Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fl-24 ta’ Jannar 2008 1(1)

Kawża C-484/06

Fiscale eenheid Koninklijke Ahold NV

vs

Staatssecretaris van Financiën

“Arrotondament ta’ ammonti ta’ VAT”





1.        Tkun xi tkun ir-rata ta’ VAT imposta fuq tranżazzjonijiet, dejjem ikun hemm każijiet – sakemm l-għażla ta’ rati u prezzijiet possibbli ma tkunx artifiċjalment limitata – li fihom l-ammont dovut jinkludi parti mill-iżgħar unità tal-munita użata fil-ħlas (2). F’dawn il-każijiet, ikun neċessarju arrotondament. Jinħolqu imbagħad domandi dwar jekk l-arrotondament għandux ikun’il fuq jew’l-isfel u dwar l-istadju li fih għandu jseħħ – għal kull oġġett, kull irċevuta jew fattura, kull denunzja tat-taxxa, eċċ. Risposti differenti għal dawk id-domandi jistgħu jinvolvu differenzi sinjifikattivi fl-ammonti ġenerali ta’ taxxa li jridu jkunu ddikjarati.

2.        Fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, in-Nederlanden Hoge Raad (Qorti Suprema, l-Olanda) issaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja (a) jekk l-arrotondament huwiex irregolat mil-liġi nazzjonali jew minn dik Komunitarja u, (b) fil-każ li huwa rreġolat mid-dritt Komunitarju, jekk Stati Membri għandhomx jippermettu arrotondament ’l isfel għal kull oġġett anke meta tranżazzjonijiet simultanji huma inklużi fl-istess fattura jew denunzja tal-VAT (3).

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti

3.        L-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-VAT (4), fis-seħħ meta saret il-kawża inkwistjoni (Ottubru 2003), kien jipprovdi:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud [j]involvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ transazzjonijet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-isadju li fih titħallas it-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud, kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-valur miżjud li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.

Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud għandha tkun applikata sa l-istadju tal-kummerċ bl-imnut (dan l-istadju inkluż).”

4.        Dispożizzjonijiet iktar dettaljati jidhru fis-Sitt Direttiva (5). Tnejn jikkonċernaw arrotondament – iżda ta’ perċentwali, mhux ta’ ammonti. L-Artikolu 19 (6) jirregola l-kalkolu tal-proporzjon imnaqqas fil-każ li l-oġġetti jew is-servizzi huma użati kemm għal tranżazzjonijiet intaxxati u kemm għal tranżazzjonijiet eżenti. Skont l-Artikolu 19(1), il-proporzjon imnaqqas tat-taxxa għandu jkun espress bħala perċentwal, arrotondat’il fuq lejn l-eqreb numru sħiħ. L-Artikolu 25(3) (7), dwar l-iskema komuni ta’ rata fissa għall-bdiewa, jipprovdi li l-perċentwal ta’ kumpens jista’ jkun arrotondat’il fuq jew’l isfel sa l-eqreb nofs punt.

5.        Id-dispożizzjonijiet li ġejjin tas-Sitt Direttiva kienu kkwotati bħala rilevanti għall-argumenti tal-kawża inkwistjoni.

6.        L-Artikolu 2(1) (8) jipprovdi li l-provvista ta’ oġġetti u servizzi bi ħlas, minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, għandha tkun suġġetta għall-VAT. L-Artikolu 5(1) (9) jiddefinixxi provvista ta’ oġġetti bħala t-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.

7.        Skont l-Artikolu 10(1) u (2), fatt taxxabbli huwa l-fatt li permezz tiegħu l-kundizzjonijiet legali meħtieġa biex tiġi imposta t-taxxa huma sodisfatti, jiġifieri meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata sabiex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta għaliha. Dan jiġri bħala prinċipju meta ssir il-konsenja ta' oġġetti jew il-provvista ta' servizzi (10).

8.        L-Artikolu 11A (11) jistabbilixxi r-regola ġenerali li l-ammont taxxabbli huwa, essenzjalment, dak kollu li jikkostitwixxi ħlas lill-fornitur, kemm jekk mill-konsumatur jew minn kwalunkwe sors ieħor.

9.        L-Artikolu 12(3)(a) jirrikjedi li Stati Membri jistabbilixxu rata standard ta’ VAT u jawtorizzaw rati mnaqqsa għal ċertu kategoriji ta’ provvisti (12).

10.      L-Artikolu 17(1) u (2) (13) jagħti lill-persuna taxxabbli d-dritt li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa li hija għandha tħallas l-ammont tal-VAT imħallas għall-oġġetti użati għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha.

11.      L-Artikolu 22(3)(a) (14) jobbliga lill-persuni taxxabbli jassiguraw li fattura hija maħruġa fir-rigward ta’ kull provvista taxxabbli li jagħmlu lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali li mhijiex taxxabbli (għalhekk, impliċitament, dan ir-rekwiżit ma jeżistix fir-rigward ta’ provvisti magħmula lil konsumaturi finali li huma persuni naturali (15)), u l-Artikolu 22(3)(b) jirrikjedi li dik il-fattura tinkludi, fost informazzjoni oħra, il-prezz mingħajr it-taxxa u t-taxxa imposta bir-rati korrispondenti kif ukoll kwalunkwe eżenzjonijiet (16). L-Artikolu 22(5) (17) jirrikjedi li kull persuna taxxabbli tħallas l-ammont nett ta’ VAT (fi kliem ieħor, taxxa fuq l-output wara li titnaqqas it-taxxa fuq l-input) meta tissottometti d-denunzja regolari (18).

12.      Il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni wkoll lejn ċertu dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/6/KE (19). B’mod partikolari, l-Artikolu 2(a) ta’ dik id-direttiva jiddefinixxi “il-prezz tal-bejgħ”, f’negozju bl-imnut, bħala l-prezz finali għal unità tal-prodott, jew kwantità mogħtija tal-prodott, li jinkludi l-VAT u t-taxxi l-oħra kollha, u l-Artikolu 3(1) jirrikjedi li l-prezz tal-bejgħ ikun indikat għall-prodotti kollha kkonċernati.

