Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

Bot

ippreżentati fil-11 ta’ Marzu 2010 (1)

Kawża C-58/09

Leo-Libera GmbH

vs

Finanzamt Buchholz in der Nordheide

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud - Eżenzjoni tal-logħob tal-ażżard jew tal-flus - Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżenta mill-VAT il-lotteriji u l-imħatri biss – Tassazzjoni tal-operat tas-slot machines - Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istati Membri”





1.        Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tipprovdi li l-logħob tal-ażżard u l-logħob tal-flus huma eżentati minn din it-taxxa skont il-kundizzjonijiet u l-limiti stabbiliti minn kull Stat Membru.

2.        Din il-proċedura għal deċiżjoni preliminari terġa’ tittratta l-interpretazzjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri rigward l-eżenzjoni tal-logħob tal-flus.

3.        Il-kwistjoni hija jekk Stat Membru għandux dritt jillimita din l-eżenzjoni għal numru limitat ta’ logħob, jiġifieri l-lotteriji u l-imħatri, minkejja li dawn jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-operat kollu tal-logħob li jsir fit-territorju ta’ dak l-Istat u mid-dħul iġġenerat minn din l-attività.

4.        Għal darba oħra, fil-kawża prinċipali, operatur ekonomiku qed jikkontesta l-VAT li għaliha huwa suġġett l-operat tas-slot machines.

5.        F’dawn il-konklużjonijiet, se nagħti l-motivi li minħabba fihom, fl-opinjoni tiegħi, is-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-eżenzjoni tal-logħob tal-flus ma hijiex stabbilita bi kriterju kwantitattiv. Jiena se nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti fis-sens li din tagħti lil Stat Membru d-dritt li jeżenta mill-VAT parti żgħira biss mil-logħob tal-flus li jsir fit-territorju tiegħu, bħalma huma l-imħatri u l-lotteriji, u li l-logħob kollu l-ieħor għandu jiġi suġġett għal din it-taxxa.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-liġi tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2006/112/KE

6.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma previsti fid-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill (2), li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007. Din id-Direttiva tikkostitwixxi tfassil mill-ġdid mingħajr ebda tibdil sostanzjali tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill (3).

7.        Il-VAT hija maħsuba sabiex ikollha l-iktar kamp ta’ applikazzjoni wiesgħa possibbli u sabiex tkopri, b’mod partikolari, is-servizzi kollha. Għaldaqstant, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/112, il-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali hija suġġetta għall-VAT.

8.        Madankollu, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi li ċerti attivitajiet jistgħu jew għandhom ikunu eżentati mill-VAT. Dawn l-eżenzjonijiet huma suġġetti għad-dispożizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, li jipprovdi:

“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli.”

9.        Wara dan, id-Direttiva 2006/112 tagħti lista tal-attivitajiet eżentati. L-Artikolu 135(1)(i) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:

[…]

(i)      imħatri, lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob ta’ l-azzard, soġġetti għall-kondizzjonijiet u għal-limitazzjonijiet mfasslin minn kull Stat Membru”.

10.      L-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 jirriproduċi, fis-sustanza, l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva.

11.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ma jipprekludux Stat Membru milli jżomm jew idaħħal taxxi fuq imħatri u logħob tal-ażżard, dazji tas-sisa, taxxi tal-boll jew b’mod iktar ġenerali, kwalunkwe taxxi, dazji jew piżijiet li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ, sakemm il-ġbir ta’ dawk it-taxxi, dazji jew piżijiet ma jagħtix lok, f’negozju bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim ta’ fruntieri.

2.      Il-ġurisprudenza rilevanti

12.      Il-Qorti tal-Ġustizzja pprovdiet il-kjarifiki segwenti rigward il-marġni ta’ diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva.

