Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

J. KOKOTT

ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2006 1(1)

Kawża C-369/04

Hutchison 3G UK Ltd et

v

Kummissarji tad-Dwana u Sisa

(talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunal tal-VAT and Duties Tribunal, London (ir-Renju Unit))

(Sitt Direttiva tal-VAT – Tifsira ta’ ‘attività ekonomika’ – Entitatajiet irregolati mid-dritt pubbliku bħala persuni taxxabbli – Irkant ta’ liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi għal servizzi tat-telekomunikazzjoni tat-tielet ġenerazzjoni [UMTS/IMT-2000])





I –  Introduzzjoni

1.        F’Marzu/April 2000 ir-Renju Unit mexxa rkant ta’ ħames pakketti ta’ liċenzji għall-użu ta’ ċerti spettri ta’ frekwenzi biex jiġu provduti komunikazzjonijiet bil-mobbli skond l-istandard UMTS/IMT-2000(2) (imsejħa wkoll komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni – 3 G); kien l-ewwel Stat Membru li għamel dan. Apparati tal-mobbli 3G għandhom kapaċità ikbar biex jittrasferixxu data minn dik tat-telfown mowbajl tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabel. Jagħmluha possibbli li jiġu pprovvduti, b’mod partikolari, servizzi multimedjali bħal videokonferenzi, aċċess għall-internet u divertiment on-line. L-introduzzjoni ta’ komunikazzjoni mobbli UMTS hija kkunsidrata bħala avvanz tekniku importanti li fetaħ bosta oqsma ġodda ta’ attività għal organizzazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet.

2.        L-organizzazzjonijiet kienu għalhekk ippreparati jħallsu tariffi tal-liċenzji għoljin. Ir-Radiocommunications Agency (“RA”) irċeviet dħul mill-irkant tal-liċenzji li ammonta bejn wieħed u ieħor GBP 22,5 biljun (f’dak iż-żmien ekwivalenti għal EUR 38.4 biljun). Ir-RA hija aġenzija awtorizzata tad-Dipartiment tal-Kummerċ u Industrija li mexxiet l-irkant f’isem is-Segretarju ta’ l-Istat għall-Kummerċ u Industrija (is-“Segretarju ta’ l-Istat”).

3.        Ħames organizzazzjonijiet tat-telekomunikazzjonijiet, li huma l-appellanti fil-kawża prinċipali, akkwistaw, kull wieħed minnhom, pakkett wieħed ta’ liċenzji mill-irkant. Huma ta’ l-opinjoni li l-assenjazzjoni tal-liċenzji kienet tranżazzjoni suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud u li t-tariffi tal-liċenzji għalhekk kienu jinkludu l-VAT. Issa dawn qed jitolbu rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud allegatament imħallsa(3) li tammonta għal GBP 3 347 698 000 (li tikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għall-EUR 5 biljun), peress li huma jkunu intitolati jitolbu lura dak l-ammont bħala taxxa mħallsa fuq ix-xiri. L-awtoritajiet tat-taxxa tar-Renju Unit jikkunsidraw, madankollu, li l-irkantar ta’ liċenzji ma kienx attività taxxabbli fis-sens tas-Sitt Direttiva tal-VAT (iktar ‘il quddiem: is-‘Sitt Direttiva’).

4.        Skond l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (iktar ‘il quddiem is- is-“Sitt Direttiva(4)”) huma biss it-tranżazzjonijiet li persuna taxxabbli twettaq matul l-attività ekonomika tagħha li huma suġġetti għat-taxxa. Skond l-Artikolu 4(5) tad-Direttiva l-Istat u l-korpi tiegħu m’għandhomx, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli meta jeżerċitaw awtorità pubblika. Hija l-interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fil-kuntest ta’ l-irkant tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi UMTS li tifforma l-ġebla tax-xewka ta’ dawn il-proċeduri legali.

5.        F’talba għal deċiżjoni preliminari mressqa b’mod parallel ma’ din il-kawża u li dwarha jiena wkoll ser nippreżenta l-Konklużjonijiet tiegħi llum(5), il-Landesgericht für Zivilrechtssachen Wien (Il-Qorti Ċivili Reġjonali, Vjenna) għamlet domandi simili dwar kif għandu jiġi stmat l-irkant ta’ liċenzji UMTS fl-Awstrija.

6.        Stati Membri oħrajn segwew l-eżempju Brittaniku u wkoll rċevew ħlasijiet għall-liċenzji għoljin, għalkemm – per capita għal kull klijent potenzjali ta’ komunikazzjoni mobbli – mhux daqshekk għolja bħal fir-Renju Unit(6). Il-proċeduri legali preżenti u proċeduri legali paralleli fir-Renju Unit huma għalhekk ta’ sinjifikat partikolari mhux biss għas-somom kbar involuti imma anki għax se jservu ta’ eżempju f’każijiet simili fi Stati Membri oħrajn.

II –  Il-kuntest legali

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-VAT

1.      Id-Dritt Komunitarju

7.        Skond l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva dawn li ġejjin huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud:

‘‘il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali; […]”.

8.        L-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jiddefinixxi minn għandu jiġi kkunsidrat bħala “persuna taxxabbli” kif ġej:

“1.      ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun xi jkun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizzi], magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet tal-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.

[...]

5.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ attivitajiet jew operazzjonijiet li jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda, meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jiġu kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet imsemmija fil-lista fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

[…]”

9.        Fl-Anness D “It-Telekomunikazzjonijiet” huma murija bħala t-Titolu 1 fil-lista ta’ attivitajiet li jsir riferiment għalihom fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

2.      2. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

10.      L-Artikolu 4(1) ta’ l-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud 1994 (iktar ‘il quddiem “l-Att ta’ l-VAT 1994”) jipprovdi:

“Għandha tiġi imposta l-VAT fuq kull provvista ta’ oġġetti jew servizzi li ssir fir-Renju Unit, meta tkun provvista taxxabbli li ssir minn persuna taxxabbli fil-kuntest ta’ negozju mwettaq minnu”.

11.      L-Artikolu 41(1) ta’ l-Att dwar il-VAT 1994 jistipula:

“Dan l-Att għandu japplika fir-rigward ta’ provvisti taxxabbli mill-Istat bl-istess mod kif japplika għall-provvisti taxxabbli minn persuni taxxabbli”.

12.      L-Artikolu 41(2) ta’ l-Att dwar il-VAT 1994 jipprovdi:

“Meta l-provvista minn dipartiment tal-Gvern ta’ xi oġġetti jew servizzi ma tammontax għat-twettiq ta’ negozju imma t-Teżor jidhirlu li oġġetti jew servizzi simili jistgħu jiġu pprovduti minn persuni taxxabbli fil-kuntest ta’ kwalunkwe negozju, il-provvista ta’ dawk l-oġġetti jew servizzi minn dan id-dipartiment titqies li hija, għall-iskopijiet ta’ dan l-Att, provvista fil-kuntest ta’ kwalunkwe negozju mwettaq minnu jekk u sal-punt fejn it-Teżor jagħti istruzzjoni f’dan is-sens”.

13.      Fl-14 ta’ April 2000 it-Teżor tar-Renju Unit ippubblika Direttivi (Tassazzjoni) tat-Teżor (“Direttivi tat-Teżor”) fejn ġie stipulat li: “Provvista minn dipartiment tal-Gvern imsemmi fil-Lista 1 ta’ kull oġġett jew servizz deskritt fil-Lista 2 għandha titqies, għall-iskopijiet ta’ l-Att [l-Att tal-VAT 1994] li hija provvista fil-kuntest ta’ negozju mwettaq minn dan id-dipartiment”. Il-Lista 1 għamlet riferiment għad-Dipartiment tal-Kummerċ u Industrija. Il-Lista 2 kienet tirreferi inter alia kemm għal “Liċenzjar, ċertifikazzjoni, awtorizzazzjoni u għall-assenjazzjoni ta’ kull dritt għajr għad-drittijiet fuq art” kif ukoll għal “telekomunikazzjonijiet”.

B –    L-isfond legali għall-assenjazzjoni ta’ liċenzji UMTS

14.      Il-frekwenzi tar-radju huma riżorsi skarsi. Il-parti kbira ta’ l-ispettru tar-radju li hija teknikament disponibbli diġà ġiet allokata għal servizzi u tipi ta’ użu speċifiċi. Sabiex tiġi evitata l-interferenza, taqsimiet separati (spettri ta’ frekwenzi) jitpoġġew għad-dispożizzjoni għal kull tip ta’ użu. Il-katergorizzazzjoni internazzjonali ta’ frekwenzi hija bbażata fuq ix-xogħol li sar mill-Għaqda Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (“ITU”), organizzazzjoni internazzjonali li topera taħt l-awspiċi tan-Nazzjonijiet Uniti.

15.      L-ispettri ta’ frekwenzi li ġew miftuħin għas-sistema tal-mobbli UMTS/IMT-2000 ġew stabbiliti fil-prinċipju fl-1992 mill-Konferenza Dinjija tar-Radju (‘WRC 92’) organizzata mill-ITU. Fir-Riżoluzzjoni, 212 il-Konferenza Dinjija Amministrattiva tar-Radju ta’ l-1997 tassumi li s-sistemi tal-komunikazzjoni tal-mobbli kellhom jiġu introdotti bejn wieħed u ieħor fis-sena 2000.

16.      Il-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (‘CEPT’(7)) wettqet xogħol preliminari ulterjuri fuq livell Ewropew fuq l-introduzzjoni tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni. Il-Kumitat Ewropew dwar ir-Radjukomunikazzjoni (‘ERC’), li jifforma parti minn din l-organizzazzjoni, iddefinixxa l-ispettru ta’ frekwenzi disponibbli fid-Deċiżjoni tiegħu ERC/DEC(97)/07 tat-30 ta’ Ġunju 1997(8).

17.      Il-parti ta’ l-ispettru tal-frekwenzi rriżervati għall-komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni jistgħu jerġgħhu jitqassmu f’taqsimiet oħrajn li fihom fornituri differenti jistgħu joperaw sistemi tal-mobbli b’mod parallel. Il-forma u n-numru ta’ liċenzji mogħtija għal dan l-iskop tvarja minn Stat Membru għal ieħor(9). Filwaqt li l-Awstrija u l-Ġermanja jaqsmu l-ispettru fost sitt fornituri, per eżempju fil-Belġju u fi Franza kien hemm biss tlieta. Għalhekk, hemm ċertu ammont ta’ latitudni – suġġett għal rekwiżiti tekniċi minimi – biex jiġu stabbiliti l-frekwenzi li ġew liċenzjati għall-operazzjoni ta’ netwerk.

1.      Id-Dritt Komunitarju

18.      Id-Direttiva 97/13/KE(10) kienet tifforma l-istruttura tad-dritt Komunitarju għall-assenjazzjoni ta’ awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-qasam tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet waqt il-perijodu li huwa rilevanti għal din il-kawża.

19.      Skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 97/13 “L-Istati Membri jistgħu jassenjaw liċenzja individwali biss fejn il-benefiċjarju jingħata aċċess għal riżorsi fiżiċi jew riżorsi oħra li jkunu skarsi jew li tkun suġġetta għal obbligi partikolari jew tgawdi drittijiet partikolari, skond id-dispożizzjonijiet tat-Taqsima III”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20.      It-Taqsima III tad-Direttiva (l-Artikoli 7 sa 11) tirrigwarda l-liċenzji individwali. L-Artikolu 10 jistipula li l-Istati Membri jistgħu jillimitatw in-numru ta’ liċenzji individwali sal-limitu meħtieġ biex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju. Dawn għandhom, b’mod partikolari jieħdu in kunsiderazzjoni l-bżonn li għall-utenti jiġi mmassimizzat u ffaċilitat l-iżvilupp tal-kompetizzjoni. L-Istati Membri għandhom jagħtu liċenzji individwali bħal dawn fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ għażla li għandhom ikunu oġġettivi, mhux diskriminatorji, iddettaljati, trasparenti u proporzjonati.

21.      Skond l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 97/13 jistgħu jiġu imposti tariffi bl-iskop li jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż li jsiru fil-ħruġ ta’ liċenzji. Il-Paragrafu 2 jippermetti wkoll l-impożizzjoni ta’ tariffi oħra:

“Bla ħsara għall-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu, fejn se jiġu użati riżorsi skarsi, jippermettu l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom jimponu tariffi li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-aħjar użu ta’ dawn ir-riżorsi. Dawn it-tariffi għandhom ikunu non diskriminatorji u jagħtu qies partikolari tal-bżonn li jiġi inkoraġġat l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi u tal-kompetizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

22.      Id-Direttiva 97/13 ġiet abrogata bid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas)(11). Bil-kontra tad-Direttiva 97/13 issa huwa stipulat fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2002/21 li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu dispożizzjonijiet sabiex impriżi jkunu jistgħu jittrasferixxu d-dritt li jużaw frekwenzi lill-impriżi oħrajn.

23.      L-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21 f’dan il-kuntest jistipula kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jasiguraw li l-ħsieb ta’ impriża li tittrasferixxi l-liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi tar-radju jiġi nnotifikat lill-awtorità nazzjonali regolatorja responsabbli għall-assenjazzjoni ta’ l-ispettru u li dak it-trasferiment iseħħ skond il-proċeduri stipulati mill-awtorità nazzjonali regolatorja u li jsir pubbliku. L-awtoritajiet nazzjonali regolatorji għandhom jassiguraw li l-kompetizzjoni ma titgħawwiġx bħala riżultat ta’ xi transazzjoni bħal din. Fejn l-użu ta’ frekwenzi tar-radju jkun ġie armonizzat permezz ta’ l-applikazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE (Deċiżjoni dwar l-ispettri tar-radju) jew ta’ miżuri oħra tal-Komunità, kull trasferiment bħal dak m’għandux jirriżulta f’xi bidla fl-użu ta’ dik il-frekwenza tar-radju.”

