Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2007 1(1)

Kawża C-97/06

Navicon SA

vs

Administración del Estado

(Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mit-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Spanja))

(Taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjoni fir-rigward tan-nolleġġ ta’ bastimenti li jbaħħru)





1.     Iż-żewġ domandi għal deċiżjoni preliminari jikkonċernaw l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1997, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, (2) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/111/KEE, ta’ l-14 ta’ Diċembru 1992 (3) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2.     Id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ proċedimenti bejn il-kumpannija Navicon (iktar ’il quddiem “Navicon”) u l-awtorità fiskali Spanjola kompetenti dwar ir-rifjut minn din l-awtorità li teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) operazzjonijiet li jinvolvu n-nolleġġ parzjali ta’ bastiment sabiex jinġarru kontejners. F’dan ir-rigward għandu jiġi irrilevat li l-leġiżlazzjoni Spanjola li timplementa s-Sitt Direttiva tipprovdi biss għall-eżenzjoni ta’ nolleġġ sħiħ.

3.     Il-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk mitluba tinterpreta l-kunċett ta’ nolleġġ użat fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva u, b’mod partikolari, tiddetermina jekk dan il-kunċett japplikax biss għan-nolleġġ tal-bastiment sħiħ (nolleġġ “sħiħ”) jew jekk japplikax ukoll għan-nolleġġ ta’ parti minn bastiment (nolleġġ “parzjali”).

I –    Il-leġiżlazzjoni rilevanti

A –    Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

4.     L-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva jipprovdi li:

“Eżenzjonijiet ta’ l-esportazzjonijet u transazzjonijet simili u trasport internazzjonali:

Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt il-kondizzjonijet li huma għandhom ifasslu għall-iskop biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u jipprevenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż:

[…]

(4)      il-provvista ta’ oġġetti għall-għoti tal-karburant u l-provedimenti għall-bastimenti:

(a)      użati fin-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa u jġorru passiġġieri għal ħlas u użati għall-iskop kummerċjali, industrijali jew għall-attivitajiet tas-sajd;

(b)      użati għas-salvataġġ u għajnuna fil-baħar, għas-sajd mal-kosta, ħlief bl-eċ[ċ]ezzjoni, għal ta’ l-aħħar, għall-provvedimenti tal-vapuri; […]

(5)      il-provvista, modifikazzjoni, tiswija, manteniment, nolleġġjar u kiri ta’ vapuri msemmija fil-paragrafu 4 (a) u (b) [u i]l-provvista, kiri, tiswija u manteniment tat-tagħmir - inkluż it-tagħmir tas-sajd - inkorporat jew użat hemmhekk. […]”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5.     L-Artikolu 22.1 tal-Liġi 37 tat-28 ta’ Diċembru 1992 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud jipprovdi li:

“Eżenzjonijiet fuq transazzjonijiet marbuta ma’ l-esportazzjoni

It-transazzjonijiet segwenti għandhom ikunu eżentati mit-taxxa skond il-kundizzjonijiet u fiċ-ċirkustanzi li għandhom jiġu stabbiliti b’regolamenti:

L-ewwel. Il-provvista, il-bini, il-modifikazzjoni, it-tiswija, il-manutenzjoni, in-nolleġġ sħiħ u l-kera tal-bastimenti msemmija hawnhekk:

(1) Bastimenti li jistgħu jbaħħru fl-ibħra miftuħa użati għal skopijiet merkantili internazzjonali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet kummerċjali ta’ ġarr ta’ merkanzija jew ta’ passiġġieri bi ħlas, inklużi servizzi turistiċi jew attivitajiet industrijali jew attivitajiet ta’ sajd. […]”

II – L-isfond fattwali, il-proċedura u d-domandi magħmula

6.     Navicon u l-kumpannija Compañía Transatlántica Española SA kkonkludew kuntratt ta’ nolleġġ parzjali fejn Navicon ipprovdiet lil din ta’ l-aħħar, bi ħlas, parti mill-ispazju fuq il-bastimenti tagħha sabiex iġġorr kontejners bejn diversi portijiet fil-peniżola Iberika u territorju li ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (il-gżejjer tal-Kanarji).