13.      Fis-sentenza Glawe (4) tal-5 ta’ Mejju 1994, hija ddeċidiet dwar l-ammont taxxabbli applikabbli f’dak li jirrigwarda s-slot machines billi skont il-liġi, ċertu perċentwali mill-flus li l-lagħba jilagħbu jitqassam lura lilhom bħala flus mirbuħa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammont taxxabbli tal-VAT huwa magħmul biss mill-proporzjon ta’ flus li l-lagħba jilagħbu li l-operatur jista’ effettivament iżomm għalih, jiġifieri dan ma jinkludix il-proporzjon mill-ammont kollu ta’ flus li jintlagħab li jikkorrispondi għar-rebħiet imħallsa lil-lagħba.

14.      Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tipprovdi kjarifiki dwar il-portata tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, inerenti għas-sistema tal-VAT, fejn l-Istati Membri jagħmlu użu mill-possibbiltà tagħhom li jiddeterminaw il-limiti u l-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni tal-logħob tal-flus fit-territorju tagħhom.

15.      Fis-sentenza Fischer (5) tal-11 ta’ Ġunju 1998, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dan il-prinċipju jipprekludi li l-operat illegali ta’ logħob tal-flus, f’dan il-każ ir-roulette, jiġi suġġett għall-VAT, filwaqt li l-operat ta’ dan l-istess logħob minn każinò pubbliku awtorizzat jibbenefika minn eżenzjoni.

16.      Fis-sentenza Linneweber u Akritidis (6) tas-17 ta’ Frar 2005, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li dan il-prinċipju jipprekludi, b’mod partikolari, li provvista ta’ servizzi simili u li għaldaqstant jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT.

17.      Minn dan, hija kkonkludiet li tali prinċipju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tistipula li l-operat tal-logħob u l-magni tal-logħob tal-ażżard kollha huma eżenti mill-VAT meta jsir f’Casinos pubbliċi awtorizzati, filwaqt li l-eżerċizzju ta’ din l-istess attività minn operaturi oħra li ma humiex l-operaturi ta’ dawn il-Casinos ma jibbenefikax minn din l-eżenzjoni. Għalhekk, meta l-Istati Membri jiffissaw il-limiti u l-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mill-VAT tal-operat tal-logħob tal-flus, huma ma jistgħux jagħmlu l-eżenzjoni dipendenti fuq l-identità tal-operaturi ta’ dan il-logħob (7).

B –    Il-liġi interna

18.      Wara s-sentenza Linneweber u Akritidis, iċċitata iktar ’il fuq, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja emendat id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tagħha fil-qasam tal-eżenzjoni tal-logħob tal-flus li kienet tistipula li l-eżenzjoni tiddependi mill-identità tal-operatur. Skont l-Artikolu 4(9)(b) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Umsatzsteuergesetz) tal-21 ta’ Frar 2005 (8), huma issa eżentati mill-VAT:

“l-operazzjonijiet li jaqgħu fil-qasam [tal-liġi dwar il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel (Rennwett- und Lotteriegesetz)]. It-tranżazzjonijiet koperti b’din il-liġi u li huma eżenti mit-taxxa fuq il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel jew li fuqhom ġeneralment ma titħallasx taxxa ma jibbenefikawx minn din l-eżenzjoni.”

19.      Skont l-UStG u l-liġi dwar il-lotteriji u l-imħatri fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel, applikati flimkien, il-forom ta’ logħob tal-flus eżentati mill-VAT skont il-liġi Ġermaniża huma l-imħatri fuq avvenimenti pubbliċi taż-żwiemel, l-imħatri fuq l-isports fissi kif ukoll il-lotteriji u r-raffles.

II – Il-fatti u r-rinviju għal deċiżjoni preliminari

20.      Leo-Libera GmbH (iktar ’il quddiem “Leo-Libera”) topera ħanut tal-logħob mgħammar bi slot machines. Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-VAT tagħha għax-xahar ta’ Jannar 2007, hija ddikjarat l-operazzjonijiet relatati magħha. Wara li ġie stabbilit mill-Finanzamt Buchholz in der Nordheide dak li hu dovut bħala taxxa provviżorja, hija ressqet ilment kontra dan, billi sostniet li dawn l-operazzjonijiet kienu eżentati mill-VAT. Hija, fil-fatt, tqis li l-emenda għall-Artikolu 4(9)(b) tal-UStG tmur kontra l-liġi tal-Unjoni.

