Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-14 ta’ Lulju 2011 (1)

Kawża C-93/10

Finanzamt Essen-NordOst

vs

GFKL Financial Services AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Xiri ta’ dejn dubjuż bi prezz ikkalkulat skont il-probabbiltà ta’ falliment tad-debituri – Is-Sitt Direttiva tal-VAT – Portata – Artikolu 2(1) – Provvista ta’ servizzi permezz ta’ kontropartita – Artikolu 13B(d) – Eżenzjoni – Kollezzjoni tad-debitu u fattorar – Artikolu 11A(1)(a) – Valur taxxabbli”





1.        Din id-domanda għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-assenjazzjoni ta’ dejn dubjuż magħmul minn bank (iktar ’il quddiem il-“Bank”) lil GFKL Financial Services AG (iktar ’il quddiem “GFKL”), għal prezz taħt il-valur nominali tad-dejn. Il-Bundesfinanzhof tixtieq tivverifika jekk dan ix-xiri jaqax taħt l-ambitu tal-VAT, jekk iva jekk jammontax għal “kollezzjoni tad-debitu u fattorar”, u jekk iva kemm għandu jkun l-ammont taxxabbli.

2.        Id-domanda preliminari saret sabiex jiġi kkjarifikat l-ambitu tas-sentenza MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring GmbH (iktar ’il quddiem “MKG”) (2). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li attività ekonomika li permezz tagħha negozju jixtri d-dejn, jerfa’ r-riskju tal-falliment tad-debituri, u bħala kontropartita, joħroġ fatturi lill-klijenti tiegħu bħala kummissjoni, tikkostitwixxi “kollezzjoni tad-debitu u fattorar” (3). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, is-servizz ipprovdut f’din il-kawża huwa l-ħelsien ta’ min jassenja mill-operazzjonijiet tal-irkupru tad-dejn u mir-riskju li d-dejn ma jitħallasx (4).

3.        Il-partijiet ma jaqblux dwar jekk din is-sitwazzjoni taqax taħt l-ambitu tas-sentenza MKG, jekk din tistax tiġi distinta, jew jekk il-ġurisprudenza għandhiex tiġi kkunsidrata mill-ġdid.

4.        Djoġenu Laertius, awtur ta’ xogħol dwar il-filosofija Griega li għex fl-ewwel nofs tat-tielet seklu, kiteb fil-ktieb tiegħu Il-Ħajja tal-Filosofi Magħrufa dwar id-definizzjoni ta’ bniedem mogħtija minn Platun (5). Huwa jirrakkonta kif Platun ġie mfaħħar meta ddefinixxa l-bniedem bħala “annimal, b’żewġ saqajn u mingħajr rix”. Meta Djoġenu ta’ Sinope, jew iċ-Ċiniku, neħħa r-rix minn fuq tajra u ġabha fil-kamra tal-lezzjonijiet u stqar “Hawn hu r-raġel skont Platun”, il-kliem “bi dwiefer wiesa’” ġew miżjuda mad-definizzjoni.

5.        Id-definizzjoni ta’ “kollezzjoni tad-debitu u fattorar” adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza MKG hija wiesgħa, u apparentament tkopri mhux biss arranġamenti tal-fattorar li kienu s-suġġett ta’ dik il-kawża iżda wkoll kwalunkwe tranżazzjoni fejn dejn u r-riskju relatat tal-falliment jiġu assenjati. Għaldaqstant, b’mod simili għad-definizzjoni ta’ bniedem mogħtija minn Platun, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija opportunità biex tkompli tiġi rfinata d-definizzjoni mogħtija fis-sentenza MKG.

I –    Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-UE

Is-Sitt Direttiva tal-VAT (6)

6.        L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jikkonċerna l-ambitu tad-direttiva. Huwa jistabbilixxi li “il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali” għandha tkunu suġġetta għall-VAT.

7.        L-Artikolu 4 jiddefinixxi “persuna taxxabbli” bħala kull min b’mod indipendenti jwettaq kwalunkwe attività ekonomika speċifikata f’dak l-artikolu, ikun xi jkun l-iskop tal-attività speċifikat f’dak l-artikolu. L-attivitajiet ekonomiċi huma elenkati fil-paragrafu 2 ta’ dak l-artikolu:

“L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u persuni li jagħtu servizzi, li jinkludu attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll jitqies bħala attività ekonomika.”

