Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

Kokott

ippreżentati fil-11 ta’ Jannar 2007 (1)

Kawża C-184/05

Twoh International BV

vs

Staatssecretaris van Financiën

[(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden (l-Olanda)]

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 28ċA(a) – Provvista intrakomunitarja – Eżenzjoni – Rekwiżiti fir-rigward tal-provi – Direttiva 77/799/KEE – Regolament (KEE) Nru 218/92”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ din id-deċiżjoni ta’ rinviju, il-Hoge Raad der Nederlanden titlob interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT(2) kif ukoll ta’ atti legali oħrajn li jirregolaw l-assistenza reċiproka ta’ l-awtoritajiet tat-taxxa. Essenzjalment din tirrigwarda l-kwistjoni jekk awtorità tat-taxxa hijiex obbligata tikseb informazzjoni mingħand Stat Membru ieħor meta l-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ turi hi stess li wettqet provvista intrakomunitarja eżenti peress li l-akkwirent, li jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor, ma jkunx bagħtilha d-dikjarazzjonijiet jew id-dokumenti meħtieġa għal dan l-iskop. Dawn il-kwistjonijiet huma marbuta mill-qrib ma’ dawk imqajma fi-kawżi C-409/04 (Telos et.) u C-146/05 (Collée) li fir-rigward tagħhom qed nippreżenta wkoll konklużjonijiet illum.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-Dritt Komunitarju

2.        Id-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 li tissupplementa s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE(3) bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali, daħħlet fis-Sitt Direttiva titolu XVIa ġdid (Arranġamenti Transizzjonali [Tranżitorji] għat-tassazzjoni tan-Negozju bejn Stati Membri) (Artikoli 28a sa 28m). Dawn id-dispożizzjonijiet għadhom applikabbli peress li t-tassazzjoni tal-provvista ta’ merkanzija bejn impriżi s’issa għadha m’hijiex suġġetta għal regoli definittivi fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

3.        L-Artikolu 28c (A) tas-Sitt Direttiva jirregola l-eżenzjoni ta’ provvisti ta’ prodotti. Dan jgħid:

“[...]suġġett għal[l-]kondizzjonijiet] li [...] [huma] jistabbilixxu bl-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet [previsti] hawn taħt u biex jilqgħu kontra evażjoni, skartar jew abbuż [, l-Is]tati Membri jeżentaw:

a) [il-]fornitura ta’ merkanzija, kif iddefinita fl-Artikoli 5 u 28a (5)(a) mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-bejjiegħ jew il-persuna li qed takkwista l-merka[nzija] ’il barra mit-territ[or]ju msemmi fl-Artikolu 3 imma xorta fil-Komunità, magħmula għal persuna taxxabbli oħra jew persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi hekk fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn tintbagħat jew tkun ittrasportata l-merkanzija.

[...]”

4.        L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva jirregola l-formalitajiet imposti fuq il-persuna suġġetta għat-taxxa u b’mod partikolari jistabbilixxi fil-verżjoni applikabbli għal dan il-każ(4) :

“ 2. a) Kull persuna taxxabbli trid iżżomm kontijiet iddettaljati biżżejjed biex it-taxxa fuq il-valur miżjud tkun tista’ tkun applikata u spezzjonata mill-awtorita tat-taxxa.

[...]

3.      a) Kull persuna taxxabbli trid toħroġ fattura, jew xi dokument ieħor li jservi ta’ fattura, għal merkanzija u servizzi li tkun forniet jew ipprovdiet lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli. Kull persuna taxxabbli trid ukoll toħroġ fattura, jew dokument li jservi ta’ fattura, għall-provvista ta’ merkanzija msemmija fl-Artikolu 28(b) (B) (1) u għall-merkanzija fornita bil-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 28ċ(A). Persuna taxxabbli trid iżżomm kopja ta’ kull dokument maħruġ.

[...]

4. a) Kull persuna taxxabbli tissometti ritorn [dikjarazzjoni] sa żmien stipolat mill-Istati Membri[...]

b) Ir-ritorn [Id-dikjarazzjoni] jagħti l-informazzjoni kollha maħtieġa biex tinħadem it-taxxa li trid titħallas u t-tnaqqis li jrid isir inkluż, fejn jgħodd, u sakemm jidher meħtieġ biex tkun stabbilita l-bażi ta’ l-istima, il-valur totali tat-transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn it-taxxi u tnaqqis u l-valur ta’ xi transazzjonijiet eżenti.

c) Ir-ritorn [Id-dikjarazzjoni] irid jistabbilixxi ukoll:

– minn banda waħda, il-valur totali, tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud, tal-fornitura tal-merkanzija msemmija fl-Artikolu 28ċ(A) li trid titħallas it-taxxa fuqha matul dak il-perjodu

– [...]