 Il-leġiżlazzjoni Olandiża rilevanti

13.      Il-VAT hija rregolata fl-Olanda mill-Wet op de omzetbelasting (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ) tal-1968 u mill-Uitvoeringsbesluit omzetbelasting (Digriet ta’ implementazzjoni dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ) tal-1968. Ir-rata standard ta’ VAT hija 19% u hemm ukoll rata mnaqqsa ta’ 6%.

14.      Meta seħħet il-kawża inkwistjoni, ma kien hemm ebda dispożizzjoni li tirregola l-arrotondament ta’ ammonti dovuti. B’effett mill-1 ta’ Lulju 2004, l-Artikolu 5a ġdid miżjud mal-Uitvoeringsbesluit omzetbelasting:

“Fil-kalkolu tat-taxxa fuq il-bażi tal-ammont imħallas u l-valur tad-dwana … l-ammont tal-obbligu ta’ taxxa għandu jkun aritmetikament arrotondat għal ċenteżmi sħaħ. L-arrotondament aritmetiku għandu jkun magħmul b’tali mod li, fil-każ ta’ ammonti li fihom it-tielet post deċimu huwa daqs jew jeċċedi 5, l-ammont huwa miżjud u, meta it-tielet post deċimu huwa inqas minn 5, l-ammont huwa mnaqqas.”

15.      Il-memorandum ta’ spjegazzjoni li jikkonċerna dik l-emenda ddikjara li l-problema ta’ arrotondament ġiet diskussa mill-Kumitat Konsultattiv tal-VAT (20), u li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni kienet li, peress li d-direttiva ma kinitx tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-argument, l-Istati Membri setgħu jirregolawha fuq livell nazzjonali skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà.

16.      Il-memorandum ta’ spjegazzjoni ddikjara wkoll li l-metodu preskritt kien limitat għar-rekwiżit ta’ arrotondament aritmetiku għal ċenteżmi sħaħ, iżda li t-taxxa tista’ tkun ikkalkulata u arrotondata għal kull provvista ta’ oġġetti jew għal kull servizz imwettaq, jew li l-arrotondament jista’ jkun applikat għall-ammont totali involut f’numru ta’ provvisti.

17.      L-Artikolu 38 tal-Wet op de omzetbelasting jirrikjedi li n-negozjanti joffru l-oġġetti jew s-servizzi tagħhom bi prezz li jinkludi l-VAT, ħlief meta l-konsumatur huwa persuna taxxabbli jew korp pubbliku.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura

18.      Il-kumpannija Koninklijke Ahold NV (iktar’il quddiem “Ahold”) topera supermarkits fl-Olanda. Bħala bejjiegħ bl-imnut, hija għandha l-obbligu li toffri oġġetti għall-bejgħ bi prezzijiet li jinkludu l-VAT.

19.      F’Ottubru 2003, hija kkalkulat u ddikjarat il-VAT fir-rigward tal-bejgħ fis-supermarkits tagħha billi tieħu bħala bażi l-ammont totali għal kull irċevuta jew “basket tax-xiri”. Hija qasmet l-ammont totali li jinkludi l-VAT indikat fuq kull irċevuta fi tliet totali parzjali għal oġġetti (a) bir-rata standard, (b) bir-rata mnaqqsa u (ċ) li fuqhom ma kienx hemm għalfejn issir denunzja tal-VAT, li kienu mħallsin minn qabel skont skema speċjali. Hija mmultiplikat l-ewwel żewġ totali parzjali b’19/119 u 6/106 rispettivament, sabiex tottjeni l-ammont tal-VAT inkluż fil-prezz (21). Kull wieħed minn dawk l-ammonti kien imbagħad arrotondat aritmetikament (’il fuq jew’l isfel) għal ċenteżmi sħaħ. It-totali kkalkulati b’dan il-mod kienu ddikjarati bħala taxxa fuq l-output u użati sabiex jiġi kkalkulat l-ammont ta’ VAT dovut (taxxa fuq l-output imnaqqsa t-taxxa fuq l-input).

20.      Madankollu, f’żewġ supermarkits, hija għamlet barra minn hekk, għall-iskopijiet tagħha, kalkolu differenti fuq il-bażi li (a) l-ammont ta’ VAT għandu jkun ikkalkulat mhux għal kull irċevuta iżda għal kull oġġett mibjugħ u (b) kull arrotondament neċessarju għandu dejjem ikun imnaqqas lejn l-eqreb ċenteżmu sħiħ. Ahold għalhekk ikkalkulat li, fir-rigward taż-żewġ ħwienet u l-perijodu diskuss, kellha suppost tkun suġġetta għal 1,414 EUR inqas milli fil-fatt iddikjarat u ħallset.

21.      Ir-rikors ta’ Ahold kontra r-rifjut li tiġi mħallsa lura dik is-somma qed jiġi eżaminat mill-Hoge Raad. Hija targumenta li kwalunkwe metodu ta’ arrotondament li jwassal li ammont ta’ taxxa dovuta tkun għola, anke jekk bi ftit, mill-ammont milħuq permezz ta’ applikazzjoni stretta tar-rata approprjata ta’ VAT mhuwiex konsistenti mad-dritt Komunitarju.

22.      Il-Hoge Raad titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq id-domandi li ġejjin:

“1.      L-arrotondament tal-ammonti ta’ VAT huwa rregolat biss mil-liġi nazzjonali, jew – fid-dawl b’mod partikolari [tal-Artikoli 11A u 22(3)(b) u (5) tas-Sitt Direttiva] – hija kwistjoni li taqa’ taħt id-dritt Komunitarju?

