Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TA’ L-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 1(1)

Kawża C-451/06

Gabriele Walderdorff

vs

Finanzamt Waldviertel

“VAT – Kiri u lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli – Konċessjoni ta’ drittijiet tas-sajd fuq medda ta’ ilma speċifika”





1.     F’din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Awstrija, id-Diviżjoni ta’ Vjenna ta’ l-Unabhängiger Finanzsenat (Tribunal Indipendenti tat-Taxxa) tixtieq tkun taf jekk il-kunċett ta’ “kiri jew [il-lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli” fil-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-VAT jinkludix il-konċessjoni ta’ drittijiet tas-sajd fuq medda ta’ ilma, fil-forma ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni għal għaxar snin mogħtija mis-sid tal-proprjetà fejn tinsab il-medda ta’ l-ilma jew mid-detentur tad-drittijiet tas-sajd fir-rigward ta’ medda ta’ l-ilma li tinsab f’art pubblika.

 Id-dritt Komunitarju

2.     Fiż-żmien meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali, il-VAT kienet armonizzata permezz tas-Sitt Direttiva, (2) li l-Artikolu 13B tagħha kien jipprovdi, fost affarijiet oħra:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe [evażjoni], evitar u abbuż [possibbli]:

[…]

(b)      il-kiri jew [il-lok]azzjoni ta’ proprjeta immobbli esklużi:

1.      il-prov[vista] ta’ akkom[o]dazzjoni, kif definita fil-liġijiet ta’ l-Istati Membri, fis-settur tal-lukandi jew fis-setturi b’funzjoni simili, inkluż[a] l-prov[vista] ta’ akkomodazzjoni f’kampijiet tal-vaganzi jew f’siti żviluppati għall-użu bħala siti ta’ kkampjar;

2.      [il-lokazzjoni] ta’ fondi u si[t]i għall-ipparkjar tal-karozzi;

3.      [il-lokazzjoni] ta’ tagħmir u makkinarju installat [b’mod] permanenti;

4.      il-kiri ta’ kaxxiforti.

L-Istati Membri jistgħu japplikaw iżjed esklużjonijet għall-iskop ta’ din l-eżenzjoni;

[…]” (3)

3.     L-Artikolu 13C(a) kien jawtorizza lill-Istati Membri jħallu lill-persuni taxxabbli – bla ħsara għar-restrizzjonijiet u għar-regoli dettaljati stabbiliti mill-Istat – id-dritt li jagħżlu li jkunu ntaxxati f’każ ta’ kiri u lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli. (4)

 Id-dritt Awstrijak

4.     L-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-Umsatzsteuergesetz 1994 (Liġi ta’ l-1994 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, iktar ’il quddiem “l-UstG”) jeżenta l-lokazzjoni u l-kiri ta’ proprjetà immobbli mill-VAT, inklużi “drittijiet li għalihom japplikaw ir-regoli tad-dritt ċivili dwar il-proprjetà immobbli, u drittijiet ta’ l-Istat dwar l-użu tal-proprjetà immobbli”, bla ħsara għall-istess eċċezzjonijiet ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva.