7.     Navicon ma applikatx l-ammont tat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-fatturi rispettivi peress li kkunsidrat li t-tranżazzjoni kienet eżentata mill-ħlas tal-VAT. L-awtorità fiskali Spanjola kompetenti għamlet aġġustament fir-rigward ta’ l-ammonti mħallsa taħt il-kuntratt ta’ nolleġġ sabiex jinkludu l-VAT peress li kkunsidrat li l-eżenzjoni ma tapplikax meta n-nolleġġ ikun parzjali u mhux nolleġġ sħiħ.

8.     Navicon ikkontestat, mingħajr suċċess, dan l-aġġustament quddiem it-Tribunal Económico Administrativo (Tribunal Amministrattiv Kummerċjali) ta’ Madrid. Hija appellat quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Madrid (Qorti Superjuri tal-Ġustizzja ta’ Madrid), li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej:

“1.      Għandu t-terminu ‘nolleġġjar’ fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva jiġi interpretat fis-sens li jinkludi biss in-nolleġġ tal-kapaċità kollha tal-bastiment (nolleġġ sħiħ) jew fis-sens li jinkludi wkoll in-nolleġġ ta’ parti jew ta’ perċentwali mill-kapaċità tal-bastiment (nolleġġ parzjali)?

2.      Is-Sitt Direttiva tipprekludi liġi nazzjonali li tippermetti eżenzjoni fir-rigward ta’ nolleġġ sħiħ biss?”

III – L-osservazzjonijiet prinċipali sottomessi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.     Il-Gvern Grieg u l-Gvern Spanjol huma tal-fehma li l-kunċett ta’ “nolleġġjar” użat fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva jirreferi biss għan-nolleġġ ta’ l-ispazju kollu tal-bastiment u għaldaqstant jikkonkludu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija konformi mad-Direttiva. L-eżenzjonijiet stipulati fis-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati b’mod strett peress li huma eċċezzjoni għall-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tkun imposta fuq kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli.

10.   Il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni huma tal-fehma li l-kunċett ta’ nolleġġ jirreferi kemm għal nolleġġ parzjali u kemm għal nolleġġ sħiħ.

11.   Skond il-Gvern Belġjan, l-għan tal-formulazzjoni ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva huwa li jiġi eżentat in-nolleġġ ta’ ċerti bastimenti, b’mod partikolari bastimenti li jbaħħru msemmija fil-paragrafu 4(a) u (b), u mhux li jiġu eżentati tipi partikolari ta’ nolleġġ. Fi kwalunkwe każ, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju tista’ tiġi interpretata f’diversi modi, għandha tiġi adottata l-interpretazzjoni li tassigura l-effikaċja tad-dispożizzjoni. F’dan il-każ, madankollu, interpretazzjoni tal-kunċett ta’ nolleġġ li hija limitata għal nolleġġ sħiħ tippreġudika l-effikaċja ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva peress li, għall-istess rotta u għall-istess tip ta’ bastiment, nolleġġ parzjali jwassal għall-ħlas tal-VAT filwaqt li nolleġġ sħiħ ikun eżentat.

12.   Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li, skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva ma tagħtix lill-Istati Membri l-abbiltà li jinfluwenzaw il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tas-Sitt Direttiva, kif iddefinit mill-istess direttiva. Fit-tieni lok, peress li merkanzija esportata lejn pajjiżi terzi għandha tkun ħielsa minn kwalunkwe taxxa meta toħroġ mit-territorju tal-Komunità, huwa meħtieġ li servizzi ta’ nolleġġ m’għandhomx ikunu ntaxxati, irrispettivament minn jekk in-nolleġġ huwiex parzjali jew sħiħ. Fl-aħħar lok, jekk il-kunċett ta’ nolleġġ jiġi limitat għal nolleġġ sħiħ biss, dan ikun ifisser li d-dritt għal eżenzjoni jkun jiddependi mid-daqs tal-bastiment minħabba li l-kwistjoni ta’ jekk volum simili ta’ merkanzija jkunx eżentat jew le tkun tiddependi mid-daqs tal-bastiment ikkonċernat.

