Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit-13 ta’ Jannar 2011 (1)

Kawża C-530/09

Inter-Mark Group sp. z o.o., sp. komandytowa w Poznaniu

vs

Minister Finansów

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu (il-Polonja)]

“Direttiva 2006/112/KE – VAT – Provvista ta’ servizzi – Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni – Servizz ta’ provvista temporanja ta’ stands tal-fieri”





1.        Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (2), u b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-post ta’ servizzi li għandhom l-għan li jipprovdu b’mod temporanju stands tal-fieri.

2.        Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiddeċiedi jekk provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands tal-fieri jew ta’ wirjiet hijiex servizz ta’ reklamar fis-sens tal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 li huwa taxxabbli fil-post fejn ikun stabbilit il-konsumatur, jew jekk dan it-tip ta’ servizz jaqax taħt l-Artikolu 52(a) ta’ din id-direttiva, applikabbli għall-attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, u, servizzi anċillari għalihom, u għaldaqstant, huwa taxxabbli fil-post fejn is-servizz jitwettaq fiżikament.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, biħsiebni nagħti r-raġunijiet għaliex nikkunsidra li l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands tal-fieri ta’ eżibituri hija servizz anċillari għall-attivitajiet tal-fieri u tal-wirjiet u, b’hekk, taqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        Billi s-Sitt Direttiva 77/388/KEE (3) ġiet emendata diversi drabi u b’mod sostanzjali, id-Direttiva 2006/112 irriformulatha.

5.        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-prinċipju tas-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq prodotti u servizzi li hija eżattament proporzjonali għall-prezz tal-prodotti u tas-servizzi.

6.        Il-prinċipju fundamentali li jirregola s-sistema komuni tal-VAT għaldaqstant huwa t-tassazzjoni fil-post fejn iseħħ tabilħaqq il-konsum (4), biex b’hekk jista’ jiżgura li d-dħul li ġej minn dik il-VAT jasal għand l-Istat Membru fejn sar il-konsum finali ta’ prodott jew ta’ servizz.

7.        Għaldaqstant, id-determinazzjoni tal-post tal-konsum għandha rwol predominanti, peress li minnha jiddependi l-allokazzjoni tal-VAT lill-Istat Membru tal-konsum.

8.        Sabiex ikun jista’ jiġi applikat dan il-prinċipju u jiġu evitati l-kunflitti dwar ġurisidizzjoni bejn l-Istati Membri (5) kif ukoll it-taxxa doppja jew in-nuqqas ta’ taxxa, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi, regola ġenerali u regoli speċifiċi applikabbli skont in-natura tas-servizz ipprovdut.

9.        B’hekk, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/112 jipprevedi li l-post minn fejn huwa pprovdut is-servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn huwa pprovdut is-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn huwa jkollu d-domiċilju tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

10.      Fir-rigward tal-attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, inklużi l-attivitajiet tal-organizzaturi ta’ attivitajiet bħal dawn u, fejn jixraq, servizzi anċillari, l-Artikolu 52(a) ta’ din id-direttiva jipprovdi li l-post ta’ tali servizzi għandu jkun il-post fejn is-servizzi jitwettqu fiżikament.

11.      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 56(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-post ta’ servizzi ta’ reklamar lil konsumaturi stabbiliti barra mill-Komunità Ewropea, jew lil persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess Stat Membru bħall-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew għandu stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn huwa jkollu d-domiċilju tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.

B –    Id-dritt nazzjonali

12.      Il-punt 3(a) tal-Artikolu 27(2) tal-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Ustawa z dnia 11 marca 2004r o podatku od towarów i usług) (6), jipprovdi li l-post tal-provvista ta’ servizzi relatata ma’ attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, u ta’ servizzi simili, bħall-fieri u l-wirjiet, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi anċillari għal dawn l-attivitajiet, huwa l-post fejn dawk is-servizzi jitwettqu fiżikament.