5.     Il-qorti tar-rinviju tispjega illi l-kunċett ta’ proprjetà immobbli skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG huwa dak użat fid-dritt ċivili. Il-Kodiċi Ċivili Awstrijak jikklassifika d-drittijiet bħala mobbli sakemm ma jkunux konnessi mal-proprjetà ta’ proprjetà immobbli, fi kliem ieħor, eżerċitati permezz ta’ dik il-proprjetà, bħal fil-każ tas-servitujiet predjali. Servitù predjali hija dritt in rem, ġeneralment stabbilit permezz ta’ reġistrazzjoni. (5) Id-drittijiet tas-sajd f’ilmijiet privati huma normalment estensjoni tad-dritt ta’ proprjetà fuq l-ilmijiet. Meta jkunu eżerċitati permezz ta’ dritt ta’ proprjetà fuq proprjetà differenti, dawn ikunu servitujiet predjali. Inkella jistgħu jingħataw bħala servitujiet personali irregolari u drittijiet in rem indipendenti, li jistgħu jiġu ttrasferiti liberament permezz ta’ bejgħ u suċċessjoni (id-drittijiet tal-kaċċa, madankollu, ma jistgħux ikunu stabbiliti iktar bħala drittijiet in rem indipendenti iżda dejjem isegwu l-proprjetà ta’ l-immobbli). Is-selvaġġina u l-ħut fl-ambjent naturali (6) mhuma proprjetà ta’ ħadd u mhumiex parti jew aċċessorji ta’ l-art. Il-Kodiċi Ċivili jikklassifikahom bħala proprjetà immobbli sakemm ikunu maqbuda jew maqtula, u b’hekk jagħmilha ċara li d-dritt li jittieħdu jirriżulta mill-proprjetà ta’ l-art u mhux minn dritt pre-eżistenti fuqhom bħala proprjetà mobbli indipendenti. Mhuwiex l-annimal, iżda d-dritt tal-kaċċa jew tas-sajd, li jagħmel parti mill-proprjetà ta’ l-art.

6.     L-Artikolu 4 tal-NÖ Fischereigesetz 2001 (Liġi ta’ l-Awstrija ta’ Isfel dwar is-sajd) jiddefinixxi d-drittijiet tas-sajd b’diversi modi, bħala li jinkludu d-dritt li jkunu kkonservati, maqbuda, akkwistati u maqtula annimali akwatiċi, u li jkun awtorizzat il-qbid tagħhom u/jew l-akkwist tagħhom minn ħaddieħor; bħala inseparabbli mill-obbligu li l-ilmijiet tas-sajd ikunu ġestiti b’mod xieraq u sostenibbli; u bħala drittijiet indipendenti li mhumiex konnessi ma’ l-art, u li jistgħu jkunu akkwistati u miżmuma skond ir-regoli ġenerali dwar id-drittijiet privati, suġġetti għall-kompetenza tal-qrati ordinarji.

 Fatti u proċedura

7.     Gabriele Walderdorff tippossjedi u tmexxi impriża agrikola u tal-forestrija fi Zwettl, fl-Awstrija ta’ Isfel, li fir-rigward tagħha hija suġġetta għall-VAT bir-rata normali. L-assi jinkludu drittijiet tas-sajd irreġistrati fir-rigward ta’ ċerti ilmijiet ta’ proprjetà pubblika. Barra minn hekk, hemm għadajjar fil-proprjetà li fir-rigward tagħhom għandha drittijiet tas-sajd bħala sid ta’ l-art.

8.     G. Walderdorff tat iż-żewġ tipi ta’ drittijiet tas-sajd b’lokazzjoni lil klabb tas-sajd bil-qasba lokali għal perjodu ta’ 10 snin mill-1 ta’ Jannar 1996. Skond il-kuntratt, il-kera annwali kienet ta’ ATS 60 000. Kieku G. Walderdorff għażlet it-tassazzjoni tal-VAT, dan l-ammont kien jinqasam fis-somma ta’ ATS 50 000 nett, flimkien ma’ VAT ta’ 20%. Fil-fatt, m’għażlitx it-tassazzjoni, u għalhekk ma ffatturatx VAT lill-klabb.

9.     Wara spezzjoni, l-awtorità tat-taxxa ddeċidiet illi l-kera għandha tkun suġġetta għall-VAT bir-rata normali, peress li ma kinitx tirrigwarda lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli eżenti skond l-UStG. Għalhekk ħarġet avviżi ta’ stima għal VAT ta’ 20%.

10.   G. Walderdorff appellat kontra dawn l-avviżi ta’ stima u applikat għal eżenzjoni mill-VAT fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG. L-appell huwa attwalment pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

11.   L-awtorità tat-taxxa tibbaża ruħha fuq il-pożizzjoni tal-Ministeru Federali tal-Finanzi, li d-drittijiet tas-sajd huma indipendenti mill-proprjetà u ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala ekwivalenti għall-użu tal-proprjetà. L-għoti tagħhom b’lokazzjoni minn persuna taxxabbli għalhekk mhuwiex eżenti skond l-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG, iżda huwa suġġett għar-rata normali ta’ tassazzjoni.

