Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

M. POIARES MADURO

ippreżentati fit-13 ta’ Settembru 2006 1(1)

Kawża C-277/05

Société thermale d’Eugénie-les-Bains

vs

Ministère de l’Économie, des Finances et de l’Industrie

[talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mill-Conseil d’État (Franza)]

“VAT – Kamp ta’ applikazzjoni – Kapparri mħallsa fil-kuntest ta’ kuntratti li jikkonċernaw il-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT u miżmumin mill-fornitur fil-każ ta’ tħassir tal-kuntratt – Klassifikazzjoni”





1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), tirrigwarda essenzjalment l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE(2). Fil-fatt, din tirrigwarda l-kwistjoni jekk somom imħallsin bil-quddiem għal provvista ta’ servizzi ta’ lukanda u li l-fornitur ikun żamm wara li l-klijent ħassar prenotazzjoni li kienet saritlu humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).

I –    Il-fatti tal-kawża prinċipali, il-kuntest ġuridiku u d-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja

2.        Is-Société thermale d’Eugénie-les-Bains (iktar ’il quddiem il-“kumpannija” jew ir-“rikorrenti”), li hija stabbilita fil-komun bl-istess isem (Franza), hija attiva fil-ġestjoni ta’ stabbilimenti termali, li tinkludi l-provvista ta’ servizzi ta’ lukandi u ta’ restoranti. Il-kumpannija tirċievi somom li jitħallsu bil-quddiem meta jsiru l-prenotazzjonijiet ta’ l-alloġġ mill-klijenti.

3.        Skond l-Artikolu L114-1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur, li jirriżulta mill-Artikolu 3-1 tal-Liġi Nru 92-60, tat-18 ta’ Jannar 1992, li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumaturi,(3) “[ħ]lief fil-każ ta’ stipulazzjoni kuntrarja fil-kuntratt, is-somom imħallsin bil-quddiem jikkostitwixxu kapparra, b’mod li kull wieħed mill-kontraenti jista’ jinħall mill-impenn tiegħu, billi l-konsumatur jitlef il-kapparra u billi l-professjonist irodd darbtejn daqsha”. Is-somom ta’ flus li l-kumpannija tirċievi b’dan il-mod bħala kapparra jew jitnaqqsu mill-pagament ulterjuri għall-alloġġ, jew inkella jinżammu mill-kumpannija f’każ li l-klijenti jħassru l-prenotazzjoni tagħhom.

4.        Fl-1992, saret spezzjoni tal-kontijiet tal-kumpannija fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 1989 u t-30 ta’ April 1992. Wara din l-ispezzjoni, l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet li l-kapparri li kienet irċeviet il-kumpannija fil-mument tal-prenotazzjoni u li hija kienet żammet wara t-tħassir tal-prenotazzjoni, kellhom ikun suġġetti għall-VAT. Konsegwentement, fit-8 ta’ Diċembru 1994, il-kumpannija ġiet mitluba tħallas taxxa addizzjonali, għall-imsemmi perijodu, fl-ammont ta’ 84 054 FRF (12 814 EUR). Peress li l-kumpannija ma qablitx ma’ din il-pożizzjoni, hija ressqet ilment quddiem l-amministrazzjoni fiskali, liema lment ġie miċħud fl-14 ta’ Frar 1995.

5.        Il-kumpannija ressqet rikors quddiem it-tribunal administratif de Pau li ċaħad l-istess rikors b’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 1999. Il-kumpannija mbagħad appellat quddiem il-Cour administrative d’appel de Bordeaux li wkoll ċaħdet l-appell b’deċiżjoni tat-18 ta’ Novembru 2003. Dawn iż-żewġ qrati kkunsidraw li, meta l-kapparra tinżamm mill-kumpannija f’każ li l-klijent iħassar il-prenotazzjoni tiegħu, din tikkostitwixxi l-korrispettiv dirett u r-remunerazzjoni għal provvista ta’ servizzi individwabbli li tikkonsisti fil-ftuħ tal-fajl tal-klijent u fil-prenotazzjoni ta’ alloġġ għalih. Il-kapparra miżmuma mill-kumpannija f’dan il-każ kellha għalhekk tkun suġġetta għall-VAT.

