Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET MAZÀK – KAWŻA C-2/08

OLIMPICLUB

I - 16 

         I - 17

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2009 (1)

Kawża C-2/08

Amministrazione dell’economia e delle Finanze

u Agenzia delle Entrate

vs

Olimpiclub Srl, fi stralċ

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja)]

“VAT – Prattiki abbużivi – Supremazija tad-dritt Komunitarju – Ċertezza legali – Prinċipju ta’ res judicata – Sentenzi finali”





I –    Introduzzjoni

1.        B’digriet tal-10 ta’ Ottubru 2007, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Jannar 2008, il-Corte suprema di cassazione (l-Italja) (iktar ’il quddiem il-“Qorti Suprema tal-Kassazzjoni” jew il-“qorti tar-rinviju”), għamlet talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 234 KE rigward l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata fi proċeduri legali dwar il-ħlas tal-VAT.

2.        Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tiżgura jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza Lucchini, (2) id-dritt Komunitarju jobbligahiex li ma tapplikax regola tad-dritt nazzjonali li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, li jikkonferixxi finalità lil sentenza mogħtija minn qorti oħra f’kawża dwar l-istess suġġett, jekk biex tagħmel hekk tkun tista’ tiddeċiedi, f’kawża dwar il-ħlas tal-VAT, li t-tranżazzjoni inkwistjoni kienet fil-fatt intiża biss sabiex jiġi akkwistat vantaġġ fiskali, u għalhekk kienet tikkostitwixxi prattika abbużiva.

3.        Din il-kwistjoni ġiet imqajma fil-kuntest ta’ kawża bejn, min-naħa waħda, Olimpiclub Srl fi stalċ (iktar ’il quddiem “Olimpiclub”) u, min-naħa l-oħra, l-Amministrazione dell’Economia e delle Finanze (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni Finanzjarja”) u l-Agenzia delle Entrate (iktar ’il quddiem l-“Awtorità tad-Dħul”) rigward avviżi ta’ aġġustament tal-VAT għas-snin mill-1988 sal-1991.

II – Il-kuntest legali

4.        L-Artikolu 2909 tal-Codice Civile (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili Taljan”), li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, jipprovdi kif ġej:

“Konklużjonijiet magħmula f’sentenzi li kisbu l-forza ta’ res judicata għandhom jorbtu lill-partijiet, lis-suċċessuri legali u l-aventi kawża tagħhom.”

5.        F’dan ir-rigward, id-digriet tar-rinviju juri li, fir-rigward ta’ kawżi ta’ taxxa, il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni kienet ankrata għal żmien twil ma’ dak li huwa magħruf bħala l-prinċipju ta’ “frammentazione dei giudicati” (“is-separazzjoni ta’ sentenzi finali”), li kull sena ta’ tassazzjoni tibqa’ konċettwalment għal kollox separata minn snin oħra ta’ tassazzjoni u toħloq, bejn min iħallas it-taxxa u l-awtoritajiet tat-taxxa, relazzjoni legali li hija distinta minn dik li għandha x’taqsam ma’ snin ta’ tassazzjoni preċedenti jew sussegwenti. L-effett huwa li, kull meta kawża tirrigwarda snin ta’ tassazzjoni differenti, dawn jiġu deċiżi separatament permezz ta’ numru ta’ sentenzi – minflok b’sentenza waħda li torbot flimkien id-diversi deċiżjonijiet rilevanti – anki jekk għandhom x’jaqsmu mal-istess taxxa u anki jekk jikkonċernaw kwistjonijiet li huma, kompletament jew parzjalment, l-istess. Dan ifisser li ebda waħda mid-deċiżjonijiet mogħtija ma tista’ tikkostitwixxi res judicata għall-iskopijiet ta’ kawża li tikkonċerna sena ta’ tassazzjoni differenti.

6.        Madankollu, skont id-digriet tar-rinviju, il-prinċipju ta’ “separazzjoni tas-sentenzi finali” ġie emendat bil-ġurisprudenza aktar riċenti tal-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, li s-suġġett ta’ sentenza dwar taxxa mhuwiex neċessarjament limitat għall-miżura kkontestata, imma jista’ jkopri wkoll il-merti tat-talba għat-taxxa magħmula mill-awtoritajiet u r-rapport relatat. Għaldaqstant ġiet enfasizzata kemm jista’ jkun in-natura unitarja tat-taxxa, minkejja l-fatt li tkun relatata ma’ perijodi ta’ tassazzjoni separati u suċċessivi (3).

7.        Għaldaqstant, f’kawża dwar taxxa, huwa possibbli li tibbaża fuq sentenza anki jekk mogħtija fir-rigward ta’ perijodu ta’ tassazzjoni differenti minn dak li għandha x’taqsam miegħu l-kawża, sakemm tkun tikkonċerna punt fundamentali komuni fiż-żewġ kawżi. Skont il-qorti tar-rinviju, ir-raġuni għal dan hija li l-prinċipju li s-snin ta’ tassazzjoni għandhom jitqiesu bħala separati ma għandux jostakola sentenza dwar perijodu ta’ tassazzjoni partikolari milli tkun vinkolanti wkoll fir-rigward ta’ perijodi ta’ tassazzjoni oħrajn, meta jkunu involuti elementi importanti rilevanti għal iktar minn perijodu ta’ tassazzjoni partikolari.

III – Il-fatti, il-proċeduri u t-talbiet għal deċiżjoni preliminari

8.        Olimpiclub hija kumpannija b’responsabbiltà limitata li għandha bħala għanijiet il-kostruzzjoni u l-immaniġġjar ta’ faċilitajiet sportivi u li hija sid ta’ kumpless sportiv li jinsab fuq art proprjetà tal-Istat.

9.        Fis-27 ta’ Diċembru 1985, Olimpiclub ikkonkludiet mal-Associazione Polisportiva Olimpiclub (Assoċjazzjoni Sportiva Olimpiclub, iktar ’il quddiem l-“Assoċjazzjoni”), li kważi l-membri fundaturi kollha tagħha kellhom ukoll ishma f’Olimpiclub, kuntratt ta’ kommodat, fi kliem ieħor, kuntratt li bih parti waħda tittrasferixxi lil oħra proprjetà mobbli jew immobbli għall-użu ta’ dik il-parti għal perijodu definit jew indefinit, bl-obbligu tal-parti li lilha tiġi ttrasferita l-proprjetà li tirritornaha lura (“il-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 1985”). Skont dan il-kuntratt, l-użu tal-apparat kollu nstallat fil-kumpless sportiv ingħata lill-Assoċjazzjoni, bl-uniku korrispettiv ikun li l-Assoċjazzjoni tħallas it-tariffa tal-Istat, tħallas lura l-ispejjeż standard annwali fl-ammont ta’ LIT 5 000 000 fis-sena, u tittrasferixxi lil Olimpiclub id-dħul gross kollu tagħha, li jikkonsisti fl-ammont totali tal-miżati mħallsa mill-membri tagħha.

