Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fit-3 ta’ Lulju 2008 1(1)

Kawża C-48/07

État belge - SPF Finances

vs

Les Vergers du Vieux Tauves SA


“Direttiva 90/435 – Kumpannija parent – Proprjetarju ta’ dritt ta’ użufrutt fuq ishma”





1.        Fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja saritilha d-domanda mill-Cour d’Appel de Liège (Qorti tal-Appell, Liège) (il-Belġju) jekk essenzjalment kumpannija li hija proprjetarja ta’ dritt ta’ użufrutt fuq ishma f’kumpannija oħra tistax jew għandhiex tiġi meqjusa bħala kumpannija parent skont it-tifsira tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (2) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar kumpanniji parent/sussidjarji” jew id-“Direttiva”).

 Id-Direttiva dwar kumpanniji parent/sussidjarji

2.        Id-Direttiva dwar kumpanniji parent/sussidjarji għandha l-għan li telimina l-iżvantaġġ fiskali li jiġi soffrut minn kumpanniji minn Stati Membri differenti, meta mqabbel ma’ kumpanniji mill-istess Stat Membru, meta jfittxu sabiex jikkoperaw billi jiffurmaw gruppi ta’ kumpanniji parent u kumpanniji sussidjarji (3). Hija tagħmel dan b’żewġ modi.

3.        L-ewwel nett, l-Artikolu 4(1) jistabbilixxi, sa fejn huwa rilevanti:

“Meta kumpannija ġenitur [parent], bis-saħħa ta’ l-assoċazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija prinċipali [parent] għandu […] jew:

–        iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti, jew

–        jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur [parent] biex tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet imħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti […]”.

4.        It-tieni nett, l-Artikolu 5 jobbliga lill-Istati Membri sabiex jeżentaw mit-taxxa mnaqqsa profitti li kumpannija sussidjarja tqassam lill-kumpannija parent tagħha.

5.        L-Artikolu 3 jiddefinixxi “kumpannija ġenitur [parent]”. Dan jgħid li ġej:

“1.   Għall-iskopijiet sabiex tiġi applikata din id-Direttiva,

(a)      l-istatus tal-kumpannija ġenitur [parent] għandu jiġi attribwit għall-inqas lil kull kumpannija ta’ Stat Membru li twettaq il-kondizzjonijiet iddikjarati fl-Artikolu 2 (4) u li jkollha sehem minimu ta’ 25 % fil-kapital ta’ kumpannija ta’ Stat Membru ieħor li twettaq l-istess kondizzjonijiet;

(b)      ‘(kumpannija) sussidjarja’ għandha tfisser dik il-kumpannija li l-kapital tagħha jinkludi is-sehem riferit fil-(a).

2.     Bħala deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri għandu jkollhom il-għażla li:

–        jibdlu, permezz ta’ ftehim bilaterali, il-kriterju taż-żamma ta’ sehem fil-kapital bil-kriterju ta’ żamma ta’ sehem bid-drittijiet għall-vot,

–        li ma japplikawx din id-Direttiva għall-kumpanniji ta’ dan l-Istat Membru li għal perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn rigward iż-żamma ta’ l-ishma li jikkwalifikawhom bħala kumpanniji ġenitur [parent] jew għal dawk mill-kumpanniji tagħhom li fihom kumpannija ta’ Stat Membru ieħor ma jżommux ishma minn dawn għal-perjodu taż-żmien mhux interrott ta’ mill-inqas sentejn.”

6.        Peress li l-Artikolu 3(1)(a) jiddefinixxi kumpannija parent billi jagħmel referenza għal, tal-inqas, kull kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 li għandha sehem minimu ta’ 25 %, huwa evidenti li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jistabbilixxu definizzjoni iktar wiegħsa li tkun tinkludi, pereżempju, kumpanniji b’sehem minimu ta’ perċentwal iktar baxx. Is-sehem minimu msemmi fl-Artikolu 3(1)(a) madankollu, ġie ridott għal 20 % b’effett mit-2 ta’ Frar 2004 u għal 15 % b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, u għandu jiġi ridott għal 10 % b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 (5).

7.        L-Artikolu 1(2) jistabbilixxi li d-Direttiva m’għandhiex tipprekludi milli jiġu applikati dispożizzjonijiet domestiċi jew li jkunu bbażati fuq ftehim meħtieġa sabiex jiġu evitati l-frodi jew l-abbuż.

 Il-liġi Belġjana rilevanti

 Implementazzjoni tad-Direttiva dwar kumpanniji parent/sussidjarji

8.        Id-digriet tar-rinviju fil-kawża preżenti jagħti biss informazzjoni mill-iktar fil-qosor dwar il-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Abbażi ta’ dak il-ftit li jgħid, supplimentat bl-ispjegazzjonijiet iktar utli mogħtija mill-kumpannija Les Vergers du Vieux Tauves SA (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti”) u l-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, is-sitwazzjoni tidher li hija s-segwenti.

9.        Il-Belġju għażel il-metodu ta’ eżenzjoni taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva. Fil-qosor, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti (6), dividendi rċevuti minn kumpanniji sussidjarji skont it-tifsira tad-Direttiva huma, l-ewwel nett, inklużi fil-bażi ta’ stima tal-kumpannija parent u, it-tieni nett, imnaqqsa għar-rigward ta’ 95 % (7) mill-bażi taxxabbli safejn il-kumpannija parent ikollha profitti taxxabbli (8).

10.      L-Artikolu 202 tal-Kodiċi tat-Taxxa tad-Dħul (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 202”) (9), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fiż-żmien ikkonċernat u safejn huwa rilevanti, jipprovdi li:

“1.   Għandhom jitnaqqsu wkoll mill-profitti mill-perijodu taxxabbli, sa fejn huma inklużi:

1       Id-dividendi […]

[…]

2.     Id-dħul imsemmi fil-paragrafu 1(1) […] jista’ jitnaqqas biss sa fejn fid-data tad-dikjarazzjoni jew tal-ħlas il-kumpannija benefiċjarja għandha sehem fil-kapital tal-kumpannija li tagħmel id-distribuzzjoni ta’ mhux inqas minn 5 % […]”.

11.      Il-Kodiċi tal-1992 issostitwixxa l-Kodiċi tal-1964 (10). L-Artikolu 202 jirriproduċi parzjalment l-Artikolu 111 tal-Kodiċi tal-1964 kif emendat bil-Liġi tat-23 ta’ Ottubru 1991 li implementat id-Direttiva (iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ implementazzjoni”) (11). Il-bidliet li saru fil-Kodiċi tal-1964 mil-liġi ta’ implementazzjoni kienu jinkludu l-abolizzjoni tal-obbligu espliċitu preċedenti li kumpannija li tirċievi d-dividendi trid iżomm l-ishma li jagħtu lok għad-dividendi bħala l-proprjetarju assolut sabiex tibbenefika mis-sistema ta’ taxxa favorevoli stabbilita mill-Artikolu 111. L-Artikolu 202 ġie sussegwentement emendat sabiex jinkludi obbligu espliċitu bħal dan (12), liema emenda daħlet fis-seħħ biss wara s-snin finanzjarji inkwistjoni fil-kawża preżenti.

