Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

POIARES MADURO

ippreżentati fid-9 ta’ Lulju 2009 1(1)

Kawża C-267/08

SPÖ Landesorganisation Kärnten

vs

Finanzamt Klagenfurt

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Unabhängiger Finanzsenat (l-Awstrija)]

“VAT – Dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Kunċett ta’ ‘attività ekonomika’ – Organizzazzjoni reġjonali ta’ partit politiku – Attivitajiet ta’ pubbliċità li minnhom jibbenefikaw l-organizzazzjonijiet lokali tal-partit – Spejjeż relatati ma’ dawn l-attivitajiet li jeċċedu d-dħul”





1.        Din il-kawża tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (2). Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ċerti tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa minn partit politiku jikkostitwixxux attivitajiet ekonomiċi għall-għanijiet ta’ din id-direttiva.

I –    Il-fatti u d-domandi preliminari

2.        L-appellanti fil-kawża prinċipali hija l-organizzazzjoni reġjonali ta’ Carinthia tas-Sozialdemokratische Partei Österreichs (Partit Soċjal Demokratiku tal-Awstrija; is-“SPÖ”). Din l-organizzazzjoni reġjonali hija magħmula minn gruppi individwali distrettwali u lokali. L-organizzazzjoni reġjonali għandha personalità ġuridika individwali, kif għandhom il-gruppi distrettwali, imma l-gruppi lokali ma għandhomx.

3.        Bejn l-1998 u l-2004 l-appellanti organizzat, għall-gruppi subordinati tagħha, varjetà ta’ attivitajiet ta’ pubbliċità u reklamar b’konnessjoni ma’ diversi elezzjonijiet fl-Awstrija. Essenzjalment, din aġixxiet bħala aġenzija ċentrali tal-akkwisti li tixtri materjal ta’ pubbliċità li sussegwentement ġie kkunsinnat lill-gruppi distrettwali u lokali bi ħlas. Hija organizzat ukoll il-ballu annwali tal-partit. Dawn l-attivitajiet ġew deskritti bħala “pubbliċità esterna”, b’kuntrast mat-taħriġ ta’ uffiċjali tal-partit li kienet tissejjaħ “pubbliċità interna”. Il-kawża preżenti tikkonċerna biss “il-pubbliċità interna”.

4.        Fil-prospetti tat-taxxa tagħha, is-SPÖ ddikjarat diversi ammonti fir-rigward ta’ dħul mill-bejgħ taxxabbli relatat ma’ “pubbliċità esterna” u talbet tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa relatata. Qamet tilwima bejn is-SPÖ u l-awtoritajiet tat-taxxa dwar jekk, fit-twettiq ta’ attivitajiet ta’ pubbliċità esterna għall-gruppi subordinati tagħha, l-appellanti kellhiex titqies, taħt is-Sitt Direttiva tal-VAT, bħala persuna taxxabbli li hija intitolata li tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa f’dan il-kuntest. Il-Finanzamt Klagenfurt (l-Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Klagenfurt) ħa l-pożizzjoni li s-SPÖ ma setgħetx titqies bħala persuna taxxabbli għall-għanijiet tad-direttiva. Is-SPÖ appellat lill-Unabhängiger Finanzsenat (tribunal indipendenti tal-finanzi) ta’ Klagenfurt, li rrinvija t-tmien domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(1)      L-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) għandha tiġi interpretata fis-sens li l-“pubbliċità esterna” mill-organizzazzjoni reġjonali ta’ partit politiku li għandha personalità ġuridika, fil-forma ta’ relazzjonijiet pubbliċi, attività ta’ informazzjoni, organizzazzjoni ta’ manifestazzjonijiet, provvista ta’ materjal ta’ pubbliċità lill-organizzazzjonijiet lokali kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ ballu annwali (ballu tas-SPÖ), għandha titqies li hija attività ekonomika, jekk b’dan il-mod ikun hemm dħul ġej (parzjalment) billi l-ispejjeż għall-“pubbliċità esterna” jiġu addebitati lill-organizzazzjonijiet subordinati tal-partit, li jkollhom personalià ġuridika wkoll (organizzazzjonijiet distrettwali, eċċ.) kif ukoll mill-bejgħ tal-biljetti għall-parteċipazzjoni fil-ballu?