6.       [...].

b) Kull persuna taxxabli identifikata għall-għanijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha toħroġ prospett bil-lists sħiħa ta’ l-akwistaturi [dikjarazzjoni rikapitulattiva ta’ l-akkwirenti] identifikati għall-għanijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil min h[ij]a forn[iet] l-oġġetti taħt il-kondizzjonijiet li hemm ipprovdut fl-Artikoli 28ċ (A) (a) u (d), [...].

[...]

Id-dikjarazzjoni rikapitulattiva trid tistabbilixxi:

- [...]

- in-numru li bih kull persuna li takkwista l-oġġetti hija identifikata għall-għanijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud fi Stat Membru ieħor u taħt liema l-oġġetti ġew forniti lil[ha], [...]

7.      [...]

8.      Stati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa għall-ġbir tajjeb ta’ taxxa u biex ma ssirx evażjoni, suġġetti għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs ta’ transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”

5.        Skond l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta(5), din id-Direttiva tapplika b’mod partikolari għal informazzjoni fir-rigward tal-kalkolu korrett tat-taxxa fuq il-valur miżjud. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799 jgħid:

“L-awtorità kompetenti ta’ xi Stat Membru tista’ titlob lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor biex tibgħat l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1) f’xi każ partikolari. L-awtorità kompetenti ta’ l-Istat mitlub m'għandhiex għalfejn tikkonforma mat-talba jekk jidher li l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat li jagħmel it-talba ma tkunx eżawriet is-sorsi tas-soltu tagħha ta’ l-informazzjoni, li hi setgħet utilizzat, skond iċ-ċirkostanzi, biex tikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma tinkorri r-riskju li tipperikola l-ksib tar-riżultat li tkun qed tfittex.”

6.        B’mod konformi ma’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva, f’ċerti każijiet l-Istati Membri għandhom jiskambjaw b’mod awtomatiku ċerta informazzjoni. Skond l-Artikolu 4, l-Istati Membri għandhom ukoll jiskambjaw b’mod spontanju informazzjoni f’ċirkustanzi partikolari.

7.        L-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru. 218/92 tas-27 ta’ Jannar 1992 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxi indiretti (VAT)(6) jistabbilixxi li l-awtorità kompetenti ta’ kull Stat Membru għandha żżomm database elettronika li fiha għandha żżomm u tipproċessa l-informazzjoni li hija tiġbor skond l-Artikolu 22(6)(b) tad-Direttiva 77/388/KEE. Minn dik id-database l-Istati Membri għandhom jiskambjaw b’mod reċiproku ċerta informazzjoni jew jista’ jkollhom aċċess dirett għall-informazzjoni.

8.        L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru. 218/92 jirregola l-iskambju ta’ informazzjoni ulterjuri f’każijiet speċifiċi kif ġej:

“1. Meta l-informazzjoni pprovduta skond l-Artikolu 4 ma tkunx suffiċjenti, l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ fi kwalunkwe ħin u f’każijiet speċifiċi titlob aktar informazzjoni. L-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi l-informazzjoni malajr kemm jista’ jkun u mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tkun irċeviet it-talba.

2. Fiċ-ċirkustanzi deskritti fil-paragrafu 1, l-awtorità li ssirilha t-talba għandha tipprovdi lill-awtorità li tagħmel it-talba għall-inqas in-numri, id-dati, u l-ammonti tal-fatturi relattivi għal tranżazzjonijiet speċifiċi li jkunu seħħew bejn persuni fl-Istati Membri kkonċernati.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        Madankollu, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru. 218/92, jeħtieġ li l-Istat li ssirlu t-talba jipprovdi dik l-informazzjoni biss jekk:

“–      in-numru u n-natura tat-talbiet għal informazzjoni magħmula mill-awtorità li tagħmel it-talba matul perijodu ta’ żmien speċifiku ma jimponux piż amminsitrattiv sproporzjonat fuq l-awtorità li ssirilha t-talba,

–      din l-awtorità li tagħmel it-talba tkun eżawriet is-sorsi normali ta’ informazzjoni li hija setgħet tuża, skond iċ-ċirkustanzi, biex tikseb l-informazzjoni mitluba mingħajr ma tirriskja li tiġi ppreġudikata l-kisba tar-riżultat mixtieq,

–     din l-awtorità li tagħmel it-talba titlob l-għajnuna biss jekk hija tkun kapaċi tagħti għajnuna simili lill-awtorità ta’ Stat Membru ieħor li tagħmel talba għal informazzjoni.”