2.      Jekk dan tal-aħħar huwa l-każ, dan jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva msemmija qabel li l-Istati Membri huma rikjesti li jippermettu arrotondament ’l isfel għal kull artiklu, anke jekk tranżazzjonijiet differenti huma inklużi f’fattura waħda u/jew denunzja waħda tat-taxxa?”

23.      Ġew sottomessi osservazzjonijiet bil-miktub minn Ahold, mill-Gvern Grieg, Olandiż, Pollakk u tar-Renju Unit u mill-Kummissjoni, li kienu kollha rrappreżentati waqt is-seduta, ħlief il-Gvern Pollakk.

 L-evalwazzjoni

 Fuq l-ewwel domanda – id-dritt applikabbli

24.      Huwa ċar li l-ebda dispożizzjoni fi kwalunkwe direttiva Komunitarja tal-VAT ma tirregola espliċitament l-arrotondament ta’ ammonti ta’ VAT. Għalkemm l-Artikoli 11A u 22(3)(b), li tirreferi għalihom il-Hoge Raad, huma rilevanti għall-kalkolu ta’ ammonti ta’ VAT, ma jilħqux il-livell ta’ preċiżjoni li jkun meħtieġ sabiex ssir kwalunkwe konklużjoni speċifika rigward l-arrotondament ta’ dawk l-ammonti. Minħabba f’hekk, u peress li l-argument ta’ arrotondament huwa inevitabbli, ir-regoli dettaljat neċessarji għandhom jkunu stabbiliti mil-liġi nazzjonali (22).

25.      Din il-konklużjoni hija sostnuta, madankollu, kif osservaw diversi Stati Membri, mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-armonizzazzjoni ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (l-Artikolu 93 KE) u direttivi (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 249 KE).

26.      Huwa madankollu ċar ukoll illi, f’qasam kopert minn direttiva ta’ armonizzazzjoni, l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw miżuri li jmorru kontra, jew li huma inkonsistenti, mar-regoli jew prinċipji stabbiliti f’dik id-direttiva, jew kwalunkwe regoli jew prinċipji għola applikabbli fid-dritt Komunitarju (23).

27.      Fi kliem ieħor, il-kwistjoni ta’ arrotondament mhijiex biss kwistjoni tal-liġi nazzjonali jew Komunitarja; hemm bżonn li tkun irregolata fid-dettall mil-liġi nazzjonali skont il-limiti imposti mid-dritt Komunitarju.

 Fuq it-tieni domanda – l-arrotondament ’l isfel għal kull artiklu

28.      F'dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni domanda tittratta essenzjalment dwar jekk regola nazzjonali li tippermetti li negozjanti jnaqqsu l-VAT lejn l-eqreb ċenteżmu fuq kull oġġett mibjugħ hijiex meħtieġa, konsistenti ma’ jew inkompatibbli mad-dritt Komunitarju tal-VAT, b’mod partikolari mas-Sitt Direttiva.

29.      Fl-opinjoni tiegħi, din ir-regola mhijiex kompatibbli mal-prinċipji li jirregolaw il-VAT, għar-raġunijiet mogħtija iktar’il quddiem. Għalkemm il-kwistjoni għandha żewġ aspetti – arrotondament ’l isfel u arrotondament għal kull oġġett – it-tnejn huma konnessi mill-qrib u ser nikkunsidrahom flimkien.

30.      Qabel xejn, għandu jiġi mfakkar li l-kwistjoni tinsab quddiem il-Hoge Raad fil-kuntest ta’ provvisti lil konsumaturi finali bi prezzijiet bl-imnut li jinkludu l-VAT. Għalissa, ser nillimita l-analiżi tiegħi għal dak il-kuntest – li, mill-perspettiva ta’ arrotondament, huwa ftit differenti minn provvisti lil persuni taxxabbli u provvisti oħra bi prezzijiet netti li magħhom hija miżjuda l-VAT (24).

31.      Fl-opinjoni tiegħi hemm żewġ rekwiżiti li huma ta’ importanza kbira: li l-VAT għandha tkun eżattament proporzjonali mal-prezz u li għandha tkun newtrali għan-negozjanti.

32.      L-ewwel wieħed minn dawk ir-rekwiżiti huwa mniżżel espliċitament fl-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva. Dan jimplika li l-ammont ta’ VAT inkluż f’prezz bl-imnut għandu jirrappreżenta, għal kwalunkwe rata partikolari ta’ VAT, il-proporzjon eżatt tal-prezz li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dik ir-rata. Meta r-rata hija 19%, il-proporzjon preċiż ta’ taxxa fil-prezz bl-imnut huwa 19/119 ta’ dak il-prezz. Dan jibqa’ l-proporzjon eżatt, kemm jekk jistax jkun espress bħala numru sħiħ ta’ ċenteżmi jew le.

33.      It-tieni rekwiżit jirriżulta kemm minn dan l-artikolu u kif ukoll mis-sistema ta’ tnaqqis fl-Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva. Il-VAT għandha tkun ta’ piż biss fuq il-konsumatur finali u mhux fuq in-negozjanti u l-fornituri ta’ servizzi varji li kkontribwixxew għall-prodott finali jew li għadda minn idejhom (25). Għall-kuntrarju ta’ dan, dawk l-operaturi għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet tat-taxxa dwar l-ammonti kollha ta’ VAT imħallsa mill-konsumatur finali, u ma jistgħux iżommu xi ammont minn dawn għall-profitt tagħhom.

34.      Għall-konsumatur finali, li jġorr il-piż tal-VAT iżda la jħallasha separatamment u lanqas inaqqasha iktar tard, mhuwiex neċessarju li jiġi ffissat l-ammont ta’ taxxa inkluż fi prezz bl-imnut bħala numru sħiħ ta’ ċenteżmi. Huwa jista’ leġittimament jixtieq li jkun infurmat bl-ammont kif ukoll bil-perċentwali, iżda għal dak l-iskop indikazzjoni bejn wieħed u ieħor l-eqreb ċenteżmu hija suffiċjenti. Din l-indikazzjoni fuq irċevuta, pjuttost milli fuq fattura ta’ VAT maħruġa skont l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva, m’hemmx bżonn li torbot lill-bejjiegħ bl-imnut jew lill-awtorità tat-taxxa fi kwalunkwe rigward.