12.      Il-Gvern Belġjan spjega li l-liġi ta’ implementazzjoni kienet intiża sabiex testendi wkoll għal qasam mhux kopert bid-Direttiva, jiġifieri relazzjonijiet bejn kumpanniji domestiċi, sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni kuntrarja kontra kumpanniji Belġjani b’sussidjarji Belġjani, meta mqabbla ma’ kumpanniji Belġjani b’kumpanniji sussidjarji fi Stati Membri oħra, fir-rigward tat-trattament ta’ dividendi.

 L-użufrutt fil-liġi Belġjana

13.      Il-Belgju jispjega li, fil-liġi Belġjana, l-użufrutt ifisser “le droit de jouir des choses dont un autre a la propriété, comme le propriétaire lui-même, mais à la charge d’en conserver la substance” (id-dritt għat-tgawdija ta’ affarijiet li huma proprjetà ta’ xi ħaddieħor, bħala l-proprjetarju nnifsu, imma bil-kundizzjoni li tiġi ppreżervata s-sustanza). L-użufruttwarju għalhekk jippossjedi biss l-usus u l-fructus; u m’għandu ebda dritt li jittrasferixxi (abusus), liema dritt jibqa’ tal-proprjetarju tat-titolu legali (13).

14.      B’mod iktar speċifiku, l-użufrutt ta’ sehem jikkonferixxi biss dritt ta’ tgawdija, jiġifieri dritt għall-profitti li joħroġu minn dak is-sehem u mhux għall-kapital li jirrappreżenta. Għalhekk l-azzjonist użufruttwarju m’għandu ebda drittijiet għall-profitti li jsiru mill-kumpannija għajr id-dritt li jirċievi dividendi ddikjarati. Lanqas m’għandu xi drittijiet fuq ir-riżervi. Għalkemm l-azzjonist legali ma jirċevix riżervi bħal dawn, madankollu dawn iżidu l-kapital tiegħu u, jekk il-kumpannija tiġi stralċjata fi stat ta’ solvenza, effettivament huwa ser jirċievi sehem mir-riżervi akkumulati. Bħala prinċipju, u suġġett għall-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija, il-proprjetarju biss jista’ jeżerċita d-drittijiet tal-vot marbutin mal-ishma. Fl-aħħar nett, l-użufruttwarju m’għandu ebda dritt li jittrasferixxi, liema dritt jibqa’ tal-proprjetarju.

 Il-fatti u d-domanda preliminari

15.      Id-digriet tar-rinviju huwa bl-istess mod estremament lakoniku dwar il-kuntest fattwali. Madanakollu, il-fatti li ġejjin jirriżultaw mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti u tal-Gvern Belġjan. Dawn jidhru li huma punti komuni.

16.      F’Ġunju 1999, ir-rikorrenti, kumpannija Belġjana, xtrat drittijiet użufruttwarji fuq ishma fil-kumpannija Narda SA (iktar ’il quddiem “Narda”) għal perijodu ta’ għaxar snin; kumpannija oħra, Bepa SA (iktar ’il quddiem “Bepa”), akkwistat il-proprjetà legali tal-ishma. Wara l-perijodu ta’ għaxar snin Bepa ser issir il-proprjetarju sħih tal-ishma. Ma kien hemm ebda konnessjonijiet ta’ ishma bejn il-bejjiegħa tal-ishma minn naħa u r-rikorrenti min-naħa l-oħra. Ir-rikorrenti xtaqet takkwista l-ishma f’Narda fi żmien qasir bil-għan li ttejjeb ir-riżorsi finanzjarji tagħha u żżid il-firxa ta’ prodotti tagħha jew fuq perijodu fit-tul għal raġunijiet strateġiċi, ekonomiċi u finanzjarji iktar fit-tul, billi żżid in-numru ta’ kumpanniji sussidjarji tagħha.

17.      Jidher li Narda hija kumpannija Belġjana. L-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha jistabbilixxi li, fejn l-użufrutt u l-proprjetà legali ta’ sehem jiġu stakkati, il-proprjetarju legali jista’ jivvota biss fir-rigward ta’ żidiet fil-kapital u l-prolongament jew stralċ tal-kumpannija; f’każijiet oħra, l-użufruttwarju jista’ jeżerċita d-drittijiet tal-vot kollha.

18.      Fl-2000, 2001 u 2002 ir-rikorrenti fittxet li tnaqqas mill-bażi taxxabbli tagħha dividendi li rċeviet min Narda. L-awtoritajiet tat-taxxi Belġjani pproponew li jirrettifikaw id-dikjarazzjonijiet tat-taxxa tar-rikorrent għal dawk is-snin u li jintaxxaw id-dividendi abbażi tal-fatt li d-dritt tal-użufruttwarju miżmum mir-rikorrenti ma kienx “żamma ta’ sehem fil-kapital” ta’ Narda. Ir-rikorrenti ppreżentat oġġezzjonijiet; b’deċiżjoni tat-22 ta’ Jannar 2004 l-awtoritajiet tat-taxxa Belġjani ċaħdu dawn l-oġġezzjonijiet. Ir-rikorrenti kkontestat b’suċċess id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal de première instance de Namur (Qorti tal-Prim’Istanza ta’ Namur). Fl-appell, il-Cour d’appel de Liège rrinvjat din id-domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-Liġi tat-28 ta’ Diċembru 1992, li emendat it-test tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul billi għamlet referenza għad-Direttiva 90/435/KEE u eżigiet li l-benefiċjarju tad-dividendi jkollu sehem fil-kapital ta’ kumpannija li qassmet dawn id-dividendi, peress illi din il-liġi ma tispeċifikax b’mod espliċitu li s-sehem għandu jinżamm minn persuna li taġixxi bħala proprjetarju assolut u għalhekk impliċitament tippermetti l-interpretazzjoni, li saret mill-intimat, li s-sempliċi pussess ta’ dritt ta’ użufrutt ta’ ishma fil-kapital tal-kumpannija jwassal għad-dritt għal eżenzjoni ta’ taxxa fuq dividendi, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar iż-żamma ta’ ishma fil-kapital, u b’mod partikolari mal-Artikoli 3, 4 u 5?”

19.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet mir-rikorrenti, il-Gvernijiet tal-Belġju, Franza, il-Ġermanja, il-Ġreċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u r-Renju Unit u l-Kummissjoni, ilkoll kemm huma, bl-eċċezzjoni tal-Gvernijiet ta’ Franza, il-Ġermanja u l-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentati waqt is-seduta.

 Ammissibbiltà

20.      Il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet iqajmu l-kwistjoni tal-ammissibbiltà, għalkemm il-fehmiet tagħhom kienu maqsumin. Kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni jissottomettu li r-rinviju huwa ammissibbli. L-osservazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà essenzjalment jiffokaw fuq żewġ punti prinċipali, l-informazzjoni insuffiċjenti fid-digriet tar-rinviju u l-assenza ċara ta’ kwalunkwe element Komunitarju.

21.      Jista’ jkun utli li fil-qosor tiġi mfakkra mill-ġdid il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ rinviji għal deċiżjonijiet preliminari mill-qrati nazzjonali.

