Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fil-15 ta’ April 2010 1(1)

Kawża C-581/08

EMI Group Ltd

vs

The Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-London VAT and Duties Tribunal)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 5(6) – Rigali ta’ valur żgħir – Kampjuni – Definizzjoni – Reġistrazzjonijiet mużikali – Distribuzzjoni bla ħlas għal skopijiet promozzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        Essai sur le don, ippubblikat għall-ewwel darba fl-1925 minn Marcel Mauss, antropologu Franċiż famuż, ipprova juri li f’soċjetajiet arkajiċi l-iskambji u l-kuntratti jsiru fil-forma ta’ rigali. Fit-teorija, dawn isiru volontarjament; fir-realtà dawn jingħataw u jiġu rreċiprokati b’mod obbligatorju (2).

2.        Billi n-natura umana ma nbidlitx, ma hijiex xi sorpriża li l-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea, li tiddefinixxi t-taxxa fuq il-valur miżjud (‘VAT’) bħala taxxa ġenerali fuq il-konsum u fuq it-tranżazzjonijiet kollha li jammontaw għal provvisti ta’ oġġetti jew servizzi bi ħlas (3), ma ħaditx tranżazzjonijiet gratwiti skont kif jidhru (4). Kif se naraw, f’ħafna każijiet, it-tranżazzjonijiet gratwiti huma suġġetti għall-VAT billi jiġu applikati dispożizzjonijiet dwar provvisti għall-persuna li tipprovdihom hija stess (5). Fir-rigward ta’ rigali mogħtija fil-kuntest ta’ rappreżentazzjoni jew intratteniment, l-istess effett jintlaħaq billi jiġu esklużi akkwisti ta’ dawn l-oġġetti mir-regoli dwar it-tnaqqis (6).

3.        Madankollu, applikazzjonijiet li jikkonsistu fl-għoti ta’ kampjuni jew ta’ rigali ta’ valur żgħir huma eżentati mill-VAT (7). Meta wieħed iżomm f’moħħu t-trattament fiskali vantaġġjuż ta’ dawn it-trasferimenti, persuni taxxabbli għandhom interess ekonomiku kbir illi jkunu jafu l-iskop eżatt ta’ dawn il-kunċetti. Is-sempliċità apparenti tagħhom tista’ tkun waħda illużorja meta tiġi applikata fil-kuntest kumpless tad-distribuzzjoni ta’ oġġetti li jirrappreżentaw xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur bħal fil-każ preżenti.

4.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mil-London VAT and Duties Tribunal tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT li teskludi mill-VAT l-għoti ta’ kampjuni u l-għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir (8). Filwaqt li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) ġiet ikkunsidrata f’diversi kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (9), din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tissejjaħ tinterpreta t-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni.

II – Il-kuntest legali

 Il-liġi tal-Unjoni Ewropea (10)

5.        L-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jistipula:

“L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ oġġetti li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju tagħha għall-użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas, jew b’mod iktar ġenerali l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra n-negozju tagħha, fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-oġġetti in kwistjoni jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli setgħet titnaqqas kollha jew partijiet minnha, għandhom jitqiesu bħala provvisti bi ħlas. Iżda, applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir għall-iskopijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli m’għandhomx ikunu hekk meqjusa.”

 Il-liġi nazzjonali

6.        Id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli jinsabu fl-Artikolu 5(1) tal-Value Added Tax Act tal-1994 u l-paragrafi 5(1), (2), (2ZA) u (3) tal-Iskeda 4 għal dak l-att u ġew emendati f’numru ta’ okkażjonijiet fil-kors tal-perijodu materjali (minn April 1987 sallum).

7.        Skont il-verżjoni attwali tagħhom, fil-qosor, it-trasferiment jew it-tneħħija, bi ħlas jew mod ieħor, ta’ oġġetti li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju ta’ persuna taxxabbli jigi ttrattat bħala provvista. Issir eċċezzjoni fir-rigward ta’ rigali fin-negozju u l-provvista ta’ kampjuni. Fir-rigward ta’ rigali fin-negozju, il-valur għal kull persuna u għal kull sena ma jistax jeċċedi GBP 50 bħala spejjeż għad-donatur. Fir-rigward ta’ kampjuni, huwa biss l-ewwel kampjun li jiġi eżentat fejn jingħataw numru ta’ kampjuni identiċi lill-istess persuna. Qabel Lulju 1993, dik l-eżenzjoni kienet tapplika biss għal kampjuni industrijali ppreżentati f’forma li normalment ma tinbiegħx lill-pubbliku.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        EMI Group Limited (“EMI”), kumpannija involuta fil-pubblikazzjoni tal-mużika u l-bejgħ ta’ reġistrazzjonijiet mużikali, tiddistribwixxi kopji b’xejn ta’ reġistrazzjonijiet mużikali fuq diski tal-vinyl, cassette tape u compact discs (“CDs”) lil diversi persuni sabiex tippromwovi mużika li tkun għadha kif ħarġet. Skont EMI din id-distribuzzjoni hija meħtieġa għan-negozju ta’ EMI, u tagħmilha possibbli għal EMI li tivvaluta l-kwalità kummerċjali ta’ reġistrazzjoni kif ukoll il-vijabbiltà tagħha fis-suq.

9.        Bħala parti minn din l-istrateġija promozzjonali jiġu ddistribwiti CDs lil individwi li huma f’pożizzjoni li jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumatur (bħal individwi li jaħdmu fl-istampa, stazzjonijiet tar-radju, programmi televiżivi, aġenziji tar-reklamar, ħwienet tal-bejgħ bl-imnut u ċinemas), u lil promoturi tal-mużika li jissejħu “pluggers” li jiddistribwixxu CDs lil kuntatti tagħhom. EMI tqabbad kemm pluggers interni u pluggers esterni li għandhom kompetenza partikulari jew li urew suċċess partikolari fil-promozzjoni ta’ reġistrazzjonijiet.

10.      Għal dawk l-iskopijiet, EMI tissupplixxi reġistrazzjonijiet mużikali f’forom differenti: compact disc reġistrabbli “watermarked” (“CDRs”) (11) li jkollhom fuqhom l-isem tad-destinatarju u li jippermettu li kwalunwe kopji li jsiru jiġu traċċjati għal għand id-destinatarju; CDRs mhux watermarked li jiġu pprovduti f’envelops abajd tal-kartun; CDs “kampjuni” pprovduti f’envelops tal-kartun li jkollu fuqu l-istess iddisinjar topografiku bħal tal-album lest; jew CDs mill-“istokk lest” fil-forma definittiva tagħhom lesti għall-bejgħ lill-pubbliku. Dawn tal-aħħar ikollhom fuqhom tikketta li tgħid “Kopja Promozzjonali Mhux għall-Bejgħ”; l-oħrajn ikollhom indikat fuqhom li l-proprjetà u t-titolu jibqgħu vestiti f’Virgin Records Limited, tikketta tad-diski sussidjarja ta’ EMI. Għandu jiġi osservat li l-“istokk lest” jingħata lill-artisti, lill-maniġment u lill-pubblikaturi tagħhom, lil aġenti u lil kuntatti oħra fil-medja li EMI tħoss il-bżonn li dawn għandhom ikollhom il-prodott lest.

11.      Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, madwar 90 % tas-CDs promozzjonali jintbagħtu lil individwi partikolari. Mill-proċess jidher li jistgħu jintbagħtu reġistrazzjonijiet individwalment ukoll lil iktar minn persuna waħda li taħdem fl-istess organizzazzjoni. Għall-ħruġ ta’ single, jiġu ddistribwiti madwar 2 500 kopja b’xejn, u madwar 3 000 u 3 750 għall-albums. Kull plugger jista’ jirċievi sa 600 reġistrazzjoni b’xejn għad-distribuzzjoni lil ħaddieħor. Biex wieħed iqiegħed dawn iċ-ċifri f’perspettiva għandu jingħad ukoll li skont EMI, CD album li jkun fil-quċċata fil-bejgħ jista’ jbigħ miljuni ta’ kopji.

12.      Minn April 1987 sa kmieni fl-2003, EMI ikkalkolat il-VAT fuq ir-reġistrazzjonijiet ipprovduti minnha fiċ-ċirkustanzi spjegati iktar ’il fuq. Peress li ħadet il-pożizzjoni li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex kompatibbli mal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva u li, konsegwentement, l-ebda VAT ma kienet dovuta, EMI talbet lill-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs sabiex iħallasha lura l-ammonti mħallsa minn EMI għall-VAT fuq dawk ir-reġistrazzjonijiet. Peress li l-Commissioners adottaw deċiżjoni li tirrifjuta r-rifużjoni, EMI ressqet kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

13.      Minn Lulju 2003, EMI waqfet tiddikjara l-VAT fuq il-provvista ta’ CDs b’xejn. Il-Commissioners bagħtulha stima li tkopri l-perijodu minn Lulju 2003 sa Diċembru 2004, li kontra tagħha EMI ressqet proċedimenti quddiem il-qorti tar-rinviju.

14.      F’dawk iċ-ċirkustanzi l-qorti tar-rinviju qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni preliminari dwar id-domandi li ġejjin:

“(a)      Kif għandha tiġi interpretata l-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva fil-kuntest taċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża?

(b)      B’mod partikolari, x’inhuma l-karatteristiċi essenzjali ta’ ‛kampjun’ skont is-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva?

(ċ)      Jista’ Stat Membru jillimita l-interpretazzjoni ta’ ‛kampjun’ fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva għal:

(i)      kampjun industrijali f’forma li mhijiex normalment disponibbli għall-bejgħ lill-pubbliku mogħti lil klijent tan-negozju attwali jew potenzjali tal-impriża (sal-1993),

(ii)      kampjun wieħed biss, jew biss l-ewwel kampjun minn dawk mogħtija mill-istess persuna lill-istess destinatarju fejn dawk il-kampjuni huma identiċi jew fejn ma jeżistux differenzi materjali bejniethom (mill-1993)?

(d)      Jista’ Stat Membru jillimita l-interpretazzjoni ta’ ‛rigali ta’ valur żgħir’ fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva b’tali mod li jeskludi:

(i)      rigal ta’ oġġetti li jifforma parti minn serje jew sensiela ta’ rigali mogħtija lill-istess persuna minn żmien għal żmien (sa Ottubru 2003),

(ii)      kwalunkwe rigal ta’ impriża mogħti lill-istess persuna fi kwalunkwe perijodu ta’ [tnax-il] xahar fejn il-prezz totali jaqbeż il-GBP 50 (minn Ottubru 2003 ’l quddiem)?