12.   G. Walderdorff tissottometti li l-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG jkopri drittijiet li għalkemm mhumiex elementi kostituttivi ta’ proprjetà immobbli, jistgħu fihom infushom ikunu s-suġġett ta’ kirja. Id-drittijiet tal-kaċċa ma jaqgħux f’din id-definizzjoni, peress li ma jistgħux ikunu stabbiliti iktar bħala drittijiet in rem indipendenti reġistrabbli bħala tali. Madankollu, id-drittijiet tas-sajd jistgħu jiġu eżerċitati minn xi ħadd li mhuwiex is-sid tal-proprjetà, f’liema każ ikunu servitujiet reġistrabbli fir-reġistru ta’ l-art. Huma għalhekk drittijiet ta’ proprjetà immobbli skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 6(1)(16) ta’ l-UStG.

13.   Billi ma kienx ċert dwar il-pożizzjoni skond id-dritt Komunitarju, l-Unabhängiger Finanzsenat ressaq is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 13B(b) tas-[Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konċessjoni tad-drittijiet tas-sajd bi ħlas, fil-forma ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni konkluż għal perijodu ta’ 10 snin

(1)      mis-sid tal-proprjetà li fuqha tinsab il-medda ta’ ilma li fir-rigward tagħha ngħataw id-drittijiet,

(2)      mid-detentur tad-drittijiet tas-sajd fir-rigward ta’ medda ta’ ilma li tinsab fi proprjetà pubblika,

tikkostitwixxi ‘il-kiri jew [il-lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli’?”

14.   Il-Kummissjoni biss issottomettiet osservazzjonijiet bil-miktub, u ma ntalbet jew saret ebda seduta.

 Analiżi

15.   It-talba għal deċiżjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata dwar in-natura u l-klassifikazzjoni tad-drittijiet li jirrigwardaw il-proprjetà immobbli, u b’mod partikolari d-drittijiet tas-sajd u tal-kaċċa, fid-dritt Awstrijak. L-argument quddiem il-qorti tar-rinviju jidher ukoll li hu bbażat prinċipalment fuq din il-klassifikazzjoni.

16.   Madankollu, id-domanda mressqa tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ l-espressjoni “il-kiri jew [il-lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli” fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, u l-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddikjarat li l-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 13 jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt Komunitarju, li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor. (7)

17.   Konsegwentement, il-klassifikazzjoni tad-drittijiet tas-sajd fid-dritt Awstrijak – jew id-divrenzjar tagħhom mid-drittijiet tal-kaċċa – mhijiex se tkun deċiżiva għad-determinazzjoni jekk l-għoti tagħhom jistax jikkostitwixxi “il-kiri jew [il-lok]azzjoni ta’ proprjetà immobbli” għall-finijiet ta’ l-eżenzjoni fl-Artikolu 13B(b). Lanqas mhuwa konklużiv il-fatt li l-kuntratt in kwistjoni huwa kkunsidrat bħala kuntratt ta’ lokazzjoni (Pachtvertrag) fid-dritt Awstrijak.

18.   Domanda li tista’ tkun moħbija fid-deċiżjoni tar-rinviju hija madankollu jekk id-drittijiet tas-sajd jistgħux fihom infushom jikkostitwixxu proprjetà immobbli li tista’ tingħata b’lokazzjoni jew b’kiri skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 13B(b), jekk huma klassifikabbli bħala drittijiet immobbli fid-dritt Awstrijak – u fil-fatt forsi f’sistemi legali oħra.