6.        Billi l-kumpannija sostniet li din il-kapparra għandha titqies bħala kumpens imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu li hija tkun ġarrbet minħabba l-inadempjenza tal-klijenti tagħha u, bħala tali, mhijiex suġġetta għall-VAT, hija appellat quddiem il-Conseil d’État, li ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jressaq is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Somom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-[VAT] għandhom jiġu kkunsidrati, meta x-xerrej jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mill-bejjiegħ, bħala remunerazzjoni għall-provvista tas-servizz ta’ prenotazzjoni u bħala tali suġġetti għall-[VAT] jew bħala kumpens għat-tħassir tal-kuntratt imħallas biex jagħmel tajjeb għad-dannu mġarrab b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent, bla konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe servizz mogħti bi ħlas u, bħala tali, mhux suġġetti għal din l-istess taxxa?”

7.        Din id-domanda twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta diversi dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari l-Artikolu 2(1), li jgħid li “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” għandha tkun suġġetta għall-VAT.

8.        L-Artikolu 6(1) ta’ din l-istess Direttiva tiddefinixxi l-“provvista ta’ servizzi” bħala kull operazzjoni [tranżazzjoni] li ma tikkostiwixxix provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5 tas-Sitt Direttiva u tipprovdi li tranżazzjonijiet bħal dawn “jistgħu jinkludu inter alia […] obbligazzjoni biex ma jsirx jew biex ikun tollerat att jew sitwazzjoni”.

9.        L-Artikolu 10(2) ta’ l-istess Direttiva, li jipprovdi li “[i]kun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw. Konsenja ta’ oġġetti, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 5(4)(b), u provvisti ta’ servizzi li jwasslu għal prospetti ta’ kontijiet jew ħlasijiet suċċessivi għandhom jitqiesu bħala kompluti fiż-żmien meta l-perjodi relattivi għal dawn il-prospetti ta’ kontijiet jew ħlasijiet jeskadu”, huwa wkoll rilevanti għall-finijiet ta’ l-analiżi. L-istess dispożizzjoni tipprovdi, madankollu, li, “meta ħlas isir akkont qabel ma l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw, ikun hemm taxxa mal-wasla tal-ħlas u fuq l-ammont riċevut.”

10.      Għandu jiġi osservat, fl-aħħar nett, li skond l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva, l-ammont taxxabbli fir-rigward ta’ provvisti ta’ servizzi għandu jkun “dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti”.

II – Analiżi

11.      Fil-kawża preżenti, hemm, essenzjalment, żewġ teżijiet opposti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-somom imħallsin bil-quddiem mill-klijenti tal-kumpannija u miżmumin mill-kumpannija meta l-klijenti jħassru l-prenotazzjonijiet tagħhom. Fl-opinjoni tal-kumpannija, dawn is-somom, li jitħallsu bħala kapparra, huma ta’ natura kompensatorja u, konsegwentement, mhumiex suġġetti għall-VAT. Il-gvernijiet kollha li ssottomettew osservazzjonijiet fil-kawża preżenti u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ma jaqblux ma’ din it-teżi. Fil-fatt, għar-Repubblika ta’ Franza, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Portugall u l-Kummissjoni, is-somom ta’ flus imħallsin u miżmumin mill-kumpannija meta l-klijenti jħassru l-prenotazzjonijiet tabilħaqq jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema komuni tal-VAT. Hija biss il-kumpannija li tikkontesta li dawn is-somom jikkostitwixxu l-korrispettiv dirett għall-provvista ta’ servizzi individwati u li ġew effettivament ipprovduti mill-kumpannija lill-klijenti tagħha.

12.      Sabiex tiġi riżolta din il-problema ta’ klassifikazzjoni, fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT, tal-kapparri mħallsin u mitlufin mill-klijenti meta huma jħassru l-prenotazzjonijiet tagħhom, jinħtieġ, l-ewwel nett, li tiġi mfakkra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas […] minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva.

