Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-29 ta’ Lulju 2010 1(1)

Kawża C-156/09

Finanzamt Leverkusen

vs

Verigen Transplantation Service International AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“VAT – Post tal-provvista tas-servizzi – Eżenzjonijiet – Estrazzjoni, moltiplikazzjoni u impjantazzjoni mill-ġdid ta’ ċelloli tal-kartilaġni”





1.        Il-kawża prinċipali tikkonċerna t-trattament għall-finijiet tal-VAT ta’ teknika tal-inġinerija ta’ tessuti umani fejn ċelloli jiġu estratti minn materjal kartilaġinuż tal-ġogi tal-pazjent, jiġu mmoltiplikati f’laboratorju u ppreparati (b’integrazzjoni f’membrana tal-kollaġen jew mingħajrha) biex jiġu impjantati mill-ġdid fil-ġisem tal-pazjent.

2.        Il-Bundesfinanzhof (il-Qorti Federali tal-Finanzi), il-Ġermanja, trid tkun taf jekk is-servizzi tal-laboratorju jikkostitwixxux “xogħol fuq proprjetà mobbli korporali” għall-iskopijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-VAT (jekk inhu hekk, dan jaffettwa l-post fejn jingħata s-servizz meta l-klijent u min jipprovdi s-servizz ikunu jinsabu fi Stati Membri differenti) jew jekk għandhomx jiġu kklassifikati bħala “[provvista] tal-kura medika [lill-persuna]” (u f’dak il-każ ikunu eżentati mill-VAT).

 Leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni dwar il-VAT

3.        Il-kawża prinċipali tikkonċerna servizzi li ngħataw fl-2002, u għaldaqstant il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni hija s-Sitt Direttiva (2).

4.        Skont l-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, il-post fejn jingħata servizz jitqies li huwa, essenzjalment, il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu, il-post fejn ikollu stabbiliment fiss, il-post tal-indirizz permanenti jew fejn normalment ikun residenti (3).

5.        Iżda l-Artikolu 9(2)(ċ) jispeċifika li l-post fejn jingħata servizz li għandu x’jaqsam inter alia ma’ “xogħol fuq proprjetà mobbli korporali” għandu jkun “il-post fejn dawk is-servizzi jingħataw materjalment” (4).

6.        Madankollu, l-Artikolu 28b F tad-Direttiva jgħid li:

“B’deroga mill-Artikolu 9(2)(ċ), il-post tal-provvista ta’ servizzi li jinvolvu valutazzjonijiet jew xogħol fuq proprjetà mobbli tanġibbli [korporali], ipprovdut lill-klijenti identifikati għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud fi Stati Membru għajr [differenti minn] fejn is-servizzi huma mwettqa fiżikament, għandhom jiġu meqjusa li jkunu [għandu jiġi meqjus li jkun] fit-territorju ta’ l-Istat Membru li ħarġu lill-konsumatur bin-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud fejn [li taħtu] ikun sarlu s-servizz.

Din id-deroga ma’ tapplikax fejn l-oġġetti m’humiex mibgħuta jew ittrasportati barra mill-Istat Membru fejn is-servizzi twettqu fiżikament” (5).

7.        L-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva jelenka eżenzjonijiet mill-VAT “għal ċertu attivitajiet fl-interess pubbliku”. Dan jistipula b’mod partikolari:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw lil [dawn] li ġejjin taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar, jew abbuż possibbli :

[…]

(b)      sptar u kura medika u attivitajiet relatati mill-viċin mmexxija minn entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew, taħt kondizzjonijiet komparabbli għal dawk applikati lill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku, mill-isptarijiet, ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi u stabbilimenti oħrajn ta’ natura simili rikonoxxuti regolarment;

(ċ)       id-disposizzjonijiet [provvista] tal-kura medika [lill-persuna] fl-eżerċizzju tal-professjonijiet mediċi u paramediċi kif definiti mill-Istat Membru konċernat;

[…]” (6).