(2)      Fl-evalwazzjoni ta’ “attività ekonomika” skont l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, ikollu konsegwenzi negattivi l-fatt li l-attivitajiet imsemmija fid-Domanda 1 “ikunu riflessi” fuq l-organizzazzjoni reġjonali u f’dan is-sens ikunu utli anki għaliha? Hija fin-natura tal-affarijiet li, fil-kuntest ta’ dawn l-attivitajiet, anki l-partit bħala tali kif ukoll l-għanijiet tiegħu u l-orjentazzjoni politika jiġu konstantement pubbliċizzati, anki jekk mhux b’mod ċentrali, bħala konsegwenza sekondarja inevitabbli?

(3)      Din tibqa’ “attività ekonomika”, fis-sens iċċitat iktar ’il fuq, meta l-ispejjeż għall-“pubbliċità esterna” jaqbżu persistentement u b’mod konsiderevoli d-dħul miksub minn attivitajiet bħal dawn li jiġu mill-addebitu tal-ispejjeż u mill-organizzazzjoni tal-ballu?

(4)      Hemm “attività ekonomika” anki meta l-addebitu tal-ispejjeż ma jsirx skont kriterji ekonomiċi li huma immedjatament individwabbli (pereżempju l-prinċipju tal-imputazzjoni tal-ispejjeż lil min jikkawżahom jew jibbenefika minnhom) u l-organizzazzjonijiet subordinati essenzjalment jitħallew jiddeċiedu jekk u b’liema mod jipparteċipaw fl-ispejjeż tal-organizzazzjoni reġjonali?

(5)      Hemm “attività ekonomika” anki meta l-addebitu tas-servizzi pubbliċitarji lill-organizzazzjonijiet subordinati jseħħ fil-forma ta’ kontribuzzjoni, li l-ammont tiegħu jiddependi, minn naħa, min-numru tal-membri tal-organizzazzjonijiet subordinati inkwistjoni, u min-naħa l-oħra, min-numru tad-deputati eletti minnhom?

(6)      Fil-kuntest tal-kwistjoni dwar jekk jekk hemmx attività ekonomika, is-sussidji mill-fondi pubbliċi li ma jaqgħux taħt id-dħul taxxabbli [bħal pereżempju, il-finanzjament tal-partiti skont il-Parteienförderungsgesetz ta’ Carinthia (Liġi fuq l-iffinanzjar tal-partiti)] għandhom jitqiesu f’ċertu sens li huma vantaġġi ekonomiċi?

(7)      Fil-każ li ’l hekk imsejħa “pubbliċità esterna”, meqjusa fiha nnifsha, tkun attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, iċ-ċirkustanza li l-attività ta’ relazzjonijiet pubbliċi u r-reklamar elettorali huma karatteristika ċentrali tal-attività tal-partiti politiċi u huma kundizzjoni sine qua non għall-implementazzjoni ta’ għanijiet politiċi u programmi tipprekludi attività bħal din milli tiġi kklassifikata bħala “attività ekonomika”?

(8)      L-attivitajiet ipprovduti mill-appellanti, iddefiniti bħala “pubbliċità esterna” huma tat-tip li jitqabblu mal-attività mwettqa minn uffiċċji kummerċjali pubbliċitarji fis-sens tal-Anness D (Numru 10) tas-Sitt Direttiva jew il-kontenut tagħhom jikkorrispondi magħhom? Fil-każ fejn din id-domanda tingħata risposta fl-affermattiv, fid-dawl tal-istruttura tad-dħul u tal-infiq fil-perijodu li jirrigwarda l-kawża preżenti, il-firxa tal-attività mwettqa tista’ tiġi kklassifikata bħala “mhux insinjifikattiva”?