13.      Is-sentenza Tolsma(4), dwar l-attività tas-Sur Tolsma, id-daqqaq tat-terramaġka fit-toroq pubbliċi li huwa l-iktar magħruf fost l-istudenti tal-VAT, hija partikolarment istruttiva f’dan ir-rigward. F’din is-sentenza, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet it-teżi ta’ l-awtoritajiet Olandiżi li riedu li d-donazzjonijiet li kien jirċievi s-Sur Tolsma bis-saħħa tal-ġenerożità tan-nies li jippassiġġaw minn quddiemu jkunu suġġetti għall-VAT, il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel nett iċċitat il-ġurisprudenza li tgħid li, fil-kuntest tas-sistema tal-VAT, it-tranżazzjonijiet taxxabbli jippresupponu l-eżistenza ta’ tranżazzjoni li tinvolvi stipulazzjoni ta’ prezz jew ta’ korrispettiv(5). Meta l-attività tal-fornitur tkun tikkonsisti esklużivament fil-provvista ta’ servizzi mingħajr korrispettiv dirett, ma jkunx hemm bażi ta’ stima u għalhekk dik il-provvista ma tkunx suġġetta għall-VAT. Il-bażi ta’ stima ta’ provvista ta’ servizzi hija, għalhekk, magħmula minn dak kollu li wieħed jirċievi bħala korrispettiv għas-servizz ipprovdut u għaldaqstant il-provvista ta’ servizz tkun taxxabbli biss jekk ikun hemm rabta diretta bejn is-servizz li jingħata u l-korrispettiv irċevut(6). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar nett ikkonkludiet li l-provvista ta’ servizzi “issir ’bi ħlas’ […] biss jekk bejn il-fornitur u l-benefiċjarju jkun hemm rabta ġuridika li fl-ambitu tagħha jiġu skambjati provvisti reċiproċi, b’mod li l-ħlas irċevut mill-fornitur jikkostitwixxi l-korrispettiv effettiv tas-servizz ipprovdut lill-benefiċjarju” (7).

14.      Fuq l-istess linja, fis-sentenza iktar reċenti Kennemer Golf (8), il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxit li teżisti rabta diretta bejn il-miżati annwali fissi tal-membri ta’ assoċjazzjoni sportiva u s-servizzi pprovduti mill-assoċjazzjoni, li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-membri, b’mod permanenti, ta’ faċilitajiet sportivi kif ukoll ta’ benefiċċji marbutin magħhom(9). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet għalhekk li l-miżati annwali tal-membri jistgħu jikkostitwixxu l-korrispettiv għal dawn is-servizzi pprovduti mill-assoċjazzjoni, u dan indipendentement mill-fatt li l-membri li jkunu ħallsu l-miżata annwali ma jużawx il-faċilitajiet ta’ l-assoċjazzjoni(10). L-obbligu ta’ assoċjazzjoni li tqiegħed il-faċilitajiet sportivi tagħha kif ukoll il-benefiċċji marbutin magħhom għad-dispożizzjoni ta’ kull membru li jkun ħallas il-miżata annwali tiegħu tikkostitwixxi, fil-fehma tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva.

15.      Fil-każ preżenti, jirriżulta preċiżament li l-ħlas ta’ somma bil-quddiem minn klijent, bħala kapparra, ma jseħħx mingħajr impenn min-naħa tal-kumpannija meta jitħallas dan l-ammont. Minn banda, il-kumpannija tagħmel prenotazzjoni, jiġifieri tassumi l-obbligu li tqiegħed kamra għad-dispożizzjoni tal-klijent f’data miftiehma. Din il-provvista ta’ prenotazzjoni timplika, loġikament, l-obbligu li l-kumpannija tastjeni milli tikkuntratta ma’ terzi bi ksur ta’ dan l-impenn u li tirrispetta d-dritt li l-klijent iħassar il-prenotazzjoni. Mill-banda l-oħra, il-kumpannija ma tagħtix din il-garanzija, fis-sens li l-klijenti tagħha jkollhom ċerti faċilitajiet u servizzi għad-dispożizzjoni tagħhom f’mument partikolari, b’titolu purament gratuwitu. Biex tagħti dan il-benefiċċju, hija titlob, fil-fatt, il-pagament ta’ somma li hija jkollha d-dritt li żżomm f’każ li l-klijent iħassar il-prenotazzjoni. Jidher evidenti li hemm rabta sinallagmatika u reċiproka bejn din il-provvista ta’ prenotazzjoni u l-pagament magħmul mill-klijent.

16.      Bil-kundizzjoni li, fil-każ preżenti, il-kumpannija tirċievi somom li jikkostitwixxu l-korrispettiv effettiv tas-servizz ta’ prenotazzjoni li hija pprovdiet lill-klijenti inadempjenti, din il-provvista għandha tiġi kklassifikata, skond il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas, fis-sens ta’ l-Artikoli 2(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva. Din il-konklużjoni iktar u iktar għandha tapplika peress li, kif iddikjarat diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja, is-Sitt Direttiva tagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT, li jinkludi l-attivitajiet ekonomiċi kollha ta’ produttur, ta’ negozjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi(11).

