Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fil-5 ta’ Ottubru 2010 (1)

Kawża C-41/09

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi

“VAT – Rata mnaqqsa – Provvista, importazzjoni u akkwist ta’ ċerti annimali ħajjin (żwiemel) mhux maħsuba għall-preparazzjoni jew għall-produzzjoni ta’ ikel għal konsum mill-bnedmin jew mill-annimali”





1.        Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li jissuġġettaw għal rata mnaqqsa provvisti ta’ servizzi u ta’ merkanzija differenti li huma elenkati speċifikament f’dik il-leġiżlazzjoni.

2.        F’dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni Ewropea qed takkuża lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li applika b’mod żbaljat l-imsemmija leġiżlazzjoni f’dak li jirrigwarda ż-żwiemel. Hija tilmenta li dan l-Istat Membru ssuġġetta għal rata mnaqqsa l-provvisti ta’ żwiemel irrispettivament mill-għan li kien maħsub għalih l-annimal filwaqt li, skont din l-istituzzjoni, l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa hija possibbli biss fir-rigward tal-provvisti ta’ żwiemel maħsuba għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, nintendi nsostni li, qabel kollox, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tinftiehem fis-sens li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT f’dak li jirrigwarda l-annimali ħajjin hija suġġetta għall-kundizzjoni li dawn l-annimali jkunu jappartjenu għal speċi li, b’mod ġenerali jew abitwali, tkun maħsuba għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali.

4.        Sussegwentement, sejjer nispjega li ż-żwiemel ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li għandhom dan il-għan, għaliex uħud minnhom jiġu ttrattati bħala annimali domestiċi filwaqt li oħrajn huma annimali tat-tiġrija. Minn dan għandu jiġi dedott li, f’dak li jirrigwarda ż-żwiemel, l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT għandha tkun suġġetta għall-kundizzjoni li ż-żiemel li jkun is-suġġett tat-tranżazzjoni jkun huwa stess maħsub għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali.

5.        Għaldaqstant, sejjer nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddikjara li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa fondat.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

6.        Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, li hija rilevanti għal dan ir-rikors, hija komposta mis-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (2) kif ukoll mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (3), li rrevokat u ssostitwixxiet is-Sitt Direttiva mill-1 ta’ Jannar 2007.

7.        Skont il-Premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2006/112, it-tfassil mill-ġdid tas-Sitt Direttiva kien neċessarju sabiex id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali fi struttura u b’diċitura riveduti mingħajr ma, fil-prinċipju, ikun hemm bidla sostantiva.

8.        B’hekk, l-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva 2006/112 jikkorrispondu għal dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva.

9.        L-Artikolu 96 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija u għall-provvista ta’ servizzi.”

10.      L-Artikolu 97 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2010, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.

2.      Il-Kunsill għandu jiddeċiedi, skond l-Artikolu 93 [KE], dwar il-livell tar-rata standard li għandha tiġi applikata wara l-31 ta’ Diċembru 2010.”

11.      Skont l-Artikolu 98 tal-imsemmija direttiva, fil-verżjoni applikabbli għal din il-kawża:

“1.      L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.

2.      Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.

3.      Meta jkunu qed japplikaw ir-rati mnaqqsa previsti fil-paragrafu 1 għal kategoriji ta’ merkanzija, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-Nomenklatura Magħquda sabiex jistabbilixxu eżattament kemm hi koperta l-kategorija kkonċernata.”

12.      L-Artikolu 99(1) tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi:

“Ir-rati mnaqqsa għandhom jiġu ffissati bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %.”

13.      L-Anness III ta’ din id-direttiva, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”, jinkludi diversi punti. Il-punt 1 tal-imsemmi anness, li jikkorrispondi għall-punt 1 tal-Anness H għas-Sitt Direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Oġġetti ta’ l-ikel (inkluż ix-xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet [oġġetti] ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel”.

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

14.      L-Artikolu 9 tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (4), jipprevedi:

“1.      It-taxxa għandha tammonta għal 19 %.

2.      B’deroga mill-paragrafu 1, it-taxxa għandha tammonta għal:

a.      6 % għall-provvisti ta’ merkanzija u għall-provvisti ta’ servizzi inklużi fit-Tabella I annessa ma’ din il-liġi;

[…]”

15.      It-Tabella I tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tinkludi lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi li huma suġġetti għar-rata mnaqqsa ta’ 6 % prevista fl-Artikolu 9(2)(a) ta’ din il-liġi. Il-punti a.1 u a.4 tat-Tabella I huma fformulati kif ġej:

“a.