35.      Min-naħa l-oħra, huwa ta’ importanza prattika għat-tnejn imsemmija l-aħħar li jiġu użati figuri eżatti fil-kalkoli li jiddeterminaw l-ammonti dovuti.

36.      Skont l-Artikolu 22(4) u (5) tas-Sitt Direttiva, l-ammont ta’ VAT għandu jkun iddikjarat mill-persuna taxxabbli fid-denunzja regolari tagħha, fejn iservi bħala element fil-kalkolu tat-taxxa netta li għandha tħallas meta tissottometti d-denunzja.

37.      Kwalunkwe żieda fl-ammont iddikjarat (ir-riżultat ta’ arrotondament’il fuq) tfisser żieda fit-taxxa netta li għandha titħallas lill-awtorità tat-taxxa, u kwalunkwe tnaqqis (ir-riżultat ta’ arrotondament ’l isfel) ifisser tnaqqis f’dik it-taxxa netta (26).

38.      Għalhekk, għalkemm il-proporzjon eżatt ta’ taxxa inkluża f’kull prezz bl-imnut u mħallsa mill-konsumatur (19/119 ta’ dak il-prezz, fl-eżempju tagħna) ma jvarjax, arrotondament tal-ammont lejn l-ogħla ċenteżmu fid-denunzja regolari jobbliga lill-bejjiegħ bl-imnut sabiex iħallas mill-profitt tiegħu parti minn ċenteżmu iktar milli għandu jħallas, u arrotondament ’l isfel jippermettilu li jżomm parti minn ċenteżmu bħala profitt addizzjonali.

39.      Jista’ jiġi oġġezzjonat li parti minn ċenteżmu huwa ammont żgħir ħafna, u mhux tali li jikkomprometti b’mod serju l-integrità tas-sistema tal-VAT. Madankollu, meta parti ta’ ċenteżmu hija mmultiplikata bin-numru ta’ oġġetti mibjugħa f’perjodu ta’ taxxa partikolari, l-impatt jista’ jkun konsiderevoli.

40.      Il-kalkolu ta’ Ahold jindika li, għal tnejn mill-ħwienet tagħha għal xahar wieħed, id-differenza kienet tkun ta’ madwar 1,400 EUR. Skont is-siti internet tagħha, Ahold topera iktar minn 2000 ħanut tan-negozju għall-bejgħ bl-imnut ta’ diversi daqsijiet fl-Olanda biss. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-istima ġenerali tar-Renju Unit li tgħid li “jekk l-erbgħa l-akbar ktajjen ta’ supermarkits li jbiegħu fir-Renju Unit kellhom ikunu permessi li joperaw arrotondament ’l isfel għal kull artiklu, mingħajr kwalunkwe bidla fil-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi, dan iwassal għal arrotondament ’l isfel tal-VAT iddikjarata u mħallsa minn dawk il-ktajjen tas-supermarkits f’eċċess sew ta’ GBP 70 miljun fis-sena (EUR 100 miljun)”, tidher plawżibbli (27).

41.      M’hemmx raġuni għaliex għandna nassumu li arrotondament’il fuq iwassal għal inqas distorzjoni minn arrotondament ’l isfel, iżda d-distorzjoni tkun ikbar fi Stati Membri fejn l-iżgħar unità ta’ munita użata hija ikbar miċ-ċenteżmu.

42.      Arrotondament sistematiku’l isfel jew’l fuq tal-ammont ta’ VAT dovut fuq kull oġġett mibjugħ għalhekk iwassal għal diverġenza ġenerali sinjifikattiva minn riżultat totalment konsistenti mal-prinċipji ta’ proporzjonalità preċiża u ta' newtralità tal-VAT (28). Permezz ta’ arrotondament ’l isfel, komplessivament, somom sinjifikattivi ta’ VAT ikunu mħallsa mill-konsumaturi u miżmuma minn bejjiegħa bl-imnut pjuttost milli jkunu mogħtija, kif dovut, lill-awtoritajiet tat-taxxa; permezz ta’ arrotondament’il fuq, ammonti simili jkunu miġbura mill-awtoritajiet minn bejjiegħa bl-imnut, għalkemm mhux dovuti u mhux imħallsa mill-konsumaturi.

43.      Konsegwentement, id-dritt Komunitarju tal-VAT ma jistax jippermetti – aħseb u ara jeżiġi – arrotondament sistematiku’l isfel (jew’il fuq) tal-VAT fuq kull oġġett mibjugħ minn bejjiegħa bl-imnut meta jiddikjaraw it-taxxa.

44.      Din il-konklużjoni twieġeb it-tieni domanda tal-Hoge Raad.

45.      Madankollu, jista’ jkun ta’ għajnuna li nikkunsidraw x’tipi ta’ soluzzjonijiet jistgħu jkunu aċċettabbli, filwaqt li niftakru li s-sitwazzjoni ta’ interess immedjat tikkonċerna bejgħ bl-imnut lil konsumaturi finali bi prezzijiet li jinkludu l-VAT.

46.      Mill-inqas żewġ tipi ta’ approċċi jidhru adattati sabiex inaqqsu jew jimminimizzaw, jekk mhux jeliminaw kompletament, id-distorzjoni li enfasizzajt fuqha qabel. Jistgħu jkunu applikati indipendentement jew flimkien.

47.      L-ewwel nett, kif osservaw il-Gvernijiet kollha tal-Istati Membri li qed jissottomettu osservazzjonijiet, il-metodu aritmetiku komuni ta’ arrotondament, li fih kwalunkwe parti minn ċenteżmu inqas minn 0.5 hija mnaqqsa u kwalunkwe parti ta’ 0.5 u iktar hija miżjuda, it-tnejn lejn l-eqreb ċenteżmu, huwa probabbli li jnaqqas id-distorzjoni inkwistjoni, safejn is-somom imnaqqsa ikollhom tendenza li jikkumpensaw għas-somom miżjuda (29).

