Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ppreżentati fit-12 ta’ Ġunju 20081(1)

Kawża C-288/07

The Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs

vs

Isle of Wight Council,

Mid-Suffolk District Council,

South Tyneside Metropolitan Borough Council,

West Berkshire District Council

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (England & Wales), (Chancery Division) (ir-Renju Unit)]

“Taxxa fuq il-valur miżjud – Attivitajiet imwettqa minn korpi rregolati mid-dritt pubbliku – Parking bi ħlas – Distorsjoni tal-kompetizzjoni”





1.        Il-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan ir-rinviju preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (2) (iktar’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), li jipprovdi li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar’il quddiem il-“VAT”) għall-attivitajiet li jwettqu fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi, sa fejn l-eżenzjoni tagħhom twassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa ukoll sabiex tippreċiża l-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga għar-regola li korpi rregolati mid-dritt pubbliku m’għandhomx ikunu suġġetti għall-VAT għall-attivitajiet li huma jwettqu fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi, regola stabbilita fl-ewwel subparagrafu tal-istess artikolu. Fi kliem ieħor, il-qorti Komunitarja għandha tippreċiża l-kriterji li jirregolaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ġenerali li l-attivitajiet ekonomiċi huma suġġetti għall-VAT.

I –    Il-kuntest ġuridiku, il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

2.        Il-proċedura fil-kawża prinċipali tirrigwarda l-ġestjoni minn erba’ awtoritajiet lokali tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, l-Isle of Wight Council, il-Mid-Suffolk District Council, is-South Tyneside Metropolitan Borough Council u l-West Berkshire District Council(3) ta’ postijiet ta’ parking għal vetturi. Is-settur privat jipprovdi servizzi simili f’kull waħda miż-żoni amministrati mill-awtoritajiet lokali.

3.        Storikament, il-kunsilli lokali kienu jitqiesu li huma suġġetti għall-VAT fuq il-ħlasijiet li jsiru mill-utenti ta’ dan it-tagħmir. Il-VAT kienet tiġi fatturata lill-klijenti u r-rikavat tat-taxxa kien jintbagħat lill-awtorità fiskali tar-Renju Unit.

4.        Madankollu, fuq il-bażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, il-konvenuti fil-kawża prinċipali jsostnu li għandhom dritt għal rimbors tal-VAT imħallsa qabel inkwantu, skont din id-dispożizzjoni: “Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra rregolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet”.

5.        Madankollu, l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jipprovdi, fis-subparagrafi segwenti, li f’ċerti ċirkustanzi dawn il-korpi jibqgħu suġġetti għall-VAT. Huwa jindika hekk:

“Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dan iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni.

F’kull każ, dawn il-korpi għandhom jitqiesu bħala taxxabbli fir-rigward tal-attivitajiet imsemmija fil-lista li hemm fl-Anness D, iżda li l-attivitajiet ma jkunux tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu.

Stati Membri jistgħu [j]qisu attivitajiet ta’ dawn il-korpi li jkunu eżenti bl-Artikolu 13 jew 28 bħala attivitajiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi”.

6.        Billi kienu tal-fehma li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet ta’ dawn id-diversi derogi għar-regola ta’ eżenzjoni għall-VAT, u fuq il-bażi tas-sentenza Fazenda Pública(4), l-awtoritajiet lokali talbu rimbors tal-VAT imħallsa wara s-sena 2000 lill-awtoritajiet fiskali kompetenti (il-Commissioners of Her Majesty’s Revenue & Customs, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali). Huma effettivament jikkunsidraw li l-eżenzjoni tagħhom ma twassal għal ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni u, a fortiori, għal ebda distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni, fiż-żoni li huma jamministraw.

7.        Il-Commissioners irrifjutaw li jagħtu r-rimbors. Wara li ġew milqugħa r-rikorsi ppreżentati quddiem il-VAT and Duties Tribunal mill-awtoritajiet lokali kontra din id-deċiżjoni, ir-rikorrenti ppreżentaw appell quddiem il-High Court of Justice (England & Wales), il-Chancery Division (Ir-Renju Unit), li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-espressjoni ‘distorsjoni [...] tal-kompetizzjoni’ għandha tiġi evalwata għal kull korp irregolat mid-dritt pubbliku b’mod li, fil-kuntest ta’ din il-kawża, hija għandha tiġi intepretata b’referenza għas-settur jew għas-setturi li fihom dan il-korp jopera żoni ta’ parking, jew b’referenza għat-territorju nazzjonali kollu tal-Istat Membru?