19.   Fl-opinjoni tiegħi, ikun artifiċjali li wieħed jinterpreta l-kunċett Komunitarju ta’ proprjetà immobbli b’dak il-mod f’dan il-kuntest. Il-kunċett ta’ lokazzjoni jew kiri ta’ proprjetà immobbli huwa adegwat biss għal proprjetà materjali vera u proprja, u mhux għal drittijiet li huma min-natura tagħhom stess immaterjali, ikun x’ikun l-oġġett li miegħu jistgħu jkunu marbuta. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li l-proprjetà immobbli hija limitata għal dak li mhuwiex mobbli jew li ma jistax jiġi faċilment imċaqlaq. (8) Tali limitazzjoni għandha, a fortiori, teskludi l-proprjetà ta’ natura immaterjali. Din l-opinjoni tidher li hija kkonfermata mid-dikjarazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-proprjetà immobbli hija li hija mwaħħla ma’ parti speċifika tal-wiċċ tad-dinja. (9)

20.   Ma nbiddilx l-opinjoni tiegħi f’dan ir-rigward minħabba r-referenza tal-qorti tar-rinviju għal dikjarazzjoni fil-minuti tal-Kunsill dwar l-adozzjoni tas-Sitt Direttiva, fis-sens li l-possibbiltà li jiġi ristrett il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13B(b) kienet introdotta b’mod partikolari sabiex tagħti lill-Istati Membri l-għażla li jagħmlu, fost affarijiet oħra, id-drittijiet tal-kaċċa u tas-sajd suġġetti għal VAT, bl-implikazzjoni possibbli – fl-opinjoni tal-qorti tar-rinviju – li, f’dak il-kuntest, il-kaċċa u s-sajd ikunu normalment ikklassifikati bħala proprjetà immobbli. Tkun xi tkun l-implikazzjoni, hija ġurisprudenza stabbilita li, meta ma jkunx hemm referenza għall-kontenut tagħhom fid-dispożizzjoni li għaliha jirreferu, tali dikjarazzjonijiet m’għandhom ebda sinjifikat ġuridiku u ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni ta’ direttiva. (10)

21.   Il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli, skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, bħala l-għoti mis-sid ta’ proprjetà immobbli lil-lokatarju, bi ħlas u għal perijodu miftiehem, tad-dritt li jokkupa dik il-proprjetà immobbli u li jeskludi kull persuna oħra mit-tgawdija ta’ dan id-dritt. (11) Hija ddeċidiet ukoll li art li hija totalment jew parzjalment taħt l-ilma tista’, hija stess, tiġi kklassifikata bħala proprjetà immobbli li tista’ tingħata b’lokazzjoni jew b’kiri. (12)

22.   Medda ta’ ilma tista’ għalhekk tingħata b’lokazzjoni jew b’kiri skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, u huwa paċifiku fil-każ preżenti li l-kuntratt in kwistjoni jagħti drittijiet fuq meded speċifiċi ta’ ilma għal perijodu miftiehem bil-ħlas ta’ kera annwali. Dawk l-aspetti huma konsistenti mal-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Jista’ jiġi osservat ukoll li d-dritt li jittieħdu l-ħut mill-ilma, u l-obbligu li dawn l-ilmijiet ikunu ġestiti b’mod xieraq u sostenibbli, jidhru li huma tipiċi tat-tip ta’ lokazzjoni msejħa “Verpachtung” fil-verżjoni Ġermaniża ta’ l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva. (13)

23.   Madankollu, mhuwiex biżżejjed li kuntratt jinkludi ċerti elementi li huma tipiċi tal-lokazzjoni jew tal-kiri ta’ proprjetà immobbli jekk ma jissodisfax il-kriterji essenzjali kollha tad-definizzjoni ta’ kiri skond id-dritt Komunitarju. Wieħed minn dawn il-kriterji huwa l-portata tad-dritt, mogħti mill-kuntratt, li tkun okkupata l-proprjetà u li jkunu esklużi persuni oħra minnha.

24.   L-ewwel domanda hija jekk kuntratt li jagħti aċċess għal u tgawdija ta’ proprjetà immobbli għall-iskop uniku tas-sajd jistax ikun meqjus bħala kiri jew lokazzjoni.

