċ storiku għall-interpretazzjoni huwa xorta waħda ta’ importanza sussidjarja u mhuwiex deċiżiv waħdu(32). Id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandhom tassew jiġu interpretati b’mod sistematiku, b’riferiment partikolari għall-għan tiegħu.

–       Approċċ Sistematiku

89.      Id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-għaxar inċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva(33) tista’ inizjalment tkun rilevanti f’tali approċċ sistematiku. Dan jipprovdi:

“Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni għandhom jitqiesu li huma servizzi li għandhom x'jaqsmu mat-trasmissjoni, il-ħruġ jew id-dħul tas-senjali, kitba, figuri u ħsejjes jew tagħrif ta' kull natura bil-fil, bir-radjo, strumenti tal-vista jew b'sistemi oħra elettro-manjetiċi, nklużi t-trasferiment jew l-assenjazzjoni tad-dritt li tiġi wżata l-kapaċità ta' din it-trasmissjoni bid-dħul jew bil-ħruġ. […]”.

90.      L-Arikolu 9 jistipula l-post li għandu jiġi kkunsidrat bħala l-post fejn jiġi pprovdut is-servizz. L-Artikolu 9(2)(e) imbagħad jiddikjara inter alia fir-rigward tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni hemmhekk deskritti li għal servizzi bejn il-fruntieri l-post fejn il-fornitur huwa stabbilit għandu jitqies bħala l-post fejn is-servizzi jiġu pprovduti.

91.      Safejn ċerti Gvernijiet u l-Kummissjoni kkunsidraw adattat ir-riferiment għal din id-definizzjoni, dawn ħadu l-pożizzjoni li din tinkludi biss servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens strett tal-kelma. Id-drittijiet ta’ użu msemmija f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri “dritt li tiġi użata l-kapaċità ta’ din it-trażmissjoni bid-dħul jew bil-ħruġ.”, jirreferu, fl-opinjoni tagħhom, għall-infrastruttura u mhux għal drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi.

92.      Uħud mir-rikorrenti waslu għall-konklużjoni opposta minn dan il-passaġġ, li l-verżjoni bl-Ingliż tiegħu taqra “including the related transfer or assignment of the right to use capacity for such transmission, emission or reception”. Dawn jargumentaw lil-klema capacity qed jiġi użata wkoll fis-sens ta’ frequency spectrum capacity.

93.      Wieħed irid jammetti li l-verżjoni bl-Ingliż tidher li tippermetti tali interpretazzjoni; madankollu, verżjonijiet lingwistiċi oħrajn isostnu l-interpretazzjoni li tawha l-Gvernijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni(34). Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi għandu jingħata sinjifikat partikolari lit-tifsira u lill-iskop ta’ dispożizzjoni(), li jipprekludi, f’dan il-każ, l-inklużjoni ta’ l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi.

94.      Kif ġie argumentat ġustament mill-Gvern Olandiż, il-leġiżlazzjoni kienet maħsuba biex tiżgura li servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet ipprovduti minn barra l-Komunità lil klijenti fil-Komunità jiġu ntaxxati fil-Komunità(36). Din il-kunsiderazzjoni għandha x’taqsam biss ma’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fis-sens strett tal-kelma peress li d-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi dejjem jiġu assenjati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, ħafna minn dawk il-partijiet li lilhom jiġu assenjati, li huma l-klijenti f’din it-tranżazzjoni, ikollhom ukoll il-post ta’ l-istabbiliment tagħhom fl-Istat li jassenja l-frekwenzi peress li hu diffiċilment konċepibbli li jiġi mwaqqaf netwerk tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS u operat mingħajr ma jkollu post ta’ stabbiliment jew xi sussidjarja fl-Istat ikkonċernat.

95.      Ċerti Gvernijiet u l-Kummissjoni jirreferu wkoll għad-definizzjoni ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet li tinsab fid-direttivi rilevanti dwar is-suq intern. Ikun ċertament konformi mal-prattika tal-Qorti tal-Ġustizzja li meta tiġi interpretata s-Sitt Direttiva, jittieħdu in kunsiderazzjoni d-definizzjonijiet f’atti legali li għandhom x’jaqsmu mas-settur ikkonċernat u li ma jsegwux għanijiet li ma jaqblux mal-liġi tal-VAT(37).

96.      L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ l-implementazzjoni ta’ provvista tan-netwerk miftuħ(38) jiddefinixxi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bħala “servizzi li l-provvista tagħhom tikkonsisti kompletament jew parzjalment fit-trażmissjoni u t-tqegħid fir-rotta ta’ sinjali fuq netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet permezz ta’ proċessi ta’ telekomunikazzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ xandir bir-radju u televiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond dik id-definizzjoni l-assenjazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi ma tikkostitwixxix servizz ta’ telekomunikazzjonijiet.

97.      Madankollu, hemm dubju dwar jekk id-definizzjonijiet iċċitati jistgħux jiġu applikati għall-Anness D bla ebda kundizzjoni peress li kull waħda tirreferi għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, filwaqt li l-Anness D jelenka telekomunikazzjonijiet. Din il-kelma tista’ tiġi interpretata bħala deskrizzjoni wiesgħa ta’ dak is-settur ta’ attività, inklużi attivitajiet differenti minn servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fis-sens strett tal-kelma.

–       Approċċ Teleoloġiku

98.      Madankollu, huma l-intenzjoni u l-iskop tad-dispożizzjoni fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva flimkien ma’ l-Anness D li huma deċiżivi. Kif qal l-Avukat Ġenerali Alber, l-attivitajiet elenkati fl-Anness D huma attivitajiet fejn il-konnessjoni ekonomika hija waħda ewlenija u ċara(39).

