Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawża C-540/07

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

vs

Ir-Repubblika Taljana

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 56 KE – Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim ŻEE – Tassazzjoni diretta – Taxxa f’ras il-għajn fuq dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin – Tpaċija fl-Istat tas-sede tal-benefiċjarju tad-dividend, skont ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja”





I –    Introduzzjoni

1.        Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni tikkontesta l-leġiżlazzjoni Taljana dwar it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi. Id-dividendi ddistribwiti mill-kumpanniji Taljani lil kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew fi Stat taż-ŻEE (iktar ’il quddiem id-“dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin”) huma ntaxxati b’mod iktar oneruż minn dawk iddistribwiti lil benefiċjarji stabbiliti fit-territorju nazzjonali. Għaldaqstant l-Italja qed tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital kif ukoll, fir-relazzjonijiet tagħha mal-Istati taż-ŻEE, il-libertà ta’ stabbiliment.

2.        Ir-Repubblika Taljana tiddefendi ruħha b’mod partikolari billi targumenta li l-ftehim kollha dwar ħelsien minn taxxa doppja konklużi minnha jinkludu klawżoli għat-tpaċija tat-taxxa f’ras il-għajn mat-taxxa dovuta lill-Istat tas-sede tal-benefiċjarju tad-dividend.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet f’sensiela ta’ deċiżjonijiet, li Stat Membru li jimponi taxxa ogħla f’ras il-għajn fuq id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin ma jistax jinvoka l-possibbiltà tat-tpaċija konċessa unilateralment mill-Istat Membru destinatarju (2). Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha madankollu ma stabbilietx jekk il-ksur tal-libertajiet fundamentali jiġix eskluż meta l-possibbiltà tat-tpaċija tat-taxxa f’ras il-għajn tirriżulta minn fethim dwar ħelsien minn taxxa doppja (3).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt Komunitarju

4.        Ir-rikors huwa msejjes fuq l-Artikoli 56 u 58 KE, inkwantu jikkonċerna r-relazzjonijiet bejn l-Italja u l-Istati Membri l-oħra.

5.        F’dan il-każ trid ukoll issir referenza għad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE tat-23 ta’ Lulju 1990 dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali [parent] u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (4).

6.        L-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li għall-perijodu inkwistjoni, irid ikun hemm sehem ta’ mill-inqas 20 % biex jiġi rikonoxxut l-istatus ta’ kumpannija parent jew ta’ sussidjarja (5). L-Artikolu 4 tad-Direttiva jipprovdi li meta l-kumpannija parent tirċievi profitti mingħand kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, l-Istat Membru tal-kumpannija parent għandu jew iżomm lura milli jintaxxa dawn il-profitti jew jintaxxahom, iżda għandu jawtorizza t-tnaqqis tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija sussidjarja fl-Istat tas-sede tagħha. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 5 tad-Direttiva jistabbilixxi li l-profitti ddistribwiti mill-kumpannija sussidjarja lill-kumpannija parent tagħha għandhom ikunu eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn.

7.        Dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Italja u l-Istati taż-ŻEE, il-Kummissjoni tallega l-ksur tal-Artikoli 31 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1996 (6) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), li jistabbilixxi:

“Artikolu 31

1. Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment ta’ cittadini ta’ Stat Membru tal-KE jew ta’ Stat ta’ l-EFTA fit-territorju ta’ xi ieħor minn dawn l-Istati. Dan għandu japplika ukoll għat-twaqqif ta’ aġenziji, fergħat jew kumpanniji sussidjarji minn citttadini ta’ xi Stat Membru tal-KE jew Stat ta’ l-EFTA stabbiliti fit-territorju ta’ xi wieħed minn dawn l-Istati.

Il-libertà ta’ stabbiliment għandha tinkludi d-dritt li wieħed jibda’ jew jeżercita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha u li jwaqqaf u jimmaniġġa impriżi, b’mod partikolari kumpanniji jew ditti fit-tifsira ta’ l-Artikolu 34, it-tieni paragrafu, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti għaċ-ċittadini tiegħu stess bil-liġi tal-pajjiż fejn dak l-istabbiliment hu effettwat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 4.

(2) L-Annessi VIII sa XI fihom dispożizzjonijiet speċifiċi dwar id-dritt ta’ stabbiliment.

[…]

Artikolu 40

Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkun hemm l-ebda restrizzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti fuq il-moviment ta’ kapital li jappartjeni lil persuni li huma residenti fi Stati Membri tal-KE jew fi Stati ta’ l-EFTA u ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni msejsa fuq iċ-ċittadinanza jew fuq il-post ta’ residenza tal-partijiet jew fuq il-post fejn dak il-kapital hu investit. L-Anness XII fih id-dispożizzjonijiet necessarji biex jiġi implimentat dan l-Artikolu”.

B –    Il-leġiżlazzjoni Taljana

1.      Tassazzjoni tad-dividendi ddistribwiti lir-residenti

8.        Id-dividendi mħallsa lil kumpanniji u stabbilimenti kummerċjali (kif ukoll, temporanjament u parzjalment, lil stabbilimenti mhux kummerċjali) huma suġġetti fl-Italja għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi (imposta sul reddito delle società – IRES), skont id-Decreto legislativo (id-“digriet leġiżlattiv”) tat-12 ta’ Diċembru 2003, Nru 344, dwar ir-riforma tat-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni ġuridiċi, skont l-Artikolu 4 tal-liġi tas-7 ta’ April 2003, Nru 80 (Riforma dell’imposizione sul reddito delle società, a norma dell'articolo 4 della legge 7 aprile 2003, n. 80)(7).

9.        Wara din ir-riforma, it-tassazzjoni tad-dividendi hija rregolata bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 89 tat-Testo unico delle imposte sui redditi – TUIR, adottat bid-digriet tal-President tar-Repubblika tat-22 ta’ Diċembru 1986, Nru 917 (8), li jistabbilixxi li:

“Il-profitti distribwiti, taħt xi forma jew denominazzjoni, tkun xi tkun, anki fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 47(7), mill-kumpanniji u stabbilimenti msemmija fl-Artikolu 73(1)(a) u (b), ma jikkostitwixxux element ta’ dħul għas-sena finanzjarja li fiha jkunu tħallsu, peress li 95 % tat-total tagħhom huwa eskluż mid-dħul tal-kumpannija jew tal-istabbiliment benefiċjarju […]”.