 Fatti, proċedura u d-domandi mressqa

8.        Il-Bundesfinanzhof jispjega li Verigen Transplantation Service International AG (iktar ’il quddiem “Verigen”) hija kumpannija tal-bijoteknoloġija stabbilita fil-Ġermanja, li topera fil-qasam tal-inġinerija tat-tessuti. Hija tirriċerka, tiżviluppa, tipproduċi u tbigħ teknoloġiji li jagħmlu dijanjosi u jikkuraw mard fit-tessuti umani, b’mod partikolari mard tal-kartilaġni. Il-kawża tirrigwarda t-tranżazzjonijiet ta’ Verigen li jinvolvu l-moltiplikazzjoni tal-kondroċiti awtologi (iċ-ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi tal-pazjent stess) f’każijiet fejn il-klijenti li jirċievu s-servizz (tobba jew kliniċi) ikunu residenti fi Stati Membri oħra u Verigen tkun niżżlet in-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tagħhom fil-fatturi tagħha.

9.        It-tabib jew il-klinika tibgħat lil Verigen materjal kartilaġinuż estratt mill-pazjent permezz ta’ bijopsija. Verigen tittratta t-tessuti biex ikun possibbli li jitneħħew il-kondroċiti. Wara preparazzjoni fis-serum tad-demm tagħhom stess f’inkubatur dawn jiġu mmoltiplikati billi jitkabbru, normalment fi żmien tlieta jew erba’ ġimgħat. Iċ-ċellolli li jirriżultaw ġieli jitpoġġew, u ġieli le, ġo membrana tal-kollaġen sabiex jipproduċu “ġibs kartilaġinuż”. Imbagħad dawn jintbagħtu lit-tabib tal-pazjent jew klinika sabiex jiġu impjantati mill-ġdid.

10.      Verigen ittrattat dawn is-servizzi bħala mhux suġġetti għall-VAT meta pprovdiethom lil klijenti fi Stati Membri oħra. Madankollu l-awtorità tat-taxxa kkunsidrathom bħala taxxabbli u kkalkolat it-taxxa għas-sena inkwistjoni.

11.      Fil-proċeduri sussegwenti, Verigen argumentat li l-moltiplikazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni ma hijiex provvista ta’ kura medika lill-persuna iżda pjuttost “servizzi ta’ rutina f’laboratorju” li jsiru minn assistenti bijotekniċi jew mediċi-tekniċi. Il-kontrolli ta’ kwalità neċessarji saru minn spiżjar u minn kimiku estern.

12.      Il-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi) laqgħet ir-rikors ta’ Verigen fl-ewwel istanza. Hija iddeċidiet li l-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli huwa servizz li jrid jitqies bħala “xogħol fuq proprjetà mobbli korporali”. Fil-każ ta’ separazzjoni ta’ organi meħuda mill-ġisem għal trapjant, dawn ukoll jikkostitwixxu proprjetà mobbli. Il-fatt jekk il-parti tal-ġisem isseparata mill-ġisem intużatx għal trapjant fl-istess pazjent jew f’pazjent differenti ma huwiex rilevanti għall-kwistjoni dwar jekk taqax taħt it-terminu “proprjetà mobbli korporali”. Il-fatturi ta’ Verigen urew li l-klijenti residenti fi Stati Membri oħra użaw in-numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT maħruġa lilhom fl-Istati Membri fejn huma residenti. It-tranżazzjonijiet għalhekk ma kinux taxxabbli fil-Ġermanja.

13.      Fl-appell tagħha fuq punt ta’ liġi, l-awtorità tat-taxxa ssostni li ċ-ċelloli ma jsirux proprjetà mobbli b’konsegwenza tas-separazzjoni għal perijodu qasir mill-ġisem, u li l-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli ma tikkostitwixxix “xogħol”. Lanqas ma hemm “użu” tan-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT maħruġ fl-Istat Membru l-ieħor – dan kien jirrikjedi ftehim espress qabel jingħata s-servizz.

