Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-20 ta’ Mejju 2010 1(1)

Kawża C-70/09

Alexander Hengartner

u

Rudolf Gasser

vs

Landesregierung Voralberg

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (l-Awstrija)]

“Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni – Persuni li jaħdmu għal rashom – Kiri ta’ art għall-kaċċa – Taxxa reġjonali fuq il-kaċċa – Trattament ugwali”





I –    Introduzzjoni

1.        Fil-Land tal-Vorarlberg (l-Awstrija) jiġu applikati żewġ rati ta’ taxxa fuq il-kaċċa. Fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi tiġi applikata rata ogħla filwaqt li rata iktar baxxa hija applikata b’mod partikolari fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-persuni li għandhom ir-residenza prinċipali tagħhom fl-Awstrija. Żewġ ċittadini Svizzeri, residenti fl-Isvizzera u kerrejja ta’ biċċa art irriżervata għall-kaċċa, għalhekk ġew intaxxati b’rata ogħla minn dik applikata għall-kerrejja ta’ artijiet għall-kaċċa residenti fl-Awstrija. Kontra dan it-trattament differenti, huma invokaw quddiem l-amministrazzjoni tal-imsemmi Land, il-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, li kien konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra (iktar ’il quddiem il-“ftehim” jew il-“ftehim KE-Svizzera) (2). Billi t-talba tagħhom ġiet miċħuda, iż-żewġ rikorrenti fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju fejn sostnew li r-rata ta’ taxxa inqas favorevoli kienet qed tikser il-libertà ta’ stabbiliment li huma jibbenefikaw minnha skont it-Trattat KE. Il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) (l-Awstrija) xtaqet tkun taf jekk l-eżerċizzju tal-kaċċa, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għandux jiġi kkunsidrat bħala attività bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 43 KE.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna

2.        Skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-liġi tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Vjenna”) (3), intitolat “Ambitu ta’ din il-konvenzjoni”, din għandha tapplika għal trattati bejn Stati.

3.        Skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna, intitolat “Regola ġenerali ta’ interpretazzjoni”:

“1.      Trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu.

2.      Għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ trattat, il-kuntest għandu jinkludi, apparti t-test, il-preamboli u l-annessi tiegħu:

(a)      kull ftehim relatat mat-trattat li jkun intlaħaq bejn il-partijiet kontraenti kollha fir-rigward tal-konklużjoni tat-trattat;

(b)      kull strument li jkun sar minn parti kontraenti jew iktar li jkun relatat mal-konklużjoni tat-trattat u li jkun ġie aċċettat mill-partijiet kontraenti l-oħra bħala strument relatat mat-trattat.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    It-Trattat KE

4.        L-Artikolu 43 KE jipprojbixxi r-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment taċ-ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 43 KE, il-libertà ta’ stabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasha, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi.

C –    Il-Ftehim KE-Svizzera dwar il-moviment liberu tal-persuni

1.      Il-Ftehim

5.        Il-Ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2002. Huwa jagħmel parti minn seba’ ftehim settorjali distinti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera (4).

6.        L-Artikolu 1 tal-Ftehim, li huwa inkluż taħt il-Kapitolu I tiegħu, jipprevedi:

“L-għan ta’ dan il-ftehim, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u tal-Isvizzera, huwa:

(a)      li jagħti dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika b’salarju, ta’ stabbiliment inkwantu ħaddiem għal rasu u d-dritt li persuna tibqa’ fit-territorju tal-partijiet kontraenti;

(b)      li jiffaċilita l-provvista ta’ servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraenti, b’mod partikolari li tiġi lliberalizzata l-provvista ta’ servizzi ta’ perijodu qasir ta’ żmien;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        L-Artikolu 2 tal-Ftehim, intitolat “Nondiskriminazzjoni”, [traduzzjoni mhux uffiċjali], jipprovdi dan li ġej:

“Iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li huma residenti legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dan il-ftehim, suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 4 tal-Ftehim jipprovdi:

“Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandu jiġi ggarantit bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9.        L-Artikolu 5 tal-Ftehim, intitolat “Fornitur ta’ servizzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], preċiżament l-Artikolu 5(3), jipprovdi:

“Il-persuni fiżiċi li huma ċittadini ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea jew tal-Isvizzera li jmorru fit-territorju ta’ waħda mill-partijiet kontraenti biss bħala destinatarji ta’ servizzi għandhom jibbenefikaw mid-dritt ta’ dħul u ta’ residenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      Skont l-Artikolu 15 tal-Ftehim, l-annessi għal u l-protokolli tal-Ftehim huma parti integrali mill-Ftehim.

11.      L-Artikolu 16 tal-Ftehim jipprovdi dan li ġej:

“1. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minn dan il-ftehim, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea li jsir riferiment għalihom jiġu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

2. Sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-ftehim tinvolvi kunċetti tad-dritt Komunitarju, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej ta’ qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim għandha tiġi kkomunikata lill-Isvizzera. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2.      L-Anness I għall-Ftehim

12.      L-Anness I għall-Ftehim, intitolat “Il-moviment liberu tal-persuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] jinkludi seba’ kapitoli: I - Dispożizzjonijiet ġenerali; II – Impjegati; III – Persuni li jaħdmu għal rashom; IV – Għoti ta’ servizzi; V – Persuni li ma jeżerċitawx attività ekonomika; VI – Akkwisti ta’ beni immobbli, u VII – Dispożizzjonijiet tranżitorji u żvilupp tal-Ftehim.

13.      Il-Kapitolu II (“Impjegati” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) tal-Anness I jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 9, intitolat “Trattament ugwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li jipprevedi:

“1. Impjegat li huwa ċittadin ta’ parti kontraenti ma jistax, fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, jiġi ttrattat b’mod differenti mill-impjegati nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni, tat-tkeċċija, u tal-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol jew tal-impjieg mill-ġdid jekk jisfa bla xogħol.