10.      Fl-1992, il-Guardia di Finanza (il-Pulizija Finanzjarja) wettqet investigazzjonijiet tat-taxxa li sussegwentement ġew estiżi wkoll għall-Assoċjazzjoni, u li laħqu l-qofol tagħhom fil-kompilazzjoni ta’ żewġ rapporti (iktar ’il quddiem ir-“rapporti”) li żvelaw irregolaritajiet rigward il-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 1985. Il-konklużjoni kienet li l-awtoritajiet tat-taxxa ma setgħux jiġu kkonfrontati b’dan il-kuntratt.

11.      Konsegwentement, inħarġu erba’ avviżi ta’ aġġustament tal-VAT fir-rigward tas-snin ta’ tassazzjoni mill-1988 sal-1991. Olimpiclub ikkontestat dawn l-avviżi quddiem il-Commissione tributaria provinciale di primo grado di Roma (Qorti Provinċjali tat-Taxxa tal-Prim’Istanza ta’ Ruma).

12.      Quddiem din il-qorti, l-Agenzia delle Entrate sostniet li l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Guardia di Finanzia kienu żvelaw li, meta kkonkludew il-kuntratt formalment legali tas-27 ta’ Diċembru 1985, l-uniku ħsieb tal-partijiet, fir-realtà, kien li tiġi evitata l-liġi fiskali sabiex jiksbu vantaġġ tat-taxxa mhux dovuta għal Olimpiclub. Essenzjalment, billi rrikorriet għall-mekkaniżmu tal-kuntratt tal-kommodat, Olimpiclub kienet ittrasferiet lill-assoċjazzjoni bla skop ta’ lukru l-ħlasijiet amministrattivi u maniġerjali kollha tal-kumpless sportiv, u b’hekk ibbenefikat mid-dħul li għamlet l-Assoċjazzjoni bla ma ġiet imposta ebda xorta ta’ taxxa fuq dak id-dħul. Bl-immaniġġjar tal-faċilitajiet tal-kumpannija, l-Assoċjazzjoni kienet, fil-fatt, qed tiġġenera dħul ħieles minn tassazzjoni diretta jew indiretta, sakemm kien iġġenerat fil-forma ta’ dħul mill-miżati tal-membri.

13.      Madankollu, il-Commissione tributaria provinciale aċċettat it-talba ta’ Olimpiclub, u kkonkludiet li l-Amministrazione Finanziaria ma setgħetx tannulla l-effetti legali tal-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 1985 u li l-ftehim fi kwalsiasi każ, ma kienx sar bi frodi.

14.      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell mill-Commissione tributaria regionale del Lazio (Qorti Reġjonali tat-Taxxa tal-Lazio), li kkonfermat, b’mod partikolari, li l-intenzjoni ta’ frodi ma kinitx ġiet ipprovata, peress li r-raġunijiet li għalihom kien ġie konkluż il-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 1985 setgħu jkunu l-fatt li ma kienx ekonomiku għall-kumpannija kummerċjali li timmaniġġja dawk li huma essenzjalment attivitajiet sportivi, u mhux f’xi intenzjoni li jiġu evitati l-obbligi tat-taxxa.

15.      Fil-kawża prinċipali, il-Corte Suprema di Cassazione għandha tiddeċiedi fuq l-appell li tressaq mill-Amministrazione Finanziaria minn dik is-sentenza fuq punt ta’ liġi. Peress li Olimpiclub kienet, fil-frattemp, ġiet iddikjarata falluta, quddiem dik il-qorti deher il-kuratur fil-proċeduri tal-istralċ u għamel kontrotalba.

16.      L-Amministrazione Finanziaria ssollevat aggravju wieħed komplessiv, li fih allegat motivazzjoni illoġika u insuffiċjenti dwar punt deċisiv fil-kawża, u ksur u applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 116 tal-Kodiċi Ċivili tal-Proċedura, kif ukoll tal-Artikolu 37a tad-Digriet Presidenzjali Nru 600/1973 u l-Artikolu 10 tal-Liġi Nru 408/1990, it-tnejn li huma kkunsidrati bħala inapplikabbli f’din il-kawża mill-Qorti Reġjonali tat-Taxxa. Dan l-aggravju tal-appell essenzjalment huwa intenzjonat sabiex jikkontesta l-konklużjoni fis-sentenza tal-Commissione tributaria regionale del Lazio li ma kienx hemm intenzjoni li tiġi evitata t-taxxa.

17.      Olimpiclub, min-naħa l-oħra, fir-risposta tagħha rreferiet, b’mod partikolari, għal numru ta’ sentenzi finali, mogħtija mill-Commissione tributaria provinciale di Roma u l-Commissione tributaria regionale del Lazio, u li jikkonċernaw stimi ta’ taxxa rigward perijodi ta’ tassazzjoni differenti imma bbażati fuq l-istess rapporti bħal dawk li taw lok għall-istimi ta’ taxxa u n-noti ta’ aġġustament inkwistjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

18.      Olimpiclub sostniet li dawk is-sentenzi, fejn ġie deċiż li l-mekkaniżmu stabbilit fil-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 1985 ma kienx illeċitu għal skopijiet ta’ taxxa, kienu kisbu l-awtorità ta’ res judicata kif stabbilit fl-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u li, konsegwentement, minkejja l-fatt li l-konklużjonijiet li hemm fihom għandhom x’jaqsmu ma’ snin ta’ tassazzjoni differenti minn dawk inkwistjoni, dawn għandhom saħħa vinkolanti għall-iskopijiet tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. B’riżultat ta’ dan, skont Olimpiclub, il-qorti tar-rinviju hija prekluża milli teżamina mill-ġdid il-kwistjoni tal-prattiki abbużivi.

19.      Fir-rigward ta’ din l-oġġezzjoni preliminari dwar l-ammissibbiltà tal-appell, ibbażata fuq l-awtorità ta’ res judicata, il-qorti tar-rinviju tistqarr li, filwaqt li s-sentenzi tal-Commissione tributaria provinciale di Roma, li sar riferiment għalihom minn Olimpiclub, għandhom jitqiesu li huma irrilevanti għall-iskopijiet preżenti, bħala regola, jista’ jsir riferiment għas-Sentenzi Nri 138/43/00 u 67/01/03 tal-Commissione tributaria regionale del Lazio, mogħtija fil-kawżi dwar il-VAT u li għandhom x’jaqsmu, rispettivament, mas-snin ta’ tassazzjoni 1987 u 1992.

20.      Għaldaqstant mid-digriet tar-rinviju jidher li l-Corte Suprema di Cassazione tikkonsidra lilha nnifisha, skont il-prinċipju ta’ res judicata, kif stipulat fl-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan u kif interpretat mill-istess qorti, marbuta b’dawk is-sentenzi, li kienu saru abbażi tal-istess punti ta’ fatt u ta’ liġi bħal dawk inerenti fil-kawża preżenti u li kkonkludew li l-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 1985 ma kienx sar b’abbuż jew bi frodi.