II – Analiżi

5.        L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT jistipula:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-[VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

2.      l-importazzjoni ta’ oġġetti”.

6.        L-Artikolu 4(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jistipula:

“1.      ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu [jipprovdu servizzi], magħduda attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.

[…]

5.      Stati, awtoritajiet governattivi reġjonali u lokali u korpi oħra regolati bid-dritt pubbliku m’għandhomx jitqiesu bħala persuni taxxabbli fir-rigward ta’ l-attivitajiet jew operazzjonijiet li huma jagħmlu bħala awtoritajiet pubbliċi, ukoll meta jiġbru drittijiet, tariffi, kontribuzzjonijiet jew ħlasijiet marbuta ma’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet.

Iżda meta jidħlu biex jagħmlu dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, huma għandhom jitqiesu taxxabbli fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet jew operazzjonijiet, billi jekk jitqiesu bħala persuni mhux taxxabbli dawn iwassal għal distorzjoni sinifikanti tal-kompetizzjoni […]”

7.        Il-punt li għandu jiġi stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa jekk il-pubbliċità esterna li twettqet mill-organizzazzjoni reġjonali ta’ Carinthia tas-SPÖ tikkostitwixxix “attività ekonomika” skont it-tifsira tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-VAT, biex din l-organizzazzjoni ssir “persuna taxxabbli” skont din id-direttiva. Jekk hu hekk, l-organizzazzjoni reġjonali ta’ Carinthia mbagħad tkun tista’ titlob id-dritt li tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa, taħt l-Artikolu 17 tad-direttiva; jekk le, ma tkun tista’ ssir ebda talba bħal din.

8.        Il-kliem stess tad-dispożizzjonijiet rilevanti juru b’mod ċar li t-terminu “attivitajiet ekonomiċi” għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa. Kif ġie spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza T-Mobile Austria, “l-analiżi […] turi b’mod ċar kemm hu wiesa’ l-kamp ta’ applikazzjoni kopert mill-kunċett ta’ attivitajiet ekonomiċi u n-natura oġġettiva tiegħu, fis-sens li l-attività hija kkunsidrata fiha nfisha, indipendentement mill-għanijiet jew mir-riżultati tagħha” (3). Għaldaqstant, “l-istadji kollha tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni u tal-provvista ta’ servizzi” (4) jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 4.

9.        Madankollu, l-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 4(2) jistgħu jitqiesu għal kollox li huma “attivitajiet ekonomiċi”, u l-persuna li tagħmilhom titqies bħala “persuna taxxabbli”, f’każ biss li dawn ikollhom skop li jinkiseb dħul fuq bażi kontinwa (5). Konsegwentement, jekk attività tipproduċi dħul okkażjonalment biss, jew ma tipproduċi ebda dħul, il-persuna li twettaq dik l-attività ma tikkwalifikax bħala “persuna taxxabbli” bid-dritt li tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa.

10.      Barra dan, l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-VAT jistipula li “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas” għandha tkun suġġetta għall-VAT. Hawnhekk, l-eżistenza tal-ħlas hi prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-VAT għal tranżazzjoni speċifika. Din id-dispożizzjoni hi parti mit-Titolu II, li jiddefinixxi l-iskop tad-direttiva fit-totalità tagħha. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni ta’ kull dispożizzjoni oħra tad-direttiva għandha ssir fid-dawl tal-Artikolu 2. Jien naqbel mal-Finanzamt Klagenfurt, il-Gvern Grieg u l-Kummissjoni li l-provvista ta’ servizzi bla ħlas ma tikkostitwixxix “attività ekonomika” għall-iskopijiet tal-Artikolu 4 tad-direttiva.