10.      B’effett mill-1 ta’ Jannar 2004, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1798/2003 tas-7 ta’ Ottubru 2003 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 218/92(7) ikkonsolida d-dispożizzjonijiet dwar għajunua reċiproka fil-qasam tal-VAT. L-Artikolu 5 tar-Regolament jirregola t-talbiet għal informazzjoni. L-Artikolu 40 tar-Regolament Nru 1798/2003 jissuġġetta l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni għal klawżola ta’ riżerva analoga għal dik tat-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799 u ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru. 218/92.

B –    Il-liġi nazzjonali

11.      Skond l-Artikolu 9(2(b) tal-Wet op de Omzetbelsting (Kodiċi Olandiż dwar it-taxxa fuq il-fatturat) ta’ l-1968 moqri flimkien mal-punt 9 tat-Tabella II(a), annessa mal-Kodiċi, ir-rata ta’ taxxa applikabbli għall-provvisti intrakomunitarji hija żero. Skond l-Artikolu 12 ta’ l-Uitvoeringsbesluit omzetbelasting 1968 (Regolament Olandiż li japplika l-Kodiċi dwar it-taxxa fuq il-fatturat), l-eżenzjoni tapplika biss jekk il-kundizzjonijiet meħtieġa għal dan l-iskop ikunu jirriżultaw mill-kotba tal-kontijiet jew mid-dokumenti.

12.      L-Artikolu 4(3) tal-Besluit van de Staatssecretaris van Financiën, ta’ l-20 ta’ Ġunju 1995, Nru VB 95/2120 (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni 38”)(8) jissuġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin il-prova tal-provvista intrakomunitarja fi tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ merkanzija:

“Jekk il-merkanzija tiġi pprovduta lil klijent barrani “mill-fabbrika” (ex works) jew “mill-maħżen” (ex warehouse) (tranżazzjonijiet li jinkludu l-ġbir ta’ merkanzija), in-natura intrakomunitarja tal-provvista ma tistax tirriżulta mill-ittra ta’ kunsinna jew mid-dokumenti tat-trasport tal-fornitur. Madankollu jista’ jkun hemm ċirkustanzi fejn il-fornitur jista’ jkun ċert li l-klijent barrani ser jittrasporta l-merkanzija lejn Stat Membru ieħor. Minbarra d-dokumenti kollha u l-informazzjoni mogħtija fuq livell amministrattiv, ix-xerrej in kwistjoni jrid ikun xerrej regolari, ħlief jekk il-fornitur ikun jaf li l-provvisti intra-Komunitarji mwettqa minnu lil dak ix-xerrej wasslu għal problemi, u x-xerrej irid ikun għamel ukoll id-dikjarazzjoni msemmija iktar ’il quddiem. Din id-dikjarazzjoni bil-miktub, li trid tkun iffirmata minn min jirċievi l-merkanzija, għandha tindika għall-inqas l-isem tal-klijent u, jekk il-klijent ma jirċevix personalment il-merkanzija, l-isem ta’ min qed jagħmel dan f’isem il-klijent, in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura li ser tittrasporta l-merkanzija, in-numru tal-fattura li tispeċifika l-merkanzija kkunsinnata, il-post fejn il-merkanzija għandha tasal, kif ukoll dikjarazzjoni tal-klijent li jipprovdi fuq talba ta’ l-awtorità tat-taxxa kull informazzjoni ulterjuri dwar id-destinazzjoni tal-merkanzija. Mudell tad-dikarazzjoni jinsab fl-anness.