13.   Madankollu, il-Kummissjoni tqajjem ukoll argument li jista’ jsostni l-fehma li l-leġiżlazzjoni Spanjola hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju. Jista’ jingħad, b’analoġija, li nolleġġ parzjali għandu jitqies bħala l-ġarr ta’ merkanzija, u għalhekk jaqa’ taħt l-Artikolu 15(13) tas-Sitt Direttiva, (4) li jistabbilixxi, b’mod partikolari, eżenzjoni għal servizzi ta’ trasport marbuta ma’ l-esportazzjoni ta’ merkanzija. Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument m’għandux jiġi aċċettat. L-ewwel nett, il-formulazzjoni tas-Sitt Direttiva tissuġġetta n-nolleġġ u l-ġarr ta’ merkanzija għal regoli legali differenti u, it-tieni nett, iż-żewġ tipi ta’ kuntratti huma differenti ħafna.

14.   Il-Kummissjoni ssostni li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, abbażi tal-formulazzjoni tal-kuntratt bejn il-partijiet kif ukoll abbażi tan-natura u tal-kontenut tas-servizz ipprovdut, jekk il-kuntratt in kwistjoni jissodisfax il-kundizzjonijiet meħtieġa għal kuntratt ta’ nolleġġ għall-finijiet ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva.

IV – Evalwazzjoni legali

15.   Skond l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva, in-nolleġġ ta’ bastimenti li jbaħħru huwa eżentat mill-VAT. Din id-dispożizzjoni ma tipprovdix definizzjoni iktar preċiża tal-kunċett ta’ nolleġġ.

16.   Fil-prattika, kuntratt ta’ nolleġġ jista’ jkopri bastiment sħiħ, f’liema każ l-operazzjoni tissejjaħ nolleġġ “sħiħ”, jew parti biss mill-bastiment, f’liema każ l-operazzjoni tissejjaħ nolleġġ “parzjali”.

17.   Mill-osservazzjonijiet ta’ l-Istati Membri li għamlu intervent f’dawn il-proċeduri jirriżulta li l-kunċett ta’ nolleġġ ma ġiex interpretat b’mod uniformi fil-Komunità, kif jidher mil-leġiżlazzjoni rilevanti ta’ xi Stati Membri, inkluża Spanja – minn fejn oriġinat din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tillimita l-kunċett ta’ nolleġġ għal nolleġġ “sħiħ”, filwaqt li leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stati Membri oħra, bħal per eżempju l-leġiżlazzjoni Belġjana, jidher li tadotta interpretazzjoni iktar wiesgħa, fis-sens li kull tip ta’ nolleġġ, kemm jekk “sħiħ” u kemm jekk “parzjali”, huwa eżentat. Għalhekk, tqum il-kwistjoni tal-portata li għandha tingħata lill-kunċett ta’ nolleġġ fil-kuntest ta’ l-eżenzjoni mill-VAT taħt l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva.

18.   Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, eżenzjonijiet mill-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod strett peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li l-VAT għandha tkun imposta fuq kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli. (5) B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tenniet dan il-prinċipju meta interpretat l-eżenzjonijiet applikabbli għal bastimenti li jbaħħru. (6)

19.   Madankollu, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta ma jistax iwassal sabiex l-Artikolu 15 jiġi interpretat f’sens differenti mis-sens li joħroġ b’mod ċar mill-formulazzjoni tiegħu. (7)