2. L-impjegat u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness għandhom igawdu mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.      Il-Kapitolu II (“Persuni li jaħdmu għal rashom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) tal-Anness I jinkludi ħames artikoli (Artikoli 12 sa 16). L-Artikolu 12 tal-Anness I jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-kisba tad-dritt ta’ residenza kif ġej:

“1. Iċ-ċittadin ta’ parti kontraenti li jixtieq jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha (iktar ’il quddiem ‘persuna li taħdem għal rasha’) għandu jingħata permess ta’ residenza għal perijodu ta’ għall-inqas ħames snin mid-data tal-ħruġ tiegħu bil-kundizzjoni li jipproduċi l-prova lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li huwa stabbilit jew jixtieq jistabbilixxi ruħu għal dan l-iskop.

2. Il-permess ta’ residenza jiġi awtomatikament ipprorogat għal mill-inqas ħames snin, sakemm il-persuna li taħdem għal rasha ma tipproduċix il-prova lill-awtorità nazzjonali kompetenti li hija teżerċita attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha.

3. Għall-ħruġ tal-permessi ta’ residenza, il-partijiet kontraenti jistgħu jitolbu lill-persuna li taħdem għal rasha biex tippreżenta biss:

a) id-dokument li permezz tiegħu daħlet fit-territorju;

b) il-prova prevista fil-paragrafi 1 u 2.

4. Il-permess ta’ residenza għandu jkun validu għat-territorju kollu tal-Istat li ħarġu.

5. L-interruzzjonijiet fir-residenza li ma jaqbżux is-sitt xhur konsekuttivi kif ukoll l-assenzi biex ikunu sodisfatti l-obbligi militari ma għandhomx jaffettwaw il-validità tal-permess ta’ residenza.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15.      L-Artikolu 15 (“Trattament ugwali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) tal-Anness I jipprovdi dan li ġej:

“1. F’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha, il-persuna li taħdem għal rasha għandha tirċievi fil-pajjiż ospitanti trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan l-anness huma applikabbli, mutatis mutandis, għall-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija f’dan il-kapitolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.      Skont l-Artikolu 23 (“Destinatarju ta’ servizzi” [traduzzjoni mhux uffiċjali]) tal-Anness I:

“1. Id-destinatarju tas-servizzi msemmi fl-Artikolu 5(3) ta’ dan il-ftehim ma jeħtieġx permess ta’ residenza għal residenzi ta’ inqas minn jew ta’ tliet xhur. Għal residenzi ta’ iktar minn tliet xhur, id-destinatarju tas-servizzi għandu jirċievi permess ta’ residenza għal terminu daqs dak tas-servizz. Matul it-terminu tar-residenza tiegħu jista’ jiġi eskluż mill-għajnuna soċjali.

2. Il-permess ta’ residenza għandu jkun validu għat-territorju kollu tal-Istat li ħarġu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

D –    Il-kuntest ġuridiku reġjonali

17.      L-Artikolu 2 tal-Liġi tal-Land tal-Vorarlberg dwar il-kaċċa (Vorarlberger Gesetz über das Jagdwesen), fil-verżjoni applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (5), jipprovdi dan li ġej:

“Kontenut u eżerċizzju tad-dritt tal-kaċċa

1)      Id-dritt tal-kaċċa għandu jkun il-bażi ta’ kull eżerċizzju tal-kaċċa. Huwa għandu jkun marbut mal-proprjetà immobbli u għandu jinkludi d-dritt tal-ġestjoni, tal-kaċċa, u tal-qbid tas-selvaġġina. [...]”

18.      L-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi jipprovdi dan li ġej:

“Kiri ta’ art għall-kaċċa

1.      Il-kiri ta’ art għall-kaċċa jista’ jsir bi ftehim reċiproku, b’sejħa pubblika għall-offerti jew b’irkanti pubbliċi. Fil-kuntest tal-kiri tal-art għall-kaċċa, il-kaċċaturi liċenzjati għandhom jiżguraw li jeżerċitaw id-dritt tal-kaċċa b’mod konformi mal-prinċipji tal-Artikolu 3.

[...]

6.      Il-Gvern tal-Land għandu jadotta d-dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-proċedura tal-kiri ta’ art għall-kaċċa f’digriet.”

19.      Skont l-Artikolu 1 tal-Liġi tal-Land tal-Vorarlberg dwar il-ġbir ta’ taxxa fuq il-kaċċa (Vorarlberger Gesetz über die Erhebung einer Jagdabgabe) (6), għall-eżerċizzju tad-dritt tal-kaċċa għandha titħallas taxxa. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi, huwa suġġett għal din it-taxxa l-kaċċatur liċenzjat u, f’każ ta’ trasferiment tal-użu lil kerrejja, il-persuna li għandha d-dritt tat-tgawdija tal-kaċċa.

20.      L-Artikolu 3 tal-imsemmija liġi jipprevedi li, fil-każ ta’ artijiet għall-kaċċa mikrija, it-taxxa għandha tiġi ddeterminata skont il-kirja annwali miżjuda, skont il-każ, bil-valur tas-servizzi anċillari miftiehma fil-kuntratt. L-ispejjeż marbuta mas-sorveljanza tal-art għall-kaċċa kif ukoll mad-danni kkawżati mill-kaċċa u mis-selvaġġina ma jiġux ikkunsidrati bħala servizzi anċillari.