99.      Peress li dawn il-provvisti huma, jew jistgħu jkunu, tipikament offruti minn impriżi fis-settur privat ukoll, hemm preżunzjoni ta’ effett materjali fuq il-kompetizzjoni b’mod ġenerali. L-iskop tal-leġiżlazzjoni huwa li l-Istat jitqiegħed fl-istess pożizzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi bħala persuna taxxabbli mis-settur privat. Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tranżazzjonijiet oħrajn ta’ l-Istat isiru suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud biss f’każijiet partikolari fejn ikun hemm riskju ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

100. L-ekwiparazzjoni ta’ l-Istat ma’ persuni taxxabbli fis-settur privat hija biss xierqa fir-rigward ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fis-sens strett tal-kelma peress li issa ż-żewġ provvisti jistgħu jiġu offruti wkoll minn impriżi fis-settur privat. Madankollu, kif inhuma l-affarijiet fil-preżent(40), l-assenjazzjoni inizjali ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi hija funzjoni rriżervata għall-Istat(41). Anki jekk l-assenjazzjoni ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tista’ possibbilment f’ċerti ċirkustanzi jkollha tikkompeti mal-bejgħ mill-ġdid ta’ tali drittijiet minn ditti privati(42), mhux xieraq li l-Istat jiġi ekwiparat b’mod ġenerali ma’ persuni taxxabbli fis-settur privat f’dik l-isfera ta’ attività. Huwa meħtieġ biss li jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni ta’ l-Istat għandhiex tkun intaxxata skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva sabiex tiġi protetta l-kompetizzjoni.

101. Ir-risposta għall-ewwel domanda li saret għal deċiżjoni preliminari għalhekk għandha tkun, fil-preżent, il-kelma “telekomunikazzjonijiet” fil-punt 1 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva ma tinkludix l-assenjazzjoni mill-Istat ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi biex jiġu pprovduti servizzi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli.

3.      It-tieni u t-tielet domandi: l-attivitajiet li “ma jkunux tant żgħar” fis-sens tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

102. Skond it-tifsira tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva żewġ kundizzjonijiet iridu jiġu osservati sabiex entitajiet regolati mid-dritt pubbliku dejjem jitqiesu li huma persuni taxxabbli: dawn għandhom isegwu waħda mill-attivitajiet elenkati fl-Anness D u d-daqs ta’ l-attivitajiet tagħhom ma jridx ikun tant żgħir.

103. Kif ġie diġà aċċertat fir-risposta għall-ewwel domanda, l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi mit-Telekom-Control-Kommission ma kinitx tikkostitwixxi “servizz ta’ telekomunikazzjoni” fis-sens tal-punt 1 ta’ l-Anness D għas-Sitt Direttiva.

104. Għalhekk, m’hemmx il-bżonn li jiġi eżaminat jekk id-daqs ta’ l-attività kienx tant żgħir anki jekk l-Istat Membru jkun irċieva ammont kunsiderevoli ta’ dħul minnha, li huwa s-suġġett tat-tielet domanda. Il-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni li ma taqbilx mad-Direttiva fuq dan il-punt huma wkoll mhux importanti. It-tieni domanda għalhekk, bħat-tielet waħda, ma teħtieġx risposta.

4.      Il-ħames domanda: l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

105. Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet sabiex ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ taxxa: l-attivitajiet għandhom jitwettqu minn entità regolata mid-dritt pubbliku u għandhom jitwettqu minn dik l-entità li taġixxi bħala awtorità pubblika(43).

106. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fir-rigward ta’ l-ewwel kundizzjoni li attività li titwettaq minn individwu privat mhijiex eżentata mill-VAT sempliċement għax tikkonsisti fit-twettiq ta’ atti ma jaqgħux taħt il-prerogattivi ta’ awtorità pubblika(44). Hemmhekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet b’mod partikolari tirrigwarda persuni li jsegwu attività ekonomika indipendenti li ma kinux parti mill-amministrazzjoni pubblika(45).

107. It-Telekom-Control-Kommission tinsab fit-Telekom-Control GmbH. Għalkemm il-forma tagħha hija dik ta’ kumpannija regolata mid-dritt privat, l-ebda waħda mill-partijiet involuti f’dan il-każ ma esprimit xi dubju fuq il-fatt li t-Telekom-Control-Kommission għandha titqies li hija parti mill-amministrazzjoni pubblika. Hija l-qorti nazzjonali li għandha teżamina jekk il-katergorizzazzjoni hijiex korretta skond il-liġi nazzjonali.

108. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat it-tieni kundizzjoni f’termini konkreti f’Fazenda Pública vs Câmara Municipal do Porto: (46)

“Fir-rigward ta’ l-aħħar kundizzjoni, huwa l-mod kif l-attivitajiet jitwettqu li jistabbilixxi l-iskop tat-trattament ta’ l-entitajiet pubbliċi bħala persuni mhux taxxabbli […] [(47)].

Huwa għalhekk ċar mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-attivitajiet imwettqa bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huma dawk li jsiru minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku skond ir-reġim legali speċjali applikabbli għalihom u ma jinkludux attivitajiet imwettqa minnhom taħt l-istess kundizzjonijiet legali bħal dawk li japplikaw għal operaturi ekonomiċi privati […] [(48)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

109. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li s-suġġett jew l-iskop ta’ l-attività mhuwiex rilevanti għal deċiżjoni bħal din(49).

110. Ir-rikorrenti huma tal-fehma li meta rkanta d-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi l-Istat kien qed jaġixxi bħala operatur ekonomiku privat. Il-forma tiegħu kienet dik ta’ entità regolata mid-dritt privat u din irċeviet ammont kbir ta’ dħul bħala korrispettiv għall-assenjazzjoni ta’ frekwenzi.