22.      Skont is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 234 KE huwa strument ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja permezz ta’ liema hija tipprovdi lil qrati nazzjonali punti ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli għalihom fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tkun qed tiġi ttrattata fil-kawża quddiemhom (14). Fil-kuntest ta’ dan l-istrument ta’ kooperazzjoni, hija biss il-qorti nazzjonali li quddiemha tkun tressqet t-tilwima, u li għandha tassumi responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li trid tistabbilixxi fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ kemm il-bżonn ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tagħmilha possibbli għaliha li tagħti sentenza u r-rilevanza tad-domandi li din tirrinvija lill-Qorti tal-Ġustizzja (15).

23.      Konsegwentement, meta rinviju għal deċiżjoni preliminari għandu x’jaqsam mal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala regola hija obbligata tagħti deċiżjoni (16). Domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju għalhekk igawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza u l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda rrinvjata biss fejn ikun pjuttost ovvju li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tiġi mitluba m’għandha ebda relazzjoni mal-fatti attwali tal-azzjoni prinċipali jew l-iskop tagħha, fejn il-problema hija ipotetika, jew fejn il-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex quddiemha il-materjal legali jew fattwali meħtieġ sabiex tagħti risposta utli għad-domandi ppreżentati lilha (17).

24.      Barra minn dan, fejn il-leġiżlazzjoni domestika tkun qed tirregola sitwazzjonijiet purament interni, u din tistabbilixxi l-istess soluzzjonijiet bħal dawk adottati fid-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa evidentement fl-interess tal-Komunità li sabiex jiġu evitati differenzi ta’ interpretazzjoni fil-futur, dispożizzjonijiet jew kunċetti li jittieħdu mid-dritt Komunitarju għandhom jiġu interpretati b’mod uniformi, irrispettivament miċ-ċirkustanzi li fihom għandhom japplikaw (18).

 Informazzjoni insuffiċjenti

25.      Il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit jissottomettu li d-digriet tar-rinviju fih informazzjoni insuffiċjenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

26.      Ċertament huwa veru li d-digriet tar-rinviju huwa estremament konċiż u li skont ma ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-bżonn li hija tagħti interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun ta’ użu għall-qorti nazzjonali jobbliga l-qorti li tiddefinixxi il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi li qed tagħmel (19). Ir-rinviji għal deċiżjonijiet preliminari li ma jissodisfawx dan l-obbligu tabilħaqq jistgħu jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

27.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja taffiet ir-rigorożità ta’ din ir-regola f’ċerti ċirkustanzi, billi sostniet li l-obbligu huwa inqas rigoruż fejn id-domandi jikkonċernaw punti tekniċi speċifiċi u jagħmluha possibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti risposta utli anki fejn il-qorti nazzjonali ma tkunx tat deskrizzjoni eżawrjenti tas-sitwazzjoni legali u fattwali (20). Il-fatt li, bħal fil-kawża preżenti, ġew ippreżentati osservazzjonijiet mill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni, konformi mal-Artikolu 20 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja KE, juri li l-informazzjoni fornuta fid-digriet tar-rinviju effettivament tagħmilha possibbli għalihom li jistqarru l-pożizzjoni tagħhom dwar id-domandi rrinvjati lill-Qorti tal-Ġustizja; barra minn hekk, l-informazzjoni fid-digriet tar-rinviju tista’ tiġi ssupplimentata b’dawk l-osservazzjonijiet (21).

28.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, nikkunsidra li r-rinviju fil-kawża preżenti, filwaqt li sfortunatament huwa nieqes f’dik li hija informazzjoni fuq il-mertu, m’għandux jitqies li huwa inammissibbli għal dik ir-raġuni biss.

 Nuqqas ta’ element Komunitarju

29.      Il-parti l-kbira tal-gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet josservaw li d-digriet tar-rinviju ma jindikax li hemm xi element Komunitarju dwar il-fatti tal-kawża preżenti. Il-qorti tar-rinviju pjuttost qed titlob interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li timplementa d-Direttiva fil-kuntest ta’ kumpanniji parent u kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti, tapplika dispożizzjonijiet ekwivalenti għal relazzjonijiet ta’ kumpanniji parent/sussidjarji f’kuntest purament nazzjonali.

30.      Huwa tabilħaqq il-każ li l-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk il-proċeduri legali prinċipali jinvolvux kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor. Barra minn dan, jidher li t-tweġiba hija li dan mhuwiex il-każ. Madankollu, il-Gvern Belġjan jistqarr fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li l-Artikolu 202(2) huwa maħsub sabiex jagħmel it-traspożizzjoni tad-Direttiva filwaqt li jestendi l-effett tagħha għall-isfera nazzjonali u għal skop ta’ applikazzjoni iktar wiesa’ minn kif inhu rikjest mid-Direttiva. Għalhekk, kif issottomettew ir-rikorrenti, Franza, il-Ġermanja, il-Ġreċja, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, jidher li s-sitwazzjoni hija simili għal dik ittrattata f’dik li wieħed jista’ jsejjaħ il-linja ta’ kawżi Leur-Bloem (22), fejn il-qorti tar-rinviju qed titlob għal interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni domestika li, apparti li timplementa direttiva, tapplika għal sitwazzjonijiet domestiċi analogi għal sitwazzjonijiet tal-Komunità fl-ambitu tal-iskop tad-direttiva kkonċernata.

31.      Kif jindikaw il-partijiet, u kif inhu ovvju mill-ġurisprudenza miġbura fil-qosor hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li għandha ġurisdizzjoni sabiex tinterpeta dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fejn il-fatti fil-proċeduri legali prinċipali huma relatati ma’ tilwima interna u l-leġiżlazzjoni nazzjonali tipprovdi l-istess soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet domestiċi bħal dawk adottati fid-dritt Komunitarju.

32.      Fil-kawża preżenti jidher li hemm dispożizzjoni nazzjonali waħda għal eżenzjonijiet fiskali disponibbli għal kumpanniji parent u sussidjarji irrispettivament jekk dawn tal-aħħar għandhomx is-sede tagħhom fil-Belġju jew fi Stati Membri differenti. Barra minn dan, jidher mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Belġjan li l-Artikolu 202(2) sar applikabbli għall-isfera domestika sabiex tiġi evitata id-diskriminazzjoni bil-maqlub kontra kumpanniji Belġjani abbażi tal-post tal-istabbiliment tal-kumpanniji sussidjarji tagħhom. Din l-approssimazzjoni volontarja tal-liġi nazzjonali mal-obbligi tad-Direttiva flimkien mat-talba tal-qorti nazzjonali għal gwida dwar l-interpretazzjoni hija għalija biżżejjed sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni prelimimari jinqabad fix-xibka tal-ammissibbiltà.

33.      Barra minn hekk, ġie argumentat mill-Belġju, il-Ġermanja u r-Renju Unit li interpretazzjoni tad-Direttiva mhijiex rilevanti peress li l-Artikolu 202(2) huwa iktar wiesa’ fl-iskop: dan japplika għal dħul apparti dividendi u meta mqabbel mad-Direttiva fih limitu iktar baxx b’mod sinjifikattiv għaż-żamma ta’ sehem fil-kapital.