21.      Skont l-Artikolu 4(1) tal-imsemmija liġi, it-taxxa għandha titla’ għal 15 % tal-bażi tat-taxxa għall-persuni li jkollhom ir-residenza prinċipali tagħhom fl-Awstrija, għaċ-ċittadini tal-Unjoni kif ukoll għall-persuni fiżiċi jew morali li jiġu kkunsidrati bħalhom skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija liġi, it-taxxa għandha titla’ għal 35 % tal-bażi tat-taxxa għall-persuni l-oħra kollha.

III – Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22.      Fit-8 ta’ Jannar 2002, A. Hengartner u R. Gasser, ċittadini Svizzeri, ikkonkludew kuntratt ta’ kiri ta’ art għall-kaċċa fl-Awstrija għal terminu ta’ sitt snin (jiġifieri mill-1 ta’ April 2002 sal-31 ta’ Marzu 2008).

23.      Għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-kaċċa tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandhom għorfa fit-territorju tal-Land tal-Vorarlberg. Huma jmorru hemmhekk regolarment, darba fil-ġimgħa, biex jikkaċċjaw. Huma krew friżer u ħanut tal-laħam għall-bejgħ tas-selvaġġina maqtula. Barra minn hekk, huma ħallsu allowances lil żewġ persuni li jagħmluha ta’ gwardjani tal-kaċċa u qed jieħdu ħsieb l-ispejjeż tal-għalf għas-selvaġġina.

24.      B’deċiżjoni tal-1 ta’ April 2007 tal-awtorità tat-taxxi tal-Land tal-Vorarlberg, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ġew suġġetti għal taxxa fuq il-kaċċa li tlaħħaq EUR 4 359.30, jiġifieri 35 % tal-bażi tal-imsemmija taxxa għall-istaġun tal-kaċċa ta’ bejn l-1 ta’ April 2007 u l-31 ta’ Marzu 2008. Il-partijiet ikkonċernati ressqu lment kontra din id-deċiżjoni.

25.      Bid-deċiżjoni tas-17 ta’ Ottubru 2007, l-imsemmija awtorità tat-taxxi ċaħdet l-ilment minħabba li l-applikazzjoni tar-rata ogħla tat-taxxa fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet konformi mad-dritt. Hija enfasizzat ukoll li l-Ftehim KE-Svizzera ma kienx applikabbli għall-eżerċizzju tad-dritt tal-kaċċa u għat-taxxi relatati miegħu.

26.      A. Hengartner u R. Gasser allura ppreżentaw rikors quddiem il-Verwaltungsgerichtshof fejn, essenzjalment, invokaw ksur tad-drittijiet tal-libertà ta’ stabbiliment u ta’ trattament ugwali tagħhom. Huma spjegaw li, l-istess bħas-sajd jew l-agrikoltura, il-kaċċa hija attività ekonomika, partikolarment fil-każ fejn jinqatlu iktar minn 50 selvaġġina fis-sena u fejn tinbiegħ iktar minn tunnellata ta’ laħam. Fil-fehma tagħhom, f’dan ir-rigward, mhux rilevanti jekk l-attività inkwistjoni tiġġenerax profitt jew le.

27.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-awtorità tat-taxxi tal-Land tal-Vorarlberg missha applikat rata ta’ taxxi ta’ 15 % biex tevita diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza li hija pprojbita mid-dritt tal-Unjoni.

28.      Min-naħa tagħha, l-awtorità tat-taxxi rrispondiet li l-kaċċa għandha tiġi kkunsidrata bħala sport li ma għandux l-għan permanenti li jiġġenera dħul u li, f’dan il-każ, il-bejgħ tal-laħam tas-selvaġġina mhux qed isir b’mod professjonali. Ix-xiri tal-għalf għas-selvaġġina u l-bejgħ tal-laħam mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex attività ekonomika bħala persuni li jaħdmu għal rashom.

29.      Skont il-Verwaltungsgerichtshof, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE huwa kkaratterizzat mill-elementi tal-istabbiliment u tal-attività bħala persuna li taħdem għal rasha. Fil-fehma tagħha, l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss għal terminu mill-inqas ipprorogat mhux eskluż f’dan il-każ u l-kundizzjonijiet marbuta man-natura ta’ attività bħala persuna li taħdem għal rasha huma sodisfatti. Konsegwentement, tqum il-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ dritt tal-kaċċa jikkostitwixxix attività ekonomika, b’mod partikolari fil-każ fejn l-iskop ta’ lukru ma jkunx predominanti. Madankollu, l-intenzjoni li jinkiseb profitt fil-qasam tal-attivitajiet inkwistjoni, li jistgħu jiġu kklassifikati, jekk ikun il-każ, bħala attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom, jista’ wkoll jikkostitwixxi punt rilevanti.

30.      Il-qorti tar-rinviju, li kellha xi dubji rigward l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni dwar dan il-punt, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ fejn kaċċatur liċenzjat ibigħ fit-territorju nazzjonali s-selvaġġina li huwa jkun ikkaċċja, l-eżerċizzju tal-kaċċa jikkostitwixxi attività ta’ persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 43 KE, anki jekk din l-attività, b’mod ġenerali, ma tkunx intiża li tħalli profitt?”