11.      L-ewwel ħaġa li għandha tiġi osservata hija li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, provvista ta’ servizzi hi taxxabbli għall-iskopijiet ta’ VAT “f’każ biss li jkun hemm rabta diretta bejn is-servizz provdut u l-ħlas irċevut” (6). Barra dan, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat l-effett tar-rekwiżit tal-ħlas fuq il-provvista ta’ informazzjoni u servizzi ta’ reklamar. Il-kawża Hong Kong Trade Development Council (7) kienet tikkonċerna r-rifjut tad-Dipartiment tat-Taxxa Olandiż li jirrikonoxxi lill-Hong Kong Trade Development Council fl-Olanda bħala persuna taxxabbli. L-uffiċċju kien jipprovdi bla ħlas lin-negozjanti b’informazzjoni dwar Hong Kong u l-opportunitajiet għal kummerċ ma’ ditti f’Hong Kong. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dan l-uffiċċju ma setax jitqies bħala persuna taxxabbli peress li ma kienx jiġġenera dħul mill-provvista ta’ informazzjoni. Hi ddikjarat li “meta l-attività ta’ persuna tikkonsisti esklussivament fil-provvista ta’ servizzi bla ebda ħlas dirett, ma hemmx bażi għal stima u s-servizzi b’xejn inkwistjoni għaldaqstant mhumiex soġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud. F’ċirkustanzi bħal dawn il-persuna li tipprovdi servizzi għandha tiġi assimilata ma’ konsumatur finali [...]. Fil-fatt, ir-rabta bejnha u r-riċevitur tal-oġġetti jew servizz ma taqax taħt kategorija ta’ kuntratt li x’aktarx ikun is-suġġett ta’ armonizzazzjoni tat-taxxa [...]; f’dawk iċ-ċirkustanzi, servizzi pprovduti bla ħlas huma ta’ natura differenti minn tranżazzjonijiet taxxabbli li, fi ħdan il-qafas tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud, jippresupponu l-istipulazzjoni ta’ prezz jew ħlas” (8).

12.      Il-kwistjoni tal-provvista ta’ servizzi ta’ reklamar ikkummissjonati b’mod ċentrali spiċċat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Apple and Pear Development Council (9). Il-Kunsill kien korp imwaqqaf taħt id-dritt pubbliku li l-funzjonijiet tiegħu kellhom x’jaqsmu mar-reklamar u l-promozzjoni tal-kwalità ta’ tuffieħ u lanġas imkabbra fl-Ingilterra u Wales. Dan kien iffinanzjat permezz ta’ ħlas annwali mandatorju minn dawk li jkabbru t-tuffieħ u l-lanġas b’rata li ma teċċedix jew ammont speċifiku skont kull ettaru ta’ art imħawla b’siġar tat-tuffieħ u l-lanġas, jew ammont speċifiku skont kull 50 siġra mħawla fuq l-art ta’ produttur. Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-funzjonijiet tal-Kunsill kellhom x’jaqsmu mal-interess komuni tal-produtturi u kull benefiċċju mill-attività ta’ reklamar tiegħu gawdiet minnu l-industrija kollha kemm hi; bdiewa individwali gawdew minn dawn il-benefiċċji b’mod indirett. Barra dan, ma kien hemm l-ebda relazzjoni bejn il-livell ta’ benefiċċji li tgawdew minn bdiewa individwali u l-ammont tal-ħlas mandatorju li kellhom iħallsu lill-Kunsill. Il-ħlas kien konsegwenza ta’ obbligu mhux kuntrattwali imma statutorju u kellu jinġabar indipendentement minn jekk il-bidwi individwali kienx attwalment ibbenefika mill-attività ta’ reklamar tal-Kunsill. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-attività “ma kinitx tikkostitwixxi ‘il-provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas’” (10).