Jekk it-tranżazzjonijiet ta’ ġbir ta’ merkanzija ma jsirux minn klijent regolari u l-merkanzija tiġi mħallsa bi flus kontanti waqt li l-fornitur ma jkollux dokumenti li juru n-natura intrakomunitarja tal-provvista, jiġifieri ma jkollu ebda dokument ieħor, ħlief il-fattura maħruġa f’isem ta’ klijent barrani (li tindika n-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent), li juri n-natura intrakomunitarja tal-provvista, il-fornitur ma jkunx jista’ jiġġustifika li huwa intitolat jibbenefika mir-rata ta’ żero. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fornitur jista’ jevita r-riskju ta’ stima addizzjonali tal-VAT billi jinkludi l-VAT Olandiża fil-fattura maħruġa lix-xerrej. Meta x-xerrej jittrasporta l-merkanzija lejn Stat Membru ieħor, huwa jrid jagħmel dikjarazzjoni dwar dan lill-awtorità tat-taxxa Olandiża. Fuq dik id-dikjarazzjoni jkun jista’ jnaqqas il-VAT Olandiża li jkun ħallas.”

III – Il-fatti u d-domanda preliminari

13.      Il-kumpannija Twoh International B.V. (iktar ’il quddiem “Twoh”) irċeviet stima addizzjonali tal-VAT flimkien ma’ penali għall-provvisti li kienet għamlet fl-1996. Twoh hija tal-fehma li l-provvisti in kwistjoni kienu eżenti mill-VAT peress li kienu provvisti intrakomunitarji. L-awtorità tat-taxxa madankollu ċaħdet l-eżenzjoni peress li Twoh ma kinitx f’pożizzjoni li tipprovdi provi suffiċjenti tal-moviment jew trasport tal-merkanzija lejn Stat Membru ieħor. Twoh irribattiet li l-awtoritajiet Olandiżi kien imisshom talbu informazzjoni mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa tal-pajjiż tad-destinazzjoni skond id-Direttiva 77/799 u r-Regolament Nru 218/92 sabiex jiksbu konferma tan-natura intrakomunitarja tal-provvisti. L-awtorità tat-taxxa rrifjutat li tagħmel dan. Fl-ewwel istanza, Twoh tilfet kważi l-kapijiet tat-talbiet kollha relativi għall-prinċipju tad-dejn fiskali.

14.      Fil-kuntest tal-kawża quddiem il-qorti tal-kassazzjoni, il-Hoge Raad talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’digriet tat-22 ta’ April 2005 li tagħti deċiżjoni preliminari b’mod konformi ma’ l-Artikolu 234 KE dwar din id-domanda:

Il-frażi introduttiva ta’ l-Artikolu 28ċA u l-Artikolu 28ċA (a) tas-Sitt Direttiva – moqrija flimkien mad-Direttiva fuq l-għajnuna reċiproka [77/799] u r-Regolament [Nru 218/92] – għandhom jiġi interpretati fis-sens li, jekk ebda informazzjoni relevanti ma tkun ġiet ipprovduta volontarjament mill-Istat Membru tad-destinazzjoni, l-Istat Membru minn fejn tkun intbagħtet jew ġiet ittrasportata l-merkanzija għandu jitlob lill-allegat Stat Membru tad-destinazzjoni biex jipprovdi informazzjoni u għandu jikkunsidra r-riżultati ta’ dik it-talba meta jeżamina l-provi li l-merkanzija ntbagħtet jew ġiet ittrasportata?

15.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ġew ippreżentati osservazzjonijiet minn Twoh, mill-Irlanda, mill-Gvern ta’ Franza, ta’ l-Italja, ta’ l-Olanda, tal-Polonja u tal-Portugall kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

IV – Kunsiderazzjonijiet legali

16.      Kif għidt fil-konklużjonijiet ippreżentati minni llum fil-kawża Telos et, l-eżenzjoni ta’ provvista intrakomunitarja fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 28c (A)(a) tas-Sitt Direttiva tippreżupponi li l-oġġett ipprovdut ikun intbagħat jew ġie ttrasportat lejn Stat Membru ieħor u li minħabba dan il-fatt ikun telaq fiżikament mill-Istat ta’ oriġini(9).

17.      F’dan ir-rigward għandu jitqies li s-Sitt Direttiva tassenja kamp ta’ applikazzjoni ferm wiesa’ għall-VAT u li, billi jidderogaw minn dan il-prinċipju ġenerali, l-eżenzjonijiet mit-taxxa għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv(10). Min jinvoka deroga ta’ dan it-tip għandu l-oneru li jipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha huma sodisfatti. Sabiex tiġi ggarantita applikazzjoni konformi tas-Sitt Direttiva, min jagħmel il-provvista ma jistax jiġi eżentat mill-obbligu li jġib prova li l-merkanzija ntbagħtet mill-pajjiż ta’ oriġini, prova li hija kundizzjoni għall-eżenzjoni tal-provvista intrakomunitarja.