1.      oġġetti tal-ikel, b’mod partikolari:

a.      ikel u xorb normalment maħsub għall-konsum mill-bnedmin;

b.      prodotti manifestament maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni tal-ikel u tax-xorb imsemmi f’(a) u li huma inklużi fihom b’mod sħiħ jew parzjali;

c.      prodotti maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-ikel u x-xorb imsemmija f’(a), bil-kundizzjoni li x-xorb alkoħoliku ma jkunx ikkunsidrat bħala oġġett tal-ikel;

[…]

4.

a.      annimali tal-ifrat, nagħaġ, mogħoż, ħnieżer u żwiemel;

b.      annimali oħrajn għajr dawk imsemmija f’(a), manifestament maħsuba għall-fabrikazzjoni jew għall-produzzjoni tal-oġġetti tal-ikel imsemmija fil-punt 1 iktar ’il fuq, u annimali manifestament maħsuba għat-trobbija ta’ dawn l-annimali;

c.      il-ġewwieni tal-annimali msemmija f’(a) u f’(b);

d.      il-prodotti manifestament maħsuba għar-riproduzzjoni tal-annimali msemmija f’(a) u f’(b)”.

II – Il-proċedura prekontenzjuża

16.      Fl-10 ta’ April 2006, il-Kummissjoni bagħtet lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ittra ta’ intimazzjoni dwar il-possibbiltà ta’ inkompatibbiltà bejn id-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li jipprevedu l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tal-provvisti ta’ ċerti annimali ħajjin, b’mod partikolari ż-żwiemel, li ma humiex maħsuba għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali, u l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Anness H tagħha.

17.      F’ittra ta’ tweġiba tas-27 ta’ Ġunju 2006, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rrikonoxxa li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tal-provvisti ta’ ċerti annimali ħajjin kien iktar estiż minn dak li kienet tipprevedi s-Sitt Direttiva. Huwa qal li kien se jiġi stabbilit abbozz ta’ liġi biex ir-rata applikata fir-rigward ta’ dawn l-annimali tinġieb f’konformità ma’ dik iffissata mis-Sitt Direttiva.

18.      B’ittra tat-23 ta’ Ottubru 2007, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li dan l-abbozz ta’ liġi ma kienx ġie adottat.

19.      B’ittra tas-26 ta’ Novembru 2007, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi wieġeb għal din l-opinjoni motivata li l-Kummissjoni Permanenti tal-Finanzi tat-Tieni Kamra tal-Parlament kienet tat bidu għad-diskussjoni dwar l-imsemmi abbozz ta’ liġi.

20.      Billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda informazzjoni min-naħa tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li permezz tagħha setgħet tikkonkludi li l-abbozz ta’ liġi kien ġie adottat b’mod definittiv, hija ppreżentat dan ir-rikors.

III – It-talbiet u l-argumenti tal-partijiet

21.      B’rikors tad-29 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni bdiet proċeduri kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi sabiex jiġi kkonstatat li, bl-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tal-provvisti, tal-importazzjonijiet u tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ ċerti annimali ħajjin, b’mod partikolari ż-żwiemel, li normalment ma humiex maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Anness H tagħha (l-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Anness III tagħha).

22.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi talab lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

23.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża, li intervjenew insostenn tal-Istat Membru konvenut, talbu wkoll lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċħad ir-rikors.

24.      Il-Kummissjoni ssostni li l-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Anness III għal din id-direttiva, għaliex, skont din l-istituzzjoni, l-annimali ħajjin, b’mod partikolari ż-żwiemel, li normalment ma humiex maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, ma jaqgħux taħt il-punt 1 ta’ dan l-Anness III.

25.      Hija tenfasizza li, bħal kwalunkwe dispożizzjoni oħra dwar ir-rata mnaqqsa tal-VAT, it-termini li biha tiġi deskritta l-merkanzija tal-punt 1 tal-imsemmi Anness III għandha jiġu interpretati b’mod strett.

26.      Skont il-Kummissjoni, abbażi tad-diċitura tal-imsemmi punt 1, ir-rata mnaqqsa tal-VAT hija applikabbli għall-oġġetti tal-ikel maħsuba għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali. Minn dan jirriżulta li l-annimali ħajjin kif ukoll iż-żerriegħa, il-pjanti u l-ingredjenti l-oħra jistgħu jkunu suġġetti għal tali rata biss jekk ikunu normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

27.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi josserva li l-Kummissjoni tikkontesta l-punt a.4.a tat-Tabella I tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, li jsemmi xi tipi ta’ annimali li jaqgħu taħt it-taxxa mnaqqsa tal-VAT. Madankollu, din l-istituzzjoni ma spjegatx, matul il-fażi prekontenzjuża u fir-rikors tagħha, liema annimali ħajjin, barra ż-żwiemel, huma kkonċernati fir-rikors tagħha.

28.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex dawn it-tipi ta’ annimali, pereżempju l-annimali tal-ifrat jew il-ħnieżer, lanqas ma huma normalment maħsuba li jintużaw bħala oġġetti tal-ikel.

29.      Għaldaqstant, skont ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli sa fejn dan jipprevedi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward ta’ ċerti annimali ħajjin barra ż-żwiemel.

30.      Fir-rigward taż-żwiemel, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jressaq erba’ argumenti insostenn taċ-ċaħda tar-rikors.

31.      L-ewwel nett, il-Kummissjoni, meta tistipula li l-annimali ħajjin jistgħu jkunu suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT biss jekk ikunu normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, qiegħda tibbaża ruħha fuq interpretazzjoni żbaljata tad-diċitura tal-punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112.

