Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Mazák

ippreżentati fis-17 ta’ Ġunju 2008 (1)

Kawża C-291/07

Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet

vs

Skatteverket

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten (Żvezja)]

“Fiskalità — VAT — Direttivi 77/388/CEE et 2006/112/CE — Post tal-provvista — Servizzi ta’ konsulent — Fondazzjoni nazzjonali li teżerċita attività ekonomika u attività li mhijiex ekonomika — Attività li mhijiex ekonomika u li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi”





1.        Permezz ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, ir-Regeringsrätten (Qorti amministrattiva suprema) (Żvezja) titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej sabiex tinterpreta l-Artikoli 9(2)(e) u u 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (2), kif ukoll l-Artikoli 56(1)(ċ) u 196 tad-Direttiva 2006/112 (3) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet ikkontestati”). Il-kawża prinċipali tirrigwarda parzjalment il-perijodi ta’ kontabbiltà li għalihom huma applikabbli d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva u parzjalment il-perijodi ta’ kontabbiltà li għalihom huma applikabbli d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112.

2.        Il-kawża prinċipali tirrigwarda fondazzjoni Żvediża, li teżerċita kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet oħrajn, u li tixtieq tikseb servizzi ta’ konsulent mid-Danimarka. Il-qorti tar-rinviju titlob li jiġi ppreċiżat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, jekk il-fondazzjoni hijiex persuna taxxabbli minkejja li s-servizzi huma użati biss għall-attivitajiet tagħha li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Dritt Komunitarju

3.        L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li huma suġġetti għall-VAT “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4.        L-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li hija persuna taxxabbli “kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività”. L-Artikolu 4(2) jipprovdi li l-“attivitajiet ekonomikiċi […huma] l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizzi]”.

5.        L-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva, rigward il-post tal-provvista tas-servizzi, jipprovdi li ġej:

“1. Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

2. Iżda:

[…]

e)      il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

—      servizzi ta’ konsulenti, enġiniera, uffiċji ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data u l-għoti ta’ informazzjoni”.

6.        Skont l-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva, il-VAT hija dovuta minn:

“persuni għal min is-servizzi koperti minn l-Artikolu 9(2)(e) huma fornuti u mwettqa minn persuna taxxabbli residenti barra. Madanakollu, Stati Membri jistgħu jeħtieġu li l-fornitur tas-servizzi jkun in solidum responsabbli għall-ħlas tat-taxxa”.

7.        L-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li t-tranżazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-VAT: “il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

8.        L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet […] fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’.”

9.        L-Artikolu 56(1) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Il-post ta’ provvista tas-servizzi li ġejjin lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:

[…]

c)      servizzi ta’ konsulenti, enġiniera, uffiċji ta’ konsulenza, avukati, accountants u servizzi simili, kif ukoll l-ipproċessar ta’ data u l-provvista ta’ informazzjoni”.

10.      Fl-aħħarnett, l-Artikolu 196 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna taxxabbli li lilha ikunu ġew ipprovduti s-servizzi msemmija fl-Artikolu 56 […]”.

B –    Dritt nazzjonali

11.      L-ewwel Artikolu tal-ewwel Kapitolu tal-liġi “medvärdesskattelagen (1994:200)” [liġi Nru 200 tal-1994 dwar il-VAT] (iktar ’il quddiem il-“liġi ML”) jipprovdi li l-provvisti ta’ oġġetti u l-provvisti ta’ servizzi fit-territorju mwettqa fil-kuntest ta’ attività professjonali (4) huma suġġetti għall-VAT.

12.      L-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 tal-liġi ML jipprovdi li ċerti provvisti ta’ servizzi, li huma speċifikati fl-imsemmi artikolu, b’mod partikolari dawk ta’ konsulenza, ipprovduti minn fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, jitqiesu bħala pprovduti fit-territorju tal-pajjiż jekk dak li jirċievi s-servizzi huwa kummerċjant li għandu, fl-Iżvezja, is-sede tal-attività ekonomika tiegħu jew jekk huwa għandu, fl-Iżvezja, stabbiliment stabbli li għalih jiġu pprovduti s-servizzi jew, fin-nuqqas ta’ dan, id-domiċilju tiegħu jew ir-residenza normali tiegħu. Jekk il-fornitur tas-servizzi ta’ konsulenza li huma suġġetti għall-VAT u li jitwettqu fit-territorju tal-pajjiż huwa kumpannija barranija, il-VAT hija dovuta minn dak li jirċievi s-servizzi b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tal-Kapitolu 1 tal-liġi ML (5).