10.      Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 73(1)(a) u (b), tat-TUIR jiddefinixxi l-entitajiet li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi kif ġej:

“a)      il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata pubbliċi u s-soċjetajiet in akkomandita limitati bl-azzjonijiet, il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata privati, il-kooperattivi u s-soċjetajiet mutwalistiċi, stabbiliti fit-territorju tal-Istat;

b)      l-entitajiet pubbliċi u privati għajr il-kumpanniji, stabbiliti fit-territorju tal-Istat, li l-għan esklużiv jew prinċipali tagħhom huwa t-twettiq ta’ attivitajiet kummerċjali”.

2.      It-taxxa dovuta fuq id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin

11.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 27 tad-digriet tal-President tar-Repubblika Taljana tad-29 ta’ Settembru 1973, Nru 600, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul (Disposizioni comuni in materia di accertamento delle imposte sui redditi – iktar ’il quddiem, id-DPR Nru 600/73 )(9), id-dividendi distribwiti fi Stati Membri oħra jew fi Stati taż-ŻEE jagħtu lok għal taxxa f’ras il-għajn. Din id-dispożizzjoni tipprovdi kif ġej:

“Għandha tinżamm taxxa f’ras il-għajn bir-rata ta’ 27 % fuq il-profitti distribwiti lil persuni mhux residenti fit-territorju nazzjonali. Ir-rata tat-taxxa titnaqqas għal 12.5 % fir-rigward tal-profitti mħallsa lill-azzjonisti tat-tifdil. Dawk li ma humiex residenti, għajr l-azzjonisti tat-tifdil, għandhom id-dritt għar-rifużjoni, sal-limitu ta’ 4/9 tal-ammont miżmum, tat-taxxa definittiva li jkunu ħallsu fi Stat ieħor fuq l-istess profitti, u l-prova ta’ dan għandha tingħata permezz ta’ ċertifikat maħruġ mill-awtorità fiskali kompetenti tal-Istat barrani”.

12.      L-Artikolu 27a tad-DPR Nru 600/73 jistabbilixxi r-rifużjoni tat-taxxa jew, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-eżenzjoni mit-taxxa f’ras il-għajn għal kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-limiti ta’ ishma miżmuma (holdings) u t-tul tal-perijodu li matulu nżammu, stabbiliti fid-Direttiva 90/435.

13.      Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni, bħala risposta għal domanda li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li l-Italja kkonkludiet ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja mal-Istati Membri kollha, minbarra mas-Slovenja, kif ukoll man-Norveġja u mal-Islanda, li huma membri taż-ŻEE.

14.      Dawn il-ftehim huma abbozzati fuq il-konvenzjoni qafas tal-OECD. Bħala regola ġenerali jattribwixxu l-poter ta’ tassazzjoni fuq id-dividendi lill-pajjiż li fih huwa stabbilit il-benefiċjarju tagħhom; madankollu, jawtorizzaw lill-Istat tal-oriġini li jimponi taxxa f’ras il-għajn, li ma għandhiex teċċedi l-15 % (10 % fil-kuntest tal-ftehim mal-Bulgarija, mal-Polonja, mar-Rumanija u mal-Ungerija). Ċerti ftehim inaqqsu r-rata ta’ taxxa f’ras il-għajn għal 0 %, 5 % jew 10 % meta s-sehem miżmum jeċċedi ċertu limitu (pereżempju 10 %, 25 % jew 50 % tal-ishma). (10) Biex ma jkunx hemm taxxa doppja, il-ftehim kollha jistabbilixxu li l-Istat tal-benefiċjarju tad-dividend għandu jaċċetta li t-taxxa f’ras il-għajn imposta fl-Italja titnaqqas minn dik dovuta fl-Istat tal-benefiċjarju, fil-limiti tal-ammont ta’ din tal-aħħar (tpaċija ordinarja).

III – Il-proċeduri prekontenzjużi u r-rikors

15.      Wara lment imressaq minn kumpannija Norveġiża dwar it-trattament fiskali tad-dividendi distribwiti minn kumpanniji Taljani lil benefiċjarji Norveġiżi, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni abbażi tal-Artikolu 109(4) tal-Ftehim ŻEE. Sussegwentement, estendiet il-proċedura għas-sistema fiskali applikabbli għad-dividendi ddistribwiti lil persuni residenti fl-Istati tal-KE; fit-18 ta’ Ottubru 2005, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Taljana skont l-Artikolu 226 KE. Ir-Repubblika Taljana rrispondiet permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Frar 2006.

16.      Peress li l-Kummisjoni ma kinitx sodisfatta bir-risposta, fl-4 ta’ Lulju 2006 bagħtet opinjoni motivata, li fiha stabbiliet it-terminu ta’ xahrejn għar-rettifika tal-ksur mill-Italja. L-Italja irrispondiet biss permezz ta’ ittra fit-30 ta’ Jannar 2007. Fl-aħħar nett, permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ottubru 2007, bagħtet abbozz tal-emenda tad-DPR Nru 600/73 li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008.

17.      Fit-30 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors fejn talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja:

1.      tiddikjara li billi żammet fis-seħħ, fir-rigward tad-dividendi distribwiti lil kumpanniji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra u fl-Istati li huma firmatarji tal-ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, sistema fiskali inqas favorevoli mis-sistema applikabbli għad-dividendi ddistribwiti lill-azzjonisti residenti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 56 KE u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea għal dak li għandu x’jaqsam mal-moviment liberu tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati firmatarji tal-ftehim inkwistjoni, kif ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 31 ta’ dan il-ftehim, għal dak li għandu x’jaqsam mal-libertà ta’ stabbiliment fl-Istati firmatarji ta’ dan il-ftehim;

2.      tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

18.      Ir-Repubblika Taljana titlob li jinċaħad ir-rikors u li l-Kummissjoni tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

19.      Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-dividendi ddistribwiti minn kumpanniji Taljani lil kumpanniji residenti, huma ntaxxati b’mod inqas oneruż minn dawk imħallsa lil kumpanniji mhux residenti, stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew fi Stat taż-ŻEE.

20.      Għar-residenti li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, 95 % tad-dividendi huma eżenti abbażi tal-Artikolu 89(2) tat-TUIR. Huma biss 5 % tad-dividendi li huma suġġetti għar-rata normali ta’ 33 % tat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji, b’mod li t-taxxa fuq dividend ta’ EUR 100 tkun biss ta’ EUR 1.65.