(e)      Jekk ir-risposta għad-domanda ċ(ii) jew għal kwalunkwe parti mid-domanda 4 tkun fl-affermattiv, fejn persuna taxxabbli tagħti rigal simili jew identiku ta' mużika rrekordjata lil żewġ jew aktar individwi differenti minħabba l-kwalitajiet personali tagħhom li jinfluwenzaw il-livell ta' pubbliċità li l-artist inkwistjoni jirċievi, jista' l-Istat Membru jittratta dawn l-oġġetti bħala mogħtija lill-istess persuna sempliċement għaliex dawn l-individwi huma impjegati mill-istess persuna?

(f)      Ir-risposti għad-domandi (a) sa (e) hawn fuq ikunu affettwati jekk id-destinatarju jkun hu stess, jew ikun impjegat minn, persuna kompletament taxxabbli, li jkun jista' (jew li kien seta') jnaqqas kull taxxa input li titħallas fuq il-provvista ta' oġġetti li jikkonsistu f'kampjun?”

IV – Osservazzjonijiet preliminari

15.      Il-qorti tar-rinviju tagħmel serje ta’ domandi li jistgħu jinġabru fi tliet domandi usa’: (i) x’inhi t-tifsira ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” (domandi (b) u (ċ)); (ii) x’inhi t-tifsira ta’ “applikazzjonijiet għall-għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir” (domanda (d)); (iii) l-istat tad-destinatarji tar-rigali jew kampjuni jaffettwa l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (domandi (e) u (f)). Id-domanda (a) hija domanda ġenerali u r-risposta tagħha se tigi inkluża f’din it-taqsima kif ukoll fl-analiżi tad-domandi (b), (ċ) u (d).

16.      Minkejja n-natura dettaljata tad-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju, il-biċċa xogħol li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fit-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari hija li tinterpreta t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6), u mhux li tapplikaha għall-fatti pjuttost insoliti tal-każ ta’ EMI.

A –    In-natura speċifika tal-każ

17.      Is-CDs huma forma materjali li bih il-prodott reali ta’ kumpannija tad-diski - ir-reġistrazzjoni - jista’ jitqiegħed fis-suq. F’xi każijiet hemm diversi forom alternattivi “hard copy” li jiġu użati biex l-istess reġistrazzjonijiet jitqiegħdu fis-suq bħal MiniDiscs, cassettes jew diski tal-vinyl. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjonijiet jistgħu jiġu ddistribwiti elettronikament permezz tal-internet. Bl-eċċezzjoni ta’ dawn il-forom moderni ta’ distribuzzjoni bħal streaming online, il-pussess ta’ reġistrazzjoni f’uħud mill-forom imsemmija hawn fuq jagħmel possibbli l-konsum tagħha għal prattikament numru illimitat ta’ drabi.

18.      Għandu jiġi osservat ukoll, li minbarra liċenzji potenzjali jew trasferimenti ta’ drittijiet tal-awtur għal mużika jew lirika li din setgħet akkwistat mingħand il-possessuri oriġinali tad-drittijiet, kumpannija tad-diski tgawdi protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà immaterjali għad-diski konsegwenza ta’ “drittijiet relatati oħra” konnessi mad-drittijiet tal-awtur tagħha bħala produtturiċi fonografika. Dan ifisser li d-dħul miksub minn reġistrazzjoni ma jiġix esklużivament mill-bejgħ ta’ diski CD imma anki minn sorsi oħra bħal royalties imħallsa, minn korporazzjonijiet tax-xandir permezz ta’ soċjetajiet ta’ ġbir rilevanti.

19.      Karatteristiċi speċjali bħal dawn tan-neġozju ta’ kumpannija tad-diski jistgħu jispjegaw id-dettalji tal-istrateġija promozzjonali ta’ EMI – minn naħa, il-politika apparentement liberali dwar id-distribuzzjoni ta’ kopji b’xejn ta’ CDs, u min-naħa l-oħra l-prattika li dawn jingħataw b’eċċezzjonijiet żgħar, lil destinatarji individwati.

20.      Madankollu, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT f’dan ir-rinviju preliminari se tkun applikabbli f’kull parti tal-UE għal tipi differenti ta’ persuni taxxabbli. Irridu nżommu f’moħħna dan il-kuntest usa’, filwaqt li fl-istess ħin inkunu konxji tad-dettalji tal-każ ta’ EMI u ta’ negozji oħra li jittrattaw ma’ drittijiet ta’ proprjetà immaterjali.

21.      Barra dan, il-każ preżenti jirreferi biss għall-provvista bla ħlas ta’ oġġetti peress li, fiż-żmien meta nbdew il-proċedimenti, ir-reġistrazzjonijiet mużikali kienu fil-parti l-kbira pprovduti fil-forma ta’ CD. Illum, ħafna drabi, siltiet mużikali jiġu ddistribwiti permezz tal-internet, u għalhekk fil-futur jista’ jkun hemm kwistjonijiet dwar jekk din id-distribuzzjoni tkunx tammonta għall-provvista ta’ servizzi u x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi probabbli (12). Madankollu, l-analiżi dwar dan ma tidħolx fl-ambitu ta’ dan il-każ.

22.      Fl-analizi ta’ dan il-każ, importanti li wieħed iżomm f’moħħu wkoll li l-interpretazzjoni mogħtija għas-Sitt Direttiva tal-VAT għandha tkun waħda prattika, billi tingħata kunsiderazzjoni tan-natura tal-VAT bħala taxxa indiretta miġbura primarjament mill-persuni taxxabbli fil-kors tat-tmexxija ta’ kuljum ta’ negozju. Idealment, it-trattament tal-VAT ta’ tranżazzjoni li tifforma parti mill-attivitajiet kummerċjalment leġittimi normali ta’ persuna taxxabbli għandu jkun apparenti għalih mad-daqqa ta’ għajn mingħajr il-ħtieġa ta’ indaġini dettaljata jew responsabbiltà amministrattiva addizzjonali bħal żamma ta’ dokumenti li tmur lil hinn mill-obbligi normali ta’ fatturar u kkuntjar applikabbli għalih (13).

B –    Ir-relazzjoni bejn kampjuni u rigali

23.      Kampjun mhux meħtieġ li jkun rigal fis-sens tad-dritt privat, anki jekk f’ħafna mill-każijiet ikun hekk peress li l-persuna taxxabbli li tagħti l-kampjun normalment ikollha l-ħsieb li tittrasferixxi l-proprjetà sħiħa tal-kampjun b’mod gratuwitu lid-destinatarju (14). Madankollu, f’xi każijiet – bħal fil-każ preżenti – persuna taxxabbli tista’ żżomm il-proprjetà u t-titolu ta’ oġġetti mogħtija bħala kampjuni u b’hekk tiżgura, legalment, li l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet li jikkonċernaw l-użu u trasferimenti ulterjuri jorbtu lid-destinatarju. Min-naħa l-oħra, l-għoti ta’ rigali, jimplika li d-destinatarji jakkwistaw il-proprjetà sħiħa tal-oġġetti u, f’ħafna sistemi legali, il-kapaċità tad-donatur li jimponi kundizzjonijiet li jillimitaw il-poteri tad-destinatarji li jiddisponu liberament mill-oġġett riċevut bħala rigal tista’ tkun limitata jew ineżistenti.

24.      Madankollu, mhux tal-opinjoni li d-differenza potenzjali fid-dritt privat bejn kampjuni u rigali li tista’ iseħħ f’każijiet individwali hija rilevanti għal skopijiet ta’ VAT peress li ‘l-provvista ta’ oġġetti’ ma tirreferix għat-trasferiment tal-proprjetà fis-sens tad-dritt privat, imma tkopri kwalunkwe trasferiment ta’ proprjetà tanġibbli li tagħti d-dritt lid-destinatarju li jiddisponi minnha daqs li kieku kien il-proprjetarju tal-proprjetà. (15)

25.      Barra dan, iż-żewġ kunċetti jikkoinċidu fis-sens li normalment jingħataw kampjuni bħala rigali, ċioè mingħajr il-kundizzjoni li l-proprjetà tibqa’ għand il-persuna taxxabbli li tiddisponi mir-rigal. Min-naħa l-oħra, f’ħafna mill-każijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma jistgħux jiġu kkonsidrati bħala kampjuni għal dak l-iskop. Għalhekk xi kultant jista’ jkollna kampjuni li mhumiex rigali, rigali li mhumiex kampjuni (f’ħafna mill-każijiet), jew kampjuni li huma rigali wkoll (f’ħafna każijiet).

26.      Għaldaqstant, anki jekk il-fatt li l-kampjuni ma humiex rigali, tejoretikament jinvalida s-sottomissjoni li konformi magħha l-kampjuni kollha ta’ valur żgħir huma awtomatikament rigali ta’ valur żgħir, jiena ma hinix tal-opinjoni li għandu xi rilevanza fl-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Dik id-dispożizzjoni taqbad taħtha l-kampjuni kollha ta’ kull valur indipendentement minn jekk dawn jingħatawx formalment lid-destinatarju, u r-rigali kollha ta’ valur żgħir indipendentement minn jekk dawn jistgħux jitqiesu fl-istess ħin bħala kampjuni.

C –    L-għanijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT

27.      L-għanijiet tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva ġew ikkunsidrati f’ħafna okkażjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja, li ripetutament ikkonstatat li l-għan ta’ dik id-dispożizzjoni huwa li tiżgura trattament ugwali bejn diversi konsumaturi finali tal-oġġetti inkwistjoni billi tiżgura li l-użu finali tal-oġġetti jkun suġġett għall-VAT meta tkun tnaqqset it-taxxa tal-input (16).

28.      Madanakollu, it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT hija distinta, kif huwa indikat mill-formulazzjoni tagħha (17). It-travaux préparatoires juru li l-idea wara t-tieni sentenza hija li kampjuni u rigali ta’ valur żgħir ma kellhomx, kuntrarju għar-regola ġenerali, jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet taxxabbli (18).

29.      Fid-dawl ta’ dan, l-għan biex jiġi żgurat li l-oġġetti li fuqhom titnaqqas il-VAT tal-input ma jevitawx il-VAT ma jistax ikun l-istess għat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT għax dan ikun iwassal biex l-eċċezzjoni ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni jew l-għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir” issir bla sens.