8.        L-Artikolu 6 huwa intitolat “provvista ta’ servizzi” u l-parti rilevanti tipprovdi:

“1. ‘Provvista tas-servizzi’ tfisser kull operazzjoni li ma tikkostitwix[xix] provvista ta’ oġġetti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 5.

Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu inter alia:

— assenjazzjoni ta’ proprjetà inkorporali, kemm jekk hija u kemm jekk mhix suġġetta għal att li jikkostitwixxi titolu,

[…]”

9.        L-Artikolu 11A(1)(a) jiddefinixxi l-ammont taxxabbli bħala “dak kollu li jikkostitwixxi ħlas li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti”.

10.      L-Artikolu 13 jikkonċerna l-eżenzjonijiet mill-VAT. Skont l-Artikolu 13B(d)(1) sa (3) u (5), dan li ġej għandu jkun eżenti mill-VAT:

“1. l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;

2. in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanzija ta’ kreditu jew ta’ kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu;

3. transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;

[…]

5. transazzjonijet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi:

–        Dokumenti li jistabbilixxu t-titolu għal prodotti,

–        id-drittijiet jew sigurtajiet msemmija fl-Artikolu 5(3).”

II – Is-sentenza MKG

11.      M-GmbH kienet timporta l-karozzi u tiddistribwixxiehom permezz tan-netwerk ta’ distribuzzjoni tagħha fis-suq Ġermaniż. Factoring KG (li sussegwentament saret MKG), li flimkien ma’ M-GmbH kienet tifforma parti mill-grupp Trapp-Dries/Mitsubishi, ħadet f’idejha l-operazzjonijiet ta’ finanzjament ta’ M-GmbH. F’dan ir-rigward u skont kuntratt ta’ fattorar, Factoring KG kull ġimgħa kienet tikseb id-djun dovut mid-distributuri lil M-GmbH bil-prezz tal-valur nominali ta’ dan id-dejn, b’kontropartita ta’ kummissjoni tal-fattorar ta’ 2 % u tariffa del credere ta’ 1 % tal-valur nominali tad-dejn, kif ukoll l-interess ikkalkulat fuq il-bażi tal-bilanċ ta’ kreditu li jkun għadu dovut f’kull ġurnata tad-distributuri ma’ Factoring KG.

12.      Factoring KG kienet involuta f’fattorar proprju u kif ukoll f’fattorar improprju peress li (i) ħadet ir-riskju tal-falliment b’rabta ma’ parti mid-dejn mingħajr dritt ta’ azzjoni kontra M-GmbH fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas (fattorar proprju), u kif ukoll (ii) qablet li tirkupra l-kumplament tad-djun ta’ M-GmbH bi dritt ta’ azzjoni kontriha (fattorar improprju). Skont il-prattika tal-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi, il-fattorar proprju ma kienx meqjus bħala provvista ta’ servizz ipprovdut minn min iwettqu, u għaldaqstant ma ġie permess l-ebda tnaqqis. Il-fattorar improprju, madankollu, ġie meqjus bħala provvista ta’ servizz taxxabbli minn min iwettqu (7).

13.      Il-Bundesfinanzhof ressqet żewġ domandi preliminari u essenzjalment staqsiet jekk il-fattorar proprju jikkostitwixxix tranżazzjonijiet taxxabbli, jew jekk huwiex eżenti taħt wieħed mid-dispożizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

14.      Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li negozju li jixtri d-dejn, jerfa’ r-riskju tal-falliment tad-debitur, u li, bħala kontropartita, joħroġ fatturi lill-klijenti tiegħu bħala kummissjoni, ikun qed iwettaq attività ekonomika fis-sens tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li din l-attività ma kinitx eżenti mill-VAT għax kienet tammonta għal “kollezzjoni tad-debitu u fattorar”, u għaldaqstant kienet eskluża mill-Artikolu 13B(d)(3).

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

15.      Fis-26 ta’ Ottubru 2004 GFKL ikkonkludiet ftehim ta’ xiri mal-Bank, li permezz tiegħu akkwistat l-ipoteki fuq il-proprjetà immobbli u d-dejn li jirriżulta minn 70 ftehim ta’ self terminat u li għalaq (iktar ’il quddiem “il-portafoll”) (8) b’valur nominali ta’ EUR 15 500 915.16, bħala kontropartita għal prezz tax-xiri ta’ EUR 8 034 883.