20.   La fid-dispożizzjoni in kwistjoni u lanqas f’xi parti oħra tas-Sitt Direttiva m’hemm xejn li jippermetti restrizzjoni tat-terminu “nolleġġjar” għal nolleġġ “sħiħ” biss. Jidher li, b’differenza minn dak li s-Sitt Direttiva tipprovdi fir-rigward ta’ l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 15(4) ta’ l-istess direttiva, (8) l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw l-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 15(5) ta’ din id-direttiva qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-regoli fiskali Komunitarji li jispeċifikaw il-portata ta’ din l-eżenzjoni. Għaldaqstant, limitazzjoni tat-tifsira tat-terminu “nolleġġjar” fil-kuntest ta’ l-eżenzjonijiet mill-VAT prevista fis-Sitt Direttiva għal nolleġġ “sħiħ” tidher li tmur lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fir-rigward tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva fid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT taqa’ fil-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju u sabiex limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, b’mod partikolari permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa l-leġiżlazzjoni Komunitarja, tkun kompatibbli mas-Sitt Direttiva, din għandha tirriżulta mill-formulazzjoni, għan u/jew l-iskema ġenerali tas-Sitt Direttiva.

21.   F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat ukoll jekk pożizzjoni restrittiva, bħal dik meħuda mil-leġiżlatur Spanjol, tistax tiġi rrikonċiljata mas-sistema u l-obbjettiv tas-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, għandu jiġi irrilevat ukoll li l-eżenzjonijiet huma kunċetti indipendenti ta’ dritt Komunitarju li għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest ġenerali tas-sistema komuni tal-VAT introdotta permezz tas-Sitt Direttiva. (9)

22.   Kif sostnew il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, interpretazzjoni tat-terminu “nolleġġjar” użat fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva fis-sens li jirreferi esklużivament għal nolleġġ sħiħ twassal għal inkonsistenzi serji fit-trattament ta’ operazzjonijiet ta’ nolleġġ fir-rigward tal-VAT. Jekk tiġi adottata interpretazzjoni bħal din, id-dritt għal eżenzjoni fir-rigward ta’ operazzjoni ta’ nolleġġ ikun jiddependi mid-daqs tal-bastiment peress li operazzjoni ta’ nolleġġ għat-trasport ta’ l-istess volum ta’ merkanzija tkun eżentata meta jintuża bastiment żgħir, peress li l-merkanzija tuża l-kapaċità kollha tal-bastiment u għalhekk l-operazzjoni titqies bħala nolleġġ sħiħ, filwaqt li fuq bastiment akbar, l-istess volum ta’ merkanzija, tuża’ biss parti mill-kapaċità kollha u għalhekk l-operazzjoni titqies bħala nolleġġ parzjali tal-bastiment. Inkonsistenzi bħal dawn jippreġudikaw l-effikaċja ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva.

23.   Barra minn hekk, jekk kuntratt għan-nolleġġ “parzjali” ta’ bastimenti li jbaħħru ma jkunx eżentat, jinħolqu sitwazzjonijiet fejn il-kost tat-trasport ta’ ċerta merkanzija esportata, jiġifieri dik il-merkanzija li tiġi esportata permezz ta’ nolleġġ parzjali, ma jkunx eżentat. Riżultat bħal din ikun manifestament kuntrarju għall-prinċipju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni li jipprovdi li l-merkanzija għandha tiġi ntaxxata fil-pajjiż fejn ħa tintuża mill-konsumatur finali. Minn dan il-prinċipju jsegwi, b’mod partikolari, li merkanzija intiża għall-esportazzjoni barra mill-Komunità għandha tkun ħielsa minn kull taxxa, inkluża kwalunkwe taxxa fuq il-kost tagħha marbut mat-trasport barra mill-Komunità minħabba li kost bħal dan ikun inkluż fil-prezz tal-merkanzija esportata.