13.      L-Artikolu 27(3) ta’ din il-liġi jipprovdi li, meta s-servizzi msemmija fl-Artikolu 27(4) ta’ din il-liġi jiġu pprovduti lil persuni naturali u ġuridiċi kif ukoll lil organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, li s-sede jew l-indirizz prinċipali tagħhom huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat terz, jew lil persuni taxxabbli li s-sede jew l-indirizz prinċipali tagħhom huwa stabbilit ġewwa l-Komunità iżda fi Stat minbarra dak tal-fornitur tas-servizzi, il-post fejn huma pprovduti dawn is-servizzi huwa l-post fejn id-destinatarju tas-servizzi jkun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew stabbiliment fiss li għalih jingħata s-servizz jew fin-nuqqas ta’ dan, il-post tad-domiċilju tiegħu jew tar-residenza abitwali tiegħu.

14.      Din id-dispożizzjoni, skont il-punt 2 tal-Artikolu 27(4) tal-imsemmija liġi, hija applikabbli, b’mod partikolari, għas-servizzi ta’ reklamar.

II – Il-fatti u l-kawża prinċipali

15.      Inter-Mark Group sp. Z o.o., sp. komandytowa w Poznaniu (iktar ’il quddiem “Inter-Mark”) hija rreġistrata fil-Polonja bħala persuna taxxabbli għall-VAT. L-attività li hija tixtieq teżerċita tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands tal-fieri u tal-wirjiet ta’ eżibituri, prinċipalment mhux nazzjonali, li jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom f’dawn l-avvenimenti. Dawn il-fieri u dawn il-wirjiet jistgħu jkunu kemm fit-territorju Pollakk kif ukoll fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn u ta’ Stati terzi.

16.      Fit-talba tagħha, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dan it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-istands huwa ġeneralment ippreċedut mill-elaborazzjoni ta’ disinn u mill-viżwalizzazzjoni tal-istand. Hija tgħid ukoll li Inter-Mark, fil-kuntest tal-attività tagħha, tista’ tieħu ħsieb it-trasport tal-komponenti ta’ dan l-istand, kif ukoll tal-immuntar tiegħu fil-post fejn qed tiġi organizzata l-fiera jew il-wirja.

17.      Sabiex tkun taf l-ammont tal-VAT li se tkun suġġetta għalih l-attività tagħha, Inter-Mark, b’ittra tal-11 ta’ Frar 2009, talbet interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud mingħand id-Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu (id-Direttur tal-Kummissjoni tat-Taxxa ta’ Poznań).

18.      B’ittra tal-4 ta’ Mejju 2009, dan tal-aħħar qal li, fil-kuntest ta’ attivitajiet bħal dawk ta’ Inter-Mark, il-post fejn jipprovdu s-servizzi huwa, skont il-punt 3(a) tal-Artikolu 27(2) ta’ dik il-liġi, il-post fejn dawn is-servizzi jitwettqu fiżikament. Fil-fatt, huwa kkunsidra li, bil-kontra ta’ dak li sostniet Inter-Mark, dawn l-attivitajiet ma jikkostitwixxux forma ta’ komunikazzjoni persważiva u b’hekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala servizzi ta’ reklamar.

19.      Inter-Mark talbet lid-Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu biex jibdel id-deċiżjoni tiegħu. Dan tal-aħħar ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu b’ittra tat-12 ta’ Ġunju 2009.

20.      Billi tikkunsidra li s-servizzi li hija tipproponi għandhom jiġu kkunsidrati bħala servizzi ta’ reklamar, Inter-Mark ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Mejju 2009 quddiem il-qorti tar-rinviju.

III – Id-domandi preliminari

21.      Billi l-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu (il-Polonja) kellha xi dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“(a)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112[…] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-provvista ta’ servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands ta’ espożizzjonijiet u ta’ fieri għal klijenti li jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom f’fieri u f’espożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-provvista ta’ servizzi – imsemmija minn dawn id-dispożizzjonijiet – huma anċillari għal servizzi ta’ organizzazzjoni ta’ fieri u ta’ espożizzjonijiet, jiġifieri servizzi simili għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment, li huma ntaxxati fil-post fejn huma fiżikament imwettqa?