111. L-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri legali u l-Kummissjoni, mill-banda l-oħra, jenfasizzaw li skond id-dritt Komunitarju u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti l-assenjazzjoni ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi ġiet riżervata esklużivament għall-Istat, li għandu obbligi speċjali f’dan ir-rigward.

112. Għandu jiġi nnotat li skond l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 97/13 hija biss awtorità regolatorja ta’ l-Istat li tista’ taġġudika liċenzji individwali biex topera netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet. L-awtorità għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva. Jekk Stat Membru jassenja biss numru limitat ta’ liċenzji individwali dan għandu jagħmel l-għażla fuq il-bażi ta’ kriterji li huma oġġettivi, mhux diskriminatorji, dettaljati, trasparenti u proporzjonati (l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 97/13). Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 japplikaw għal tariffi imposti f’dan ir-rigward.

113. Għalkemm l-evalwazzjoni finali tal-pożizzjoni skond il-liġi nazzjonali hija riżervata għall-qorti tar-rinviju ma jista’ jkun hemm ebda dubju li l-assenjazzjoni inizjali ta’ frekwenzi skond it-Telekommunikationsgesetz tista’ ssir biss mit- Telekom-Control-Kommission. L-obbligi imposti fuqha f’dan ir-rigward skond il-liġi nazzjonali huma bbażati fuq ir-rekwiżiti tad-Direttiva 97/13.

114. L-ebda persuna privata ma tista’ tassenja dawn id-drittijiet direttament. Persuni fis-settur privat l-aktar li jistgħu jagħmlu huwa li jittrasferixxu bejniethom frekwenzi assenjati mill-Istat. Trasferiment mhuwiex paragunabbli ma’ assenjazzjoni inizjali, madankollu, peress li huwa bbażat biss fuq dritt sekondarju li tiddisponi minnu filwaqt li assenjazzjoni inizjali hija funzjoni oriġinali ta’ l-Istat. Ċertament, wieħed mhuwiex se jqiegħed l-iskambju ta’ flus bejn individwi privati fuq l-istess livell ma’ l-awtorità ta’ l-Istat li joħroġhom. Dan jippermetti l-konklużjoni li l-irkantar ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi kienet attività li kienet ir-responsabbiltà ta’ entità ta’ l-Istat li kienet qed taġixxi bħala awtorità pubblika.

115. Dan mhuwiex inkompatibbli mal-fatt li, meta alloka frekwenzi, l-Istat irrikorra għall-irkant, li hija proċedura li toriġina mid-dritt ċivili u waħda li għalhekk tista’ tiġi użata minn persuni fis-settur privat.

116. M’hemm l-ebda bżonn li jiġi aċċertat hawnhekk x’sinjifikat kellha l-proċedura ta’ l-irkant fil-kuntest tal-proċess kollu ta’ l-assenjazzjoni. Uħud mir-rikorrenti huma tal-fehma li bħala riżultat ta’ l-irkant jinħoloq kuntratt skond id-dritt ċivili biex jiġu konċessi drittijiet għal użu ta’ frekwenzi. Oħrajn jikkonċedu li l-assenjazzjoni vera seħħet biss meta seħħ l-att amministrattiv sussegwenti. Huma jargumentaw li l-irkant serva sempliċement biex jintgħażlu l-impriżi li lilhom wara ġew assenjati d-drittijiet fil-forma ta’ dritt amministrattiv.

117. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-mod kif jitwettqu l-attivitajiet huwa kruċjali, imma ma jkunx biżżejjed li wieħed jinterpreta dan bħala li jfisser biss il-mod kif it-tranżazzjoni għandha titmexxa, jiġifieri l-forma tagħha. Din tiddependi wkoll primarjament fuq jekk individwi privati jistgħux b’xi mod jidħlu f’xi attività paragunabbli fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Li dan kellu jkun il-każ l-Istat ikollu jiġi ttrattat bħala persuna taxxabbli sabiex ma tiġix ipperikolata n-newtralità li tiġi imposta t-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-fatt li, meta jeżerċita l-poteri mogħtija esklużivament lilu, l-Istat jagħmel użu minn proċeduri disponibbli skond id-dritt ċivili, madankollu, m’għandu l-ebda effett fuq in-newtralità fiskali.

118. L-argument tar-rikorrenti jwassal għall-konklużjoni li l-awtorità pubblika tiġi eżerċitata biss fejn l-Istat jadotta att amministrattiv, jiġifieri jeżerċita awtorità pubblika fis-sens strett tat-terminu. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrifjutat li taċċetta din l-interpretazzjoni fis-sentenzi tal-“Motorway toll”(50).

119. F’Fazenda Pública v Câmara Municipal do Porto(51) il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonkludiet mill-fatt li l-immaniġġjar ta’ parkeġġi pubbliċi involva l-eżerċizzju ta’ poteri pubbliċi li l-attività kienet suġġetta għad-dritt pubbliku. Atti ta’ awtorità pubblika fejn l-Istat u ċ-ċittadini huma f’relazzjoni ta’ superjorità/subordinazzjoni huma kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jikkostitwixxu indikazzjoni ta’ l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, imma mhumiex prerekwiżit essenzjali(52).

120. L-applikazzjoni uniformi tas-Sitt Direttiva tista’ wkoll tiġi pperikolata billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest legali tal-forma ta’ tranżazzjoni, għaliex l-użu minn Stat wieħed ta’ forom ta’ tranżazzjoni skond id-dritt privat jista’ possibbilment ikun usa minn ta’ ieħor. Il-mod ta’ kif forom ta’ tranżazzjonijiet ta’ dritt pubbliku jiġu ddifferenzjati minn dawk ta’ dritt privat jistgħu jvarjaw ukoll bejn id-diversi sistemi legali nazzjonali.

121. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jitlob biss li t-tranżazzjonijiet għandhom jitwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi. L-irkantar ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi għalhekk m’għandux jiġi kkunsidrat b’mod iżolat(53). Għal kuntrarju, din l-attività taqa’ fil-kuntest globali ta’ l-immaniġġjar ta’ l-ispettru u r-regolamentazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet. L-Istat essenzjalment jeżerċita poteri pubbliċi f’dan il-kuntest, bħal per eżempju, bit-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ l-UMTS jew tad-direttivi dwar is-suq intern.

122. Ma jkunx inkonsistenti li l-kuntest legali aktar wiesa’ ta’ attività jittieħed in kunsiderazzjoni fl-istadju ta’ l-evalwazzjoni, fejn l-aspett estern biss ta’ tranżazzjoni jitqies li huwa rilevanti għall-klassifikazzjoni tagħha bħala attività ekonomika. Huwa tabilħaqq konformi mal-loġika ta’ l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva li tiġi assigurata applikazzjoni kompleta tad-direttiva fl-ewwel stadju billi tingħata interpretazzjoni wiesgħa għall-Artikolu 4(1) u (2) u mbagħad li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-kuntest legali speċifiku għall-azzjonijiet ta’ l-Istat meta jiġi applikat l-Artikolu 4(5).

123. Finalment, il-klassifikazzjoni ta’ l-irkant ta’ frekwenzi bħala attività fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhijiex prekluża mill-fatt li permezz tiegħu l-Istat jirċievi ammont għoli ta’ dħul. Huwa veru li dan jista’ jwassal biex jiġu attribwiti karatteristiċi ekonomiċi lill-azzjoni ta’ l-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva – kif ġie muri. Madankollu, l-Istat ikun xorta waħda qed jeżerċita awtorità pubblika meta jkun qed jaġixxi fuq il-bażi ta’ reġim legali speċjali li japplika għalih biss.

124. Ir-risposta għall-ħames domanda għalhekk għandha tkun:

Attivitajiet imwettqa minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku taħt reġim legali speċjali applikabbli għalihom għandhom jitqiesu li huma attivitajiet li huma jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhuwiex prekluż mill-fatt li, fi-twettiq tar-responsabbiltajiet assenjati esklużivament lilu, l-Istat jagħmel użu minn proċedura meħudha mid-dritt ċivili jew jirċievi ammont għoli ta’ dħul mill-attività tiegħu.

5.      Ir-raba’ domanda: It-trattament bħala persuna mhux taxxabbli jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni?

125. Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, entitajiet Statali għandhom ukoll jitqiesu li huma persuni taxxabbli fir-rigward ta’ attivitajiet li jwettqu bħala awtorità pubblika jekk it-trattament bħala persuni taxxabbli jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

126. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Comune di Carpaneto Piacentino li l-Istati Membri huma meħtieġa li :

“jiżguraw li entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jiġu ttrattati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ attivitajiet li huma jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi meta dawk l-attivitajiet jistgħu wkoll jitwettqu, f’kompetizzjoni magħhom, minn individwi privati, f’każijiet li fihom it-trattament ta’ dawk l-entitajiet bħala persuni mhux taxxabbli jista’ jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni […]”(54). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

127. Kien l-Istat biss li seta’ inizjalment jassenja drittijiet għal użu ta’ frekwenzi, b’mod li tiġi eskluża l-kompetizzjoni bejn servizzi identiċi pprovduti mill-Istat u dawk ipprovduti minn fornituri oħrajn fiż-żmien ta’ l-irkant tal-frekwenzi. Madankollu, ir-rikorrenti jargumentaw li l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi mill-Istat mingħajr ma tkun suġġetta għall-VAT tista’ tidħol f’kompetizzjoni mal-bejgħ mill-ġdid ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi minn fornituri privati.

128. Għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li t-trattament bħala persuna taxxabbli jew persuna mhux taxxabbli għandu jiġi stabbilit waqt it-tranżazzjoni(55). Konsegwentement, l-effett fuq il-kompetizzjoni għandu wkoll, fil-prinċipju, jeżisti f’dik id-data.

129. Dan ifisser li, fil-mument li fih il-frekwenzi jkunu ġew assenjati, kellu jkun hemm diġà suq għal dawk id-drittijiet ta’ użu, jiġifieri, l-ewwel nett li kellu jkun hemm drittijiet ta’ użu paragunabbli li diġà kienu jeżistu u, it-tieni nett, li dawk id-drittijiet kellhom ikunu trasferibbli bejn persuni fis-settur privat. F’dawn iċ-ċirkustanzi biss tista’ l-assenjazzjoni ta’ frekwenza mill-Istat tkun f’kompetizzjoni mat-trasferiment ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi minn persuni fis-settur privat.

130. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Taksatorringe (56), li l-Artikolu 13A(1)(f) ikopri wkoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li tista’ ġġib magħha l-eżenzjoni fil-futur. Madankollu, ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jkunu reali(57).

131. Ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jista’ jkun reali anki jekk fil-preżent l-ebda kompetitur m’hu qed joffri provvisti kompetittivi li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Punt tat-tluq ta’ żvantaġġ jista’ fih innifsu jiskoraġġixxi kompetituri potenzjali milli jsiru attivi fis-suq. Riskju reali li dan jiġri huwa eskluż, imma, meta m’hemm l-ebda kompetituri potenzjali li joffru provvisti b’kompetizzjoni ma’ frekwenzi assenjati mill-Istat minħabba l-kuntest leġiżlattiv.