14.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-konsenja taċ-ċelloli tal-kartilaġni mmoltiplikati lit-tabib tal-pazjent jew lill-klinika ma hijiex provvista ta’ oġġetti iżda l-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli hija servizz, peress li Verigen ma tistax tiddisponi liberament mill-materjal kartilaġinuż bħala sid iżda jkollha tirritorna ċ-ċelloli wara l-moltiplikazzjoni. Il-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli ma hijiex taxxabli fil-Ġermanja meta dak is-servizz jingħata fi Stat Membru ieħor. Madankollu, dan ikun il-każ biss jekk, l-Artikolu 28b F tas-Sitt Direttiva, interpretat b’mod korrett, ikopri s-servizz ta’ Verigen. Jekk din ma hijiex l-interpretazzjoni korretta tal-Artikolu 28b F, it-tranżazzjoni għandha tkun taxxabli fil-Ġermanja sakemm ma titqiesx li tikkostitwixxi provvista ta’ kura medika lill-persuna fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(ċ).

15.      Il-Bundesfinanzhof għalhekk titlob deċiżjoni fuq id-domandi li ġejjin:

“1. L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 28b F [tas-Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li:

(a)       materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem […] li jingħata lil impriża għall-kultura ċellulari [moltiplikazzjoni ta’ ċelloli] u li wara jingħata lura taħt il-forma ta’ impjant lil pazjent inkwistjoni jikkostitwixxi “proprjetà mobbli tanġibbli [korporali]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni,

(b)       l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-qarquċa [kartilaġni] tal-ġogi mill-imsemmi materjal kartilaġinuż u l-kultura ċellulari [moltiplikazzjoni ta’ ċelloli] sussegwenti jikkostitwixxu xogħol fuq il-“proprjetà mobbli tanġibbli [korporali]” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni,

(ċ)       is-servizz ikun diġà ġie pprovdut lill-benefiċjarju taħt in-“numru tal-identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud” meta dan in-numru jidher fuq il-kont tal-fornitur tas-servizz, mingħajr ma jkun ġie konkluż ftehim espress bil-miktub dwar l-użu tiegħu?

2. Fil-każ ta’ risposta negattiva għal xi waħda mid-domandi preċedenti:

l-Artikolu 13A(1)(ċ) [tas-Sitt Direttiva] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-qarquċa [kartilaġni] tal-ġogi mill-materjal kartilaġinuż meħud minn bniedem u l-kultura ċellulari sussegwenti jikkostitwixxu “[il-provvista] ta’ kura medika [lill-persuna]” meta ċ-ċelloli li jirriżultaw mill-kultura ċellulari jerġgħu jiġu impjantati fid-donatur?”

16.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u dak Spanjol u mill-Kummissjoni. Ma ntalbet l-ebda seduta u l-ebda seduta ma seħħet. Ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-konklużjonijiet preżenti jiġu ddifferiti sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni s-sentenzi CopyGene (7) u Future Health Technologies (8), li jikkonċernaw kwistjonijiet relatati mat-tieni domanda. Dawk is-sentenzi ngħataw fl-10 ta’ Ġunju 2010.

 Kunsiderazzjonijiet

17.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tagħmel it-tieni domanda biss f’każ ta’ tweġiba negattiva għall-ewwel domanda, l-ordni tad-domandi tista’ tinqaleb faċilment. Jekk kif issuġġerixxiet il-Kummissjoni, is-servizz inkwistjoni fil-fatt jikkostitwixxi provvista ta’ kura medika lill-persuna fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva, it-tranżazzjonijiet ikunu eżentati irrispettivament minn fejn (jitqiesu) li twettqu. Għalhekk se nikkunsidra t-tieni domanda l-ewwel.

 It-tieni domanda

18.      Il-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ kura medika jew il-provvista ta’ kura medika lill-persuna riċentement ġiet stabbilita fis-sentenzi CopyGene u Future Health Technologies (9), u tista’ tiġi spjegata fil-qosor kif ġej.

19.      L-eżenzjonijiet fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li għandhom l-għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor. L-għan tagħhom ma huwiex li jeżentaw kull attività mwettqa fl-interess pubbliku iżda biss dawk li huma elenkati u deskritti b’mod dettaljat. Il-kliem użat għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull prodott u servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema tal-VAT. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma għandhiex twassal sabiex l-eżenzjonijiet jiċċaħħdu mill-effetti tagħhom.