2)      Xi jfisser ‘iwassal’? B’mod partikolari, x’livell ta’ probabbiltà jew livell ta’ ċertezza huwa meħtieġ sabiex din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta?

3)       Xi tfisser l-espressjoni ‘sinifikanti’? B’mod partikolari, l-espressjoni ‘sinifikanti’ tirreferi għal effett fuq il-kompetizzjoni li aktar milli tant żgħir li ma jkollux għalfejn jitqies jew de minimis, huwa effett ‘notevoli’ jew effett ‘eċċezzjonali’?”

II – Analiżi ġuridika

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

8.        Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-ipoteżi msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva timplikax li l-possibbiltà ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-eżenzjoni ta’ korpi pubbliċi li jwettqu ċerti attivitajiet bħala awtoritajiet pubbliċi għandhiex tiġi evalwata fuq livell lokali, permezz ta’ definizzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fis-suq rilevanti, jew jekk għandhiex tiġi evalwata fir-rigward tal-attività kkonċernata weħidha.

1.      Osservazzjonijiet preliminari fuq l-istruttura tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

9.        Ir-risposta għall-ewwel domanda teħtieġ referenza fil-qosor għall-istruttura tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Ir-regola stabbilita minn din id-dispożizzjoni hija li l-korpi rregolati mid-dritt pubbliku mhumiex suġġetti għall-VAT meta huma jaġixxu fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi. B’deroga għal din ir-regola, li tinsab fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, huwa previst, fit-tieni subparagrafu tal-istess artikolu, li dawn il-korpi għandhom madankollu jkunu suġġetti għall-VAT jekk l-eżenzjoni tal-attivitajiet inkwistjoni twassal għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni. Din l-eċċezzjoni ġenerali hija barra minn hekk supplimentata mit-tielet subparagrafu li jistabbilixxi ċerti attivitajiet li għalihom il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku, minkejja li jwettqu dawn l-attivitajiet bħala awtoritajiet pubbliċi, jibqgħu dejjem suġġetti għall-VAT. Madankollu, sa fejn l-attivitajiet ikunu tant żgħar li ma jkollhomx għalfejn jitqiesu, l-Istati Membri jistgħu, jekk jixtiequ dan, jeżentawhom mill-VAT.

10.      Id-diversi subparagrafi tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva b’hekk huma relatati mill-qrib. Għaldaqstant, l-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni tippreżupponi li tinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni imsemmi fl-ewwel subparagrafu. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sens li timponi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-eżenzjoni. Jeħtieġ, minn naħa waħda, li l-attivitajiet ikunu mwettqa minn korp pubbliku u, min-naħa l-oħra, li l-imsemmija attivitajiet ikunu mwettqa minn dan il-korp li jaġixxi fil-kwalità tiegħu bħala awtorità pubblika. Sussegwentement ġie ppreċiżat li l-attivitajiet imsemmija huma dawk imwettqa minn dawn il-korpi fil-kuntest tas-sistema legali partikolari għalihom, ħlief għal dawk l-attivitajiet li huma jeżerċitaw fl-istess kundizzjonijiet legali bħall-operaturi ekonomiċi privati(5).

11.      Fuq din il-bażi u skont l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, huwa possibbli, fil-każ ineżami, li jiġu ssollevati dubji dwar jekk humiex issodisfati l-imsemmija kundizzjonijiet fir-rigward tal-provvista ta’ spazju għal parking mill-awtoritajiet lokali. B’mod aktar preċiż, mhuwiex ċert jekk il-provvista ta’ spazju għal parking li ma jinsabx fit-triq taqax taħt sistema legali partikolari għall-korp pubbliku. Madankollu, peress li l-qorti a quo ma rrinvjatx din id-domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u peress li l-verifika tat-twettiq ta’ dawn il-kundizzjonijiet taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali(6), mhuwiex utli li din il-kwistjoni tiġi eżaminata ulterjorment.