IV – Risposti ssuġġeriti lill-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Skont il-partijiet rikorrenti fil-kawża prinċipali, ikun jaqbel illi d-domanda preliminari tingħata r-risposta li ġejja:

“Il-prattika tal-kaċċa tikkostitwixxi attività bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 43 KE, anki meta, kollox ma’ kollox, ma jkun qed jinkiseb l-ebda profitt minn din l-attività, b’mod partikolari meta l-persuna li hija awtorizzata tipprattika l-kaċċa tbigħ is-selvaġġina maqtula fil-pajjiż, jew meta hija twettaq ix-xiri neċessarju (pereżempju, l-għalf għas-selvaġġina) fil-pajjiż, jew meta hija tipprattika l-kaċċa għal mill-inqas iktar minn sitt snin (it-terminu tal-kuntratt ta’ kiri) jew meta hija tieħu ħsieb strutturi fissi u stabbli fi Stat Membru ieħor (għorfa tal-kaċċa, friżer u gwardjani tal-kaċċa).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

32.      Il-Vorarlberger Landesregierung (il-Gvern tal-Land tal-Vorarlberg) jissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domanda preliminari kif ġej:

“Anki meta l-kaċċatur liċenzjat ibigħ is-selvaġġina fit-territorju nazzjonali, imma ma jagħmilx profitt minn dan u fuq kollox jeżerċita l-kaċċa bħala passatemp u mhux għal skopijiet ta’ lukru, l-eżerċizzju tal-kaċċa ma jikkostitwixxix attività bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Anness I għall-[Ftehim].” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

33.      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li d-domanda rrinvijata għandha tingħata r-risposta li ġejja:

“Anki meta kaċċatur liċenzjat ibigħ is-selvaġġina fit-territorju nazzjonali, imma ma jagħmilx profitt minn dan u, skont il-fatti ta’ dan il-każ, fuq kollox jeżerċita din l-attività bħala passatemp u mhux għal skopijiet ta’ lukru, l-eżerċizzju tal-kaċċa ma jikkostitwixxix attività bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Anness I għall-[Ftehim], meta moqri flimkien mal-Artikolu 16 tal-imsemmi ftehim u flimkien mal-Artikolu 43 KE.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

34.      Il-Kummissjoni Ewropea tissuġġerixxi li għandu jiġi deċiż li:

“L-eżerċizzju tal-kaċċa fil-kuntest ta’ kuntratt tal-kiri ta’ art għall-kaċċa ma jikkostitwix attività fis-sens tal-Artikolu 43 KE, meta din tiġi pprattikata bħala passatemp u l-bejgħ tas-selvaġġina miksuba għandu biss importanza inċidentali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

V –    Analiżi

A –    L-applikabbiltà tal-Artikolu 43 KE

35.      Il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda preliminari sabiex issir taf jekk u sa fejn l-eżerċizzju ta’ dritt tal-kaċċa jista’ jikkostitwixxi attività bħala persuna li taħdem għal rasha fis-sens tal-Artikolu 43 KE, minkejja li din l-attività ma għandhiex l-għan li tiġġenera profitt.

36.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-Kummissjoni adottaw din il-bażi legali fl-osservazzjonjiet bil-miktub tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-Vorarlberger Landesregierung u l-Gvern Awstrijak jikkunsidraw li jkun aħjar jekk jiġi interpretat il-Ftehim KE-Svizzera.

37.      Ma hemm l-ebda dubju li ċ-ċittadini Svizzeri, inkwantu ċittadini ta’ pajjiż terz, ma jistgħux jinvokaw l-Artikolu 43 KE sabiex jibbenefikaw mid-drittijiet li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali (7).

38.      Billi A. Hengartner u R. Gasser huma ċittadini Svizzeri, is-sitwazzjoni tagħhom ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 43 KE. Konsegwentement, fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-kwistjoni jekk l-eżerċizzju ta’ dritt tal-kaċċa fil-kuntest ta’ kuntratt tal-kiri ta’ art għall-kaċċa jikkostitwixxix jew le attività fis-sens tal-Artikolu 43 KE ma tqumx.

39.      Tibqa’, madankollu, il-kwistjoni jekk il-Qorti tal-Ġustizzja hiex f’qagħda li tipprovdi punti ta’ interpretazzjoni oħrajn li jkunu utli għall-qorti tar-rinviju.

40.      Jidhirli li dan huwa l-każ. Fir-rigward tal-indikazzjonijiet suffiċjentement dettaljati pprovduti mill-qorti tar-rinviju, id-domanda preliminari għandha tinftiehem bħala li qed tirreferi mhux għal-libertà ta’ stabbiliment fil-kuntest tat-Trattat KE, imma għad-drittijiet tal-“persuni li jaħdmu għal rashom” fis-sens tal-Artikolu 12 tal-Anness I għall-Ftehim. Fil-fatt, jidher li l-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tfittex li tistabblixxi jekk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom fil-kuntest tal-Ftehim jipprekludux il-ġbir, fi Stat Membru, mingħand kerrejja b’ċittadinanza Svizzera, ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, meta qed tiġi applikata rata ogħla minn dik applikabbli fir-rigward taċ-ċittadini tal-Istati Membri.

B –    Il-Ftehim

1.      Osservazzjonijiet ġenerali rigward il-Ftehim

41.      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha diversi okkażjonijiet biex tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-ftehim, b’mod partikolari fil-kawża li tat lok għas-sentenza Grimme (8).

42.      F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat, qabel xejn, li l-Ftehim KE-Svizzera ġie ffirmat wara li l-Konfederazzjoni Svizzera ċaħdet, fis-6 ta’ Diċembru 1992, li taderixxi mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3, iktar ’il quddiem il-“ftehim ŻEE”), u li permezz tar-rifjut tagħha, din tal-aħħar, ma qablitx mal-proġett ta’ totalità ekonomika integrata ma’ suq uniku, ibbażat fuq regoli komuni bejn il-membri tagħha, iżda ppreferiet il-mezz ta’ arranġamenti bilaterali mal-Unjoni Ewropea u mal-Istati Membri tagħha, f’oqsma speċifiċi (9).

43.      Fir-rigward ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx mas-suq intern tal-Unjoni u li, konsegwentement, l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rigward dan is-suq ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-Ftehim, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens previsti mill-Ftehim innifsu (10).

44.      Nixtieq infakkar li trattat internazzjonali għandu jiġi interpretat mhux biss skont it-termini li bihom ġie fformulat imma anki fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. L-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna jippreċiża, f’dan ir-rigward, li trattat għandu jiġi interpretat in bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu (11).