21.      Għal dawk li ma humiex residenti, l-Artikolu 27 tad-DPR Nru 600/73 jistabbilixxi taxxa f’ras il-għajn ta’ 27 %, li 4/9 minnhom jistgħu, fuq talba, jitħallsu lura. Għal dividend ta’ 100, it-taxxa hija għalhekk ta’ 15 (5/9 ta’ 27 % ta’ 100). Il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ġieli jippermettu li dawn ir-rati jitnaqqsu għal 5 % u għal 10 %, madankollu din r-rata tibqa’ ogħla minn dik imposta fuq ir-residenti; dan ġie ppruvat mill-Kummissjoni permezz tal-eżempji tal-ftehim li l-Italja kkonkludiet ma’ Franza, mal-Pajjiżi l-Baxxi, mar-Renju Unit u man-Norveġja.

22.      Il-kumpanniji ta’ Stati Membri oħra, min-naħa l-oħra, huma milquta minn rati ogħla tat-taxxa f’ras il-għajn biss jekk ma jintlaħaqx il-livell massimu tas-sehem miżmum, stabbilit mid-Direttiva 90/435. Jekk il-livell massimu jintlaħaq, l-Artikolu 27a tad-DPR Nru 600/73 jipprevedi r-rifużjoni tat-taxxa f’ras il-għajn, jew l-eżenzjoni mit-taxxa f’ċerti każijiet. Il-Kummissjoni, għal din ir-raġuni, qiegħda tallega biss ksur tal-moviment liberu tal-kapital, fir-rigward tad-dividendi mħallsa lil azzjonisti ta’ Stati Membri oħra.

23.      Fuq id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, imħallsa lir-residenti tal-Istati taż-ŻEE, l-Italja timponi taxxa f’ras il-għajn mhux biss fuq investimenti “portafoll” iżda wkoll fuq dawk li jagħtu kontroll sinjifikattiv. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tqis għalhekk li hemm ksur kemm tal-moviment liberu tal-kapital kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantiti mill-Ftehim ŻEE.

A –    Ammissibbiltà

24.      Skont ir-Repubblika Taljana, ir-rikors huwa inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ preċiżjoni fis-suġġett tiegħu. Il-Kummissjoni tagħmel referenza għar-regoli unilaterali dwar it-taxxa f’ras il-għajn, applikati għad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin u għal għadd ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja konklużi ma’ diversi Stati Membri u ma’ Stat taż-ŻEE. Minn dan waslet għall-konklużjoni li s-sistema fiskali tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, mingħajr ma analizzat fid-dettall id-dispożizzjonijiet rilevanti.

25.      L-Artikolu 38(1)(ċ) tar-Regoli tal-proċedura jistabbilixxi li kull rikors promotur għandu jinkludi, b’mod partikolari, is-suġġett tal-kawża u sunt tar-raġunijiet imressqa. Konsegwentement, huwa l-kompitu tal-Kummissjoni li tindika, f’kull rikors ippreżentat skont l-Artikolu 226 KE, b’mod ċar u koerenti, l-ilmenti invokati, biex l-Istat Membru jkun jista’ jħejji d-difiża tiegħu u l-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tivverifika l-eżistenza tan-nuqqas allegat (11).

26.      Fil-każ preżenti, ir-rikors jindika b’mod ċar id-dispożizzjonijiet tal-liġi Komunitarja li allegatment kisret ir-Repubblika Taljana. Jindika wkoll il-fatti li jikkostitwixxu l-ksur, jiġifieri d-differenza fis-sistema fiskali bejn id-dividendi mħallsa fi Stati Membri oħra u fi Stati taż-ŻEE u dawk distribwiti lil residenti. Fl-aħħar nett il-Kummissjoni tiddeskrivi r-regoli nazzjonali fil-qasam tat-tassazzjoni tad-dividendi. Ir-Repubblika Taljana setgħet għalhekk faċilment tiddefendi ruħha kontra l-allegat ksur.

27.      Huwa minnu li l-Kummissjoni, fir-rikors tagħha, ma ċċitatx id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehim kollha dwar ħelsien minn taxxa doppja konklużi mill-Italja mal-Istati Membri u mal-Istati taż-ŻEE; hija llimitat ruħha għal ċerti eżempji tipiċi tal-prassi Taljana f’dan ir-rigward (12). Madankollu, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni rnexxilhiex tipprova n-nuqqas fir-rigward tal-Istati kollha kkonċernati, ma hijiex waħda ta’ ammissibilità iżda ta’ fondatezza tar-rikors.

28.      Għaldaqstant, għandu jinċaħad l-ilment dwar l-ammissibbiltà.

B –    Il-fondatezza tar-rikors

1.      Ksur tal-Artikolu 56 KE għal dak li jikkonċerna d-dividendi mħallsa fi Stati Membri oħra

a)      L-eżiztenza ta’ restrizzjoni (illegali)

29.      Miżura li tikkomplika t-trasferiment transkonfinali tal-kapital jew tirrendih inqas attraenti u li għaldaqstant taqta’ qalb l-investitur li jwettqu, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital (13). Fis-sentenza Amurta, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet b’mod partikolari li l-fatt li wieħed japplika, fir-rigward tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, trattament fiskali inqas favorevoli minn dak mogħti lid-dividendi distribwiti lir-residenti, jikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, li bħala prinċipju hija pprojbita mill-Artikolu 56 KE (14).

30.      Hekk kif intqal mill-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Gvern Taljan, id-dividendi mħallsa lir-residenti ta’ Stati Membri oħra huma suġġetti għal taxxa li tvarja bejn 5 % u 15 %, f’dawk il-każijiet fejn id-Direttiva 90/435 ma hijiex applikabbli. Min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ tassazzjoni applikabbli għad-dividendi maħruġa lir-residenti, hija biss ta’ 1.65 %.

31.      Madankollu l-Gvern Taljan joġġezzjona li r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju dwar it-trattament fiskali tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, kienu għadhom dubjużi fl-4 ta’ Settembru 2006, id-data tal-iskadenza tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Is-sentenzi rilevanti, partikolarment Denkavit Internationaal u Denkavit France kif ukoll Amurta, ingħataw biss wara din id-data. (15) F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħad kontra Stat Membru li l-inkompatibbiltà tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu mal-libertajiet fundamentali tammonta għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt it-Trattat, fis-sens tal-Artikolu 226 KE.