21.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota li din is-sitwazzjoni legali – fejn ikun possibbli, fi proċeduri bħal dawk li għandha quddiemha, għal persuna taxxabbli li tibbaża ruħha fuq sentenza finali mogħtija minn qorti oħra u fir-rigward ta’ perijodu ta’ tassazzjoni differenti – tidher, peress li din tista’ timpediha milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt, li tkun ta’ ostakolu għall-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt kif żviluppata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, speċifikament fir-rigward tal-VAT, bħala mezz sabiex ikun assigurat li s-sistema ta’ tassazzjoni tal-Komunità tiġi implimentata kollha kemm hi (4).

22.      Skont il-qorti tar-rinviju, f’dak ir-rigward jitqajjem ukoll id-dubju dwar il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-obbligu li għandha tingħata effettività sħiħa lid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u li ma jiġux applikati dispożizzjonijiet ta’ dritt (proċedurali) nazzjonali li huma f’konflitt mad-dritt Komunitarju u li jistgħu jikkompromettu l-applikazzjoni tiegħu (5).

23.      B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju mhijiex ċerta dwar ir-rilevanza għall-kawża preżenti tas-sentenza Lucchini (6), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja affermat il-prinċipju li d-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li jfittex li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, fejn l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal din timpedixxi l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tad-dritt Komunitarju. Fil-fehma tal-Corte Suprema di Cassazione, din is-sentenza tidher li tifforma parti minn tendenza iktar ġenerali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex l-awtorità ta’ sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali tiġi kkunsidrata bħala relattiva, u li teħtieġ li dawn jitwarrbu għal raġunijiet ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju (7).

24.      B’dan l-isfond, il-Corte Suprema di Cassazione ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, intiża sabiex tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, meta din l-applikazzjoni twassal għal riżultat li jmur kontra d-dritt Komunitarju, b’mod illi jġib fix-xejn l-applikazzjoni tiegħu, anki f’setturi differenti minn dak tal-għajnuna mill-Istat (fir-rigward ta’ liema teżisti sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tat-18 ta’ Lulju 2007, Lucchini s.p.a., C-119/05) u, b’mod partikolari, fil-qasam tal-VAT u ta’ abbuż ta’ dritt imwettaq bil-għan li jiġi indebitament evitat il-ħlas ta’ taxxa, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriterju ta’ dritt nazzjonali – hekk kif interpretat mill-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti, skont liema, fi kwistjonijiet ta’ taxxa, ir-res judicata f’kawża partikolari, meta din tirrigwarda punt fundamentali komuni ma’ kawżi oħra, għandha, fir-rigward ta’ dan il-punt, effett vinkolanti, anki jekk il-konstatazzjonijiet imwettqa f’dan il-każ jirreferu għal perijodu ta’ tassazzjoni differenti?”

IV – L-analiżi ġuridika

25.      Kif inhu evidenti minn dak li ntqal hawn fuq, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk id-dritt Komunitarju jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li jfittex li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-qrati nazzjonali, tkun timpedixxi qorti nazzjonali – f’kawża bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju dwar l-applikazzjoni tal-VAT – milli teżamina jekk ċerta tranżazzjoni tikkostitwix prattika abbużiva, meta deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun diġà ingħatat f’sentenza finali mogħtija minn qorti oħra, anki jekk fir-rigward ta’ perijodu ta’ tassazzjoni differenti.

A –    Is-sottomissjonijiet prinċipali tal-partijiet

26.      F’din il-kawża, ġew ippreżentati noti ta’ osservazzjonijiet mill-Gvern Taljan, mill-Kummissjoni u minn Olimpiclub. Apparti Olimpiclub, dawn il-partijiet kienu rrappreżentati waqt is-seduta tat-22 ta’ Jannar 2009, fejn, barra minn hekk, kien rappreżentat ukoll il-Gvern Slovakk.

27.      Il-partijiet kollha essenzjalment jaqblu li s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Lucchini (8) ma tistax tiġi trasposta għal sitwazzjoni bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju, u li dik is-sentenza għalhekk mhijiex rilevanti għall-każ preżenti. F’dan ir-rigward, huma jissottomettu, b’mod partikolari, li s-sentenza Lucchini għandha tiġi interpretata fil-kuntest speċifiku tagħha, jiġifieri, fir-rigward tan-nuqqas tal-qorti nazzjonali li tieħu inkunsiderazzjoni deċiżjoni eżistenti tal-Kummissjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat partikolari mas-suq komuni. Filwaqt li s-sentenza Lucchini għalhekk kellha x’taqsam ma’ materja li dwarha l-qrati nazzjonali bħala regola ma għandhom ebda ġurisdizzjoni, fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju jiddependi għal kollox mill-awtoritajiet fiskali u l-qrati nazzjonali sabiex japplikaw is-sistema tal-VAT u sabiex jistabbilixxu jekk hemmx prattika abbużiva.

28.      Il-Kummissjoni tissottometti, b’mod iktar speċifiku, li huwa ċar mill-ġurisprudenza, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, rigward ir-relazzjoni bejn prinċipji tad-dritt Komunitarju u d-dritt proċedurali nazzjonali li huwa biss f’każijiet eċċezzjonali u konformi ma’ kundizzjonijiet pjuttost iebsin li l-Qorti tal-Ġustizzja se tikkonkludi li regola ta’ dritt proċedurali nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża preżenti, tonqos milli tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li s-sentenzi finali, mogħtija minn qrati nazzjonali, li fuqhom tibbaża Olimpiclub fil-kawża preżenti għandhom x’jaqsmu ma’ snin ta’ tassazzjoni u proċeduri differenti minn dawk li d-deċiżjoni eventwali tal-qorti tar-rinviju se tagħmel riferiment għalihom. Fuq dan il-punt, il-kawża preżenti għandha tinżamm distinta minn kawżi bħal Eco Swiss (9) u Kapferer (10).

29.      Madankollu, il-Kummissjoni tikkontendi, li l-inkompatibbiltà mad-dritt Komunitarju ta’ regola dwar res judicata kif interpretata mill-qorti tar-rinviju, li tgħid li s-sentenzi huma vinkolanti fir-rigward ta’ perijodi ta’ tassazzjoni differenti, hija kkonfermata mill-prinċipju, inerenti fis-sistema tal-VAT, li kull perijodu ta’ tassazzjoni jagħti lok għal responsabbiltà għal ħlas ta’ taxxa separata.