32.      Fil-fatt, la l-verżjoni bl-Olandiż u lanqas kwalunkwe verżjoni lingwistika oħra ta’ din id-dispożizzjoni ma tikkonferma l-interpretazzjoni li l-espressjoni “normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet [oġġetti] ta’ l-ikel” tapplika mhux biss fir-rigward tal-ingredjenti imma anki fir-rigward tal-annimali ħajjin, taż-żerriegħa u tal-pjanti.

33.      Bil-kontra, pereżempju, mill-verżjoni bil-Ġermaniż jirriżulta li din l-espressjoni tapplika biss għall-ingredjenti. Din il-limitazzjoni hija loġika, billi ż-żerriegħa, normalment, ma hijiex maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

34.      Limitazzjoni bħal din tirriżulta wkoll mill-fatt li ċerti ingredjenti huma maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, bħal pereżempju l-bżar jew in-noċemuskata. Min-naħa l-oħra, l-annimali ħajjin ma jistgħux jintużaw fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, billi dawn jiġu mmanifatturati b’annimali mejtin.

35.      Minn dan, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jiddeduċi li ż-żwiemel, bħala annimali ħajjin, irrispettivament minn jekk normalment humiex maħsuba jew le għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, jistgħu jaqgħu taħt rata mnaqqsa tal-VAT.

36.      It-tieni nett, sussidjarjament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li l-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda fatt fejn jirriżulta li ż-żwiemel ma humiex normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

37.      Issa, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni, meta hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minn naħa ta’ Stat Membru, ma tistax tibbaża ruħha fuq preżunzjoni kwalunkwe.

38.      It-tielet nett, iktar sussidjarjament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li ż-żwiemel tabilħaqq huma normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

39.      F’dan ir-rigward, il-kwistjoni ma hijiex dwar jekk kull żiemel ipprovdut, meqjus individwalment, huwiex maħsub għall-konsum, iżda dwar jekk kategorija partikolari ta’ annimali hijiex normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

40.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-kategorija taż-“żwiemel” normalment tkun maħsuba mit-twelid għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel, anki jekk l-għan li għalih ikun maħsub żiemel partikolari jista’ jiġi mmodifikat temporanjament. Huwa jirreferi għad-Digriet tal-1 ta’ Ġunju 2006, V.O.F. Dressuurstal Jespers (C-233/05).

41.      Huwa jirreferi wkoll għall-Artikolu 20 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 504/2008 (5), minn fejn jirriżulta li annimal equidae għandu jitqies bħala maħsub għall-qtil għall-konsum mill-bnedmin.

42.      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizza li ma huwiex possibbli li t-teżi tal-Kummissjoni tiġi implementata fil-prattika, għaliex hija teħtieġ li għal kull provvista ta’ żiemel, ikun ivverifikat l-għan li jkun maħsub għalih anki jekk l-użu tat-terminu “normalment” fil-punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 juri li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jikkwalifika kull żiemel individwalment.

43.      Ir-raba’ nett, iktar sussidjarjament, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jikkunsidra li ż-żwiemel huma merkanzija ta’ tip normalment maħsub għall-użu fil-produzzjoni agrikola, fis-sens tal-punt 11 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, il-parti l-kbira taż-żwiemel imrobbija fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-bqija tal-Ewropa jinsabu f’azjendi agrikoli.

44.      Min-naħa tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-fatt li r-rata tal-VAT applikabbli tiġi suġġetta għall-użu li x-xerrej jagħmel miż-żiemel imur kontra l-prinċipju tan-newtralità tal-VAT, li jipprevedi li l-prodotti simili għandhom jiġu suġġetti għal rata uniformi.

45.      Ir-Repubblika Franċiża, li intervjeniet f’din il-proċedura matul il-proċedura orali, sostniet, minn naħa waħda, li l-punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għall-annimali ħajjin kollha, ikun xi jkun l-għan maħsub għalihom u, min-naħa l-oħra, li ż-żwiemel huma, ikun xi jkun il-każ, normalment maħsuba għall-konsum mill-bnedmin.

IV – Kunsiderazzjonijiet

A –    Fuq il-portata tar-rikors

46.      B’dan ir-rikors, il-Kummissjoni għandha l-għan li tara li jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu abbażi tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT billi applika rata mnaqqsa fir-rigward tal-provvisti, tal-importazzjonijiet u tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ ċerti annimali ħajjin, b’mod partikolari żwiemel, li ma humiex normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

47.      Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kkontesta l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, inkwantu, bl-użu tal-avverbju “b’mod partikolari”, dan jikkonċerna annimali oħrajn għajr iż-żwiemel.

48.      Matul is-seduta, il-Kummissjoni spjegat li r-rikors tagħha kellu jinftiehem fis-sens li jirreferi biss għaż-żwiemel. Għaldaqstant, għandu jittieħed nota ta’ dan. Dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għalhekk għandu jiġi eżaminat biss fir-rigward taż-żwiemel.