32.      Ma nistax naqbel ma’ din l-opinjoni.

33.      Sabiex ikun hemm nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 226 KE, ma huwiex meħtieġ li jkun manifest il-ksur tal-libertajiet fundamentali mid-dispożizzjonijiet nazzjonali. Lanqas ma huwa meħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun diġà tat interpretazzjoni xierqa tal-libertajiet fundamentali, fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet simili. L-Artikolu 226 KE jkun pjuttost imxejjen mill-utilità tiegħu li kieku l-Kummissjoni kellha tkun ipprojbita milli tiftah proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, qabel mal-Qorti tal-Ġustizzja tkun adottat deċiżjoni rilevanti, pereżempju skont l-Artikolu 234 KE. Dan ikollu l-effett li jneħħi l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tieħu passi kontra n-nuqqasijiet taħt it-Trattat, u din l-inizjattiva tkun ittrasferita lill-qrati tar-rinviju.

34.      Il-Gvern Taljan jisħaq ukoll li, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 90/435, l-Istati Membri mhux dejjem huma pprojbiti milli jimponu taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin. Din it-taxxa tammonta biss għal diskriminazzjoni illegali jekk il-benefiċjarji residenti u dawk li ma humiex jiġu trattati b’mod differenti, għalkemm ikunu jinsabu f’qagħda paragunabbli. It-tpaċija tat-taxxa f’ras il-għajn prevista fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, għandha sservi biex ma jiġux żvantaġġjati l-azzjonisti mhux residenti.

35.      Għandu jiġi kkonstatat f’dan ir-rigward li, fir-rigward ta’ ishma li ma jaqgħux taħt id-Direttiva 90/435, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk u sa fejn l-intaxxar doppju ekonomiku tal-profitti ddistribwiti għandu jiġi evitat u li jintroduċu, għal dan il-għan, b’mod unilaterali jew permezz ta’ ftehim konklużi ma’ Stati Membri oħra, mekkaniżmi sabiex tkun evitata jew sabiex jitnaqqas l-effett ta’ din it-taxxa doppja ekonomika. Madankollu, dan il-fatt biss ma jippermettilhomx japplikaw miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat (16).

36.      Id-differenza fit-trattament esposta hawn fuq bejn id-dividendi mħallsa lir-residenti u d-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, tikkostitwixxi, bħala prinċipju, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita bħala tali mill-Artikolu 56(1) KE. Jeħtieġ madankollu li jiġi eżaminat jekk din ir-restrizzjoni hijiex ġustifikata.

b)      Ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni

i)      Kundizzjonijiet ġenerali tal-ġustifikazzjoni

37.      Skont l-Artikolu 58(1)(a) KE, “[i]d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri […] li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom […]”.

38.      Id-deroga stabbilita fl-Artikolu 58(1)(a) KE hija, min-naħa tagħha, limitata mill-Artikolu 58(3) KE, li jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56”. (17)

39.      Għalhekk jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn it-trattamenti differenti li jippermetti l-Artikolu 58(1)(a) KE, u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mis-subparagrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħalma hija dik inkwistjoni tkun tista’ titqies kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tkun tali li tikkonċerna sitwazzjonijiet li oġġettivament ma jistgħux jitqabblu jew li tista’ tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġuni mandatorja ta’ interess ġenerali (18).

40.      Għalhekk jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarji ta’ dividendi, suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji li huma stabbiliti fl-Italja u l-benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, jinsabux f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

41.      L-għan tar-regoli relatati mat-taxxa fuq id-dividendi mħallsa lill-benefiċjarji li għandhom is-sede tagħhom fl-Italja u suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul tal-kumpanniji huwa dak li jiġi evitat li l-istess dħul ikun suġġett għal taxxa doppja jew għal sensiela ta’ taxxi.

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà stabbiliet li, fir-rigward tal-miżuri adottati fi Stat Membru sabiex tiġi evitata jew sabiex jitnaqqas l-effett tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew tat-taxxa doppja ekonomika fuq il-profitti ddistribwiti minn kumpannija residenti, l-azzjonisti benefiċjarji residenti mhux bilfors ikunu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-azzjonisti benefiċjarji residenti fi Stat Membru ieħor (19).

43.      Madankollu, hekk kif Stat Membru, jew unilateralment jew inkella permezz ta’ ftehim, jimponi taxxa mhux biss fuq id-dħul tal-azzjonisti residenti iżda wkoll fuq id-dħul tal-azzjonisti mhux residenti, fir-rigward tad-dividendi li jirċievu minn kumpannija residenti, is-sitwazzjoni tal-azzjonisti mhux residenti ssir paragunabbli għal dik tal-azzjonisti residenti (20).

44.      Ir-riskju tat-taxxa doppja legali jew ta’ impożizzjoni ekonomika ta’ sensiela ta’ taxxi jeżisti kemm fir-rigward tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin kif ukoll ta’ dawk iddistribwiti fil-pajjiż.

45.      Jingħad li hemm taxxa doppja legali tal-istess dħul meta d-dividendi li jkunu diġà ġew intaxxati f’ras il-għajn jiġu inklużi fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi dovuta mid-destinatarju u jerġgħu għalhekk jiġu ntaxxati, mingħajr it-tnaqqis sħiħ tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn. Jingħad li hemm impożizzjoni ekonomika ta’ sensiela ta’ taxxi meta d-dividendi jitħallsu lil kumpanniji li mbagħad huma stess iħallsu d-dividendi. Fin-nuqqas ta’ mekkaniżmi speċifiċi biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi, l-istess dħul, f’każijiet bħal dawn, jiġi suċċessivament intaxxat f’diversi stadji.

46.      Il-leġiżlatur Taljan jevita t-taxxa doppja legali tad-dividendi mħallsa lill-benefiċjarji residenti, billi jirrinunzja għat-taxxa f’ras il-għajn u billi bħala prinċipju jissuġġetta d-dividendi biss għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi. Biex inaqqas ukoll b’mod sinjifikattiv l-impożizzjoni ekonomika ta’ sensiela ta’ taxxi, l-ammont tad-dividendi inkluż fil-bażi ta’ stima tat-taxxa fuq il-persuni ġuridiċi dovuta mill-benefiċjarju huwa biss ta’ 5 % tat-total.