45.      Fir-rigward tal-Ftehim KE-Svizzera, għaldaqstant għandu jiġi mfakkar li din hija interpretazzjoni ta’ trattat internazzjonali li ġie konkluż mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha ma’ pajjiż terz. Huwa minnu li hemm ukoll ftehim internazzjonali li l-għan tagħhom huwa li l-libertajiet fundamentali kollha jiġu estiżi għal pajjiżi terzi, jew li jistipulaw perspettiva ulterjuri tal-adeżjoni fl-Unjoni (12). Madankollu, dan mhux il-każ fir-rigward tal-ftehim konkluż mal-Konfederazzjoni Svizzera. Mhux il-libertajiet kollha huma imsemmija fil-ftehim u l-perspettiva tal-adeżjoni hija nieqsa. Għalhekk, hemm lok li l-Ftehim KE-Svizzera jiġi interpretat bħala ftehim internazzjonali klassiku, jiġifieri li wieħed jibqa’ fidil għat-test tal-Ftehim, kif tipprovdi l-Konvenzjoni ta’ Vjenna (13). Għaldaqstant, ma jidhirlix li approċċ dinamiku u teleoloġiku huwa ġġustifikat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

46.      Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, anki jekk il-Ftehim ikopri diversi oqsma tad-dritt tal-Unjoni, jibqa’ l-fatt li huwa jagħmel dan b’mod limitat minħabba n-natura ad hoc tad-dispożizzjonijiet tiegħu, kif ukoll minħabba l-preżenza ta’ dispożizzjonijiet li jistgħu jillimitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae jew rationae temporis (14) tiegħu jew li jippreċiżawh u li ma jiġux rikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni (15). Barra minn hekk, anki jekk l-Artikolu 16(2) tal-imsemmi ftehim jagħmel il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli, din ir-referenza tirrigwarda biss il-ġurisprudenza ta’ qabel l-iffirmar tal-Ftehim fil-21 ta’ Ġunju 1999. Skont din l-istess dispożizzjoni, kull ġurisprudenza sussegwenti għandha tkun ikkomunikata lill-Konfederazzjoni Svizzera u, fuq it-talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza għall-imsemmi pajjiż li mhux membru tal-Unjoni.

47.      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjoni li għandha tiġi analizzata s-sitwazzjoni deskritta mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw id-drittijiet tal-persuni li jaħdmu għal rashom

48.      Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw il-persuni li jaħdmu għal rashom huma ftit. Il-Kapitolu III tal-Anness I jinkludi ħames artikoli. Skematikament, l-Artikolu 12 tal-Anness jikkonċerna biss il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ permess ta’ residenza li japplikaw għal persuna li taħdem għal rasha, filwaqt li kulma jagħmlu l-artikoli l-oħra (13 sa 16) huwa li jistabbilixxu xi preċiżazzjonijiet rigward dan id-dritt. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirreferu biss għal persuni fiżiċi (16).

49.      Għandu jiġi kkonstatat li l-Ftehim jillimita ruħu għal li jirrikonoxxi li kull persuna li taħdem għal rasha għandha d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza, kif ukoll id-dritt li tibbenefika fil-pajjiż ospitant minn trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti minn dan tal-aħħar liċ-ċittadini tiegħu fejn għandhom x’jaqsmu l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha.

50.      Konsegwentement, id-definizzjoni tad-drittijiet iggarantiti li jiġu rikonoxxuti lill-persuni li jaħdmu għal rashom mill-Ftehim KE-Svizzera hija manifestament inqas estiża mil-libertà ta’ stabbiliment prevista mit-Trattat KE, kif ġiet interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

51.      Il-kwistjonijiet fiskali huma koperti fil-Ftehim KE-Svizzera b’mod ad hoc biss. Huwa minnu li l-Artikolu 15(2) tal-Anness I tal-Ftehim jirreferi għall-Artikolu 9(2) tal-imsemmi anness. Madankollu, il-kwistjonijiet fiskali li jissemmew hemmhekk huma marbuta mas-sigurtà soċjali u ma jirreferux għat-taxxi marbuta mal-eżerċizzju ta’ attivitajiet speċifiċi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (17). Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21 tal-Ftehim li jirrigwardaw il-ftehim dwar taxxa doppja lanqas ma huma rilevanti għall-finijiet ta’ din il-kawża. Għalhekk, la l-għanijiet tal-Ftehim u lanqas l-indikazzjonijiet relatati mal-intenzjonijiet tal-partijiet kontraenti ma jistgħu jiġġustifikaw interpretazzjoni tal-Ftehim fis-sens li jimplika obbligu ta’ nondiskriminazzjoni fiskali fir-rigward tal-persuni li jaħdmu għal rashom f’sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali.

52.      Barra minnhekk, mingħajr ma huwa neċessarju f’dan il-każ li tiġi eżaminata l-kwistjoni jekk, u jekk ikun il-każ, f’liema kundizzjonijiet, il-kaċċa tista’ tiġi kkunsidrata bħala attività ekonomika bħala persuna li taħdem għal rasha, nikkunsidra li d-drittijiet rikonoxxuti lill-persuni li jaħdmu għal rashom mill-Ftehim jipprevedu prinċipalment il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ permess ta’ residenza kif ukoll l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha fuq il-bażi ta’ trattament mhux diskriminatorju. Ikun xi jkun il-każ, minn dawn id-dispożizzjonijiet ma jirriżultax li l-ġbir ta’ taxxa, ikkalkolata skont rata ogħla fir-rigward taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi milli fir-rigward ta’ dawk tal-Istati Membri, imposta fuq il-kirjiet tal-artijiet għall-kaċċa fl-Awstrija huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw il-persuni li jaħdmu għal rashom.