16.      L-oġġetti mibjugħa kienu “rreġistrati jew miżmuma” għal u b’riskju għal GFKL wara d-data tal-għeluq stabbilita fil-ftehim tax-xiri, jiġifieri d-29 ta’ April 2004. Id-debituri tal-Bank ġew infurmati bit-tranżazzjoni u bil-bidla fil-kreditur permezz ta’ “ittri ta’ tislima” mibgħuta mill-Bank. Barra minn hekk, GFKL kienet se tkun intitolata għal pagamenti attribwibbli għall-oġġetti mibjugħa wara d-data tal-għeluq. Taħt il-ftehim tax-xiri, il-Bank li qed ibigħ id-dejn ġie b’mod espliċitu eskluż mir-responsabbiltà għall-irkupru tad-dejn u l-valur ekononiku tas-sigurtajiet kollaterali.

17.      GFKL kienet tal-fehma li min jakkwista d-dejn ma jipprovdix servizz lill-bejjiegħ li huwa suġġett għall-VAT. Minkejja dan, issottomettiet dikjarazzjoni fiskali proviżorja wara ittra tat-3 ta’ Ġunju 2004 mill-Bundesministerium der Finanzen (il-Ministeru Federali tal-Finanzi) bl-intenzjoni li timplementa s-sentenza MKG.

18.      Fil-kalkolu tal-ammont tal-VAT li għandu jiġi sottomess, GFKL ippreżumiet li l-kunsiderazzjoni hija d-differenza bejn il-“valur nominali ekonomiku” (wirtschaftlicher Nennwert) tal-portafoll kif miftiehem bejn il-partijiet (id-dejn li x’aktarx ikun realizzabbli bi tnaqqis tal-interess għall-perjodu li matulu d-dejn aktarx li jiġi realizzat, b’rata ta’ 5.97 %) u l-prezz tax-xiri. Il-partijiet ikkalkulaw li l-valur nominali ekonomiku tad-dejn jammonta għal EUR 8 399 808.

19.      GFKL imbagħad issottomettiet oġġezzjoni għad-dikjarazzjoni fiskali proviżorja tagħha. Il-konvenut, il-Finanzamt Essen-NordOst (l-Uffiċċju tat-Taxxa tal-Grigal ta’ Essen) irrifjuta l-oġġezzjoni bħala waħda infondata. GFKL appellat quddiem il-Finanzgericht (Qorti tal-Finanzi) kontra din id-deċiżjoni. Il-Finanzgericht laqgħet l-appell, u ddeċidiet li, b’differenza minn fattorar proprju, it-trasferiment tad-dejn dubjuż ma kienx jikkostitwixxi servizz għall-bejjiegħ li kien suġġett għall-VAT.

20.      Il-każ imbagħad wasal quddiem il-Bundesfinanzhof, li ddeċidiet li kien meħtieġ li tressaq it-tliet domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (77/388/KEE):

Fil-każ ta’ bejgħ (xiri) ta’ dejn dubjuż li jwassal sabiex tittieħed responsabbiltà għall-irkupru u għar-riskju ta’ falliment mix-xerrej, dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala li qed jagħmel provvista bi ħlas u li qed iwettaq attività ekonomika anki meta l-prezz tax-xiri huwa bbażat

─      mhux fuq il-bażi tal-valur nominali tad-dejn, wara tnaqqis ta’ somma ffissata bi ftehim sabiex tkopri t-teħid ta’ responsabbiltà għall-irkupru u għar-riskju ta’ falliment, iżda

─      fuq il-bażi tar-riskju ta’ falliment stmat għal kull dejn u meta l-irkupru għandu biss importanza subordinata meta mqabbel mat-tnaqqis magħmul taħt ir-riskju ta’ falliment?

2. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(2) u (3) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (77/388/KEE), fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

(a) It-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ta’ falliment mix-xerrej fil-każ ta’ akkwist ta’ dejn dubjuż bi prezz ferm inqas mill-valur nominali tiegħu huwa eżenti billi jikkostitwixxi sigurtà jew garanzija oħra?

(b) Jekk it-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju huwa eżenti: l-irkupru tad-dejn huwa eżenti bħala parti minn servizz wieħed jew bħala provvista anċillari jew huwa intaxxat bħala provvista separata?

3. Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (77/388/KEE), fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u jekk ma hemmx provvista eżentata: Il-kunsiderazzjoni għal servizz taxxabbli għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ rkupru li fil-fatt intefqu jew fuq il-bażi tal-istima li ġiet magħmula mill-partijiet?”

21.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew preżentati minn GFKL, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Irlandiż u l-Kummissjoni, li kollha kienu preżenti fis-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011.