34.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, il-fatt li l-liġi nazzjonali ma tagħmilx it-traspożizzjoni tad-Direttiva f’termini identiċi ma jfissirx neċessarjament li talba minn qorti nazzjonali għal interpretazzjoni tad-direttiva inkwistjoni għandha titqies bħala inammissibbli. Minbarra l-punt ġenerali ovvju li d-direttivi jorbtu għal dak li huwa r-riżultat tagħhom, id-direttiva speċifika inkwistjoni fil-kawża preżenti tippermetti marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni għall-Istati Membri. Barra minn dan, huwa ċar li kemm id-dispożizzjonijiet nazzjonali u anki dawk Komunitarji jużaw l-istess espressjoni, “żamma ta’ sehem fil-kapital” (23), bl-unika differenza li fil-Belġju sehem ta’ 5 % huwa suffiċjenti sabiex jintitola kumpannija parent għal eżenzjoni fiskali. L-użu ta’ espressjonijiet identiċi jissuġġerixxi li l-leġiżlatur nazzjonali kellu l-ħsieb japplika t-terminu bl-istess mod.

35.      Abbażi tal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tqis li hemm dispożizzjoni nazzjonali waħda li tagħmel it-traspożizzjoni tad-Direttiva u li fl-istess ħin tirregola sitwazzjonijiet interni, evidentement huwa fl-interess tal-Komunità li d-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata bl-istess mod meta tiġi applikata għal sitwazzjonijiet transkonfinali u domestiċi.

36.      Fl-aħħar nett, ir-Renju Unit jargumenta li, tkun liema tkun l-interpretazzjoni tad-Direttiva li tista’ tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-aħħar mill-aħħar hija l-qorti nazzjonali li trid tiddeċiedi l-kwistjoni interna kif jidhrilha li jkun xieraq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva ma tkunx la direttament u lanqas indirettament applikabbli, u għalhekk tkun għal kollox astratta. Bl-istess loġika, kien hemm ftit diskussjoni waqt is-seduta dwar ir-rilevanza ta’ Kleinwort Benson (24), fejn wieħed mill-fatturi li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiċħad bħala inammissibbli r-rinviju quddiemha kien li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx teħtieġ il-qrati nazzjonali jiddeċiedu tilwimiet quddiemhom billi japplikaw b’mod assolut u inkondizzjonat l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mogħtija lilhom mill-Qorti tal-Ġustizzja (25).

37.      Ma jistax jiġi miċħud li, peress li d-Direttiva ma tirregolax sitwazzjonijiet interni, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti tista’ titqies f’ċertu sens bħala li purament qed tagħti parir – l-Istat Membru huwa liberu li jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu jew sempliċement jinjora d-deċiżjoni. Sintendi dan dejjem ser ikun il-każ f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fis-sentenza Leur-Bloem (26). Tabilħaqq, dan huwa l-essenza ta’ dik il-ġurisprudenza. Madankollu, dan ma żammx il-Qorti tal-Ġustizzja milli tiddeċiedi li dawk il-każijiet kienu ammissibbli, u m’hemm l-ebda bażi sabiex tiddistingwi din il-kawża mill-oħrajn.

38.      Jien għalhekk nikkonkludi li r-rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-kawża preżenti huwa ammissibbli.

 Fuq il-mertu

39.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplementa d-Direttiva li teħtieġ li l-benefiċjarju ta’ dividendi jkollu sehem fil-kapital fil-kumpannija li qassmet dawn id-dividendi hijiex kompatibbli mad-Direttiva peress li ma tispeċifikax b’mod espliċitu li s-sehem għandu jinżamm minn persuna li taġixxi bħala proprjetarju assolut u għalhekk tippermetti impliċitament li s-sempliċi pussess ta’ dritt ta’ użufrutt f’ishma jġib miegħu d-dritt ta’ eżenzjoni ta’ taxxa fuq dividendi bħal dawn.

40.      Qabel ma wieħed jipprova jwieġeb din id-domanda, ikun xieraq li - kif issuġġerew espliċitament jew impliċitament diversi mill-partijiet li ssottomettew osservazzjonijiet - din tiġi rriformulata.

41.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet ta’ liġi nazzjonali mad-dritt Komunitarju (27). Barra minn dan, f’rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tagħti tweġiba lill-qorti tar-rinviju li tkun ta’ użu għaliha u li tagħmilha possibbli għaliha li tiddeċiedi l-kawża quddiemha. Għal dan l-iskop, il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jkollha tirriformula d-domanda rrinvjata (28). Fil-kawża preżenti, jidher li l-qorti tar-rinviju qed tistaqsi jekk id-Direttiva tobbligax lill-Istati Membri li jagħtu t-trattament fiskali vantaġġjuż ta’ dividendi rċevuti minn kumpannija parent minn kumpannija sussidjarja li hija rregolata mill-Artikolu 4(1) f’sitwazzjoni fejn il-proprjetà tal-ishma fil-kumpannija sussidjarja ġiet stakkata, sabiex b’hekk kumpannija waħda tirċievi dividendi bis-saħħa ta’ dritt ta’ użufrutt filwaqt li l-proprjetà legali tibqa’ ta’ kumpannija oħra. Jekk din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, ikun biżżejjed biex il-qorti nazzjonali tkun tista’ tiddeċiedi favur ir-rikorrenti. Jekk, madankollu, tingħata risposta fin-negattiv, tqum il-mistoqsija jekk l-Istati Membri jistgħux madankollu meta jimplementaw id-Direttiva jestendu t-trattament fiskali vantaġġjuż ta’ dividendi għall-possessur ta’ dritt sempliċi ta’ użufrutt ta’ ishma.

 Id-Direttiva għandha tapplika għal dritt ta’ użufrutt?

42.      Essenzjalment, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni jikkunsidraw li dividendi li jirċievi użufruttwarju għandhom jaqgħu fl-ambitu tal-iskop tal-Artikolu 4(1) (29), filwaqt li l-Gvernijiet tal-Belġju, Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja u r-Renju Unit jieħdu l-pożizzjoni opposta. Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li l-Artikolu 4(1) ma japplikax għal dividendi li jirċievi użufruttwarju sakemm il-pożizzjoni tal-użufruttwarju, minn perspettiva ekonomika, ma tkunx ekwivalenti għal dik ta’ proprjetarju legali.

 L-għan tad-Direttiva

43.      Il-partijiet kollha jinvokaw l-għan tad-Direttiva. Jien ukoll tal-fehma li dan huwa l-punt tat-tluq xieraq għall-analiżi.

44.      L-ewwel premessa fil-preambolu tgħid li l-ġabra flimkien ta’ kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tista’ tkun meħtieġa sabiex toħloq ġewwa l-Komunità kundizzjonijiet analogi għal dawk tas-suq intern u sabiex b’hekk jiġi assigurat l-istabbiliment u t-tħaddim effettiv tas-suq komuni; li operazzjonijiet bħal dawn m’għandhomx jiġu mfixxkla b’restrizzjonijiet, żvantaġġi jew distorsjonijiet li joħorġu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri; u li għalhekk huwa meħtieġ li jiġu introdotti, fir-rigward ta’ iggruppjar flimkien bħal dan ta’ kumpanniji ta’ Stati Membri differenti, regoli tat-taxxa li huma newtrali mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, sabiex jippermettu impriżi jaddattaw għall-obbligi tas-suq komuni, li jżidu l-produttività tagħhom u li jtejbu s-saħħa kompetittiva tagħhom fuq il-livell internazzjonali.