2.      L-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva

12.      Kif ġie rrilevat iktar’il fuq, il-kwistjoni ċentrali f’din il-kawża tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi dwar l-approċċ li għandu jiġi adottat sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni, kif imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, li toħloq deroga mill-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-ewwel subparagrafu tal-imsemmi artikolu għall-korpi rregolati mid-dritt pubbliku li jaġixxu fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi.

13.      Il-partijiet ma jaqblux fuq dan il-punt. Filwaqt li l-konvenuti prinċipali kif ukoll il-Gvern Taljan jargumentaw favur approċċ ibbażat fuq il-kompetizzjoni, li jippreżupponi analiżi konkreta u preliminari tas-suq rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk l-attività inkwistjoni għandhiex tkun suġġetta għall-VAT, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jesprimu l-preferenza tagħhom għal approċċ fiskali bbażat fuq l-attività inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-Renju Unit jinsisti fuq id-diffikultajiet sabiex jiġu applikati kriterji tal-kompetizzjoni fil-qasam fiskali. L-Irlanda tipprova tirrikonċilja dawn il-pożizzjonijiet billi tqis li dawn l-alternattivi huma għażla li għandha ssir skont id-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

14.      Kif ser jintwera, l-approċċ fiskali għandu jirbaħ. Effettivament, is-sistema fiskali stabbilita mis-Sitt Direttiva hija intenzjonata biex tissuġġetta għall-VAT l-attivitajiet ekonomiċi kollha. B’hekk, l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jgħid li huma suġġetti għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali kif ukoll l-importazzjoni ta’ oġġetti. Huwa biss b’deroga għal din ir-regola ġenerali li ċerti attivitajiet jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT. F’din il-perspettiva, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva jistipula li l-attivitajiet imwettqa minn korp pubbliku li jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika huma eżenti mill-VAT. Min-naħa l-oħra, anki meta l-kundizzjonijiet ta’ din l-eżenzjoni jkunu ssodisfati, il-leġiżlatur Komunitarju deherlu li huwa neċessarju, fit-tielet subparagrafu tal-istess artikolu, li ċerti attivitajiet minnhom xorta waħda jibqgħu suġġetti għall-VAT. Sa fejn l-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, irrispettivament mis-subparagrafu inkwistjoni, jikkonċerna l-istess korpi li jaġixxu fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi, l-unika ġustifikazzjoni għad-differenza fit-trattament fiskali tal-attivitajiet ikkonċernati applikata għal dawn id-diversi subparagrafi hija bbażata biss fuq id-differenza fin-natura ta’ dawn id-diversi attivitajiet. Din il-pożizzjoni hija kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrileva li l-introduzzjoni mill-ġdid tal-impożizzjoni tat-taxxa fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva hija intenzjonata biex tiggarantixxi li “ċerti kategoriji ta’ attivitajiet ekonomiċi li s-sinifikanza tagħhom tirriżulta mill-għan tagħhom ma jkunux suġġetti għall-VAT”(7).

15.      Effettivament, ir-raġuni bażilari tad-deroga għall-impożizzjoni tal-VAT fuq l-attivitajiet ekonomiċi, prevista fl-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, hija msejsa fuq il-preżunzjoni dgħajfa li l-attivitajiet imwettqa mill-korpi pubbliċi bħala awtoritajiet pubbliċi huma attivitajiet ta’ natura essenzjalment regolatorja marbuta ma’ l-użu tal-prerogattivi tal-poter pubbliku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżenzjoni ta’ dawn l-attivitajiet mill-VAT m’għandhiex effett potenzjali anti-kompetittiv fil-konfront tal-attivitajiet imwettqa mis-settur privat, peress li dawn ġeneralment jitwettqu fuq bażi esklużiva jew kważi esklużiva mis-settur pubbliku. B’hekk in-newtralità fiskali hija osservata.