47.      Ġaladarba l-Italja testendi s-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha għad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, b’mod li konsegwentement il-benefiċjarji mhux residenti jsibu ruħhom f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tar-residenti, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riskju tat-taxxa doppja u tal-impożizzjoni ekonomika ta’ sensiela ta’ taxxi, il-ġurisprudenza timponi l-obbligu fuq l-Istat li jiżgura li l-azzjonisti mhux residenti jkunu suġġetti għal trattament li huwa ekwivalenti għal dak li jibbenifikaw minnu l-azzjonisti residenti (21).

ii)    Newtralizzazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn permezz tat-tpaċija fl-Istat tas-sede

48.      Biex tiġġustifika l-inugwaljanza fit-trattament tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, ir-Repubblika Taljana tissottometti li l-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja lkoll jippermettu t-tpaċija tat-taxxa f’ras il-għajn ma’ dik imħallsa fl-Istat tas-sede tal-azzjonista.

49.      F’dan ir-rigward irid jingħad preliminarjament li, skont l-indikazzjonijiet mogħtija minnha stess fil-kawża, ir-Repubblika Taljana ma kkonkludiet l-ebda ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja mas-Slovenja. Għaldaqstant, għal dan l-Istat Membru, il-ġustifikazzjoni msemmija iktar ’il fuq għandha tiġi eskluża mill-ewwel. Għad irid jiġi ddeterminat jekk it-trattament fiskali inqas favorevoli jistax jiġi ġġustifikat fir-rigward tad-dividendi mħallsa lill-azzjonisti residenti fi Stati Membri oħra.

50.      Skont ġurisprudenza stabbilita, trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali, ma jistax jiġi ġġustifikat abbażi tal-eżistenza ta’ vantaġġi oħra fiskali (22). Dan japplika partikolarment meta l-vantaġġ inkwistjoni huwa konċess unilateralment minn Stat Membru ieħor (23). Jekk jiġi ammess il-kuntrarju, ikun ifisser fis-sustanza li Stat Membru qed jitħalla jaħrab mill-obbligi tiegħu taħt id-dritt Komunitarju, peress li l-osservanza ta’ dawn l-obbligi ssir dipendenti mill-effetti potenzjali ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali oħra, li tista’ f’kull mument tiġi emendata minn dak l-Istat (24).

51.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx il-possibbiltà li Stat Membru jirnexxilu jiggarantixxi l-osservanza tal-obbligi tiegħu riżultanti mit-Trattat KE, billi jikkonkludi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja ma’ Stat Membru ieħor (25). Fil-fatt, il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja huma element tas-sistema ġuridika nazzjonali u jagħmlu parti mill-qafas legali tat-trattament fiskali tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin (26). Dawn il-ftehim jorbtu wkoll lill-Istat l-ieħor firmatarju u jistgħu jiġu biss iddenunzjati, iżda mhux emendati unilateralment.

52.      Biex tiġi eliminata r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital, jeħtieġ li l-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja invokati mill-Gvern Taljan jinnewtralizzaw kompletament l-inugwaljanza fit-trattament, kontra d-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin.

–       L-ewwel ipoteżi: tpaċija totali tat-taxxa f’ras il-għajn fl-Istat tas-sede

53.      Biex jiġu eliminati l-konsegwenzi tat-taxxa f’ras il-għajn, l-Istat tas-sede ta’ kumpannija li tirċievi dividendi ġejjin mill-Italja jkollu jissuġġetta dawn id-dividendi għat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi u jnaqqas minn din tal-aħħar it-total tat-taxxa mħallsa f’ras il-għajn, skont id-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

54.      Ċertament, b’dan il-mod id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin ikunu finalment intaxxati b’mod iktar oneruż minn dawk imħallsa lil kumpanniji Taljani. Dan il-fatt ma jistax madankollu jiġi attribwit lill-Italja (27) peress li jirriżulta minn deċiżjoni awtonoma tal-Istat tas-sede tal-kumpannija azzjonista. L-Italja la hija obbligata u lanqas f’pożizzjoni li tikkoreġi din id-deċiżjoni (28).

55.      Anki li kieku l-Italja kellha tirrinunzja għat-taxxa f’ras il-għajn, il-livell ta’ tassazzjoni tad-dividendi fl-Istat tas-sede tal-azzjonista jibqa’ l-istess, bid-differenza li d-dħul fiskali jmur kollu favur l-Istat tas-sede, mingħajr ma jitnaqqas permezz tat-tpaċija tat-taxxa f’ras il-għajn. Fil-fatt, it-taxxa f’ras il-għajn prevista fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja sempliċiment tippermetti lill-Italja takkwista parti mid-dħul fiskali miġbur mill-Istat tas-sede permezz tad-deċiżjoni tagħha li tintaxxa d-dividendi mħallsa lill-kumpanniji.

56.      It-trattament fiskali inqas favorevoli tal-kumpanniji mhux residenti, meta mqabbel ma’ dak tal-azzjonisti Taljani, jirriżulta f’din is-sitwazzjoni mid-differenzi bejn is-sistemi fiskali għal dak li jikkonċerna l-prevenzjoni tal-impożizzjoni ekonomika ta’ sensiela ta’ taxxi fuq id-dividendi. Dawn id-differenzi ma humiex intrinsikament kontra d-dritt Komunitarju. It-Trattat KE fil-fatt ma jiggarantixxix li d-dħul paragunabbli jkun suġġett fl-Istati Membri kollha għal taxxi paragunabbli (29). Bl-istess mod, l-Istati Membri huma liberi jiddeterminaw jekk u b’liema mod ser jeliminaw l-impożizzjoni ekonomika ta’ sensiela ta’ taxxi fuq id-dividendi mħallsa lill-kumpanniji.

–       It-tieni ipoteżi: it-taxxa f’ras il-għajn ma tistax tiġi kompletament paċuta fl-Istat tas-sede

57.      Min-naħa l-oħra, in-newtralizzazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn ma hijiex possibbli meta l-Istat tas-sede tal-kumpannija li qed tirċievi d-dividendi li ġejjin mill-Italja ma jintaxxax jew ma jintaxxax biżżejjed dan id-dħul biex tkun tista’ ssir tpaċija totali tat-taxxa f’ras il-għajn.

58.      Il-ftehim fil-fatt jimponu biss it-tpaċija ordinarja (ordinary credit) u mhux it-tpaċija totali (full credit). Fil-kuntest tat-tpaċija ordinarja, it-taxxa f’ras il-għajn barranija tkun tista’ tiġi paċuta fl-Istat tas-sede tal-kumpannija azzjonista biss sal-limitu tat-total tat-taxxa dovuta f’dan l-Istat fuq id-dħul korrispondenti. Għaldaqstant, meta l-imsemmi dħul ma jkunx intaxxat jew ma jkunx intaxxat biżżejjed fl-Istat tas-sede, parti mis-somma miżmuma f’ras il-għajn fl-Italja ma tkunx tista’ tiġi paċuta. F’din l-ipoteżi, it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin tkun il-kawża ta’ oneru fiskali attribwit esklużivament lill-Italja, li huwa ogħla mit-taxxa li huma obbligati jħallsu l-kumpanniji li jkollhom is-sede tagħhom fl-Italja għal dividendi tal-istess ammont (30).