21.      Billi l-Finanzamt Buchholz in der Nordheide rrifjuta li jilqa’ dan l-ilment, Leo-Libera ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht (Tribunal tal-Finanzi) (il-Ġermanja). Dan tal-aħħar ċaħad ukoll dan ir-rikors fuq il-bażi li s-slot machines ma kinux jagħmlu parti mil-logħob tal-flus li l-operat tagħhom kien eżentat mill-VAT. Dan it-tribunal ikkunsidra li l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 jippermetti lill-Istati Membri jagħmlu eċċezzjoni għall-eżenzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali.

22.      Insostenn tar-rikors tagħha ta’ “Revision”, Leo-Libera sostniet li, skont l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, Stat Membru ma jistax jeżenta biss l-imħatri u l-lotteriji, iżda għandu wkoll jeżenta mill-VAT il-logħob tal-flus l-ieħor. Ċertament, il-leġiżlaturi nazzjonali għandhom is-setgħa li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti ta’ din l-eżenzjoni. Madankollu, huma ma jistgħux jintaxxaw b’mod ġenerali “forom oħrajn ta’ logħob ta’ l-azzard”. Billi l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tissuġġetta għall-VAT madwar 63 % tal-operazzjonijiet kollha tal-logħob tal-ażżard li jsir fit-territorju Ġermaniż, u għalhekk parti żgħira biss minn dan il-logħob tibbenefika mill-eżenzjoni prevista mid-Direttiva 2006/112, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tmur kontra l-liġi tal-Unjoni.

23.      Fis-seduta, il-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi) (il-Ġermanja) esprimiet dubji dwar il-konformità tal-Artikolu 4(9)(b) tal-UStG mad-dritt tal-Unjoni. Din il-qorti tikkunsidra li, kemm skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva kif ukoll skont l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, l-operat tal-logħob u tal-magni tal-logħob tal-flus għandu, bħala regola ġenerali, ikun eżentat mill-VAT. Madankollu, l-Artikolu 4(9)(b) tal-UStG jillimita din l-eżenzjoni sa tali punt meta l-operazzjonijiet taxxabbli jkunu predominanti.

24.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja is-segwenti domanda preliminari:

“L-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva [...] 2006/112 [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jista’ jkollhom fis-seħħ leġiżlazzjoni li teżenta mit-taxxa ċerti mħatri (tat-tiġrijiet) u lotteriji biss filwaqt li l-‘forom oħrajn ta’ logħob ta’ l-azzard’ kollha huma esklużi mill-eżenzjoni mit-taxxa?”

III – Analiżi

25.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu d-dritt jillimita l-eżenzjoni mill-VAT, fir-rigward tal-logħob tal-flus, għal numru limitat ta’ logħob, bħalma huma l-imħatri u l-lotteriji, u li jissuġġetta għal din it-taxxa l-logħob tal-flus l-ieħor kollu, inkluż il-logħob tas-slot machines.

26.      Il-qorti tar-rinviju qed tressaq din id-domanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha għandha l-effett li tissuġġetta għall-VAT il-parti l-kbira tal-forom tal-logħob tal-flus li jsiru fit-territorju nazzjonali, u minħabba li dan il-logħob hekk intaxxat jirrappreżenta kważi 63 % tad-dħul iġġenerat minn din l-attività globalment. Għalhekk, hija tixtieq tkun taf jekk, il-gvern Ġermaniż, meta ssuġġetta għall-VAT il-parti l-kbira tal-logħob tal-flus, eċċediex il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 jagħtih.

27.      Bħall-Istati Membri li intervenew f’din il-kawża (9) u bħall-Kummissjoni Ewropea, fil-fehma tiegħi d-dispożizzjoni inkwistjoni tagħti tali marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri. Jiena nibbaża din l-analiżi fuq il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kif ukoll fuq is-sistema li fiha hija inkluża u fuq l-għanijiet tagħha, kif ippreċiżati fil-ġurisprudenza.