25.   Naturalment, mhuwiex rari li kirja tispeċifika li l-proprjetà kkonċernata għandha tkun użata, jew m’għandhiex tkun użata, għal skop jew skopijiet partikolari. Barra minn hekk, ma jidher li hemm xejn intrinsiku fl-attività tas-sajd li jipprekludi kuntratt li jagħti aċċess jew tgawdija għal dak l-użu milli jkun ikklassifikat bħala lokazzjoni.

26.   Kull kuntratt għandu madankollu jkun eżaminat sabiex jiġi determinat jekk jagħtix id-dritt li tkun okkupata l-proprjetà u li jkunu esklużi persuni oħra minnha.

27.   F’dan il-każ, il-kuntratt – li kopja tiegħu hija inkluża fil-fajl mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju – ma jsemmi ebda skop ħlief is-sajd li għalih il-klabb tas-sajd bil-qasba jista’ jkollu aċċess għall-proprjetà jew għall-ilmijiet. Ma jinkludi xejn li jissuġġerixxi li G. Walderdorff ma tistax hi stess tuża l-għadajjar li jinsabu fil-proprjetà tagħha, jew tawtorizza lil ħaddieħor sabiex jużahom, għal skopijiet oħra minbarra s-sajd (għalkemm jista’ jkun impliċitu li dan l-użu m’għandux jinterferixxi mat-tgawdija tad-drittijiet tas-sajd). Bl-istess mod (u suġġett għall-istess kundizzjoni), mhemm xejn x’jissuġġerixxi li d-drittijiet tas-sajd tagħha fl-ilmijiet ta’ proprjetà pubblika, assenjati lill-klabb tas-sajd bil-qasba għall-perijodu ta’ validità tal-kuntratt, jintitolaw lilha jew lill-klabb sabiex iwaqqfu lil ħaddieħor milli jwettaq attivitajiet oħra f’dawk l-ilmijiet.

28.   Għalhekk jidhirli li huwa diffiċli biex is-sitwazzjoni deskritta tiġi rrikonċiljata mad-definizzjoni konsistenti tal-lokazzjoni jew tal-kiri mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li l-lokazzjoni jew il-kiri jinvolvi l-għoti ta’ dritt li tkun okkupata l-proprjetà u li jkunu esklużi persuni oħra minnha.

29.   Barra minn hekk, tista’ ssir distinzjoni bejn l-għoti ta’ dritt esklużiv tas-sajd f’medda ta’ ilma partikolari, bid-dritt li ħaddieħor ma jitħalliex jistad hemmhekk, u l-ħruġ ta’ permessi tas-sajd li jawtorizzaw lil individwi sabiex jistadu fil-kumpanija ta’ detenturi oħra ta’ tali permess. Tali permessi, għalkemm jikkonferixxu dritt effettiv ta’ użu tal-proprjetà in kwistjoni, (14) normalment ma jħallux lid-detentur tagħhom jeskludi lil persuni oħra u għalhekk fl-opinjoni tiegħi ma jissodisfawx dan il-kriterju fid-definizzjoni ta’ lokazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. (15)

30.   Fil-każ preżenti, il-kuntratt ma jinkludi ebda indikazzjoni li d-drittijiet mogħtija huma esklużivi fis-sens li l-klabb tas-sajd bil-qasba jista’ jiddeċiedi min jista’ u min ma jistax jistad fl-ilmijiet ikkonċernati. Madankollu, il-kuntratt jiddikjara li G. Walderdorff tirriżerva d-dritt li tistad liberament fl-ilmijiet għaliha nfisha u għal mistieden wieħed kuljum li jkun awtorizzat minnha. Il-kuntratt jistipula wkoll li G. Walderdorff għandha tkun intitolata għal sħubija bla ħlas fil-klabb matul il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt, u jipprovdi li, f’każ li jiġi xolt, hija għandha tagħti lit-12-il membru tiegħu dritt ta’ prijorità sabiex jikkonkludu kuntratti individwali ġodda magħha għall-istess għan.