48.      Dan l-approċċ mhux bil-fors jaffettwa l-ammont ta’ VAT inkluż fil-prezz imħallas minn kull konsumatur għal kull oġġett, li, bir-rata ta’ 19%, jibqa’ ta’ 19/119 tal-prezz bl-imnut (30). Huwa pjuttost mezz prattiku ta’ kisba ta’ approssimazzjoni tat-total ta’ dawk l-ammonti individwali li kull bejjiegħ bl-imnut għandu jiddikjara lill-awtorità tat-taxxa fid-denunzja regolari tiegħu. Livell ta’ preċiżjoni possibbli akbar jista’ jkun miksub permezz tal-kalkolu tal-ammont ta’ VAT fil-prezz ta’ kull oġġett sa, ngħidu aħna, it-tmien jew l-għaxar post deċimu u tat-totalizzazzjoni tal-ammonti kollha kkalulati b’dan il-mod qabel arrotondament lejn l-eqreb ċenteżmu, iżda dak ir-raġunament jidher elaborat iktar milli huwa neċessarju (u ta’ piż għan-negozjant iż-żgħir).

49.      Fit-tieni lok, b’kontinwazzjoni mill-aħħar kunsiderazzjoni, m’hemmx bżonn li jseħħ ebda arrotondament sakemm m’għandu jsir ebda pagament attwali ta’ VAT, separatament minn kwalunkwe indikazzjoni ta’ prezzijiet li jinkludu VAT. Dak l-istadju ma jintlaħaqx qabel ma jiġi kkalkulat l-ammont dovut ma’ kull denunzja regolari skont l-Artikolu 22(5) tas-Sitt Direttiva. Sa dakinhar, hemm bżonn li kontijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut jiddikjaraw biss prezzijiet li jinkludu l-VAT għal kull rata applikabbli ta’ taxxa; l-ammont ta’ taxxa inkluża f’dawk il-prezzijiet jista’ sempliċiment ikun imniżżel bħala 19/119, jew 6/106 jew kull frazzjoni oħra applikabbli (il-“proporzjon eżatt” meħtieġ mill-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva). Jekk arrotondament huwa limitat għall-istadju finali, ir-riżultat huwa iktar preċiż u l-piż tal-kalkolu huwa, madankollu, imnaqqas.

50.      Jekk l-effett ta’ arrotondament huwa għalhekk limitat għal frazzjoni minn ċenteżmu għal kull bejjiegħ bl-imnut għal kull rata ta’ taxxa f’kull denunzja regolari, ma jkunx hemm distorzjoni serja tal-ammont totali ta’ taxxa miġbura meta mqabbel mal-ammont totali mħallas mill-konsumaturi, u d-distorzjoni ta’ newtralità ma tistax taqbeż ftit ċenteżmi għal kull bejjiegħ bl-imnut.

51.      Madankollu, jekk arrotondament huwa ddifferit sa l-aħħar stadju possibbli, arrotondament sistematiku’l isfel jaffettwa l-integrità tas-sistema biss fuq livell verament negliġibbli. Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat fis-sentenza Elida Gibbs li, fil-kalkolu finali, l-ammont favur l-awtorità tat-taxxa ma jistax jeċċedi t-taxxa mħallsa mill-konsumatur finali (31). Jekk dan il-prinċipju għandu jkun segwit strettament, jidher li arrotondament sistematiku’l isfel waqt l-istadju tad-denunzja regolari tkun is-soluzzjoni li tirrispetta l-iktar mill-viċin ir-regoli u l-prinċipji li għandhom ikunu osservati.

52.      Nixtieq inżid kumment finali hawnhekk. Bejjiegħa bl-imnut għandhom, skont id-Direttiva 98/6, jindikaw prezzijiet tal-bejgħ li jinkludu l-VAT. Kif kien diskuss waqt is-seduta, huma jistabbilixxu dawk il-prezzijiet bħala risposta għal fatturi tas-suq: il-marġni ta’ profitt mixtieq minnhom, il-prezz li l-konsumatur lest li jħallas u l-prezz impost mill-kompetituri. Huwa ċar li arrotondament tal-ammonti ta’ VAT jista’ jaffettwa dawk il-fatturi, partikolarment fejn oġġetti ta’ prezz baxx u dħul għoli huma kkonċernati. Madankollu, il-VAT hija maħsuba sabiex tkun newtrali fir-rigward tan-negozjanti, u kalkoli tal-VAT m’għandhomx ikunu permessi li jinfluwenzaw deċiżjonijiet kummerċjali ta’ dak it-tip. F’dan ir-rigward, huwa partikolarment importanti li jiġi mfakkar li ktajjen ta’ supermarkits kbar għandhom abilità ikbar sabiex jikkunsidraw dawn il-kalkoli milli għandhom in-negozjanti żgħar, sabiex kwalunkwe possibilità ta’ arrotondament ta’ VAT fuq oġġetti individwali tista’ tostakola l-kompetitzzjoni favur dawk tal-ewwel u għad-detriment ta’ dawk tal-aħħar.

53.      Fil-qosor: (i) meta ammonti għandhom ikunu ttotalizzati, arrotondament aritmetiku iwassal għal inqas distorzjoni milli arrotondament sistematiku’l fuq jew’l isfel (u arrotondament lejn l-eqreb numru biż-żewġ jnaqqas id-distorzjoni anki iktar); (ii) distorzjoni tista’ tkun minimizzata iktar effettivament permezz tal-kalkolu ta’ ammonti dovuti biss wara t-totalizzazzjoni ta’ ammonti individwali li jinkludu l-VAT għal kull perjodu ta’ taxxa; (iii) f’dak l-istadju, sabiex jiġi evitat kwalunkwe pagament eċċessiv lill-awtorità tat-taxxa, huwa aċċettabbli li l-ammont dovut jiġi imnaqqas sa l-eqreb unità minima ta’ pagament fil-każijiet kollha.