24.   Jista’ jiġi argumentat li l-esklużjoni ta’ nolleġġ “parzjali” mill-portata ta’ l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva fir-rigward tal-“nolleġġjar” ta’ bastimenti ma tippreġudikax neċessarjament il-prinċipju tal-pajjiż ta’ destinazzjoni. Fil-fatt, dan il-prinċipju jista’ jiġi rrispettat fir-rigward ta’ merkanzija esportata permezz ta’ nolleġġ “parzjali” billi jiġi applikat l-Artikolu 15(13) tas-Sitt Direttiva li jipprovdi, b’mod partikolari, għall-eżenzjoni tat-trasport ta’ merkanzija esportata sakemm din il-merkanzija tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, kif irrilevat mill-Kummissjoni, mhuwiex ċar jekk applikazzjoni bħal din ta’ l-artikolu msemmi hijiex konsistenti mas-sistema u mal-loġika tas-Sitt Direttiva.

25.   L-ewwel nett, huwa evidenti li kuntratt ta’ nolleġġ u kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija huma pjuttost differenti fir-rigward ta’ l-iskop tagħhom u tar-regoli legali applikabbli għalihom. Meta bastiment – jew parti minnu fil-każ ta’ nolleġġ parzjali – ikun is-suġġett ta’ kuntratt ta’ nolleġġ u kera, il-bastiment ikun ipprovdut għal skop partikolari, per eżempju trasportazzjoni, filwaqt li kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija huwa kuntratt li permezz tiegħu min iġorr il-merkanzija jintrabat li jwassal il-merkanzija sa destinazzjoni partikolari. Fi kliem ieħor, filwaqt li kuntratti ta’ nolleġġ jew kera jikkonċernaw il-mezz ta’ trasport bħala tali, kuntratt ta’ ġarr jikkonċerna l-merkanzija li għandha tiġi ttrasportata permezz tal-mezz ta’ trasport. Minn dan isegwi li filwaqt li n-nolleġġatur u l-kerrej għandhom dritt fuq l-użu tal-bastiment li huwa s-suġġett tal-kuntratt – jew parti minnu fil-każ ta’ nolleġġ parzjali – is-sid tal-merkanzija ttrasportata fuq bastiment taħt kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija m’għandux dritt bħal dan iżda jista’ jippretendi biss li l-merkanzija titwassal sa destinazzjoni speċifika. Dawn id-differenzi jidhru li jsostnu l-argument li r-regoli applikabbli taħt is-Sitt Direttiva għandhom ikunu differenti.

26.   Assimilazzjoni ta’ nolleġġ parzjali mal-ġarr ta’ merkanzija iktarx tqajjem ukoll dubju dwar il-ħtieġa li ssir eżenzjoni separata għal nolleġġ sħiħ. Jekk nolleġġ sħiħ tant jixbah lill-ġarr ta’ merkanzija li jiġu assimilati flimkien minkejja differenzi sostanzjali fin-natura legali tal-kuntratt, jista’ jkun hemm dubju jekk għandux ikun hemm eżenzjoni separata għal nolleġġ u jekk nolleġġ għandux jiġu kompletament assimilat mal-ġarr ta’ merkanzija. Għaldaqstant, huwa diffiċli sabiex l-assimilazzjoni ta’ nolleġġ parzjali mal-ġarr ta’ merkanzija tiġi rrikonċiljata mal-formulazzjoni tas-Sitt Direttiva.

27.   Fl-aħħar nett, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ kuntratti huma manifestament pjuttost differenti fir-rigward tan-natura legali tagħhom, jista’ raġonevolment jiġi preżunt li l-leġiżlatur Komunitarju kien jispeċifika b’mod ċar fis-Sitt Direttiva jekk huwa kellu l-intenzjoni li jillimita l-kunċett ta’ nolleġġ għal nolleġġ sħiħ biss u li jassimila nolleġġ parzjali mal-ġarr ta’ merkanzija.