30.      Għaldaqstant il-Kummissjoni jidhrilha li mhuwiex ġustifikat – anki fid-dawl tal-obbligi taċ-ċertezza legali u l-prinċipju ta’ effettività tad-dritt Komunitarju, imma meta tiġi kkunsidrata l-importanza mogħtija, b’mod ġenerali, lill-prinċipju ta’ res judicata – li qorti nazzjonali għandha tiġi ipprojbita milli teżamina, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-VAT, jekk saritx xi prattika abbużiva, sempliċement għax sentenza finali “esterna” iddeċidiet dwar din il-kwistjoni fir-rigward ta’ perijodu ta’ tassazzjoni differenti.

31.      Il-Gvern Taljan essenzjalment jaqbel mal-pożizzjoni li dik l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata hija sproporzjonata u tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ skont id-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju, ikun kemm ikun fundamentali, għandu jiġi rrikonċiljat ma’ regola li hija fundamentali daqsu li tipprojbixxi l-abbuż ta’ dritt f’materja ta’ tassazzjoni. Kif jidher ċar mid-digriet tar-rinviju, huwa pjuttost ovvju li fil-każ preżenti seħħ abbuż bħal dan.

32.      Il-Gvern Taljan josserva li fir-rigward tas-suġġett tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju – jiġifieri, fir-rigward tal-perijodi ta’ tassazzjoni mill-1988 sal-1991 – sa issa attwalment ma ttieħdet ebda deċiżjoni. F’dawn iċ­-ċirkustanzi, għandu jibqa’ possibbli għall-qorti tar-rinviju li teżamina l-kwistjoni tal-prattiki abbużivi.

33.      Għall-kuntrarju, Olimpiclub issostni li l-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, kif interpretat mill-qorti tar-rinviju, ma jmurx kontra d-dritt Komunitarju. Filwaqt li tistabbilixxi d-differenzi bejn il-kawża preżenti u d-diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati fid-digriet tar-rinviju, targumenta li din il-pożizzjoni mhijiex ikkontestata minn dawk is-sentenzi. Barra minn hekk, tenfasizza l-importanza fundamentali tal-prinċipju ta’ ċertezza legali – u tal-prinċipju ta’ res judicata – kemm fis-sistema legali nazzjonali u f’dik Komunitarja.

34.      Il-Gvern Slovakk jaqbel essenzjalment mal-pożizzjoni li tieħu Olimpiclub, u jenfasizza r-rwol ċentrali tal-prinċipju ta’ res judicata, li huwa fl-interess ġenerali li jiġi rrispettat. Il-kawża preżenti pjuttost għandha tiġi deċiża abbażi tal-linja ta’ awtorità tas-sentenzi Kühne & Heitz (11) u Eco Swiss (12). Għalkemm dan il-prinċipju mhux wieħed assolut, il-kundizzjonijiet stretti sabiex dan ma jiġix applikat, kif stabbiliti fis-sentenza Lucchini (13), ma ġewx sodisfatti fil-kawża preżenti. Fl-aħħar mill-aħħar huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeċidu jekk iż-żewġ każijiet humiex identiċi jew le.

B –    Evalwazzjoni

35.      Sabiex il-kwistjonijiet li tqajmu f’dan il-każ jitqiegħdu f’kuntest iktar wiesa’, l-ewwel nett għandu jitfakkar li d-dmir sabiex jiġi implimentat u infurzat id-dritt Komunitarju – għajr fejn ġie speċifikament fdat lil istituzzjonijiet Komunitarji – jaqa’ primarjament fuq l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali tal-Istati Membri (14) li huma fid-dmir, skont l-Artikolu 10 KE, sabiex jieħdu dawk il-miżuri kollha xierqa, kemm ġenerali jew partikolari, sabiex jassiguraw konformità mal-obbligi li joħorġu mid-dritt Komunitarju.

36.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi stipulati mid-dritt Komunitarju, meta jimplimentaw id-dritt Komunitarju, l-Istati Membri, bħala regola, jaġixxu skont ir-regoli proċedurali u sostantivi tal-liġi tagħhom stess. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja, hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-qrati u t-tribunali li għandhom ġurisdizzjoni u tistabbilixxi regoli proċedurali ddettaljati li jirregolaw l-azzjonijiet sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet li individwi jiksbu b’effett dirett tad-dritt Komunitarju (15).

37.      Għaldaqstant jista’ jingħad li d-drittijiet u l-obbligi li joħorġu minn sorsi tad-dritt Komunitarju joriġinaw, bħala regola, minn “kanali” istituzzjonali u proċedurali pprovduti skont is-sistemi legali nazzjonali differenti.

38.      Dawn ir-ramifikazzjonijiet nazzjonali tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju, madankollu, għandhom jikkonformaw ma’ ċerti rekwiżiti tad-dritt Komunitarju intiżi sabiex jiżguraw l-applikazzjoni sħiħa tiegħu.

39.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li fejn l-Istati Membri, jistabbilixxu, skont dik li ġiet msejħa l-awtonomija proċedurali tagħhom, ir-regoli proċedurali għal proċeduri maħsuba biex jassiguraw il-protezzjoni ta’ drittijiet li individwi jiksbu permezz tal-effett dirett tad-dritt Komunitarju, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li tali regoli ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw azzjonijiet nazzjonali simili (il-prinċipju ta’ ekwivalenza) u li dawn ma jkunux ifformulati b’tali mod li jagħmilha eċċessivament diffiċli jew impossibbli fil-prattika li jiġu eżerċitati d-drittijiet mogħtija bid-dritt Komunitarju (il-prinċipju ta’ effettività) (16).

40.      Apparti minn dawn il-limitazzjonijiet fuq il-liġi proċedurali nazzjonali, li l-Qorti tal-Ġustizzja fformulat fir-rigward tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, numru ta’ obbligi dwar l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju mill-Istati Membri joħorġu direttament – u “oġġettivament”, jiġifieri, pjuttost b’mod indipendenti minn kuntest ikkaratterizzat mill-“asserzjoni ta’ drittijiet Komunitarji minn individwi” – mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju u d-dmir li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tiegħu.

41.      Kif inhu magħruf sew, skont il-qofol ta’ dawn il-prinċipji, kull dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, kemm jekk ta’ natura sostantiva jew proċedurali, għandha, bħala regola, tagħti preċedenza lid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li tkun f’konflitt magħhom (17).

42.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, fir-rigward tal-obbligi li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt Komunitarju, li huma kemm il-korpi amministrattivi nazzjonali u l-qrati li għandhom jassiguraw l-osservanza tar-regoli tad-dritt Komunitarju fl-isferi ta’ kompetenza rispettivi tagħhom u, jekk meħtieġ, li jirrifjutaw minn jeddhom li japplikaw kwalunkwe regola li hija ta’ ostaklu għall-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju (18).