13.      Il-liġi ML ma tiddefinixxix “kummerċjant”. L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 4 tal-imsemmija liġi jipprovdi li “attività professjonali” tfisser attività ekonomika kummerċjali u remunerazzjoni minn tranżazzjonijiet imwettqa fil-kuntest tal-imsemmija attività ta’ ammont ogħla minn 30 000 SEK matul sena finanzjarja. Mill-Artikolu 1 tal-Kapitolu 13 tal-liġi “inkomstskattelagen” [liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul] jirriżulta li, attività ekonomika tfisser kull attività indipendenti bi qligħ eżerċitata taħt titolu professjonali.

II – Il-fatti, il-proċedura u d-domanda mressqa għal deċiżjoni preliminari

14.      Il-kawża prinċipali tikkonċerna fondazzjoni stabbilita fuq il-bażi ta’ konvenzjonijiet kollettivi msejħa “Kollektivavtalsstiftelsen TRR Trygghetsrådet” [bidu mill-ġdid – kunsill ta’ għajnuna u ta’ sostenn għall-persuni vittmi ta’ tkeċċija] [iktar ’il quddiem “TRR”], imwaqqfa fl-1994 mill-i“Svenska Arbetsgivareföreningen” (konfederazzjoni Żvediża ta’ dawk li jħaddmu, illum “Svenskt Näringsliv”) u mill-“Privattjänstemannakartellen” [sindakat tal-impjegati fl-industrija u fis-servizzi].

15.      L-istatuti ta’ TRR jipprovdu li l-għanijiet tagħha huma, minn naħa, li tħallas il-kumpens għal tkeċċija u li tippromwovi kull miżura li hija tali li tiffaċilita t-trasferiment għal impjieg ġdid ta’ impjegati li, għal raġunijiet speċifiċi, ġew imkeċċija jew huma f’tali riskju, u, min-naħa l-oħra, tagħti pariri u toffri assistenza lill-impriżi li huma, jew għandhom mnejn ikunu, f’sitwazzjoni ta’ impjegati żejda u sabiex tippromwovi t-taħriġ tal-impriżi fil-qasam tar-riżorsi umani. Il-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ TRR huma ddefiniti b’mod iktar preċiż f’kuntratt bejn Svenskt Näringsliv u Privattjänstemannakartellen, imsejjaħ “ftehim ta’ tranżizzjoni” (“Omställningsavtalet”).

16.      L-attivitajiet huma ffinanzjati mill-ħlas, minn dawk li jħaddmu li huma partijiet fil-ftehim, ta’ kontribut li jirrappreżenta perċentwali mir-remunerazzjonijiet imħallsin lill-impjegati koperti mill-imsemmi ftehim. Dawk li jħaddmu li huma marbutin mal-ftehim ta’ tranżizzjoni permezz ta’ ftehim imsejjaħ “ta’ rabta” iħallsu kontribut annwali fiss. Minbarra l-attivitajiet irregolati permezz tal-ftehim ta’ tranżizzjoni, TRR hija rreġistrata bħala taxxabbli għall-VAT għas-servizzi pprovduti lill-impriżi li jwettqu “outsourcing”. L-attività li hija suġġetta għat-taxxa tirrappreżenta madwar 5 % tad-dħul tagħha.

17.      TRR beħsiebha tibbenefika mill-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza mogħtija b’mod partikolari minn fornitur stabbilit fid-Danimarka, li se jintużaw esklużivament għall-attivitajiet li TRR teżerċita fil-kuntest tal-ftehim ta’ tranżizzjoni. Sabiex tiċċara l-konsegwenzi fiskali ta’ din it-tranżazzjoni, TRR talbet deċiżjoni preliminari mill-iSkatterättsnämnden (Kunsill tad-dritt fiskali) dwar jekk l-attivitajiet li hija teżerċita fil-kuntest tal-ftehim ta’ tranżizzjoni humiex attivitajiet professjonali u jekk hija għandhiex titqies bħala kummerċjant fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 tal-liġi ML.