16.      Madankollu, din il-preżunzjoni hija bbażata fuq preżunzjoni dgħajfa. Sa fejn id-definizzjoni ta’ korpi pubbliċi li jaġixxu fil-kwalità tagħhom bħala awtoritajiet pubbliċi, tibbaża ċertament fuq kriterji Komunitarji iżda tippedendi xorta waħda fuq l-organizzazzjoni interna ta’ kull Stat Membru, xorta jibqa’ probabbiltà kbira li uħud mill-attivitajiet imwettqa mill-imsemmija korpi pubbliċi jistgħu jiġu assenjati ukoll lis-settur privat. Attivitajiet ta’ natura essenzjalment ekonomika jistgħu effettivament jaqgħu taħt il-kundizzjonijiet tad-deroga, prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva, peress illi l-liġi nazzjonali jinkwadra l-intervent tal-korp pubbliku fil-kuntest ta’ “sistema legali partikolari għalih”, f’liema każ in-natura speċifika ta’ tali reġim twassal, b’mod konformi mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-kwalifikazzjoni ta’ attività eżerċitata bħala awtorità pubblika. Madankollu l-eżenzjoni ta’ tali attivitajiet, essenzjalment ekonomiċi, tista’ ssir sors ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni sa fejn dawn l-attivitajiet ikunu jew jistgħu ġeneralment jiġu eżerċitati, b’mod parallel jew prinċipalment, mis-settur privat. In-nuqqas ta’ intaxxar b’hekk iwassal għal distorsjoni tas-sistema tal-VAT, li hija bbażata qabel kollox fuq il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

17.      Hija prinċipalment din l-ipoteżi li l-leġiżlatur Komunitarju xtaq jevita meta pprovda fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li ċerti attivitajiet elenkati speċifikament fl-Anness D ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu suġġetti għall-VAT. Dawn l-attivitajiet jikkorrispondu għat-telekomunikazzjonijiet; għall-provvista tal-ilma, il-gass, l-elettriku u l-enerġija termika; it-trasport ta’ oġġetti; is-servizzi tal-port u l-ajruport; it-trasport tal-passiġġieri; il-provvista ta’ oġġetti ġodda fabbrikati għall-bejgħ; it-transazzjonijiet ta’ aġenziji ta’ intervenzjoni agrikola fir-rigward ta’ prodotti agrikoli mwettqa skont ir-Regolamenti fl-organizzazzjoni komuni tas-suq f’dawn il-prodotti; it-tmexxija ta’ fieri tal-kummerċ u esebizzjonijiet, il-magazzinaġġ; l-attivitajiet ta’ entitajiet pubbliċi kummerċjali; l-attivitajiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar ; it-tmexxija tal-ħwienet tal-impjegati, il-koperattivi u l-kantini industrijali u istituzzjonijiet simili ; u transazzjonijiet oħra barra dawk imsemmija fl-Artikolu 13A(1)(q) tas-Sitt Direttiva, ta’ entitajiet tar-radju u tat-televiżjoni. Minn qari ta’ dan is-subparagrafu, jidher ċar li l-impożizzjoni tat-taxxa tapplika indipendentement mill-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva jew potenzjali fil-livell ta’ ċerti swieq lokali li fihom dawk l-attivitajiet jistgħu ukoll jiġu eżerċitati minn korpi pubbliċi fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari għalihom. L-uniku fattur determinanti huwa n-natura tal-attività inkwistjoni.

18.      Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva li jistabbilixxi, bl-istess mod bħat-tielet subparagrafu ta’ dan l-artikolu, deroga għall-eżenzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li jsegwi l-istess loġika tat-tielet subparagrafu, jiġifieri: li jiġi stabbilit mill-ġdid il-prinċipju ta’ impożizzjoni tal-VAT għal attivitajiet ta’ natura ekonomika.

19.      F’din il-perspettiva, il-kriterju tad-distorsjoni tal-kompetizzjoni japplika biss biex jgħin lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti sabiex jiddeterminaw liema attivitajiet għandhom ikunu suġġetti għall-VAT u liema le. Il-kunċett ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ma jintużax bħala prinċipju regolatur ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi partikolari, bħal ma jiġri fil-każ ta’ akkordji jew l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti, iżda biss bħala kriterju inċidentali għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri għall-implementazzjoni tas-sistema tal-VAT sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw l-eżerċizzju ta’ liema attivitajiet għandhom jiġu suġġetti għall-VAT(8). Dan il-kriterju b’hekk jagħmel parti mill-politika fiskali Komunitarja, li għandha l-għan li tissuġġetta, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, l-attivitajiet ekonomiċi kollha għat-taxxa fuq il-valur miżjud.