18.      Kif jirriżulta mill-frażi introduttiva ta’ l-Artikolu 28c (A) tas-Sitt Direttiva, huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu r-rekwiżiti formali fir-rigward ta’ kif għandha tingħata l-prova ta’ l-issodisfar tal-kundizzjonijiet ta’ provvista intrakomunitarja(11). L-Istati Membri għandhom barra minn hekk il-fakultà, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva, li jimponu obbligi oħra fuq il-persuni taxxabbli li fil-fehma tagħhom ikunu meħtieġa għall-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-evażjoni(12). Fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni mogħtija lilhom f’dan ir-rigward mis-Sitt Direttiva, l-Istati Membri madankollu għandhom jirrispettaw il-prinċipji tat-Trattat, l-iskop u l-għan tad-Direttiva stess kif ukoll il-prinċipji ġenerali bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità(13).

19.      Skond il-leġiżlazzjoni Olandiża, il-komunikazzjoni 38 tiddefinixxi l-kundizzjonijiet li trid tissodisfa l-prova fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jinvolvu ġbir tal-merkanzija. La l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet fil-kawża ma sollevaw dubju dwar il-konformità ta’ dawn ir-regoli mas-Sitt Direttiva jew mal-prinċipji legali ġenerali.

20.      Skond il-fatti kkonstatati mill-qorti, Twoh ma rnexxilhiex iġġib provi fil-kawża prinċipali li jissodisfaw ir-regoli stabbiliti fil-komunikazzjoni 38 biex tistabbilixxi li l-oġġetti pprovduti ġew ittrasportati mill-Olanda lejn Stat Membru ieħor. Twoh madankollu ssostni li l-awtorità tat-taxxa hija obbligata skond id-Direttiva 77/799 u r-Regolament Nru 218/92 tikseb informazzjoni mingħand l-Istati ta’ destinazzjoni biex tikkonferma n-natura transnazzjonali tal-provvisti.

21.      L-argument ta’ Twoh ma jistax jiġi aċċettat.

22.      Id-Direttiva 77/799 hija intenzjonata li tippromwovi l-assistenza amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri biex tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali(14). Peress li r-Regolament Nru 218/92 jissupplementa d-Direttiva 77/799 fil-qasam tat-taxxi indiretti, huwa wkoll jikkontribwixxi għal dan l-objettiv(15). Is-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 218/92 kienet saret meħtieġa b’mod partikolari wara l-ħolqien tas-suq intern u t-tneħħija ta’ kontrolli interni mal-fruntieri li rriżultaw minn dan u għandha l-għan li tipprevjeni t-telf ta’ dħul fiskali fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tas-Sitt Direttiva fir-rigward tal-kummerċ intrakomunitarju(16).

23.      Dawn l-istrumenti legali b’hekk huma intenzjonati li joħolqu kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istati Membri u ma jagħtu ebda dritt lill-individwu ħlief fir-rigward ta’ l-informazzjoni dwar in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT, li tista’ tinkiseb skond l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 218/92. L-għan ta’ l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri mhuwiex li l-persuni taxxabbli jiġu eżentati mill-obbligi tagħhhom li jagħtu l-provi li huma marbuta jipprovdu skond is-Sitt Direttiva. L-informazzjoni mogħtija tippermetti lill-awtoritajiet jivverifikaw l-indikazzjonijiet u l-provi mogħtija mill-persuni taxxabbli iżda m’għandhomx jissostitwixxuhom. Jirriżulta mill-kliem stess ta’ l-Artilolu 2(1) tad-Direttiva 77/799 u ta’ l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 18/92 li l-awtoritajiet ta’ Stat Membru għandhom il-fakultà iżda mhux l-obbligu li jitolbu informazzjoni.

24.      Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni, f’ċerti ċirkustanzi l-awtoritajiet ta’ l-Istat li ssirlu t-talba m’humiex obbligati jipprovdu informazzjoni. B’hekk, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 218/92 l-informazzjoni msemmija tista’ ma tingħatax jekk in-numru u n-natura ta’ talbiet għal informazzjoni li jsiru mill-istess awtorità li tagħmel it-talba matul perijodu partikolari joħolqu piżijiet amministrattivi sproporzjonati fuq l-awtorità li ssirilha t-talba u jekk l-awtorità li tagħmel it-talba ma tkunx eżawriet is-sorsi normali ta’ informazzjoni tagħha(17).