17.      Ir-rikorrenti tikkontesta din il-klassifikazzjoni billi tressaq żewġ argumenti. Minn banda, hija ssostni li provvista ta’ prenotazzjoni ma tistax tiġi individwata mill-provvista prinċipali li toffri lukanda. Il-kapparri miżmuma mill-kumpannija mhumiex maħsuba bħala ħlas għal servizzi individwati pprovduti lill-klijenti u li ma jistgħux jitgawdew b’mod awtonomu mill-provvista prinċipali. Mill-banda l-oħra, hija ssostni li s-somom li hija żżomm wara li l-klijenti jħassru l-prenotazzjonijiet tagħhom għandhom natura ta’ kumpens miftiehem f’ammont fiss biex jagħmel tajjeb għad-danni kkaġunati lill-kumpannija minħabba dan it-tħassir.

A –    L-allegazzjoni li l-provvista ta’ prenotazzjoni mhijiex individwabbli u ma tistax titgawda b’mod awtonomu mill-provvista prinċipali

18.      Ċertament, provvista li tikkonsisti fil-garanzija li tingħata lil persuna li hija ser ikollha kamra għad-dispożizzjoni tagħha f’data partikolari tispiċċa ma’ l-eżekuzzjoni tal-provvista tas-servizz prinċipali tal-lukanda. Hija titlef l-individwalità tagħha fir-rigward tal-provvista prinċipali li magħha hija tifforma assjem wieħed. Bl-istess mod, fin-nuqqas ta’ tħassir tal-prenotazzjoni min-naħa tal-klijent, l-ammont imħallas bil-quddiem bħala kapparra jiġi sempliċement imnaqqas mill-prezz totali dovut mill-klijent u jitlef ukoll l-awtonomija tiegħu minn dan il-prezz. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-ħlas ta’ ammont bħala kapparra fil-mument tal-prenotazzjoni ta’ kamra huwa ekwivalenti għall-ħlas “akkont qabel ma l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw” fis-sens tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 10(2) tas-Sitt Direttiva. Skond din l-istess dispożizzjoni, it-taxxa tkun dovuta mal-wasla tal-ħlas u fuq l-ammont riċevut.

19.      Fil-każ preżenti, madankollu, l-ammonti in kwistjoni nżammu mill-kumpannija b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijenti. Huma ma nżammux akkont tal-provvista prinċipali li l-kumpannija ma kinitx iżjed obbligata li tipprovdi lill-klijenti li ħassru l-prenotazzjonijiet tagħhom. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, il-kumpannija pprovdiet servizz lill-klijenti inadempjenti. Hija ggarantitilhom kamra jew kura termika fid-data miftiehma filwaqt li astjeniet milli tikkontratta ma’ ħaddieħor li jista’ jkun interessat u rrispettat id-dritt tal-klijenti li jħassru l-prenotazzjonijiet. Dan jinvolvi vantaġġ reali li minnu bbenefika kull klijent li favurih kienet saret prenotazzjoni. Fil-fehma tiegħi, tali provvista effettivament mogħtija mill-kumpannija lill-klijenti tagħha bi ħlas hija suffiċjentement individwabbli biex tidħol fil-kunċett wiesa’ ta’ provvista ta’ servizzi pprovduti bi ħlas fis-sens ta’ l-Artikoli 2(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva.

20.      L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li klijent li għandu bżonn ta’ kamra f’lukanda f’data partikolari huwa liberu li jagħmel jew ma jagħmilx prenotazzjoni. Huwa, f’kull każ, vantaġġ għalih li jkollu prenotazzjoni. Jekk jiddeċiedi li jagħmel prenotazzjoni, huwa jibbenefika mill-garanzija li huwa ma kienx ikollu kieku huwa ddeċieda li jasal fil-lukanda u jitlob kamra dak il-ħin stess.

21.      Mill-perspettiva tal-lukandier, l-għoti ta’ dan il-vantaġġ li minnu l-klijenti effettivament jibbenefikaw sal-mument meta huma eventwalment iħassru l-prenotazzjoni tagħhom jinvolvi ċerti spejjeż. Dawn ma jinkludux biss spejjeż inerenti għall-organizzazzjoni tal-fajl tal-klijent u għall-preparazzjoni tal-kamra, imma wkoll spejjeż marbutin ma’ l-obbligu li jiġi rispettat id-dritt tal-klijent li jħassar il-prenotazzjoni u ma’ l-astensjoni tal-lukandier milli jiftiehem ma’ xi persuna interessata oħra b’mod li ma jippreġudikax l-obbligu li huwa jkun ikkuntratta favur il-klijent li għalih għamel il-prenotazzjoni.