30.      Jien tal-opinjoni li l-iskop tat-tieni sentenza għandu jkun dak li jirrifletti r-realtà kummerċjali li kampjuni u rigali ta’ valur żgħir jistgħu jkunu neċessarji sabiex jippromwovu negozju u l-prodotti tiegħu. Ma jista’ jkun hemm l-ebda raġuni oħra għalfejn il-leġiżlatura kellha teskludihom mill-iskop tar-regola fundamentali tal-VAT li konformi magħha l-konsum ta’ oġġetti minn konsumaturi finali huwa suġġett għall-VAT. Fir-rigward ta’ kampjuni, l-iskop primarju tagħhom ma huwiex li jiġi sodisfatt bżonn ta’ konsumatur finali, imma li jwassal għal żieda fit-tranżazzjonijiet tal-persuna taxxabbli inkwistjoni (19). Fir-rigward ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni jew l-għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir”, il-leġiżlatura ddeċidiet konxjament li tittollera li dawn jidħlu f’konsum finali mingħajr ma jikkuntjaw għall-VAT.

31.      L-applikazzjonijiet imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandhom isiru għal skopijiet ta’ negozju. Għalhekk, ma nara ebda periklu ta’ konsum finali mhux intaxxat b’tali mod li persuni taxxabbli jibdew jikkunsinnaw oġġetti mingħajr ħlas fil-forma ta’ kampjuni jew rigali lil persuni li magħhom ma jkollhom ebda relazzjoni speċjali mhux ta’ negozju. Tranżazzjonijiet gratwiti bħal dawn jistgħu jiġu inferiti li jseħħu biss jekk ikunu ġġustifikati permezz ta’ konsiderazzjonijiet promozzjonali jew ta’ bejgħ b’saħħithom.

32.      Għaldaqstant, fil-kuntest tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma nara l-ebda riskju maġġuri ta’ evażjonijiet mill-VAT, b’kuntrast mal-ewwel sentenza li tindirizza problema ovvja ta’ konfużjoni bejn oġġetti mixtrija għal skopijiet ta’ negozju u oġġetti mixtrija għal użu privat. Fil-kuntest tal-ewwel sentenza, jeżistu inċentivi ekonomiċi b’saħħithom kemm għal persuni naturali li huma nnifishom ukoll persuni taxxabbli, u għal dawk li jistgħu jkunu f’pożizzjoni li jieħdu vantaġġ minn konfużjoni bħal din.

D –    Il-kuntest

33.      Fir-rigward tal-kuntest, EMI u r-Renju Unit jidhru li ma jaqblux dwar il-pożizzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT fl-iskema tal-VAT.

34.      EMI issostni li t-tieni sentenza tikkonferma r-regola ġenerali li huwa meħtieġ il-ħlas biex tiġi imposta l-VAT (20), filwaqt li r-Renju Unit isostni li t-tieni sentenza hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li tinsab fl-ewwel sentenza li l-VAT tiġi applikata b’mod li huwa fiskalment newtrali. Dak li jfissru b’dan, u dan jista’ jiġi dedott mill-fatt li r-Renju Unit jirreferi għall-punt 27 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly f’Kuwait Petroleum, huwa li fejn il-VAT tal-input tnaqqset, it-taxxa tal-output trid tkun dovuta wkoll. Għalhekk, peress li t-tieni sentenza ma segwietx din il-loġika, din għandha titqiesli hija eċċezzjoni għal dik ir-regola ġenerali.

35.      It-tnejn li huma b’xi mod huma korretti. Il-problema hija li l-partijiet jużaw żewġ regoli ġenerali bħala l-punt tat-tluq tagħhom: EMI tuża l-ħlas bħala “regola ġenerali”, filwaqt li r-Renju Unit juża l-kunċett ta’ tassazzjoni tal-użu finali bħala r-“regola ġenerali”.

36.      Jien tal-opinjoni li l-interpretazzjoni tar-Renju Unit tat-tieni sentenza iktar taqbel mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tinterpreta l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

37.      Kif wieħed jista’ jara mill-għanijiet tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT spjegati fil-punti 27 sa 32 iktar ’il fuq, l-iskop li jiġi ntaxxat l-għoti b’xejn ta’ oġġetti huwa li tiġi żgurata n-newtralità tas-sistema tal-VAT, biex b’hekk oġġetti li fuqhom tkun ġiet imnaqqsa l-VAT tal-input ikunu suġġetti għat-taxxa tal-output. Fiha nnifisha, l-esklużjoni ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni jew l-għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir” għandhom jitqiesu li huma eċċezzjoni għal dik ir-regola peress li l-VAT tal-input hija deduċibbli minkejja li l-VAT tal-output relattiva tkun ġiet rinunzjata.

38.      Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif kien qal l-Avukat Ġenerali Fennelly, indikat f’Kuwait Petroleum li t-travaux préparatoires għas-Sitt Direttiva tal-VAT juru li l-idea wara t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) hija li l-kampjuni u r-rigali ta’ valur żgħir ma kellhomx, kuntrarju għar-regola ġenerali, jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjonijiet taxxabbli (21).

39.      Għalhekk it-tieni sentenza għandha titqies bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali inkluża fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, li tikkonferma l-prinċipju fundamentali tal-VAT li l-VAT għandha tiġi applikata għall-provvisti li jwasslu għal konsum finali anki f’każijiet fejn il-provvista tkun saret mingħajr ħlas (22).

40.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, eċċezzjoni għandha tiġi interpretata b’mod strett (23). Madankollu, il-fatt li dispożizzjonijiet li jipprovdu għal eżenzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod strett, ma għandux ifisser li t-termini użati biex jiġu speċifikati l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’tali mod li l-eżenzjonijiet jitneħħielhom l-effett mixtieq (24).

V –    It-tifsira ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”

41.      Permezz tad-domandi (a), (b), u (ċ), il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi essenzjalment x’tifsira għandha tingħata lill-kunċett ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” fl-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, u jekk dik id-dispożizzjoni tad-direttiva teskludix ir-restrizzjonijiet li hemm fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Jista’ l-kunċett ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” jiġi llimitat għal (i) kampjuni industrijali f’forma li normalment ma tinbiegħx lil klijent attwali jew potenzjali, jew għal (ii) l-ewwel minn numru ta’ kampjuni mogħtija lill-istess destinatarju?

42.      Il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li l-kunċett għandu jkollu tifsira uniformi. Dan huwa sostnut mill-għan ġenerali stabbilit fil-preambolu tas-Sitt Direttiva tal-VAT li jistipula li l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet tad-direttiva għandha tiġi assigurata (25). Barra dan, skont il-ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, isegwi mill-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tal-liġi tal-UE u mill-prinċipju tal-ugwaljanza li t-termini ta’ dispożizzjoni tal-liġi tal-UE li ma tagħmel l-ebda riferiment speċifika għal-liġi tal-Istati Membri bl-iskop li tistabbilixxi t-tifsira u l-iskop tagħha normalment għandha tingħata interpretazzjoni awtonoma u uniformi f’kull parti tal-Unjoni Ewropea (26).

43.      Il-Gvern Ġermaniż jipproponi li t-tifsira ta’ kampjuni fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 918/83, tat-28 ta’ Marzu 1983, li jwaqqaf sistema Komunitarja ta’ eżenzjonijiet minn dazji doganali (ir-“Regolament dwar Dazji Doganali”) għandha tiġi użata bħala punt tat-tluq (27). F’dak ir-Regolament, kampjuni jfissru oġġetti li huma ta’ valur negliġibbli u li jistgħu jintużaw biss biex iħeġġu ordnijiet għal oġġetti tat-tip li jirrappreżentaw bil-ħsieb li jiġu importati fit-territorju doganali (28). Għal dawn l-iskopijiet, “kampjuni ta’ oġġetti” tfisser kull oġġett li jirrappreżenta tip ta’ oġġetti li l-mod ta’ rappreżentazzjoni u l-kwantità tagħhom, għal oġġetti tal-istess tip u kwalità, jeskludu l-użu tagħhom għal kull għan ieħor ħlief dak li jfittex ordnijiet (29).

44.      Jien miniex tal-opinjoni li l-approċċ tar-Regolament dwar Dazji Dognali, li għandu l-għan li jingħata trattament doganali uniformi lil kampjuni li jgħaddu mill-konfini doganali tal-UE, huwa ta’ xi għajnuna partikolari fil-kuntest tal-VAT, li jirrikjedi li jiġu kkunsidrati prattiċi kummerċjali leġittimi filwaqt li jiġi evitat ir-riskju li oġġetti jingħataw allegatament bħala kampjuni li indebitament jgħaddu għall-konsum finali.

45.      Ir-Regolament dwar Dazji Doganali għandu għan speċifiku, ċioè l-eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni jew l-esportazzjoni (30). F’kuntest speċifiku bħal dan, l-enfażi qiegħed iktar fuq il-karatteristiċi fiżiċi tal-oġġetti, mhux bħas-sitwazzjoni fil-każ preżenti fejn ir-rwol tad-destinatarju huwa ċentrali fl-analiżi.

46.      Meta jiġi kkunsidrat jekk xi ħaġa tammontax għal “applikazzjoni biex jingħataw kampjuni” fil-kuntest tas-Sitt Direttiva tal-VAT, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Meta ssir analiżi bħal din, jien tal-opinjoni li huwa importanti li jiġu analizzati t-tipi differenti ta’ destinatarji li jirċievu l-oġġetti bħala kampjuni, kif ukoll il-proprjetajiet fiżiċi tal-oġġetti inkwistjoni.

A –    Destinatarji ta’ kampjuni

47.      Ir-rilevanza tal-opinjoni tad-destinatarju hija importanti għad-diskussjoni dwar ir-relazzjoni bejn il-kampjun u l-prodott finali, kwantitajiet li bihom jistgħu jingħataw kampjuni, il-valur ta’ kampjun wieħed, u r-riskju li kampjuni jaslu għall-konsum finali b’mod sinjifikattiv. Dan iwassalni għall-konklużjoni li l-kunċett ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” għandu jiġi analizzat billi wieħed iżomm f’moħħu destinatarji ta’ kampjuni differenti.

48.      Jien tal-opinjoni li hemm tliet tipi differenti ta’ destinatarji ta’ kampjuni. Interpretazzjoni korretta tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandha tinkludihom kollha. In-nuqqas li jsir dan ikun ifisser li ċerti applikazzjonijiet jikkwalifikaw bħala applikazzjonijiet għall-għoti ta’ kampjuni, filwaqt li oħrajn ma jikkwalifikawx skont lil min ikunu ngħataw il-kampjuni, minkejja l-fatt li fil-każ ta’ dawn tal-aħħar, l-applikazzjonijiet kellhom l-istess funzjoni kummerċjali bħal tal-ewwel. Restrizzjoni leġiżlattiva li pereżempju tikkonċerna n-numru ta’ kampjuni li jistgħu jingħataw lil destinatarju wieħed jista’ jkollha effetti differenti skont jekk id-destinatarju huwiex negozjant jew konsumatur.