20.      Fir-rigward tas-servizzi ta’ natura medika, l-Artikolu 13(A)(1)(b) jirreferi għal servizzi mwettqa f’ambjent ta’ sptar filwaqt li l-Artikolu 13A(1)(ċ) jirreferi għal servizzi mediċi pprovduti barra tali kuntest, kemm fir-residenza privata tal-fornitur kif ukoll fir-residenza tal-pazjent jew fi kwalunke post ieħor. Minn dan isegwi li l-punti (b) u (ċ) tal-Artikolu 13A(1), li l-kampijiet ta’ applikazzjoni tagħhom huma distinti, għandhom bħala għan li jirregolaw l-eżenzjonijiet kollha tas-servizzi mediċi fis-sens strett.

21.      Konsegwentement, il-kunċett ta’ “kura medika” inkluż fl-Artikolu 13A(1)(b) u dak “[tal-provvista] tal-kura medika [lill-persuna]” inkluż fl-Artikolu 13A(1)(ċ), ikopru t-tnejn li huma servizzi li għandhom bħala għan id-dijanjosi, it-trattament, u sa fejn huwa possibbli, il-kura ta’ mard jew problemi tas-saħħa. Għalkemm iż-żewġ servizzi għandu jkollhom għan terapewtiku, mhux neċessarjament isegwi li l-għan terapewtiku għandu jinftiehem f’sens partikolarment strett. Barra minn hekk, iż-żewġ eżenzjonijiet għandhom l-għan li jnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa.

22.      Fil-kawża preżenti, kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Ġermaniż iqisu li s-servizz inkwistjoni għandu għan terapewtiku. Il-Gvern Spanjol ma jaqbilx u jsostni, b’raġunament konċiż ħafna, li dan jinvolvi biss proċessi ta’ laboratorju ta’ rutina, fil-qasam tal-inġinerija tat-tessuti. Naqbel mal-Kummissjoni u mal-Gvern Ġermaniż.

23.      Ma huwiex qed jiġi kkontestat, u ma jistax jiġi ddubitat, li l-proċess deskritt – l-estrazzjoni, il-moltiplikazzjoni u l-impjantazzjoni mill-ġdid ta’ kondroċiti awtologi – għandu, b’mod ġenerali, għan terapewtiku. Is-servizzi speċifiċi pprovduti minn Verigen huma biss parti mill-proċess kollu. Madankollu, huma parti essenzjali, inerenti u inseparabbli mill-proċess, u l-ebda stadju tal-proċess ma jista’ jsir b’mod iżolat mill-oħrajn.

24.      Is-servizzi inkwistjoni huma għalhekk ta’ tip kopert mill-kunċett ta’ “[provvista] tal-kura medika [lill-persuna]” fl-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva. Ma hemm l-ebda raġuni għalfejn dawn għandhom ikunu esklużi mill-eżenzjoni għar-raġuni li jitwettqu minn persunal tal-laboratorju li ma humiex tobba kkwalifikati. Kif tosserva l-Kummissjoni, ma huwiex neċessarju li kull aspett ta’ kura terapewtika jiġi ppprovdut minn persunal mediku (10). Tabilħaqq, intqal speċifikament li testijiet mediċi ordnati minn tobba u li jsiru minn laboratorju privat estern jistgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ kura medika jew il-provvista ta’ kura medika lill-persuna anki jekk dawn jiġu qabel kwalunkwe bżonn aċċertat ta’ trattament speċifiku (11).

25.      Barra dan, kif isemmi l-Gvern Ġermaniż, ma huwiex neċessarju li l-klassifikazzjoni bħala kura medika jew il-provvista ta’ kura medika lill-persuna tkun dipendenti (kif jista’ jissuġġerixxi l-kliem tad-domanda tal-qorti nazzjonali) fuq impjantazzjoni mill-ġdid taċ-ċelloli moltiplikati fil-pazjent li mingħandu jkunu ġew estratti oriġinarjament. It-trasfużjonijiet tad-demm u t-trapjanti tal-organi, mill-ġisem ta’ persuna għal oħra, b’mod ċar jikkostitwixxu kura medika jew il-provvista ta’ kura medika lill-persuna (12).