20.      Barra minn hekk, dan l-approċċ biss jippermetti li jiġi ggarantit il-prinċipju ta’ simpliċità marbut mal-ħtieġa ta’ ċertezza legali fil-ġbir tat-taxxa. Dawn il-prinċipji jkunu serjament ippreġudikati kieku kellha ssir analiżi każ b’każ tas-sitwazzjonijiet kompetittivi fis-swieq rilevanti. Fuq din il-bażi u inċidentalment, l-approċċ adottat għandu ukoll il-vantaġġ li jevita spejjeż amministrattivi kbar għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

21.      Minbarra dan, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija rrikonoxxuta lilhom fl-implementazjoni ta’ din id-dispożizzjoni (9), biex jiddeterminaw skont l-attivitajiet ikkonċernati jekk jeżistix riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jeżerċitawhom bħala awtoritajiet pubbliċi li ma kinux suġġetti għall-VAT.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

22.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-espressjoni “iwassal għal distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni” li tinsab fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Hija tixtieq tkun taf jekk din id-dispożizzjoni tkoprix biss il-kompetizzjoni effettiva jew jekk tapplikax ukoll għall-kompetizzjoni potenzjali.

23.      Il-punt dwar jekk għandhiex tiġi kkunsidrata l-kompetizzjoni potenzjali jirriżulta loġikament mill-interpretazzjoni adottata fil-kuntest tal-ewwel domanda. Effettivament, inkwantu għandha tiġi adottata evalwazzjoni skont l-attività, is-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fuq suq lokali hija ftit li xejn rilevanti.

24.      Fuq kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppreċiżat li t-tieni subparagrafu, tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva “b’hekk jipprevedi, bil-għan li jiżgura n-newtralità tat-taxxa, li huwa l-għan prinċipali tas-Sitt Direttiva, is-sitwazzjoni fejn il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jwettqu, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari għalihom, attivitajiet li jistgħu jitwettqu ukoll, f’kompetizzjoni magħhom, minn individwi taħt sistema ta’ dritt privat jew ukoll fuq il-bażi ta’ konċessjonijiet amministrattivi”(10). Iżda kieku kellha tiġi kkunsidrata l-kompetizzjoni effettiva biss, in-newtralità fiskali ma tibqax ippreżervata inkwantu l-unika kompetizzjoni effettiva teskludi l-kunsiderazzjoni ta’ dħul fil-ġejjieni jew fl-immedjat, ta’ ċerti operaturi privati li f’kull ipoteżi jkunu suġġetti għall-VAT. F’dawn il-kundizzjonijiet jidher għaldaqstant ċar li l-eżenzjoni tal-operaturi pubbliċi li jeżerċitaw l-istess attività bħall-operaturi privati, li huma suġġetti għall-VAT, tista’ twassal għal distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni.

25.      Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali Kokott “[i]r-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jista’ jkun reali anki jekk fil-preżent l-ebda kompetitur m’hu qed joffri provvisti kompetittivi li huma suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud. Punt tat-tluq ta’ żvantaġġ jista’ fih innifsu jiskoraġġixxi kompetituri potenzjali milli jsiru attivi fis-suq […]” (11).

26.      Għaldaqstant, u b’mod konformi mal-pożizzjoni difiża mill-Kummissjoni, l-espressjoni “iwassal” għandha tinftiehem bħala li tinkludi kemm il-kompetizzjoni effettiva kif ukoll il-kompetizzjoni potenzjali, kemm-il darba din tal-aħħar tkun reali.

C –    Fuq it-tielet domanda preliminari

27.      It-tielet domanda tal-qorti nazzjonali tirrigwarda t-tifsira tal-espressjoni “distorsjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni”(12). Din l-espressjoni tirreferi għal effett fuq il-kompetizzjoni li mhuwiex tant żgħir li ma jkollux għajfejn jitqies jew sempliċement effett “eċċezzjonali” li jmur lil hinn mid-distorsjonijiet li normalment jirriżultaw mill-koeżistenza fl-istess suq ta’ fornituri li huma ntaxxati u oħrajn li mhumiex?