24.      Id-Deciżjoni Nru 128/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 1998 dwar l-introduzzjoni koordinata tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli tat-tielet ġenerazzjoni u mingħajr fili (UMTS) fil-Komunità(12) (id-Deċiżjoni UMTS’) għandha wkoll rilevanza għal din il-kawża. B’dik id-Deċiżjoni l-Parlament u l-Kunsill taw virtwalment is-sinjal tal-bidu għall-introduzzjoni fi ħdan l-Ewropa kollha tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS.

25.      Il-kunsiderazzjonijiet fil-preambolu għad-Deċiżjoni UMTS jirreferi għal żviluppi internazzjonali u linji gwida għal sistema tal-mobblil tat-tielet ġenerazzjoni. L-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni UMTS jeżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta’ awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni ta’ servizzi UMTS sal-1 ta’ Jannar 2000. Skond l-Artikolu 3(3) dawn għandhom “jiżguraw, skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja, li l-provvista ta’ UMTS tiġi organizzata […] fi spettri ta’ frekwenzi li huma armonizzati mill-CEPT […]”.

2.      2.     Il-leġiżlazzjoni Nazzjonali

26.      Skond l-Artikolu 1 tal-Wireless Telegraphy Act 1949 (Att dwar it-Telegrafija Mingħajr Fili ta’ l-1949, iktar ‘il quddiem il-“WTA ta’ l-1949”), “L-ebda persuna m’għandha tistabbilixxi jew tuża stazzjon għat-telegrafija mingħajr fili jew tinstalla jew tuża xi apparat għat-telegrafija mingħajr fili mingħajr ma tinkiseb liċenzja f’dan ir-rigward assenjata abbażi ta’dan l-Artikolu – (a) mis-Segretarju ta’ l-Istat”. Il-WTA 1949 tistipula multi li għandhom jiġu imposti taħt il-liġi kriminali għal ksur ta’ din il-projbizzjoni.

27.      Fl-1997, id-Dipartiment tal-Kummerċ u Industrija (id-“DTI”) u r-RA wettqu xogħol preliminari estensiv fir-rigward ta’ l-irkantar ta’ liċenzji UMTS. Il-gruppi rilevanti ġew ikkonsultati u ssejħu konsulenti esterni. Ix-xogħol wassal għall-istabbiliment tal-prinċipji legali li jirregolaw l-assenjazzjoni tal-liċenzji UMTS.

28.      Il-Wireless Telegraphy Act 1998 (l-Att dwar it-Telegrafija Mingħajr Fili 1998, iktar ‘il quddiem il-“WTA 1998”) stabilixxa l-linji gwida għall-assenjazzjoni ta’ liċenzji u, b’mod partikolari, ippermetta d-dħul ta’ somom li kienu jeċċedu t-tariffi amministrattivi li kienu meħtieġa biex ikopru l-ispejjeż. L-fatturi li ġejjin ittieħdu in kunsiderazzjoni meta ġew stabbiliti tali somom:

–        l-użu effiċjenti u l-immaniġġjar ta’ l-ispettru elettromanjetika,

–        l-benefiċċji ekonomiċi li joħorġu mill-użu tat-telegrafija mingħajr fili,

–        l-iżvilupp ta’ servizzi innovattivi,

–        il-kompetizzjoni fil-provvista ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet.

29.      Dettalji ulterjuri dwar l-assenjazzjoni ta’ liċenzji UMTS ġew stipulati fir-Regolamenti dwar it-Telegrafija Mingħajr Fili (Licenzji tat-Tielet Generazzjoni) 1999 (iktar ‘il quddiem, ir-“Regolamenti WTA”), adottati taħt il-WTA 1998. L-ispettru kopert bil-ħames liċenzji li kellhom jiġu aġġudikati ġiet stabbilita fl-Iskeda għar-Regolamenti WTA. Il-Liċenzji A u B kellhom ikopru, kull waħda, 2 x 15 MHz ta’ spettru f’par(13), filwaqt li l-Liċenzji C, D u E kellhom ikopru, kull waħda 2 x 10 MHz ta’ spettru f’par. Il-Liċenzja A kienet irriżervata għal fornitur ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli li kien għadu mhux preżenti fis-suq Brittaniku.

30.      Ir-regoli dettaljati dwar il-parteċipazzjoni fl-irkant u l-operazzjoni ta’ l-irkant ġew ippubblikati f’Avviż tat-22 ta’ Diċembru 1999. Biex wieħed seta’ jipparteċipa fl-irkant kien meħtieġ inter alia li jitħallas depożitu ta’ somma inizjali ta’ GBP 50 miljun. Offerti minimi ta’ bejn l-GBP 89,3 u 125 miljun, skond l-iskop tal-liċenzji, ġew ukoll stipulati.

31.      Negozju fl-ispettru, li l-Istati Membri jistgħu jiftħu skond l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2002/21, għadu s’issa ma ġiex introdott fir-Renju Unit.

III –  Il-fatti u d-domandi rinvjati lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari

32.      Il-parteċipanti fil-proċess ta’ l-irkant, li beda’ mis-6 ta’ Marzu sas-27 ta’ April 2000, kienu erba’ impriżi li kienu diġà stabbiliti fir-Renju Unit u disa’ li kienu potenzjalment ġodda għas-suq. L-offerenti segwenti rebħu liċenzji:

Licenzja

Rebbieħ

L-offerta finali f’GBP

Licenzja A (riżervata għall-operaturi ġodda)

TIW UMTS (UK) Limited (issa Hutchison 3G UK Limited) (operatur ġdid)

4 384 700 000

Licenzja B

Vodafone Limited (operatur attwali)

5 964 000 000

Licenzja C

BT3G Limited(14) operatur attwali)

4 030 100 000

Licenzja D

One2One Personal Communications Limited (issa T-Mobile (UK) Limited) operatur attwali)

4 003 600 000

Licenzja E

Orange 3G Limited operatur attwali)

4 095 000 000

Totali

 

22 477 400 000


33.      Il-liċenzji nħarġu f’Mejju u f’Settembru 2000 għal terminu li kien jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2021. L-offerenti rebbieħa ħallsu t-tariffi kollha tal-liċenzja fl-2000. L-ispiża totali lill-amministrazzjoni għall-iżvilupp u l-immaniġġjar ta’ l-irkant kienet ta’ GBP 8 miljun (bejn wieħed u ieħor EUR 13,7 miljun).

34.      Il-liċenzjati huma obbligati inter alia li jipprovdu, sal-31 ta’ Diċembru 2007, u li jżommu minn hemm ‘il quddiem, servizz tat-telekomunikazzjonijiet għal żona fejn tgħix ta’ l-inqas 80 % tal-popolazzjoni tar-Renju Unit. Dawn għandhom bżonn ukoll ta’ liċenzja taħt l-Artikolu 7 ta’ l-Att dwar it-Telekomunikazzjonijiet 1984, li jagħtihom dritt ġenerali li jipprovdu servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli.

35.      Ir-rikorrenti jqisu li t-taxxa fuq il-valur miżjud kienet inkluża fit-tariffi tal-liċenzji. Huma għalhekk talbu l-ħlas lura tat-taxxa fuq il-valur miżjud bħala taxxa mħallsa fuq ix-xiri fir-rigward tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom stess. Il-Kummissarji tad-Dwana u Sisa rrifjutaw li jagħmlu dan il-ħlas lura. Huma sostnew li l-assenjazzjoni tal-liċenzji ma kinitx suġġetta għall-VAT. Wara li r-rikors ta’ l-appellanti nċaħad fl-ewwel istanza huma ppreżentaw it-talbiet tagħhom quddiem it-Tribunal tal-VAT u Dazji, li għamel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 234 KE permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-24 ta’ Awissu 2004:

1.      Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni stabbilita tal-fatti bejn il-partijiet, il-kliem ‘attività ekonomika’, għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu l-ħruġ ta’ liċenzji mis-Segretarju ta’ l-Istat permezz ta’ rkant tal-liċenzji għall-użu ta’ apparat tat-telekomunikazzjonijiet [mobbli tat-tielet ġenerazzjoni] f’partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku (iktar ‘il quddiem l-’attività [ikkonċernata]’), u liema kunsiderazzjonijiet huma rilevanti għal din id-domanda?

2.      Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti kkonstatati bejn il-partijiet, liema kunsiderazzjonijiet huma rilevanti għad-domanda dwar jekk is-Segretarju ta’ l-Istat, meta eżerċità l-attività, kienx qed jaġixxi bħala ‘awtorità pubblika’ fis-sens ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva?

3.      Fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti kkonstatati bejn il-partijiet, tista’ l-attività tkun (i) f’parti attività ekonomika u/jew (ii) f’parti mwettqa minn korp irregolat mid-dritt pubbliku li qed jaġixxi bħala awtorità pubblika u li, konsegwentement, l-attività tkun f’parti biss suġġetta għall-VAT taħt is-Sitt Direttiva u f’parti le?

4.      Kemm probabbli u kemm viċin fiż­-żmien għat-twettiq ta’ l-Attività għandha tkun ‘distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni’ fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva sabiex il-persuna li tkun qed twettaq dik l-attività tkun meħtieġa b’dak is-subparagrafu li titqies li hija persuna taxxabbli fir-rigward ta’ dik l-attività? Sa liema punt, jekk ikun il-każ, il-prinċipju tan-newtralità fiskali jinċidi fuq din il-kwistjoni?

5.      Il-kelma ‘telekomunikazzjonijiet’ fl-Anness D għas-Sitt Direttiva (li hemm riferiment għaliha fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva) tinkludi l-ħruġ tal-Liċenzji mis-Segretarju ta’ l-Istat permezz ta’ rkant ta’ drittijiet ta’ użu ta’ apparat tat-telekomunikazzjonijiet f’partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku, fiċ-ċirkustanzi deskritti fid-dikjarazzjoni tal-fatti kkonstatati bejn il-partijiet?

6.      Fejn (i) Stat Membru jagħżel li jimplementa l-Artikolu 4(1) u (5) tas-Sitt Direttiva permezz ta’ leġiżlazzjoni li tikkonferixxi fuq dipartiment tal-Gvern (bħal, f’dan il-każ, it-Teżor tar-Renju Unit) poter statutorju li jagħmel direttivi li jispeċifikaw liema oġġetti jew servizzi pprovduti minn dipartimenti tal-Gvern għandhom jitqiesu li huma provvisti taxxabbli u (ii) dak id-dipartiment tal-Gvern jagħmel, jew għandu l-ħsieb li jagħmel, abbażi ta’ dak il-poter statutorju, direttivi li jispeċifikaw li ċerti provvisti huma taxxabbli: il-prinċipju stabbilit fis-sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C-106/89, Ġabra p. I 4135) huwa rilevanti għall-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u ta’ dawk id-Direttivi (u, jekk hu hekk, kif)?

IV –  L-evalwazzjoni legali

A –    L-ewwel domanda: eżistenza ta’ attività ekonomika

36.      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti nazzjonali tistaqsi jekk l-irkantar ta’ liċenzji li jagħtu d-dritt għal użu ta’ apparat tat-telekomunikazzjonijiet f’partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku jikkostitwixxix attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

37.      Skond l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva “persuna taxxabbli” tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq attività ekonomika jkun xi jkun il-għan jew ir-riżultati ta’ dik l-attività. Dik id-dispożizzjoni għalhekk mhux sempliċement tiddikjara minn jista’ jkun persuna taxxabbli imma tistipula wkoll iċ-ċirkustanzi li fihom l-attività ta’ persuna tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

38.      L-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva fih medda wiesa’ ta’ attivitajiet enumerati li għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1). Barra mill-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jfornu servizzi, dawn jinkludu, b’mod partikolari, l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli u intanġibbli għall-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa..

39.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet minn din id-definizzjoni “li l-iskop tat-terminu attivitajiet ekonomiċi huwa wiesgħa ħafna, u li t-terminu huwa oġġettiv minn natura tiegħu, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata per se u indipendentement mill-iskopijiet u mir -riżultati tagħha(15)”.

40.      L-intenzjonijiet suġġettivi li bihom il-persuna kkonċernata ssegwi l-attività għalhekk mhumiex rilevanti. Li kellu jkun mod ieħor, l-awtoritajiet tat-taxxi kien ikollhom jagħmlu investigazzjonijiet biex jistabbilixxu dawk l-intenzjonijiet u dan kien jmur kontra l-għanijiet tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud. L-għan ta’ dik is-sistema huwa li tiġi assigurata ċ-ċertezza legali u tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-VAT billi tittieħed in kunsiderazzjoni,, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, in-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni in kwistjoni(16).

41.      Jien l-ewwel li ser nikkunsidra hija l-oġġezzjoni li l-eżistenza ta’ attività ekonomika hija diġà prekluża mill-fatt li d-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi ġew irkantati fl-interess tar-regolamentazzjoni tas-suq. Jien imbagħad ser inkompli neżamina jekk il-proċedura għandhiex tiġi kklassifikata bħala sfruttament ta’ propjretà intanġibbli għall-iskop li jiġi akkwistat dħul minnha fuq bażi kontinwa, fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva.

1.      L-għan tar-regolamentazzjoni tas-suq jipprekludi attività ekonomika?

42.      Fl-isfond għall-irkantar tad-drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi hemm il-fatt li l-frekwenzi tar-radju huma riżorsi skarsi. It-taqsima ta’ l-ispettru elettromanjetiku li hija disponibbli għas-servizzi ta’ komunikazzjoni bil-mobbli hija stabbilita bi ftehim internazzjonali. Fi ħdan dik it-taqsima numru limitat netwerks biss jistgħu jiġu operati b’mod parallel. Ma jistax jiġi evitat intervent regolatorju mill-Istat sabiex jiġi żgurat l-użu fl-ordni ta’ frekwenzi mingħajr interferenza.