IV – Il-kummenti preliminari

22.      Huwa meħtieġ, mill-bidu, li jiġi ċċarat ix-xogħol tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

23.      GFKL u l-Gvern Irlandiż ippruvaw jiddistingwu s-sentenza MKG fuq il-bażi li f’dak il-każ kien hemm kuntratt ta’ fattorar li jobbliga lil Factoring KG li jakkwista d-dejn dovut kull ġimgħa, filwaqt li f’din il-kawża kien hemm xiri ta’ dejn ta’ darba.

24.      Filwaqt li nikkondividi l-opinjoni li l-fattorar normalment jinvolvi relazzjoni kummerċjali kontinwa bejn min iwettqu u l-klijent, din il-kawża ma tirrikjedix kunsiderazzjoni ta’ jekk din is-sitwazzjoni tammontax għal fattorar. Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda kunċett indipendenti ta’ fattorar fil-liġi tal-VAT tal-UE għal żewġ raġunijiet.

25.      L-ewwel nett, hemm differenza fil-verżjonijiet tal-lingwi tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT: disgħa mill-verżjonijiet tal-lingwi jeskludu “kollezzjoni tad-debitu u fattorar” mill-ambitu tal-eżenzjoni pprovduta f’dik id-dispożizzjoni, (9) filwaqt li ħdax-il verżjoni tal-lingwi jirreferu biss għal “kollezzjoni tad-debitu” (10). Id-dispożizzjoni korrispondenti li hemm fl-Artikolu 135(1)(d) tad-Direttiva tal-VAT ma għadhiex issemmi l-fattorar fi kwalunkwe mill-verżjonijiet tal-lingwi tagħha.

26.      It-tieni nett, is-sitwazzjoni fis-sentenza MKG kienet eskluża mill-ambitu tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT għax kienet tammonta għal “kollezzjoni tad-debitu”. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-fattorar għandu jitqies biss bħala varjant tal-kunċett iżjed ġenerali ta’ “kollezzjoni tad-debitu”, irrispettivament mill-mod li bih ikun twettaq (11).

27.      Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab li tiddeċiedi jekk ir-relazzjoni bejn il-Bank u GFKL tammontax għal provvista ta’ servizzi ta’ kollezzjoni tad-debitu, kunċett li huwa usa’ mill-fattorar, ipprovduta minn GFKL lill-Bank.

V –    Din is-sitwazzjoni taqa’ taħt l-ambitu tas-Sitt Direttiva tal-VAT?

1.      Provvista ta’ servizz u attività ekonomika

28.      L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi li kull provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għall-VAT. Dak l-artikolu għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 4 tal-istess direttiva, li jipprovdi li attivitajiet ta’ natura ekonomika biss jiġu ntaxxati.

29.      Il-provvista ta’ servizzi hija ddefinita fl-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva tal-VAT bħala kwalunkwe tranżazzjoni li ma tikkostitwixxix provvista ta’ oġġetti. Għaldaqstant hija kategorija residwali, li ġiet interpretata b’mod wiesgħa mill-Qorti tal-Ġustizzja. L-Artikolu 6 jistabbilixxi wkoll li l-provvista ta’ servizzi tista’ tinkludi, inter alia, l-assenjazzjonijiet ta’ proprjetà intanġibbli kemm jekk hija u kemm jekk ma hijiex suġġetta għal titolu.

30.      Hemm żewġ każijiet rilevanti b’rabta mal-assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli. Fis-sentenza Swiss Re, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment bi ħlas ta’ portafoll ta’ kuntratti tar-rijassigurazzjoni fuq il-ħajja jammonta għal provvista ta’ servizzi, għax kien jikkostitwixxi assenjazzjoni ta’ proprjetà intanġibbli (12). Fis-sentenza First National Bank of Chicago, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkunsidra tranżazzjonijiet għax-xiri ta’ ammont miftiehem ta’ munita waħda kontra l-bejgħ ta’ ammont miftiehem f’munita oħra u li d-dettalji tagħhom (bħat-tip ta’ munita, l-ammont u d-data tal-valur) kienu ġew miftiehma bejn il-partijiet (13). Hija ddeċidiet li dawn it-tranżazzjonijiet kienu provvista ta’ servizzi minħabba l-fatt li kienu trasferimenti ta’ proprjetà intanġibbli (14), bis-servizz ikun il-fatt li l-Bank kien lest li jikkonkludi dawn it-tranżazzjonijiet (15).