45.      It-tieni premessa tinnota li ggruppjar bħal dan jista’ jirriżulta fil-formazzjoni ta’ gruppi ta’ kumpanniji parent u kumpanniji sussidjarji. It-tielet premessa tgħid li d-dispożizzjonijiet fiskali eżistenti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn kumpanniji ġenituri u kumpanniji sussidjarji ta’ Stati Membri differenti jvarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għal ieħor u ġeneralment huma inqas vantaġġużi minn dawk applikabbli għal kumpanniji parent u kumpanniji sussidjarji tal-istess Stat Membru; dik il-kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti hija b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru; u li huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bl-introduzzjoni ta’ sistema komuni sabiex jiġi ffaċilitat l-iggruppjar flimkien ta’ kumpanniji sabiex jiġi assigurat it-tħaddim tas-suq komuni. Ir-raba’ u l-ħames premessi sempliċement jistabbilixxu ż-żewġ mezzi prinċipali li bihom dawk l-għanijiet iridu jintleħqu, billi essenzjalment jantiċipaw il-kliem tal-Artikoli 4(1) u 5.

46.      Kif wieħed jista’ jistenna, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha dwar id-Direttiva ffukat konsistentement fuq l-għanijiet stabbiliti fil-preambolu. Hija stqarret li, kif jidher mit-tielet premessa, id-Direttiva għandha l-għan, bl-introduzzjoni ta’ sistema komuni ta’ taxxa, li telimina kwalunkwe żvantaġġ għal kooperazzjoni bejn kumpanniji ta’ Stati Membri differenti meta mqabbla ma’ kooperazzjoni bejn kumpanniji tal-istess Stat Membru u b’hekk tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transkonfinali (30) jew l-iggruppjar flimkien ta’ kumpanniji fil-livell Komunitarju (31). B’mod iktar ġenerali, il-bżonn tad-Direttiva tirriżulta mit-tassazzjoni doppja li għaliha gruppi li jinkludu kumpanniji stabbiliti f’numru ta’ Stati jistgħu jkunu suġġetti (32).

47.      Għalhekk, id-Direttiva hija bbażata fuq il-premessa li t-tassazzjoni doppja ta’ dividendi fi ħdan grupp transkonfinali ser tiskoraġġixxi l-formazzjoni ta’ gruppi bħal dawn. Din għandha l-għan li tneħħi l-ostaklu billi tobbliga l-Istati Membri sabiex ma jintaxxawx dividendi bħal dawn f’idejn il-kumpannija parent. Fil-kliem b’saħħtu tal-preambolu għad-Direttiva 2003/123 li temendaha, l-għan tad-Direttiva dwar kumpanniji parent/sussidjarji huwa “li jiġu eżantati d-dividendi u t-tqassim ta' profitti oħra mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji lill-kumpanniji ġenituri [parent] tagħhom mit-taxxi f[’]ras il-għajn u sabiex tiġi eliminata t-taxxa doppja fuq dan id-dħul fil-livell ta' kumpannija parent” (33). Il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, iddeskriviet reċentement id-Direttiva bħala “miżura ta’ unifikazzjoni jew ta’ armonizzazzjoni intiża sabiex telimina s-sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja” (34).

48.      F’dan il-kuntest, naqbel mal-argument tar-rikorrenti u l-Kummissjoni li jgħid li huwa kuntrarju għall-għan tad-Direttiva li dividend li jkun irċieva użufruttwarju jiġi suġġett għat-tassazzjoni doppja f’ċirkustanzi fejn l-Artikolu 4(1) jeżiġi li jkun hemm eżenzjoni fejn ma jkun inħoloq ebda dritt użufruttwarju. Kif tirrileva l-Kummissjoni, il-problema ta’ tassazzjoni doppja ma tisparixxix meta l-proprjetà tal-ishma tiġi stakkata. Fin-nuqqas ta’ eżenzjoni, dividendi pagabbli fuq ishma bħal dawn huma suġġetti li jiġu ntaxxati fl-Istat ta’ residenza tal-possessur u kif ukoll li jkunu suġġetti għal tnaqqis f’ras il-għajn fl-Istat Membru tal-kumpannija sussidjarja. Dan il-fatt, kif jgħid il-preambolu tad-Direttiva, joħloq żvantaġġ għall-kooperazzjoni bejn kumpanniji fi Stati Membri differenti – li huwa dak li preċiżament id-Direttiva tipprova telimina.

49.      L-Istati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet jibbażaw ukoll l-argumenti tagħhom prinċipalment fuq l-għanijiet tad-Direttiva. Filwaqt li jaqblu li l-għan tagħha huwa li tiffaċilita l-iggruppjar ta’ kumpanniji, huma jargumentaw li s-sistema ta’ newtralità fiskali ta’ dividendi mhijiex maħsuba bħala għan minnha nnifisha imma pjuttost bħal mezz għal dak l-għan. Għalhekk, id-Direttiva għandha l-għan li tagħmel possibbli l-iggruppjar flimkien, fis-sens ekonomiku, ta’ kumpanniji minn Stati Membri differenti sabiex huma jkunu f’pożizzjoni li joperaw daqs li kieku kienu f’suq wieħed. Dan l-approċċ jeħtieġ li l-kumpanniji li jiffurmaw grupp bħal dan ikunu konnessi permezz ta’ konnessjonijiet ekonomiċi u operazzjonali u mhux b’konnessjonijiet purament finanzjarji. Dan ma jistax ikun il-każ sakemm il-kumpannija parent ma jkollhiex sehem fil-kumpannija sussidjarja li jikkonferixxi fuqha d-drittijiet kollha li normalment jintrabtu mal-istatus ta’ azzjonist, jiġifieri d-dritt għal vot fil-laqgħat kollha, li jippermetti lill-azzjonist jiddiriġi l-attività ekonomika tal-kumpannija sussidjarja, u d-dritt għal dividendi, li jippermettilu jibbenefika mir-riżultati finanzjarji li joħorġu minn dik l-attività u dawk id-direzzjonijiet. B’kuntrast ma’ dan, jekk dawk iż-żewġ sitwazzjonijiet jiġu stakkati minn xulxin, ma jista’ jkun hemm ebda dubju dwar iggruppjar ġenwin ta’ kumpanniji flimkien fis-sens ekonomiku mal-kumpannija li fiha huma għandhom sehem. Is-sempliċi pussess ta’ dritt ta’ użufrutt għalhekk ma jistax jiġi meqjus bħala parti minn grupp ġenwin.

50.      Fil-fehma tiegħi, dan l-argument jippreżumi li t-tip ta’ relazzjoni bejn kumpanniji li d-Direttiva trid tinkoraġġixxi huwa limitat għal gruppi fis-sens konvenzjonali tal-liġi tal-kumpanniji. Madankollu, id-Direttiva ma tagħtix tifsira tal-iskop tagħha billi tagħmel referenza għal wieħed jew ieħor mill-kriterji normalment użati sabiex jiġi identifikat grupp, jiġifieri minn naħa waħda l-amministrazzjoni fuq bażi ċentrali u unifikata (35) u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot u/jew id-dritt li taħtar jew tneħħi l-maġġoranza tal-bord u/jew influwenza dominanti. Għal kuntrarju, id-Direttiva fil-verżjoni oriġinali tagħha kienet teżiġi sehem minimu ta’ 25 %, liema perċentwali tnaqqas progressivament, permezz ta’ emendi sussegwenti, għal 10 % b’effett mill-1 ta’ Jannar 2009 (36). Sehem bħal dan huwa ferm ’il bogħod minn dak li normalment jitqies bħala li jagħti lok għal grupp ta’ kumpanniji fis-sens ta’ kontroll u struttura.