43.      Id-Deċiżjoni UMTS tobbliga lill-Istati Membri biex iwettqu l-proċedura amministrattiva meħtieġa għall-introduzzjoni tas-servizzi UMTS.

44.      Id-Direttiva 97/13 u l-legiżlazzjoni nazzjonali korrispondenti li ttrasponietha jiffurmaw il-kwadru legali partikolari li jorbot lill-Istati Membri meta jassenjaw il-spettri ta’ frekwenzi. Skond l-Artikolu 10 tad-Direttiva 97/13, huma obbligati li jagħtu liċenzji individwali fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ għażla li huma oġġettivi, mhux diskriminatorji, iddettaljati, trasparenti u proporzjonati. Skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 dawn jistgħu jimponu tariffi f’dan ir-rigward li jirriflettu l-bżonn li jiġi żgurat l-użu ottimali ta’ dawn ir-riżorsi.

45.      Ir-Renju Unit iddeċida li jirkanta liċenzji tad-dritt għal użu ta’ ċerti frekwenzi. Id-dħul mill-irkant riċevut ġie ttrattat bħala ħlas għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13. Skond ir-Renju Unit, il-proċess ta’ l-irkant kien maħsub biex jiġi assigurat l-impriżi li attribwixxew l-ikbar valur kummerċjali għall-liċenzji u li għalhekk offrew garanzija għall-ikbar użu possibbli li jista’ jsir mil-liċenzji. Il-punt ma kienx li jiġi akkwistat ammont ta’ dħul kbir għall-Istat.

46.      L-Istati Membri li huma partijiet f’dawn il-proċedimenti legali u l-Kummissjoni jikkonkludu minn dawn il-fatti li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji UMTS mis-Segretarju ta’ l-Istat, jew ir-RA ma kinitx attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva imma miżura biex jiġi regolat is-suq.

47.      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

48.      Id-domanda dwar jekk attività tikkostitwixxix attività ekonomika għall-iskopijiet tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud tiddependi fuq in-natura oġġettiva tagħha, li għandha tiġi stabbilita billi ssir referenza għall-avvenimenti esterni konkreti. L-għan imħadden mill-attività, li kien li jiġi rregolat l-aċċess għas-suq tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli skond ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju u li jiġu aċċertati l-offerenti tat-telekomunikazzjonijiet bil-mobbli l-aktar adattati, huwa irrilevanti peress li, skond il-ġurisprudenza ċċitata, tali għanijiet m’għandhomx jittieħdu in kunsiderazzjoni meta tkun qed tiġi kkategorizzata attività(17).

49.      Is-suġġett ta’ l-irkant kien id-dritt għal użu ta’ frekwenzi definiti għall-operazzjoni ta’ netwerk ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli għal perijodu ta’ 20 sena. Dak id-dritt kien aġġudikat permezz ta’ l-irkant lil dawk l-impriżi li għamlu l-ogħla offerti.

50.      Id-domanda dwar kif l-assenjazzjoni ta’ liċenzji mill-Istat għandha tiġi kklassifikata fil-liġi – bħala awtorizzazzjoni amministrattiva jew bħala tranżazzjoni skond il-liġi ċivili – hija ta’ l-iċken importanza fl-istabbiliment n-natura oġġettiva ta’ attività bħalma hi d-definizzjoni mogħtija għall-korrispettiv korrispondenti ta’ l-impriża – tariffa jew prezz ta’ l-akkwist(18). Fi kwalunkwe każ, id-drittijiet ġew aġġudikati biss wara l-ħlas tas-somma ta’ flus li ġiet stabbilita bl-irkant b’mod li l-ħlas ta’ flus kien direttament marbut mal-assenjazzjoni tad-drittijiet. Lanqas il-ħlas għal użu ta’ frekwenza ma jikkostitwixxi tariffa li permezz tagħha jiġu koperti biss l-ispejjeż amministrattivi għall-assenjazzjoni tal-frekwenzi.

51.      Il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk il-forma ta’ l-irkant kinitx anki maħsuba sabiex jinkiseb dħul partikolarment għoli. Per eżempju, il-fatt li b’kollox ħames liċenzji biss ġew aġġudikati u mhux sitta – bħal fil-Ġermanja per eżempju –jista’ jiġi kkunsidrat, minn banda waħda, li hu mezz artifiċjali ta’ restrizzjoni tal-provvista li twassal għal żieda fid-dħul. Mill-banda l-oħra, id-deċiżjoni li tqiegħed ħames liċenzji fuq is-suq tista’ tiġi ġġustifikata wkoll b’referenza għal kunsiderazzjonijiet regolatorji(19). Sabiex tiżdied il-kompetizzjoni kellu jkun hemm operatur ġdid barra mill-offerenti diġà attivi. Li kieku kien hemm numru ikbar ta’ kompetituri, bejn minn kellu jinqasam is-suq, seta’ ma kienx ikun possibbli li tiġi garantita l-profitabbilità ta’ investiment għoli fin-netwerks.

52.      Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, mhemmx bżonn li tiġi mwieġba din id-domanda aktar mill-mistoqsija dwar jekk l-akkwist ta’ dħul kienx b’xi mod il-motiv għall-forma tal-proċedura użata fl-assenjazzjoni tal-liċenzji.

53.      Mill-lat oġġettiv, is-Segretarju ta’ l-Istat aġġudika l-liċenzji kontra ħlas monetarju li kellu jirrifletti l-valur kumerċjali tal-liċenzji u li kien ogħla ħafna mill-ammont minfuq fuq il-proċedura tal-liċenzjar. Billi ġie stabbilit skond ir-regoli ta’ l-irkant li l-offerti ma kellhomx ikunu ta’ inqas minn GBP 125 miljun, jidher li mill-ewwel kien hemm il-ħsieb li jinkiseb ammont kunsiderevoli ta’ dħul. Meta l-irkantar ta’ liċenzji jiġi kkategorizzat għall-iskopijiet ta’ taxxa fuq il-valur miżjud m’għandux ikun rilevanti jekk il-motiv tal-Gvern kienx li jinkiseb dak id-dħul jekk id-dħul kienx sempliċement effett sekondarju inerenti għal din it-tip ta’ proċedura ta’ liċenzjar.

54.      Lanqas il-kategorizzazzjoni ta’ attività ekonomika m’hi prekluża mill-fatt li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji fl-aħħar mill-aħħar kienet konformi ma’ kwadru regolatorju bbażat fuq id-dritt Komunitarju. L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti legali tikkostitwixxi wkoll għan (preskritt b’mod obbligatorju) li għandu jitwarrab meta azzjoni tiġi meqjusa attività ekonomika(20).

55.      Mill-punt 7 fl-Anness D għas-Sitt Direttiva jidher li attività regolatorja tista’ tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud bħala attività ekonomika. Attivitajiet li dejjem jitqiesu bħala attivitajiet ta’ l-Istat suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud taħt it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jinkludu tranżazzjonijiet ta’ aġenziji ta’ intervent agrikolu fir-rigward ta’ prodotti agrikoli mwettqa skond ir-regolamenti dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq f’dawk il-prodotti. Għaldaqstant, meta aġenzija ta’ invervent tbiegħ prodotti mill-istokk tagħha għandha titħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud anki jekk dawk it-tranżazzjonijiet huma primarjament maħsubin biex jirregolaw is-suq u mhux biex jiġi akkwistat dħul.

56.      Meta wieħed jikkonċentra fuq il-fatturi esterni oġġettivi ta’ tranżazzjoni, ikun qed jingħata skop wiesgħa għall-kunċett ta’ attività ekonomika, li huwa konformi mal-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja(21). Jekk, f’dan l-istadju ta’ l-evalwazzjoni, wieħed kellu jieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li enti pubbliku kien qed jaġixxi fit-twettiq tad-dmirijiet statutorji u regolatorji tiegħu, l-iskop tad-Direttiva immedjatament jiġi kunsiderevolment ridott. B’mod partikolari, ftit li xejn ikun hemm skop imbagħad għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, anki jekk dik id-dispożizzjoni fiha regoli speċifiċi li jirregolaw l-awtoritajiet pubbliċi.

57.      Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, partikolarment fis-sentenza msejħa “Eurocontrol”(22), li għaliha jirreferu wħud mill-partijiet, li m’hemm l-ebda attività ekonomika għall-iskopijiet tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat meta jiġu eżerċitati l-poteri ta’ awtorità pubblika.

58.      Madankollu, ir-regoli tal-kompetizzjoni u s-Sitt Direttiva tal-VAT huma bbażati fuq kunċetti differenti ta’ attività ekonomika. Skond ir-regoli tal-kompetizzjoni l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika kkunsidrat bħala l-kriterju li jipprekludi attività milli jkollha rilevanza għal skopijiet ta’ kompetizzjoni. Però, mhemmx dispożizzjoni separata għall-attivitajiet ta’ l-Istat meta dan jeżerċita awtorità pubblika.

59.      Il-kunċett ta’ attività ekonomika fl-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva huwa aktar wiesgħa minn dak korrispondenti fil-liġi tal-kompetizzjoni. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhuwiex inizjalment fattur hawnhekk. Dak l-element jittieħed in kunsiderazzjoni biss fi stadju suċċessiv ta’ evalwazzjoni, jiġifieri fil-kuntest tad-dispożizzjoni speċjali fl-Artikolu 4(5). Dik id-dispożizzjoni tkun virtwalment superfluwa kieku, b’analoġija mar-regoli tal-kompetizzjoni ma, kellu jkun hemm ebda skop għall-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT fil-każ ta’ atti ta’ awtoritajiet pubbliċi.

2.      L-isfruttament ta’ proprjetà bl-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa

60.      L-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva speċifikament jistipula li l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għall-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu jiġi kkunsidrat bħala attività ekonomika. Id-dritt għal użu ta’ apparat tal-mobbli f’taqsimiet definiti ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi jikkostitwixxi proprjetà intanġibbli.

61.      Hija ġurisprudenza stabbilita, li skond ir-rekwiżiti tal-prinċipju li s-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun newtrali, il-kelma ‘sfruttament’ jirreferi għat-tranżazzjonijiet kollha, indipendentement mill-forma legali tagħhom(23). Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, li l-kiri jikkostitwixxi sfruttament ta’ proprjetà li għandu jiġi kklassifikat bħala attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva(24). Ir-Renju Unit assenja liċenzji għall-użu ta’ frekwenzi lill-appellanti għal perijodu limitat ta’ żmien mal-ħlas ta’ tariffa. Dik it-tranżazzjoni, li hija simili għal tranżazzjoni li tikri jew tagħti b’kirja, għandha tiġi kkunsidrata bħala sfruttament ta’ proprjetà intanġibbli bl-iskop li jinkiseb dħul minnha.

62.      Madankollu, il-Gvernijiet ta’ l-Olanda u tad-Danimarka jargumentaw li dan ma jikkostitwixxix kisba ta’ dħul fuq bażi kontinwa għax l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi kienet tranżazzjoni ta’ darba.

63.       Għalkemm il-kelma “nachhaltig” użata fil-verżjoni Ġermaniża mhijiex daqshekk ċara, huwa evidenti mir-riferiment għal verżjonijiet lingwistiċi oħrajn li għandu jinkiseb dħul fuq perijodu fit-tul(25). L-isfruttament kummerċjali purament okkażjonali ta’ proprjetà għalhekk ma jikkostitwixxix attività ekonomika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Enkler (26).

64.      L-assenjazzjoni ta’ liċenzji in kwistjoni f’dan il-każ, madankollu, ma tikkostitwixxix użu okkażjonali f’dan is-sens. Nota qasira taċ-ċirkustanzi fil-kawża ta’ Enkler tkun opportuna bħala spjegazzjoni. Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-kwistjoni dwar jekk il-kirja okkażjonali ta’ karavan bil-mutur li s-sid tiegħu kien jużah primarjament għal skopijiet privati għandha xorta waħda tiġi kkunsidrata bħala sfruttament ta’ proprjetà bl-iskop li jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa.

65.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet in-natura tal-proprjetà bħala l-punt tat-tluq għall-evalwazzjoni tagħha. Din qalet li l-fatt li proprjetà hija adattata biss għal sfruttament ekonomiku għandu jkun biżżejjed, ġeneralment, biex jiġi konkluż li sidha qed jisfruttaha għall-iskopijiet ta’ l-attivitajiet ekonomiċi tiegħu u, konsegwentement, għall-iskop li jikseb dħul minnha fuq bażi kontinwa. Mill-banda l-oħra, jekk, minħabba n-natura tagħha, il-proprjetà tista’ tiġi użata kemm għall-attivitajiet ekonomiċi kif ukoll privati, iċ-ċirkustanzi kollha fejn tiġi użata jkollhom jiġu eżaminati sabiex jiġi stabbilit jekk verament hux qed tiġi uża għall-iskop li jinkiseb permezz tagħha dħul fuq bażi regolari(27).

66.      Id-dritt għal użu ta’ frekwenzi tar-radju biex jiġu pprovduti telekomunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS u GSM jistgħu jiġu kkunsidrati biss bħala sfruttament ekonomiku. Konsegwentement, ab initio m’hemm l-ebda kwistjoni li wieħed jiddistingwi bejn sfruttament ekonomiku jew privat ta’ proprjetà. Lanqas għalhekk ma jista’ jkun hemm kwistjoni ta’ attività ekonomika purament okkażjonali, li hija sekondarja għal sfruttament privat.