(b)      Jew għandu jiġi kkunsidrat li din hija provvista ta’ servizzi ta’ reklamar intaxxata fil-post fejn il-konsumatur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu b’mod permanenti, jew għandu stabbiliment fiss permanenti li għalih, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post ta’ residenza permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti, skont l-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112,

–        peress li din il-provvista ta’ servizzi għandha bħala għan li b’mod temporanju jkun hemm disponibbli stands għal klijenti li jippreżentaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom f’fieri u f’espożizzjonijiet, fejn normalment minn qabel jiġi elaborat id-disinn u l-viżwalizzazzjoni tal-istand, u eventwalment, it-trasport tal-komponenti u l-muntaġġ tal-istand fil-post fejn qed tiġi organizzata l-fiera jew l-espożizzjonijiet, u fejn il-klijenti ta’ min jipprovdi s-servizz, li jesibixxu l-prodotti jew is-servizzi tagħhom, separatament iħallsu miżata lill-organizzatur tal-wirja għas-sempliċi possibbiltà li jieħdu sehem f’dawn il-fieri jew espożizzjonijiet, li tkopri l-ispejjeż għas-servizzi u għall-provvisti ta’ utilità ġenerali, għall-infrastruttura tal-fiera, għas-servizzi ta’ komunikazzjoni lill-midja, u affarijiet oħra simili?

Kull esibitur huwa responsabbli personalment għall-arranġament u l-kostruzzjoni tal-istand tiegħu u f’dan ir-rigward għandu l-possibbiltà li juża s-servizzi kontenzjużi li jeħtieġu interpretazzjoni.

Għad-dħul għall-fieri u l-espożizzjonijiet, l-organizzaturi jitolbu mingħand il-viżitaturi li jħallsu individwalment miżata għad-dħul, li jmur għand l-organizzatur tal-wirja u mhux għand min jipprovdi s-servizz”.

IV – Analiżi

22.      Qabel nibda l-analiżi, naħseb li huwa xieraq li nagħmel il-kumment li ġej.

23.      Il-kawża prinċipali toriġina minn kawża bejn Inter-Mark u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu dwar l-avviż li bagħat dan tal-aħħar fir-rigward tat-taxxa futura fuq l-attivitajiet ta’ Inter-Mark. Fil-mument li l-qorti tar-rinviju għamlet id-domandi preliminari tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’hekk ma kienet għadha twettqet l-ebda operazzjoni taxxabbli. Għaldaqstant, jista’ jiġi lmentat li l-Qorti tal-Ġustizzja se tagħti deċiżjoni dwar problema li għandha natura ipotetika.

24.      Madankollu, din iċ-ċirkustanza, fil-fehma tiegħi, ma hijiex tali li tqiegħed f’dubju l-ammissibbiltà tal-imsemmija domandi, ammissibbiltà li, inċidentalment, ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.

25.      Fil-fatt, teżisti kawża reali quddiem il-qorti nazzjonali, peress li Inter-Mark ippreżentat rikors kontra l-avviż preliminari mogħti mid-Dyrektor Izby Skarbowej w Poznaniu, fejn qed tfittex li qorti tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-avviż, b’tali mod li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha informazzjoni biżżejjed dwar is-sitwazzjoni li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali sabiex tkun tista’ tinterpreta r-regoli tad-dritt tal-Unjoni (7).

26.      Għaldaqstant, f’din il-kawża l-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi jekk it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands tal-fiera jew tal-wirja ta’ eżibituri jikkostitwixxi servizz ta’ reklamar taxxabbli fil-post fejn ikun stabbilit il-konsumatur jew jekk dan it-tip ta’ servizz jaqax taħt il-provvista ta’ servizzi kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, u jkun taxxabbli fil-post fejn issir il-fiera jew il-wirja.

27.      Għar-raġunijiet li se nispjega iktar ’il quddiem, jiena tal-fehma li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ stands tal-fiera jew tal-wirja ta’ eżibituri jikkostitwixxi provvista ta’ servizzi anċillari għall-attivitajiet tal-fieri u tal-wirjiet li hija taxxabbli fil-post fejn is-servizz jitwettaq fiżikament.

28.      Huwa minnu li, fis-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2003, Design Concept (8), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tagħti deċiżjoni dwar il-problematika inkwistjoni f’dan il-każ. F’dik is-sentenza, il-punt ta’ tluq tagħha kienet il-premessa li s-servizzi li jikkonsistu fil-kostruzzjoni ta’ stands, fit-tindif tagħhom u fit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ persunal għat-trasport tal-materjal huma servizzi ta’ reklamar.

29.      Madankollu, ma naħsibx li l-imsemmija sentenza hija determinati għad-domanda magħmula, u dan għal dawn iż-żewġ raġunijiet.