132. Għandu jiġi nnotat fir-rigward ta’ frekwenzi għal komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS li, fiż-żmien li sar l-irkant fis-sena 2000, l-ebda drittijiet għal użu ta’ frekwenzi paragunabbli ma kienu disponibbli fis-suq. Mhuwiex ċert jekk dan japplikax ukoll għad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi GSM-DCS-1800 li ġew assenjati lil tele.ring f’1999 jew għall-frekwenzi għas-sistema tar-radju bil-fil TETRA li master-talk irċieva fi Frar 2000.

133. Jekk, skond ir-riżultanzi tal-qorti tar-rinviju, kien hemm diġà drittijiet għal użu ta’ frekwenzi paragunabbli disponibbli fiż-żminijiet rilevanti, ikun imbagħad meħtieġ li jiġi aċċertat jekk dawn setgħux jiġu ttrasferiti bejn persuni fis-settur privat skond il-liġi nazzjonali fis-seħħ dak iż-żmien. Dan it-trasferiment bejn persuni fis-settur privat għandu wkoll ikun suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

134. In-negozju fl-ispettru fis-sens strett, li dispożizzjoni dwaru saret ukoll fl-Arikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21, mingħajr dubju ma kienx possibbli qabel l-2003, meta t-Telekommunikationsgesetz il-ġdida daħlet fis-seħħ. Madankollu, it-trasferiment ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi li sar possibbli minn dakinhar m’hu ta’ l-ebda sinjifikat għal pożizzjoni kompetittiva fiż-żmien li l-frekwenzi ġew assenjati. Dawn iċ-ċirkustanzi madankollu se jkollhom jittieħdu in kunsiderazzjoni jekk l-Istat jiġi biex jassenja frekwenzi darb’oħra(58).

135. Il-partijiet huma inċerti, madankollu, dwar jekk il-possibbiltà diġà eżistenti ta’ trasferiment ta’ liċenzja, inkluż id-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi assoċjati magħha, tikkostitwixxix tranżazzjoni li hija f’kompetizzjoni ma’ l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi mill-Istat(59). Jekk dan huwiex il-każ jiddependi minn interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.

136. Anki jekk kien hemm diġà kompetizzjoni potenzjali bejn l-assenjazzjoni ta’ l-Istat u bejgħ minn persuni fis-settur privati fir-rigward tal-frekwenzi TETRA u GSM, it-tranżazzjoni ta’ l-Istat ikollha tkun suġġetta għat-taxxa jekk, skond ir-riżultanzi tal-qorti tar-rinviju, trattament bħala persuna mhux taxxabbli jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

137. Dan ikun il-każ, per eżempju, kieku l-Istat kellu jipprovdi lil konsumaturi finali bl-istess provvisti bħal dawk ipprovduti minn impriżi privati, biex b’hekk fl-ewwel każ il-klijenti jħallsu l-ispiża mingħajr VAT u fl-aħħar każ bil-VAT(60). Peress li l-konsumaturi finali mhumiex intitolati jnaqqsu t-taxxa mħallsa fuq ix-xiri, l-ammont kollu ta’ VAT jirrendi t-tranżazzjoni mal-fornitur daqstant ogħla.

138. Jekk, mill-banda l-oħra, persuna taxxabbli kellha takkwista drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi minn persuna fis-settur privat dan jispiċċa jkun inqas attrajenti milli jekk jiġu akkwistati mill-Istat f’ċerti tipi ta’ każijiet biss – kif ukoll b’mod minimu biss – peress li t-taxxa fuq il-valur miżjud setgħet jew tiġi mnaqqsa bħala taxxa mħallsa fuq ix-xiri b’mod immedjat jew rifuża f’perijodu qasir. Huwa veru li l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati jistgħu jkunu kbar f’termini assoluti imma fil-kuntest tas-somom totali minfuqa fuq l-akkwist tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi l-estent ta’ dik in-nefqa b’mod ġenerali, mhuwiex ser tkun tali li jagħti lok għal distorsjonijiet sinjifikattivi fil-kompetizzjoni.

139. Għalkemm il-kummerċ fil-frekwenzi UMTS kien possibbli biss wara l-assenjazzjoni tagħhom u l-istabbiliment tal-kuntest legali u l-kundizzjonijiet għat-trasferiment tagħhom, ir-rikorrenti jikkunsidraw li hawnhekk jistgħu wkoll iqumu distorsjonijiet għall-kompetizzjoni jekk ikunu ġew mogħtija mill-Istat mingħajr VAT.

140. L-ewwel nett, madankollu, kif diġà ġie stabbilit, irid ikun hemm relazzjoni potenzjalment kompetittiva fis-seħħ fiż-żmien tat-tranżazzjoni in kwistjoni. Il-possibbiltà li l-kundizzjonijiet tal-kuntest legali meħtieġa li jiġu maħluqa aktar tard mhijiex suffiċjenti peress li l-obbligu tat-taxxa ma jistax jiddependi fuq djanożi li hija bejn wieħed u ieħor inċerta. It-tieni nett l-iżvantaġġ għal dawk il-persuni li sussegwentement jakkwistaw drittijiet għal użu ta’ frekwenza UMTS mingħand fornitur privat ikun jikkonisti biss fl-ispejjeż imġarrba fil-finanzjament tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri mhux deduċibbli b’mod immedjat, li ma tkunx tammonta għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

141. Iktar ma jkun twil il-perijodu li jiddekorri bejn l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi u l-introduzzjoni tan-negozju fl-ispettru, iktar ser jinbidel il-kuntest globali tas-suq. Fatturi oħrajn, bħal, per eżempju, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-valur ekonomiku ta’ l-użu ta’ frekwenzi fid-dawl ta’ l-iżvilupp ta’ teknoloġija kompetittiva għall-komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS, ikollhom prominenza pjuttost differenti meta mqabbla ma’ problemi ta’ likwidità li jirriżultaw mill-infiq temporanju fuq it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri. Din il-kunsiderazzjoni turi wkoll li distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tista’ tiġi stabbilita biss, fil-prinċipju, jekk iż-żewġ tranżazzjonijiet ikunu disponibbli fl-istess ħin u x-xerrej potenzjali jkollu għażla bejn żewġ offerti paragunabbli.