31.   Huwa veru li dritt ta’ aċċess mingħajr restrizzjoni bħalma huwa dak mogħti fil-każ preżenti huwa element tipiku, u forsi essenzjali, tal-kiri jew tal-lokazzjoni. Hawnhekk, madankollu, il-konċedenti mhux biss qed tirriżerva espliċitament id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-użu ta’ l-ilmijiet għall-istess skop bħal dak li għalih ingħata aċċess lill-klabb – għall-kuntrarju ta’ skop ieħor minbarra l-użu jew it-tgawdija, bħal, per eżempju, il-manutenzjoni li għalih sid il-proprjetà jibqa’ responsabbli (16) – iżda hija tirriżerva wkoll id-dritt li tagħti l-istess aċċess lil terzi.

32.   Barra minn hekk, kieku l-klabb kellu jkun xolt u kellhom jiġu konklużi kuntratti separati ma’ kull wieħed mill-membri preċedenti tiegħu, dawk il-kuntratti jkunu jidhru (għalkemm xorta jibqgħu kklassifikati bħala Pachtverträge) li jammontaw għal ftit iktar minn permessi individwali tas-sajd għal żmien twil – u mhemm xejn li jindika li f’dak il-każ hija ma tkunx tista’ tikkonkludi kuntratti oħra ta’ l-istess tip.

33.   Dawn huma, ovvjament, kwistjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati mill-qorti tar-rinviju iżda, fl-opinjoni tiegħi, il-kunċett ta’ lokazzjoni jew kiri ta’ proprjetà immobbli, kif definit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, għandu jkun limitat għal kuntratti li abbażi tagħhom id-dritt ta’ aċċess għal, u t-tgawdija u l-użu ta’, tali proprjetà jkun esklużiv, fis-sens li l-kerrej ma jkunx obbligat li jittollera l-istess aċċess, tgawdija jew użu min-naħa ta’ sid il-kera u/jew ta’ persuni oħra awtorizzati minn sid il-kera.

34.   Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwasslu għal riżultat – l-esklużjoni mill-eżenzjoni – li huwa konsistenti mal-prinċipju rikorrenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li t-termini użati sabiex jiġu indikati dawn l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq is-servizzi kollha pprovduti bi ħlas minn persuna taxxabbli. (17)

35.   Fl-aħħar nett, wara li wasalt għall-konklużjoni li l-għoti ta’ drittijiet tas-sajd fil-forma deskritta ma jaqax taħt il-kunċett ta’ lokazzjoni jew kiri ta’ proprjetà immobbli previst fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, jidhirli li mhemmx skop li wieħed ifittex li jikklassifikah b’mod iktar preċiż. Huwa ċar li huwa provvista ta’ oġġetti jew servizzi, magħmula bi ħlas, minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali fil-kuntest ta’ attività ekonomika. (18) Dawn il-provvisti huma suġġetti għall-VAT bir-rata standard sakemm ma jaqgħux taħt eżenzjoni partikolari, rata mnaqqsa jew skema speċjali. Ebda rata mnaqqsa, skema speċjali jew eżenzjoni barra mill-Artikolu 13B(b) ma ġew issuġġeriti jew jidhru li huma applikabbli. 

 Konklużjoni

36.   Jien għalhekk ta’ l-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi d-domanda mressqa kif ġej:

Il-kunċett ta’ lokazzjoni jew kiri ta’ proprjetà immobbli fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE jinvolvi l-għoti tad-dritt li tkun okkupata l-proprjetà u li jkunu esklużi persuni oħra minnha. Ma jestendix biex ikopri sitwazzjoni li fiha s-sid tal-proprjetà jassenja d-dritt li din tintuża għal skop speċifiku iżda jżomm id-dritt li juża l-proprjetà huwa stess, jew li jawtorizza lil ħaddieħor sabiex jużaha, għall-istess skop jew għal skopijiet oħra.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU 1977 L 145, p. 1, emendata diversi drabi iżda mhux fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża). Fl-1 ta’ Jannar 2007, is-Sitt Direttiva ġiet imħassra u sostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: (ĠU 2006 L 347, p. 1).


3 –      Ara issa l-Artikoli 131 u 135(1)(l) u (2) tad-Direttiva 2006/112.