53.      Għaldaqstant, ma jidhirlix li l-Artikoli 12 u 15 tal-Anness I jipprekludu li ċ-ċittadini Svizzeri u ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu s-suġġett ta’ differenza fit-trattament fiskali fir-rigward tat-taxxa kkontestata.

54.      B’hekk, għandu jiġi vverifikat jekk tali trattament imurx kontra l-prinċipju ġenerali ta’ nondiskriminazzjoni inkluż fil-Ftehim.

3.      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-Ftehim

55.      L-Artikolu 2 tal-Ftehim jistipula projbizzjoni tad-diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. Dak l-artikolu jipprevedi li ċ-ċittadini ta’ pajjiż kontraenti li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ pajjiż kontraenti ieħor ma għandhomx ikunu suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III għal dak il-ftehim.

56.      Il-kwistjoni li b’hekk tqum hija jekk il-portata ta’ din il-projbizzjoni hiex simili għal dik prevista fil-kuntest tat-Trattat KE.

57.      Jidhirli li n-nondiskriminazzjoni fir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera għandha portata relattiva, fl-istat attwali tal-kuntest ġuridiku applikabbli, u għandha l-istess dimensjoni biss fir-relazzjonijiet fi ħdan l-Unjoni jew iż-Żona Ekonomika Ewropea. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 12 KE, l-istess bħall-Artikolu 4 tal-Ftehim ŻEE, jipprojbixxu kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tagħhom. Il-Ftehim KE-Svizzera jinkludi wkoll prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, imma b’mod limitat u kundizzjonali.

58.      Barra minnhekk, jidher ċar li s-seba’ ftehim distinti li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera għandhom natura settorjali (18). Dawn il-ftehim ġew innegozjati fl-istess ħin imma b’mod separat. La l-istruttura tagħhom u lanqas l-għanijiet tagħhom, sakemm jeżistu, ma huma identiċi. Fir-rigward tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dawn is-seba’ ftehim ma humiex identiċi, la mil-lat tal-kontenut u lanqas tal-portata tagħhom (19).

59.      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, fejn għandha x’taqsam it-taxxa fuq il-kaċċa, li l-leġiżlazzjonijiet applikabbli f’mill-inqas żewġ partijiet kontraenti, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija u l-Konfederazzjoni Svizzera, donnhom għandhom bħala punt ta’ tluq l-idea li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma għandux jiġi applikat f’dan il-qasam (20).

60.      B’hekk il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni kif inhu previst mill-Ftehim u kif inhu interpretat fil-Konvenzjoni ta’ Vjenna ma jipprekludix, fih innifsu, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jipprevedu l-ġbir ta’ ammont ikbar ta’ taxxa mingħand iċ-ċittadini Svizzeri minħabba l-kiri tal-artijiet għall-kaċċa fl-Awstrija.

4.      Il-portata tad-drittijiet tad-destinatarji tas-servizzi fil-kuntest tal-Ftehim

61.      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li quddiem l-amministrazzjoni nazzjonali ġew invokati d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Sabiex nikkompleta l-analiżi tiegħi, jidhirli li huwa neċessarju li niddiskuti anki dan l-aspett.

62.      Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li teżamina l-karatterizzazzjoni legali ta’ sitwazzjoni simili fis-sentenza Jägerskiöld (21). Din il-kawża kienet tikkonċerna l-għoti tad-dritt tas-sajd u l-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet għal dan il-għan. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-attività li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi, bi ħlas u f’ċerti kundizzjonijiet, ta’ medda ta’ ilma biex ikunu jistgħu jipprattikaw is-sajd, tikkostitwixxi għotja ta’ servizzi li, jekk ikollha natura transkonfinali, taqa’ taħt l-Artikoli 59 et seq tat-Trattat KE (li saru, wara emendi, l-Artikoli 49 KE et seq). Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ukoll pożizzjoni f’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà tal-libertajiet l-oħra previsti mit-Trattat. Hija ppreċiżat li l-fatt li d-dritt tas-sajd jew l-awtorizzazzjonijiet rilevanti kienu kkonstatati b’dokumenti li, bħala tali, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ kummerċ, mhux suffiċjenti biex dawn jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-merkanzija.

63.      Jidhirli li din il-ġurisprudenza tista’ tiġi trasposta għall-kiri tad-dritt tal-kaċċa.

64.      B’hekk l-attività li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ terzi, bi ħlas u f’ċerti kundizzjonijiet, ta’ biċċa art biex ikunu jistgħu jipprattikaw il-kaċċa tikkostitwixxi għotja ta’ servizzi li, jekk ikollha natura transkonfinali, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

65.      Madankollu, f’dan il-każ, A. Hengartner u R. Gasser ma humiex fornituri ta’ servizz, imma destinatarji ta’ servizz. Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw id-drittijiet tad-destinatarji tas-servizzi previsti mill-Ftehim.

66.      Huwa stabbilit li anki jekk il-Ftehim ikopri l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, il-portata tiegħu ma tkunx identika għal dik tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tat-Trattat KE.

67.      Fis-sentenza Grimme, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, skont l-Artikolu 1(b) tal-Ftehim, l-għan tal-Ftehim kien li jiffaċilita l-provvisti ta’ servizzi fit-territorju tal-partijiet kontraenti u, b’mod partikolari, li jilliberalizza l-provvista ta’ servizzi ta’ perijodu ta’ żmien qasir (22). Il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu qalet ukoll li d-dritt li jiġu pprovduti servizzi fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti huwa limitat, permezz tal-Artikoli 5(1) tal-Ftehim, u 17(a) tal-Anness I għall-imsemmi ftehim, għal 90 jum ta’ xogħol effettiv fis-sena. Skont l-Artikolu 19 ta’ dan l-Anness I, matul dan il-perijodu, l-Istat ospitanti ma jistax jimponi fuq dawn il-fornituri ta’ servizzi kundizzjonijiet inqas favorevoli minn dawk irriżervati għaċ-ċittadini tiegħu, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Annessi I sa III għall-Ftehim (23).