59.      Fil-qosor, it-tpaċija tat-taxxa f’ras il-għajn, prevista b’mod astratt fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, ma hijiex suffiċjenti sabiex tiggarantixxi li tiġi kkumpensata l-inugwaljanza fit-trattament bejn id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin u d-dividendi ddistribwiti fil-pajjiż, li tirriżulta mill-imsemmija taxxa f’ras il-għajn. Fil-fatt, in-newtralizzazzjoni tal-effett tat-taxxa f’ras il-għajn, tiddependi prinċipalment mill-mod ta’ tassazzjoni fl-Istat tas-sede tal-azzjonista. Ir-Repubblika Taljana ma teżerċita l-ebda influwenza fuq din it-tassazzjoni, li tista’ wkoll tiġi emendata unilateralment u f’kull mument mill-Istat Membru l-ieħor, mingħajr ma jostakolah xi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

60.      Kif rajna, Stat Membru li japplika, għal sitwazzjonijiet transkonfinali, trattament fiskali inqas favorevoli minn dak applikabbli għal sitwazzjonijiet strettament interni, ma jistax jistenna, mill-Istat l-ieħor, li jikkumpensa unilateralment din l-inugwaljanza fit-trattament. Din hija madankollu s-sitwazzjoni tal-każ inkwistjoni, minkejja l-possibbiltà tat-tpaċija prevista fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja. Għaldaqstant, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital dovuta għat-tassazzjoni tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, ma hijiex iġġustifikata mill-possibbiltà ta’ tpaċija prevista fil-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja.

iii) Ġustifikazzjoni msejjsa fuq evalwazzjoni kumplessiva tas-sistema fiskali, tal-koerenza fiskali u tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni

61.      Bħala ġustifikazzjoni addizzjonali, il-Gvern Taljan isostni li fid-dawl tal-eżami kumplessiv tas-sistema fiskali Taljana, id-dividendi ddistribwiti fil-pajjiż ma humiex finalment ittrattati aħjar mid-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin. F’dan il-kuntest, il-Gvern Taljan iqabbel l-oneru fiskali globali, inkluża t-taxxa imposta fuq persuni fiżiċi li huma d-destinatarji aħħarin tad-dividendi, mat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mħallsa lil kumpanniji mhux residenti.

62.      Madankollu, kif bir-raġun tisħaq il-Kummissjoni, il-Gvern Taljan hawnhekk qed iqabbel żewġ sitwazzjonijiet differenti. It-taxxa f’ras il-għajn tolqot id-dividendi ddistribwiti lil kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor. It-taxxa fuq dawn id-dividendi ma tistax titqabbel mat-taxxa globali dovuta minn kumpannija stabbilita fl-Italja fuq id-dividendi li tirċievi, u mill-azzjonisti ta’ din il-kumpannija. Fl-aħħar nett, kumpannija li ma hijiex residenti hija wkoll direttament jew indirettament magħmula minn azzjonisti li huma persuni fiżiċi u li normalment huma obbligati jħallsu, fl-Istat Membru tar-residenza tagħhom, taxxi fuq id-dividendi ddistribwiti mill-kumpannija intermedjarja. Madankollu, il-Gvern Taljan ma jikkunsidrax din it-taxxa barranija fil-paragun tiegħu.

63.      Għalkemm il-Gvern Taljan ikompli jisħaq fuq il-koerenza fiskali u fuq iż-żamma ta’ tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni (31), huwa ma jispeċifikax kif l-inugwaljanza fit-trattament tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin tiggarantixxi l-osservanza ta’ dawn il-prinċipji.

iv)    Ġustifikazzjoni msejjsa fuq il-ġlieda kontra l-frodi fiskali

64.      Fl-aħħar nett, il-konvenuta ssostni li l-leġiżlazzjoni hija għodda fil-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Ir-residenti suġġetti għall-ħlas tat-taxxa jistgħu jinħbew wara kumpannija li ma hijiex residenti biex jevitaw it-taxxa fuq id-dividendi.

65.      Skont ġurisprudenza stabbilita, miżura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali tista’ tiġi ġġustifikata biss abbażi tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali jekk tkun diretta kontra arranġament purament artifiċjali li l-għan tiegħu jkun li tiġi evitata l-liġi fiskali nazzjonali. Għaldaqstant, preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni jew ta’ frodi fiskali ma hijiex biżżejjed biex tiġġustifika miżura fiskali li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat (32).

66.      It-taxxa għandha madankollu, bħala prinċipju, tinżamm f’ras il-għajn fuq id-dividendi kollha distribwiti lil kumpanniji mhux residenti, anki jekk ma jkun hemm xejn li jindika li l-kumpannija inkwistjoni ma hijiex ħlief intermedjarja artifiċjali, stabbilita mir-residenti suġġetti għat-taxxa, biex jevitaw il-ħlas tat-taxxa nazzjonali fuq id-dħul mid-dividendi inkwistjoni.

67.      Barra minn hekk, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri, id-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni, (33) tippermetti li tinġabar informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti mingħand l-awtoritajiet tal-Istat tas-sede tal-kumpannija li tirċievi d-dividendi.

68.      Għaldaqstant, ir-Repubblika Taljana lanqas ma tista’ tiġġustifika t-trattament inqas favorevoli applikat fil-konfront tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin, maħruġa lir-residenti ta’ Stati Membri oħra, billi ssostni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma meħtieġa għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali.

v)      Konklużjoni parzjali

69.      F’dan l-istadju, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56(1) KE billi żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tintaxxa b’mod iktar oneruż id-dividendi mħallsa lil kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor minn dawk imħallsa lil kumpanniji residenti.

2.      Ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE

a)      Moviment liberu tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE

70.      Reċentement ukoll, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE għandu l-istess portata legali bħad-dispożizzjonijiet, sostantivament identiċi, tal-Artikolu 56 KE (34). Għaldaqstant, ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-kapital bejn iċ-ċittadini tal-Istati li huma firmatarji tal-Ftehim ŻEE għandhom jiġu eżaminati skont l-istess kriterji tal-miżuri li huma ekwivalenti adottati fil-kuntest intra-Komunitarju.