30.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat il-klassifikazzjoni tal-qorti tar-rinviju li kkunsidrat li dawn is-servizzi kienu, a priori, servizzi ta’ reklamar. Hija fil-fatt spjegat li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, hija biss il-qorti nazzjonali, li hija adita bil-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari biex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja (9). F’dik il-kawża, billi l-qorti nazzjonali kkunsidrat li s-servizzi inkwistjoni kienu, a priori, servizzi ta’ reklamar, il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk irrifjutat kull modifika fil-klassifikazzjoni ta’ dawk is-servizzi (10).

31.      Madankollu, it-tieni nett, hija qalet li l-kunċett ta’ servizzi ta’ reklamar huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni u li għandha tkun il-qorti nazzjonali, jekk ikun il-każ, li tivverifika l-klassifikazzjoni tas-servizzi kkonċernati fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (11).

32.      Għaldaqstant, mis-sentenza Design Concept, iċċitata iktar ’il fuq, ma jistax jiġi dedott li l-provvista b’mod temporanju ta’ stands għal fiera jew wirja hija servizz ta’ reklamar fis-sens tal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

33.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Gillan Beach (12), waslet għal klassifikazzjoni differenti ta’ dan it-tip ta’ provvista ta’ servizzi.

34.      Dik il-kawża kellha bħala kuntest fattwali kumpannija, Gillan Beach Ltd, li kienet organizzat żewġ wirjiet ta’ dgħajjes fi Franza u pprovdiet lill-eżibituri servizzi totali li kienu jinkludu, b’mod partikolari, l-immuntar u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ stands u ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni. Il-kwistjoni li nqalgħet fil-kawża prinċipali kienet dik jekk tali attività kinitx taqa’ taħt l-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva [l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112] bħala attività simili għall-attivitajiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni.

35.      Il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel xejn, qalet li l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-fatt ikkunsidra li, sakemm il-fornitur jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat li fih tali servizzi jitwettqu fiżikament u l-organizzatur tal-avveniment jiġbor f’dan l-istess Stat il-VAT imħallsa mill-konsumatur finali, il-VAT li tinġabar fuq is-servizzi kollha li l-ispiża għaliha hija inkluża fil-prezz tas-servizz totali mħallas minn dan il-konsumatur, għandha titħallas lil dan l-Istat u mhux lil dak li fih il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu (13).

36.      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja, spjegat li wirja jew fiera hija intiża sabiex tipprovdi, lil varji persuni, fil-prinċipju f’post speċifiku u b’mod individwali, varji servizzi ta’ natura kumplessa bil-għan partikolari li jiġu ppreżentati informazzjoni, prodotti jew avvenimenti f’kundizzjonijiet tali li jippromwovu dawn tal-aħħar ma’ min ikun qed iżur il-wirja jew il-fiera (14).

37.      Għaldaqstant, hija ddeċidiet li s-servizz totali pprovdut lill-eżibituri minn organizzatur tal-fiera jew tal-wirja, f’dan il-każ l-immuntar u t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ stands u ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, persuni li jilqgħu lill-viżitaturi, kif ukoll il-kiri u s-sorveljanza tal-postijiet fejn id-dgħajjes esposti jkunu rmiġġati, għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala wieħed mis-servizzi msemmija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva (15).

38.      Id-differenza bejn il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza u l-kawża preżenti tinsab fil-fatt li Inter-Mark ma hijiex l-organizzatriċi tal-fieri jew tal-wirjiet u li hija lanqas ma tipprovdi s-servizzi tagħha lill-organizzatur ta’ dawn il-fieri jew ta’ dawn il-wirjiet. Is-servizzi li tipprovdi Inter-Mark jikkonsistu fil-provvista b’mod temporanju ta’ stands lill-eżibituri biss waqt fieri jew wirjiet.