13.      L-effett tal-ġurisprudenza ċċitata hawn fuq meħuda kollha flimkien ġie spjegat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Tolsma (11). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, R. J. Tolsma, kien mużiċista tat-triq li kien jiġbor għotjiet mingħand dawk li jkunu għaddejjin mit-triq. L-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi imponew il-VAT fuq din l-attività. Huwa sostna li l-għotjiet ma kinux suġġetti għall-VAT peress li ma kien hemm ebda obbligu fuq dawk li jkunu għaddejjin mit-triq sabiex iħallsuh xi flus, u meta kienu jiddeċiedu li jagħmlu hekk, kienu jistabbilixxu l-ammont huma stess. L-awtoritajiet tat-taxxa ħadu l-pożizzjoni li kien hemm rabta diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-ħlasijiet miksuba, bir-riżultat li l-attività tiegħu kienet tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi bi ħlas. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “provvista ta’ servizzi tiġi effettwata ‘bi ħlas’ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, u għalhekk hi taxxabbli, biss fejn hemm relazzjoni legali bejn il-fornitur tas-servizz u r-riċevitur li abbażi tagħha ikun hemm obbligazzjonijiet reċiproċi, ir-remunerazzjoni li jkun irċieva l-fornitur tas-servizz tkun tikkostitwixxi l-valur li attwalment ikun ġie mogħti lura għas-servizz ipprovdut lir-riċevitur” (12).

14.      Fil-kawża preżenti, il-qorti nazzjonali tistqarr, fid-digriet tar-rinviju, li bejn l-1998 u l-2003 l-organizzazzjoni reġjonali tas-SPÖ talbet ħlasijiet għal servizzi ta’ reklamar u pubbliċità lill-gruppi distrettwali u lokali sa ċertu punt biss. Ma kienu jeżistu ebda kriterji ċari għall-kalkolu ta’ dawn il-ħlasijiet, u jidher li l-gruppi subordinati kellhom il-libertà li jiddeċiedu għalihom infushom – skont ir-riżorsi finanzjarji tagħhom - jekk jikkontribwixxux għall-ispejjeż tal-organizzazzjoni reġjonali. Evidentement, is-SPÖ ma kellha ebda regoli interni tal-partit li jirregolaw il-mod kif jintalab ħlas għal servizzi bħal dawn. Is-sitwazzjoni nbidlet ftit fl-2004. Minn dik is-sena, għal ċerti servizzi ta’ pubbliċità bdiet tinħareġ fattura lill-gruppi distrettwali fil-forma ta’ “ħlas għall-pubbliċità”, bl-ammont tagħha jiġi stabbilit skont in-numru tal-membri tal-partit fid-distrett rilevanti u n-numru tal-membri tal-parlament eletti minn dak id-distrett. Dawn il-flus kienu jkopru biss parti limitata tal-ispejjeż li saru mill-organizzazzjoni reġjonali tas-SPÖ, li kellha telf sostanzjali mill-attivitajiet ta’ reklamar u ta’ pubbliċità tagħha.

15.      Fil-fehma tiegħi hu ċar li l-kawża preżenti tixbah lill-kawżi Hong Kong Trade Development Council, Apple and Pear Development Council u Tolsma. Għall-perijodu bejn l-1998 u l-2003, ma kien hemm ebda sistema fis-seħħ biex jiġu ttrasferiti b’mod regolari l-ispejjeż ta’ pubbliċità fuq il-gruppi distrettwali u lokali: dawn il-gruppi ma kellhom ebda obbligu, kuntrattwali jew mod ieħor, biex jikkontribwixxu; u jekk huma għamlu dan, kien jiddependi minnhom biex jistabbilixxu, skont is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, l-ammont tal-kontribuzzjoni. Arranġament bħal dan jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas dirett.