26.      Madankollu, il-Gvern Ġermaniz jissuġġerixxi wkoll – iżda mingħajr ma jipproponi l-ebda konklużjoni definittiva – li l-klassifikazzjoni tas-servizzi inkwistjoni bħala provvista ta’ kura medika lill-persuna tista’ tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali (fis-sens li jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (13)) peress li l-funzjoni tal-“ġibs kartilaġinuż” prodott hija paragunabbli ma’ prodott farmaċewtiku, li ma jkunx eżentat mill-VAT, iżda jista’ jkun biss suġġett għal rata mnaqqsa (14).

27.      Ma iniex konvinta.

28.      Il-klassifikazzjoni ta’ servizz bħala kura medika jew provvista ta’ kura medika lill-persuna ma tistax tiddependi minn jekk tkunx teżisti alternattiva farmaċewtika. Xi tipi ta’ kura bħal din diġà għandhom alternattiva farmaċewtika filwaqt li oħrajn ma għandhomx iżda x’aktarx li jkollhom fil-futur, allura ż-żewġ kategoriji jinsabu f’evoluzzjoni kostanti. Ċertament, ħafna tipi ta’ prodotti u servizzi jistgħu jkunu sostitwiti b’oħrajn, f’kategoriji differenti tal-VAT, f’ċerti ċirkustanzi. Madankollu (mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru, fil-limiti tad-diskrezzjoni mogħtija lilu mis-Sitt Direttiva, li ċerti eżenzjonijiet ikunu suġġetti għal kundizzjonijiet imfassla biex jevitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni – li tagħhom ma hemm l-ebda ħjiel fil-kawża preżenti), il-kwistjoni dwar jekk servizz jikkostitwixxix kura medika jew il-provvista ta’ kura medika lill-persuna tista’ tiddependi biss min-natura tiegħu stess u mhux min-natura tal-alternattivi tiegħu.

29.      Barra dan, insemmi wkoll li ma huwiex ċar jekk servizz eżentat (li ma huwiex suġġett għall-VAT tal-output iżda fuq il-komponenti tal-ispejjeż li minnhom ma tistax titnaqqas it-taxxa tal-input) aktarx huwiex se jkollu vantaġġ jew żvantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma’ prodott suġġett għall-VAT tal-output b’rata mnaqqsa, bid-dritt li titnaqqas it-taxxa tal-input.

30.      Għalhekk nikkunsidra li servizzi tat-tip deskritt hawn fuq jaqgħu taħt il-kunċett ta’ kura medika jew il-provvista ta’ kura medika lill-persuna li jinsab fl-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva, u għalhekk għandhom ikunu eżentati mill-VAT skont is-subparagrafu (b) jew (ċ), skont il-każ. Ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit il-post fejn jiġu pprovduti dawn is-servizzi, peress li dawn jaqgħu taħt l-eżenzjoni kull fejn jiġu pprovduti.

 L-ewwel domanda

31.      Fid-dawl tat-tweġiba li nipproponi għat-tieni domanda tal-qorti nazzjonali, ma hemmx għalfejn inwieġeb l-ewwel domanda. Madankollu, se nagħmel il-kummenti qosra li ġejjin f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li twieġeb id-domanda.

32.      L-ewwel parti tad-domanda hija jekk il-materjal kartilaġinuż inkwistjoni, estratt permezz ta’ bijopsija, jikkostitwixxix “proprjetà mobbli korporali” għall-iskopijiet tal-Artikolu 28b F tas-Sitt Direttiva. Dawk kollha li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom iqisu li dan huwa l-każ u naqbel.

33.      Iċ-ċelloli tal-kartilaġni huma bla dubju kemm mobbli (kif osserva l-Gvern Ġermaniż, il-kwistjoni tqum biss peress li jintbagħtu minn Stat Membru għal ieħor) kif ukoll korporali. B’hekk, filwaqt li ċelloli umani x’aktarx ma humiex tip ta’ “proprjetà” jew “oġġett” tipiċi (15), huwa xorta ċar li huma faċilment jistgħu jidħlu f’din il-kategorija (16).

34.      It-tieni parti tad-domanda hija dwar jekk il-proċeduri mwettqa minn Verigen jikkostitwixxux “xogħol” fuq dawk iċ-ċelloli għall-iskopijiet tal-istess dispożizzjoni. Għal darb’oħra, dawk li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom iqisu li dan huwa l-każ, u għal darb’oħra (jekk it-tieni domanda tingħata risposta negattiva), naqbel.