71.      L-osservazzjonijiet magħmula fil-kuntest tal-eżami tal-Artikolu 56(1) KE japplikaw għalhekk ukoll, b’analoġija, għall-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Sakemm jintaxxaw id-dividendi mħallsa lil kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat taż-ŻEE b’mod iktar oneruż minn dawk imħallsa lil kumpanniji residenti, id-dispożizzjonijiet Taljani, inklużi dawk misjuba fi ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE (35).

72.      Il-ġustifikazzjoni msejjsa fuq il-possibbiltà tat-tpaċija abbażi tal-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja lanqas ma tapplika fil-kuntest tal-Istati taż-ŻEE. Ma jeżisti l-ebda ftehim f’dan is-sens bejn l-Italja u l-Liechtenstein. Għal dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet mal-Islanda u man-Norveġja, il-possibbiltà tat-tpaċija waħedha ma hijiex suffiċjenti biex tiggarantixxi n-newtralità tat-taxxa f’ras il-għajn, bħal fil-każ tal-Istati Membri. Din in-newtralità tiddependi wkoll mill-mod kif id-dividendi jiġu ntaxxati skont il-liġi interna ta’ kull Stat taż-ŻEE.

73.      Il-Gvern Taljan jissottometti wkoll li d-dispożizzjonijiet inqas favorevoli li japplikaw għad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin huma ġġustifikati fid-dawl tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali. Huwa josserva f’dan ir-rigward, li d-Direttiva 77/799 ma hijiex applikabbli fil-konfront tal-Istati taż-ŻEE. Għal-Liechtenstein, għandu jingħad ukoll li fin-nuqqas ta’ ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja, ma teżisti l-ebda klawżola kuntrattwali applikabbli għall-iskambju tal-informazzjoni. Konsegwentement, l-awtoritajiet fiskali Taljani ma humiex f’pożizzjoni li jiġbru l-informazzjoni meħtieġa biex jiġġieldu kontra l-frodi fiskali.

74.      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi maħruġa favur kumpanniji tal-Istati taż-ŻEE, bir-restrizzjoni relattiva fuq il-moviment liberu tal-kapital, tistax tiġi ġġustifikata bil-ġlieda kontra l-frodi fiskali, anki jekk ma tapplikax b’mod speċifiku għal arranġamenti purament artifiċjali (36).

75.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha A, li l-qafas legali għall-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-kapital fir-relazzjonijiet ma’ Stati terzi ma huwiex l-istess bħalma huwa fir-relazzjonijiet intra-Komunitarji. Hija enfasizzat b’mod partikolari l-importanza tal-fatt li, fir-relazzjonijiet ma’ Stati terzi, ma jeżisti l-ebda strument li jista’ jitqabbel mad-Direttiva 77/799 biex tinkiseb l-informazzjoni (37).

76.      Anki jekk il-persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa tispjega l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-konċessjoni ta’ vantaġġ fiskali, dan mhux bilfors jiġġustifika l-estensjoni ta’ trattament fiskali iktar favorevoli, applikabbli internament, għal sitwazzjonijiet li jinvolvu Stati terzi. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ obbligu kuntrattwali tal-pajjiż terz li jipprovdi l-informazzjoni, jista’ jkun impossibbli li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa minn dak il-pajjiż biex jiġu vverifikati d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna suġġetta għall-ħlas tat-taxxa, pereżempju dwar l-istruttura tal-kumpannija stabbilita fil-pajjiż terz (38).

77.      Fl-Italja, il-kumpanniji residenti huma eżenti mit-taxxa f’ras il-għajn fir-rigward tad-dividendi u kważi eżenti għal kollox mit-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi sabiex id-dħul korrispondenti jiġi ntaxxat darba biss, fi tmiem il-katina ta’ distribuzzjoni tad-dividendi, jiġifieri f’idejn il-persuni fiżiċi. Biex tiġi eskluża l-frodi fiskali f’dan il-kuntest, l-awtoritajiet fiskali jridu jkunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu li persuna fiżika bbenefikat mid-distribuzzjoni inkwistjoni u jista’ għaldaqstant ikun meħtieġ li tiġi ddeterminata l-identità tal-grupp ta’ azzjonisti ta’ kumpannija li tiddistribwixxi d-dividendi.

78.      Fil-każ ta’ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fil-Liechtenstein, dan ma huwiex possibbli, peress li ma teżistix l-istruttura legali li tippermetti li jintbagħtu talbiet għal informazzjoni lil dan l-Istat taż-ŻEE.

79.      Fir-relazzjonijiet mal-Islanda u man-Norveġja, il-ftehim dwar ħelsien minn taxxa doppja jistgħu jistabbilixxu obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni. Il-ġbir ta’ taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi ddistribwiti f’dawn l-Istati jista’ għalhekk ikun ukoll sproporzjonat daqs fil-każ tad-dividendi maħruġa lil benefiċjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

80.      Il-kwistjoni dwar il-preżenza f’dawn il-ftehim ta’ klawżoli li jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni, bħal dik misjuba fl-Artikolu 26 tal-ftehim qafas tal-OECD u l-kwistjoni tal-portata ta’ dawn il-klawżoli ma humiex kwistjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati f’dawn il-proċedimenti. Peress li l-Gvern Taljan stqarr li ma kienx f’qagħda li jiġbor informazzjoni suffiċjenti, kien il-kompitu tal-Kummissjoni li tikkonfuta din l-allegazzjoni, pereżempju billi tirreferi għal klawżoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni.

81.      Il-Kummissjoni madankollu llimitat ruħha għall-istqarrija li ma setgħetx tifhem liema informazzjoni kienet meħtieġa għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni. Kif rajna, jista’ partikolarment ikun meħtieġ li jiġu identifikati l-azzjonisti ta’ kumpannija li rċevew dividendi mill-Italja. Il-Kummissjoni għalhekk ma rnexxilhiex tikkonfuta l-argumenti difensivi tar-Repubblika Taljana.

82.      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tistabbilixxi li t-trattament inqas favorevoli, applikat fil-konfront tad-dividendi mħallsa fin-Norveġja u fl-Islanda, imur kontra l-moviment liberu tal-kapital, iggarantit mill-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

b)      Il-libertà ta’ stabbiliment fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE

83.      Il-Kummissjoni tallega wkoll ksur tal-libertà ta’ stabbiliment iggarantit mill-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE. Madankollu, ma rnexxilhiex tipprova dan il-ksur għall-istess raġunijiet li għalihom ma ppruvatx il-ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

84.      Għaldaqstant, ir-rikors għandu jinċaħad għal dak li għandu x’jaqsam mal-ksur tal-Artikoli 31 u 45 tal-Ftehim ŻEE.