16.      Essenzjalment, is-sistema introdotta fl-2004 mhijiex differenti f’xi aspett sinjifikattiv. Mill-ġdid, ma kienx hemm obbligi reċiproċi: il-gruppi subordinati mhux tassew ħallsu għas-servizzi li kienu qed jirċievu, peress li l-valur tal-kontribuzzjonijiet li huma ħallsu lill-organizzazzjoni reġjonali ma kienx jikkorrispondi għall-valur attwali tas-servizzi ta’ pubbliċità u reklamar tagħha; u l-kontribuzzjonijiet kienu kkalkulati b’rata fissa bbażata fuq in-numru ta’ membri tal-partit f’distrett partikolari u n-numru ta’ deputati eletti f’dak id-distrett. Hu minħabba f’hekk li l-organizzazzjoni reġjonali ġarrbet telf sinjifikattiv u persistenti. Barra dan, il-pubbliċità maħluqa bl-attivitajiet tal-organizzazzjoni reġjonali kienet tibbenefika lill-partit kollu kemm hu; kwalunkwe benefiċċju meħud mill-gruppi distrettwali jew lokali ma kienx individwali jew dirett, imma anċillari u indirett.

17.      Fl-aħħar nett, hemm punt iktar wiesa’ li jrid isir dwar in-natura tal-pubbliċità u tar-reklamar fil-kawża preżenti. Kif ġie argumentat korrettement mill-Finanzamt Klagenfurt u l-Gvern Grieg, dan hu każ tipiku ta’ diskors politiku. Il-partiti politiċi ma jidħlux f’kampanji ta’ pubbliċità u ta’ reklamar biex jiġġeneraw id-dħul imma biex iwasslu l-ideat tagħhom lill-pubbliku. Huma jilagħbu rwol ċentrali fis-sistema ta’ rappreżentanza demokratika u l-attivitajiet li jorganizzaw biex jilħqu lin-nies huma parti mill-funzjonijiet li jwettqu bħala parteċipanti fi ħdan din is-sistema. Kwalunkwe element finanzjarju li jkun involut fil-pubbliċità tal-partit hu subordinat għan-natura politika ta’ tali pubbliċità. Meta l-organizzazzjoni reġjonali tas-SPÖ wettqet attivitajiet ta’ “pubbliċità esterna” għal gruppi subordinati tagħha fir-rigward ta’ numru ta’ elezzjonijiet differenti fl-Awstrija (elezzjonijiet għall-kunsill muniċipali, għall-parlament reġjonali, għall-parlament federali jew għall-presidenza federali) hi ma kinitx qed taġixxi bħala attur ekonomiku ggwidat minn kunsiderazzjonijiet finanzjarji iżda bħala organizzazzjoni politika li kellha l-għan ta’ rebħa elettorali.

18.      Din il-konklużjoni ma tiġix imxejna mill-fatt li s-SPÖ rċeviet fondi mill-Istat taħt il-leġiżlazzjoni Awstrijaka rilevanti dwar il-finanzjament tal-partiti. Dawn il-fondi ma jikkostitwixxux dħul iġġenerat minn attività ekonomika; f’sistema demokratika l-partiti jingħataw il-finanzjament pubbliku sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet pubbliċi tagħhom għal benefiċċju taċ-ċittadini. Tabilħaqq, l-eżistenza tal-finanzjament pubbliku ssaħħah il-pożizzjoni li l-attivitajiet ta’ pubbliċità tal-appellanti mhumiex attivitajiet ekonomiċi li jinvolvu ħlas. L-Istat Awstrijak iffinanzja s-SPÖ preċiżament għax din mhijiex attur ekonomiku ordinarju iżda grupp politiku li l-prijoritajiet tagħha huma differenti minn dawk ta’ ditta kummerċjali. Għaldaqstant, ma hemmx raġunijiet għalfejn l-appellanti tiġi kkomparata ma’ aġenzija kummerċjali ta’ pubbliċità, li, min-natura tagħha, qiegħda fin-negozju tal-pubbliċità sabiex tagħmel il-flus. B’kuntrast ma’ dan – jekk nista’ niġi skużat għall-ironija – ġeneralment ma jkunx xieraq għal partit politiku li jidħol f’attivitajiet politiċi bl-għan li jikseb profitt monetarju: normalment, dan jiġi kkunsidrat bħala korruzzjoni.