35.      Fis-sentenza Linthorst, Pouwels and Scheren (17), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li l-frażi “xogħol fuq proprjetà mobbli korporali” tfakkarna, fil-lingwaġġ ta’ kuljum, f’azzjoni purament fiżika li, fin-natura tagħha, bħala regola, la hi xjentifika u lanqas intelletwali, u ma tinkludix il-funzjonijiet prinċipali ta’ veterinarju li jopera, li bażikament jikkonsistu fi trattament tal-annimali skont regoli xjentifiċi – li anki jekk ikun hemm bżonn ta’ azzjoni fiżika fuq l-annimal, ma hijiex biżżejjed biex tkun deskritta bħala xogħol.

36.      Huwa f’idejn il-qorti nazzjonali li tiddeċiedi jekk il-proċeduri mwettqa minn Verigen humiex “xjentifiċi” jew “intellettwali” f’dak is-sens. Jidher li l-linja diviżorja li kienet qed tipprova taqta’ l-Qorti tal-Ġustizzja tinsab bejn applikazzjoni normali ta’ għarfien jew abbiltà xjentifiċi aċċettati u l-involviment ta’ innovazzjoni, ibbażata fuq tali għarfien u abbiltà, pereżempju fl-interpretazzjoni ta’ informazzjoni jew fl-adattament ta’ proċeduri. Id-digriet tar-rinviju jissuġġerixxi li s-servizzi inkwistjoni jidħlu fil-kategorija msemmija qabel.

37.      It-tielet parti tad-domanda hija essenzjalment dwar jekk il-frażi “klijenti identifikati għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud” fl-Artikolu 28b F tas-Sitt Direttiva tikkonċernax lil dawk kollha li n-numru tal-identifikazzjoni tal-VAT tagħhom jinsab imniżżel fil-fattura jew biss lil dawk li qablu bil-miktub dwar l-użu ta’ dak in-numru fil-fattura. Hawnhekk, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni (il-Gvern Spanjol ma tax opinjoni) ma jaqblux.

38.      Il-Gvern Ġermaniż isostni, essenzjalment, li r-riferiment għan-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT “[li taħtu]” is-servizz ġie pprovdut lill-klijent tirrikjedi ftehim taċitu jew espress bilaterali li t-tassazzjoni għandha tkun suġġetta għall-arranġament imsemmi fl-Artikolu 28b F. Huwa jkompli jgħid li dan jipprovdi ċertezza legali, b’kuntrast ma’ sitwazzjoni fejn min jipprovdi s-servizz jindika unilateralment (jew le) in-numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT tal-klijent, u jħalli lill-klijent fid-dubju dwar min se jkun suġġett għat-taxxa, sakemm toħroġ il-fattura.

39.      Il-Kummissjoni tinnota li s-sistema stabbilita fl-Artikolu 28b F teżenta l-provvista mill-VAT fl-Istat Membru li fih issir filwaqt li tissuġġetta lill-klijent għal taxxa tal-input (li tista’ titnaqqas) fl-Istat tiegħu jew tagħha – simplifikazzjoni tal-proċedura li altrimenti kienet tipprevali taħt it-Tmien Direttiva (18). Dan għandu japplika kull meta l-klijent jinforma lil min jipprovdi s-servizz (pereżempju, fid-dokument li fih issir l-ordni) li hu għandu numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT fl-Istat Membru tiegħu. L-ebda kundizzjonijiet oħra ma huma meħtieġa. Li kieku l-applikazzjoni tas-sistema tkun tiddipendi minn ftehim bejn iż-żewġ partijiet, il-post fejn jiġi pprovdut is-servizz ma jibqax uniformi, kif trid id-Direttiva 95/7 (19).