43.      Huwa dan l-obbligu, li jaqa’ fuq il-qrati nazzjonali, sabiex jiggarantixxu s-supremazija tad-dritt Komunitarju u jassiguraw l-effettività sħiħa tiegħu – jew, b’mod iktar ġenerali, l-obbligu tagħhom li jiddefendu l-istat tad-dritt fil-Komunità - li jista’ jiġi affettwat b’regola nazzjonali bħal dik ikkontestata hawnhekk li tfittex li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, peress illi din ir-regola tagħmilha impossibbli għall-qrati nazzjonali li japplikaw regola Komunitarja b’mod korrett. Għaldaqstant, huwa b’riferiment għal dan l-obbligu li r-regola ta’ dritt nazzjonali għandha tiġi evalwata (19).

44.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, l-ewwel nett, li l-Qorti tal-Ġustizzja ripetutament enfasizzat li regoli li jagħtu finalità lil deċiżjonijiet ġudizzjarji jew amministrattivi jikkontribwixxu għaċ-ċertezza legali, li huwa prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju (20).

45.      Fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja – b’mod iktar speċifiku fis-sentenzi Eco Swiss, Köbler u Kapferer, li kienu jikkonċernaw il-finalità ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji – irrikonoxxiet l-importanza, kemm għas-sistema legali Komunitarja kif ukoll għas-sistemi legali nazzjonali, tal-prinċipju ta’ res judicata. Hija rrikonoxxiet li sabiex tiġi żgurata kemm l-istabbilità tal-liġi u tar-relazzjonijiet legali kif ukoll l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa importanti li d-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jkunu saru definittivi wara li jkunu ġew eżawriti r-rimedji legali kollha jew wara li jkunu skadew it-termini previsti f’dan ir-rigward, ma jistgħux jiġu kkontestati iktar (21).

46.      Kif ġie enfasizzat minn Olimpiclub u l-Gvern Slovakk, jidher b’mod partikolari mis-sentenzi Eco Swiss u Kapferer, li għaldaqstant id-dritt Komunitarju, bħala regola, ma jobbligax qorti nazzjonali biex ma tapplikax regoli nazzjonali ta’ proċedura li jagħtu finalità lil deċiżjoni, anki jekk li kieku jsir hekk, dan jippermetti li jiġi rimedjat ksur tad-dritt Komunitarju mid-deċiżjoni inkwistjoni (22).

47.      Madankollu, huwa ċar ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-prinċipju ta’ ċertezza legali – u l-finalità tad-deċiżjonijiet, li toħroġ minn dan il-prinċipju – mhuwiex assolut fis-sens li dan jipprevali f’kull sitwazzjoni: pjuttost għandu jiġi rrikonċiljat ma’ valuri oħra li ħaqqhom jiġu protetti, bħal pereżempju l-prinċipji tal-legalità u tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, u l-prinċipju ta’ effettività (23).

48.      Konsegwentement, sa fejn regoli nazzjonali li jikkonferixxu finalità fuq deċiżjonijiet joħolqu ostaklu għal dawn il-prinċipji, qrati nazzjonali – u, jekk ikun il-każ, korpi amministrattivi – jistgħu, kif jidher mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġu obbligati, f’ċirkustanzi speċifiċi, li ma japplikawx dawn ir-regoli (24).

49.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Kühne & Heitz iddeċidiet li l-korp amministrattiv responsabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni amministrattiva għandu obbligu, konformi mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni skont l-Artikolu 10 KE, li jistħarreġ u possibbilment jikkonsidra mill-ġdid din id-deċiżjoni, jekk jiġu sodisfatti erba’ kundizzjonijiet speċifiċi (25).

50.      Huwa evidenti mill-importanza marbuta maċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża Kühne & Heitz (26), imbagħad mill-kawża i-21 Germany u Arcor, li l-Qorti tal-Ġustizzja ddistingwiet minn Kühne & Heitz billi għamlet riferiment għal dawn iċ-ċirkustanzi (27). li regoli ta’ dritt nazzjonali li, fl-interess taċ-ċertezza legali, jikkonferixxu finalità fuq deċiżjonijiet jistgħu f’każijiet eċċezzjonali biss u skont kundizzjonijiet stretti għandhom jiġu kkontestati bis-saħħa u l-effett tad-dritt Komunitarju.

51.      Imbagħad għandu jiġi nnotat li, fis-sentenza Kapferer, il-Qorti tal-Ġustizzja la kkonfermat u lanqas eskludiet li l-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Kühne & Heitz – dwar l-obbligu impost fuq korp amministrattiv li jistħarreġ deċiżjoni finali amministrattiva li kienet tmur kontra d-dritt Komunitarju – setgħu jiġu trasposti f’kuntest, bħal dak tas-sentenza Kapferer, dwar deċiżjoni ġudizzjarja: il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat lilha nnifisha għall-konklużjoni li, fi kwalunkwe każ, waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Kühne & Heitz ma ġietx sodisfatta (28).

52.      Fl-aħħar nett, madankollu, fis-sentenza Lucchini, il-Qorti ddeċidiet, billi għamlet riferiment għad-dmir tal-qrati nazzjonali li jagħtu effett sħiħ lid-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u lis-supremazija tiegħu, li d-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali – l-istess bħal dik ikkontestata fil-kawża preżenti – li tfittex li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni timpedixxi l-irkupru ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija bi ksur tad-dritt Komunitarju li tkun instabet li hija inkompatibbli mas-suq komuni b’deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej li tkun saret finali (29).

53.      Il-fattur li, essenzjalment, jidher li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien deċiżiv f’din il-kawża kien li, meta ħadet id-deċiżjoni kkontestata li Lucchini kien intitolat għall-għajnuna mill-Istat, meta din kienet diġà ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni b’deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha kif delimitata mid-dritt Komunitarju, peress li l-valutazzjoni dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat mad-dritt Komunitarju taqa’, kif enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kompetenza esklussiva tal-qrati Komunitarji (30).

54.      Il-pożizzjoni meħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-serje ta’ każijiet li jikkonċernaw l-obbligu li jiġu mistħarrġa jew ikkunsidrati mill-ġdid deċiżjonijiet finali li jmorru kontra d-dritt Komunitarju hija ċertament ikkaratterizzata bl-enfażi li għamlet fuq iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ individwali. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, kull waħda minn dawn is-sentenzi tirrifletti bilanċ li kellu jinżamm, fiċ­-ċirkustanzi fattwali u legali partikolari tal-każ bejn iċ-ċertezza legali, li l-finalità tad-deċiżjonijiet hija intenzjonata li taqdi, u r-rekwiżiti tal-legalità Komunitarja (31).

55.      Konsegwentement, jien ma naqbilx mal-pożizzjoni li ġiet issuġġerita mill-qorti tar-rinviju li s-serje ta’ kawżi msemmija hawn fuq turi xi tendenza ġenerali fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja lejn it-tnaqqir jew it-tnaqqis tal-prinċipju ta’ res judicata.