67.      Lanqas il-fatt li d-drittijiet għal użu ta’ frekwenzi ġew aġġudikati sempliċement għal darba waħda għal perijodu twil ta’ żmien ma jrendix l-isfruttament ekonomiku tagħhom okkażjonali. F’dan il-kuntest m’huma ta’ l-ebda rilevanza d-darbi li persuna taxxabbli tikkonkludi tranżazzjonijiet komparabbli; li hu rilevanti huwa jekk il-proprjetà partikolari tipprovdix dħul fuq perijodu twil ta’ żmien. M’għandu jkun hemm hawnhekk l-ebda dubju dwar dan. Id-dritt għal użu ta’ frekwenzi ġie assenjat għal 20 sena u jipprovdi lill-Istat b’dħul fuq perijodu twil ta’ żmien.

68.      Il-fatt biss li t-tariffa kienet pagabbli bħala ammont ta’ darba hekk kif ġew aġġudikati l-liċenzji u mhux bħala ħlas kull ċertu żmien ma jbiddel xejn mill-fatt li jiġi akkwistat dħul fuq bażi kontinwa. It-tariffa tal-liċenzja setgħet ukoll, fit-teorija, ġiet irranġata b’mod differenti. Madankollu, l-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva ma tistax tiddependi fuq il-metodi ta’ ħlas disponibbli għall-partijiet.

69.      Barra minn dan, madankollu, il-liċenzji jistgħu jiġu rinunżjati qabel it-terminu, trasferiti jew revokati, b’mod li d-dritt għall-użu jista’ ma jibqgħax jiġi aġġudikat fuq il-bażi ta’ darba għal 20 sena.

70.      L-assenjazzjoni tad-dritt għall-użu għall-perijodu limitat ta’ żmien fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex paragunabbli mal-bejgħ ta’ titli, li skond ma ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja mhuwiex attività ekonomika għal żewġ raġunijiet, sakemm ma seħħx fil-kors ta’ l-immaniġġjar ta’ investiment kummerċjali(28).

71.      L-ewwel nett, dħul irċevut minn investiment jew bejgħ ta’ titoli – jiġifieri – dividendi u profitti li jisru fuq il-prezz ta’ l-ishma – mhux ir-riżultat ta’ sfruttament attiv tat-titoli imma l-konsegwenza diretta tal-pussess tagħhom. Għad-differenza ta’ dik is-sitwazzjoni, dħul irċevut mill-assenjazzjoni ta’ frekwenzi mhuwiex dħul dovut biss mid-dritt ta’ trasferiment ta’ frekwenzi, bħal dividendi u profitti fuq bejgħ, imma huwa dħul mill-isfruttament ta’ dak id-dritt.

72.      It-tieni nett, dħul mill-bejgħ ta’ titoli jiġi rċevut darba. Ġaladarba l-attiv ma jkunx jifforma aktar parti mill-proprjetà tal-bejjiegħ hu ma jkunx jista’ jużah aktar biex jipproduċi dħul. Madankollu, l-Istat, mhuwiex qed jassenja dritt finali ta’ trasferiment ta’ frekwenzi. Tabilħaqq, dak id-dritt jirriverti lura għandu mal-iskadenza tal-perijodu ta’ l-assenjazzjoni tal-frekwenzi, meta jistgħu jerġgħu jingħataw mill-ġdid.

73.      Ir-risposta għall-ewwel domanda għandha għalhekk tkun li:

Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali l-irkantar minn entitajiet ta’ l-Istat ta’ liċenzji li jinkorporaw id-dritt li jiġu użat partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetiku biex jiġu pprovduti servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bil-mobbli għal perijodu ta’ żmien speċifiku għandu jiġi kkunsidrat bħala sfruttament ta’ proprjetà intanġibbli bl-iskop li jiġi akkwistat dhul minnha fuq bażi kontinwa u għandha għalhekk tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika għall-iskopijiet ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.

B –    It-tieni sal-ħames domandi: iċ-ċirkustanzi fejn korpi pubbliċi jaġixxu bħala persuni taxxabbli

1.      Osservazzjonijiet preliminari dwar l-istruttura ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

74.      L-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva fih arrangamenti għal meta l-Istat għandu jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli(29).

75.      Skond ir-regola bażika li tinstab fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m'għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta' l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi. Id-dispożizzjoni teżenta għalhekk awtoritajiet pubbliċi mill-obbligu ġenerali ta’ taxxa anki meta jsegwu xi attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika huwa għalhekk ekwiparat ma’ l-att ta’ konsumutar individwali privat.

76.      Madankollu, skond it-tieni subparagrafu, minkejja l-ewwel subparagrafu, l-Istat jiġi xorta waħda meqjus bħala persuna taxxabbli meta t-trattament bħala persuna mhux taxxabbli jkun iwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq l-idea li ċerti entitajiet Statali jistgħu jidħlu f’kompetizzjoni ma’ kompetituri mis-settur privat – anki fejn dawk l-entitajiet Statali jingaġġjaw fi tranżazzjonijiet fi ħdan l-iskop ta’ l-awtorità pubblika tagħhom. L-iskop tagħha huwa li tiġi garantita n-newtralità fiskali(30).

77.      Fl-aħħarnett, skond it-tielet subparagrafu, l-entitajiet Statali għandhom jiġu kkunsidrati dejjem bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ ċerti setturi elenkati fl-Anness D bil-kundizzjoni li l-attivitajiet ma jitwettqux fuq skala tant żgħira li jkunu insinjifikanti. Għalhekk fl-aħħar mill-aħħar m’hemmx bżonn li jiġi deċiż jekk, fil-każ ta’ l-attivitajiet katalogati, l-Istat hux qed isegwi dawk l-attivitajiet fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika tiegħu.

78.      Is-setturi elenkati fl-Anness D – li jinkludu t-telekomunikazzjonijiet – essenzjalment għandhom x’jaqsmu ma’ tranżazzjonijiet ekonomiċi(31) li ħafna drabi huma jew ġew imwettqa mill-Istat fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika tiegħu sempliċement minħabba s-sinjifikat tagħhom għall-interess pubbliku, imma li jistgħu jiġu pprovvduti wkoll minn impriżi fis-settur privat(32). Uħud mis-setturi ekonomiċi msemmija issa ġew liberalizzati. Impriżi privati hawnhekk huma attwalment f’kompetizzjoni ma’ fornituri li qabel kellhom monopolju, uħud minnhom li kienu ġew privatizzati u xi oħrajn li għadhom s’issa proprjetà ta’ l-Istat. Fiż-żmien li kienet ġiet adottata s-Sitt Direttiva tal-VAT fl-1977 din evidentement ħadet qies ta’ dan l-iżvilupp.

79.      Jekk l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli għandha tiġi meqjusa attività fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, imwettqa fuq skala tant żgħira li tkun negliġibbli din tkun f’kull każ suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud indipendentement mill-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika jew ta’ xi distorsjoni effettiva tal-kompetizzjoni Għalhekk jidher li jkun xieraq li tingħata risposta għall-ħames domanda rinvjata għal deċiżjoni preliminari qabel it-tieni, it-tielet u r-raba’.

2.      Il-ħames domanda: il-kelma ‘Telekomunikazzjonijiet’ fl-Anness D għas-Sitt Direttiva jinkludi wkoll l-irkantar ta’ liċenzji UMTS?

80.      Il-partijiet essenzjalment ma jaqblux dwar jekk il-kelma ‘Telekomunikazzjonijiet’ f’punt 1 ta’ l-Anness D ifissirx biss il-provvista ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet(33)per se – li hija l-fehma tal-Gvernijiet involuti u tal-Kummissjoni – jew jekk dan jinkludix ukoll attivitajiet oħrajn b’konnessjoni ma’ l-assenjazzjoni ta’ liċenzji, li hija l-linja meħudha mill-appellanti.

81.      Id-diċitura ta’ l-Anness D ma tipprovdi ebda kjarifika fuq din il-kwistjoni li ma hemmx qbil dwarha. Ma jista’ jiġi attribwit l-ebda sinjifikat għal fatt li l-verżjoni Ġermaniża tuża’ l-kelma li m’għadux fl-użu ‘Fernmeldewesen’ u mhux il-kelma ‘Telekommunikation’. Verżjonijiet oħrajn jużaw hawnhekk it-termini li kienu dejjem fl-użu fil-lingwi tagħhom (per eżempju ‘telecommunications’ jew ‘télécommunications’). Barra minn hekk, it-termini ‘Fernmeldewesen’ u ‘Telekommunikation’ huma prattikament sinonimi, kif ġie ġustament iddikjarat mill-Gvern Ġermaniż.

–       Approċċ storiku

82.      Mill-approċċ storiku, wieħed jista’, b’mod konċepibbli, jargumenta li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji lill-impriżi privati ma tistax tiġi koperta bil-kelma ‘telekomunikazzjonijiet’ peress li liċenzji ta’ dak it-tip ma kinux jeżistu fid-data li fiha d-Direttiva ġiet adottata fl-1977. F’dak iż-żmien l-awtoritajiet amministrattivi postali ta’ l-Istat kienu qed jipprovdu s-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet kollha taħt it-tmexxija diretta tagħhom stess. Probabbilment għalhekk il-leġiżlatura tal-Komunità oriġinarjament ma kelliex il-ħsieb li tadotta leġiżlazzjoni fir-rigward ta’ l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi tar-radju lil fornituri privati.

83.      Madankollu, l-approċċ storiku għall-interpretazzjoni huwa xorta waħda ta’ importanza sussidjarja u mhuwiex deċiżiv waħdu(34). Id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandhom tassew ukoll jiġu interpretati b’mod sistematiku, b’referenza partikolari għall-għan tagħha.

–       Approċċ Sistematiku

84.      Id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-10 subinċiż ta’ l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva(35) tista’ inizjalment tkun rilevanti f’tali approċċ sistematiku. Dan jipprovdi:

“Is-servizzi tat-telekomunikazzjoni għandhom jitqiesu li huma servizzi li għandhom x'jaqsmu mat-trasmissjoni, il-ħruġ jew id-dħul tas-senjali, kitba, figuri u ħsejjes jew tagħrif ta' kull natura bil-fil, bir-radjo, strumenti tal-vista jew b'sistemi oħra elettro-manjetiċi, nklużi t-trasferiment jew l-assenjazzjoni tad-dritt li tiġi wżata l-kapaċità ta' din it-trasmissjoni bid-dħul jew bil-ħruġ […]”.

85.      L-Arikolu 9 jistipula l-post li għandu jiġi kkunsidrat bħala l-post fejn jiġi pprovdut is-servizz. L-Artikolu 9(2)(e) imbagħad jiddikjara inter alia fir-rigward tas- servizzi tat-telekomunikazzjoni hemmhekk deskritti li għal servizzi bejn il-fruntieri l-post fejn il-fornitur huwa stabbilit għandu jitqies bħala l-post fejn is-servizzi jiġu pprovduti.

86.      Safejn il-Gvernijiet u l-Kummissjoni kkunsidraw ir-riferiment adattat għal dik id-definizzjoni, dawn ħadu l-posizzjoni li din tikkomprendi biss servizzi tat-telekomunikazzjoni fis-sens strett tal-kelma. Id-drittijiet ta’ użu msemmija f’dik id-dispożizzjoni, jiġifieri “dritt li tiġi użata l-kapaċità ta' din it-trasmissjoni bid-dħul jew bil-ħruġ.”, jirreferu, fl-opinjoni tagħhom, għall-infrastruttura u mhux għal liċenzji għall-użu ta’ l-ispettru ta’ frekwenzi.

87.      L-appellanti waslu għall-konklużjoni opposta minn dal-passaġġ, li l-verżjoni bl-Ingliż tiegħu taqra “including the related transfer or assignment of the right to use capacity for such transmission, emission or reception”. Dawn jargumentaw li terminu capacity qed jiġi użat ukoll fis-sens ta’ frequency spectrum capacity.

88.      Wieħed irid jammetti li l-verżjoni bl-Ingliż tidher li tippermetti tali interpretazzjoni; madankollu, verżjonijiet lingwistiċi oħrajn isostnu l-interpretazzjoni li tawha l-Gvernijiet ikkonċernati u l-Kummissjoni(36). Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi għandu jingħata sinjifikat partikolari lit-tifsira u lill-iskop ta’ dispożizzjoni(37), li jopponi, f’dan il-każ, l-inklużjoni ta’ l-liċenzjar ta’ frekwenzi.

89.      Kif ġie argumentat ġustament mill-Gvern Olandiż, il-leġiżlazzjoni kienet maħsuba biex tiżgura li servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet provduti minn barra l-Komunità lil klijenti fil-Komunità jkunu ntaxxati fil-Komunità(38). Din il-kunsiderazzjoni għandha x’taqsam biss ma’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fis-sens strett tal-kelma peress li l-liċenzji jiġu aġġudikati dejjem mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Barra minn hekk, ħafna minn dawk il-partijiet li lilhom jiġu aġġudikati, li huma l-klijenti f’din it-tranżazzjoni, ikollhom ukoll il-post ta’ l-istabbiliment tagħhom fl-Istat li jassenja l-liċenzji peress li hu diffiċilment konċepibbli jiġi mwaqqaf netwerk tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS u operat mingħajr ma jkollu post ta’ stabbiliment jew xi sussidjarja fl-Istat ikkonċernat.

90.      Il-gvernijiet tar-Renju Unit, ta’ l-Olanda u tad-Danimarka u l-Kummissjoni jirreferu wkoll għad-definizzjoni ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet li tinsab fid-direttivi rilevanti dwar is-suq intern. Ikun ċertament konformi mal-prattika tal-Qorti li meta tiġi interpretata s-Sitt Direttiva, tingħata kunsiderazzjoni għal definizzjonijiet f’atti legali li għandhom x’jaqsmu mas-settur ikkonċernat u li ma jsegwux għanijiet li ma jaqblux mal-liġi tal-VAT(39).