49.      L-ewwel kategorija ta’ destinatarji hija konsumaturi finali li jirċievu kampjuni direttament min-negozju inkwistjoni. Eżempju tipiku huwa kampjun tal-ikel mogħti lil klijent li jkun qed iżur supermarket lokali.

50.      It-tieni kategorija ta’ destinatarji hija kumpanniji li, huma nnifishom jirċievu kampjuni għall-iskopijiet industrijali jew kummerċjali tagħhom. Dan jinkludi l-użu ta’ kampjuni għal skopijiet ta’ assigurazzjoni tal-kwalità. Impriżi jistgħu jirċievu wkoll kampjuni sabiex iqassmuhom lill-konsumaturi finali, jew sabiex jesponu dawn il-kampjuni biex il-konsumatur finali jkun jista’ jittestja l-oġġett inkwistjoni (31).

51.      It-tielet kategorija ta’ destinatarji hija persuni li jaġixxu bħala intermedjarji bejn in-negozjanti u l-pubbliku, bħal dawk li minħabba l-pożizzjoni partikolari tagħhom, huma kapaċi li jgħollu l-livell ta’ espożizzjoni tal-prodott fis-suq jew li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-konsumatur. Dan ma jinkludix biss lil disc jockeys tar-radju bħal fil-każ preżenti imma anki gruppi oħra ta’ destinatarji bħal għalliema universitarji jew kritiċi tal-kotba li jirċievu kopji ta’ kotba biex jagħmlu reċensjoni tagħhom.

52.      Dawn id-destinatarji jistgħu jkunu kemm persuni naturali li huma impjegati jew persuni li jaħdmu għal rashom freelance, kif ukoll kumpanniji.

53.      Jien tal-opinjoni li ħafna mid-destinatarji fil-każ preżenti jaqgħu fit-tielet kategorija. Individwi li jaħdmu għall-istampa jirċievu kampjuni ta’ CDs biex huma jkunu jistgħu jikkomunikaw lill-pubbliku ġenerali l-opinjonijiet tagħhom dwar il-prodott. L-istess japplika fil-każ ta’ disc jockeys fuq stazzjonijiet tar-radju. Fir-rigward ta’ programmi televiżivi, aġenziji tar-reklamar, ħwienet li jbigħu bl-imnut, u ċinemas, id-distribuzzjoni ta’ CDs ovvjament tidentifika pubbliku usa’ minn tali destinatarji, li jirċievi informazzjoni permezz ta’ dawn il-kanali milli xerrejja potenzjali ta’ dawk il-prodotti.

54.      Sa fejn għandhom x’jaqsmu l-pluggers esterni, jien tal-opinjoni li dawn ma għandhomx jiġu evalwati b’mod differenti minn persuni oħra f’pożizzjonijiet intermedjarji għaliex il-funzjoni tagħhom hija wkoll li jesprimu u jwasslu l-valutazzjoni esperta kwalifikata tagħhom dwar il-prodotti u għalhekk jikkontribwixxu għall-promozzjoni tagħhom fis-suq (32).

B –    Karatteristiċi ta’ kampjun

i)      Kampjun jippromwovi l-prodott inkwistjoni bħala eżemplari

55.      EMI u l-Kummissjoni jaqblu li l-kampjuni jingħataw bħala promozzjoni tal-prodotti. Jien tal-opinjoni li ma għandux jiġi ddubitat li “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” huma kkaratterizzati minn għan promozzjonali jew ta’ dħul fis-suq, b’mod partikolari peress li hemm obbligu li dawn l-applikazzjonijiet isiru għal skopijiet ta’ negozju. Madankollu dan l-għan ġenerali huwa komuni wkoll għal rigali mogħtija għal skopijiet ta’ negozju indipendentement minn jekk ikunux ta’ valur żgħir jew rigali mogħtija għal skopijiet ta’ intratteniment. Għalhekk, it-tifsira ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” ma tistax tiġi interpretata biss abbażi tal-għan ġenerali tal-persuna taxxabbli inkwistjoni.

56.      Jidher ukoll li hemm ftehim wiesa’ li l-funzjoni essenzjali ta’ kampjun huwa r-rwol tiegħu bħala eżemplari ta’ prodott ikklassifikat bħala oġġett għal skopijiet ta’ VAT. Jien tal-opinjoni li dan huwa korrett. L-għan bażiku ta’ kampjun huwa li jservi bħala eżemplari ta’ prodott li l-persuna taxxabbli tippromwovi fis-suq, fil-kapaċità tagħha ta’ produttur, distributur, negozjant, aġent jew intermedjarju jew awżiljarju ieħor. Dan ikun jinvolvi li jiġi prodott, distribwit jew mibjugħ kampjun – mhux bħal fil-każ ta’ rigal – mill-persuna taxxabbli kkonċernata jew li din ikollha rabta kummerċjalment relevanti għall-bejgħ tal-prodott fil-futur (33).

57.      Madankollu, mhux l-applikazzjonijiet kollha li jikkonsistu f’distribuzzjoni bla ħlas jew għal skopijiet promozzjonali ta’ prodotti b’rabta man-negozju tal-persuna taxxabbli jistgħu jiġu ttrattati bħala “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”.

58.      Pereżempju, jekk l-istokk li jkun fadal ta’ prodotti li ma jkunux għadhom iktar fil-produzzjoni jiġu ddistribwiti lil klijenti bħala għotja bla ħlas, dawn l-oġġetti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”, anki jekk dawn jistgħu jsaħħu l-avvjament, jippromwovu jew jagħtu pubbliċità lill-isem u n-negozju tal-persuna taxxabbli (34). Madankollu, applikazzjoni bħal din ma sservix bħala eżemplari ta’ dawk il-prodotti li huma maħsuba li jippromwovu.

59.      Eżempju ieħor li ma jammontax għal “applikazzjoni biex jingħataw kampjuni” huwa fejn negozjant, għal skopijiet promozzjonali, iwiegħed li jagħti lil kull mitt klijent ċertu prodott li huwa disponibbli għall-bejgħ fil-ħanut tiegħu. Miżura promozzjonali bħal din ma tkunx tissodisfa l-obbligu ta’ konnessjoni neċessarja bejn l-għoti ta’ kampjuni u l-promozzjoni ta’ bejgħ fil-futur tal-istess oġġetti li l-kampjun iservi bħala eżemplari tiegħu (35).

ii)    Kampjun jirrappreżenta il-proprjetajiet tal-prodott finali

60.      B’mod partikolari fil-każ ta’ stokk ta’ CDs lesti, tqum il-kwistjoni jekk kampjun huwiex meħtieġ li jingħata dejjem f’forma li normalment ma tkunx disponibbli għall-konsumatur finali jew jekk id-distribuzzjoni ta’ “stokk lest” tistax tammonta għal “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”. Marbuta ma’ dan hemm il-preokkupazzjoni li jekk prodott jingħata f’forma lesta hemm ir-riskju li l-kampjuni jissostitwixxu l-konsum u b’hekk jinħoloq riskju li jkun kontra l-prinċipju tan-newtralità fiskali.

61.      Sabiex ikun jista’ jservi ta’ eżemplari, kampjun għandu jżomm il-proprjetajiet essenzjali tas-sustanza jew oġġetti li miegħu huwa relatat. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub u waqt is-smigħ ingħataw diversi eżempji biex jintwera dan il-punt (36). F’ħafna każijiet ma huma se jqumu l-ebda problemi fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ kampjun li jkun jinkludi l-proprjetajiet essenzjali tal-prodott finali, peress li ammonti iżgħar tal-prodott lest jistgħu jiġu ddistribwiti bħala kampjuni. Kampjun jista’ jkun ukoll verżjoni modifikata jew simplifikata tal-prodott finali, jekk verżjoni bħal din hija kapaċi żżomm il-proprjetajiet essenzjali tal-prodott.

62.      B’mod partikolari, fil-każ tat-tielet tip ta’ destinatarju, ħafna drabi jkun meħtieġ li jingħata l-prodott kollu fil-forma finali tiegħu sabiex il-prodott ikun jista’ jiġi apprezzat kollu kemm huwa u l-impressjonijiet tal-intermedjarju dwaru jkunu jistgħu jiġu trażmessi b’mod preċiż. Dan japplika għal prodotti artistiċi u letterarji bħal kotba u CDs, imma anki għal ħafna prodotti oħra bħal logħob tal-kompjuter, oġġetti ddisinjati fl-oqsma tal-moda u tad-disinn ta’ ġewwa jew anki prodotti tal-ikel.

63.      Jien tal-opinjoni li, bħala regola ġenerali, oġġett li jkun jista’ jissodisfa l-bżonnijiet ta’ konsumatur għall-prodott inkwistjoni fl-intier tiegħu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala kampjun. Pereżempju, ktieb, CD, jew biċċiet ħwejjeġ li jingħataw bħala kampjuni normalment ma jkunx meħtieġ għal konsumatur li jixtri eżemplari ġodda ta’ dawk il-prodotti eżatt.

64.      Madankollu, f’ċerti każijiet, prodott mogħti bħala kampjun jista’ jservi skopijiet promozzjonali billi joħloq abitudni ġdida fost ix-xerrejja. Barra dan, prodott għalih waħdu bħal ktieb, rivista jew CD jista’ jkun kampjun jekk jingħata bil-għan li tiġi promossa serje, kollezzjoni, jew sħubija fi klabb tal-kotba jew abbonament f’rivista.

65.      Hu importanti li jiġi enfasizzat li t-tieni u t-tielet kategoriji ta’ destinatarji ma jirċevux il-kampjuni għall-konsum tagħhom stess imma għal skopijiet professjonali.

66.      Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li kampjun jista’ jispiċċa għal konsum finali fis-sens li dan jaġixxi bħala sostitut għal prodotti li altrimenti l-konsumatur kien ikollu bżonn jixtri sabiex jissodisfa l-bżonnijiet speċifiċi tiegħu. Pereżempju: pinen ikkunsinnati għal ittestjar tal-kwalità lil stabbiliment jistgħu jkunu tant tajbin li t-“tester” jibda juża waħda mill-pinen kemm għall-użu professjonali u personali. Ir-raġel ta’ mara li tkun kritiku letterarju jista’ jaqra rumanż ġdid li l-mara tiegħu tkun irċeviet biex tagħmel reċensjoni tiegħu imma li hija tkun ratu fuq fuq. Ovvjament ir-raġel jista’ jitqies li kkonsma n-novella filwaqt li l-kritiku ma tistax tagħmel dan, għax dak l-att ma kienx att ta’ konsum jekk seħħ fil-kuntest tal-professjoni tagħha (37).