18.      B’deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2006, l-iSkatterättsnämnden wieġbet li, minn naħa, l-attivitajiet eżerċitati fil-kuntest tal-ftehim ta’ tranżizzjoni ma kinux jikkostitwixxu, għal TRR, provvisti ta’ servizzi fil-kuntest ta’ attività professjonali, u li, min-naħa l-oħra, TRR kellha titqies bħala kummerċjant fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 tal-liġi ML.

19.      TRR ippreżentat rikors mid-deċiżjoni tal-iSkatterättsnämnden u titlob lir-Regeringsrätten sabiex tiddikjara li hija mhijiex kummerċjant fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 tal-liġi ML. L-iSkatteverket (amministrazzjoni lokali tat-taxxa) titlob li r-Regeringsrätten tikkonferma d-deċiżjoni kkontestata.

20.      Insostenn tar-rikors tagħha, TRR issostni, fost l-oħrajn, li reġistrazzjoni inkwantu persuna taxxabbli għall-VAT m’għandhiex, minnha nfisha, l-effett li l-persuna taxxabbli titqies f’kull każ bħala kummerċjant fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Kapitolu 5 tal-liġi ML. Fil-każ ta’ xiri magħmul għall-attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, TRR mhijiex kummerċjant fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Id-dispożizzjoni korrispondenti tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 9(2)(e) ma tirreferix għall-kunċett ta’ kummerċjant iżda għal dak ta’ persuna taxxabbli.

21.      Ir-Regeringsrätten hija tal-fehma li l-kawża prinċipali titlob l-interpretazzjoni tal-kunċetti “persuna taxxabbli” u “persuna suġġetta li tħallas it-taxxa” fid-dritt Komunitarju għall-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva 2006/112. Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” tas-Sitt Direttiva ġie ppreċiżat mill-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi sentenzi. Min-naħa l-oħra, hija għadha ma ddikjaratx ruħha fuq l-interpretazzjoni ta’ dan il-kunċett għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9(2)(e) ta’ din l-istess direttiva f’każ konkret bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

22.      Filwaqt li qieset li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva 2006/112 mhumiex preċiżi u filwaqt li kkonstatat li l-kwistjoni għadha ma tressqitx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regeringsrätten iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq id-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 9(2)(e) u u 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva, kif ukoll l-Artikoli 56(1)(ċ) u 196 tad-[Direttiva 2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li, għall-applikazzjoni tagħhom, dak li jirċievi servizzi mingħand persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor, u li jeżerċita fl-istess waqt attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għandu jitqies bħala persuna taxxabbli, anki jekk l-imsemmija provvista hija użata biss għal dawn l-attivitajiet tal-aħħar?”

23.      Il-Qorti tal-Ġustizzja rċeviet osservazzjonijiet mill-iSkatteverket, mill-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Greċja, tal-Italja u tal-Polonja, kif ukoll mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej. Il-partijiet ma talbux smigħ u dan ma ngħatax.

III – Evalwazzjoni

A –    Motivi u talbiet tal-partijiet

24.      TRR ma ressqitx osservazzjonijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

25.      Skont l-iSkatteverket, l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva, u l-Artikolu 56(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112 ma jeżiġux li l-ksib isir mill-persuna taxxabbli inkwantu tali jew li jsir fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħha. Barra minn hekk, il-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jeżiġux li dak li jirċievi s-servizzi jaġixxi bħala persuna taxxabbli huwa konformi mal-għan taż-żewġ direttivi.

26.      L-iSkatteverket issostni li, għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, persuna taxxabbli għandha titqies bħala tali, indipendentement mill-għan tal-provvista tas-servizz miksub. Għaldaqstant, fil-każ ta’ provvisti ta’ servizzi mixtrija minn TRR fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-provvista għandha titqies bħala waħda li saret fl-Iżvezja. Għaldaqstant TRR għandha tiddikjara u tħallas il-VAT lill-awtorità Żvediża tat-taxxa. Madankollu, il-provvisti ta’ servizzi mingħajr rabta mal-attivitajiet ekonomiċi ta’ TRR ma jagħtux lok għal dritt ta’ tnaqqis tal-VAT.