51.      Numru ta’ Stati Membri li ppreżentaw osservazzjonijiet jinnutaw li jekk, bħal fil-kawża preżenti, parti waħda għandha dritt għal dividendi u dritt limitat għal vot f’laqgħat ġenerali u parti oħra għandha d-dritt tivvota fuq il-kwistjonijiet l-iktar importanti (żieda fil-kapital, stralċ, u prolongazzjoni), jistgħu jqumu konflitti ta’ interess bejn it-tnejn. B’mod partikolari, l-interess tal-użufruttwarju ser ikun essenzjalment li jirċievi f’perijodu qasir l-ikbar ammont ta’ dividendi filwaqt li l-proprjetarju legali pjuttost ser ikun interessat li jsaħħah il-kumpannija fuq perijodu fit-tul u jista’ anki jippreferi li fuq perijodu qasir jew medju l-profitti jiġu investiti mill-ġdid fil-kumpannija minflok ma jiġu mqassma. Għalhekk, ma jistax ikun fl-ispirtu tal-għan tad-Direttiva li azzjonist użufruttwarju jaqa’ fl-iskop tagħha.

52.      Filwaqt li ovvjament huwa korrett li jista’ jkun hemm konflitti ta’ interess bejn azzjonist użufruttwarju u l-azzjonist legali, ma nikkunsidrax li dan huwa rilevanti għal kwistjoni preżentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Id-Direttiva, kif spjegat hawn fuq, timmira sabiex telimina it-tassazzjoni doppja ekonomika ta’ dividendi fi grupp ta’ kumpanniji li jkollhom sieq fuq naħa u sieq fuq oħra tal-fruntieri. Fil-fehma tiegħi, dan l-għan jiġi servut l-aħjar billi l-ħelsien mit-taxxa doppja kif rikjest mill-Artikolu (1) tad-Direttiva jkun disponibbli għal dividendi ddikjarati inkonnessjoni ma’ ishma f’kumpannija waħda fi grupp bħal dan li tkun tippossjedi kumpannija oħra, irrispettivament minn kif il-proprjetà ta’ dawn l-ishma tiġi mqassma. Il-preokkupazzjoni – li ġiet imsemmija b’mod partikolari mill-Italja u r-Renju Unit – li dan l-approċċ jista’ iwassal sabiex l-eżenzjonijiet fiskali pprovduti fid-Direttiva jiġu sfruttati permezz ta’ arrangamenti ppjanati tista’ tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri nazzjonali jew bilaterali xierqa li jkollhom fil-mira l-frodi u l-abbuż, li huma awtorizzati espliċitament mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva.

 L-iskema tad-Direttiva

53.      L-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva fih deroga li tippermetti Stati Membri li jbiddlu l-kriterju taż-żamma ta’ sehem fil-kapital biż-żamma ta’ sehem bid-drittijiet għall-vot. Insostenn tal-interpretazzjoni tagħhom, il-Belġju u l-Italja jinvokaw din id-deroga. Huma jargumentaw essenzjalment li Stat Membru li jagħmel użu minnha jista’ jeskludi l-użufruttwarju mill-benefiċċju tad-Direttiva, peress li l-proprjetà assoluta hija meħtieġa sabiex ikollok dritt sħiħ għal vot. Sabiex il-kriterji differenti wżati mid-Direttiva jkunu koerenti, il-kriterju taż-żamma ta’ sehem fil-kapital irid jeħtieġ ukoll l-proprjetà assoluta sabiex jibbenefika mill-vantaġġi mogħtija mid-Direttiva.

54.      Jien ma nsibx li dan l-argument huwa konvinċenti. Kif is-soltu huwa l-każ għal argumenti bbażati fuq deroga, dan jista’ jiġi argumentat b’żewġ modi differenti (37). Għalhekk, jista’ jiġi argumentat bl-istess mod li, jekk Stati Membri jistgħu jbiddlu l-kriterju ta’ żamma ta’ sehem fil-kapital b’dak taż-żamma ta’ drittijiet tal-vot, dan għandu jfisser li normalment mhuwiex meħtieġ li jkollok drittijiet tal-vot sabiex tibbenefika mid-Direttiva. Għalhekk, ma nikkunsidrax li l-għażla fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tgħin fit-tweġiba tad-domanda rrinvjata fil-kawża preżenti.

 L-għażla tal-kliem tad-Direttiva

55.      Meta jagħti tifsira ta’ kumpannija parent, l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva jirreferi għal kumpannija li “jkollha sehem […] fil-kapital” ta’ kumpannija oħra li, jekk l-elementi l-oħrajn kollha tat-tifsira jkunu preżenti, tkun il-kumpannija sussidjarja tagħha. L-Artikolu 4 tad-Direttiva jistabbilixxi li l-obbligu li teżenta dividendi mit-taxxa jew li tawtorizza lill-kumpannija parent li tnaqqas taxxa mħallsa japplika meta kumpannija parent tirċievi profitti mqassma “bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha”. Franza, il-Greċja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, u r-Renju Unit jinvokaw il-kliem ta’ waħda jew iż-żewġ dispożizzjonijiet insostenn tal-pożizzjoni tagħhom.

56.      Naċċetta li jista’ jidher bħala anomalija l-fatt li jiġi kkunsidrat li l-possessur ta’ sempliċi dritt ta’ użufrutt għandu “sehem […] fil-kapital” ta’ kumpannija. Il-kapital ta’ kumpannija jiġi konvenzjonalment ikkostitwit mill-azzjonisti li jikkontribwixxu l-valur tal-ishma tagħhom. Madankollu, l-użufruttwarju ma kkontribwixxiex kapital.

57.      Bl-istess mod, jista’ jidher artifiċjali li wieħed jikkunsidra li l-possessur ta’ ishma f’kumpannija jirċievi dividendi “bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni” tiegħu mal-kumpannija. L-użufruttwarju m’għandu ebda assoċjazzjoni ġenwina mal-kumpannija; minflok, id-dritt tiegħu għal dividendi joriġina minn arranġament kuntrattwali mal-azzjonist legali.

58.      Madankollu, m’iniex konvint li ebda wieħed mill-argumenti msemmija iktar ’il fuq imur kontra l-interpretazzjoni tiegħi tad-Direttiva. Hija ġurisprudenza stabbilita li l-leġiżlazzjoni Komunitarja m’għandhiex tiġi interpretata biss abbażi tal-għażla tal-kliem, imma anki fid-dawl tal-iskema kollha kemm hi u l-għanijiet tas-sistema li tagħha hija parti (38). Iktar ’il fuq spjegajt x’nikkunsidra li huma l-iskema u l-għanijiet tad-Direttiva u għalfejn l-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet huma konsistenti magħhom. Il-kunċett ta’ “sehem […] fil-kapital” ta’ kumpannija u “assoċjazzjoni [ta’ kumpannija parent] mal-kumpannija sussidjarja tagħha” irid jinftihem f’dan il-kuntest, li mhuwiex – għal darb’oħra –kuntest ta’ liġi tal-kumpanniji.