142. Ir-risposta għar-raba’ domanda għandha għalhekk tkun:

Distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva teżisti biss meta jkun hemm riskju reali li t-trattament mill-Istat ta’ persuna mhux taxxabbli jkollu effett materjalment negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ fornituri preżenti jew potenzjali ta’ provvisti kompetittivi. L-ebda riskju bħal dan ma jkun jeżisti, fil-prinċipju, meta fiż-żmien tat-tranżazzjonijiet mill-Istat, fornituri mis-servizz privat ikunu preklużi mill-kundizzjonijiet tal-kuntest legali milli jqegħdu fis-suq provvisti li huma f’kompetizzjoni mal-provvisti ta’ l-Istat.

D –     Is-seba’ domanda: Il-ħlas għall-użu ta’ frekwenzi għandu jiġi kkunsidrat bħala ċifra gross jew ċifra netta?

143. B’din id-domanda l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, skond is-Sitt Direttiva, il-ħlasijiet għall-użu ta’ frekwenzi għandhomx jitqiesu bħala ħlas gross jew nett –u jiġifieri, jekk il-ħlas miftiehem diġà jinkludix t-taxxa fuq il-valur miżjud jew huwa ħlas li fuqu għad tista’ tiġi miżjuda t-taxxa fuq il-valur miżjud.

144. Peress li diġà ġie stabbilit li l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi mhijiex tranżazzjoni suġġetta għall-VAT m’hemm ebda bżonn li tiġi mwieġba s-seba’ domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja.

145. Indipendentement minn dan, is-Sitt Direttiva ma fiha ebda dispożizzjonijiet dwar dan il-punt. Jekk pagament ikunx jinkludi jew le l-VAT jiddependi fuq dak li effettivament ftehmu fuqu l-partijiet. Jekk dan ma jkunx ċar il-kontenut tal-ftehim tagħhom, dan ikollu jiġi aċċertat skond ir-regoli ta’ interpretazzoni applikabbli skond il-liġi nazzjonali, u huma l-qrati nazzjonali biss li għandhom jistabbilixxu dan.

IV –  Konklużjoni

146. Bħala konklużjoni, jiena nipproponi li risposti għad-domandi magħmula mil-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien għandhom ikunu kif ġej:

(1)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali l-irkantar minn entitajiet ta’ l-Istat tad-dritt li jiġu użati partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku biex jiġu pprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli għal perijodu ta’ żmien speċifiku għandu jitqies li huwa sfruttament ta’ proprjetà intanġibbli bl-iskop li jiġi akkwistat dħul minnha fuq bażi kontinwa u għandha għalhekk titqies li hija attività ekonomika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima.

(2)      Fil-preżent, il-kelma “telekomunikazzjonijiet” fil-punt 1 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva ma tinkludix l-assenjazzjoni mill-Istat ta’ drittijiet għall-użu ta’ frekwenzi biex jiġu pprovduti servizzi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli.

(3)      Attivitajiet imwettqa minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku taħt reġim legali speċjali applikabbli għalihom għandhom jitqiesu li huma attivitajiet li huma jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhuwiex prekluż mill-fatt li, fi-twettiq tar-responsabbiltajiet assenjati esklużivament lilu, l-Istat jagħmel użu minn proċedura meħudha mid-dritt ċivili jew jirċievi ammont għoli ta’ dħul mill-attività tiegħu.

(4)      Distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva teżisti biss meta jkun hemm riskju reali li t-trattament mill-Istat ta’ persuna mhux taxxabbli jkollu effett materjalment negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ fornituri preżenti jew potenzjali ta’ provvisti kompetittivi. L-ebda riskju bħal dan ma jkun jeżisti, fil-prinċipju, meta fiż-żmien tat-tranżazzjonijiet mill-Istat, fornituri mis-servizz privat ikunu preklużi mill-kundizzjonijiet tal-kuntest legali milli jqegħdu fis-suq provvisti li huma f’kompetizzjoni mal-provvisti ta’ l-Istat.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – IMT-2000: Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali bil-Mobbli -2000 (standard li ġie żviluppat mill-Għaqda Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (“ITU”)); UMTS: Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni bil-Mobbli (standard li ġie żviluppat fil-kuntest tal-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (“CEPT”) u l-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (“ETSI”), li hija parti ta’ l-hekk imsejħa familja IMT-2000).


3 – Sistema Globali għal Komunikazzjonijiet bil-Mobbli.


4 – Terrestrial trunked radio. Aktar informazzjoni dwar dan l-istandard ta’ radju diġitali tista’ tinstab fil-paġna prinċipali ta’ TETRA MoU Association Ltd (www.tetramou.com).


5 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠUL 145, 1977 , p. 1).


6 – Kawża C-369/04 Hutchison et (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


7 – Il-konvenut fil-proċeduri legali prinċipali rrileva li din id-dispożizzjoni kienet ifformulata b’mod differenti fiż-żmien rilevanti, u jiġifieri: Jekk operatur jagħmel tranżazzjonijiet taxxabbli li hu intitolat jagħmel, u jekk hu jagħmel it-tranżazzjonijiet lil operatur ieħor għall-impriża ta’ dan ta’ l-aħħar huwa jkun, jekk issir talba, obbligat joħroġ irċevuti fejn it-taxxa tintwera separatament.