27.      Il-Gvernijiet tal-Ġermanja, tal-Polonja u tal-Greċja, kif ukoll il-Kummissjoni, sostnew argumenti fis-sens ta’ dawk sostnuti mill-iSkatteverket. Essenzjalment, huma jitolbu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu interpretati fis-sens li dak li jirċievi l-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza minn persuna li hija suġġetta li tħallas it-taxxa u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta dak li jirċievi l-provvista jeżerċita kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll atttivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi, għandu jitqies bħala persuna taxxabbli, anki jekk l-imsemmija provvista ta’ servizzi tintuża biss għall-attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi.

28.      Madankollu, il-Gvern Taljan jitlob, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhom jiġu interpretati fis-sens li dak li jirċievi l-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza minn persuna taxxabbli li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta dak li jirċievi l-provvista jeżerċita kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi, għandu jitqies bħala konsumatur finali jekk l-imsemmija provvista ta’ servizz hija użata biss għall-attivitajiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi.

B –    Eżami

29.      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dak li jirċievi l-provvista ta’ servizzi minn persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa u li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, meta dak li jirċievi l-provvista ta’ servizzi jeżerċita kemm attivitajiet ekonomiċi kif ukoll attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi, għandux jitqies bħala persuna taxxabbli, anki jekk l-imsemmiija provvista ta’ servizz tintuża biss għall-attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi.

30.      Fid-dawl tal-fatt li l-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti taż-żewġ Direttivi huwa kważi identiku, u għal raġunijiet ta’ ċarezza, ser isir riferiment għas-Sitt Direttiva biss (6).

31.      Skont l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, “persuna taxxabbli” tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq attività ekonomika msemmija fil-paragrafu tal-istess artikolu. L-Artikolu 4(2) jiddefinixxi l-kunċett ta’ “attività ekonomika” bħala wieħed li jinkludi l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [servizzi].

32.      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva jagħti kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ħafna lill-VAT, li jkopri l-istadji kollha tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-provvista ta’ servizzi (7). Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, fid-dawl tal-għan tas-Sitt Direttiva – li huwa, b’mod partikolari, li tinħoloq sistema komuni ta’ VAT ibbażata fuq definizzjoni uniformi tal-kunċett “persuna taxxabbli” – din il-kwalità għandha tiġi evalwata esklużivament fuq il-bażi tal-kriterji msemmijin fl-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva (8).

33.      Għaldaqstant il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li persuna taxxabbli hija persuna li eżerċitat attività ekonomika indipendenti fis-sens tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva, minkejja li din l-attività ekonomika hija biss anċillari (9). Persuna tista’ titqies bħala taxxabbli skont l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva anki jekk, bħalma huwa l-każ ta’ TRR, parti importanti tal-attività tagħha tinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

34.      Fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach (iktar ’il quddiem, is-sentenza “Gillan Beach”), ġie mfakkar li “l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva jinkludi regoli li jistabbilixxu l-post ta’ rabta fiskali tal-provvisti ta’ servizzi. Filwaqt li l-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu jippreskrivi, f’dan ir-rigward, regola ta’ natura ġenerali, it-tieni paragrafu tal-istess Artikolu jelenka serje ta’ rabtiet speċifiċi. L-għan ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta’ kompetenzi li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ tassazzjoni fuq id-dħul”(10).

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tgħid, fl-istess sentenza, li “għandu jiġi mfakkar li, għal dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjoni bejn l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma teżisti l-ebda preminenza tal-Artikolu 9(1) fuq l-Artikolu 9(2). F’kull sitwazzjoni, id-domanda li tqum hija jekk din tal-aħħar hijiex koperta minn wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 9(2) tal-imsemmija direttiva. Fin-nuqqas ta’ dan, hija taqa’ taħt l-Artikolu 9(1)” (11).