22.      Konsegwentement, meta l-lukandier, fil-waqt tal-prenotazzjoni, jitlob lill-klijent iħallas somma bħala kapparra, wieħed jista’ oġġettivament jikkunsidra li dan l-ammont jikkostitwixxi l-korrispettiv għall-provvista ta’ prenotazzjoni, li, kemm mill-perspettiva tal-klijent kif ukoll minn dik tal-lukandier, hija ta’ natura individwabbli sewwa.

23.      Din il-provvista ta’ prenotazzjoni hija aċċessorja għall-provvista prinċipali, inkwantu għall-klijenti din ma tikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda l-mezz li bih wieħed jista’ jibbenefika fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali tal-fornitur (12). F’każ li l-klijent iħassar il-prenotazzjoni, hija tibqa’ fi kwalunkwe każ provvista perfettament individwabbli fir-rigward tal-provvista prinċipali li effettivament ma tkunx ġiet ipprovduta mil-lukanda. In-natura aċċessorja ta’ din il-provvista ta’ prenotazzjoni fir-rigward tal-provvista prinċipali li magħha hija marbuta funzjonalment tneħħi kull bżonn ta’ riklassifikazzjoni fir-rigward tal-provvista prinċipali. Hija għandha għalhekk tkun suġġetta għall-istess sistema tal-VAT bħal dik applikabbli għall-provvista prinċipali.

24.      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Kummissjoni, il-fatt li l-klijent jiddeċiedi li ma jibbenefikax mill-provvista prinċipali ma jaffettwax in-natura individwabbli tal-provvista magħmula effettivament lill-klijent mill-mument li fih tkun saret il-prenotazzjoni sal-mument tat-tħassir. Il-fatt li l-klijent jiddeċiedi li ma jagħmilx użu mill-kamra mqiegħda għad-dispożizzjoni tiegħu fid-data stabbilita ma jfissirx li huwa ma bbenefikax minn din il-garanzija, li għaliha huwa tabilħaqq ħallas l-ammont mitlub mill-kumpannija. Bl-istess mod bħal fil-kawża Kennemer Golf, iċċitata iktar ’il fuq, il-kawża preżenti tirrigwarda wkoll provvista li tikkonsisti f’impenn effettivament assunt minn persuna taxxabbli, in kambju għal ċerta somma, biex tqiegħed il-faċilitajiet u s-servizzi tagħha għad-dispożizzjoni ta’ ċerti persuni indipendentement mill-fatt li dawn jispiċċaw biex jiddeċiedu, madankollu, li ma jibbenefikawx minn dan il-benefiċċju.

25.      Fil-kawża preżenti, lanqas mhemm kwistjoni ta’ impenn paragunabbli għal dak in kwistjoni fil-kawżi Landboden Agrardienste(13) u Mohr (14) invokati mir-rikorrenti. Fis-sentenzi tagħha f’dawn iż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxit li wieħed ma jistax jikklassifika impenn, meħud minn bidwi fil-kuntest ta’ skema ta’ kumpens nazzjonali jew Komunitarja, biex inaqqas jew jabbanduna l-produzzjoni tiegħu, bħala provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva(15). Fis-sentenza Mohr, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat, fil-fatt, li “billi tħallas kumpens lill-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li jwaqqfu l-produzzjoni tal-ħalib tagħhom, il-Komunità la tikseb prodotti u lanqas servizzi għall-użu tagħha stess, imma taġixxi fl-interess ġenerali li huwa li tieħu ħsieb il-funzjonament xieraq tas-suq Komunitarju tal-ħalib”(16). Fis-sentenza Landboden Agrardienste, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat din il-ġurisprudenza, billi ddikjarat li l-impenn in kwistjoni assunt mill-bidwi sabiex jastjeni milli jiġbor ta’ l-inqas 20 % mill-patata li huwa jkun ikkoltiva, la lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u lanqas lill-persuni identifikabbli l-oħra, ma jagħti xi vantaġġ li jippermettilhom jitqiesu bħala konsumaturi ta’ servizz(17).

26.      Fil-kawża preżenti, huwa ċar li l-impenn tal-kumpannija li tagħmel kamra jew kura termika disponibbli f’data partikolari jagħti lil kull wieħed mill-klijenti li favurih jiġi assunt dak l-obbligu vantaġġ reali u individwali li jippermetti li l-istess klijenti jitqiesu bħala konsumaturi ta’ servizz fis-sens tas-sistema komuni tal-VAT. Din il-provvista ta’ prenotazzjoni hija waħda mis-servizzi pprovduti minn lukandier u saħansitra tikkostitwixxi parti essenzjali mill-attività ekonomika tiegħu. Minħabba li l-kumpannija tipprovdi tali servizz lil kull klijent in kambju għall-pagament ta’ somma li hija titlob fil-mument tal-prenotazzjoni, din il-provvista għandha għalhekk tiġi kklassifikata oġġettivament bħala provvista ta’ servizzi fis-sens ta’ l-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva.