39.      Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 ma huwiex applikabbli f’din il-kawża. Hija tikkunsidra li, peress li l-ispejjeż tas-servizz tal-provvista tal-istands lill-eżibituri ma humiex inklużi fil-prezz tal-provvista ta’ servizzi totali tal-wirja pprovduta mill-organizzatur tal-wirja, il-provvista ta’ servizzi offruta minn Inter-Mark ma tistax tiġi ntaxxata fil-post fejn titwettaq (16). Skont il-Kummissjoni, f’konformità mal-premessa 17 ta’ dik id-direttiva, li tipprovdi li għandu jiġi stabbilit li l-post fejn titwettaq il-provvista ta’ servizzi huwa l-Istat Membru tal-konsumatur, partikolarment fil-każ ta’ ċerti servizzi mogħtija bejn persuni taxxabbli fejn l-ispiża tas-servizzi hija inkluża fil-prezz tal-prodotti, huwa dan il-kriterju li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biex ikun iddeterminat il-post ta’ tassazzjoni għall-provvista ta’ servizzi msemmija fl-Artikoli 44 sa 59 tal-imsemmija direttiva (17) u dan il-kriterju ma ġiex sodisfatt f’din il-kawża.

40.      Il-kwalità tal-fornitur tas-servizzi b’hekk għandha rwol determinanti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi.

41.      Ma naqbilx mal-pożizzjoni tal-Kummissjoni, u dan għar-raġunijiet li ġejjin.

42.      Qabel xejn, fis-sentenza tas-7 ta’ Ottubru 2010, Kronospan Mielec (18), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li mill-użu tal-avverbju “partikolarment” fis-seba’ premessa tas-Sitt Direttiva (premessa 17 tad-Direttiva 2006/112), jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva (Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/112) ma huwiex limitat għal provvista ta’ servizzi mogħtija bejn persuni taxxabbli fejn l-ispiża tagħha hija inkluża fil-prezz tal-prodotti (19). Hija żiedet li s-Sitt Direttiva ma tagħti ebda indikazzjoni li biha jista’ jiġi konkluż li l-fatt li d-destinatarju jinkludi l-ispejjeż tal-provvista ta’ servizzi b’mod mhux dirett, iżda indirett, fil-prezzijiet ta’ prodotti u ta’ servizzi li joffri huwa rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk provvista ta’ servizzi taqax taħt l-Artikolu 9(1) jew taħt l-Artikolu 9(2) tas-Sitt Direttiva (20).

43.      Għaldaqstant, il-fatt jekk l-ispejjeż tas-servizz jiġux inklużi jew le fil-prezz tal-prodotti ma huwiex determinati, fil-fehma tiegħi, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112.

44.      It-tieni nett, id-diċitura ta’ din id-dispożizzjoni turi, fil-fehma tiegħi, li hija tirreferi kemm għall-organizzaturi ta’ tali attivitajiet kif ukoll għall-fornituri li ma jorganizzawx dawn l-attivitajiet.

45.      Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għall-provvista ta’ servizzi li jinvolvu l-attivitajiet li huma elenkati hemmhekk, “inklużi [s-servizzi] ta’ l-organizzaturi ta’ attivitajiet bħal dawn” (21). Fil-fehma tiegħi, l-użu tal-kelma “inklużi” tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-ħsieb li jippreċiża li din il-provvista ta’ servizzi tinkludi wkoll is-servizzi pprovduti mill-organizzaturi, minbarra dawk ipprovduti minn fornituri oħrajn, peress li dawn is-servizzi huma relatati mal-attivitajiet li huma elenkati fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112.

46.      F’dan ir-rigward jidhirli li ladarba l-leġiżlatur tal-Unjoni qagħad attent li jissuġġetta l-provvista ta’ servizzi relatati ma’ attività artistika, kulturali jew ta’ xorta oħra għal regola differenti mir-regola ġenerali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni, ma huwiex minħabba l-kwalità tal-fornitur imma iktar minħabba n-natura tas-servizzi li joffri. Fil-fatt, mid-diċitura tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li huwa l-għan tal-provvista ta’ servizzi li jiddetermina jekk din id-dispożizzjoni tiġix applikata jew le fir-rigward ta’ provvista ta’ servizzi partikolari. B’hekk, biex l-imsemmija dispożizzjoni tkun applikabbli, l-attività eżerċitata mill-fornitur tas-servizzi għandha tkun fost dawk elenkati fiha.

47.      Din il-konstatazzjoni, fil-fehma tiegħi, hija kkorraborata mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza Gillan Beach, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiddetermina jekk is-servizzi inkwistjoni f’dik il-kawża kinux jaqgħu taħt dan l-artikolu, tagħti importanza lill-għan tal-attività u mhux lill-kwalità tal-fornitur. B’hekk, hija tgħid li attività għandha tiġi kkunsidrata bħala simili, fis-sens tal-imsemmi artikolu, meta hija jkollha karatteristiċi li jinsabu wkoll fil-kategoriji l-oħra ta’ attivitajiet elenkati f’din id-dispożizzjoni u li jiġġustifikaw li dawn l-attivitajiet jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni (22).