68.      Fir-rigward tad-destinatarji tas-servizzi, id-drittijiet li jiggarantilhom il-Ftehim essenzjalment jirrigwardaw id-dritt ta’ residenza. Huwa previst li d-destinatarji tas-servizzi ma hemmx għalfejn ikollhom permess ta’ residenza għal residenzi sa tliet xhur. Għal residenzi ta’ iktar minn tliet xhur, id-destinatarji tas-servizzi għandhom jibbenefikaw minn permess ta’ residenza daqs kemm idum is-servizz. F’dan ir-rigward, infakkar li l-Artikolu 2 tal-Ftehim ma jipprojbixxix kull diskriminazzjoni li tiġi eżerċitata minħabba ċittadinanza, imma biss “fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III għal dak il-ftehim”.

69.      L-ebda element fil-Ftehim KE-Svizzera ma jindika li l-għan tiegħu kien li jiżgura trattament fiskali ugwali, fir-rigward tat-taxxi miġbura fuq servizzi bħal dawk tal-kiri tad-drittijiet tal-kaċċa. Għandu jitfakkar li projbizzjoni ta’ kull taxxa diskriminatorja fil-kuntest tal-kummerċ tas-servizzi ma hijiex espressament prevista la mill-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) (24) u lanqas mit-Trattati kostituttivi tal-Unjoni, b’differenza għal dak li jiġri fil-kummerċ tal-oġġetti (25).

70.      Fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita li tipprojbixxi kull diskriminazzjoni fiskali fil-konfront taċ-ċittadini ta’ partijiet kontraenti oħrajn fil-kuntest tal-Ftehim KE-Svizzera, tali projbizzjoni tista’ tiġi aċċettata biss jekk l-interpretazzjoni tad-drittijiet iggarantiti mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi ftehim tiġġustifikaha. Fi ħdan l-Unjoni, dan jirriżulta mid-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-libertajiet fundamentali.

71.      Fir-rigward tal-Ftehim, dan jista’ jipprekludi taxxa jew ħlas fiss imposta fuq id-destinatarji tas-servizzi meta jiksbu permess ta’ residenza, li l-ammont tagħha taqbeż, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, it-tariffa prevista għaċ-ċittadini nazzjonali rigward il-kisba ta’ dokumenti ta’ sostenn f’sitwazzjoni kollox ma’ kollox paragunabbli. Fil-fehma tiegħi, taxxa ta’ din ix-xorta, marbuta mill-qrib mad-drittijiet iggarantiti mill-Ftehim, tirriskja li tippreġudika direttament id-drittijiet li dan jipprevedi għall-benefiċċju tad-destinatarji tas-servizzi (26). Madankollu, it-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ natura għalkollox differenti.

72.      Sussidjarjament, jidhirli wkoll li huwa ftit kompatibbli mal-ideal tal-ugwaljanza quddiem il-liġi tal-individwi kollha li ssir diskriminazzjoni b’detriment ta’ persuni fiżiċi li huma ċittadini ta’ pajjiżi terz u li jirrisjedu legalment fl-Unjoni biss minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom, f’sitwazzjonijiet li wara kollox huma għalkollox paragunabbli. Nikkunsidra li diskriminazzjoni ta’ din ix-xorta għandha tiġi eskluża mill-valuri kostituzzjonali tagħna. Tali diskriminazzjoni diretta ta’ ċittadini barranin li huma destinatarji ta’ servizzi eventwalment tista’ tinftiehem f’pajjiż li qiegħed f’sitwazzjoni ekonomika xejn tajba u li jbati minn nuqqas ta’ muniti barranin, imma mhux fi ħdan l-Unjoni. Huwa għalhekk b’dispjaċir li jkolli nikkonstata li dan l-ideal ma ntlaħaqx, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz.

73.      Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jikkonċernaw id-destinatarji tas-servizzi ma jipprekludux li ċittadin Svizzeru jkun suġġett, bħala destinatarju ta’ servizzi, għal trattament differenti fir-rigward tal-ġbir ta’ taxxa li titħallas minħabba l-kiri ta’ art għall-kaċċa f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

VI – Konklużjoni

74.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi lill-Verwaltungsgerichtshof bil-mod kif ġej:

“L-Artikolu 43 KE mhux applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, li ġie ffirmat fil-21 ta’ Ġunju 1999 fil-Lussemburgu, ma jipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li jwasslu biex tiġi applikata, fil-ġbir ta’ taxxa li għandha titħallas għall-eżerċizzju tad-dritt tal-kaċċa, rata ogħla għaċ-ċittadini Svizzeri minn dik applikata għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU 2002, L 114, p. 6


3 – Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331.


4 – Is-seba’ ftehim jirrigwardaw il-moviment liberu tal-persuni, it-trasport bl-ajru, il-ġarr ta’ oġġetti u passiġġieri bit-tren jew bit-triq, in-negozju fi prodotti agrikoli, ir-rikonnoxximent reċiproku fil-każ ta’ eżami ta’ konformità, ċerti aspetti ta’ akkwisti mill-gvern kif ukoll il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika. Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2002/309/KE, Euratom, dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, [tal]-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU L 114, p. 1).


5 – (LGB1 32/1988, liġi kif emendata ulterjorment).


6 – LGBl. 28/2003.


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Ġunju 1992, Ferrer Laderer (C-147/91, Ġabra p. I-4097, punt 7); u tad-29 ta’ Ottubru 1998, Awoyemi (C-230/97, Ġabra p. I-6781, punt 29).