B –    L-allegazzjoni li l-ammonti miżmumin b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijenti huma ta’ natura kompensatorja

27.      Ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni li s-somom imħallsin mill-klijenti tagħha bħala kapparra jikkostitwixxu l-korrispettiv dirett tal-provvista ta’ prenotazzjoni li hija tipprovdi. Skond ir-rikorrenti, huwa paċifiku fid-dritt ċivili Franċiż li l-kapparra għandha natura kompensatorja. Hija għandha rabta mad-dannu mġarrab mill-kumpannija b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent u għandha għalhekk natura ta’ kumpens miftiehem f’ammont fiss biex jagħmel tajjeb għal dan id-dannu(18).

28.      L-ewwel nett, tkun xi tkun in-natura ġuridika mogħtija lill-kapparra fid-dritt ċivili Franċiż, mill-osservazzjonijiet ippreżentati fil-kawża preżenti bil-miktub u waqt is-seduta jirriżulta ċar li d-dritt li tinżamm is-somma mħallsa bil-quddiem bħala kapparra, li, skond id-dritt ċivili Franċiż, hija miftiehma b’kuntratt bejn lukandier u kull wieħed mill-klijenti tiegħu, mhuwiex neċessarjament marbut ma’ xi dannu effettivament imġarrab mil-lukandier b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijenti tiegħu. Fil-fatt, mhuwiex previst li l-kapparra li tintilef mill-klijent għandha tiġi restitwita lilu fil-każijiet fejn jirriżulta li, finalment, il-lukandier ma ġarrab ebda dannu b’riżultat tat-tħassir. L-eżistenza ta’ rabta li hija biss eventwali bejn l-ammonti rċevuti bħala kapparra u d-dannu realment imġarrab mil-lukandier b’riżultat ta’ tħassir tqajjem dubji dwar kemm l-ammonti in kwistjoni rċevuti mill-kumpannija bħala kapparra jistgħux ikollhom natura neċessarjament kompensatorja fis-sens tas-sistema komuni tal-VAT.

29.      Jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, somma ta’ flus mogħtija b’deċiżjoni ġudizzjarja li għandha l-għan esklużiv li tagħmel tajjeb għal dannu kummerċjali m’għandhiex tiġi suġġetta għall-VAT (19). Din is-somma, evidentement, ma tikkostitwixxi l-korrispettiv għall-ebda provvista ta’ servizzi jew oġġetti fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva. Jeħtieġ li jiġi enfasizzat madankollu li l-ammonti li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, partikolarment fis-sentenza BAZ Bausystem, iċċitata iktar ’il fuq, li mhumiex suġġetti għall-VAT kienu ammonti kompensatorji mogħtija minn qorti. Fil-każ preżenti, ma teżisti l-ebda konstatazzjoni ġudizzjarja, jew imqar estraġudizzjarja, ta’ l-eżistenza ta’ danni reali li l-kumpannija effettivament ġarrbet b’riżultat tat-tħassir ta’ prenotazzjonijiet mill-klijenti tagħha u li magħhom il-kapparri miżmuma għandhom rabta diretta ta’ natura kompensatorja.

30.      Kif ġustament jirrileva l-Conseil d’État fid-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu, jeħtieġ li wieħed ifittex li, fi ħdan il-Komunità Ewropea, ir-regoli dwar l-impożizzjoni tal-VAT jiġu applikati b’mod uniformi. Is-Sitt Direttiva hija maħsuba, fil-fatt, biex toħloq sistema komuni ta’ VAT billi tistabbilixxi t-tranżazzjonijiet taxxabbli b’mod uniformi u skond ir-regoli Komunitarji (20).