91.      L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE tat-28 ta’ Ġunju 1990 dwar l-istabbiliment tas-suq intern tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ l-implementazzjoni ta’ proviżjon tan-netwerk miftuħ(40) jiddefinixxi servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet bħala kompletament jew parzjalment fit-trażmissjoni u t-tqegħid fir-rotta ta’ sinjali fuq netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet permezz ta’ proċessi ta’ telekomunikazzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ xandir bir-radju u televiżjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skond dik id-definizzjoni l-assenjazzjoni ta’ liċenzji UMTS ma tikkostitwixxix servizz ta’ telekomunikazzjoniet.

92.      Madankollu, hemm dubju dwar jekk id-definizzjonijiet iċċitati jistgħux jiġu applikati għall-Anness D bla ebda kundizzjoni ‘peress li kull waħda tirreferi għal servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet, filwaqt li l-Anness D jelenka telekomunikazzjonijiet. Dan il-kelma tista’ tiġi interpretata bħala deskrizzjoni wiesgħa ta’ dak is-settur ta’ attività, inklużi attivitajiet differenti minn servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fis-sens strett tal-kelma.

–       Approċċ Teleoloġiku

93.      Madankollu, huma l-ispirtu u l-iskop tad-dispożizzjoni fit-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva flimkien ma’ l-Anness D li huma deċiżivi. Kif l-Avukat Ġenerali Alber qal, l-attivitajiet elenkati fl-Anness D huma attivitajiet fejn il-konnessjoni ekonomika hija waħda ewlenija u ċara(41).

94.      Peress li dawk il-provvisti huma, jew jistgħu jkunu, tipikament offruti minn impriżi fis-settur privat ukoll, hemm preżunzjoni ta’ effett materjali fuq il-kompetizzjoni b’mod ġenerali. L-iskop tal-leġiżlazzjoni huwa li l-Istat jitqiegħed fl-istess posizzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi bħala persuna taxxabbli mis-settur privat. Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tranżazzjonijiet oħrajn ta’ l-Istat isiru suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud biss f’każijiet partikolari fejn ikun hemm riskju ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

95.      L-ekwiparazzjoni ta’ l-Istat ma’ persuni taxxabbli fis-settur privat hija biss xierqa fir-rigward ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet fis-sens strett tal-kelma peress li issa ż-żewġ provvisti issa jistgħu jiġu offruti wkoll minn impriżi fis-settur privat. Madankollu kif inhuma l-affarijiet fil-preżent(42), l-assenjazzjoni inizjali ta’ liċenzji hija funzjoni riżervata għall-Istat(43). Anki jekk l-assenjazzjoni ta’ liċenzji tista’ possibbilment f’ċerti ċirkustanzi jkollha tikkompeti mal-bejgħ mill-ġdid ta’ tali drittijiet minn ditti privati(44), mhux xieraq li l-Istat jiġi ekwiparat b’mod ġenerali ma’ persuni taxxabbli fis-settur privat f’dik l-isfera ta’ attività. Huwa meħtieġ biss li jiġi eżaminat jekk it-tranżazzjoni ta’ l-Istat għandix tkun intaxxata skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva sabiex tiġi protetta l-kompetizzjoni.

96.      Ir-risposta għall-ħames domanda li ġiet rinvjata għal deċiżjoni preliminari għandha tkun għalhekk, li kif inhuma l-affarijiet illum, il-kelma “telekomunikazzjonijiet” fil-punt 1 ta’ l-Anness D tas-Sitt Direttiva ma jinkludix l-irkantar mill-Istat ta’ liċenzji UMTS

3.      It-tieni domanda: l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

97.      Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu osservati żewġ kundizzjonijiet sabiex ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ taxxa: l-attivitajiet għandhom jitwettqu minn entità regolata mid-dritt pubbliku u għandhom jitwettqu minn dik l-entità li taġixxi bħala awtorità pubblika(45). Bla dubju, is-Segretarju ta’ l-Istat u r-RA osservaw l-ewwel kundizzjoni.

98.      Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat it-tieni kundizzjoni f’termini konkreti f’Fazenda Pública v Câmara Municipal do Porto(46):

“Fir-rigward ta’ l-aħħar kundizzjoni, huwa l-mod kif l-attivitajiet jitwettqu li jistabbilixxi l-iskop tat-trattament ta’ l-entitajiet pubbliċi bħala persuni mhux taxxabbli […] [(47)].

Huwa għalhekk ċar mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-attivitajiet imwettqa bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva huma dawk li jsiru minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku skond ir-reġim legali speċjali applikabbli għalihom u ma jinkludux attivitajiet imwettqa minnhom taħt l-istess kundizzjonijiet legali bħal dawk li japplikaw għal operaturi ekonomiċi privati […] [(48)]’. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

99.      109. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li s-suġġett jew l-iskop ta’ l-attività mhuwiex rilevanti għal deċiżjoni bħal din(49).

100. L-appellanti kkonkludew mill-ġurisprudenza li hija primarjament il-forma tat-tranżazzjoni li hija rilevanti. Huma jargumentaw li l-irkantar ta’ liċenzji seħħ skond l-istess termini u kundizzjonijiet li japplikaw taħt il-liġi Ingliża għal tranżazzjonijiet korrispondenti taħt id-dritt privat. L-ebda kunsiderazzjoni ma għandha tingħata lill-fatt li l-irkant serva l-iskop li jirregola s-suq.

101. L-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-proċeduri legali u l-Kummissjoni, mill-banda l-oħra, jenfasizzaw li skond id-dritt Komunitarju u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti għall-assenjazzjoni ta’ liċenzji UMTS ġiet riżervata esklużivament għall-Istat, li għandu obbligi speċjali f’dak ir-rigward.

102. Għandu jiġi nnotat li skond l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 97/13 hija biss awtorità regolatorja ta’ l-Istat li tista’ taġġudika liċenzji individwali biex topera netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet. L-awtorità għandha tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva. Jekk Stat Membru jassenja biss numru limitat ta’ liċenzji individwali dan għandu jagħmel l-għażla fuq il-bażi ta’ kriterji li huma oġġettivi, mhux diskriminatorji, iddettaljati, trasparenti u proporzjonati (l-Artikolu10(3) tad-Direttiva 97/13). Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 97/13 japplika għal tariffi imposti f’dan ir-rigward.

103. Għalkemm l-evalwazzjoni finali tal-posizzjoni skond il-liġi nazzjonali hija riżervata għall-qorti tar-rinviju m’għandu jkun hemm ebda dubju li l-assenjazzjoni ta’ liċenzja UMTS skond il-WTA 1949, il-WTA 1998 u r-Regolamenti WTA għandha titwettaq biss mis-Segretarju ta’ l-Istat. L-obbligi imposti fuqha f’dak ir-rigward skond il-liġi nazzjonali huma bbażati fuq ir-rekwiżiti tad-Direttiva 97/13. Barra minn hekk, huwa biss is-Segretarju ta’ l-Istat li jista’ jirrevoka liċenzja, mhux biss f’dawk il-każijiet previsti fil-liċenzja nnifsha imma anki għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew sabiex tkun in konformità mal-obbligi taħt id-dritt Komunitarju jew id-dritt internazzjonali(50).

104. Is-Segretarju ta’ l-Istat, irrappreżentat mir-RA, għalhekk aġġudika l-liċenzji UMTS skond il-leġiżlazzjoni applikabbli għalih biss. L-ebda individwu privat ma seta’ jassenja liċenzji bħal dawn. Dan jippermetti l-konklużjoni li l-irkantar tal-liċenzji kien attività li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ korp statali li aġixxa bħala awtorità pubblika.

105. Dan mhuwiex inkompatibbli mal-fatt li l-liċenzji ġew aġġudikati b’irkant, li hija proċedura li ġejja mid-dritt ċivili u waħda li għalhekk tista’ tintuża mill-persuni fis-settur privat.

106. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-mod kif jiġu mwettqa l-attivitajiet huwa kruċjali, imma ma jkunx biżżejjed li wieħed jinterpreta dan bħala li jfisser biss il-mod kif it-tranżazzjoni għandha tiġi kondotta, jiġifieri l-forma tagħha. Dan jiddependi wkoll primarjament fuq jekk individwi privati jistgħux b’xi mod jingaġġjaw f’xi attività paragunabbli fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti. Li dan kellu jkun il-każ l-Istat ikollu jiġi ttrattat bħala persuna taxxabbli sabiex ma tiġix ipperikolata n-newtralità li tiġi imposta t-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-fatt li, meta jeżerċita l-poteri mogħtija esklużivament lilu, l-Istat jagħmel użu minn proċeduri disponibbli skond id-dritt ċivili, madankollu m’għandu l-ebda effett fuq in-newtralità fiskali.

107. Mhumiex id-dispożizzjonijiet ġenerali fid-dritt ċivili dwar l-irkantijiet li huma kruċjali imma l-kwadru legali attwali għall-irkantar tal-liċenzji UMTS.

108. L-argument ta’ l-appellanti jwassal għall-konklużjoni li l-awtorità pubblika tiġi eżerċitata biss fejn l-Istat jaddotta att amministrattiv, jiġifieri jeżerċita awtorità pubblika fis-sens strett tal-kelma. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrifjutat li taċċetta dik l-interpretazzjoni fis-sentenzi tal-“Motorway toll”(51).

109. F’Fazenda Pública v Câmara Municipal do Porto (52) il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu kkonkludiet mill-fatt li l-immaniġġjar ta’ parkeġġi pubbliċi involva l-eżerċizzju ta’ poteri pubbliċi li l-attività kienet suġġetta għad-dritt pubbliku. Atti ta’ awtorità pubblika fejn l-Istat u ċ-ċittadini huma f’relazzjoni ta’ superjorità/subordinazzjoni huma kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja li jikkostitwixxu indikazzjoni ta’ l-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva imma mhumiex prerekwiżit essenzjali(53).

110. L-applikazzjoni uniformi tas-Sitt Direttiva tista’ wkoll tiġi pperikolata billi jittieħed in kunsiderazzjoni l-kuntest legali tal-forma ta’ tranżazzjoni, għaliex l-użu minn Stat wieħed ta’ forom ta’ tranżazzjoni skond id-dritt privat jista’ possibilment ikun wiesa’ minn ta’ ieħor. Il-mod ta’ kif forom ta’ tranżazzjonijiet ta’ dritt pubbliku jiġu diverenzjati minn dawk ta’ dritt privat jistgħu jvarjaw ukoll bejn id-diversi sistemi legali nazzjonali.

111. Għandu jiġi nnotat ukoll li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jirrikjedi biss li t-tranżazzjonijiet għandhom jitwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi. L-irkantar ta’ drittijiet ta’ liċenzji UMTS għalhekk m’għandux jiġi kkunsidrat b’mod iżolat(54). Għal kuntrarju, dik l-attività taqa’ fil-kuntest globali ta’ l-immaniġġjar ta’ l-ispettru u r-regolamentazzjoni tas-settur tat-telekomunikazzjonijiet. L-Istat essenzjalment jeżerċita poteri pubbliċi f’dan il-kuntest, bħal per eżempju, bit-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ l-UMTS jew tad-direttivi dwar is-suq intern. Dan jaġixxi wkoll fl-eżerċizzju ta’ poteri pubbliċi tiegħu meta jimponi sanzjonijiet skond id-dritt kriminali għat-tħaddim mhux awtorizzat ta’ apparat tar-radju taħt il-WTA 1949 jew meta jirrevoka liċenzja għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew sabiex jikkonforma ruħu ma’ obbligi taħt id-dritt Komunitarju jew id-dritt internazzjonali.

112. Ma jkunx inkonsistenti li l-kuntest legali aktar wiesa’ ta’ attività jittieħed in kunsiderazzjoni fl-istadju ta’ l-evalwazzjoni, fejn l-aspett estern biss ta’ tranżazzjoni huwa kkunsidrat relevanti għall-klassifikazzjoni tagħha bħala attività ekonomika. Huwa tabilħaqq in konformità mal-loġika ta’ l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva li tiġi assigurata applikazzjoni kompleta tad-direttiva fl-ewwel stadju billi tingħata interpretazzjoni wiesgħa għall-Artikolu 4(1) u (2) u mbagħad li jitqiesu l-kundizzjonijiet tal-kuntest legali speċifiku għall-azzjonijiet ta’ l-Istat meta jiġi applikat l-Artikolu 4(5).

113. Finalment, il-klassifika ta’ l-irkant ta’ liċenzji bħala attività fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhijiex prekluża mill-fatt li permezz tiegħu l-Istat jirċievi ammont għoli ta’ dħul. Huwa veru li dan jista’ jwassal biex jiġu attribwiti karatteristiċi ekonomiċi lill-azzjoni ta’ l-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva – kif ġie muri. Madankollu, l-Istat ikun xorta waħda qed jeżerċita awtorità pubblika meta jkun qed jaġixxi fuq il-bażi ta’ reġim legali speċjali li japplika għalih biss.

114. Ir-risposta għat-tieni domanda għalhekk għandha tkun:

Attivitajiet imwettqa minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku taħt reġim legali speċjali applikabbli għalihom għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhuwiex prekluż mill-fatt li, fi-twettiq tar-responsabbiltajiet assenjati esklużivament lilu, l-Istat jagħmel użu minn proċedura meħudha mid-dritt ċivili jew jirċievi ammont għoli ta’ dħul mill-attività tiegħu.

4.      It-tielet domanda: Tista’ attività tiġi mwettqa parżjalment bħala attività ekonomika u parzjalment fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika?

115. L-appellanti argumentaw, sussidjarjament, li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji UMTS kienet ta’ l-inqas parzjalment ta’ natura ekonomika jew li ta’ l-inqas ma twettqitx fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika.