54.      Nenfasizza li l-metodi li semmejt m’għandhomx ikunu neċessarjament ikkunsidrati bħala l-uniċi possibiltajiet disponibbli għall-Istati Membri. Kwalunkwe soluzzjoni li tirrispetta r-regoli u l-prinċipji rilevanti – u b’mod partikolari li ma tinvolvix li l-bejjiegħ bl-imnut iżomm jew iħallas id-differenza bejn il-proporzjon preċiż tal-VAT fil-prezz bl-imnut u l-ammont iddikjarat lill-awtorità tat-taxxa – huwa aċċettabbli.

 Il-prezzijiet li jeskludu l-VAT u provvisti lil persuni taxxabbli

55.      Il-kawża quddiem il-Hoge Raad tikkonċerna bejgħ bl-imnut bi prezzijiet li jinkludu l-VAT. Il-fatturi fuq imsemmija jirrigwardaw dak il-kuntest speċifiku, u jassumu li bejgħ qed isir lill-konsumaturi finali. Dawn il-konsumaturi, kif indikajt, huma intitolati li jkunu jafu l-proporzjon ta’ VAT inkluż fil-prezz li ħallsu, u jistgħu jiġu infurmati għal kemm jammonta, sa l-eqreb ċenteżmu. Dik l-informazzjoni hija komunement mogħtija fuq irċevuti ta’ bejjiegħa bl-imnut, iżda m’hemmx bżonn li tkun torbot bejn in-negozjant u l-awtorità tat-taxxa.

56.      Madankollu, meta bejgħ isir lil persuni taxxabbli li ser jużaw il-provvisti inkwistjoni għall-iskopijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom, huwa neċessarju li tinħareġ fattura ta’ VAT skont l-Artikolu 22(3) tas-Sitt Direttiva. Dik il-fattura għandha tiddikjara kemm il-prezz mingħajr t-taxxa kif ukoll l-ammont ta’ taxxa, fejn kull wieħed minnhom għandu għalhekk ikun espress bħala ammont li jista’ jiġi mħallas.

57.      Dawn is-sitwazzjonijiet normalment ma jikkonċernawx bejjiegħa bl-imnut iżda negozjanti li n-negozju tagħhom essenzjalment huwa li jbiegħu lil persuni taxxabbli oħra. Għall-kuntrarju ta’ negozjanti bl-imnut, huma tipikament jistabbilixxu prezz – f’ċenteżmi sħaħ – li jeskludi t-taxxa, imbagħad japplikaw VAT bir-rata approprjata għal dak il-prezz. Sabiex jindikaw l-ammont ta’ VAT bħala numru sħiħ ta’ ċenteżmi, ħafna drabi jerġa’ jkun neċessarju li l-ammont ikun arrotondat’il fuq jew’l isfel.

58.      Madankollu, f’sitwazzjoni bħal din, id-distorzjonijiet li semmejt iktar’il quddiem ma jinħolqux jew għandhom effetti limitati ħafna.

59.      Rigward transazzjonijiet individwali, fejn il-VAT imposta mill-fornitur tirrapreżenta t-taxxa li sussegwentement tiġi mnaqqsa mill-konsumatur, l-ammont m'huwa ta’ piż u lanqas ma jibbenefika lill-ebda parti u, peress illi t-taxxa fuq l-output u t-taxxa fuq l-input jikkanċellaw lil xulxin permezz tal-operazzjoni tas-sistema ta’ tnaqqis, l-ammont miġbur fuq il-provvista lill-konsumatur finali fl-aħħar tal-katina tal-VAT mhuwiex affettwat.

60.      Fil-każijiet iktar rari fejn il-provvista hija magħmula lill-konsumatur finali, l-arrotondament, għalkemm għandu effett żgħir fuq l-ammont imħallas mill-konsumatur u miġbur mill-awtorità tat-taxxa, ma jaffettwax in-newtralità tat-taxxa mill-perspettiva tal-fornitur. L-ammont fatturat huwa l-ammont li għandu jiġi ddikjarat lill-awtorità tat-taxxa, u l-frazzjoni li biha l-ammont huwa arrotondat ma taffettwax il-marġni tal-fornitur bi kwalunkwe mod (32).

61.      Huwa veru li l-effett kumulattiv ta’ arrotondament’il fuq ta’ dawn it-transazzjonijiet jista’ jaffettwa l-ammont ġenerali ta’ dħul ta’ VAT miġbur mill-Istat Membru, iżda dak l-effett ikun limitat. Konsumaturi finali jakkwistaw il-provvisti tagħhom il-biċċa l-kbira minn bejjiegħa bl-imnut li huma obbligati li jbiegħu bi prezzijiet li jinkludu l-VAT. Fil-każijiet meta ma jagħmlux dan, l-akkwisti tagħhom probabbilment ikunu ta’ valur iktar sostanzjali, sabiex l-arrotondament b’inqas minn ċentezmu wieħed jirrapreżenta differenza proporzjonali iżgħar. Jekk l-arrotondament huwa aritmetiku, l-effett, kemm fuq irċevuti ġenerali ta’ VAT u fuq konsumaturi individwali, ikun limitat.

62.      Meta, fil-kuntest ta’ transazzjonijiet individwali eċċezzjonali, persuna taxxabbli tixtri minn bejjiegħ bl-imnut oġġetti li tuża għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha u fir-rigward ta’ liema tixtieq tnaqqas il-VAT, hija tirrikjedi fattura li tindika l-prezz nett flimkien mal-ammont ta’ taxxa, . F’dak il-każ, il-bejjiegħ bl-imnut għandu jagħmel aġġustament żgħir lill-prezz tiegħu sabiex ikun jista’ juri dawk l-ammonti f’ċenteżmi sħaħ. Madankollu, għar-raġunijiet li spjegajt, dak l-aġġustament ma jkollu ebda effett fuq kwalunkwe parti jew fuq l-ammont ta’ VAT miġbur finalment.