B –    Fuq il-mertu

49.      Għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tal-provvisti tal-merkanzija li ġejja: “[o]ġġetti ta’ l-ikel (inkluż ix-xorb imma eskluż ix-xorb alkoħoliku) għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali; annimali ħajjin, żerriegħa, pjanti u ingredjenti normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ affarijiet [oġġetti] ta’ l-ikel; prodotti normalment maħsuba li jkunu użati biex jissupplimentaw jew jissostitwixxu l-oġġetti ta’ l-ikel”.

50.      In-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 jagħti lok għal żewġ mistoqsijiet. L-ewwel nett, ir-rata mnaqqsa tal-VAT tapplika biss fir-rigward tal-annimali ħajjin maħsuba għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali, jew fir-rigward tal-annimali ħajjin kollha, ikun xi jkun l-għan li jkunu maħsuba għalih? It-tieni nett, jekk tipprevali l-ewwel soluzzjoni, għad hemm in-neċessità li l-annimal li huwa s-suġġett tal-provvista jkun huwa stess maħsub għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali jew huwa suffiċjenti li jkun jappartjeni għal speċi li “normalment” tkun maħsuba għal dan l-użu?

51.      Dwar l-ewwel mistoqsija, ċertament ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandu raġun isostni li, minn perspettiva strettament litterali, il-verżjoni ta’ din id-dispożizzjoni bil-Ġermaniż u bl-Olandiż tfisser li t-taxxa mnaqqsa tal-VAT hija applikabbli fir-rigward tal-annimali ħajjin kollha, ikun xi jkun l-għan li jkunu maħsuba għalih, peress li l-kundizzjoni bbażata fuq l-użu fl-ikel hija prevista biss f’dak li jirrigwarda l-ingredjenti (6).

52.      Min-naħa l-oħra, din l-analiżi ma toħroġx mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra tad-dispożizzjoni inkwistjoni. Fil-fatt, meta tiġi eżaminata d-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni fil-lingwi tal-Istati Membri l-oħra li pparteċipaw fit-tfassil tagħha (7), jiġi kkonstatat li din id-diċitura jew hija konformi b’mod ċar mal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, bħall-verżjoni bl-Ingliż (8), jew ġeneralment għandha dak is-sens (9).

53.      Skont il-ġurisprudenza, f’każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti ta’ test, sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi fl-Unjoni, huwa importanti li t-test jiġi interpretat skont l-istruttura u l-għan tiegħu (10). Għandu jiġi kkonstatat li, f’din il-kawża, l-eżami ta’ dawn iż-żewġ kriterji jwassal biex tiġi aċċettata l-interpretazzjoni difiża mill-Kummissjoni.

54.      B’hekk, meta tiġi eżaminata l-istruttura tad-dispożizzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li s-sentenza hija komposta minn tliet partijiet li lkoll jikkonċernaw l-oġġetti tal-ikel. Barra minn hekk, l-elementi kollha tal-lista msemmija fit-tieni parti tas-sentenza, jiġifieri l-annimali ħajjin, iż-żerriegħa u l-pjanti, jistgħu jintużaw għan-nutrizzjoni tal-bnedmin jew tal-annimali, jekk ikun il-każ wara l-preparazzjoni, jiġifieri wara l-qtil f’dak li jirrigwarda l-annimali.

55.      Konsegwentement, l-inklużjoni ta’ din il-lista bejn żewġ partijiet tas-sentenza li jirreferu espliċitament għall-oġġetti tal-ikel twassal loġikament biex jiġi aċċettat li kull element tal-imsemmija lista huwa kkonċernat tabilħaqq mill-kundizzjoni stipulata fi tmiem din il-parti tas-sentenza, wara l-kelma “ingredjenti”, fejn jingħad li għandu jkun normalment maħsub għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

56.      Fl-aħħar nett, din l-analiżi hija konformi mal-għan li għandu jintlaħaq permezz tal-Anness H għas-Sitt Direttiva jew tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112.

57.      Billi l-VAT hija taxxa fuq il-konsum sostnuta kompletament mill-konsumatur finali, l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għandha l-effett li tnaqqas il-prezz tax-xiri ta’ prodott minn dan il-konsumatur u għalhekk li tagħmel dan il-prodott iktar aċċessibbli. L-Anness H għas-Sitt Direttiva u l-Anness III għad-Direttiva 2006/112 għalhekk jelenkaw lista ta’ operazzjonijiet li ġew magħżula mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala li jiġġustifikaw dan it-trattament fiskali iktar vantaġġjuż għall-konsumaturi.

58.      F’din il-perspettiva, huwa loġiku li jiġu inklużi fl-ewwel post, fil-punt 1 ta’ dawn l-annessi, l-oġġetti tal-ikel u, b’hekk, l-elementi kollha li jipparteċipaw fl-ipproċessar tagħhom, bħall-annimali ħajjin. Min-naħa l-oħra, l-annimali l-oħra, li skont l-użanzi fis-seħħ fl-Ewropa, ma huwiex probabbli li jintużaw għal dan il-għan, bħall-annimali domestiċi, ma jaqgħux taħt dan il-punt 1.