36.      Għaldaqstant l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għar-regola stabbilita mill-ewwel paragrafu tal-imsemmi artikolu u huwa m’għandux ikun suġġett għal interpretazzjoni stretta.

37.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fis-sentenza Gillan Beach, li “[g]ħall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, għandu jiġi kkunsidrat mhux biss il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, iżda wkoll il-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u l-għanijiet tar-regolament li minnha hija tifforma parti” (12). B’dan il-mod, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jinżamm inkunsiderazzjoni li l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi regola ta’ kunflitt li tistabbilixxi l-post ta’ tassazzjoni ta’ servizzi u li, għaldaqstant, il-limitazzjoni tal-kompetenzi tal-Istati Membri. Hawnhekk nosserva li l-kunċett ta’ “servizzi ta’ konsulenti” huwa kunċett ta’ dritt Komunitarju li jitlob interpretazzjoni uniformi sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja jew ta’ nuqqas ta’ tassazzjoni (13).

38.      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva ma jispeċifikax jekk persuna taxxabbli, li tirċievi provvista ta’ servizzi, għandhiex tikseb din il-provvista għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika tagħha (14): barra minn hekk, din id-dispożizzjoni ma tinkludi xejn li jindika li tali fatt huwa determinanti għall-bżonnijiet tal-applikazzjoni tagħha.

39.      Madankollu, kif tenfasizza ġustament il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jgħid b’mod espliċitu li l-provvista ta’ oġġetti u servizzi, magħmulin bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li “taġixxi bħala tali” huma suġġetti għat-taxxa. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi espliċitament li d-dritt għal tnaqqis mill-input tax huwa rikonoxxut sa fejn l-oġġetti u s-servizzi jintużaw għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli (15).

40.      Madankollu, filwaqt li l-Artikoli 2(1) u 17(2) tas-Sitt Direttiva jirreferu espliċitament għall-persuna taxxabbli li “taġixxi bħala tali” jew provvisti ta’ servizzi għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, l-Artikolu 9(2)(e) tagħha ma jinkludix tali preċiżjoni. Fil-fehma tiegħi, dan ma huwa, bl-ebda mod, nuqqas tal-leġiżlatur Komunitarju, Bil-kontra, in-nuqqas ta’ riferiment, fl-Artikolu 9(2)(e) għall-attività ekonomika, għal persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali jew għal tranżazzjonijiet taxxabbli jfisser li, għall-istabbiliment tal-post fejn titwettaq il-provvista ta’ servizz, il-fatt li l-klijent jeżerċita, barra minn hekk, attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (16).

41.      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati hija konformi mal-interessi ta’ sempliċità ta’ ġestjoni (tar-regoli dwar il-post tal-provvista ta’ servizz), ta’ ġbir tat-taxxa u ta’ prevenzjoni tal-evażjoni fiskali (17). Huwa minnu li, kif l-iSkatteverket tenfasizza ġustament, jekk dak li jirċievi l-provvista ta’ servizzi kellu jaġixxi bħala persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali jew jekk il-provvista ta’ servizz kellha tintuża għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, tali rekwiżit ikun tali li jrendi l-istabbiliment tal-post tal-provvista ta’ servizzi, f’ħafna każijiet, wisq iktar diffiċli, kemm għall-impriżi kif ukoll għall-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri kkonċernati (18).

42.      Barra minn hekk, mill-perspettiva tal-aspetti prattiċi (19) ta’ tali interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, fil-każ ta’ persuna li tirċievi servizzi ta’ konsulent, it-taxxa hija dovuta meta l-imsemmija persuna tibgħat id-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT lill-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru fejn hija stabbilita. Peress li hija persuna taxxabbli, hija ma tistax tkun diġà rreġistrata f’dan l-Istat Membru għall-bżonnijiet tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Barra minn hekk, jekk il-provvisti ta’ servizzi jsiru għall-attività ekonomika tagħha, il-persuna li tirċievi s-servizzi tista’ tinvoka d-dritt tagħha għal tnaqqis ta’ input tax. Min-naħa l-oħra, dak li jipprovdi s-servizzi għandu bżonn jistabbilixxi biss li l-persuna li tirċievi s-servizzi hija taxxabbli (20).