28.      Rigward il-formulazzjoni tal-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, huwa ċar li dan l-artikolu ma jistabbilixxi l-ebda restrizzjoni kwantitattiva fuq in-numru tal-logħob tal-flus li jista’ jiġi suġġett għall-VAT jew fuq il-proporzjon ta’ dħul li dan il-logħob jista’ jirrappreżenta f’rabta mad-dħul totali ġġenerat minn din l-attività.

29.      Billi jipprovdi li l-forom ta’ logħob tal-flus huma eżenti mill-VAT “soġġetti għall-kondizzjonijiet u għal-limitazzjonijiet mfasslin minn kull Stat Membru” mingħajr ebda indikazzjoni oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni evidentement ried iħalli lil kull Stat Membru jiddetermina, fejn xieraq, il-forom ta’ logħob tal-flus li għandu jkun suġġett għall-VAT, mingħajr ma jillimita dan il-marġni ta’ diskrezzjoni b’kundizzjonijiet marbuta mal-kategorija li fiha jaqgħu (imħatri, lotteriji jew oħrajn), man-numru tagħhom meta mqabbel man-numru ta’ logħob awtorizzat u mal-parti mid-dħul li dawn jirrappreżentaw.

30.      Għalhekk, l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, kif redatt, ma jipprekludix Stat Membru milli jeżenta biss mill-VAT numru żgħir ta’ logħob tal-flus, bħall-imħatri u l-lotteriji.

31.      Din l-analiżi hija kkorroborata, fl-opinjoni tiegħi, mis-sistema tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT li fiha tinsab inkluża l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112.

32.      Mill-ġurisprudenza jista’ jiġi dedott li meta Stat Membru jeżerċita l-possibbiltà tiegħu li jagħżel jekk għandux jissuġġetta għall-VAT operazzjonijiet, fl-ambitu tal-marġni ta’ diskrezzjoni lilu mogħtija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa marbut li josserva l-għanijiet u l-prinċipji ġenerali tas-Sitt Direttiva, speċjalment il-prinċipju ta’ newtralità fiskali u r-rekwiżit tal-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi tal-eżenzjonijiet previsti (10).

33.      Fir-rigward tal-portata tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, dan jipprekludi, kif rajna, li provvista ta’ servizzi simili u li għaldaqstant jinsabu f’kompetizzjoni bejniethom, jiġu ttrattati b’mod differenti mill-perspettiva tal-VAT. Fir-rigward tal-logħob tal-flus, mis-sentenza Fischer u minn dik ta’ Linneweber u Akritidis, iċċitati iktar ’il fuq, jista’ jiġi dedott li l-kategoriji differenti tal-logħob tal-flus li jistgħu jkunu awtorizzati fi Stat Membru, bħalma huma l-lotteriji, l-imħatri, il-logħob tal-Casinos, is-slot machines, eċċ., ma għandhomx jitqiesu li huma f’kompetizzjoni bejniethom.

34.      Jekk wieħed jaċċetta l-kuntrarju ta’ dan, jintilef ħafna mill-effett utli tal-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112, inkwantu dan iwassal biex l-Istati Membri jkunu obbligati jadottaw politika ta’ kollox jew xejn, jiġifieri jew ma jkun eżentat l-ebda logħob tal-flus jew ikun eżentat il-logħob kollu.

35.      Għalhekk, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi li l-istess logħob tal-flus jiġi suġġett għal trattament differenti skont jekk huwiex eżerċitat b’mod legali jew illegali, jew inkella skont l-identità u l-forma ġuridika tal-persuna li toperah. Madankollu, dan il-prinċipju ma jipprekludix li jkun hemm kategoriji ta’ logħob tal-flus li jkunu eżentati u kategoriji oħra li ma jkunux.

36.      Għalhekk, fil-każ ineżami, il-fatt li l-forom ta’ logħob tal-flus eżentati jirrappreżentaw biss parti żgħira mill-forom ta’ logħob awtorizzati fil-Ġermanja u mid-dħul totali ġġenerat minn din l-attività ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, sakemm il-forom ta’ logħob eżentati u dawk li ma humiex eżentati jistgħu jiġu kkunsidrati bħala forom ta’ logħob differenti u ma jkunux għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom.