59.      Inħoss li l-fehma tiegħi hija valida iktar u iktar minħabba l-estensjoni reċenti tal-iskop personali tad-Direttiva li ġiet effettwata mid-Direttiva 2003/123 (39). Diġà semmejt li d-Direttiva 2003/123 tnaqqas il-minimu ta’ ishma meħtieġ sabiex kumpannija parent tibbenefika mill-Artikolu 4(1). Barra minn dan, din testendi l-lista ta’ kumpanniji koperti bid-Direttiva dwar kumpanniji parent/sussidjarji sabiex tinkludi ċerti koperattivi, mutual companies, kumpanniji li mhumiex ibbażati fuq il-kapital, banek u assoċjazzjonijiet ta’ tifdil, fondi, u assoċjazzjonijiet b’attività kummerċjali. Evidentement huwa previst li azzjonist f’kumpannija bħal dawn jista’ jitqies bħala li jkollu “sehem […] fil-kapital [tagħha]”, u li tirċievi dividendi “bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tagħha” ma tali kumpannija, minkejja li ma jkollhiex sehem fil-kapital tal-kumpannija sussidjarja f’sens konvenzjonali. Bl-istess mod id-Direttiva 2003/123 temenda l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva dwar kumpanniji parent/sussidjarji sabiex tapplika fejn kumpannija parent jew l-istabbiliment permanenti tagħha, bis-saħħa tal-assoċjazzjoni tal-kumpannija parent mal-kumpannija sussidjarja, tirċievi profitti mqassma. Għal darb’oħra dan jissuġġerixxi li l-leġiżlatur ma jqiesx li din hija inkompatibbli mal-għan tad-Direttiva li Stati Membri jiġu obbligati jagħtu trattament fiskali vantaġġuż lil profitti li jiġu rċevuti f’sitwazzjonijiet minbarra r-relazzjoni konvenzjonali ta’ kumpannija parent/sussidjarja.

60.      Fl-aħħar nett, nenfasizza li l-analiżi mogħtija hawn fuq, fil-fehma tiegħi, ma tobbligax lill-Qorti tal-Ġustizzja tiżviluppa kunċett Komunitarju awtonomu tad-dritt tal-użufrutt. Li huwa importanti sabiex jiġi stabbilit l-iskop tal-applikazzjoni tad-Direttiva mhumiex il-proċessi preċiżi li sistema legali partikolari tippermetti lil azzjonist juża sabiex jikkonċepixxi varjazzjonijiet differenti tad-dritt ta’ proprjetà. Il-punt deċiżiv huwa pjuttost, kif issuġġeriet il-Kummissjoni, li kien hemm żamma ta’ ishma li tissodisfa d-diversi kriterji stabbiliti mid-Direttiva u li tħallas dividend bis-saħħa ta’ dik iż-żamma ta’ ishma.

 Id-Direttiva tista’ tiġi applikata għal dritt ta’ użufrutt?

61.      Spjegajt għalfejn nikkunsidra li d-Direttiva tobbliga lil Stati Membri sabiex jagħtu trattatament fiskali vantaġġuż lil dividendi li jiġu rċevuti minn kumpannija parent minn kumpannija sussidjarja li hija rregolata bl-Artikolu 4(1) f’sitwazzjoni fejn il-proprjetà tal-ishma fil-kumpannija sussidjarja tkun ġiet stakkata, sabiex b’hekk id-dividendi jiġu rċevuti minn kumpannija waħda bis-saħħa ta’ dritt ta’ użufrutt filwaqt li l-proprjetà legali tibqa’ għand kumpannija oħra. Abbażi ta’ dan, mhuwiex meħtieġ li tiġi mwieġba t-tieni parti tad-domanda rrinvjata bir-riformulazzjoni li jien issuġġerejt (40), jiġifieri jekk Stati Membri jistgħux madankollu meta jimplementaw id-Direttiva jestendu t-trattament fiskali vantaġġuż ta’ dividendi għall-possessur ta’ sempliċi dritt ta’ użufrutt ta’ ishma.

62.      Jekk, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja, kellha tieħu linja differenti minn dik li pproponejt hawn fuq, ikollha bżonn twieġeb għal din id-domanda tal-aħħar. Jekk huwa hekk, nikkunsidra li din id-domanda għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Dik il-konklużjoni tirriżulta b’mod ċar, fl-opinjoni tiegħi, mill-iskema tad-Direttiva. Kif indikajt iktar ’il fuq (41), peress li l-Artikolu 3(1)(a) jiddefinixxi kumpannija parent b’referenza għal, tal-inqas, kull kumpannija fis-sens tal-Artikolu 2 li għandha sehem minimu ta’ 25 %, huwa evidenti li l-Istati Membri għandhom l-għażla li jistabbilixxu tifsira iktar wiegħsa. Jien ma nara xejn li jimpedixxi lill-Istati Membri milli jifformulaw din it-tifsira sabiex tinkludi azzjonist użufruttwarju.

63.      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu din il-linja, imbagħad ikun imiss lill-qorti nazzjonali sabiex tiddeċiedi jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implementazzjoni inkwistjoni tiddefinixxix il-kunċett bħala punt ta’ liġi nazzjonali. Jista’ jiġi nnotat li l-Gvern Belġjan jiċħad riġorożament dan il-fatt.

 Konklużjoni

64.      Għar-raġunijiet mogħtija iktar ’il fuq, nikkunsidra li d-domanda rrinvjata mill-Cour d’appel de Liège għandha tingħata r-risposta segwenti:

“Id-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta' Stati Membri differenti tobbliga lill-Istati Membri jagħtu t-trattament fiskali vantaġġuż ta’ dividendi rċevuti minn kumpannija parent mingħand kumpannija sussidjarja li hija rregolata bl-Artikolu 4(1) f’sitwazzjoni fejn il-proprjetà tal-ishma fil-kumpannija sussidjarja ġiet stakkata, sabiex b’hekk dividendi jiġu rċevuti minn kumpannija waħda bis-saħħa ta’ dritt ta’ użufrutt filwaqt li l-proprjetà legali tibqa’ għand kumpannija oħra.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – (ĠU 1990 L 225, p. 6). Id-Direttiva ġiet sussegwentement emendata imma l-proċeduri legali prinċipali jikkonċernaw biss il-verżjoni oriġinali.


3 – Ara t-tielet premessa fil-preambolu. Il-preambolu huwa spjegat f’iktar dettal f’punti 44 u 45 iktar ’l isfel.


4 –      L-Artikolu 2 jiddefinixxi “kumpannija ta’ Stat Membru” bħala kumpannija li (a) tieħu waħda mill-għamliet elenkati; (b) hija residenti fi Stat Membru għall-għanijiet ta’ taxxa; u (ċ) hija suġġetta għal waħda min-numru tat-taxxi elenkati.


5 – Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003 li temenda d-Direttiva 90/435/KEE (ĠU 2004 L 7, p. 41).


6 – L-Artikoli 202, 204 u 205 tal-Code des impôts sur les revenus (Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul) 1992.