28.      Ikolli nammetti li l-ewwel istint tiegħi huwa li nwieġeb: la waħda u lanqas l-oħra. Mingħajr dubju hija preċiżament l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju meta għażel li juża’ t-terminu “sinifikanti” li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni tkun aktar minn tant żgħira li ma jkollhiex għalfejn titqies mingħajr madankollu ma tkun eċċezzjonali. F’dan ir-rigward, ir-risposta li tista’ tingħata għal din id-domanda tfakkarna fil-kumment ta’ Bernard Shaw li kien qal “l-aktar domanda diffiċli biex wieħed jirrispondi hija dik li r-risposta tagħha tkun evidenti”.

29.      Effettivament, ir-riskju li jinħoloq meta tiġi ssostitwita kelma b’oħra hu li tintgħażel espressjoni li tkun ukoll ekwivoka. Fil-fehma tiegħi huwa aktar rilevanti li nibdew billi nirrikonoxxu l-limiti tal-interpretazzjoni ta’ ċerti kunċetti, li fir-realtà ma jistgħux jiġu ppredeterminati permezz ta’ interpretazzjoni ġenerali u astratta. Dawn jakkwistaw it-tifsira sħiħa u totali tagħhom biss fil-mument meta jsiru konkreti, każ b’każ, u fid-dawl tal-għanijiet tat-test li fih ikunu jinsabu. F’din il-perspettiva u fil-kuntest preżenti, l-interpretazzjoni tal-kunċett “sinifikanti” għandha tikkunsidra l-marġni ta’ diskrezzjoni li s-Sitt Direttiva tagħti lill-Istati Membri biex jiddeterminaw dak li tkopri din l-espressjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħha(13).

30.      Barra minn hekk, spiss l-interpretazzjoni ta’ tali kunċett tista’ tiġi stabbilita biss permezz ta’ definizzjoni negattiva li turi aktar dak li mhuwiex aktar milli dak li hu. Fuq din il-bażi u kif ġie enfasizzat iktar’il fuq, id-diversi subparagrafi tal-Artikolu 4(5) huma strettament relatati b’mod illi l-interpretazzjoni ta’ wieħed minnhom ma tistax isir b’mod iżolat minn dik tas-subparagrafi l-oħrajn. B’hekk, jekk jiġi kkunsidrat li l-użu biss tal-prerogattivi tal-poter pubbliku, li jikkaratterizzaw l-attività bħala attività ta’ awtorità li taġixxi fil-kwalità tagħha ta’ awtorità pubblika, huwa biżżejjed biex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ kull distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod partikolari fir-rigward ta’ operaturi privati, dan iwassal biex jintilef l-effett utli tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Bl-istess mod, l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT favur il-korp li jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika ma titstax tiġi kkunsidrata fiha nnifisha li timplika distorsjoni tal-kompetizzjoni li tiġġustifika l-impożizzjoni tal-VAT abbażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Effettivament, hija biss id-distorsjoni sinjifikattiva tal-kompetizzjoni li għandha tagħti lok għall-ħlas tat-taxxa mill-korp li jaġixxi fil-kwalità ta’ awtorità pubblika, peress li f’każ kuntrarju jintilef l-effett utli tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Kull interpretazzjoni oħra toħloq ir-riskju li prattikament jiġu inklużi l-operazzjonijiet jew l-attivitajiet kollha mwettqa minn awtorità pubblika, li taġixxi bħala tali, fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga għar-regola ta’ eżenzjoni mill-VAT ta’ tali korpi.

31.      L-espressjoni “sinifikanti” timplika li d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, mingħajr ma tkun la tant żgħira li ma jkollhiex għalfejn titqies u lanqas eċċezzjonali, għandha tmur lil hinn minn dak li huwa komuni. Kull definizzjoni konkreta oħra tal-kunċett mhijiex possibbli ħlief każ b’każ u fid-dawl tal-għanijiet tas-Sitt Direttiva li ġew ippreċiżati fl-ewwel parti tal-konklużjonijiet preżenti. Barra minn hekk, għandu jiġi konkluż ukoll fuq dan il-punt li l-interpretazzjoni ta’ tali kunċett tirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri peress li din tista’ tieħu s-sinjifikat tagħha biss mill-kuntest tal-applikazzjoni tagħha kemm-il darba din l-interpretazzjoni tirrispetta l-għanijiet tad-direttiva, kif ġew ippreċiżati.