8 – CEPT hija organizzazzjoni internazzjonali li s-sħubija fiha hija preżentement komposta minn awtoritajiet regolatorji tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet minn 46 pajjiż Ewropew (Għal aktar dettalji ara l-paġna prinċipali ta’ l-organizzazzjoni f’www.cept.org.)


9 – Din id-deċiżjoni tidentifika l-ispettri ta’ frekwenzi li ġejjin: 1900-1980 MHz, 2010-2025 MHz u 2110-2170 MHz għal applikazzjonijiet UMTS terrestri u 1980-2010 MHz u 2170-2200 MHz għall-applikazzjonijiet UMTS ibbażati bis-satellita.


10 – Ara l-informazzjoni fil-paġna prinċipali ta’ l-Uffiċċju Ewropew tar-Radjukomunikazzjonijiet (“ERO”) f’: www.ero.dk/ecc.


11 – Id-Direttiva 97/13/KE tal-Parlment Ewropew u tal-Kunsill ta‘ l-10 ta’ April 1997 dwar struttura komuni għal awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-kamp tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU L 117, 1997, p. 15), li ġiet abrogata b’effett mill-24 ta’ Lulju 2003 bid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU L 108, 2002, p. 33).


12 – Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


13 – ĠU L 17, 1999, p. 1.


14 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo, li jinkwadra l-Artikolu 4(5) bħala li hu mibni f’“saffi”, biex ngħidu hekk, u jipproċedi b’eċċezzjonijiet u kontroeċċezzjonijiet (Konklużjonijiet mogħtija fil-15 ta’ Marzu 1989 fil-kawżi maqgħuda Comune di Carpaneto Piacentino et, Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, 231/87 u 129/88, Ġabra 3233, punt 8).


15 – Sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-260/98 Ġabra p. I-6537, punt 26), u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-359/97, Ġabra p. I-6355, punt 41); tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield (C-233/03, Ġabra p. I-1751, punt 47); ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (235/85, Ġabra p. 1471, punt 8), kif ukoll fl-istess sens is-sentenzi ta‘ l-14 ta‘ Frar 1985 Rompelman (268/83, Ġabra p. 655, punt 19), u tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes (C-497/01, Ġabra p. I-14393, punt 38).


16 – Sentenzi tas-6 ta’ April 1995, BLP Group (C-4/94, Ġabra p. I-983, punt 24) u tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et (C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 45).


17 – Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


18 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (punt 10), Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 28), u Il-Kummissjoni v Ir-Renju Unit (punt 43).


19 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


20 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994 (C-364/92, Ġabra p. I-43, punt 30); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli (C-343/95, Ġabra p. I-1547, punti 22 u 23), u tad-19 ta’ Frar 2002 Wouters et, (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 57).


21 – Sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990 Van Tiem (C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 18); tas-26 ta’ Ġunju 2003 KapHag (C-442/01, Ġabra p. I-6851, punt 37), tad-29 ta’ April 2004, EDM (C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 48), u tal-21 ta’ Ottubru 2004, BBL (C-8/03, Ġabra p. I-10157, punt 36).


22 – Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler (C-230/94, Ġabra p. I-4517, punt 22), u tas-27 ta’ Jannar 2000, Heerma (C-23/98, Ġabra p. I-419, punt 19). Ara wkoll is-sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, Ġabra p. 655), fejn il-Qorti kklassifikat bħala attività ekonomika l-akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà futura fuq parti ta’ immobbli li għadu qed jinbena.


23 – Ara, bħala eżempju, il-verżjoni bl-Ingliż: “for the purpose of obtaining income therefrom on a continuing basis”; bil-Franċiż: ”en vue d’en retirer des recettes ayant un caractère de permanence”; bit-Taljan: ”per ricavarne introiti aventi un certo carattere di stabilità”; bl-Ispanjol: “con el fin de obtener ingresos continuados en el tiempo”.


24 – Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 20.


25 – Ibid, punt 27.


26 – Sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust (C155/94, Ġabra p. I-3013, punti 32 et seq), u EDM (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punti 57 et seq). Ara wkoll il-kawżi dwar il-pussess u l-akkwist ta’ ishma: sentenzi KapHag (iċċitata iktar ‘il fuq, punt 38) u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, Ġabra p.I-4357, punt 19 et seq).


27 – Sentenza Comune di Carpaneto Piacentino et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 22).


28 – Ara l-Konklużjonijiet mogħtija mill-Avukat Ġenerali Alber fid-29 ta’ Ġunju 2000, fil-Kawża Fazenda Pública (sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, C-446/98, Ġabra 2000, p. I-11435, punt 69).


29 – L-Anness D jelenka total ta’ 13-il attività barra t-telekomunikazzjonijiet, bħal per eżempju l-provvista ta’ ilma, ta’ gass, ta’ elettriku, servizzi ta’ trasport ta’ oġġetti u trasport ta’ passiġġieri, servizi ta’ port u ajruport, it-tmexxija ta’ fieri u ta’ espożizzjonijiet ta’ natura kummerċjali, l-attivitajiet ta’ uffiċċji kummerċjali ta’ riklamar, l-attivitajiet ta’ aġenziji ta’ vvjaġġar, it-tmexxija ta’ ristoranti tal-persunal, etc.


30 – Il-Gvern tar-Renju Unit f’dan il-kuntest jirreferi għad-definizzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni permezz ta’ l-implementazzjoni ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) (ĠU L 192, 1990, p. 1), li minn dak iż-żmien ‘il hawn ġiet abrogata, li tgħid li “servizzi tat-telekomunikazzjoni” tfisser servizzi li l-provvista tagħhom tikkonsisti, għal kollox jew in parti, fit-trażmissjoni jew fit-tqegħid ta’ sinjali fuq netwerk tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ proċessi ta’ telekomunikazzjonijiet, ħlief ix-xandir bir-radju u televiżjoni.