67.      Jien tal-opinjoni li dawn l-eżempji ta’ konsum finali mhux maħsub, huma “danni kollaterali”, inevitabbli fil-kuntest ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” li huma kummerċjalment ġustifikati. Dawn huma relatati ma’ ċirkustanzi li persuna taxxabbli ma tistax tipprevedi jew tipprevjeni għal kollox permezz ta’ miżuri disponibbli għaliha meta tagħti kampjuni.

68.      Biex iservu ta’ kampjuni, l-oġġetti inkwistjoni għandhom jingħataw f’forom u kwantitajiet xierqa skont l-użanza kummerċjali normali. Dan jeħtieġ li l-kampjuni ma jingħatawx f’forom li x’aktarx se jkunu sostituti għal prodotti maħsuba għal konsum finali, sakemm in-natura tal-prodott promoss bil-kampjun ma tkunx teħtieġ mod ieħor. F’każ ta’ kampjuni ta’ prodotti li jridu jiġu vvalutati fil-forma finali tagħhom, ħafna drabi jista’ jkun meħtieġ li jiġu użati pakketti speċjali, stikers, marki ta’ timbri jew mezzi simili li jindikaw li huma kampjuni mhux maħsuba għan-negozju normali.

iii) Kampjun jingħata fi kwantitajiet xierqa

69.      Il-kampjuni għandhom jingħataw fi kwantità suffiċjenti sabiex dawn jilħqu l-iskop tagħhom bħala kampjuni, imma mingħajr xejn iktar. Dan mhux neċessarjament ifisser li kampjun wieħed biss jista’ jingħata lil kull destinatarju peress li destinatarji differenti li jużaw kampjuni għal skopijiet differenti se jkunu jeħtieġu ammonti differenti tal-oġġett bħala kampjun.

70.      Rigward it-tieni tip ta’ destinatarju, pereżempju kull interpretazzjoni li tillimita l-kunċett ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” għal eżemplari wieħed lil kull destinatarju jew f’forma li ma tkunx dik tal-prodott finali tista’ tikkontradixxi r-realtajiet kummerċjali. Destinatarji f’din il-kategorija ħafna drabi jkollhom bżonn iktar minn kampjun wieħed. Pereżempju, ħanut bl-imnut jista’ jkollu bżonn ta’ eluf ta’ boroż żgħar ta’ trab tal-ħasil ġdid biex jingħataw lill-klijenti tiegħu u fl-industrija u l-kummerċ, l-ittestjar tal-kwalità ta’ prodott ġdid jista’ jkollu bżonn tuzzani ta’ kampjuni. It-tielet tip ta’ destinatarju, madankollu, normalment mhux se jkollu bżonn iktar minn kopja waħda tax-xogħol.

C –    Rimarki konklużivi dwar “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”

71.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva ma tistax tiġi interpretata bħala li tippermetti Stati Membri li jimponu a priori restrizzjonijiet kwantitattivi jew kwalitattivi fuq il-kunċett ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”.

72.      Barra dan, japplikaw ukoll ir-regoli ġenerali u l-prinċipji dwar abbuż ta’ liġi, kontroll fiskali, u evażjoni fiskali fil-kuntest tal-għoti ta’ kampjuni. Jista’ jidher, fid-dawl tal-kwantità jew il-kwalità tal-oġġetti mogħtija, jew minn ċirkustanzi oħra tal-każ, li t-trasferiment tal-oġġetti inkwistjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li jkun seħħ bħala “applikazzjoni biex jingħataw kampjuni” fil-kuntest ta’ prattiċi kummerċjali leġittimi, minn persuni taxxabbli raġonevoli, li jaġixxu bona fide, għal skopijiet ta’ negozju (38).

73.      Filwaqt li jien konxju li hija l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali li tapplika l-analiżi għall-fatti, jista’ jkun utli li ngħaddi xi kummenti dwar l-erba’ tipi differenti ta’ CDs li jigu ddistribwiti fil-każ preżenti.

74.      Jien tal-opinjoni li l-erba’ tipi ta’ CDs li jingħataw lil intermedjarji lkoll kemm huma għandhom l-għan li jippromwovu l-prodott u jista’ jingħad li huma eżemplari tal-prodott. Fir-rigward tal-ewwel tliet forom ta’ CDs (is-CDRs bil-watermark bl-isem tad-destinatarju, is-CDRs bla watermark fl-envelops tal-kartun abjad, u s-CDs “sampler”), jidhirli li n-natura tagħhom bħala kampjuni tista’ tkun iġġustifikata b’riferiment għall-fatt li dawn jingħataw f’forma differenti minn dik tal-prodott finali, imma adattata bħala kampjun. Fir-rigward tal-“istokk lest”, l-unika ħaġa li tiddistingwihom minn prodotti finali huwa l-istiker li jindika li dawn mhumiex maħsuba għal kummerċ normali. Minkejja li stiker bħal dan jista’ jitneħħa, miniex tal-opinjoni li dan waħdu għandu jċaħħdu min-natura ta’ kampjun, jekk fatti rilevanti oħra jkunu jsostnu din il-klassifikazzjoni.

75.      Jien tal-opinjoni li d-diffikultajiet veri jikkonċernaw kwantitajiet kbar ta’ CDs li jingħataw lil pluggers esterni għad-distribuzzjoni lil persuni mhux magħrufa minn EMI. Apprezzament dwar jekk dan it-tip ta’ strateġija promozzjonali jammontax għal “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” jeħtieġ evalwazzjoni konkreta u fattwali tal-kwistjoni jekk il-persuni li jirċievu dawn is-CDs mill-pluggers iwettqux rwol ta’ intermedjarji jew għandhomx jitqiesu bħala konsumaturi normali.

VI – Applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir

76.      Permezz tad-domanda (d), il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir” fl-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva jistax ikun suġġett ta’ limiti kwantitattivi fuq in-numru jew valur ta’ rigali li jistgħu jiġu riċevuti minn żmien għal żmien jew f’xi perijodu ta’ sena partikolari.

77.      Fir-rigward ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir”, il-partijiet kollha huma tal-opinjoni li l-Istati Membri għandhom ċertu ammont ta’ diskrezzjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ “valur żgħir”. B’mod partikolari EMI tosserva li dak it-terminu għandu jiġi interpretat skont iċ-ċirkustanzi ekonomiċi speċifiċi prevalenti fl-Istat Membru inkwistjoni. Dan joħloq il-bżonn li jitħalla marġni ta’ apprezzament lill-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ dan il-kunċett.

78.      Bħala punt tat-tluq, peress li l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma jagħmel l-ebda riferiment espressa għal-liġi tal-Istati Membri, il-kunċett ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir” għandu għar-raġunijiet spjegati fir-rigward ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”, ikollu tifsira skont il-liġi tal-UE (39).

79.      Ma hemm ebda raġunijiet legali għalfejn il-kunċett ta’ “għoti ta’ rigali” ma jistax ikollu tifsira skont il-liġi tal-UE. Dan ifisser li d-domanda jekk iktar minn trasferiment wieħed ta’ oġġetti jistax jiġi inkluż fl-apprezzament ta’ “rigal ta’ valur żgħir” għandha tingħata risposta b’mod uniformi. Madankollu “valur żgħir” jista’ jeħtieġ ċertu marġni ta’ evalwazzjoni għaliex it-tifsira ta’ dan il-kunċett timplika paraguni li ma jistgħux ikunu indipendenti mis-sitwazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri.

A –    Rigali

80.      X’inhu rigal? Dan il-kunċett huwa fundamentali għall-antropoloġija u s-soċjoloġija, u legalment għandu bażi soda fis-sistemi kollha żviluppati tad-dritt privat (40). Fil-kuntest tas-Sitt Direttiva, u tal-Artikolu 5(6) tagħha b’mod partikolari, il-kunċett ġie kkunsidrat fuq fuq mill-Avukat Ġenerali Van Gerven f’Empire Stores (41). Huwa kkunsidra li t-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tkopri “rigali b’xejn maħsuba ġeneralment sabiex isaħħu l-avvjament jew jagħtu pubbliċità lill-isem tal-persuna taxxabbli, mingħajr ma jkun hemm xi ħlas” (42). Dan il-punt ma ġiex ikkunsidrat mill-Qorti tal-Ġustizzja peress li ma kienx materjali għal dak il-każ.

81.      L-ispjegazzjoni mogħtija mill-Avukat Ġenerali tindika li skont kif fehem huwa l-frażi “rigali ta’ valur żgħir” kienet maħsuba li tfisser primarjament rigali mogħtija għal pubbliċità, reklamar jew skopijiet promozzjonali oħra.

82.      Jien tal-opinjoni li t-trattament ta’ VAT preferenzjali għal “applikazzjonijiet biex jagħmlu rigali ta’ valur żgħir” jagħmel sens biss jekk jitqies li għandu fil-mira rigali mogħtija għal skopijiet bħal dawn.

83.      Kif diġà semmejt fir-rigward ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni”, rigali għal skopijiet ta’ negozju jistgħu jieħdu diversi forom: rigali bħala riklam jew promozzjoni jekk ikunu ta’ valur żgħir; rigali lil impjegati; rigali fil-forma ta’ intratteniment fin-negozju. Huwa biss l-ewwel wieħed minn dawn li huwa suġġett għar-regola fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva. F’ħafna każijiet, rigali lil impjegati jistgħu jkunu suġġetti għall-VAT taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, filwaqt li rigali għall-intratteniment fin-negozju jiġu ttrattati fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.

84.      Rigali li jagħmlu riklam jew jippromwovu n-negozju normalment ikunu t-tip tal-massa, u ma jiġux magħżulin individwalment għal destinatarji partikolari. Dawn jingħataw fuq bażi ad hoc mingħajr ma l-persuna taxxabbli jew l-aġenti tagħha neċessarjament ikunu jafu dejjem bl-identità tad-destinatarju. Eżempji ta’ rigali bħal dawn jinkludu pinen, T-shirts, notepads, xalel u ingravati li jkollhom fuqhom il-logo tal-kumpannija.

85.      Madankollu, persuni taxxabbli jistgħu wkoll jagħtu, għal skopijiet ta’ negozju, rigali magħżulin b’mod individwali bħal fjuri, kaxxi taċ-ċikkulatini, flixken tal-inbid jew oġġetti iddisinjati żgħar bħal vażuni jew ornamenti. Fir-rigward ta’ rigali bħal dawn huwa essenzjali li dawn ikunu ta’ “valur żgħir”, inkella hemm riskju li dawn jispiċċaw jiġu kkunsidrati bħala (i) rigali ta’ intratteniment taħt l-Artikolu 17(6) tad-Direttiva u għalhekk ma jkunux intitolati għal tnaqqis jew, (ii), konformi ma’ Kuwait Petroleum, għal tneħħijiet bla ħlas skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (43).