59.      Kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni riedhom jibbenefikaw ukoll minn rata mnaqqsa tal-VAT, kien ikollu jżid għal dan il-għan kategorija addizzjonali mal-Anness H għas-Sitt Direttiva jew mal-Anness III għad-Direttiva 2006/112, kif għamel fil-punt 11 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 għall-annimali maħsuba għall-użu fil-produzzjoni agrikola.

60.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni jikkonferma l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni, li tgħid li d-dispożizzjoni ma tirreferix għaż-żwiemel inkwantu maħsuba għall-preparazzjoni tal-oġġetti tal-ikel.

61.      Għad irid jiġi ddeterminat jekk din il-kundizzjoni għandhiex tiġi vverifikata għal kull żiemel individwali. Din il-kwistjoni, fil-fatt, titqajjem minħabba l-użu, fit-tieni parti tas-sentenza tad-dispożizzjoni inkwistjoni, tal-avverbju “normalment”.

62.      Naqbel mal-analiżi tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li tgħid li l-użu ta’ dan l-avverbju juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT tiġi applikata awtomatikament għal kull wieħed mill-prodotti msemmija minn dik id-dispożizzjoni peress li dan il-prodott, abitwalment u ġeneralment, huwa maħsub għall-manifattura tal-ikel.

63.      Id-dritt tal-Unjoni għalhekk għandu jinftiehem fis-sens li, inkwantu prodott jew annimal jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jintuża b’mod ġenerali u abitwali għall-fabbrikazzjoni tal-oġġetti tal-ikel, it-tranżazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu miegħu jistgħu jiġu suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT, mingħajr ma jkun hemm għalfejn jiġi vverifikat, għal kull tranżazzjoni individwali, li dan l-għan ġie tabilħaqq osservat.

64.      Konsegwentement, it-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw annimali bħall-annimali tal-ifrat, il-mogħoż jew il-ħnieżer jistgħu jiġu suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT għaliex dawn l-annimali, b’mod kuntrarju għall-annimali domestiċi, abitwalment u ġeneralment huma maħsuba biex jiġu kkonsmati.

65.      Madankollu, is-sitwazzjoni taż-żwiemel hija differenti minn dik tal-annimali msemmija iktar ’il fuq għaliex, b’mod kuntrarju għal dawn tal-aħħar, dawn ma humiex abitwalment u ġeneralment maħsuba għall-konsum mill-bnedmin. Għalkemm huwa minnu li ċerti żwiemel huma tabilħaqq maħsuba għall-konsum mill-bnedmin, oħrajn, min-naħa l-oħra, jiġu ttrattati effettivament bħala annimali domestiċi. Għal min irabbihom jew għal sidhom, huwa daqstant inkonċepibbli li jikolhom jew li jbigħhom għal-laħam daqs li kieku jiekol qattus jew kelb.

66.      Fuq kollox, għadd ta’ żwiemel huma maħsuba biex jieħdu sehem f’tiġrijiet. Huma jistgħu jiġġeneraw profitti ferm sinjifikattivi u b’hekk jistgħu jagħtu lok għal tranżazzjonijiet li jikkonċernaw ammonti ferm kbar ta’ flus (11).

67.      Huwa minnu li dawk l-annimali mrobbija għat-tiġrija jistgħu, fi tmiem l-eżistenza tagħhom jew jekk ma jissodisfawx il-prestazzjonijiet mistennija minnhom, jintużaw bħala annimali għal-laħam. Dan l-użu jippermetti li jibqa’ jkollhom valur pekunjarju u li jiġu kkurati b’mod xieraq sakemm jinqatlu, jekk ma jkollhomx il-possibbiltà li jintlaqgħu minn sid qalbu tajba li jiddeċiedi li jieħu ħsiebhom sakemm imutu b’mewta naturali.

68.      Il-possibbiltà tal-imsemmi użu b’hekk wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni, sabiex jiggarantixxi li din ma tagħti lok għall-ebda riskju għas-saħħa, li jipprevedi, fir-Regolament Nru 504/2008 invokat mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li kull trattament mediku ta’ żiemel irid jiġi preskritt abbażi tal-preżunzjoni li, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja attestata b’mod ċar fuq id-dokument ta’ identifikazzjoni tal-annimal, dan għandu jkun maħsub għall-qtil għall-konsum mill-bnedmin.

69.      Għaldaqstant, din il-preżunzjoni, fil-fehma tiegħi, ma tistax tiġġustifika li t-tranżazzjonijiet kollha li jikkonċernaw iż-żwiemel, ikun xi jkun l-għan li jkun maħsub għalihom, jiġu suġġetti għal rata mnaqqsa tal-VAT. Minn naħa waħda, fil-fatt, l-imsemmija preżunzjoni tista’ tiġi skartata, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 504/2008, li juri tabilħaqq li l-leġiżlatur tal-Unjoni aċċetta li ż-żwiemel kollha ma humiex maħsuba għall-qtil għall-konsum mill-bnedmin u mill-annimali. Min-naħa l-oħra, tali preżunzjoni, f’dak li jirrigwarda ż-żwiemel tat-tiġrija, tiddefinixxi fuq il-livell ekonomiku biss aspett marġinali tal-użu tal-annimal. Din ma għandhiex taħbi r-realtà li ż-żwiemel, qabel ma jintużaw, jekk ikun il-każ, bħala annimali għal-laħam, jittrabbew għal finijiet differenti milli għall-produzzjoni tal-ikel u huma maħsuba b’hekk biex jiġġeneraw dħul ferm sinjifikattiv, meta jinbiegħu jew bħala annimali tat-tiġrija, jew, jekk ikun il-każ, bħala annimali għall-kumpanija.