48.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tkompli billi tippreċiża li l-provvista ta’ servizzi relatati ma’ tali attivitajiet għandhom natura kumplessa, peress li jinkludu diversi servizzi u li normalment huma pprovduti lil diversi persuni, jiġifieri lill-persuni kollha li jkunu qed jieħdu sehem, f’diversi rwoli, f’attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi jew ta’ divertiment (23). Hija żiedet li dawn is-servizzi għandhom ukoll il-karatteristika komuni li huma ġeneralment ipprovduti fil-każ ta’ avvenimenti individwali u li l-post fejn dawn jitwettqu fiżikament jista’, bħala prinċipju, jiġi faċilment identifikat peress li l-imsemmija avvenimenti jseħħu f’post speċifiku (24).

49.      Għaldaqstant, nikkunsidra li l-applikazzjoni tal-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 fir-rigward ta’ servizz tiddependi mhux mill-kwalità ta’ min jipprovdih, imma mill-għan stess ta’ dak is-servizz.

50.      Inċidentalment, dan l-approċċ huwa preżenti wkoll fis-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Dudda (25). Fil-fatt, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet, fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi anċillari għal attivitajiet kulturali, artistiċi, sportivi, xjentifiċi, edukattivi, ta’ divertiment jew attivitajiet simili, li dawn huma servizzi li huma anċillari għall-attività prinċipali meqjusa oġġettivament, indipendentement mill-persuna li tipprovdihom (26). Hija żiedet li din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mid-diċitura tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 9(2)(c) tas-Sitt Direttiva, li tirreferi għal provvista ta’ servizzi anċillari għal attivitajiet, b’mod partikolari artistiċi jew ta’ divertiment, mingħajr ma ssemmi l-persuni li jeżerċitaw dawn l-attivitajiet (27).

51.      Din l-analiżi hija ġġustifikata bil-fatt li l-loġika li fuqha huwa bbażat l-Artikolu 52 tad-Direttiva 2006/112 tirrikjedi li, sa fejn ikun possibbli, is-servizzi elenkati fih jiġu ntaxxati fil-post ta’ konsum (28). Issa, għal dawn il-kategoriji ta’ servizzi kollha l-post fejn dawn is-servizzi jitwettqu fiżikament jista’, bħala prinċipju, jiġi faċilment identifikat (29). Għaldaqstant, l-element determinanti li jippermetti ntaxxar l-eqreb tal-post fejn iseħħ tabilħaqq il-konsum ma huwiex l-identità tal-fornitur tas-servizz, imma l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi li se jagħmel possibbli identifikazzjoni faċli tal-post fejn jitwettaq is-servizz.

52.      Dwar l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk dawn is-servizzi jistgħux jiġu kklassifikati bħala servizzi ta’ reklamar fis-sens tal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, li huma taxxabbli fil-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu.

53.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju huma marbuta mal-fatt li s-servizzi pprovduti minn Inter-Mark jieħdu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi individwali tal-klijenti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspett estern u tal-funzjonalitajiet tal-istand. Għaldaqstant, l-immuntar tal-istands għandu l-għan li jqajjem l-interess tax-xerrejja potenzjali u huwa komponent ta’ operazzjoni promozzjonali għall-prodotti jew għas-servizzi offruti mill-eżibitur. F’dan, dawn is-servizzi jixbhu ferm lil servizzi ta’ reklamar.

54.      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikkunsidra li d-dehra u l-immuntar ta’ stand jistgħu jżidu ferm l-effett promozzjonali tal-prodotti offruti mill-eżibitur (30). B’hekk, hija tikkunsidra li l-provvista ta’ stands personalizzati, jiġifieri maħluqa speċjalment għal eżibitur partikolari u inseparabbli mill-immaġni tal-kumpannija eżibitriċi, tista’ tiġi rrikonoxxuta bħala servizz ta’ reklamar (31).