116. L-ewwel nett għandu jiġi nnotat, li s-sentenza f’Armbrecht (55) li rreferu għaliha mill-appellanti f’dan il-kuntest kienet tikkonċerna każ fejn parti minn proprjetà kienet użata għal skopijiet kummerċjali u l-konsegwenzi li rriżultaw minn dan fuq il-liġi tat-taxxa mħallsa fuq ix-xiri. Fil-każ preżenti, madankollu, il-kwistjoni hija dwar jekk l-irkantar tal-liċenzji kienx fih innifsu suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud minħabba li ġie mwettaq minn persuna taxxabbli fil-kors ta’ l-attività ekonomika tagħha.

117. Fis-sentenza f’CCP (56) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li kull provvista ta’ servizz għandha normalment tiġi meqjusa bħala distinta u indipendenti. Peress li provvista li hija komposta minn servizz wieħed mill-lat ekonomiku m’għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT ma tiġix alterata, għandhom fl-ewwel lok jiġu individwalizzati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna taxxabbli tipprovdix lill-klijent tagħha diversi provvisti prinċipali separati jew provvista waħda. Jekk hemm biss tranżazzjoni waħda din għandha wkoll, fil-prinċipju, tiġi ttrattata bħala tranżazzjoni waħda għall-iskopijiet ta’ impożizzjoni ta’ VAT(57).

118. M’hemm l-ebda indikazzjoni fit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-assenjazzjoni ta’ liċenzji UMTS kien fiha żewġ tranżazzjonijiet jew iktar. Tabilħaqq, liċenzja ġiet aġġudikata b’att wieħed u sar ħlas ta’ darba.

119. Huwa wkoll irrilevanti f’dan il-kuntest li l-liċenzjati u l-ammont tal-ħlas ġew l-ewwel nett aċċertati permezz ta’ irkant u l-liċenzji ġew assenjati biss wara li kien sar il-ħlas tat-tariffa, peress li dawn l-aħħar tranżazzjonijiet biss miżuri ta’ implementazzjoni anċillari li m’għandhomx jiġu evalwati separatament mill-irkant.

120. Kif ġie stabbilit, l-Istat kien tabilħaqq qed jaġixxi f’kapaċità ekonomika fil-provvista ta’ dak is-servizz wieħed imma fl-istess ħin kien qed jeżerċita awtorità pubblika. Fin-nuqqas ta’ xi indikazzjoni vera ta’ diviżjoni ta’ tranżazzjonijiet suġġetti għal evalwazzjoni separata, it-tielet domanda hija waħda ipotetika u għalhekk mhemmx għalfejn tingħata risposta(58).

5.      Ir-raba’ domanda: It-trattament bħala persuna mhux taxxabbli jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni?

121. Skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva korpi Statali għandhom ukoll jiġi kkunsidrati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ attivitajiet li jagħmlu bħala awtorità pubblika jekk t-trattament bħala persuni taxxabbli jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

122. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Comune di Carpaneto Piacentino li l-Istati Membri huma meħtieġa li

“jiżguraw li entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jiġu ttrattati bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ attivitajiet li huma jwttqu bħala awtoritajiet pubbliċi meta dawk l-attivitajiet jistgħu wkoll jitwettqu, f’kompetizzjoni magħhom, minn individwi privati, f’każijiet li fihom it-trattament ta’ dawk l-entitajiet bħala persuni mhux taxxabbli jista’ jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni […]”(59). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

123. Kien l-Istat biss li seta’ inizjalment jassenja l-liċenzji, b’mod li tiġi eskluża l-kompetizzjoni bejn servizzi identiċi pprovduti mill-Istat u dawk ipprovduti minn fornituri oħrajn fiż-żmien ta’ l-irkant tal-frekwenzi. Madankollu, l-appellanti jargumentaw li l-assenjazzjoni ta’ frekwenzi mill-Istat mingħajr ma jkun suġġett għall-VAT tista’ tidħol f’kompetizzjoni mal-bejgħ mill-ġdid ta’ drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi minn fornituri privati.

124. Paragrafu 4 tal-liċenzji maħruġa fl-2000 madankollu jistipula li dawn mhumiex trasferibbli. Barra dan, la d-Direttiva 97/13 u lanqas il-WTA 1998 ma kienu jipprevedu n-negozju fil-liċenzji.

125. Fil-Memorandum ta’ Informazzjoni ppubblikat mis-Segretarju ta’ l-Istat fl- 1 ta’ Novembru 1999, madankollu, kien intqal li l-liċenzji li kienu ser jiġi rkantati setgħu sussegwentement isiru trasferibbli li kellu negozju fl-ispettru jiġi introdott. Madankollu, ma kienx ċar jekk u meta dan kien ser jiġri. L-Artikolu 9(4) tad-Direttiva 2002/21 issa jipprovdi r-rekwiżiti fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu osservati meta jiġu ttrasferiti drittijiet ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju. Skond l-informazzjoni provduta fit-talba għal deċiżjoni preliminari l-awtoritajiet fir-Renju Unit ma jipprevedux li n-negozju fil-frekwenzi tal- komunikazzjoni bil mobbli jibda qabel l-2007.

126. Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi kemm hi probabbli u kemm viċin fiż-żmien għandha tkun “distorsjoni sinjifikanti ta’ kompetizzjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, u x’sinjifikat għandu l-prinċipju tan-newtralità f’dan il-kuntest.

127. Għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li t-trattament bħala persuna taxxabbli jew persuna mhux taxxabbli għandu jiġi stabbilit waqt it-tranżazzjoni(60). Konsegwentement, l-effett fuq il-kompetizzjoni għandu wkoll, fil-prinċipju, jeżisti f’dik id-data.

128. Dan ifisser li, fil-mument li fih il-frekwenzi ġew assenjati, kellu jkun hemm diġà suq għal dawk id-drittijiet ta’ użu, jiġifieri, l-ewwel nett li kellu jkun hemm drittijiet ta’ użu paragunabbli li diġà kienu jeżistu u, it-tieni nett, li dawk id-drittijiet kellhom ikunu trasferibbli bejn persuni fis-settur privat. F’dawn iċ-ċirkustanzi biss tista’ l-assenjazzjoni ta’ frekwenza mill-Istat tkun f’kompetizzjoni mat-trasferiment ta’ drittijiet għal użu ta’ frekwenzi minn persuni fis-settur privat.

129. L-ebda liċenzji UMTS ma kienu disponibbli fis-suq Ingliż qabel ma sar l-irkant ta’ dawn il-liċenzji. Barra minn hekk, negozju fil-liċenzji ma kienx permess bil-liġi. Lanqas ma kien possibbli li tipprevedi jekk u meta l-kwadru legali ser jinħoloq.

130. Huwa veru li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Taksatorringen (61) li l-Artikolu 13A(1)(f) ikopri wkoll distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li tista’ ġġib magħha l-eżenzjoni fil-futur. Madankollu, ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jkunu reali(62).

131. Ir-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jista’ jkun reali anki jekk fil-preżent l-ebda kompetitur m’hu qed joffri provvisti kompetittivi li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Punt tat-tluq ta’ żvantaġġ jista’ fih innifsu jiskoraġġixxi kompetituri potenzjali milli jsiru attivi fis-suq. Riskju reali li dan jiġri huwa eskluż, imma, meta m’hemm l-ebda kompetituri potenzjali li joffru provvisti b’kompetizzjoni ma’ frekwenzi aġġudikati mill-Istat minħabba l-kuntest leġiżlattiv.

132. Jekk l-Istat għandux jassenja liċenzji għal darb’oħra f’data aktar tard wara li n-negozju fl-ispettru jkun ġie introdott imbagħad ikun meħtieg li ssir evalwazzjoni mill-ġdid għal skopijiet ta’ VAT fir-rigward ta’ dik il-fażi ta’ attribuzzjoni ta’ liċenzji(63). Il-mod kif liċenzji sussegwentement aġġudikati mill-Istat jiġu ttrattati għal skopijiet ta’ VAT m’għandux però jkollu effett retrospettiv fuq l-aġġudikazjoni tal-liċenzji fl-2000 in kwistjoni f’dan il-każ.

133. L-appellanti jiddependu wkoll fuq il-kunsiderazzjoni li ġejja biex juru distorsjoni tal-kompetizzjoni: jekk, ġaladarba jkun ġie introdott in-negozju fl-ispettru, fornitur tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli jakkwista liċenzja minn impriża oħra u jkollu jħallas il-VAT fuqha, il-parti li tkun qed tagħmel l-akkwist ser tkun fi żvantaġġ meta mqabbla mal-kompetituri li preċedentement irċevew liċenzja mill-Istat mingħajr VAT. Huwa minnu, huma jsostnu, li liċenzjat tas-suq sekondarju normalment ikun jista’ jnaqqas il-VAT imħallsa bħala taxxa fuq ix-xiri imma f’ċerti sitwazzjonijiet dan jista’ jikkawża problemi temporanji ta’ likwidità.

134. Kif diġà ġie stabbilit, madankollu, għandu jkun hemm relazzjoni potenzjalment kompettitiva li tkun teżisti fiż-żmien tat-tranżazzjoni in kwistjoni. Il-possibilità li l-kundizzjonijiet neċessarji tal-kwadru legali jiġu maħluqa iktar tard mhix biżżejjed ‘il għaliex ir-responsabbiltà għat-taxxa ma tistax tiddependi fuq pronjosi li huma ftit jew wisq inċerti.

135. Indipendentement minn dan, madankollu, it-tranżazzjoni ta’ l-Istat għandha tkun suġġetta għat-taxxa biss jekk, skond ir-rizultanzi tal-qorti tar-rinviju, trattament bħala persuna taxxabbli jwassal għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva.

136. Dan ikun il-każ, per eżempju, kieku l-Istat kellu jipprovdi lil konsumaturi finali bl-istess provvisti bħal dawk ipprovduti minn impriżi privati, biex b’hekk fl-ewwel każ il-klijenti jħallsu l-ispiża mingħajr VAT u fl-aħħar każ bil-VAT(64). Peress li konsumaturi finali mhumiex intitolati jnaqqsu t-taxxa mħallsa fuq ix-xiri l-ammont sħiħ tal-VAT jirrendi t-tranżazzjoni mal-fornitur privat daqstant ogħla.

137. Jekk, mill-banda l-oħra, persuna taxxabbli kellha takkwista liċenzja UMTS minn persuna fis-settur privat dan jispiċċa jkun inqas attrajenti milli jekk jiġu akkwistati mill-Istat f’ċerti tipi ta’ każijiet biss – kif ukoll b’mod minimu biss – peress li t-taxxa fuq il-valur miżjud setgħet jew tiġi mnaqqsa bħala taxxa mħallsa fuq ix-xiri b’mod immedjat jew rifuża f’perijodu qasir. Huwa veru li, l-ispejjeż ta’ finanzjament assoċjati jistgħu jkunu kbar f’termini assoluti imma fil-kuntest tas-somom totali minfuqa fuq l-akkwist tal-liċenzji UMTS l-estent ta’ dik in-nefqa b’mod ġenerali, mhuwiex ser tkun tali li jagħti lok għal distorsjonijiet sinfikanti fil-kompetizzjoni.

138. Barra minn hekk, l-introduzzjoni tan-negozju fl-ispettru bl-ebda mod ma setgħet tiġi prevista fis-sena 2000 u s’issa għadha ma ġietx attwalment introdotta fl-Unjoni Ewropea. Iktar ma jkun twil il-perijodu li jidekorri bejn l-assenjazzjoni tal-liċenzji mill-Istat u l-possibiltà jiġu akkwistati liċenzji fis-suq sekondarju, iktar m’hu se jinbidel il-kuntest globali tas-suq. Fatturi oħrajn, bħal per eżempju, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-valur ekonomiku tal-liċenzji fid-dawl ta’ l-iżvilupp ta’ teknoloġija kompetittiva għall-komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS, ikollhom prominenza pjuttost differenti meta mqabbla ma’ problemi ta’ likwidità li jirriżultaw mill-infiq temporanju fuq it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri.. Din il-kunsiderazzjoni turi wkoll li distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tista’ tiġi stabbilita biss, jekk iż-żewġ tranżazzjonijiet kienu disponibbli bejn wieħed u ieħor fl-istess żmien u x-xerrej potenzjali jkollu għażla bejn żewġ offerti paragunabbli.

139. Ir-risposta għar-raba’ domanda għandha għalhekk tkun:

Distorsjoni sinjifikattivi tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva teżisti biss meta jkun hemm riskju reali li t-trattament mill-Istat ta’ persuna mhux taxxabbli jkollu effett materjalment negattiv fuq il-posizzjoni kompetittiva ta’ fornituri preżenti jew potenzjali ta’ provvisti kompetittivi. L-ebda riskju bħal dan ma jkun jeżisti, fil-prinċipju, meta fiż-żmien tat-tranżazzjonijiet mill-Istat, fornituri mis-servizz privat huma preklużi mill-kundizzjonijiet tal-kuntest legali milli jqegħdu fis-suq provvisti li huma f’kompetizzjoni mal-provvisti ta’ l-Istat.


C –     Is-sitt domanda: Interpretazzjoni skond id-direttiva ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

140. Fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 41(2) ta’ l-Att ta’ l-1994 dwar il-VAT, it-Teżor ippubblika Direttivi tat-Teżor skond liema ċerti attivitajiet imwettqa mil l-amministrazzjoni pubblika – inkluża l-assenjazzjoni ta’ liċenzji u telekomunikazzjonijiet – għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet suġġetti għall-VAT(65).