70.      Issa, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva 2006/112 ġew adottati b’mod speċjali bil-għan li jnaqqsu l-prezz tax-xiri tal-prodotti tal-ikel u li dawn id-dispożizzjonijiet, inkwantu jipprevedu rata tal-VAT b’deroga mir-rata normali, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv (12). L-imsemmija dispożizzjonijiet, kif diġà ngħad iktar ’il fuq, ma għandhomx l-għan li jsostnu l-produzzjoni taż-żiemel b’mod ġenerali.

71.      Konsegwentement, naqbel mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ż-żwiemel ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma maħsuba normalment għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali. Isegwi li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT fi tranżazzjoni li tikkonċerna żiemel għandha tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li dan iż-żiemel ikun maħsub huwa stess għal dan l-użu.

72.      Bil-kontra ta’ din l-analiżi, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li huwa diffiċli, fil-prattika, li tiġi osservata dik il-kundizzjoni. Din l-affermazzjoni ma hijiex konvinċenti.

73.      Kif qalet il-Kummissjoni, l-għan li għalih ikun maħsub żiemel li jagħti dritt għall-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT jista’ jiġi stabbilit permezz ta’ kriterji oġġettivi bħall-akkwirent taż-żiemel, ir-razza tiegħu u l-prezz tat-tranżazzjoni.

74.      B’hekk, din ir-rata għandha tkun tista’ tiġi applikata, pereżempju, meta żiemel jiġi akkwistat minn professjonista tas-settur tal-laħam taż-żiemel, peress li l-attività professjonali tal-akkwirent tagħti l-possibbiltà li jiġi preżunt l-użu li se jsir mill-annimal.

75.      Bl-istess mod, ir-razza taż-żiemel tista’ tikkostitwixxi ħjiel rilevanti, sa fejn iż-żwiemel tal-ġarr, pereżempju, b’differenza għaż-żwiemel li jiżnu inqas, fil-parti l-kbira huma maħsuba għall-konsum mill-bnedmin. Fl-aħħar nett, u fuq kollox, il-prezz jista’ jikkostitwixxi wkoll kriterju oġġettiv determinanti, sa fejn, kif enfasizzat il-Kummissjoni waqt is-seduta, żiemel għal-laħam jinbiegħ skont il-piż, filwaqt li l-prezz ta’ żiemel maħsub għal użu ieħor huwa prezz globali, iffissat skont il-kwalitajiet kollha tal-annimal u li, l-iktar ta’ spiss, ikun ammont ogħla jew ferm ogħla.

76.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni wkoll li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni difiża mill-Kummissjoni tmur kontra l-prinċipju tan-newtralità tal-VAT. Lanqas din l-affermazzjoni ma hija konvinċenti.

77.      Il-prinċipju tan-newtralità tal-VAT, li huwa inerenti fis-sistema komuni ta’ din it-taxxa, jipprekludi, skont il-ġurisprudenza, li l-merkanzija jew il-provvisti ta’ servizzi simili, li b’hekk jinsabu f’kompetizzjoni ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti (13).

78.      Li r-rata tal-VAT tkun tiddependi mill-għan li għalih ikun maħsub żiemel jidhirli li ma tmurx kontra dan il-prinċipju, għaliex din id-differenza fil-għan li għalih ikun maħsub żiemel tirreferi għal sitwazzjonijiet ekonomiċi differenti, fejn iż-żwiemel ikkonċernati ma jkunux f’kompetizzjoni ma’ xulxin. B’hekk, żiemel tat-tiġrija jew għall-kumpanija, meta jinbiegħ bħala tali, ma jkunx f’kompetizzjoni ma’ żiemel għal-laħam u viċe versa.

79.      Barra minn hekk, il-fatt li l-istess żiemel, f’perijodi differenti ta’ ħajtu, jista’ jkollu suċċessivament kull waħda minn dawn l-użi ma jidhirlix li jmur kontra din l-analiżi, għaliex huwa jsib ruħu f’kompetizzjoni, f’kull wieħed minn dawn il-perijodi, biss mal-annimali li jista’ jkollhom l-istess għan.

80.      Konsegwentement, ma naħsibx li meta l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT tkun irriżervata għaż-żwiemel li huma speċjalment maħsuba għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali, dan ikun qed imur kontra l-prinċipju tan-newtralità tal-VAT.

81.      Barra minn hekk, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tipproduċi fatti li juru li ż-żwiemel ma humiex normalment maħsuba għall-użu fil-preparazzjoni ta’ oġġetti tal-ikel.