86.      Id-differenza bejn “tneħħija tagħhom mingħajr ħlas” fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, u “jingħataw [...] rigali ta’ valur żgħir” fit-tieni sentenza hija fil-valur u l-iskop tagħhom (44).

B –    “Valur żgħir”

87.      Jien tal-opinjoni li jekk it-terminu “valur żgħir” jiġi interpretat purament bħala kriterju kwantitattiv, l-Istati Membri għandhom bżonn inevitabbilment ftit marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tiegħu. Jekk min-naħa l-oħra, “valur żgħir” jiġi interpretat iktar bħala kunċett kwalitattiv mhux għal kollox riduċibbli għal valur ekonomiku, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jista’ ma jkunx meħtieġ.

88.      It-tentazzjoni tkun li wieħed jissuġġerixxi li l-kriterju ta’ “valur żgħir” għandu jiġi interpretat b’mod kwalitattiv bħala li jirreferi għal assenza ta’ xi importanza tar-rigal iktar suġġettiva għad-destinatarju.

89.      Għaldaqstant, “rigali ta’ valur” imsemmija fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva jkunu rigali tal-massa ta’ natura promozzjonali, ħafna drabi bil-logo, l-isem, jew xi biċċa informazzjoni oħra tad-ditta fuqhom, li tistabbilixxi rabta bejn il-persuna taxxabbli li toħroġhom, u li jiġu ddistribwiti lil klijenti, klijenti potenzjali, kuntatti tan-negozju, mingħajr ma tingħata attenzjoni għall-identità tad-destinatarju. Madankollu, anki riġal li jissodisfa dawn il-kriterji, bħal ingravata tal-ħarir jew ġakketta tas-suf bil-logo tal-kumpannija fuqha, jista’, f’termini ekonomiċi, ma jkunx ta’ valur żgħir.

90.      Għalhekk, jekk wieħed iżomm f’moħħu li l-interpretazzjoni tat-terminu trid tkun waħda prattikabbli, ma jkunx konsistenti li tiġi proposta interpretazzjoni bħal din. Ikun diffiċli li interpretazzjoni kwalitattiva ta’ “valur żgħir” tiġi kkombinata mal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dak il-kunċett. Għalhekk, interpretazzjoni kwantitattiva tkun ippreferuta.

C –    Limitu monetarju fiss għall-“applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir”

91.      Fir-rigward tal-valur monetarju li għandu jitqies bħala l-limitu għat-tifsira ta’ “valur żgħir”, il-linja li ttieħdet mill-Istati Membri tvarja. F’ċerti pajjiżi bħal Spanja, l-Italja, u l-Lussemburgu ma jidhirx li hemm xi limitu monetarju speċifiku għat-tifsira ta’ rigali b’valur żgħir (45). Pajjiżi oħra, bħar-Renju Unit u Franza sabu li jkun xieraq li jiġu stabbiliti ammonti monetarji speċifiċi fl-interess taċ-ċertezza legali. Fil-Finlandja, il-limitu ma huwiex stabbilit f’dispożizzjonijiet legali vinkolanti imma f‘linji gwida li jiġu applikati mill-awtoritajiet fiskali, sabiex tiġi żgurata prattika uniformi f’din il-kwistjoni (46).

92.      Jien tal-opinjoni li dawn id-deċiżjonijiet huma għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri individwali, li jistgħu jistabbilixxu limiti abbażi tal-prosperità ekonomika tagħhom, tal-prezzijiet medji u l-livelli ta’ dħul medju. Madankollu, il-limitu ma għandux ikun daqstant baxx li jagħmel l-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT bla sens jew inapplikabbli, jew daqstant għoli li jmur lil hinn minn x’jista’ jinftiehem bħala “valur żgħir” fil-lingwaġġ komuni.

93.      Jistgħu l-limiti kwantitattivi stabbiliti mill-Istati Membri għall-“applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir” ikunu assoluti jew għandu jkun hemm xi ftit ta’ flessibbiltà fl-applikazzjoni f’każijiet individwali?

94.      Jidher li hemm tal-inqas deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali waħda li kkonkludiet mill-assenza ta’ kwalunkwe riferiment għal leġiżlazzjoni nazzjonali fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT li limiti nazzjonali għandhom ikunu konfutabbli f’każijiet individwali anki jekk prattika fiskali uniformi tista’ teħtieġ li l-awtoritajiet tat-taxxa japplikaw ċerti limiti kwantitattivi li jkunu stabbiliti prima facie (47).

95.      Nammetti, kif ġie rilevat mill-Kummissjoni waqt is-smigħ, li jkun diffiċli li jiġi ġġustifikat li kundizzjoni kwantitattiva fissa għall-applikazzjoni ta’ ċerta regola fiskali għandha tkun konfutabbli f’każijiet individwali, għax din tkun tikkontradixxi l-vera essenza ta’ kundizzjoni bħal din, ċioè t-trattament uniformi tal-persuni taxxabbli kollha. Madankollu, dan il-każ jikkonċerna dispożizzjoni tal-UE li għandu, skont il-prinċipji normali ta’ interpretazzjoni, ikollha tifsira uniformi u għalhekk m’għandha tħalli l-ebda marġni ta’ apprezzament għall-Istati Membri. Meta wieħed iżomm dan f’moħħu jien naħseb li l-miżuri ta’ implementazzjoni li jittieħdu mill-Istati Membri għandhom jippermettu ftit tal-flessibbiltà, f’każijiet eċċezzjonali, fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ limiti kwantitattivi stabbiliti. Pereżempju, kumpannija li hija preżenti f’diversi Stati Membri tista’ tkun trid tuża sett wieħed ta’ rigali bħala riklami b’disinji u logos uniformi fihom kollha. Filwaqt li wieħed irid iżomm f’moħħu r-regoli tas-suq intern, jien ma nkunx irrid naċċetta li Stat Membru b’limitu nazzjonali partikolarment baxx f’dak li huwa “valur żgħir” jista’ jirrifjuta eżenzjoni mill-VAT meta r-rigal fi Stati Membri rilevanti oħra jkun meqjus li huwa ta’ valur żgħir.

D –    Rigali kumulattivi u “applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir”

96.      Il-prattika fl-Istati Membri tidher ukoll li hija differenti fir-rigward ta’ jekk jistax isir ikkuntjar ta’ rigali kumulattivi flimkien. Ċerti sistemi, bħal fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, u fi Franza jieħdu inkunsiderazzjoni rigali li jingħataw lill-istess persuna fl-istess sena (48).

97.      Ir-Renju Unit isostni li l-limiti kumulattivi imposti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali huma neċessarji bħala prevenzjoni tal-abbuż mis-sistema tal-VAT u sabiex jiġi żgurat li persuni taxxabbli ma jkunux jistgħu jevitaw mill-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva billi jagħmlu serje ta’ rigali li, jekk jittieħdu b’mod individwali, huma ta’ valur żgħir, imma jkunu iktar minn hekk meta jittieħdu flimkien.

98.      Filwaqt li l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali hija għan rikonoxxut u inkoraġġit mis-Sitt Direttiva tal-VAT (49), u filwaqt li l-Istati Membri għandhom interessi leġittimi li jieħdu passi sabiex jipprevjenu l-evażjoni tat-taxxa possibbli, ir-Renju Unit ma ressqet l-ebda evidenza li tissuġġerixxi li hawnhekk hawn xi riskju reali ta’ evażjoni tat-taxxa.

99.      Min-naħa tiegħi, miniex tal-opinjoni li jeżisti riskju serju bħal dan fir-rigward ta’ “applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir” għal skopijiet ta’ negozju, mhux bħal fil-każ tar-riskju ovvju ta’ evażjoni tat-taxxa f’sitwazzjonijiet koperti mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

100. Fil-kuntest ta’ rigali kumulattivi fit-tassazzjoni progressiva fuq fil-wirt jew taxxa progressiva tal-boll applikabbli għal trasferimenti ta’ proprjetà reali, pereżempju, huwa importanti li jiġu kkunsidrati t-tranżazzjonijiet kollha matul perijodu definit peress li hemm inċentiv li jiġi evitat l-effett progressiv ta’ taxxa billi tranżazzjoni kbira tiġi diviża f’serje ta’ oħrajn iżgħar. Madankollu, fil-kuntest tal-VAT, approċċ kumulattiv bħal dan m’għandu l-ebda bażi fit-test tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Din tagħmel ukoll l-istatus tal-VAT ta’ applikazzjoni dipendenti fuq applikazzjonijiet preċedenti jew sussegwenti. Bħal, pereżempju, l-istatus tal-VAT ta’ rigal taħt il-limitu stabbilit sussegwentement se jinbidel jekk id-destinatarju jirċievi rigal ieħor mingħand l-istess persuna taxxabbli, li jgħolli l-livell kombinat taż-żewġ rigali ’l fuq mil-limitu. Dan imur kontra l-idea li kull tranżazzjoni tal-VAT għandha tiġi ttrattata fuq il-merti tagħha u ma tiġix affettwata minn avvenimenti preċedenti jew sussegwenti (50).

101. Ma nara l-ebda riskju ta’ persuni taxxabbli li jagħmlu rigali f’ammonti mhux ġustifikati għal skopijiet ta’ negozju. Ir-regoli u prinċipji ġenerali dwar kontroll fiskali, abbuż ta’ liġi u evażjoni fiskali huma biżżejjed biex jissuperaw tentattivi biex jiġi evitat l-obbligu ta’ “valur żgħir” għal rigali eżentati mill-VAT.

102. Applikazzjoni eżatta ta’ limiti kumulattivi tkun teħtieġ li persuni taxxabbli jżommu kont ta’ lil min jagħtu r-rigali. Jien tal-opinjoni li dan imur lil hinn mill-obbligi ta’ ħruġ ta’ fatturi u kkuntjar stabbiliti fis-Sitt Direttiva tal-VAT (51). Barra dan, ikun oneruż iżżejjed jekk persuni taxxabbli jkunu obbligati jiftakru l-peruna lil min taw kalendarji u pinen bil-logos, jew rigali oħra simili (52).