III – Konklużjonijiet

32.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula kif ġej:

“1)      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li huma l-Istati Membri, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni li hija rrikonoxxuta lilhom fl-implementazjoni ta’ din id-dispożizzjoni, biex jiddeterminaw skont l-attivitajiet ikkonċernati jekk jeżistix riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni jekk il-korpi rregolati mid-dritt pubbliku jeżerċitawhom bħala awtoritajiet pubbliċi li ma kinux suġġetti għall-VAT

2)      L-espressjoni “iwassal” għandha tinftiehem bħala li tinkludi kemm il-kompetizzjoni effettiva kif ukoll il-kompetizzjoni potenzjali, kemm-il darba din tal-aħħar tkun reali.

3)      L-espressjoni “sinifikanti” timplika li d-distorsjoni ta’ kompetizzjoni, mingħajr ma tkun la tant żgħira li ma jkollhiex għalfejn titqies u lanqas eċċezzjonali, għandha tmur lil hinn minn dak li huwa ordinarju. L-interpretazzjoni ta’ tali kunċett tirriżulta mill-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri peress li din tista’ tieħu s-sinjifikat tagħha biss mill-kuntest tal-applikazzjoni tagħha kemm-il darba din l-interpretazzjoni tirrispetta l-għanijiet tad-Direttiva 77/388, hekk kif ġew ippreċiżati.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 145, p. 1. Din id-direttiva ġiet emendata diversi drabi u ġiet imħassra bid-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 347, p. 1). Din l-aħħar Direttiva tirriproduċi litteralment, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1), id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva. Bl-istess mod, l-Anness D msemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(5) sar l-Anness I tad-Direttiva 2006/112.


3 – Iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet lokali” jew il-“konvenuti prinċipali”.


4 – Sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2000, (C-446/98, Ġabra p. I-11435).


5 – Sentenza Fazenda Pública, iċċitata iktar ’il fuq (punti 16 u 17).


6 – Sentenza tas-17 ta’ Ottubru 1989, Comune di Carpaneto Piacentino et “Carpaneto I” (231/87 u 129/88, Ġabra p. 3233, punt 16), u s-sentenza Fazenda Pública, iċċitata iktar ’il fuq (punti 23).


7 – Sentenza Carpaneto I, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26). Enfasi miżjuda mill-awtur.


8 – Ara wkoll f’dan is-sens il-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-punti 14 u 15 tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Comune di Carpaneto Piacentino et, “Carpaneto II” (sentenza tal-15 ta’ Mejju 1990, C-4/89, Ġabra p. I-1869).


9 – Għal konferma ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri, ara b’mod partikolari s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Carpaneto I (punt 23); Carpaneto II (punt 13), u Fazenda Pública (punti 31 u 32). Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-marġni ta’ diskrezzjoni rrikonoxxut lill-Istati huwa saħansitra iktar estiż fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT milli għat-traspożizzjoni tat-tielet subparagrafu fejn l-attivitajiet, li fil-prinċipju għandhom ikunu suġġetti għall-VAT, huma ddefiniti minn qabel mil-leġiżlatur Komunitarju.


10 – Sentenza Carpaneto I, iċċitata iktar ’il fuq (punt 22). L-għan ta’ newtralità fiskali ta’ dan is-subparagrafu ġie mfakkar b’mod kostanti; ara, l-iktar reċentement, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, Feuerbestattungsverein Halle (C-430/04, Ġabra p. I-4999, punt 24).


11 – Punt 131 tal-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża li tat lok għas-sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, Hutchison 3G et (C-369/04, Ġabra p. I-5247).


12 – Enfasi tal-awtur.


13 – Għal raġunament simili, ara b’mod partikolari s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2000, Océano Grupo Editorial u Salvat Editores (C-240/98 sa C-244/98, Ġabra p. I-4941, punti 25 et seq)