56.      Sabiex tiġi evalwata, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet hawn fuq imsemmija, id-domanda jekk id-dritt Komunitarju jobbligax il-qorti tar-rinviju sabiex ma tapplikax ir-regola ta’ res judicata, skont it-tifsira mogħtija minn dik il-qorti, il-kuntest li fih dik il-kwistjoni tkun tqajmet għandu jiġi kkunsidrat f’iktar dettall.

57.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju apparentement għandha dubji dwar il-korrettezza tal-konklużjoni tal-qorti inferjuri – li dwarha sar appell quddiemha fuq punt ta’ liġi – fis-sens li l-mekkaniżmu kuntrattwali magħżul minn Olimpico, jiġifieri l-kuntratt ta’ kommodat tas-27 ta’ Diċembru 1985, ma kienx abbużiv u għalhekk ma kienx jikkostitwixxi tranżazzjoni illeċita għall-iskopijiet tal-impożizzjoni tal-VAT.

58.      Għalkemm, kif osservat il-Kummissjoni, il-qorti tar-rinviju ma identifikatx fid-dettall l-elementi li fuqhom kienu bbażati d-dubji dwar il-korrettezza ta’ din l-evalwazzjoni, madankollu mid-digriet tar-rinviju jirriżulta illi l-qorti tar-rinviju tissuspetta li din l-evalwazzjoni mhijiex konformi mal-kunċett tal-abbuż ta’ dritt fil-qasam tal-VAT, kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju għamlet riferiment għas-sentenza Halifax (32), kif ukoll għas-sentenza Part Service (33), li kienet għadha pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja meta sar ir-rinviju preżenti. F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet il-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt skont is-Sitt Direttiva (34) u tat gwida dwar il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tranżazzjonijiet jistgħu jinstabu li jikkostitwixxu prattika abbużiva għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-VAT.

59.      Għaldaqstant il-qorti tar-rinviju trid tiżgura, fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni korretta tar-regola Komunitarja li tipprojbixxi prattiki abbużivi fil-qasam tal-VAT, imma qed tara lilha nnifisha pprojbita milli tagħmel dan minħabba l-prinċipju ta’ res judicata skont il-liġi Taljana. Minħabba dan il-prinċipju, il-qorti tar-rinviju hija obbligata li taċċetta l-konklużjoni, stabbilita f’sentenzi finali mogħtija minn qorti oħra u rigward perijodi ta’ tassazzjoni oħrajn, li t-tranżazzjoni inkwistjoni quddiemha ma tikkostitwixxix prattika abbużiva – minkejja l-fatt li, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, din il-konklużjoni hija żbaljata.

60.      Fil-fatt, kif ġie enfasizzat mill-partijiet fil-kawża preżenti, iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti għandhom ftit li xejn xebh ma’ dawk inerenti fis-sentenza Lucchini (35). Fil-kuntest preżenti, il-qorti tar-rinviju ġibdet l-attenzjoni partikolarment għall-fatt li l-kawża hija fil-qasam tal-VAT, jiġifieri, qasam li huwa amministrat mill-awtoritajiet fiskali u mill-qrati nazzjonali u ma jinvolvix l-eżerċizzju ta’ kompetenza Komunitarja esklussiva.

61.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, is-sentenza Lucchini mhijiex ikkaratterizzata mis-“singularità”, fis-sens li d-dritt Komunitarju jista’ jipprekludi l-applikazzjoni ta’ kunċetti nazzjonali tal-prinċipju ta’ res judicatabiss f’każijiet fejn tkun involuta l-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, bħal fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat.

62.      F’dan ir-rigward jistgħu jsiru żewġ osservazzjonijiet. L-ewwel, għandu jitfakkar li r-rekwiżiti tas-supremazija u l-effettività japplikaw b’mod ġenerali għad-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt Komunitarju, inklużi dawk tas-Sitt Direttiva, u li huwa immaterjali f’dan ir-rigward jekk id-dispożizzjonijiet jirriżultawx jew le mill-eżerċizzju tal-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, bħal ma kien il-każ fis-sentenza Lucchini (36) li ddikjarat għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

63.      It-tieni, huwa dibattibbli li kull fejn tkun involuta kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni, il-ksur ta’ regola tad-dritt Komunitarju, jew l-applikazzjoni żbaljata tiegħu, tkun konnessa mill-viċin ma’ nuqqas li tiġi rrispettata d-distribuzzjoni tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Komunità. Fi kliem ieħor, jekk pereżempju, qorti nazzjonali tieħu deċiżjoni li tmur kontra regolament jew direttiva tal-Komunità, din fil-fatt qed tissostitwixxi, sa ċertu punt, id-deċiżjoni tagħha stess b’dik li tkun diġà ittieħdet mill-istituzzjonijiet Komunitarji kompetenti u li hija riflessa fid-dispożizzjonijiet Komunitarji hekk miksura. Għaldaqstant, f’ċertu sens, meta l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tiġi skartata fi Stat Membru, waħda mill-kwistjonijiet li tkun dejjem involuta – anki jekk marġinalment – hija dik tad-demarkazzjoni tas-sistema legali Komunitarja mis-sistema legali nazzjonali, u l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali fir-rigward ta’ dawn is-sistemi.

64.      Mill-banda l-oħra, jibqa’ l-fatt, li kull fejn, bħal fis-sentenza Lucchini, id-deċiżjoni tal-qorti nazzjonali tidħol f’qasam li jaqa’ kompletament fil-kompetenza esklussiva tal-Kummissjoni u fejn, għalhekk, din il-qorti evidentement ma għandha ebda ġurisdizzjoni, se jqumu kwistjonijiet dwar it-tqassim tal-poteri bejn il-Komunità u l-Istati Membri u l-ksur tad-dritt Komunitarju bis-sentenza kkonċernata jkun partikolarment flagranti. Konsegwentement, fid-dawl, essenzjalment, tal-ksur flagranti tad-dritt Komunitarju li fuqu kienet ibbażata s-sentenza kkontestata fil-kawża Lucchini, l-awtorità tagħha bħala res judicata kellha tbaxxi rasha għall-obbligi li jikkonċernaw is-supremazija u l-effettività tad-dritt Komunitarju.

65.      Għall-kuntrarju, f’kawżi li jikkonċernaw oqsma bħal dak tas-sistema Komunitarja tal-VAT, li hija biss parzjalment armonizzata (37), id-distinzjoni bejn il-qasam tad-dritt Komunitarju u dak tad-dritt nazzjonali – u għalhekk id-delimitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali – tista’ tkun iktar sottili.