141. Kif ġie deċiz mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Fazenda Pública v Câmara Municipal do Porto(66), l-Istati Membri jistgħu jagħmlu t-traspożizzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva billi joħolqu kwadru legali u jassenjaw lill-amministrazzjoni l-poter li tiddeċidi skond il-kriterji statutorji meta attività ta’ l-Istat għandha tkun suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud sabiex jiġu evitati distorsjonijiet sinjifikattivi tal-kompetizzjoni.

142. Il-qorti tar-rinviju issa tixtieq tistabbilixxi sa liema punt għandha tiġi attribwita importanza, meta tiġi applikata l-imsemmija liġi nazzjonali, għall-prinċipju ta’ interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali skond id-direttivi, kif espost f’ Marleasing(67).

143. Meta tapplika l-liġi nazzjonali, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi adottati speċifikament bl-iskop li jiġu implementati r-rekwiżiti ta’ direttiva, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tinterpreta l-liġi nazzjonali, safejn possibbli, fid-dawl tad-diċitura u l-għan tad-direttiva kkonċernata, sabiex tilħaq ir-riżultat imfittex mid-direttiva u konsegwentement tikkonforma ruħha mat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE(68).

144. Dan il-prinċipju għandu jiġi osservat fl-applikazzjoni ta’ kull leġiżlazzjoni nazzjonali. Dan jgħodd wkoll għal direttivi mogħtija mill-amministrazzjoni li, fl-implementazzjoni ta’ l-Artikolu 4(1) u (5) tas-Sitt Direttiva, jispeċifikaw liema oġġetti u servizzi pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi għandhom jiġu ttrattati bħala provvisti taxabbli.

145. Madankollu, l-appellanti jikkontendu li dak il-prinċipju ta’ interpretazzjoni tal-liġi nazzjonali skond id-direttivi ma japplikax għal Direttivi tat-Teżor peress li l-awtorità tat-taxxa permezz tagħhom eżerċitat id-diskrezzjoni mogħtija lilha skond id-Direttiva.

146. Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat. Meta l-awtoritajiet nazzjonali, meta jittrasponu t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu (5) tas-Sitt Direttiva, jikklassifikaw ċerti attivitajiet ta’ entità pubblika bħala suġġetti għat-taxxa, huma marbutin bir-rekwiżiti legali tad-Direttiva. Dan ifisser li l-eżistenza ta’ distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni, kif intqal, tiddependi, fil-prinċipju, fuq l-oġġetti jew servizzi pprovduti mill-Istat li fil-ħin li ssir dik il-provvista jkunu f’kompetizzjoni ma’ oġġetti jew servizzi korrispondenti pprovduti minn persuni fis-settur privat. Id-Direttiva ma tagħtix lill-awtoritajiet nazzjonali l-poter li jagħmlu oġġetti jew servizzi pprovduti mill-Istat fl-eżerċizzju ta’ l-awtorità pubblika suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud anki meta għal raġunijiet legali mhemmx tali relazzjoni kompetittiva u l-każ ma jaqax fl-ambitu tat-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva flimkien mal-Anness D.

147. L-appellanti jikkontendu wkoll li l-Istat ma jistax jiddependi fuq interpretazzjoni skond id-Direttiva għad-detriment ta’ individwi privati. Din il-fehma lanqas m’hi korretta. L-obbligu tal-qrati li jinterpretaw il-liġi nazzjonali skond direttiva japplika irrispettivament minn jekk din taffettwax ħażin individwi privati. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat l-obbligu ta’ interpretazzjoni skond id-direttivi anki f’każijiet bejn individwi privati, fejn meta jingħata qies tad-dritt Komunitarju, ikun hemm neċessarjament effett negattiv fuq wieħed mill-partijiet individwali privati(69). Din irrikonoxxiet ukoll li l-fatt li tiddependi fuq direttiva jista’ indirettament ikollu riperkussjonijiet negattivi fuq id-drittijiet ta’ individwi(70).

148. Dan ma joħloqx konflitt mal-ġurisprudenza stabbilita fis-sens li direttiva ma tistax hija nnifsha timponi obbligi fuq individwi u ma tistax għalhekk tiġi invokata, fiha nfisha, kontra individwu(71). Din ir-regola tapplika biss għall-applikazzjoni diretta ta’ direttivi u mhux għall-interpretazzjoni skond direttiva. Fil-każ ta’ interpretazzjoni skond direttiva, id-direttiva stess ma timponix obbligi fuq l-individwu; dan isir bil-liġi nazzjonali li hija applikata in konformità mad-Direttiva.

149. Hija l-qorti nazzjonali li tiddeċiedi jekk interpretazzjoni ta’ liġi nazzjonali skond id-direttiva hijiex possibbli fil-każ preżenti. Għalhekk għandu jittieħdu in kunsiderazzjoni mhux biss id-Direttivi tat-Teżor innifishom. Il-qorti nazzjonali għandha tikkunsidra l-liġi nazzjonali fit-totalità tagħha sabiex tevalwa sa liema punt tista’ tiġi applikata sabiex ma twassalx għal riżultat li jkun kontra dak li trid tasal għalih id-direttiva(72).

150. Jekk l-applikazzjoni ta’ metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti mill-liġi nazzjonali twassal, f’ċerti ċirkustanzi, biex dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali tiġi interpretata b’tali mod sabiex jiġi evitat konflitt ma’ regola oħra ta’ liġi nazzjonali jew l-iskop ta’ dik id-dispożizzjoni jiġi ristrett billi tiġi applikata biss safejn hija kompatibbli mar-regola kkonċernata, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tuża dawk il-metodi sabiex tikseb ir-riżultat li riedet tasal għalih id-direttiva.(73) Madankollu, id-dritt Komunitarju ma jeħtieġx interpretazzjni ta’ liġi nazzjonali skond direttivi contra legem (74).

151. Is-sitt domanda trid għalhekk tiġi mwieġba kif ġej:

Meta Stat Membru jagħżel li jimplementa l-Artikoli 4(1) u 4(5) tas-Sitt Direttiva b’leġislazzjoni li tagħti lil dipartiment tal-Gvern poter statutorju biex joħroġ direttivi li jispeċifikaw liema tranżazzjonijiet minn dipartiment tal-Gvern għandhom jiġu ttrattati bħala tranżazzjonijiet taxxabbli u meta d-dipartiment tal-Gvern jeżerċita dak il-poter, qorti nazzjonali li tapplika dik il-leġiżlazzjoni hija obbligata tinterpreta l-liġi nazzjonali safejn possibbli fid-dawl tad-diċitura u l-iskop tas-Sitt Direttiva, sabiex jinkiseb ir-riżultat li riedet tasal għalih id-Direttiva u konsegwentement tosserva t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE.

V –  Konklużjoni

152. Bħala konklużjoni, jiena nipproponi li r-risposti għad-domandi tat-Tribunal tal-VAT u Dażji ta’ Londra għandhom ikunu kif ġej:

(1)      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali l-irkantar mill-Istat tad-dritt għal użu ta’ partijiet definiti ta’ l-ispettru elettromanjetika biex jiġu pprovduti servizzi ta’ komunikazzjonijiet bil-mobbli UMTS għall-perijodu speċifiku ta’ żmien għandu jiġi kkunsidrat bħala sfruttament ta’ proprjetà intanġibbli għall-iskop biex jinkiseb dħul minnha fuq bażi kontinwa u għalhekk għandu jiġi kkunsidrat bħala attività ekonomika fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1)u (2) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima.

(2)      Fil-preżent, il-kelma “telekomunikazzjonijiet” fil-punt 1 ta’ l-Anness D għas-sitt Direttiva ma tinkludix l-irkantar mill-Istat ta’ liċenzji UMTS.

(3)      Attivitajiet imwettqa minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku skond sistema legali speċjali applikabbli ghalihom għandhom jitqiesu li huma attivitajiet li jwettqu bħala awtoritajiet pubbliċi fis-sens ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. L-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika mhuwiex prekluż mill-fatt li, fit-twettiq tar-responsabbiltajiet assenjati esklużivament lilu, l-Istat jagħmel użu minn proċedura li ġejja mid-dritt ċivili jew jirċievi ammont għoli ta’ dħul mill-attività tiegħu

(4)      Distorsjoni sinjifikanti tal-kompetizzjoni fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva teżisti biss meta jkun hemm riskju reali li t-trattament mill-Istat bħala persuna mhux taxxabbli jkollu effett materjali negattiv fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ fornituri preżenti jew potenzjali ta’ provvisti f’kompetizzjoni ma’ xulxin. L-ebda riskju bħal dan ma jeżisti, fil-prinċipju, meta fiż-żmien tat-tranżazzjonijiet mill-Istat, fornituri mis-settur privat huma preklużi mis-sistema legali ġenerali milli jqiegħdu fis-suq provvisti li huma f’kompetizzjoni mal-provvisti ta’ l-Istat.

(5)      Meta Stat Membru jagħżel li jimplementa l-Artikoli 4(1) u 4(5) tas-Sitt Direttiva permezz ta’ leġiżlazzjoni li tagħti dritt statutorju lil dipartiment tal-Gvern biex joħroġ direttivi li jispeċifikaw liema tranżazzjonijiet imwettqa minn dipartimenti tal-Gvern għandhom jiġu ttrattati bħala tranżazzjonijiet taxxabbli u meta d-dipartiment tal-Gvern jeżerċita dak il-poter, qorti nazzjonali li tapplika dik il-leġiżlazzjoni hija obbligata li tinterpreta l-liġi nazzjonali, safejn hu possibbli, fid-dawl tad-diċitura u l-iskop tas-Sitt Direttiva sabiex jinkiseb ir-riżultat li riedet tasal għalih id-Direttiva u konsegwentement tosserva t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 249 KE.


1 – Lingwa Oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – IMT-2000: Telekomunikazzjonijiet Internazzjonali bil-Mobbli -2000 (standard li ġie żviluppat mill-Għaqda Internazzjonali tat-Telekomunikazzjonijiet (“ITU”)); UMTS: Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni bil-Mobbli (standard li ġie zviluppat fil-kuntest tal-Konferenza Ewropea ta’ l-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (“CEPT”) u l-Istitut Ewropew ta’ l-Istandards tat-Telekomunikazzjonijiet (“ETSI”), li hija parti ta’ l-hekk imsejħa familja IMT-2000).


3 – Din hi għalhekk, sa ċertu punt, taxxa fuq il-valur miżjud li ġiet mħallsa mingħajr ma ħadd induna biha, kif ir-rappreżentant tal-Gvern Olandiż ġustament iddikjara fil-proċedura orali quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.


4 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU 1977 L 145, p. 1).


5 – Kawża C-284/04 T-MobileAustria et (pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja).


6 – Ġew aġġudikati liċenzji b’irkant, inter alia, fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fil-Belġju, f’Ċipru, fid-Danimarka, fil-Greċja, fl-Ungerija, fl-Italja, fl-Olanda, fir-Repubblika Ċeka u fir-Renju Unit. Fi Spanja, fil-Finlandja, fi Franza, fil-Lussemhurgu, fil-Polonja, fil-Portugall, fis-Slovakkja, fis-Slovenja u fl-Iżvezja l-benefiċjarji ta’ liċenzji ġew magħzulin permezz ta’ sejħa għal offerti (l-hekk imsejjaħ beauty contest). Fl-Istati msemmja (bl-eċċezzjoni ta’ l-Ungerija u l-Finlandja) l-assenjazzjoni ta’ liċenzji ma kinitx suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Fil-Finlandja, il-liċenzji ngħataw mingħajr ħlas.


7 – CEPT hija organizzazzjoni internazzjonali li s-sħubija fiha hija preżentement komposta minn awtoritajiet regolatorji tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet minn 46 pajjiż Ewropew. (Għal aktar dettalji ara l-paġna prinċipali ta’ l-organizzazzjoni f’www.cept.org.)


8 – Din id-deċiżjoni tidentifika l-ispettri ta’ frekwenzi li ġejjin: 1900-1980 MHz, 2010-2025 MHz u 2110-2170 MHz għal applikazzjonijiet UMTS terrestri u 1980-2010 MHz u 2170-2200 MHz għall-applikazzjonijiet UMTS ibbażati bis-satellita.


9 – Ara l-informazzjoni fil-paġna prinċipali ta’ l-Uffiċċju Ewropew tar-Radjukomunikazzjonijiet (“ERO”) f’www.ero.dk/ecc.


10 – Id-Direttiva 97/13/KE tal-Parlment Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ April 1997 dwar struttura komuni għal awtorizzazzjonijiet ġenerali u liċenzji individwali fil-kamp tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet (ĠU 1997 L 117, p. 15), li ġiet abrogata b’effett mill-24 ta’ Lulju 2003 bid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas) (ĠU 2002 L 108, p. 33).


11 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


12 – ĠU 1999 L 17, p. 1.


13 – Skond is-sistema li qed tintuża preżentement, sabiex jiġi operat netwerk huwa meħtieġ li jkollok frekwenza waħda għal sinjali għal barra u oħra għal sinjali ġejjin lura (Frequency Division Duplex – FDD). Liċenzji A, C, D u E għandhom kull waħda spettru ta’ 5 MHz mhux binarja li tista’ tintuża għal operazzjoni time-displaced (Time Division Duplex – TDD).


14 –      BT3G dak iż-żmien kienet proprjetà ta’ British Telecommunications plc; wara s-separazzjoni tan-negozju ta’ BT tal-komunikazzjonijiet bil-mobbli fil-forma ta’ mmO2, BT3G biddlet isimha għal O2 Third Generation Limited.


15 – Sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni v Il-Greċja (C-260/98 Ġabra p. I-6537, punt 26), u Il-Kummissjoni v Ir-Renju Unit (C-359/97, Ġabra p. I-6355, punt 41); tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield (C-233/03, Ġabra p. I-1751, punt 47); ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni v L-Olanda (235/85, Ġabra p. 1471, punt 8), kif ukoll fl-istess sens is-sentenzi Rompelman (268/83, Ġabra p. 655, punt 19), u tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes (C 497/01, Ġabra p. I-14393, punt 38).