IV – L-ispejjeż

85.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Ċertament, ir-rikors għandu jinċaħad inkwantu relatat mat-trattament fiskali tad-dividendi mħallsa lil kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fl-Istati taż-ŻEE. Peress li, madankollu, inċaħdu l-parti l-kbira tal-motivi tar-Repubblika Taljana, din għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.

V –    Konklużjoni

86.      Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:

1.      Billi żammet fis-seħħ leġiżlazzjoni fiskali li tintaxxa b’mod iktar oneruż id-dividendi mħallsa lil kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, minn dawk imħallsa lil kumpanniji residenti, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56(1) KE

2.      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3.      Ir-Repubblika Taljana hija kkundannata għall-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta (C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 78). Ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2008, Arens-Sikken (C-43/07, Ġabra p. I-6887, punt 66) u Eckelkamp et (C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 69).


3 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 71), u Armurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 79).


4 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147,, fil-verżjoni emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2003/123/KE tat-22 ta’ Diċembru 2003, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 2, p. 3.


5 – Is-sehem minimu tnaqqas għal 15 % fl-1 ta’ Jannar 2007 u għal 10 % mill-1 ta’ Jannar 2009.


6 – ĠU Ediżżjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3


7 – GURI Nru 291 tas-16 ta’ Diċembru 2003.


8 – GURI Nru 302 tal-31 ta’ Diċembru 1986.


9 – GURI Nru 268 tas-16 ta’ Ottubru 1973, fil-verżjoni li tirriżulta mid-DL Nru 344/2003.


10 – Inkwantu jirrigwarda l-Istati Membri, it-tnaqqis applikat għad-dividendi ta’ kumpanniji fl-istess grupp, donnu tilef ħafna mill-importanza tiegħu peress li mill-1 ta’ Jannar 2009, id-Direttiva 90/435 eskludiet kompletament it-taxxa f’ras il-għajn meta s-sehem ikun ta’ 10 % jew iktar.


11 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-490/04, Ġabra p. I-6095, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Ir-rikors jikkwota siltiet mill-ftehim dwar taxxa doppja konklużi mill-Italja ma’ Franza, mar-Renju Unit, mal-Pajjiżi l-Baxxi u man-Norveġja.


13  – F’dan is-sens ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 26) u tat-18 ta’ Diċembru 2007, A (C-101/05, Ġabra p. I-11531, punt 40).


14 – Sentenza Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 28). Dwar ir-restrizzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment minn tali miżuri, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France (C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 29).


15 – Nixtieq niġbed l-attenzjoni għall-fatt madankollu, li l-Avukat Ġenerali Geelhoed ippreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Denkavit Internationaal u Denkavit France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14) fis-27 ta’ April 2006. Huwa jistabbilixxi b’mod inekwivoku li t-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin hija inkompatibbli mal-libertajiet fundamentali jekk id-dividendi maħruġa lir-residenti jkunu eżenti mit-taxxa.


16 – Ara s-sentenzi Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 54), Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 24) u tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 28).


17 – Sentenza Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 31).


18 – Ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43), tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 29), u Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 32).


19 – Sentenzi Denkavit Internationaal u Denkavit France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 34) u Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 37).


20 – Ara s-sentenzi Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 68), Denkavit Internationaal u Denkavit France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 35) u Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 38).


21 – Ara s-sentenzi Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 70) u Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 39).


22 – Sentenzi Verkooijen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 61) Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 75), Arens-Sikken (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 66) u Eckelkamp (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 69).


23 – Ara s-sentenza Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 78).


24 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi, tas-7 ta’ Ġunju 2007 (Amurta, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 78).


25 – Sentenza Amurta (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 79), b’riferiment għas-sentenza Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 71). Ara wkoll f’dan is-sens is-sentenza Arens-Sikken (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 64).


26 – Ara s-sentenza Manninen (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 21), is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 51), il-punti 44 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża kif ukoll is-sentenza Denkavit Internationaal u Denkavit France (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 45).


27 – Wieħed dejjem jista’ jistaqsi jekk l-applikazzjoni tad-diversi metodi sabiex tiġi evitata t-taxxa doppja – l-eżenzjoni fil-pajjiż u t-tpaċija tad-dividendi ddistribwiti lill-azzjonisti residenti barra mill-pajjiż – tikkostitwixxix diskriminazzjoni, attribwibbli lill-Italja, fir-rigward tad-dividendi li jitħallsu lil benefiċjarji barranin. Madankollu, fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 53), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ż-żewġ metodi applikati biex tiġi evitata t-taxxa doppja kienu t-tnejn ugwalment validi. Madankollu, din il-kwistjoni għadha pendenti fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari (kawżi magħquda C-436/08 u C-437/08, Haribo et, ĠU 2009 C 19, p. 11).


28 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniorenheimstatt (C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 50).


29 – Ara f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 1998, Gilly (C-336/96, Ġabra p. I-2793, punt 47). Din hija wkoll ir-raġuni għalfejn ma huwiex meħtieġ pereżempju li t-trasferiment tar-residenza jkun fiskalment newtrali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ April 2004, Weigel [C-387/01, Ġabra p. I-4981, punt 55], tal-15 ta’ Lulju 2004, Lindfors [C-365/02, Ġabra p. I-7183, punt 34], u tat-12 ta’ Frar 2009, Block [C-67/08, Ġabra p. I-883, punt 35]).


30 – Fuq din il-problematika, ara l-konklużjonijiet fil-kawża Amurta, (sentenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 87 et seq).


31 – F’dan ir-rigward jirreferi għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 51).


32 – B’mod partikolari, ara f’dan is-sens is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 50), u tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA (C-451/05, Ġabra p. I-8251, point 91).


33 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63, kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, p. 757).


34 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-521/07, Ġabra p. I-4873 punt 33), b’referenza għas-sentenza tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C-452/01, Ġabra p. I-9743, punt 32).


35 – Ara s-sentenza ċċitata iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (nota 33, punti 38 u 39).


36 – Ara l-punt 65 iktar ’il fuq.


37 – Sentenza A (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 61).


38 – Ara f’dan is-sens is-sentenza A (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punti 62 sa 64).