66.      Għaldaqstant, mhux kull żball li jsir minn qorti nazzjonali fid-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ prattika abbużiva għall-iskopijiet tat-taxxa tal-VAT huwa ta’ rilevanza għad-dritt Komunitarju: pereżempju, jekk din id-determinazzjoni tkun ivvizzjata b’evalwazzjoni żbaljata tal-provi, pjuttost milli b’nuqqas li jiġi applikat il-kunċett korrett ta’ prattiki abbużivi kif iddefinit mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

67.      F’dan il-kuntest, il-perspettiva li minnha l-kawża preżenti għandha tiġi avviċinata hija għal darb’oħra differenti. Il-fattur kruċjali – li, fil-fehma tiegħi, jimmilita favur risposta fl-affermattiv għad-domanda rrinvjata – għandu jinstab fl-iskop speċifiku, u fil-fehma tiegħi pjuttost mhux ortodoss, tal-prinċipju ta’ res judicata kif applikabbli fil-kawża prinċipali u kif għandu jiġi evalwat hawnhekk.

68.      Kif mifhum ġeneralment, l-awtorità ta’ res judicata relatata ma’ sentenza tipprojbixxi li l-istess materja jew kawża – kif iddefiniti b’riferiment għas-suġġett, il-bażi legali u l-partijiet fil-kawża – tiġi kkontestata mill-ġdid f’kawżi sussegwenti. Meta jiġu istitwiti kawżi identiċi bħal dawn normalment jitwaqqfu minħabba inammissibbiltà.

69.      Madankollu, fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża preżenti, is-sentenzi li kisbu il-forza ta’ res judicata ġew mogħtija f’kawżi separati dwar l-impożizzjoni tal-VAT, l-avviżi ta’ aġġustament relatati nħarġu fis-snin ta’ tassazzjoni 1987 u 1992, filwaqt li s-snin ta’ tassazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma s-snin mill-1988 sal-1991. Bl-istess mod, filwaqt li hemm deċiżjonijiet finali fir-rigward tal-impożizzjoni tal-VAT fl-1987 u 1992, il-kawżi tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali għadhom pendenti sa issa.

70.      Għaldaqstant, għalkemm il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju għandha elementi komuni f’diversi aspetti mal-kawżi tat-taxxa li ġew konklużi fiż-żewġ sentenzi finali hawn fuq imsemmija, għandha għaldaqstant titqies, sa fejn tikkonċerna perijodi ta’ tassazzjoni differenti, li hija essenzjalment differenti fir-rigward tas-suġġett tagħha.

71.      Għalhekk, kif jidher mid-digriet tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju mhijiex qed tippjana li tiċħad il-kawża fit-totalità tagħha bħala inammissibbli. Madankollu, bl-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ res judicata (kif applikabbli fil-kawża prinċipali), hija tikkunsidra lilha nnifisha marbuta fir-rigward ta’ ċerti aspetti tas-sentenzi finali inkwistjoni, jiġifieri fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kuntratt tas-27 ta’ Diċembru 1985, bir-riżultat li hija pprojbita, fil-kawża quddiemha, milli tiddetermina jekk dak il-kuntratt jikkostitwix prattika abbużiva kif iddefinita skont id-dritt Komunitarju.

72.      F’dak il-kuntest, għandu jiġi nnotat, l-ewwel, li kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali jqumu f’dawk iċ-ċirkustanzi fir-rigward biss ta’ ċerta parti mill-konklużjonijiet li jinsabu fis-sentenzi li kisbu l-awtorità ta’ res judicata, u mhux fir-rigward ta’ dawk is-sentenzi fit-totalità tagħhom.

73.      It-tieni, iċ-ċirkustanzi tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju huma differenti minn dawk li taw lok għall-kawża Eco Swiss (38) jew il-kawża Kapferer (39) – invokati minn Olimpiclub – fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi jekk sentenza li tkun akkwistat l-awtorità ta’ res judicata għandhiex tiġi mwarrba jew riveduta jekk tkun tmur kontra d-dritt Komunitarju. Għall-kuntrarju, fil-kawża preżenti, is-sentenzi finali kkonċernati, li ġew mogħtija fir-rigward ta’ snin oħra ta’ tassazzjoni, bħala tali mhux se jiġu kkontestati fis-sentenza li se tingħata mill-qorti tar-rinviju fil-kawża li għandha quddiema dwar il-ħlas tal-VAT fis-snin tat-tassazzjoni inkwistjoni.

74.      Meta tiġi kkunsidrata f’dan il-kuntest, is-sitwazzjoni preżenti la hija komparabbli ma’ dik fil-kawża Köbler, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument, ibbażat fuq res judicata, kontra r-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istat ta’ deċiżjoni ta’ qorti mogħtija fl-aħħar istanza, abbażi li dan ir-rikonoxximent fih innifsuma għandux l-effett ta’ kontestazzjoni ta’ dik is-sentenza bħala res judicata (40).

75.      Għaldaqstant, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, fil-fehma tiegħi ma hemm ebda interessi sostanzjali fir-rigward taċ-ċertezza legali li jistgħu jiżbilanċjaw l-obbligu li għandha fuqha l-qorti tar-rinviju li tapplika u li tagħti effettività kompleta lid-dritt Komunitarju, f’dan il-każ il-projbizzjoni tal-prattiki abbużivi fil-qasam tal-VAT. Għalhekk għandu jiġi konkluż li d-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata bl-iskop u l-effetti kkontestati fil-kawża preżenti.

76.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ssemma’ hawn fuq, id-domanda rrinvjata għandha tiġi mwieġba fis-sens li d-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 2909 tal-Kodiċi Ċivili Taljan, li jfittex li jistabbilixxi il-prinċipju ta’ res judicata, inkwantu l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-qrati nazzjonali, timpedixxi qorti nazzjonali, f’kwistjoni bħal dik quddiem il-qorti tar-rinviju dwar il-ħlas ta’ VAT, milli tiddetermina, b’mod korrett u konformi mad-dritt Komunitarju, l-eżistenza ta’ prattiki abbużivi, meta deċiżjoni dwar dik il-kwistjoni tkun diġà inkluża f’sentenza finali mogħtija minn qorti oħra fir-rigward ta’ perijodu ta’ tassazzjoni differenti.

V –    Konklużjoni

77.      Għaldaqstant jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha twieġeb id-domanda rrinvjata kif ġej:

–        id-dritt Komunitarju jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali, bħall-Artikolu 2902 tal-Codice Civile (il-Kodiċi Ċivili Taljan), li jfittex li jistabbilixxi l-prinċipju ta’ res judicata, inkwantu l-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni, kif interpretata mill-qrati nazzjonali, timpedixxi qorti nazzjonali, f’kwistjoni bħal dik li tinsab quddiem il-qorti tar-rinviju dwar il-ħlas ta’ VAT, milli tiddetermina b’mod korrett u konformi mad-dritt Komunitarju l-eżistenza ta’ prattiki abbużivi, meta deċiżjoni dwar din il-kwistjoni tkun diġà inkluża f’sentenza finali mogħtija minn qorti oħra fir-rigward ta’ perijodu ta’ tassazzjoni differenti.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – C-119/05 (Ġabra 2007, p. I-6199).