16 – Sentenzi tas-6 ta’ April 1995, BLP Group (C-4/94, Ġabra p. I-983, punt 24) u tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et (C 354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 45).


17 – Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.


18 – Kieku ma kienx hemm skop għall-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva ab initio meta tħallsu tariffi kienu ma kienx ikun hemm bżonn tal-kjarifika fl-ewwel subaragrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li l-Istat m’għandux jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli anki meta jiġbor ħlasijiet għall-attivitajiet tiegħu.


19 – Skond l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 97/13 l-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru ta’ liċenzji individwali biss sal-punt meħtieġ sabiex jiġi żgurat l-użu effiċjenti ta’ frekwenzi tar-radju.


20 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, Il-Kummissjoni v L-Olanda (punt 10), Il-Kummissjoni v Il-Greċja (punt 28), u Il-Kummissjoni v Ir-Renju Unit (punt 43).


21 – Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


22 – Sentenza tad-19 ta’ Jannar 1994 (C-364/92, Ġabra p. I-43, punt 30); ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Marzu 1997, Diego Calì & Figli (C-343/95, Ġabra p. I-1547, punti 22 u 23), u tad-19 ta’ Frar 2002 Wouters et, (C-309/99, Ġabra p. I-1577, punt 57).


23 – Sentenzi ta’ l-4 ta’ Diċembru 1990 Van Tiem (C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 18); tas-26 ta’ Ġunju 2003 KapHag (C-442/01, Ġabra p. I-6851, punt 37), tad-29 ta’ April 2004, EDM (C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 48), u tal-21 ta’ Ottubru 2004, BBL (C-8/03, Ġabra p. I-10157, punt 36)


24 – Sentenzi tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler (C-230/94, Ġabra p. I-4517, punt 22), u tas-27 ta’ Jannar 2000, Heerma (C-23/98, Ġabra p. I-419, punt 19). Ara wkoll is-sentenza ta’ l-14 ta’ Frar 1985, Rompelman (268/83, Ġabra p. 655), fejn il-Qorti kklassifikat bħala attività ekonomika l-akkwist ta’ dritt ta’ proprjetà futura fuq parti ta’ immobbli li għadu qed jinbena.


25 – Ara, bħala eżempju, il-verżjoni bl-Ingliż: “for the purpose of obtaining income therefrom on a continuing basis”; bil-Franċiż: “en vue d’en retirer des recettes ayant un caractère de permanence”; bit-Taljan: “per ricavarne introiti aventi un certo carattere di stabilità”; bl-Ispanjol: “con el fin de obtener ingresos continuados en el tiempo”.


26 – Sentenza Enkler (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 20).


27 – Sentenza Enkler (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 27).


28 – Sentenzi ta’ l-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust (C155/94, Ġabra p. I-3013, punti 32 et seq), u EDM (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 57 et seq). Ara wkoll il-kawżi dwar il--pussess u l-akkwist ta’ ishma: sentenzi KapHag (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 38) u tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, Ġabra p.I-4357, punti 19 et seq).


29 – Ara l-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo, li fihom huma jesponi b’mod ċar li l-Artikolu 4(5), huwa, għal mod tal-kelma, kostitwit minn livelli differenti u kompost minn eċċezzjonijiet u kontra-eċċezzjonijiet (Konklużjonijiet mogħtija fil-Kawżi Maqgħuda 231/87 u 129/88 Comune di Carpaneto Piacentino et, Ġabra 3233, punt 8).


30 – Sentenza tas-17 ta’ ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et (iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 29, punt 22)


31 – Ara l-Konklużjonijiet mogħtija mill-Avukat Ġenerali Alber fid-29 ta’ Ġunju 2000, fil-Kawża C-Fazenda Pública (sentenza ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000, C-446/98, Ġabra 2000, p. I-11435, punt 69).


32 – L-Anness D jelenka total ta’ 13-il attività barra t-telekomunikazzjonijiet, bħal per eżempju l-provvista ta’ ilma, ta’ gass, ta’ elettriku, servizzi ta’ trasport ta’ oġġetti u trasport ta’ passiġġieri, servizi ta’ port u ajruport, it-tmexxija ta’ fieri u ta’ espożizzjonijiet ta’ natura kummerċjali, l-attivitajiet ta’ uffiċċji kummerċjali ta’ riklamar, l-attivitajiet ta’ aġenziji ta’ vvjaġġar, it-tmexxija ta’ ristoranti tal-persunal, etc.


33 – Il-Gvern tar-Renju Unit f’dan il-kuntest jirreferi għad-definizzjoni ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/387/KEE, tat-28 ta’ Ġunju 1990, dwar l-istabbiliment tas-suq intern għas-servizzi tat-telekomunikazzjoni permezz ta’ l-implementazzjoni ta’ provvista ta’ netwerk miftuħ (ONP) (ĠU 1990 L 192, p. 1), li minn dak iż-żmien ‘l hawn ġiet abrogata, li tgħid li ‘servizzi tat-telekomunikazzjoni’ tfisser servizzi li l-provvista tagħhom tikkonsisti, għal kollox jew in parti, fit-trażmissjoni jew fit-tqegħid ta’ sinjali fuq netwerk tat-telekomunikazzjonijiet permezz ta’ proċessi ta’ telekomunikazzjonijiet, ħlief ix-xandir bir-radju u televiżjoni.


34 – Ara f’dan il-kuntest il-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-13 ta’ Lulju 2006, fil-Kawża Robins et (C-278/05 pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, punti 80 u 81).


35 – Id-dispożizzjoni ddaħħlet bid-Direttiva tal-Kunsill 1999/59/KE, tas-17 ta’ Ġunju 1999, li emendat id-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta’ l-arranġamenti dwar taxxa fuq il-valur miżjud applikabbli għal servizzi ta’ telekomunikazzjoni (ĠU 1999 L 162, p. 63).


36 – Ara, barra l-verżjoni Ġermaniża ċċitata, il-verżjoni Taljana (“ivi compresa la cessione e la concessione, ad esse connesse, di un diritto di utilizzazione a infrastrutture per la trasmissione, l’emissione o la ricezione”), il-verżjoni Olandiża (“met inbegrip van de daarmee samenhangende overdracht en verlening van rechten op het gebruik van infrastructuur voor de transmissie, uitzending of ontvangst”) u l-verżjoni Franċiża (“y compris la cession et la concession y afférentes d’un droit d’utilisation de moyens pour une telle transmission, émission ou réception”) – l-enfasi hija tiegħi.


37 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Marzu, Cricket St. Thomas (C-372/88, Ġabra I-1345, punt 19), tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra I-3017, punt 22), u tat-22 ta’ Settembre 2000, D (C-384/98 Ġabra I-6795, punt 16).


38 – Ara r-raba’ kunsiderazzjoni fil-preambolu tad-Direttiva 1999/59, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 33) li taqra: “Għandha tittieħed azzjoni biex jiġi żgurat b’mod partikolari, li s-servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet użati mill-klijenti stabbiliti fil-Komunità jiġu ntaxxati fil-Komunità.”


39 – Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza ta’ l-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National (C-169/04, Ġabra I-4027, punti 61 et seq), kif ukoll il-punti 73 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2005.


40 – Id-Direttiva 90/387 sadanittant ġiet abrogata bid-Direttiva 2002/21. Id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi li tinsab fl-Artikolu 2(c) tad-Direttiva Qafas ġdida tinkludi t-telekomunikazzjonijiet u, bħad-direttiva predeċessur tagħha, hija bbażata fuq it-trażmissjoni ta’ sinjali fuq netwerkijiet ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.


41 – Konklużjonijiet fil-kawża Fazenda Pública (iċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 31, punt 69).


42 – Madanakollu, il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tintroduċi approċċ ibbażat aktar fuq is-suq tat-tmexxija tal-frekwenzi [ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ta’ l-14 ta’ Settembru 2005, Approċċ ibbażat fuq is-suq fir-rigward tat-tmexxija ta’ l-ispettru radjoelettrika fl-Unjoni Europea, COM (2005) 400 finali].


43 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 102 et seq iktar ‘il quddiem.


44 – Ara l-osservazzjonijiet dwar ir-raba’ domanda preliminari (iktar ‘il quddiem, punti 121 et seq).


45 – Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Ayuntamiento de Sevilla (C-202/90, Ġabra I-4247, punt 18), kif ukoll Il-Kummissjoni v Il-Greċja (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 34) u Il-Kummissjoni v Ir-Renju Unit (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 49).


46 – Sentenza ċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 28, punti 16 u 17.


47 –      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 15), u tal-15 ta’ Mejju 1990, Comune di Carpaneto Piacentino et (C-4/89, Ġabra I-1869, punt 10).


48 –      Il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għas-sentenzi ċċitati iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, Il-Kummissjoni v Ir-Renju Unit, punt 50, u Il-Kummissjoni v Il-Greċja, punt 35, kif ukoll sentenzi oħrajn mogħtija f’kawżi paralleli.


49 – Sentenzi tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 13), u Fazenda Pública (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 19).


50 – Ara l-Artikolu 4 tal-WTA 1998.


51 – Is-sentenzi, iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, Il-Kummissjoni v Ir-Renju Unit (punt 15) u Il-Kummissjoni v Il-Greċja (punt 36).


52 – Fazenda Pública (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 22).


53 – Ara s-sentenza fil-Kawża C-4/89 Comune di Carpaneto Piacentino, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, paragrafu 11.


54 – Fis-sentenza Fazenda Pública (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 22) il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-kirja ta’ post għall-parkeġġ b’mod iżolat imma qieset ukoll it-tmexxija globali ta’ postijiet għall-parkeġġ pubbliċi.


55 – Sentenza ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht (C-291/92, Ġabra p. I-2775). Ara b’mod partikolari dwar it-tnaqqis ta’ taxxa mħallsa fuq ix-xiri fuq proprjetà użata fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblica: sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Waterschap Zeeuws Vlaanderen (C-378/02, Ġabra p. I-4685).


.


56 – Sentenza tal-25 ta’ Frar 1990, CPP (C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 29). Ara wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen et OV Bank (C-41/04, Ġabra. p. I-9433).


57 – Ara l-Konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fl-4 ta’ Mejju 2006 fil-kawża Talacre Beach Caravan Sales (C-251/05, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 32 et seq).


58 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman et (C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61), u tat- 13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39).


59 –      Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989 (iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27, punt 24). Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle (C-430/04, Ġabra I-4999, punt 25).


60 – Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Waterschap Zeeuws Vlaanderen (C-378/02, Ġabra I-4685, punt 32).


61 – Sentenza ta’ l-20 ta’ Novembru 2003, (C-8/01, Ġabra I-13711, punt 32).


62 – Ibid, punt 63.


63 – Wara d-Deċiżjoni CEPT ECC (02) 06, l-Unjoni Europea ddeċidiet li teħles il-frekwenza 2500-2690 MHz mill-1 ta’ Jannarr 2008 għas-sistemi IMT-2000 UMTS, kif ukoll frekwenzi li għallihom diġà ngħataw għall-ewwel servizzi 3G.


64 – L-ipoteżi mressqa mill-appellanti li persuna li mhijiex taxxabbli (bħal per eżempju entità statali) li mhijiex intitolata tnaqqas it-taxxa mħallsa fuq ix-xiri se takkwista liċenzja tkun tidher improbabbli ħafna. Jekk entità Statali kellha tuża liċenzja skond id-destimazzjoni tagħha sabiex tipprovdi servizzi tat-telekomunikazzjonijiet bi ħlas, hija tkun obbligata tħallas it-taxxa skond it-tielet subparagrafu ta’ l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva moqri flimkien mal-Anness D tas-Sitt Direttiva. L-argument li t-tnaqqis ta’ taxxa mħallsa fuq ix-xiri jista’ jiġi eskluż jekk il-liċenzji ma jiġux użati għal attivitajiet li fuqhom hija imponibbli t-taxxa hija wkoll kemmxejn ipotetika.


65 – Ara l-punti 12 u 13 hawn fuq.


66 – Iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, punt 32.


67 – Sentenza tat-13 ta’ Novembru 1990 Marleasing (C-106/89, Ġabra p. I-4135, punt 8). Imsemmi għall-ewwel darba fis-sentenza ta’ l-10 ta’ April 1984, Von Colson u Kamann (14/83, Ġabra p. 1891, punt 26). Ara wkoll is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 1994 Faccini Dori (C-91/92, Rec. p. I-3325, point 26), u tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 113).


68 – Sentenzi Von Colson u Kamann (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 26), Marleasing (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 8), Faccini Dori (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 26) u Pfeiffer et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 113).


69 – Ara s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67 (bl-eċċezzjoni tas-sentenzi Von Colson u Kamann).


70 – Sentenza tas-7 ta’ jannar 2004, Wells (C-201/02, Ġabrap. I-723, punt 57).


71 – Sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall (152/84, Ġabra p. 723, punt 48); Marleasing (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 6), Faccini Dori (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna , punt 20), Wells (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 70, punt 57) u Pfeiffer et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 108).


72 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, Carbonari et (C-131/97, Ġabra p. I-1103, punti 49 u 50), u s-sentenza Pfeiffer et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 115).


73 – Pfeiffer et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 67, punt 116).


74 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C-105/03, Ġabra p. I-5285, punt 47). Din is-sentenza kien tikkonċerna Deċiżjoni Qafas ibbażata fuq it-Trattat ta’ l-UE. Madankollu, il-kwotazzjoni tapplika wkoll għal direttivi adottati taħt it-Trattat ta’ l-KE.