31 – T-Mobile Austria tirreferi, għal din l-interpretazzjoni storika, għal K. Larenz, Juristische Methodenlehre, is-sitt edizzjoni, Munich 1991, p. 329 u 344.


32 – Ara f’dan il-kuntest il-Konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Lulju 2006, fil-Kawża Robins et (C-278/05 pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 80 u 81).


33 – Id-dispożizzjoni ddaħħlet bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE, tas-17 ta’ Ġunju 1999, li emendat id-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta’ l-arranġamenti dwar taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni (ĠU L 162, 1999, p. 63).


34 – Ara, barra l-verżjoni Ġermaniża ċċitata, il-verżjoni Taljana (“ivi compresa la cessione e la concessione, ad esse connesse, di un diritto di utilizzazione a infrastrutture per la trasmissione, l’emissione o la ricezione”), il-verżjoni Olandiża (“met inbegrip van de daarmee samenhangende overdracht en verlening van rechten op het gebruik van infrastructuur voor de transmissie, uitzending of ontvangst”) u l-verżjoni Franċiża (“y compris la cession et la concession y afférentes d’un droit d’utilisation de moyens pour une telle transmission, émission ou réception”).


36 – Ara r-raba’ premessa fil-preambolu tad-Direttiva 1999/59, li taqra: “Għandha tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat b’mod partikolari, li s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet użati mill-klijenti stabbiliti fil-Komunità jiġu ntaxxati fil-Komunità.”


37 – Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, Ġabra I-4027, punti 61 et seq), kif ukoll il-punti 73 et seq tal-Konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2005.


38 – Id-Direttiva 90/387 sadanittant ġiet abrogata bid-Direttiva 2002/21. Id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li tinsab fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas ġdida tinkludi t-telekomunikazzjonijiet u, bħad-direttiva predeċessur tagħha, hija bbażata fuq it-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerkijiet ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.


39 – Il-Konklużjonijiet fil-kawża Fazenda Pública (iċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 69).


40 – Madanakollu, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tintroduċi approċċ ibbażat aktar fuq is-suq tat-tmexxija tal-frekwenzi [ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Settembru 2005, Approċċ ibbażat fuq is-suq fir-rigward tat-tmexxija ta’ l-ispettru radjoelettriku fl-Unjoni Europea, COM (2005) 400 finali].


41 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 102 et seq iktar ‘il quddiem.


42 – Ara l-osservazzjonijiet dwar ir-raba’ domanda preliminari (iktar ‘il quddiem, punti 124 et seq).


43 – Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Ayuntamiento de Sevilla (C-202/90, Ġabra I-4247, punt 18), kif ukoll Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 34) u Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 49).


44 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 21), Ayuntamiento de Sevilla (iċċitata iktar ‘il quddiem fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 19) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (iċċitata iktar ‘il quddiem fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 40).


45 – Ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs L-Olanda (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 22) u Ayuntamiento de Sevilla (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43, punt 20).


46 – Sentenza ċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 16 u 17.


47 –      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 15), u tal-15 ta’ Mejju 1990, Comune di Carpaneto Piacentino et (C-4/89, Ġabra I-1869, punt 10).


48 –      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, punt 50, u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, punt 35, kif ukoll sentenzi oħrajn mogħtija f’kawżi paralleli.


49 – Sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 13), u Fazenda Pública (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 19).


50 – Is-sentenzi, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (punt 15) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (punt 36).


51 – Iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 22.


52 – Ibid, punt 11.


53 – Fis-sentenza Fazenda Pública (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punt 22) il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-kirja ta’ post għall-parkeġġ b’mod iżolat imma qieset ukoll it-tmexxija globali ta’ postijiet għall-parkeġġ pubbliċi.


54 –      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989 (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 24). Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle (C-430/04, Ġabra I-4999, punt 25).


55 – Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Waterschap Zeeuws Vlaanderen (C-378/02, Ġabra I-4685, punt 32).


56 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, (C-8/01, Ġabra I-13711, punt 32).


57 – Ibid, punt 63.


58 – Wara d-Deċiżjoni CEPT ECC (02) 06, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li teħles il-frekwenza 2500-2690 MHz mill-1 ta’ Jannar 2008 għas-sistemi IMT-2000 UMTS, kif ukoll frekwenzi li għalihom diġà ngħataw għall-ewwel servizzi 3G.


59 – T-Mobile Austria tgħid madankollu li t-trasferiment ta’ liċenzja jseħħ flimkien mat-trasferiment ta’ l-impriża kollha kemm hi. L-operazzjoni tkun f’dan il-każ suġġetta jew le għall-VAT skond it-traspożizzjoni ta’ l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva.


60 – L-ipoteżi mressqa mir-rikorrenti, li persuna li mhijiex taxxabbli (bħal per eżempju entità Statali) li mhijiex intitolata tnaqqas it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri se takkwista frekwenza tidher improbabbli ħafna. Jekk entità Statali kellha tuża frekwenza skond id-destinazzjoni tagħha, sabiex tipprovdi servizzi tat-telekomunikazzjonijiet bi ħlas, hija tkun obbligata tħallas it-taxxa skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien ma’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva. L-argument li t-tnaqqis ta’ taxxa mħallsa fuq ix-xiri jista’ jiġi eskluż jekk il-liċenzji ma jiġux użati għal attivitajiet li fuqhom hija imponibbli t-taxxa hija wkoll kemmxejn ipotetika.