37.      Huwa aċċettabbli li wieħed jaħseb li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tissodisfa din il-kundizzjoni, peress li l-forom ta’ logħob eżentat u dawk li ma humiex eżentati huma ddefiniti skont il-kategorija. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni ġiet adottata wara s-sentenza Linneweber u Akritidis, iċċitata iktar ’il fuq, u, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Ġermaniż, bl-approvazzjoni tad-dipartimenti tal-Kummissjoni. F’kull każ, il-qorti tar-rinviju ma esprimietx dubji dwar jekk din il-leġiżlazzjoni hijiex fil-fatt konformi mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

38.      F-rigward, imbagħad, tar-rekwiżit tal-applikazzjoni korretta, sempliċi u uniformi tal-eżenzjonijiet previsti, jidher li dan ġie osservat ukoll mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. Id-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni skont il-kategoriji ta’ logħob tintrabat ma’ kriterju li fil-fehma tiegħi huwa, a priori, ċar u preċiż għall-operaturi ekonomiċi.

39.      Min-naħa l-oħra, il-pretensjoni li din l-eżenzjoni tkun dipendenti fuq kriterji kwantitattivi, li r-rikorrenti ssostni fil-kawża prinċipali, ċertament ma tipprovdix l-istess garanziji. Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rilevanza tal-kriterju dwar il-proporzjon tad-dħul mil-logħob eżentat, tali kriterju jpoġġi lill-istess operaturi f’sitwazzjoni ta’ inċertezza minħabba li dan ikun jista’ jiġi vverifikat biss a posteriori u minħabba li d-dħul iġġenerat minn forma jew diversi forom ta’ logħob partikolari jista’ jvarja minn sena għall-oħra b’mod sinjifikattiv.

40.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni hija konformi mas-sistema li fiha huwa inkluż l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112. Jidhirli li din hija wkoll adegwata fid-dawl tal-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

41.      Fil-fatt, l-eżenzjoni tal-logħob tal-flus ma tirriżultax minħabba xi raġuni ta’ interess ġenerali. Hija ma għandhiex l-iskop li tiżgura lil din l-attività ekonomika partikolari tingħata trattament iktar favorevoli fir-rigward tal-VAT, u dan b’kuntrast ma’ dak ipprovdut għall-attivitajiet previsti fl-Artikolu 132 tad-Direttiva 2006/112, marbuta mas-servizzi postali, mat-trattamenti fi sptar u l-kura medika, mal-edukazzjoni, mas-servizzi kulturali, eċċ.

42.      L-eżenzjoni li minnha huma jistgħu jibbenefikaw hija mmotivata minn kunsiderazzjonijiet purament prattiċi, peress li l-operazzjonijiet ta’ logħob tal-ażżard ma humiex faċilment adattabbli għall-applikazzjoni tal-VAT (11). Fil-fatt, il-VAT hija taxxa fuq il-konsum li l-ammont taxxabbli tiegħu huwa l-korrispettiv irċevut għall-forniment ta’ prodott jew il-provvista ta’ servizz. Din is-sistema ma hijiex faċilment applikabbli għal-logħob tal-flus, għaliex hawnhekk il-konsumaturi jilagħbu l-flus sabiex jidħlu fiċ-ċans li jagħmlu qligħ li, skont il-każ, jista’ jkun ta’ ammont superjuri.

43.      Huwa wkoll aċċettabbli li wieħed jaħseb, fir-rigward tal-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri skont l-Artikolu 401 tad-Direttiva 2006/112 li jżommu jew idaħħlu taxxa speċjali fuq il-logħob li ma jkollhiex in-natura ta’ VAT, li l-eżenzjoni mill-VAT prevista fl-Artikolu 135(1)(i) ta’ din id-direttiva għandha wkoll l-għan li l-logħob tal-flus ma jkunx suġġett għal taxxa doppja.

44.      Jiena nifhem dawn id-dispożizzjonijiet fis-sens li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jissuġġettaw kull forma ta’ logħob tal-flus għal imposta speċjali jew inkella għall-VAT.