40.      Napprova s-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

 Konklużjoni

41.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi lill-Bundesfinanzhof kif ġej:

L-Artikolu 13A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima – għandu jiġi interpretat fis-sens li l-estrazzjoni ta’ ċelloli tal-kartilaġni tal-ġogi minn materjal kartilaġinuż estratt minn persuna permezz ta’ bijopsija u l-moltiplikazzjoni sussegwenti tagħhom, bl-iskop li jiġu impjantati mill-ġdid għal skopijiet terapewtiċi, jikkostitwixxu “[provvista] tal-kura medika [lill-persuna]”, irrispettivament minn jekk iċ-ċelloli miksuba mill-moltiplikazzjoni taċ-ċelloli humiex intiżi għal impjantazzjoni mill-ġdid fid-donatur jew f’persuna oħra.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), issostitwita, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, mid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1), li tinkludi l-istess dispożizzjonijiet bi struttura u kliem ġodda.


3 – Ara l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2006/112.


4 – Ara l-Artikolu 52(c) tad-Direttiva 2006/112.


5 –      Ara l-Artikolu 55 tad-Direttiva 2006/112. L-Artikolu 28b F iddaħħal mid-Diretiva tal-Kunsill 95/7/KE tal-10 ta’ April 1995 li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ġodda sempliċi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud - skop għal ċerti eżenzjonijiet u arranġamenti pratttiċi biex jimplimentawhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 P, p. 274). Fil-Premessa 10 hemm speċifikat li l-għan huwa li jiġi ffaċilitat il-kummerċ intra-Komunitarju fil-qasam tax-xogħol fuq proprjetà mobbli korporali.


6 –      Ara l-Artikoli 131 u 132(1)(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112.


7 – C-262/08, Ġabra p. I-5053.


8 – C-86/09, Ġabra p. I-5215.


9 – Iċċitata iktar ’il fuq fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 7 u 8, rispettivament. Ara, b’mod partikolari, il-punti 24 sa 30 tas-sentenza CopyGene u l-punti 28 sa 30, 36, 37 u 40 tas-sentenza Future Health Technologies, flimkien mal-ġurisprudenza ċċitata hemm. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CopyGene, punt 30 et seq.


10 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembre 2002, Kügler (C-141/00 Ġabra p. I-6833), b’mod partikolari l-punt 41.


11 – Ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P. (C-106/05 Ġabra p. I-5123), b’mod partikolari l-punt 39.


12 – Ara, b’analoġija, is-sentenza CopyGene, il-punt 51 tas-sentenza u l-punti 46 et seq tal-konklużjonijiet tiegħi.


13 – Jista’ jiġi osservat li (għalkemm mhux strettament rilevanti għall-analiżi preżenti) l-Artikolu 13A(2)(a) tas-Sitt Direttiva jippremetti lill-Istati Membri jissuġġettaw l-għoti lil entitajiet mhux irregolati mid-dritt pubbliku ta’ kull eżenzjoni msemmija, inter alia, fl-Artikolu 13A(1)(b) għal ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari, (ir-raba’ inċiż) dik l-eżenzjoni ma għandhiex toħloq distorsjonijiet fil-kompetizzjoni b’tali mod li jiġu żvantaġġati impriżi kummerċjali suġġetti għall-VAT.


14 – It-tielet inċiż tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, flimkien mal-punt 3 tal-Anness H tiegħu (l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112 u l-punt 3 tal-Anness III tiegħu).


15 – It-termini “goods” u “property” jintużaw f’dispożizzjonijiet differenti tal-verżjoni bil-lingwa Ingliża tas-Sitt Direttiva, waħda flok l-oħra, filwaqt li verżjonijiet b’lingwi oħra jużaw terminu wieħed.


16 – Eżempju makabru, traġiku u kontroversjali huwa l-każ taċ-ċelloli HeLa, oriġinarjament meħuda mill-ġisem ta’ mara li mietet fl-Istati Uniti fl-1951, li ġew immoltiplikati f’“linja ta’ ċelloli immortali” u li l-piż tagħhom jammonta għal diversi drabi l-piż tal-ġisem ħaj tagħha. Huma jintużaw għal riċerka mediċinali madwar id-dinja (ara Rebecca Skloot, The Immortal Life of Henrietta Lacks, Crown, New York, 2010).


17 – Sentenza tas-6 ta’ Marzu 1997 (C-167/95, Ġabra p. I-1195, punti 15 et seq).


18 – It-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li mhumiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9 Vol. 1 p. 79).


19 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.