55.      Il-kunċett ta’ servizzi ta’ reklamar ġie ddefinit fis-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, Il-Kummissjoni vs Franza (32). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li l-kunċett ta’ reklamar bilfors jinvolvi t-tixrid ta’ messaġġ li għandu l-għan li jinforma lill-konsumaturi bl-eżistenza u bil-kwalitajiet ta’ prodott jew ta’ servizz, sabiex jiżdied il-bejgħ tiegħu (33). Hija ppreċiżat ukoll li t-tixrid ta’ dan il-messaġġ jista’ jitwettaq billi jintużaw mezzi oħrajn għajr il-kliem, il-kitbiet, ir-ritratti, l-istampa jew il-midja (34).

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li l-kwalità ta’ fornitur ma hijiex kundizzjoni indispensabbli għall-klassifikazzjoni ta’ servizz ta’ reklamar u li huwa biżżejjed li azzjoni promozzjonali, bħall-bejgħ ta’ merkanzija bi prezz imnaqqas, id-distribuzzjoni lill-konsumaturi ta’ proprjetà mobbli tanġibbli mibjugħa lil konsumatur minn aġenzija ta’ reklamar, il-provvista ta’ servizzi bi prezz imnaqqas jew bla ħlas, jew l-organizzazzjoni ta’ koktejl jew ta’ ikla, tinvolvi t-trażmissjoni ta’ messaġġ maħsub sabiex jinforma lill-pubbliku bl-eżistenza u bil-kwalitajiet tal-prodott jew tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ dik l-azzjoni, sabiex jiżdied il-bejgħ tiegħu, biex wieħed jista’ jikkwalifika l-azzjoni bħala servizz ta’ reklamar (35).

57.      L-istess jista’ jingħad għal kull operazzjoni li tkun parti inseparabbli minn kampanja pubbliċitarja u li tipparteċipa, b’dan il-mod, fit-trażmissjoni tal-messaġġ pubbliċitarju (36).

58.      Jekk huwa minnu li l-immuntar ta’ stand minn fornitur ta’ servizzi jikkontribwixxi sabiex jiġi enfasizzat il-prodott tal-eżibitur u b’hekk l-istand għandu jkun attraenti, ma naħsibx però li dan is-servizz għandu jiġi kklassifikat bħala servizz ta’ reklamar fis-sens tal-Artikolu 56(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.

59.      Ċertament, is-sempliċi provvista ta’ stands fl-okkażjoni ta’ fiera ma tikkostitwixxix l-attività tal-fiera nfisha. Madankollu, l-istand huwa l-element materjali indispensabbli sabiex titwettaq din l-attività. Il-provvista ta’ stands b’hekk ma għandha l-ebda għan ieħor, fil-fehma tiegħi, ħlief dak li toffri l-possibbiltà materjali ta’ parteċipazzjoni fil-fiera fejn l-eżibitur jkun jista’ jippreżenta l-prodotti tiegħu.

60.      F’dan, il-provvista ta’ stands minn fornitur għajr l-organizzatur tal-fiera jew tal-wirja hija servizz anċillari għall-attività tal-organizzazzjoni ta’ dik il-fiera jew ta’ dik il-wirja, peress li hija tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja biex titwettaq dik l-attività (37).

61.      Il-fatt li Inter-Mark qed tipproponi li tippersonalizza l-immuntar ta’ stand ma huwiex tali, fil-fehma tiegħi, li jqiegħed f’dubju dik il-klassifikazzjoni. Bil-kontra ta’ dak li donnha qed issostni l-Kummissjoni, ma naħsibx li biex jintrabtu mal-kategoriji elenkati fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112, l-istands ipprovduti mill-fornitur għandhom ikunu mudelli uniformi u mhux immuntati skont l-eżiġenzi ta’ kull eżibitur  (38).

62.      Jinftiehem mingħajr diffikultà li, skont in-natura tal-prodotti jew tas-servizzi offruti mill-eżibitur u skont l-eżiġenzi tal-klijenti tagħha, Inter-Mark jkollha tadatta l-istand u timmuntah fid-dawl ta’ dawk il-karatteristiċi. Pereżempju, eżibitur li joffri kotba lill-viżitaturi se jkollu bżonn ta’ stand mgħammra bi xkafef adattati għall-kotba, filwaqt li eżibitur li qed joffri l-inbid għandu jkun mgħammar, b’mod partikolari, bi mwejjed u b’siġġijiet għat-tidwiq.