4 – Ara issa l-Artikolu 137(1)(d) u (2) tad-Direttiva 2006/112.


5 – Mhemm ebda indikazzjoni li l-Awstrija użat l-għażla prevista fl-Artikolu 5(3) tas-Sitt Direttiva (issa prevista fl-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/112) sabiex tikkunsidra d-drittijiet in rem li jagħtu lid-detentur tagħhom dritt ta’ użu fuq proprjetà immobbli bħala proprjetà tanġibbli. Ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Heger (C-166/05, Ġabra p. I-7749, punt 19), u l-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża.


6 – ‘In freier Natur’. Dan il-punt ma jissemmiex f’dan il-każ, iżda wieħed jista’ jistaqsi jekk dan it-terminu jinkludix, ngħidu aħna, riżorsi kkontrollati ta’ ħut f’għadajjar magħluqa, intiżi speċifikament għal sajd bil-qasba.


7 – Ara, per eżempju, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College (C-434/05, Ġabra p. I-4793, punt 15), u l-ġurisprudenza ċċitata fiha; u, f’dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni tad-drittijiet tal-kaċċa għall-finijiet tal-VAT, is-sentenza Stadt Sundern (C-43/04, Ġabra p. I-4491, punt 24).


8 – Ara s-sentenza tas-16 ta’ Jannar 2003, Maierhofer (C-315/00, Ġabra p. I-563, punti 30 et seq.).


9 – Ara s-sentenza Heger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 20.


10 – Ara, per eżempju, fil-qasam tat-tassazzjoni, is-sentenzi tat-13 ta’ Frar 1996, Bautiaa (C-197/94 u C-252/94, Ġabra p. I-505, punt 51, u tat-8 ta’ Ġunju 2000, Epson Europe (C-375/98, Ġabra p. I-4243, punt 26), flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata fiha.


11 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fonden Marselisborg Lystbådehavn (C-428/02, Ġabra p. I-1527, punt 30), u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.


12 – Ibidem, punt 34. Ara wkoll, fir-rigward tal-klassifikazzjoni bħala proprjetà immobbli ta’ medda ta’ ilma li fir-rigward tagħha jistgħu jinħarġu permessi tas-sajd, is-sentenza Heger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 20 sa 22.


13 – Issir distinzjoni bejn “Vermietung” u “Verpachtung” f’xi verżjonijiet lingwistiċi iżda mhux f’kollha, u tirrifletti distinzjoni li sikwit issir fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali. Ara l-punt 76 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Stichting Goed Wonen (sentenza ta’ l-4 ta’ Ottubru 2001, C-326/99, Ġabra p. I-6831).


14 – Is-sentenza Heger, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 25.


15 – Ara wkoll il-punti 34 u 35 tal-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Stockholm Lindöpark (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, C-150/99, Ġabra I-493).


16 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco (C-284/03, Ġabra p. I-11237, punti 24 u 25), fejn ċerti restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ okkupazzjoni esklużiva (bħad-dritt ta’ sid il-kera li jżur il-proprjetà, jew l-użu maqsum ta’ ċerti partijiet tal-proprjetà ma’ lokatarji oħra) huma kkunsidrati li mhumiex inkompatibbli ma’ klassifikazzjoni bħala lokazzjoni jew kiri.


17 – Ara, per eżempju, is-sentenza Horizon College, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 16, u l-ġurisprudenza ċċitata fiha. Madankollu, il-kunċett ta’ lokazzjoni jew kiri fl-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva jista’ jkun iktar wiesa’ minn dak li jeżisti fid-diversi liġijiet nazzjonali – jista’ jinkludi, per eżempju, l-akkomodazzjoni f’lukanda u l-użufrutt. Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C358/97, Ġabra p. I-6301, punt 54; u Goed Wonen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 49.


18 – Ara l-Artikoli 2(1), 4(1) u (2), 5(1) u (3) u 6(1) tas-Sitt Direttiva. Jista’ jkun hemm provvista ta’ oġġetti li kieku l-Awstrija użat l-għażla prevista fl-Artikolu 5(3) – ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.