3 – Il-Corte suprema di cassazione tirreferi għas-sentenzi 13919/06, 16258/07 u 25681/06.


4 – Il-Qorti tirreferi, f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, għas-sentenza Halifax (C-255/02, Ġabra 2006, p. I-1609) u s-sentenza Part Service (C-425/06, Ġabra 2008, p. I-897).


5 – F’dan ir-rigward hija tirreferi b’mod partikolari, għall-Kawża C-312/93, Peterbroeck, (Ġabra 1995 p. I-4599) għall-Kawżi Maqgħuda C-430/93 u C-431/93, Van Schijndel, (Ġabra 1995, p. I-4705) u għall-Kawża C-327/00, Santex (Ġabra 2003, p. I-1877).


6 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


7 – Il-qorti tirreferi, f'dan ir-rigward, b’mod partikolari, għas-sentenzi C-126/97, Eco Swiss (Ġabra 1999, p. I-3055), C-118/00, Larsy (Ġabra 2001, p. I-5063), C-201/02, Wells (Ġabra 2004, p. I-723), u C-453/00, Kühne & Heitz (Ġabra 2004, p. I-837).


8 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


9 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


10 – C-234/04 (Ġabra 2006, p. I-2585).


11 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


12 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


13 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


14 – Ara f’dan is-sens, pereżempju, il-Kawża C-476/93 P, Nutral vs Il-Kummissjoni, (Ġabra 1995, p. I-4125, punt 14).


15 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Deutsche Milchkontor et (205/82 sa 215/82, Ġabra 1983, p. 2633, punt 17), 33/76, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral (Ġabra 1976, p. 1989, punt 5); u Peterbroeck, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 12.


16 – F’dan is-sens, ara s-sentenzi Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 22, Wells, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 67, u Preston et (C-78/98, Ġabra 2000, p. I-3201, punt 31).


17 – Ara diġà s-sentenza Costa vs ENEL (6/64, Ġabra 1964, p. 585). Għandu jiġi nnotat li r-riżoluzzjoni ta’ konflitti bejn normi abbażi ta’ dan il-prinċipju b’mod ġenerali tista’ tirriżulta li hi inqas sempliċi f’każijiet fejn l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju tiġi ostakolata indirettament permezz ta’ ramifikazzjonijiet proċedurali u istituzzjonali fuq livell nazzjonali milli f’każijiet fejn, pereżempju, id-dritt Komunitarju jmur kontra direttament ma’ regola sostantiva tad-dritt nazzjonali. Biex nerġa’ nuża metafora li użajt aktar qabel, l-evalwazzjoni tal-kwistjoni jekk il-“kanali” proċedurali u istituzzjonali nazzjonali li permezz tagħhom id-dritt Komunitarju jrid jopera huma “wisgħin biżżejjed” – fis-sens li r-regola Komunitarja inkwistjoni tista’ tiġi effettivament applikata – hija ta’ natura gradatorja u teħtieġ fil-fatt li jintlaħaq bilanċ bejn, min-naħa waħda, l-interess li tinżamm l-integrità tar-regoli nazzjonali inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti Komunitarji fir-rigward tas-supremazija u l-effettività sħiħa tad-dritt Komunitarju.


18 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi 106/77, Simmenthal (Ġabra 1978, p. 629, punti 21 sa 24), Factortame et, (C-213/89, Ġabra p. I-2433, punti 19 sa 21) kif ukoll Larsy, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 51 sa 52. Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 20; u Lucchini, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt  61.


19 – Għal approċċ simili, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Kühne & Heitz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, b’mod partikolari l-punti 45, 58 u 75, u tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-Kawżi Magħquda C-392/04 u C-422/04, i-21 Germany u Arcor (Ġabra 2006, I-8559, punt 69).


20 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 24, Eco Swiss, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 46, u Willy Kempter (C-2/06, Ġabra 2008, p. I-411, punt 37).


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eco Swiss, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 46 u 47; is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, [Köbler], Kawża C-224/01, Ġabra I-10239, punt 38; u s-sentenza Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 20; ara wkoll, fir-rigward ta’ deċiżjonijiet amministrattivi, i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 51, u s-sentenza Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 24.


22 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 21, u s-sentenza Eco Swiss, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 46 u 47.


23 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi SNUPAT vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, (Ġabra 1961, p. 103), i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 52, u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fl-istess kawża, punt 76.


24 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Kühne & Heitz, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 27; i-21 Germany u Arcor, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 19, punt 52; u Willy Kempter, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 38, u Lucchini, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 63.


25 – Ara l-punti 26 u 27 tas-sentenza Kühne & Heitz: l-ewwel, il-korp amministrattiv għandu jkollu, skont id-dritt nazzjonali, il-poter li jirrikunsidra deċiżjoni mill-ġdid; it-tieni, id-deċiżjoni amministrattiva inkwistjoni trid tkun saret finali b’riżultat ta’ sentenza ta’ qorti nazzjonali li tiddeċiedi fil-prim’istanza; it-tielet, dik is-sentenza għandha, fid-dawl ta’ deċiżjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja sussegwenti għaliha, tkun ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dritt Komunitarju li ġiet adottata mingħajr ma tkun saret talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja fiċ-ċirkustanzi stabbiliti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 234 KE KE; ir-raba’, il-persuna kkonċernata trid tkun għamlet ilment lill-korp amministrattiv immedjatament wara li tkun saret taf bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.


26 – Ara l-punti 26 u 28 tas-sentenza.


27 – Ara l-punti 52 sa 54 ta’ din is-sentenza.


28 – Jiġifieri, il-kundizzjoni li l-korp ikkonċernat ikollu l-poter, skont id-dritt nazzjonali, li jikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjoni; ara s-sentenza Kapferer, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23.


29 – Ara s-sentenza Lucchini, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punti 60 sa 63.


30 – Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, punti 52, 59 u 62 tas-sentenza.


31 – Meta jiġu kkunsidrati fatturi bħall-kuntest proċedurali speċifiku li fih il-qorti jew il-korp amministrattiv jopera, kemm u sa fejn il-qrati jew l-amministrazzjonijiet qdewx id-dmirijiet tagħhom fir-rigward tal-applikazzjoni jew l-implementazzjoni tad-dritt Komunitarju u jekk il-partijiet użawx il-mezzi disponibbli għalihom biex jasserixxu d-drittijiet tagħhom.


32 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


33 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


34 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ: Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274) (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


35 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


36 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


37 – Ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, (C-462/05, Ġabra p. I-4183, punt 51).


38 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7.


39 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10.


40 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 39. Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat f’dan il-kuntest li kawża intiża sabiex tiġi ddikjarata r-responsabbiltà ta’ Stat ma għandhiex l-istess għan u ma tinvolvix neċessarjament l-istess partijiet bħal kawża li tirriżulta fid-deċiżjoni li saret res judicata.