19.      Wara li għidt dan, nixtieq nirrileva li jista’ jkun hemm ċirkustanzi meta partit politiku jidħol f’attivitajiet ekonomiċi li huma ta’ natura kummerċjali, u jipprovdi oġġetti jew servizzi bi ħlas. Waqt is-smigħ orali, il-Gvern Grieg ta eżempji ta’ partit li kien fetaħ u kien jopera ħanut li kien ibigħ prodotti organiċi u ieħor li kien ibigħ spazju ta’ pubbliċità fil-pubblikazzjonijiet tiegħu. Jien naħseb li ż-żewġ attivitajiet huma “attivitajiet ekonomiċi” għall-għanijiet tad-direttiva u jirrendu l-partit “persuna taxxabbli” suġġetta għall-VAT. Imma l-attivitajiet ta’ “pubbliċità esterna” tal-organizzazzjoni reġjonali tas-SPÖ ma kinux attivitajiet bħal dawn.

III – Konklużjoni

20.      Jien għalhekk nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari li l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar Taxxi fuq id-Dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima għandha tiġi interpretata b’tali mod li “pubbliċità esterna” mill-organizzazzjoni reġjonali ta’ partit politiku li għandha personalità ġuridika, fil-forma ta’ relazzjonijiet pubbliċi, attività ta’ informazzjoni, organizzazzjoni ta’ manifestazzjonijiet, provvista ta’ materjal ta’ pubbliċità lill-organizzazzjonijiet lokali kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ ballu annwali ma għandhiex titqies bħala attività ekonomika jekk ikun hemm dħul mill-ispejjeż tal-“pubbliċità esterna” li (parzjalment) jgħaddu fuq l-istrutturi tal-partit li għandhom ukoll personalità ġuridika awtonoma (gruppi distrettwali eċċ) u mill-ħlasijiet tal-entratura mill-organizzazzjoni tal-ballu. Organizzazzjoni reġjonali bħal din mhijiex f’pożizzjoni komparabbli ma’ dik ta’ aġenzija kummerċjali ta’ pubbliċità.

Barra minn hekk, sussidji minn fondi pubbliċi mħallsin lill-partit politiku taħt il-liġi nazzjonali dwar il-finanzjament tal-partiti mhumiex vantaġġi ekonomiċi li jagħmlu l-attività rilevanti “attività ekonomika” għall-għanijiet tas-Sitt Direttiva tal-VAT.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


3 – Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2007, T-Mobile Austria et (C-284/04, Ġabra p. I-5189, punt 35); ara wkoll is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield (C-223/03, Ġabra p. I-1751, punt 47).


4 – Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, MGK-Kraftfahrzeuge-Factoring, (C-305/01, Ġabra p. I-6729, punt 42).


5 – Sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1990, van Tiem (C-186/89, Ġabra p. I-4363, punt 18); sentenza tad-29 ta’ April 2004 (EDM, C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 48); sentenza T-Mobile Austria, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 3, punt 38.


6 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Frar 1981, Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats, (154/80, Ġabra 1981 p. 445, punt 12); sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Novembru 1988, Naturally Yours Cosmetics (230/87, Ġabra 1988 p. 6365, punt 11).


7 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ April 1982, Hong Kong Trade Development Council (89/81, Ġabra 1982 p.1277).


8 – Ibid., punt 10.


9 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council, (102/86, Ġabra 1988 p. 1443).


10 – Ibid., punt 17.


11 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 1994, (C-16/93, Ġabra 1994 p.I- 743).


12 – Ibid., punt 14.