82.      Ma naħsibx li dan l-argument jista’ jiġi aċċettat. Fil-fehma tiegħi, ma għandhiex tkun il-Kummissjoni li tippreżenta dawn il-fatti. Fil-fatt, anki jekk jiġi preżunt li t-trobbija taż-żwiemel fil-Pajjiżi l-Baxxi hija effettivament orjentata totalment lejn l-ikel, jibqa’ l-fatt li għandu jkun ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li jġib il-leġiżlazzjoni tiegħu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

83.      Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-ineżistenza, fi Stat Membru, ta’ attività msemmija minn direttiva ma teżentax lil dak l-Istat Membru mill-obbligu li jittrasponi din id-direttiva (14). L-ineżistenza ta’ din l-attività tiġi kkunsidrata irrilevanti għaliex huwa importanti, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, mhux biss li tiġi prekluża modifika ta’ dan l-istat ta’ fatt, imma fuq kollox li tiġi żgurata fiċ-ċirkustanzi kollha l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-kuntest ġuridiku li jippermetti li tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-direttiva inkwistjoni fit-terminu mogħti minnha anki jekk, skont il-fatti, dan il-kuntest ġuridiku ma għandux għalfejn jiġi applikat immedjatament.

84.      B’hekk, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, il-possibbiltà ta’ nuqqas, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ azjendi għat-trobbija taż-żwiemel tat-tiġrija u l-fatt li, f’dan ir-renju, iż-żiemel ma jiġix ikkunsidrat bħala annimal għall-kumpanija ma għandhomx jeżentaw lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi milli jipprevedi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, li l-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa tal-VAT fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw iż-żwiemel tiġi suġġetta għall-kundizzjoni li ż-żiemel inkwistjoni jkun maħsub għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali, għaliex sitwazzjoni bħal din, jekk wieħed jippreżumi li hija reali, tista’ tinbidel.

85.      Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-Kummissjoni hija fondata li ssostni li, billi hemm prevista l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw liż-żwiemel mingħajr mal-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa tkun suġġetta għall-kundizzjoni li ż-żiemel li jkun is-suġġett tat-tranżazzjoni jkun maħsub għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kiser l-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Anness H tagħha kif ukoll l-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Anness III tagħha.

86.      Fl-aħħar nett, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jsostni li l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw iż-żwiemel hija ġġustifikata għaliex dawn tal-aħħar jaqgħu taħt il-punt 11 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112, fis-sens li dawn għandhom jiġu kkunsidrati bħala merkanzija ta’ tip li normalment ikun maħsub għall-użu fil-produzzjoni agrikola (15). B’hekk, skont dan l-Istat Membru, il-parti l-kbira taż-żwiemel imrobbija fil-Pajjiżi l-Baxxi u fil-bqija tal-Ewropea jinsabu f’azjendi agrikoli. Bl-istess mod, l-użu tal-avverbju “normalment” fit-test tal-punt 11 ta’ dan l-anness juri li l-użu temporanju ta’ żiemel bħala żiemel tat-tiġrija, pereżempju, ma huwiex tali li jevita l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

87.      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Jiena naqbel mal-pożizzjoni tagħha. Kif ammetta r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi stess, il-punt 11 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 jkopri l-merkanzija u s-servizzi maħsuba għall-użu fil-produzzjoni agrikola u l-parteċipazzjoni taż-żwiemel fit-tiġrijiet ma taqax taħt din l-attività. Għaldaqstant, tranżazzjoni li tikkonċerna żiemel maħsub biex jipparteċipa fit-tiġrijiet ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

88.      Konsegwentement, il-punt 11 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 ma jistax jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqas tal-VAT fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li jikkonċernaw żiemel ikun xi jkun l-għan li huwa maħsub għalih.

89.      L-argument tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-użu tal-avverbju “normalment” fid-dispożizzjoni inkwistjoni ma għandux jitfa’ dubji fuq din l-analiżi, għaliex ir-raġunament dwar il-portata ta’ dan l-avverbju fil-kuntest tal-punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112, f’dak li jirrigwarda ż-żwiemel, jista’ jiġi traspost, fil-fehma tiegħi, għall-interpretazzjoni tal-punt 11 ta’ dan l-istess anness.

90.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bħala fondat u tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż, kif jipprevedi l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rigward tal-parti li titlef.

91.      L-Istati Membri l-oħra li intervjenew f’din il-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 69(4) ta’ dawk l-istess regoli.

V –    Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiddikjara li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ammissibbli u fondat sa fejn ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi qed jiġi akkużat li applika rata mnaqqsa tat-taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-provvisti, tal-importazzjonijiet u tal-akkwisti intra-Komunitarji ta’ żwiemel mingħajr ma ssuġġetta l-applikazzjoni ta’ din ir-rata mnaqqsa għall-kundizzjoni li ż-żiemel li huwa s-suġġett tat-tranżazzjoni jkun maħsub għall-konsum mill-bnedmin jew mill-annimali, bi ksur tal-Artikolu 12 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet [tal]-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, moqri flimkien mal-Anness H ta’ dik id-direttiva (l-Artikoli 96 sa 99(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KEE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija flimkien mal-Anness III ta’ dik id-direttiva);

–        tiċħad il-kumplament tar-rikors;

–        tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż u tordna li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kif ukoll ir-Repubblika Franċiża jsostnu l-ispejjeż tagħhom.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet [tal]-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


3 – Direttiva tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


4 – Staatsblad 1968, Nru 329


5 – Regolament tas-6 ta’ Ġunju 2008, li jimplementa d-Direttivi tal-Kunsill 90/426/KEE u 90/427/KEE fir-rigward tal-metodi għall-identifikazzjoni [tal]-equidae (ĠU L 149, p. 3).