7 – L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva effettivament jawtorizza lill-Istati Membri li għażlu l-metodu tal-eżenzjoni sabiex jillimitaw l-eżenzjoni għall-95 % tad-dividendi rċevuti.


8 – Il-kwistjoni jekk sistema bħal din timplementax b’mod korrett id-Direttiva tinsab preżentement quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-138/07 Cobelfret, fejn ippreżentajt il-konklużjonijiet tiegħi fit-8 ta’ Mejju 2008.


9 – Moniteur belge tat-30 ta’ Lulju 1992, fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien rilevanti. L-Artikolu 202(2) ġie inserit (bħala Artikolu 203(2) u sussegwentement sar l-Artikolu 202(2)) permezz tal-Loi portant dispositions fiscales, financières et diverses (il-Liġi li fiha dispożizzjonijiet fiskali, finanzjarji u oħrajn varji), fit-28 ta’ Diċembru 1992, Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 1992, iċċitat mill-qorti tar-rinviju fir-rinviju tagħha (ara punt 18 iktar ’l isfel).


10 – Moniteur belge tal-10 ta’ April 1964.


11 – Loi du 23 octobre 1991 transposant en droit belge la Directive du Conseil des Communautés européennes du 23/07/1990 concernant le régime fiscal commun applicable aux sociétes mères et filiales, Moniteur belge tal-15 ta’ Novembru 1991.


12 – Liġi tal-24 ta’ Diċembru 2002, Moniteur belge tal-31 ta’ Diċembru 2002.


13 – Biex inżomm fil-qosor, ser nirreferi għall-possessur ta’ dritt ta’ użufrutt fuq ishma bħala “użufruttwarju” jew bħala “azzjonist użufruttwarju”, u għall-possessur tat-titolu legali ta’ dawk l-ishma bħala “l-proprjetarju legali” jew “azzjonist legali”.


14 – Sentenza tal-15 ta’ Mejju 2003, Salzmann, Kawża C-300/01, Ġabra I-4899, punt 28; sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI, Kawża C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 19.


15 – Sentenza tas-7 ta’ Jannar 2003, BIAO, C-306/99, Ġabra I-1, punt 88.


16 – Sentenza Salzmann, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 29; sentenza ETI, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 20.


17 – Sentenza tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 64.


18 – Sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, Kawżi magħquda C-297/88 u C-197/89, Ġabra I-3763, punt 37; tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, Kawża C-28/95, Ġabra I-4161, punt 32; tal-11 ta’ Jannar 1999, Kofisa Italia, C-1/99, Ġabra I-207, punt 37; u sentenza ETI, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 20.


19 – Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo, Kawżi magħquda C-320/90, C-321/90 u C-322/90, Ġabra I-393, punt 5.


20 – Sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Vaneetveld, Kawża C-316/93, Ġabra I-763, punt 13.


21 – Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, Kawża C-35/99, Ġabra I-1529, punti 28 u 29.


22 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


23 – Dan huwa l-każ ukoll fil-verżjonijiet oriġinali bil-Franċiż u l-Olandiż tal-Artikolu 202 u tad-Direttiva. Il-verżjoni Franċiża tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tagħmel referenza għal “toute société […] qui détient, dans le capital d'une société […], une participation […]” filwaqt li l-Artikolu 202(2) jistipula li “la société […] détienne dans le capital de la société […] une participation […]”. Il-verżjoni Olandiża tal-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva tagħmel referenza għal “iedere vennootschap […] die een deelneming […] bezit in het kapitaal van een vennootschap” filwaqt li l-Artikolu 202(2) jeħtieġ li “de vennootschap […] in het kapitaal van de vennootschap […] een deelneming bezit”.


24 – Sentenza tat-28 ta’ Marzu 1995, Kawża C-346/93, Ġabra I-615.


25 – B’riferiment partikolari għal Kleinwort Benson, ara s-sentenzi Leur-Bloem, punti 29 sa 31; Kofisa Italia, punti 29 u 30, it-tnejn iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18; u ETI, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 16 u 22. Fl-ebda waħda minn dawk il-kawżi l-Qorti tal-Ġustizzja ma segwiet l-approċċ li ħadet f’Kleinwort Benson.


26 – Ara l-punt 61 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża BIAO, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15.


27 – Ara, per eżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1994, Lamaire, Kawża C-130/93, Ġabra I-3215, punt 10.


28 – Ara, per eżempju, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, Kawża C-62/00, Ġabra I-6325, punt 32.


29 – Fuq is-suppożizzjoni – riflessa wkoll fid-diskussjoni li ssegwi – li l-elementi rilevanti l-oħra tat-tifsira mogħtija mid-Direttiva tar-relazzjoni kumpannija parent/sussidjarja huma preżenti.


30 – Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1996, Denkavit, Kawżi magħquda C-283/94, C-291/94 u C-292/94, Ġabra I-5063, punt 22.


31 – Sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2001, Athinaïki Zithopoiia, Kawża C-294/99, Ġabra I-6797, punt 25.


32 – Ibid., punt 5.


33 – Premessa 2.


34 – Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund, Kawża C-194/06, Ġabra p. I-3747, punt 32.


35 – Il-kunċett huwa użat fis-Seba’ Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji (is-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Lulju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (ĠU 1983 L 193, p. 1)), iżda joriġina mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar kontijiet ta’ gruppi ta’ kumpanniji. Rappreżentant tal-UK Department of Trade, mistoqsi quddiem il-UK House of Lords Select Committee jekk setax jingħata indikazzjoni dwar kif jaħdem il-kunċett fil-Ġermanja, wieġeb: “Għamilna sforzi konsiderevoli, inklużi li bgħatna uħud mill-kollegi tagħna fil-Ġermanja, sabiex jiddiskutu ma’ ditti ta’ accountants Brittaniċi li joperaw hemmhekk u ma’ Istituti Ġermaniżi ta’ Awdituri dwar kif taħdem is-sistema imma ma nistax ngħid li ksibna għarfien sodisfaċenti tas-sitwazzjoni jew li jista’ jkun utli għall-Kumitat. Ġie spjegat lilna li l-kunċett ta’ amministrazzjoni waħda u ċentrali hija bħal iljunfant fis-sens li wieħed jagħrfu meta wieħed jarah imma ma tistax tiddeskrivih. Jien ma nsibx li dan huwa ta’ ħafna għajnuna lanqas” (House of Lords Select Committee’s 25th Report (Sessjoni 1976-77, HL Paper 118) 11-12).


36 – Ara l-punt 6 iktar ’il fuq.


37 – Waqt is-seduta, ir-rikorrenti fil-fatt invokat l-istess deroga insostenn tal-pożizzjoni tagħha, billi argumentat li l-għażla għall-Istati Membri li jbiddlu l-kriterju tas-sehem fil-kapital b’dak ta’ żamma ta’ drittijiet tal-vot turi l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jagħmilha possibbli għall-persuna li teżerċita kontroll effettiv, anki – bħal fil-każ tar-rikorrenti – temporanjament, li tibbenefika mill-eżenzjoni mit-taxxa stabbilita mid-Direttiva.


38 – Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff, Kawża C-292/00, Ġabra I-389, punt 24. Din is-sentenza hija eżempju estrem ta’ din il-propożizzjoni.


39 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.


40 – Ara l-punt 41 iktar ’il fuq.


41 – Ara l-punt 6.