43.      Fl-aħħar nett, fil-fehma tiegħi, tali qari tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandu jsir wkoll minħabba l-prinċipju ta’ ċertezza legali, għaliex ir-regoli rigward l-istabbiliment tal-post tal-provvista ta’ servizz għandhom ikunu prevedibbli għall-kummerċjanti. Dan il-prinċipju japplika b’severità partikolari fir-rigward ta’ regoli li għandhom konsegwenzi fiskali, sabiex l-individwi jkunu jistgħu jkunu jafu bi preċiżjoni l-obbligi imposti fuqhom minn tali regoli (21).

44.      Din l-interpretazzjoni twassal ukoll għat-tnaqqis tal-piż fuq il-kummerċjanti li joperaw fis-suq intern kollu. U dan, min-naħa tiegħu, huwa tali li jiffaċilita l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi li, infakkar, huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-sistema komuni tal-VAT (22).

45.      Qabel ma nikkonkludi, nixtieq insemmi fi ftit kliem li, fid-dawl ta’ dak li ntqal, jidher li, fl-interpretazzjoni tiegħu tad-dispożizzjonijiet ikkontestati (23), il-Gvern Taljan ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni l-għan tagħhom.

46.      Fl-aħħarnett, fir-rigward tal-Artikolu 21(1)(b), tas-Sitt Direttiva, li huwa wkoll is-suġġett tad-domanda preliminari magħmula, biżżejjed jingħad li din id-dispożizzjoni sempliċement tgħid li, meta servizz imsemmi fl-Artikolu 9(2)(e) ta’ din l-istess direttiva jsir minn persuna taxxabbli li hija stabbilita barra mill-pajjiż, il-VAT hija dovuta minn dak li jirċievi s-servizz. Għaldaqstant, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva kif ukoll dawk tal-Artikolu 21(1)(b) jiġu lkoll sodisfatti, dak li jirċievi s-servizzi huwa taxxabbli għall-VAT fir-rigward tal-provvisti ta’ servizzi li huwa jibbenefika minnhom, indipendentement mill-fatt jekk saru jew ma sarux għall-attivitajiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi.

IV – Konklużjoni

47.      Għaldaqstant jiena tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi b’dan il-mod għad-domanda preliminari magħmula mir-Regeringsrätten:

“Sabiex jiġi stabbilit il-post ta’ provvista ta’ servizzi, l-Artikoli 9(2)(e) u 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif ukoll l-Artikoli 56(1)(ċ) u 196 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dak li jirċievi servizzi mingħand persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru ieħor, u li jeżerċita fl-istess waqt attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għandu jitqies bħala persuna taxxabbli, anki jekk l-imsemmija provvista hija użata biss għal dawn l-attivitajiet tal-aħħar.”


1 — Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


2 — Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


3 — Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2006/112”). Flimkien, is-Sitt Direttiva u d-Direttiva 2006/112 ser jissejħu d-“Direttivi”. Id-Direttiva 2006/112 issostitwit u annulat is-Sitt Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007.


4 — Din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tittrasponi l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva.


5 — Dawn id-dispożizzjonijiet jittrasponu fid-dritt nazzjonali d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Artikolu 9(2)(e) u tal-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva.


6 — Essenzjalment, l-Artikoli 2(1), 4 u 9(2)(e) u 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva jikkorrispondu rispettivament għall-Artikoli 2(1), 9, 56(1)(ċ) u 196 tad-Direttiva 2006/112.


7 — Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Diċembru 1990, van Tiem (C-186/89, Ġabra. p. I-4363, punt 17); tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring (C-305/01, Ġabra. p. I-6729, punt 42); u tal-21 ta’ April 2005, HE (C-25/03, Ġabra. p. I-3123, punt 40).


8 — Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ April 2005, HE (iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


9 — Ibid., punt 42.