31.      Jinħtieġ li jiġi enfasizzat li l-applikazzjoni uniformi tas-Sitt Direttiva titlob li tingħata interpretazzjoni li ma tistax tiddependi fuq klassifikazzjoni li tista’ tvarja skond id-dritt ċivili ta’ l-Istat membru kkonċernat. Altrimenti, prassi identika għal dik in kwistjoni fil-kawża preżenti, li tikkonsisti fil-prenotazzjoni ta’ kmamar in kambju għall-pagament ta’ amomont li jintilef mill-klijent f’każ ta’ tħassir tista’ tiġi suġġetta għall-VAT jekk din isseħħ fi Stat Membru fejn in-natura ġuridika ta’ tali pagament bil-quddiem hija kkunsidrata b’mod differenti mill-mod kif hija kkunsidrata skond id-dritt ċivili Franċiż. Din il-possibbiltà bl-ebda mod mhija xi ħaġa teorika. Fil-fatt, somma mħallsa bil-quddiem minn klijent lil lukandier li l-lukandier għandu d-dritt iżomm indipendentement minn jekk jeżistix dannu reali kkaġunat bit-tħassir min-naħa tal-klijent diffiċilment tista’ tiġi kklassifikata bħala li għandha natura kompensatorja f’sistemi ġuridiċi oħra(21).

32.      Konsegwentement, il-fatt li, fid-dritt ċivili Franċiż, l-ammonti mħallsin bil-quddiem bħala kapparra huma kkunsidrati bħala li għandhom natura kompensatorja ma jistax ikun determinanti biex tiġi eskluża s-suġġezzjoni għall-VAT tal-kapparri rċevuti mill-kumpannija mingħand il-klijenti inadempjenti tagħha. Nixtieq infakkar, f’dan ir-rigward, li fil-kuntest differenti, imma li jixbah ħafna lil dan, ta’ l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ provvista ta’ oġġetti fis-sens tas-Sitt Direttiva, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ provvista ta’ oġġett ma jirriferix għat-trasferiment tal-proprjetà skond il-proċeduri previsti fid-dirtt nazzjonali applikabbli, imma jinkludi t-tranżazzjonijiet kollha ta’ trasferiment ta’ oġġett korporali minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra tiddisponi minnu fil-fatt daqs li kieku kienet is-sid ta’ dan l-oġġett. L-għan tas-Sitt Direttiva jista’, fil-fatt, jiġi serjament ippreġudikat jekk ir-rekwiżiti biex tiġi kkonstatata provvista ta’ oġġetti, li hija waħda mit-tliet tranżazzjonijiet taxxabbli, jiġu assuġġettati għal kundizzjonijiet li jvarjaw skond id-dritt ċivili ta’ l-Istat Membru konċernat(22).

33.      Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, mhijiex eventwali klassifikazzjoni bħala kumpens li toħroġ mill-volontà tal-partijiet kif preżunta mid-dritt ċivili Franċiż(23) li tippermetti li tiġi eskluża s-suġġezzjoni għall-VAT ta’ ammont li wieħed mill-kontraenti jħallas lill-ieħor li, in kambju, jipprovdilu servizz li minnu huwa jibbenefika individwalment. Kieku dan kien il-każ, kien ikun hemm inċentiv qawwi sabiex jitnaqqsu b’mod artifiċjali l-ammonti li jikkostitwixxu l-korrispettiv għas-servizz mogħti u sabiex jintefħu dawk li jikkorrispondu għad-danni.

34.      Il-kunċett ta’ provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fid-dawl ta’ kriterji oġġettivi billi tittieħed in kunsiderazzjoni n-natura oġġettiva tat-tranżazzjoni in kwistjoni(24). Fil-kawża preżenti, jinħtieġ għalhekk li jiġi stabbilit jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punt 13 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kapparri mħallsa jikkostitwixxux oġġettivament il-korrispettiv għal servizz effettivament mogħti mil-lukandier lill-klijenti tiegħu sakemm dawn iħassru l-prenotazzjonijiet tagħhom. Kif diġà urejt iktar ’il fuq, ir-risposta għal din il-mistoqsija tista’ tkun biss, fil-fehma tiegħi, fl-affermattiv. Il-fatt li fornitur ta’ servizzi u l-klijent tiegħu ftiehmu, skond id-dritt ċivili applikabbli, li somma mħallsa bil-quddiem hija maħsuba biex tikkumpensa b’ammont fiss lill-fornitur għad-danni li huwa eventwalment ser iġarrab f’każ ta’ inadempjenza, u mhux biex tikkumpensa l-provvista tas-servizz li huwa effettivament ipprovda lill-klijent, ma jistax ikun determinanti biex tali provvista ta’ servizzi tiġi eskluża mis-sistema komuni tal-VAT, fin-nuqqas ta’ konstatazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu reali, effettivament imġarrab mill-fornitur b’riżultat ta’ l-inadempjenza tal-klijent.