25.      Kieku kien jeżisti obbligu li tinġabar informazzjoni dwar l-akkwist intrakomunitarju fil-pajjiż ta’ destinazzjoni kull darba li min iwettaq provvista intrakomunitarja ma jkollux din il-prova, in-numru ta’ talbiet jista’ potenzjalment tant jiżdied li l-awtoritajiet li jsirulhom it-talbiet jaslu biex jiċħdu t-talbiet fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 218/92 minħabba piżijiet amministrattivi eċċessivi.

26.      Indipendentement minn dawn il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura prattika, l-informazzjoni ta’ l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat ta’ destinazzjoni lanqas m’hi għal kollox adatta biex tingħata l-prova meħtieġa għall-eżenzjoni ta’ provvista intrakomunitarja skond l-Artikolu 28c (A)(a) tas-Sitt Direttiva.

27.      Kif diġà semmejt fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Teleos, l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat ta’ oriġini u ta’ l-Istat ta’ destinazzjoni għandhom jivverifikaw b’mod indipendenti minn xulxin jekk il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni ta’ provvista intrakomunitarja jew għall-intaxxar ta’ akkwist intrakomunitarju humiex sodisfatti(18). Il-fatt li l-akkwist intrakomunitarju ta’ beni jkun iddikjarat fl-Istat ta’ destinazzjoni għaldaqstant huwa biss indizju li juri li l-oġġetti effettivament telqu fiżikament mill-Istat ta’ oriġini. Jekk l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti ta’ l-Istat ta’ oriġini jkollhom informazzjoni fuq dan il-punt, minħabba li din tkun ingħatatilhom spontanjament mill-awtoritajiet ta’ destinazzjoni(19), din tista’ fi kwalunkwe każ tissostanzja ftit aktar id-dritt għall-eżenzjoni tal-provvista(20).

28.      Ma jistax jiġi injorat il-fatt li, fl-analiżi proposta hawn fuq, persuna taxxabbli li ssib ruħha fis-sitwazzjoni ta’ Twoh hija pprivata mill-eżenzjoni tal-provvista għalkemm huwa biss minħabba n-negliġenza tal-parti l-oħra fil-kuntratt li hija ma tistax turi li l-oġġett ġie ttrasportat barra mill-pajjiż. Iżda jekk il-fornitur iħalli f’idejn l-akkwirent biex joħroġ il-merkanzija barra mill-pajjiż, huwa jkun qed jidħol xjentement fir-riskju li ma jkollux provi ta’ dan jekk dawn ma jiġux ipprovduti lilu mill-akkwirent. F’din is-sitwazzjoni, l-awtorità tat-taxxa ma tista’ tagħmel xejn. Għall-kuntrarju, il-fornitur ikollu jiddependi fuq il-parti l-oħra fil-kuntratt u jikseb il-provi mingħandu, jew jitlob il-VAT mingħandu jekk ma jipprovdix prova tat-trasport tal-merkanzija barra mill-Istat ta’ oriġini. Il-fornitur jista’ jilqa’ kontra dawn ir-riskji billi jitlob garanzija għall-ammont tal-VAT u jirrilaxxaha biss meta jiġu pprovduti d-dokumenti tat-trasport.

29.      F’sitwazzjoni bħal din, awtorità tat-taxxa m’hijiex marbuta titlob lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor informazzjoni dwar jekk sarux hemmhekk dikjarazzjonijiet fiskali li jagħtu prova ta’ l-akkwist intrakomunitarju ta’ ċerti oġġetti.

V –    Konklużjoni

30.      Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi din ir-risposta għad-domanda preliminari tal-Hoge Raad:

Kull min jitlob l-eżenzjoni ta’ provvista intrakomunitarja fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 28c (A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jġib prova li l-akkwirent kiseb il-jedd ta’ sid li jittrasferixxi l-oġġett ipprovdut li ntbagħat jew ġie ttrasportat lejn Stat Membru ieħor u li l-oġġett b’hekk telaq fiżikament mill-Istat ta’ oriġini.