10 — C-114/05, Ġabra p. I-2427, punt 14, li tirreferi għas-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 1985, Berkholz (168/84, Ġabra p. 2251, punt 14); tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda (C-327/94, Ġabra p. I-4595, punt 20); tas-6 ta’ Marzu 1997, Linthorst, Pouwels en Scheres (C-167/95, Ġabra p. I-1195, punt 10), u tat-12 ta’ Mejju 2005, RAL (Channel Islands) et, (C-452/03, Ġabra p. I-3947, punt 23).


11 — Punt 15 tas-sentenza u l-ġurisprudenza ċċitata.


12 — Punt 21 tas-sentenza, li tiċċita s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et (C-17/03, Ġabra p. I-4983, punt 41).


13 — Fir-rigward ta’ “attivitajiet simili”, ara s-sentenza Gillan Beach (punt 20 tal-ġurisprudenza ċċitata). Fir-rigward ta’ “servizzi ta’ reklamar”, ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Franza (C-68/92, Ġabra p. I-5881, punt 14); u tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-73/92, Ġabra p. I-5997, punt 12); u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenrali Jacobs fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2001, SPI (C-108/00, Ġabra p. I-2361, punt 14).


14 — Jiġifieri l-attività taxxabbli.


15 — Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ġunju 2005, Waterschap Zeeuws Vlaanderen (C-378/02, Ġabra p. I-4685, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).


16 — Nixtieq inżid li, kif jirriżulta biċ-ċar minn dak li ntqal, l-għan tal-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva huwa differenti mill-għanijiet tal-Artikoli 2(1) u 17(2) tiegħu.


17 — Fid-dawl tal-interpretazzjoni tiegħi tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u fil-każ ta’ dubji dwar ir-riskju ta’ evażjoni fiskali, nosserva li l-Artikoli 21 u 22(7) tas-Sitt Direttiva jawtorizzaw lill-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jaġixxu kontra dan ir-riskju. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda (iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).


18 — Nammetti wkoll li, jekk bil-kontra tal-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq, id-dispożizzjonijiet ikkontestati kellhom jitqiesu li jinkludu tali rekwiżiti, issir ħsara lill-interessi ta’ sempliċità ta’ ġestjoni tar-regoli u ta’ faċilità ta’ ġbir tat-taxxa f’sitwazzjonijiet fejn il-provvista ta’ servizz issir għall-bżonnijiet taż-żewġ kategoriji ta’ attivitajiet eżerċitati minn TRR. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jagħtu l-ebda ħjiel dwar il-mod kif għandu jsir il-qsim bejniethom.


19 — Din il-kwistjoni hija marbuta fil-qrib ma’ dik żviluppata fil-punt preċedenti. Jekk il-qsim tal-kompetenza fiskali bejn l-Istati Membri hija kumplessa wisq, tranżazzjonijiet normalment taxxabbli għandhom mnejn jevitaw it-tassazzjoni.


20 — Kif tosserva ġustament l-iSkatteverket, sistema bħal din tippermetti lil dak li jipprovdi s-servizz, bħal dak li jipprovdi servizzi ta’ konsulent, li jevita l-obbligu ta’ reġistrazzjoni għall-bżonnijiet tal-VAT f’kull Stat Membru fejn il-klijenti tiegħu huma stabbiliti.


21 — Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 32), li tiċċita s-sentenza tat-13 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Franza (C-30/89, Ġabra p. I-691, punt 23), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cosmas fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Mejju 1996, Faaborg-Gelting Linien (C-231/94, Ġabra p. I-2395, punt 12).


22 — Fil-kawża prinċipali, il-fatti seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU L 44, p. 11). L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/8 jipprovdi li, mill-1 ta’ Jannar 2010, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/112 huwa ssostitwit permezz tal-kliem li ġej: “Għall-fini li jiġu applikati r-regoli li jikkonċernaw il-post tal-forniment tas-servizzi: 1) persuna taxxabbli li twettaq ukoll attivitajiet jew transazzjonijiet li m’humiex ikkunsidrati bħala forniment taxxabbli ta’ merkanzija jew servizzi skont l-Artikolu 2(1) għandha titqies bħala persuna taxxabbli fir-rigward tas-servizzi kollha fornuti lilha” (l-enfażi hija tiegħi).


23 — Ara punt 28 iktar ’il fuq.