 Konklużjoni

63.      Skont il-kunsiderazzjonijiet magħmula, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domandi magħmula mill-Hoge Raad kif ġej:

(1)      Id-direttivi Komunitarji tal-VAT ma jirregolawx fid-dettall l-arrotondament ta’ ammonti ta’ VAT. Tali regoli għalhekk għandhom jinsabu fil-liġi nazzjonali, li għandha, madankollu, tosserva f’dan ir-rigward ir-regoli u l-prinċipji rilevanti kollha li jirriżultaw mid-direttivi.

(2)      Dawn ir-regoli u prinċipji ma jippermettux li bejjiegħa bl-imnut jarrotondaw’l isfel l-ammont ta’ VAT fil-prezz li jinkludi l-VAT ta’ kull oġġett mibjugħ, sabiex jiddeterminaw l-ammont ta’ taxxa li għandhom jiddikjaraw fid-denunzji regolari tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Fil-kawża inkwistjoni, li tikkonċerna ammonti bl-euro, l-iżgħar unità hija ċ-ċenteżmu, li ser nirreferi għalih, iżda l-isem tal-unità huwa irrilevanti.


3 – Saru domandi simili fil-kawża Wetherspoon, C-302/07, pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li fiha ġie mistoqsi wkoll (ċ) jekk il-metodu aritmetiku komuni ta’ arrotondament ’il fuq jew ’l isfel jistax ikun impost, (d) f’liema stadju għandu jseħħ arrotondament u (e) x’konsegwenzi jirriżultaw mill-prinċipji ta’ trattament ugwali u newtralità tal-VAT meta l-awtoritajiet tat-taxxa jippermettu lil ftit minn negozjanti iżda mhux kollha jarrotondaw ’l isfel sistematikament.


4 – L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE tal-11 ta’ April 1967 fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU 71 tal-14 ta’ April 1967, p. 1301). B’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, l-Ewwel Direttiva ġiet imħassra u mibdula bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1), li l-Artikolu 1(2) tagħha jinkludi l-istess dispożizzjonijiet, b’bidliet żgħar lingwistiċi. L-għan tad-Direttiva 2006/112 huwa li tippreżenta d-dispożizzjonijiet applikabbli kollha Komunitarji tal-VAT b’mod ċar u razzjonali bi struttura u kliem imfassla mill-ġdid mingħajr, bħala prinċipju, ma ġġib bidliet materjali fil-leġiżlazzjoni eżistenti (ara t-tielet premessa tad-direttiva). Riferimenti iktar ’l quddiem għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 għalhekk ma jimplikawx identiċità tal-kliem mad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-direttivi imħassra.


5 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU 1977 L 145, p. 1, emendata f’diversi okkażjonijiet). Is-Sitt Direttiva ġiet ukoll imħassra u mibdula bid-Direttiva 2006/112 iżda, sabiex tkun tista’ tinqara aħjar, ser nirreferi għad-dispożizzjonijiet tagħha fil-preżent. Is-sustanza – u speċjalment il-kliem – ta’ dawk id-dispożizzjonijiet jibqgħu fis-seħħ fid-dispożizzjonijiet ekwivalenti tad-Direttiva 2006/112.


6 – L-Artikolu 175 tad-Direttiva 2006/112.


7 – L-Artikoli 295 sa 305 tad-Direttiva 2006/112, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 298.


8 – L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112.


9 – L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112.


10 – L-Artikoli 62, 63 u 66 tad-Direttiva 2006/112.


11 – L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/112.


12 – L-Artikoli 96 sa 99 tad-Direttiva 2006/112.


13 – L-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva 2006/112.


14 – It-test applikabbli tal-Artikolu 22 kien jinsab, dak iż-żmien, fl-Artikolu 28h tas-Sitt Direttiva, bħala wieħed mid-“dispożizzjonijiet transitorji”; l-ekwivalenti tal-Artikolu 22(3)(a) huwa issa fl-Artikolu 220 tad-Direttiva 2006/112.


15 – Għall-inqas fin-negozju domestiku – ir-rekwiżit jestendi għal bejgħ kollu li jsir f’ċertu distanza intaxxat fl-Istat Membru ta' destinazzjoni u għal provvisti ta’ oġġetti intra-Komunitarji, ikun xi jkun it-tip ta’ konsumatur.


16 – Din il-verżjoni tal-Artikolu 22(3)(b) kienet fil-fatt mibdula dak iż-żmien skont id-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE tal-20 ta’ Diċembru 2001 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE sabiex tissimplifika, timmodernizza u tqabbel il-kondizzjonijiet stabbiliti biex tinħareġ il-fattura rigward it-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2002 L 15, p. 24), li stabbiliet lista iktar dettaljata ta’ rekwiżiti. Id-Direttiva 2001/115 daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Frar 2002, iżda t-terminu għall-implementazzjoni tagħha mill-Istati Membri kien l-1 ta’ Jannar 2004. Jidher li t-traspożizzjoni Olandiża daħlet fis-seħħ f’dik id-data (Liġi tat-18 ta’ Diċembru 2003, Staatsblad nru 530, 29 ta’ Diċembru 2003, p. 1). Il-Hoge Raad tirreferi għall-“għaxar inċiż tal-Artikolu 22(3)(b) tas-Sitt Direttiva (fil-verżjoni applikabbli sa l-1 ta’ Jannar 2004)” – iżda hi fil-fatt biss il-verżjoni emendata bid-Direttiva 2001/115 li tinkludi l-għaxar inċiż, li jeżiġi fattura li tiddikjara l-ammont ta’ VAT dovut. Madankollu, peress li l-punt rilevanti huwa li fattura ta’ VAT għandha tindika l-ammont ta’ VAT fuq it-transazzjoni, il-konfużjoni hija irrilevanti. Id-dispożizzjonijiet ekwivalenti huma issa fl-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112.