III – Konklużjoni

35.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda mressqa mill-Conseil d’État kif ġej:

36.      “L-Artikoli 2(1) u 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandhom jiġu interpretati fis-sens li somom imħallsin bħala kapparra fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ bejgħ li jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ lukanda suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud għandhom jiġu kkunsidrati, meta x-xerrej jagħmel użu mill-fakultà li huwa għandu li jerġa’ lura mill-kuntratt u meta dawn is-somom jinżammu mill-bejjiegħ, bħala remunerazzjoni għall-provvista tas-servizz ta’ prenotazzjoni u, bħala tali, suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Portugiż.


2 – Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p.1), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill Nru 91/680 tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU L 376, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


3 – JORF tal-21 ta’ Jannar 1992, p. 968


4 – Sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994 (C-16/93, Ġabra p. I-743).


5 – Ibidem, punt 12. Ara wkoll is-sentenza ta’ l-1 ta’ April 1982, Hong-Kong Trade Development Council (89/81, Ġabra p. 1277, punti 9 u 10).


6 – Is-sentenza Tolsma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13 u l-ġurisprudenza ċċitata.


7 – Sentenza Tolsma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14. Ara, għall-applikazzjonijiet iktar reċenti ta’ din il-ġurisprudenza, is-sentenzi ta’ l-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago (C-172/96, Ġabra p. I-4387, punt 26); ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, British American Tobacco International u Newman Shipping (C-435/03, Ġabra p. I-7077, punt 32), u tat-23 ta’ Marzu 2006, FCE Bank (C-210/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).


8 – Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2002 (C-174/00, Ġabra p. I-3293, punt 39).


9 – Ibidem, punt 40.


10 – Ibidem, punt 42.


11 – Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs L-Olanda (235/85, Ġabra p. 1471, punt 6) u tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Uitveoring Financiële Acties (348/87, Ġabra p. 1737, punt 10).


12 – Sentenzi tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin (C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 24), u tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 30).


13 – Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 1997 (C-384/95, Ġabra p. I-7387).


14 – Sentenza tad-29 ta’ Frar 1996 (C-215/94, Ġabra p. I-959).


15 – Sentenzi ċċitatati iktar ’il fuq, Mohr, punt 22, u Landboden Agrardienste, punti 24 u 25.


16 – Sentenza Mohr, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21.


17 – Sentenza Landboden-Agrardienste, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24.


18 – Ir-rikorrenti tenfasizza f’dan ir-rigward li, skond id-dritt ċivili Franċiż, il-kapparra hija somma ta’ flus li fl-aħħar titnaqqas mill-prezz totali f’każ li l-kuntratt jiġi eżegwit, u li titħallas mid-debitur fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, iżda li, f’każ li d-debitur jirtira mill-eżekuzzjoni tal-kuntratt, tinżamm mill-kreditur bħala kumpens għad-danni.


19 – Ara s-sentenza ta’ l-1 ta’ Lulju 1982, BAZ Bausystem (222/81, Ġabra p. 2527, punt 11), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interessi mogħtija mill-ġudikant bħala kumpens għad-dewmien fil-pagament tal-bilanċ tal-korrispettiv għal provvista ta’ servizzi, mhumiex taxxabbli. Ara, fl-istess sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1993, Muys’ en De Winter’s Bouw- en Aannemingsbedrijf (C-281/91, Ġabra p. I-5405, punti 18 u 19), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kuntrarju, iddeċidiet li l-interessi li jirċievi fornitur mingħand il-klijent tiegħu bħala korrispettiv għad-dewmien fil-pagament permess mill-fornitur sal-konsenja ta’ l-oġġett huma taxxabbli.


20 – Sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring (C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 38), u tal-21 ta’ April 2005, HE (C-25/03, Ġabra p. I-3123, punt 36).


21 – Per eżempju, din tista’ tiġi kklassifikata bħala li għandha n-natura intrinsika ta’ sanzjoni jew ta’ penali.


22 – Sentenzi tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punt 7 u 8); ta’ l-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht (C-291/92, Ġabra p. I-2775, punti 13 u 14); u tas-6 ta’ Frar 2003, Auto Lease Holland (C-185/01, Ġabra p. I-1317, punt 32 u 33), kif ukoll HE, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64.


23 – L-Artikolu L114-1 tal-Kodiċi tal-Konsumatur jipprovdi, fil-fatt, li “ħlief fil-każ ta’ stipulazzjoni kuntrarja fil-kuntratt, is-somom imħallsin bil-quddiem jikkostitwixxu kapparra”.


24 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ April 1995, BLP Group (C-4/94, Ġabra p. I-983, punt 24), tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et (C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 45); tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 57 u 58), u tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling (C-439/04 u C-440/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 43).