8 – Sentenza tat-12 ta’ Novembru 2009 (C-351/08, Ġabra p. I-10777). Ara wkoll is-sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser (C-13/08, Ġabra p. I-11087); u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, Ġabra p. I-1025). Dawn il-kawżi ġew deċiżi kollha mingħajr konklużjonijiet tal-avukat ġenerali.


9 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grimme, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27) u s-sentenza Fokus Invest, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).


10 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Grimme, iċċitata iktar ’il fuq (punti 27 u 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini (C-416/96, Ġabra p. I-1209, punt 47).


12 – Bħall-Ftehim dwar iż-ŻEE jew il-Ftehim li joħloq Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija, iffirmat fit-12 ta’ Settembru 1963, f’Ankara, mir-Repubblika tat-Turkija, minn naħa waħda, u mill-Istati Membri tal-KEE u tal-Komunità, min-naħa l-oħra, u li ġie konkluż, approvat u kkonfermat għan-nom ta’ din tal-aħħar permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 64/732/KEE, tat-28 [23] ta’ Diċembru 1963 (ĠU 1964, 217, p. 3685, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ assoċjazzjoni KEE-Turkija”).


13 – Skont A. Borghi, La libre circulation des personnes entre la Suisse et l’UE, Éditions Interuniversitaires Suisses, 2010, p. 2, din il-fehma hija sostnuta minn duttrina unanima.


14 – F’dak li jirrigwarda, pereżempju, il-fornituri tas-servizzi, ara l-Artikoli 17 et seq tal-Anness I tal-imsemmi ftehim.


15 – Ara, b’mod partikolari, il-klawżoli ta’ nondiskriminazzjoni fis-seba’ ftehim (ara in-nota 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet).


16 – Fis-sentenza Fokus Invest, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-għanijiet tal-Ftehim, iddefiniti fl-Artikolu 1 ta’ dan tal-aħħar, huma stabbiliti skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, favur iċ-ċittadini tal-Istati Membri u ta’ dawk tal-Konfederazzjoni tal-Isvizzera u, għaldaqstant, favur il-persuni fiżiċi, u li l-kategoriji kollha ta’ persuni, ċittadini tal-Istati Membri u ċittadini Svizzeri, imsemmija mill-Ftehim, bl-eċċezzjoni ta’ fornituri u destinatarji ta’ servizzi, jippresupponu min-natura tagħhom li huma persuni fiżiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Grimme, iċċitati iktar ’il fuq, punti 33 u 34, u Fokus Invest, punt 29).


17 – L-Artikolu 9(2) jipprevedi li l-impjegat u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 tal-Anness għandhom jibbenefikaw mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-impjegati nazzjonali u l-membri tal-familji tagħhom. Għandu jiġi ppreċiżat li l-kunċett ta’ vantaġġi fiskali u soċjali inkluż f’dan l-artikolu huwa huwa bbażat fuq l-Artikolu 7(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KKE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15).


18 – Ara n-nota 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


19 – Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fil-ftehim l-oħra (iċċitati fin-nota 4 ta’ dawn il-konklużjonijiet) ara, b’mod partikolari, l-Artikoli 3 u 23 tal-Ftehim dwar it-trasport bl-ajru, l-Artikoli 1, 17, 20, 27, 28, 32, 38, 40, u 52 tal-Ftehim dwar il-ġarr ta’ oġġetti u passiġġieri bit-tren jew bit-triq,u l-Artikoli 3, 4 u 6 tal-Ftehim dwar ċerti aspetti ta’ akkwisti mill-gvern.


20 – B’hekk, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ippreżentat flimkien mal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha d-deċiżjoni, tas-17 ta’ Ottubru 2007, li ġiet adottata mill-awtoritajiet nazzjonali (imsemmija fil-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet) u li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali. F’dik id-deċiżjoni, l-awtoritajiet Awstrijaċi jirreferu b’mod partikolari għad-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Isvizzera. Minn dawn il-punti donnu jirriżulta li l-leġiżlazzjoni rilevanti tittratta b’mod differenti mhux biss bejn iċ-ċittadini Svizzeri meta pparagunati maċ-ċittadini barranin, imma anki tagħmel distinzjoni bejn iċ-ċittadini Svizzeri stess, skont mil-liema canton ikunu ġejjin. Ċerti partijiet kontraenti għaldaqstant ħasbu li ma kellhomx jemendaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom f’dan r-rigward, b’tali mod li l-prattika tal-partijiet kontraenti ma tikkorrispondix għall-interpretazzjoni ssuġġerita mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


21 – Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 1999 (C-97/98, Ġabra p. I-7319).


22 – Sentenza Grimme, iċċitata iktar ’il fuq (punt 40).


23 – Ibidem, punt 42.


24 – Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE, tat-22 ta’ Diċembru 1994, dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) (ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), li permezz tagħha l-Kunsill approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ kif ukoll il-ftehim inklużi fl-Annessi 1 sa 3 għal dak il-ftehim, fosthom il-GATS. L-Artikolu XIV GATS jeskludi ċerti miżuri fiskali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ġenerali previsti minn dan il-ftehim.


25 – Ara l-Artikolu III: 2 GATT, l-Artikolu 90 KE u l-Artikolu 14 tal-Ftehim ŻEE.


26 – Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat id-deċiżjoni tagħha rigward sitwazzjoni pjuttost simili fil-kuntest ta’ ftehim ieħor, jiġiferi l-Ftehim ta’ assoċjazzjoni ċċitat iktar ’il fuq; is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin (C-242/06, Ġabra p. I-8465, punt 75), fil-kuntest speċifiku ta’ klawżola ta’ “standstill” inkluża fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, tad-19 ta’ Settembru 1980, dwar l-iżvilupp tal-assoċjazzjoni.