17 – L-Artikolu 206 tad-Direttiva 2006/112.


18 – Skont l-Artikolu 22(4)(a), il-perjodu tat-taxxa għandu jkun stabbilit minn kull Stat Membru għal xahar, xahrejn jew tliet xhur, jew kwalunkwe perjodu ieħor li mhux iktar minn sena, u d-denunzja regolari għandha tiġi ppreżentata qabel l-iskadenza ta' terminu ffissat, għal darb’oħra, mill-Istat Membru, ta’ mhux iktar minn xahrejn mit-tmiem tal-perjodu tat-taxxa (ara l-Artikolu 252 tad-Direttiva 2006/112).


19 – Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lil konsumaturi (ĠU 1998 L 80, p. 27).


20 – Forum stabbilit skont l-Artikolu 29 tas-Sitt Direttiva (Artikolu 398 tad-Direttiva 2006/112) li fih rappreżentanti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni jiddiskutu argumenti li jirrigwardaw l-implementazzjoni tal-VAT.


21 – Huwa importanti li jiġi mfakkar li, fil-każ ta’ prezzijiet bl-imnut, il-VAT għandha tkun ikkalkulata b’lura minn prezz partikolari li jinkludi l-VAT u mhux bil-quddiem minn prezz kunċettwali li jeskludi l-VAT. Prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi VAT bi 19 % jiġi għal 119 % tal-prezz nett li jeskludi t-taxxa. L-ammont ta’ VAT għalhekk ikun mhux ta’ 19/100 (19 %) iżda 19/119 tal-prezz bl-imnut. L-istess kalkolu japplika, mutatismutandis, għal kwalunkwe rata oħra ta’ VAT.


22 – Għal eżempju simili, ara s-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma, C-35/05, Ġabra p. I-2425, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.


23 – Punt li ssemma ħafna drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tat-tassazzjoni: ara, reċentement, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann, C-443/06, Ġabra p. I-8491, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24 – Ghal dak li jirrigwarda dawn l-aħħar eżempji, ara l-punti 55 et seq iktar ’il quddiem.


25 – Ara, pereżempju, is-sentenza tat-8 ta’ Frar 2007, Investrand, C-435/05, Ġabra p. I-1315, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata.


26 – Jew, jekk taxxa fuq l-input eċċezzjonalment teċċedi taxxa fuq l-output matul il-perjodu tat-taxxa inkwistjoni, tnaqqis jew żieda, rispettivament, fl-ammont nett li għandu jitħallas lura mill-awtorità.


27 – Waqt is-seduta, konsulent tar-Renju Unit tkellem fuq ċifri ikbar, bejn GBP 200 miljun u 800 miljun.


28 – Arrotondament sistematiku fuq livell tal-irċevuta jew tal-“basket tax-xiri” għandu jkollu wkoll effett sinjifikattiv, għalkemm inqas, minħabba in-numru kbir ta’ dawn l-irċevuti maħruġa kuljum f’kull Stat Membru.


29 – Waqt is-seduta, ir-Renju Unit semma kawża li fiha arrotondament aritmetiku għal kull artiklu seta’ wassal għal diskrepanza fit-taxxa ta’ iktar minn GBP 17 000 f’sitt xhur għal negozjant individwali. Huwa veru wkoll li l-metodu aritmetiku jinkludi xaqliba żgħira iżda sistematika ’l fuq fis-sens li 0.5 ta’ ċenteżmu huwa dejjem arrotondat ’il fuq, anki jekk huwa eżattament fin-nofs bejn żewġ ċenteżmi sħaħ. Din il-problema tista’ titnaqqas permezz tal-“banker’s rounding” jew “arrotondament lejn l-eqreb numru biż-żewġ”, li fih, pereżempju, fl-arrotondament għal numri sħaħ, kull ċifra li tispiċċa eżatt b’0.5, b’xejn warajha, hija arrotondata għall-eqreb numru biż-żewġ sħiħ. Għalhekk, 3.5 isir 4, bħal qabel, iżda 2.5 issir 2.


30 – Jista’ jkun indikat għall-informazzjoni tal-konsumatur b’forma arrotondata, kif issuġġerejt fil-punt 34 imsemmi iktar ’il fuq. Problemi jistgħu jinħolqu, madankollu, jekk l-ammont arrotondat kellu jiġi kkunsidrat bħala l-ammont attwali ta’ VAT inkluż fil-prezz. Pereżempju, oġġett mibjugħ għal EUR 0.28 b’VAT ta’ 19 % jinkludi EUR 0.0447 fil-VAT (19/119 ta’ EUR 0.28). Jekk dak huwa arrotondat għal EUR 0.04, il-prezz li jeskludi VAT huwa EUR 0.24. Iżda 19 % ta’ EUR 0.24 huwa EUR 0.0456, li għandu jkun arrotondat għal EUR 0.05, sabiex il-prezz li jinkludi VAT suppost kien EUR 0.29.


31 – Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs, C-317/94, Ġabra p. I-5339, punti 18 sa 24, u b’mod partikolari l-punt 24. Għalkemm l-Ingliż kienet il-lingwa tal-kawża, jidhirli li l-formulazzjoni fil-verżjoni Ingliża – “the tax authorities may not in any circumstances charge an amount exceeding the tax paid by the final consumer” – ma tirriflettix preċiżament il-Franċiż li bih is-sentenza kienet oriġinarjament miktuba – “l’administration fiscale ne saurait en définitive percevoir un montant supérieur à celui payé par le consommateur final” (enfasi tiegħi).


32 – Għandu jiġi osservat li din mhijiex għażla għal negozjanti bl-imnut awtentiċi, li huma obbligati jistabbilixxu prezzijiet li jinkludu l-VAT (ara d-Direttiva 98/6, imsemmija fil-punt 12 iktar ’il fuq).