63.      Il-promozzjoni tal-prodotti ppreżentati mill-eżibituri mal-viżitaturi hija l-għan stess tal-attività tal-fiera (39) u l-immuntar tal-istands jikkontribwixxi mingħajr dubju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija iktar ’il fuq, servizz ta’ reklamar għandu jkollu bħala għan li jgħaddi messaġġ li jinforma lill-viżitaturi bil-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi offruti mill-eżibituri.

64.      Skont il-punti li jirriżultaw mill-proċess, dan ma jidhirx li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, billi l-qorti tar-rinviju qalet sempliċement li Inter-Mark tieħu inkunsiderazzjoni l-eżiġenzi individwali tal-klijenti tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-aspett estern u tal-funzjonalitajiet tal-istand u tista’ tipprovdi t-trasport u l-immuntar tal-komponenti tal-istand fil-post fejn ikun qed isir l-avveniment (40).

65.      Konsegwentement, fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad iktar ’il fuq, jiena tal-fehma li l-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands tal-fieri ta’ eżibituri huwa servizz anċillari għall-attivitajiet tal-fieri u tal-wirjiet u b’hekk taqa’ taħt din id-dispożizzjoni.

V –    Konklużjoni

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Poznaniu fit-termini li ġejjin:

“L-Artikolu 52(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud għandu jiġi interpretat fis-sens li l-provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fit-tqegħid għad-dispożizzjoni b’mod temporanju ta’ stands tal-fiera ta’ eżibituri huwa servizz anċillari għall-attivitajiet tal-fieri u tal-wirjiet u b’hekk taqa’ taħt din id-dispożizzjoni”.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – ĠU L 347, p. 1.


3 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).


4 – Ara l-premessa 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-post tal-forniment ta’ servizzi (ĠU L 44, p. 11). Ara wkoll il-punt 3.1.1 tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Bilanċ u aġġornament tal-prijoritajiet tal-istrateġija tal-VAT, tal-20 ta’ Ottubru 2003 [traduzzjoni mhux uffiċjali] [COM(2003) 614 finali].


5 – Ara l-premessa 17 tad-Direttiva 2006/112.


6 – Dz. U. Nru 54, pożizzjoni 535.


7 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 1999, X u Y (C-200/98, Ġabra p. I-8261, punti 21 u 22).


8 – C-438/01, Ġabra p. I-5617.


9 – Punt 14.


10 – Punt 15.


11 – Idem.


12 – C-114/05, Ġabra p. I-2427.


13 – Punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata.


14 – Punt 25.


15 – Punt 27. Għandu jiġi ppreċiżat li, wara s-sentenza Gillan Beach, iċċitata iktar ’il fuq, il-leġiżlatur tal-Unjoni żied, mill-1 ta’ Jannar 2010, l-attivitajiet tal-fieri u tal-wirjiet mal-lista tal-attivitajiet li huma elenkati fl-Artikolu 52(a) tad-Direttiva 2006/112 [ara l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2008/8].


16 – Ara l-punti 34 sa 37 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


17 – Ara l-punt 37 ta’ dawn l-istess osservazzjonijiet.


18 – C-222/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.


19 – Punt 28.


20 – Punt 29.


21 – Enfasi miżjuda.


22 – Punt 22.


23 – Punt 23.


24 – Punt 24.


25 – C-327/94, Ġabra p. I-4595.


26 – Punti 27 u 28.


27 – Punt 29.


28 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Settembru 2009, RCI Europe (C-37/08, Ġabra p. I-7533, punt 39).


29 – Ara s-sentenza Gillan Beach, iċċitata iktar ’il fuq (punt 24).


30 – Ara l-punt 20 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


31 – Idem.


32 – C-68/92, Ġabra p. I-5881.


33 – Punt 16.


34 – Idem.


35 – Punti 17 u 18.


36 – Punt 19.


37 – Ara s-sentenza Dudda, iċċitata iktar ’il fuq (punt 27).


38 – Ara l-punti 20 u 21 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.


39 – Ara s-sentenza Gillan Beach, iċċitata iktar ’il fuq (punt 25).


40 – Ara l-verżjoni bil-Franċiż tad-deċiżjoni ta’ rinviju, p. 3.