VII – L-istatus tat-taxxa ta’ destinatarji ta’ kampjuni u rigali ta’ valur żgħir

103. Id-domandi (e) u (f) għandhom x’jaqsmu mal-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli fir-Renju Unit għandha applikazzjoni limitata tal-eżenzjoni tal-VAT fir-rigward biss tal-ewwel oġġett mogħti bħala kampjun, u li l-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit tipprovdi għall-applikazzjoni kumulattiva tal-limitu tal-valur li għandu x’jaqsam ma’ “rigali ta’ valur żgħir”. Ir-risposti li pproponejt għad-domandi (b) sa (d) jfissru li jiġu esklużi dawn ir-restrizzjonijiet imposti minn dispożizzjonijiet nazzjonali għall-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

104. F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-provvista ta’ oġġetti ma tirreferix għat-trasferiment tal-propjretà fis-sens tad-dritt privat imma tkopri kull trasferiment tal-proprjetà tanġibbli li jagħti s-setgħa lid-destinatarju li jiddisponi minnha daqs li kieku kien il-proprjetarju tal-proprjetà (53). Għalhekk, kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir jistgħu jingħataw kemm lill-impjegati u lil min jimpjegahom. Liema minnhom għandu jiġi kkunsidrat bħala destinatarju hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi indirizzata abbażi taċ-ċirkustanzi rilevanti, bit-test legali għall-iskopijiet ta’ VAT ikun l-eżistenza ta’ poter reali ta’ persuna li tiddisponi mill-oġġetti bħala l-proprjetarju.

105. F’ħafna każijiet dan it-test juri li l-kampjun jew rigal jingħata lil minn jimpjega. Pereżempju, l-impjegati evidentement mhumiex id-destinatarji tal-kampjuni mogħtija lil persuna taxxabbli għall-ittestjar u d-distribuzzjoni mill-ġdid ta’ prodotti. Min-naħa l-oħra, kopja ta’ ktieb għal reċensjoni mibgħut lil kritiku fl-indirizz tad-dar tiegħu huwa ovvjament mogħti lilu personalment anki jekk huwa mqabbad minn gazzetta. Bl-istess mod, rigali ta’ valur żgħir jistgħu jingħataw lil impjegati individwali (bħal kalendarji mogħtija lilhom individwalment), jew lil min iħaddem (bħal kaxxa taċ-ċikkulatini mibgħutha minn klijent tan-negozju lill-uffiċini ta’ ditta żgħira).

106. Id-domanda (f) essenzjalment tistaqsi jekk it-tweġibiet mogħtija jiġux affettwati jekk id-destinatarju seta’ jnaqqas it-taxxa tal-input pagabbli fuq il-provvista tal-oġġetti.

107. Il-Kummissjoni ssostni li l-interpretazzjoni tal-Artikolu tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma tiddependix fuq l-istatus tad-destinatarju jew fuq l-abbiltà tiegħu li jnaqqas it-taxxa tal-input. Din tgħid ukoll li, bħala kwistjoni prattika, jista’ jkun li kumpannija li tirċievi kampjuni jew rigali tista’ tnaqqas it-taxxa tal-input. Madankollu, sabiex tkun tista’ tagħmel dan, din kellha tħallas dik it-taxxa – jiġifieri, id-donatur ried ikun talab il-ħlas tal-VAT fuq il-kampjuni jew ir-rigali.

108. Jien naqbel ma’ dan ir-raġunament. Barra dan, huwa diffiċli li wieħed jara l-punt tad-domanda. Is-suppożizzjoni msemmija mill-Kummissjoni – ċioè, li jintalab il-ħlas tal-VAT fuq kampjuni jew rigali ta’ valur żgħir – tidher ferm ’il bogħod mir-realtajiet kummerċjali.

VIII – Konklużjoni

109. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq jien nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lid-domandi li saru mill-qorti tar-rinviju bil-mod kif ġej:

(1)      “Applikazzjonijiet biex jingħataw kampjuni” fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima tfisser

-      kull provvista minn persuna taxxabbli;

-      għall-iskop biex jiġi promoss bejgħ fil-futur ta’ prodott (li jkun oġġetti għall-iskopijiet ta’ VAT);

-      lil klijent attwali jew potenzjali jew lil persuna li, minħabba l-pożizzjoni partikolari tagħha, tkun kapaċi tinfluwenza l-pubbliċità ta’ dak il-prodott fis-suq;

-      ta’ oġġett wieħed jew iktar li jservu bħala eżemplari ta’ dak il-prodott billi jinżammu l-proprjetajiet essenzjali tal-prodott fir-rigward tal-kwalità u l-karatteristiċi tiegħu, u b’hekk jagħmilha possibbli għad-destinatarju, il-klijenti tiegħu, u għal oħrajn li jirċievu komunikazzjonijiet mid-destinatarju biex jivvalutaw jew jittestjaw in-natura, il-proprjetajiet, u l-kwalità tal-prodott.

(2)      L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu limitu għall-valur monetarju ta’ “rigal b’valur żgħir” imsemmi fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, li jieħu inkunsiderazzjoni l-livell ġenerali tal-prezzijiet u tad-dħul u ta’ ċirkustanzi ekonomiċi oħrajn ta’ dak l-Istat Membru, sakemm il-limitu ma jkunx daqshekk baxx li jagħmel l-Artikolu 5(6) bla sens jew inapplikabbli, jew daqshekk għoli li jmur lil hinn minn x’jista’ jinftiehem b’ “valur żgħir” fil-lingwaġġ komuni fejn dan ikun iġġustifikat għal raġunijiet oġġettivi. Applikazzjonijiet biex jingħataw rigali ta’ valur żgħir f’dik id-dispożizzjoni jfissru provvisti individwali minn persuna taxxabbli. L-Istati Membri ma jistgħux japplikaw il-limiti msemmija b’mod kumulattiv għal diversi rigali li jingħataw matul perijodu definit ta’ żmien.

(3)      Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi min huwa d-destinatarju ta’ applikazzjoni skont it-tifsira tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ speċifiku. Fir-rigward tat-trattament għall-VAT ta’ applikazzjoni taħt it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) ta’ din id-direttiva, huwa irrilevanti jekk id-destinatarju tal-applikazzjoni huwiex intitolat li jnaqqas it-taxxa tal-input jew le.”


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Mauss, M., Essai sur le don, Presses universitaires de France Paris, 2007 (stampat mill-ġdid 2008), p. 65; Mauss, M., The Gift. The Form and Reason for Exchange in Archaic Societies, W. W. Norton, New York – Londra 1990 (stampat mill-ġdid 2000), p. 3 (traduzzjoni bl-Ingliż). Richard Hyland jikkonkludi li d-diffikultajiet ta’ ħafna sistemi legali rigward it-trattament tal-iskambji ta’ rigali jidhru li jikkonfermaw l-ipoteżi ta’ Mauss skont liema l-iskambju ta’ rigali huwa wieħed mill-istrutturi fundamentali tas-soċjetajiet tal-bniedem. Ara Hyland, R., Gifts – A Study in Comparative Law, Oxford University Press 2009, p. 114. Madankollu, l-etnografi sabu ħafna x’jikkritikaw fil-metodoloġija ta’ Mauss. (ibid., p. 14).


3 – L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (‘Is-Sitt Direttiva tal-VAT’), ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


4 – Il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jidher li huwa ispirat mill-prinċipju antik ‛donatio non praesumitur’ – teżisti preżunzjoni legali kontra d-donazzjoni. Rigward dan, ara l-preżunzjoni fil-ġurisdizzjonijiet tad-dritt ċivili u tal-“common law”, Kangas, U., Lahja (‘The Gift’), Lakimiesliiton Kustannus, Ħelsinki 1993, p. 56 sa 58.


5 – Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Madankollu huwa importanti li jiġi enfasizzat li, wara s-sentenza Kuwait Petroleum (GB) Ltd vs Commissioners of Customs and Excise, (C-48/97, Ġabra 199 p. I-2323), l-ewwel sentenza tista’ tkopri wkoll trasferimenti gratwiti għal skopijiet ta’ kummerċ meta l-VAT tal-input tkun tnaqqset fuq l-oġġetti ttrasferiti gratwitament.


6 – L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jekludi mid-dritt ta’ tnaqqis l-ispejjeż li mhumiex strettament għal skopijiet ta’ kummerċ bħal spiża fuq oġġetti ta’ lussu, passatempi u divertiment.


7 – It-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.


8 – L-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT issa sar l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p.1)(“id-Direttiva tal-VAT”), li tieħu post is-Sitt Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007 (ara t-Tabella ta’ Korrelazzjoni fl-Anness XII tad-Direttiva tal-VAT). L-għan tad-Direttiva tal-VAT huwa li tippreżenta d-dispożizzjonijiet applikabbli b’mod ċar u razzjonali, b’mod konsistenti mal-prinċipju ta’ regolamentazzjoni aħjar (premessa 3 fil-preambolu).


9 – Sentenza de Jong (C-20/91, Ġabra 1992 p. I-2847); sentenza Kuwait Petroleum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5; is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2005, Hotel Scandic Gåsabäck, (C-412/03, Ġabra p. I-743); is-sentenza tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi, (C-415/98, Ġabra p. I-1831) u tas-17 ta’ Mejju 2001, Fischer u Brandenstein, (C-322/99 u C-323/99, Ġabra p. I-4049).


10 – Peress li r-rinviju fil-każ preżenti sar qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2088 C 115, p. 47), qed jinżammu f’kull parti r-referenzi għall-artikoli tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (ĠU 2002 C 325, p. 33).


11 – Is-CDRs huma varjazzjoni tas-CDs konvenzjonali. Dawn jiġu rreġistrati b’waħda mit-tikketti tad-diski ta’ EMI, Virgin Record Label, fl-uffiċji tagħha u fuq il-kompjuters tagħha.


12 – Id-dispożizzjoni relattiva għas-servizzi tinsab fl-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.


13 – Skont l-OECD, data miġbura minn korpi li jieħdu ħsieb id-dħul mit-taxxi wriet b’mod ċar li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, il-VAT timponi l-iktar livell sinjifikattiv ta’ piż f’termini assoluti minn kwalunkwe taxxa oħra. (Il-Forum tal-OECD dwar Amministrazzjoni tat-Taxxa: Nota ta’ Informazzjoni tas-Subgrupp dwar Servizzi għal Min iħallas it-Taxxa, Programmi biex Jitnaqqas il-Piż Amministrattiv ta’ Regolamenti tat-Taxxa f’Pajjiżi Magħżula, 22 ta’ Jannar 2008, ara http://www.oecd.org/dataoecd/39/6/39947998.pdf). Mill-2007, il-Kummissjoni Ewropea ilha tiffoka fuq li jitnaqqas il-piż amministrattiv fi 13-il qasam ta’ prijorità inkluż il-VAT permezz tal-“Programm ta’ Azzjoni għat-Tnaqqis ta’ Piżijiet Amministrattivi fl-UE”. Għal iktar informazzjoni u l-progress dwar dawn il-proposti ara t-taqsima dwar “Regolamentazzjoni Aħjar” fuq is-sit internet17


 tad-DĠ għall-Intrapriża u l-Industrija: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/better regulation/administrative burdens/.