45.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, minn dawn l-għanijiet ma jistax jiġi dedott li l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw mill-VAT parti kbira jew parti partikolari mill-logħob tal-flus awtorizzat fit-territorju tagħhom, peress li l-kwistjoni ta’ jekk il-logħob li jsir fi Stat huwiex adattabbli għall-applikazzjoni tal-VAT jiddependi speċifikament mil-logħob awtorizzat f’dak l-Istat u mill-firxa tal-logħob offrut fl-Unjoni Ewropea li jista’ jvarja ħafna minn Stat Membru għall-ieħor.

46.      Fil-fatt, huwa paċifiku li n-numru ta’ logħob awtorizzat fi Stat Membru u l-kundizzjonijiet li taħthom jista’ jsir dan il-logħob, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fid-dritt tal-Unjoni, jibqa’ jaqa’ taħt is-setgħa leġiżlattiva ta’ dak l-Istat. Huwa paċifiku wkoll li l-Istati Membri, għal raġunijiet kulturali u speċjalment minħabba r-riskji li din l-attività ekonomika partikolari għandha għall-ordni pubbliku u għall-konsumatur, jistgħu jirrestrinġu l-eżerċizzju jew jipprojbixxu totalment logħba jew forma ta’ logħob tal-flus fit-territorju tagħhom (12).

47.      Għalhekk, wieħed jista’ perfettament jimmaġina li l-logħob kollu awtorizzat fi Stat Membru, skont il-kundizzjonijiet iddefiniti minn dak l-Istat għall-operat tiegħu, huwa adattabbli għall-applikazzjoni tal-VAT, bħalma huma s-slot machines fid-dawl tas-sentenza Glawe, iċċitata iktar ’il fuq, b’tali mod li l-ebda waħda minnhom ma tiġi eżentata.

48.      Ninnota li l-għan li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 ma jiġġustifikax li s-setgħa tal-eżenzjoni mogħtija lill-Istati Membri taħt din id-dispożizzjoni tiġi llimitata permezz ta’ kriterju kwantitattiv jew proporzjonali li jkun obbligatorju fl-Unjoni kollha.

49.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-fatturi kollha li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi li l-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu dritt jillimita l-eżenzjoni mill-VAT, fir-rigward tal-logħob tal-flus, għal numru limitat ta’ logħob, bħalma huma l-imħatri u l-lotteriji, u jissuġġetta għal din it-taxxa l-logħob tal-flus l-ieħor kollu, inklużi s-slot machines.

IV – Konklużjoni

50.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għad-domanda preliminari tal-Bundesfinanzhof bil-mod kif ġej:

“L-Artikolu 135(1)(i) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu dritt jillimita l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud, fir-rigward tal-logħob tal-flus, għal numru limitat ta’ logħob, bħalma huma l-imħatri u l-lotteriji, u jissuġġetta għal din it-taxxa l-logħob tal-flus l-ieħor kollu, inklużi s-slot machines.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Direttiva tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


3 – Direttiva tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem “is-Sitt Direttiva”), imħassra, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, bid-Direttiva 2006/112.


4 – C-38/93, Ġabra p. I-1679.


5 – C-283/95, Ġabra p. I-3369 (punti 27, 28 u 31).


6 – C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131 (punt 24).


7 – Ibid. (punt 29).


8 – BGBl. 2005 I, p. 386, liġi kif emendata bil-liġi maħsuba biex tiġġieled l-abbuż tal-liġijiet fil-qasam tat-taxxa (Gesetz zur Eindämmung missbräuchlicher Steuergestaltungen) tat-28 ta’ April 2006 (BGBl. 2006 I, p. 1095, iktar ’il quddiem l-“UStG”).


9 – Dawn huma tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.


10 – Sentenza tat-12 ta’ Jannar 2006, Turn- und Sportunion Waldburg (C-246/04, Ġabra p. I-589, punt 31).


11 – Sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, United Utilities (C-89/05, Ġabra p. I-6813, punt 23).


12 – Ara s-sentenza tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 61), dwar il-projbizzjoni ta’ lotteriji fuq skala kbira fir-Renju Unit.