28.   Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li m’hemm l-ebda raġuni imperattiva li titlob li nolleġġ “parzjali” jiġi assimilat mal-ġarr ta’ merkanzija għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-eżenzjonijiet mill-VAT taħt is-Sitt Direttiva minflok ma jiġi kkunsidrat li jaqa’ taħt l-eżenzjoni għal nolleġġ taħt l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva. (10)

29.   Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li t-terminu “nolleġġjar” fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kemm in-nolleġġ tal-kapaċità kollha tal-bastiment (nolleġġ sħiħ) u kemm nolleġġ fir-rigward ta’ parti jew ta’ perċentwali mill-kapaċità tal-bastiment (nolleġġ parzjali).

30.   Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li s-Sitt Direttiva tipprekludi liġi nazzjonali li tippermetti eżenzjoni fir-rigward ta’ nolleġġ sħiħ biss.

V –    Konklużjoni

31.   Fid-dawl ta’ dak li għadu kemm intqal, jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti r-risposta segwenti għad-domandi magħmula:

(1)      It-terminu “nolleġġjar” fl-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi kemm in-nolleġġ tal-kapaċità kollha tal-bastiment (nolleġġ sħiħ) u kemm nolleġġ fir-rigward ta’ parti jew ta’ perċentwali mill-kapaċità tal-bastiment (nolleġġ parzjali).

(2)      Is-Sitt Direttiva tipprekludi liġi nazzjonali li tippermetti eżenzjoni fir-rigward ta’ nolleġġ sħiħ biss.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – ĠU 1977 L 145, p. 1.


3 – ĠU 1992 L 384, p. 47.


4 – L-Artikolu 15(13) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li


“Il-provvista ta’ servizzi, inkluż it-trapsort u l-operazzjonijiet anċillari, iżda eskluż il-provvista ta’ servizzi eżentati skond l-Artikolu 13, fejn dawn huma direttament konnessi ma’ l-esportazzjoni ta’ oġġetti jew ma’ l-importazzjoni ta’ oġġetti koperti mid-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 7(3) jew l-Artikolu 16(1), Titolu A.”


5 – Ara, bħala eżempju, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2004, Cimber Air (C-382/02, Ġabra p. I-8379, punt 25).


6 – Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1990, Velker International Oil Company (C-185/89, Ġabra p. I-2561, punt 19), u ta’ l-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka (C-181/04 sa C-183/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 15).


7 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Cimber Air, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 29.


8 – It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 15(4) tipprovdi li: “Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-Kunsill mill-iktar fis possibbli proposti sabiex jistabbilixxu regoli fiskali Komunitarji li jispeċifikaw l-iskop ta’ u l-arranġamenti għall-implimentazzjoni ta’ din l-eżenzjoni u l-eżenzjonijiet li hemm provvediment għalihom f’(5) sa (9). Sakemm dawn ir-regoli jidħlu fis-seħħ, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw sa liema punt tista’ ssir l-eżenzjoni li hemm provvediment għaliha f’dan il-paragrafu.”


9 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017, punt 21); ta’ l-10 ta’ Settembru 2002, Kügler (C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 25); is-sentenza Cimber Air, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 23; u s-sentenza Elmeka, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 20.


10 – Minkejja dan, sabiex tiġi assigurata l-applikazzjoni korretta tas-Sitt Direttiva m’hemm xejn li jżomm lil qorti nazzjonali milli tibdel il-klassifikazzjoni tan-natura ta’ kuntratt għal nolleġġ “parzjali” li kieku kellha tasal għall-konklużjoni li dan ta’ l-aħħar m’huwa, f’każ partikolari u abbażi tal-klawżoli kuntrattwali tal-kuntratt in kwistjoni, xejn iktar minn kuntratt għall-ġarr ta’ merkanzija u għaldaqstant identifikat b’mod żbaljat bħala kuntratt ta’ “nolleġġ” sabiex jaqa’ taħt il-kundizzjonijiet meħtieġa għal eżenzjoni fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet ta’ nolleġġ fis-sens ta’ l-Artikolu 15(5) tas-Sitt Direttiva.