14 – Għad-definizzjonijiet tal-kunċett ta’ rigal fis-sistemi legali differenti, ara Hyland, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, (paġni 127 sa 217). Skont Hyland, rigal bħala suġġett ta’ dritt komparattiv huwa definit mill-gratwità, l-element suġġettiv (l-intenzjoni li ssir donazzjoni), in-natura tiegħu bħala trasferiment inter vivos u l-oġġett tar-rigal bħala l-fattur li jisseparah minn trasferimenti ta’ drittijiet gratwiti oħra. Huwa interessanti li wieħed josserva li skont Hyland (paġna 132), rigali ġeneralment jingħataw barra mill-ambitu egoistiku tas-suq minkejja li huwa jiddiskuti wkoll il-kwistjoni tad-donazzjonijiet minn assoċjazzjonijiet tan-negozju (paġni 233 sa 237).


15 – Ara fl-aħħar nett, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C-111/05, Ġabra p. I-2697, punt 32); is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, University of Huddersfield (C-223/03, Ġabra p. I-1751, punt 43); is-sentenza tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping & Forwarding Enterprise SAFE (C-320/88, Ġabra p. I-285, punti 7 u 8).


16 – Ħafna mill-ġurisprudenza tittratta l-użu privat ta’ oġġetti mixtrija inizjalment għal skopijiet ta’ kummerċ: Hotel Scandic, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 23; Bakcsi, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 45; Fischer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 56; De Jong, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 15 u 18. Insostenn għall-għan li jiġi żgurat li l-użu finali jkun suġġett għall-VAT, madankollu l-ewwel sentenza tapplika bl-istess mod għal għotjiet għal skopijiet ta’ kummerċ meta l-VAT tal-input tkun tnaqqset: Kuwait Petroleum, icċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 20 sa 22. L-Avukat Ġenerali Fennelly f’Kuwait Petroleum osserva li l-istorja leġiżlattiva tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva turi li l-iskop tad-dispożizzjoni kien li jiżgura li l-oġġetti li fuqhom it-taxxa tal-input ma tħallsitx ma jeħilsux mill-ħlas tat-taxxa jekk sussegwentement dawn ingħataw bla ħlas għal raġunijiet oħra barra dawk għal użu privat.


17 – Hekk kif indika l-Avukat Ġenerali Fennelly fil-Konklużjonijiet tiegħu f’Kuwait Petroleum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, il-kelma “madankollu” tenfasizza d-distinzjoni bejn l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Din hija osservazzjoni utli minkejja li mhux il-verżjonijiet lingwistiċi kollha jinkludu dik il-kelma.


18 –      Sentenza Kuwait Petroleum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 23; ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly f’din il-kawża, punt 26.


19 – Dan huwa hekk minkejja l-fatt li f’xi każijiet jistgħu jiġu kkunsmati kampjuni. Għal diskussjoni ulterjuri dwar dan, ara l-punti 60 sa 70 iktar ’il quddiem.


20 – B’mod li jirrifletti r-regola magħrufa sew li l-VAT ma għandhiex tiġi imposta fuq xi ammont akbar minn dak imħallas mill-konsumatur finali [sentenza tal-24 ta’ Ottubru 1996, Elida Gibbs Ltd vs Commissioners of Customs and Excise, (C-317/94, Ġabra p. I-5339, punt 19)].


21 – Ara s-sentenza Kuwait Petroleum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 23; u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly f’dak il-każ, punt 26.


22 – L-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 3) jistabbilixxi l-idea ċentrali tal-VAT li tiġi imposta taxxa fuq il-konsum finali ta’ prodotti.


23 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1989, Stichting Uitvoering Financiële Acties vs Staatssecretaris van Financiën, (C-348/87, Ġabra p. 1737, punt 13) u s-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Horizon College, (C-434/05, Ġabra p. I-4793, punt 16).


24 – Sentenza tat-18 ta’ Novembru 2004, Temco Europe (C-284/03, Ġabra p. I-11237, punt 17); u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer ippreżentati fl-istess kawża, punt 37.


25 – Is-sittax-il premessa tal-preambolu għas-Sitt Direttiva.


26 – Ara, fl-aħħar nett, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2008, Nordania Finans A/S u BG Factoring (C-98/07, Ġabra p. I-1281, punt 17) u l-ġurisprudenza ċċitata.


27 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 1, p. 419.


28 – L-Artikolu 91 tar-Regolament dwar Dazji Doganali, ibidem.


29 – Definizzjoni oħra simili ta’ kampjuni tinsab fl-Artikolu III tal-Konvenzjoni Internazzjonali sabiex tiġi ffaċilitata l-importazzjoni ta’ kampjuni kummerċjali u materjal pubbliċitarju. (http://images.io.gov.mo/bo/i/99/50/dlar-40539-56-eng.pdf).


30 – Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar Dazji Doganali, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


31 – Ir-Renju Unit jidher li jagħti eżenzjoni, f’ċerti każijiet partikolari, lil din il-kategorija ta’ destinatarji. Hekk kif irriżulta mill-proċedura orali, Her Majesty’s Revenue and Customs guidelines, jidhru li jeskludu (i) kampjuni mogħtija għall-finijiet tal-kontroll tal-kwalità u (ii) kampjuni mogħtija lil minn ibigħ bl-imnut għall-finijiet tad-distribuzzjoni lill-klijenti (ara http://www.hmrc.gov.uk/vat/managing/special-situations/samples.htm#2).


32 – Għall-applikazzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT huwa irrilevanti jekk l-għoti ta’ kampjun huwiex kontroproduċenti mil-lat promozzjonali, li jista’ jkun il-każ jekk dan iwassal għal apprezzament negattiv tal-prodott mid-destinatarju tal-kampjun.


33 – Pereżempju, kampjun għal skopijiet ta’ ttestjar ta’ prodott li sa issa mhuwiex fil-produzzjoni jista’ jiġi mmanifatturat minn kumpannija li ma tkunx il-persuna taxxabbli li għandha l-ħsieb li tqiegħed fis-suq dak il-prodott u għalhekk tiddistribwixxi kampjuni tagħha għal skopijiet ta’ valutazzjoni tal-kwalità.


34–      Dan ġie propost minn EMI bħala element essenzjali tal-kunċett ta’ kampjun.


35 – Fl-eżempju tan-negozjant li jagħti rigali bla ħlas lil kull mitt klijent, naturalment, hawnhekk qed nitkellmu dwar rigali iktar milli kampjuni, li huma użati biex jippromwovu negozju. Fil-każ ta’ rigali hemm għan usa’ milli sempliċement jiġi promoss bejgħ fil-futur ta’ prodotti speċifikati li jingħataw bħala rigali. Fil-każijiet ta’ rigali, l-għan huwa li jissaħħah l-avvjament b’mod ġenerali sabiex jiġi promoss il-bejgħ fil-futur tal-prodotti kollha assoċjati mal-kumpannija.


36 – Pereżempju, pakkett tat-trab tal-ħasil mogħti bħala kampjun irid ikun kbir biżżejjed għal ħasla waħda bil-magna tal-ħasil. Biċċa croissant tista’ ma tkunx biżżejjed bħala kampjun ta’ prodott ta’ furnar imma jista’ jkun neċessarju li jittiekel croissant sħiħ sabiex wieħed ikun jista’ jaċċerta ruħu dwar il-kwalitajiet kollha tiegħu.


37 – Sabiex jiġu evitati l-malintiżi, id-distinzjoni bejn konsum u attivitajiet professjonali ma timplikax li oġġetti jistgħu jinxtraw għal skopijiet professjonali mingħajr ma titħallas il-VAT tal-input. Madankollu, safejn dan iseħħ taħt il-kopertura tal-attività ta’ persuna taxxabbli, din il-VAT tal-input tista’ titnaqqas.


38 – Hekk kif ikkonkludiet il-qorti fil-kuntest ta’ tassazzjoni diretta, jien tal-opinjoni li anki fl-applikazzjoni tal-VAT, Stat Membru ma jistax jaġixxi abbażi ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ evażjoni tat-taxxa. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2007, ELISA, (C-451/05, Ġabra p. I-8251, punt 91 u l-kawżi ċċitati fiha). Jien tal-opinjoni li dan huwa minnu wkoll fil-kuntest tal-VAT.


39 – Ara l-punt 10 iktar ’il fuq.


40 – Kangas (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, p. VII u p. 31 sa 59) li jgħidu l-istess bħall-istudjuż legali Ġermaniż magħruf Friedrich Carl von Savigny, li żvela li minkejja s-sempliċità apparenti tiegħu, ir-rigal huwa istitut legali kumpless.


41 – Sentenza tat-2 ta’ Ġunju 1994, Empire Stores (C-33/93, Ġabra p. I-2329).


42 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fil-kawża Empire Stores, ibid., punt 19.


43 – Skont l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, l-ebda tnaqqis m’huwa permess għat-taxxa tal-input filwaqt li taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, it-tnaqqis li jsir għat-taxxa tal-input jiġi kkumpensat bil-ħlas tal-VAT tal-output abbażi ta’ provvista li ssir lill-persuna stess.


44      Kawża Kuwait Petroleum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 23 u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly f’din il-kawża, punt 26.


45 – Mistoqsija Parlamentari Nru 617/89 li saret minn F. Herman lill-Kummissjoni, ĠU 1990 C 39, p. 24. Anki jekk din id-domanda tmur lura sal-1990, jien tal-opinjoni li jkun utli li jkolli ftit tal-informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fi Stati Membri oħra.


46 – Ara M. Kallio et, Arvonlisäverotus 2009, Edita Helsinki 2009, p. 512.


47 – Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006 tal-Qorti Amministrattiva Suprema Finlandiża, KHO 2006:70.


48 – Mistoqsija li saret lill-Kummissjoni, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 44.


49 – Sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana, (C-132/06, Ġabra p. I-5457, punt 46); sentenza tal-10 ta’ Lulju 2008, Sosnowska, (C-25/07, Ġabra p. I-5129, punt 22 u l-gurisprudenza ċċitata); ara wkoll l-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.


50 – Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, (C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 47).


51 – Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva.


52 – Min-naħa l-oħra, wieħed jistenna li persuna taxxabbli żżomm kont tad-destinatarji ta’ rigali għal intratteniment fin-negozju, u rigali oħra ta’ valur akbar, sabiex jiġi evitat li jingħata l-istess rigal darbtejn lil destinatarju partikolari.


53 – Ara l-punt 24 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 iktar ’il fuq.