L-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat ta’ oriġini mhumiex obbligati skond id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna komuni bejn’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 218/92, tas-27 ta’ Jannar 1992, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-taxxi indiretti (VAT) li jitolbu informazzjoni mingħand l-awtoritajiet tat-taxxa ta’ l-Istat ta’ destinazzjoni meta l-persuna taxxabbli ma tkunx tista’ hija stess tagħti prova li l-merkanzija ntbagħtet jew ġiet ittrasportata.


1 – Lingwa oriġinali : il-Ġermaniż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


3 – ĠU L 376, p. 1.


4 – Ara l-Artikolu 28h fil-verżjoni li ddaħħlet mid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE li ġiet emendata l-aħħar mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE ta’ l-10 ta’ April 1995, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ġodda sempliċi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud - skop għal ċertu eżenzjonijiet u arranġamenti pratttiċi biex jimplementawhom (ĠU L 102, p. 18).


5 – (ĠU L 336, p. 15) fil-verżjoni tad-Direttiva 92/12/KEE tal-Kunsill, tal-25 ta’ Frar 1992, dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU L 76, p. 1). Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2003/93/KE tal-Kunsill, tas-7 ta’ Ottubru 2003, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE rigward l-għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri fil-qasam ta’ tassazzjoni diretta u indiretta (ĠU L 264, p. 23), id-Direttiva 77/799 m’għadhiex tkopri l-VAT.


6 – ĠU L 24, p. 1.


7 – ĠU L 264, p. 1.


8 – V-N 1995, p. 2324.


9 – Ara b’mod partikolari l-punti 45 u 59 tal-konklużjonijiet tal-11 ta’ Jannar 2007 fil-kawża C-409/04 (Teleos et, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra).


10 – Konklużjonijiet Teleos et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 63)


11 – Ara wkoll f’dan is-sens id-digriet tat-3 ta’ Marzu 2004, Transport Service (C-395/02, Ġabra p. I-1991, punti 27 u28) u s-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et. (C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 90 u 91). Iktar dettalji dwar dan jinsabu fil-punti 20 et seq. tal-konklużjonijiet tiegħi ta’ llum fil-kawża Collée (C-146/05, li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra).


12 – Sentenza Halifax et (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 92).


13 – Ara wkoll f’dan is-sens dwar id-dritt għal tnaqqis is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 52) u tat-18 ta’ Diċembru 1997, Molenheide et. (C-286/94, C-340/95, C-401/95 u C-47/96, Ġabra p. I-7281, punt 48) kif ukoll fir-rigward ta’ l-Artikolu 21(3) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006, Federation of Technological Industries et. (C-384/04, Ġabra p. I-4191, punt 29).


14 – Ara l-ewwel premessa tad-Direttiva 77/799. Ir-regoli l-ġodda stabbiliti mir-Regolament Nru 1798/2003 ma biddel xejn minn dan l-objettiv (ara l-ewwel premessa tar-Regolament Nru 1798/2003).


15 – Ara r-raba’ premessa tar-Regolament Nru 218/92.


16 – Ara l-ewwel sat-tielet premessi tar-Regolament Nru 218/92.


17 – Ara wkoll it-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799.


18 – Konklużjonijiet Teleos et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 90).


19 – Fil-każ preżenti, m’huwiex ikkontestat li l-awtoritajiet Olandiżi ma kellhomx f’dan ir-rigward informazzjoni mibgħuta b’mod spontanju. Jista’ jiġi ddubitat ukoll jekk l-informazzjoni relativa għall-intaxxar ta’ akkwisti intrakomunitarji mill-Istat ta’ destinazzjoni tagħmilx parti mill-informazzjoni li għandha tingħata awtomatikament. M’huwiex l-Istat ta’ destinazzjoni li għandu jipprovdi lill-Istat ta’ oriġini l-informazzjoni meħtieġa għall-eżenzjoni tal-provvista intrakomunitarja. Huwa pjuttost l-Istat ta’ oriġini li għandu, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 4 tar-Regoment Nru 218/92, jibgħat lill-Istat ta’ destinazzjoni l-informazjzoni li jkun kiseb skond l-Artikolu 22(6)(b) (jiġifieri l-informazzjoni li l-fornitur għandu dwar l-akkwirent) sabiex dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jiżguraw li dak l-akkwist jiġi intaxxat.


20 – Ara l-konklużjonijiet f’Teleos et (iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 91).