6 – Bil-Ġermaniż, id-dispożizzjoni inkwistjoni hija fformulata kif ġej:


      “1. Nahrungs- und Futtermittel (einschließlich Getränke, alkoholische Getränke jedoch ausgenommen), lebende Tiere, Saatgut, Pflanzen und üblicherweise für die Zubereitung von Nahrungs- und Futtermitteln verwendete Zutaten sowie üblicherweise als Zusatz oder als Ersatz für Nahrungs- und Futtermittel verwendete Erzeugnisse”.


      Bl-istess mod, bl-Olandiż, il-formulazzjoni tipprovdi:


      “1) Levensmiddelen (met inbegrip van dranken, maar met uitsluiting van alcoholhoudende dranken) voor menselijke en dierlijke consumptie, levende dieren, zaaigoed, planten en ingrediënten die gewoonlijk bestemd zijn voor gebruik bij de bereiding van levensmiddelen, alsmede producten die gewoonlijk bestemd zijn ter aanvulling of vervanging van levensmiddelen”.


7 – L-armonizzazzjoni tar-rati tal-VAT u ż-żieda tal-Anness H għas-Sitt Direttiva li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 92/77/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (approssimazzjoni tar-rati tal-VAT) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 202). B’hekk, dan huwa test adottat mill-“UE-12”.


8 – Il-verżjoni bl-Ingliż hija fformulata kif ġej:


      “(1) Foodstuffs (including beverages but excluding alcoholic beverages) for human and animal consumption; live animals, seeds, plants and ingredients normally intended for use in the preparation of foodstuffs; products normally used to supplement foodstuffs or as a substitute for foodstuffs”.


9 – Il-verżjonijiet bil-Grieg, bl-Ispanjol, bit-Taljan u bil-Portugiż huma fformulati kif ġej:


      “1) Τα τρόφιμα (περιλαμβανομένων των ποτών, εκτός των αλκοολούχων) που προορίζονται για κατανάλωση από ανθρώπους ή από ζώα, τα ζώντα ζώα, οι σπόροι, τα φυτά και τα συστατικά που χρησιμοποιούνται συνήθως στην παρασκευή τροφίμων, τα προϊόντα που χρησιμοποιούνται συνήθως για τη συμπλήρωση ή υποκατάσταση τροφίμων”.


      “1) Los productos alimenticios (incluidas las bebidas, pero con exclusión de las bebidas alcohólicas) para consumo humano o animal, los animales vivos, las semillas, las plantas y los ingredientes utilizados normalmente en la preparación de productos alimenticios; los productos utilizados normalmente como complemento o sucedáneo de productos alimenticios”.


      “1) Prodotti alimentari (incluse le bevande, ad esclusione tuttavia delle bevande alcoliche) destinati al consumo umano e animale, animali vivi, sementi, piante e ingredienti normalmente destinati ad essere utilizzati nella preparazione di prodotti alimentari, prodotti normalmente utilizzati per integrare o sostituire prodotti alimentari”.


      “1) Produtos alimentares (incluindo bebidas, com excepção das bebidas alcoólicas) destinados ao consumo humano e animal, animais vivos, sementes, plantas e ingredientes normalmente destinados à preparação de alimentos, bem como produtos normalmente destinados a servir de complemento ou de substituto de produtos alimentares”.


10 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C-263/08, Ġabra p. I-9967, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – F’Deauville, fi Franza, wieħed miċ-ċentri prinċipali tal-bejgħ taż-żwiemel tat-tiġrija fid-dinja, il-bejgħ ta’ 285 yearlings (fliewi ta’ 18-il xahar) bejn it-13 u s-16 ta’ Awwissu 2010, iġġenera dħul mill-bejgħ ta’ EUR 26 898 000, jiġifieri prezz medju ta’ EUR 94 379 għal kull annimal mibjugħ (www.arqana.com).


12 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2001, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-83/99, Ġabra p. I-445, punti 18 u 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam (C-267/99, Ġabra p. I-7467, punti 36 u 41).


14 – Ara s-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1990, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-339/87, Ġabra p. I-851, punti 22, 25 u 32); tas-16 ta’ Novembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-214/98, Ġabra p. I-9601, punti 22 sa 27); tat-13 ta’ Diċembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-372/00, Ġabra p. I-10303, punt 11), u tat-30 ta’ Mejju 2002, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-441/00, Ġabra p. I-4699, punt 15).


15 – Il-punt 11 tal-Anness III għad-Direttiva 2006/112 jipprovdi dan li ġej:


      “Il-provvista ta’ merkanzija u servizzi ta’ tip normalment maħsuba għall-użu fil-produzzjoni agrikola imma li mhumiex merkanzija kapitali bħal makkinarju jew bini”.