31.      Fl-opinjoni tiegħi, l-assenjazzjoni tal-proprjetà intanġibbli msemmija fl-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT tikkonċerna sitwazzjoni fejn iċ-ċedent (f’din il-kawża, il-Bank) jassenja d-dejn liċ-ċessjonarju (GFKL). F’din il-kawża, iċ-ċedent jipprovdi servizz liċ-ċessjonarju.

32.      Din il-kawża, madankollu, tikkonċerna l-kwistjoni ta’ jekk iċ-ċessjonarju jistax jingħad li qed jipprovdi servizz liċ-ċedent. L-Artikolu 6(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma jgħinx biex inwieġbu din id-domanda.

33.      Fir-rigward tax-xiri tad-dejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza MKG li, fil-każ ta’ fattorar proprju, ix-xiri ta’ dejn jammonta għal servizz, jiġifieri dak li l-bejjiegħ jiġi meħlus mill-operazzjonijiet tal-irkupru tad-dejn u r-riskju li d-dejn ma jitħallasx (16). Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan kien jammonta għal servizz ta’ kollezzjoni ta’ debitu, u għaldaqstant ma kienx eżenti taħt l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (17).

34.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma jistax jitqies li kull bejgħ ta’ dejn jammonta għal provvista ta’ servizz ta’ kollezzjoni ta’ dejn mix-xerrej.

35.      GFKL, il-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Irlandiż jargumentaw, għalkemm għal raġunijiet differenti, li t-tranżazzjoni bejn il-Bank u GFKL hija assenjazzjoni ta’ dejn ‘pur’, jiġifieri, bejgħ li l-oġġett tiegħu huwa l-portafoll. Skonthom, tali tranżazzjoni ma tinvolvi l-ebda provvista taxxabbli ta’ servizzi pprovduti minn GFKL lill-Bank. Il-Kummissjoni tidher li taqbel ukoll li t-trasferimenti “puri” ta’ dejn ma jammontawx għal servizzi ta’ rkupru ta’ dejn ipprovduti miċ-ċessjonarju liċ-ċedent iżda tikkonkludi mill-fatti kif spjegati mill-qorti tar-rinviju li f’din il-kawża hemm element ta’ servizz involut.

36.      Fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċennat għal din il-possibbiltà fis-sentenza MKG, fejn qalet li ma jistax jingħad li min iwettaq il-fattorar għandu jitqies sempliċiment bħala reċipjent tal-assenjazzjonijiet mill-klijent tad-dejn dovut lilu (18).

37.      Huwa possibbli li jkun hemm assenjazzjonijiet ta’ dejn li ma jammontawx għal servizzi ta’ kollezzjoni tad-debitu. Pereżempju, ix-xerrejja tal-assi tan-negozju fil-kuntest tat-trasferiment tal-impriżi jistgħu jakkwistaw dejn bħala parti mill-assi. Li dawn ix-xirjiet jitqiesu bħala servizzi ta’ kollezzjoni tad-debitu jkun kuntrarju għan-natura ta’ dawn it-transazzjonijiet.

38.      Barra minn hekk, “tranżazzjonijiet li jikkonċernaw dejn” huma eżenti mill-VAT skont l-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Dan jindika li għandu jkun hemm assenjazzjonijiet ta’ dejn li ma humiex “kollezzjoni tad-debitu” għax inkella dik l-eżenzjoni ma jkollhiex sens.

39.      Hija għal din ir-raġuni li jrid ikun hemm xi ħaġa iżjed minn sempliċi trasferiment ta’ dejn biex ikun jammonta għal servizz ta’ kollezzjoni tad-debitu biex b’hekk tiġi invokata l-applikazzjoni tad-deċiżjoni fis-sentenza MKG.

40.      In-natura ekonomika tat-tranżazzjoni f’din il-kawża tiżvela li l-Bank jirċievi benefiċċju żejjed li jmur lil hinn mit-tranżazzjoni ta’ dejn sempliċi, li jindika li qed ifittex u jirċievi servizz f’din il-kawża.

41.      L-iskop tal-operazzjonijiet ta’ self ta’ bank huwa li jiġi ġġenerat dħul fil-forma ta’ interessi mingħajr riskju tal-kapital misluf. Il-bank ma jsellifx flus bl-għan li jinnegozja d-dejn tiegħu fis-suq, iżda jfittex li jirkupra l-kapital misluf mid-debitur oriġinali jew dawk li jkunu taw garanzija jew li b’mod ieħor jipprovdu sigurtà għas-self. Dan jiddistinwgi s-self bankarju minn strumenti ta’ dejn innegozjati fis-swieq tal-kapital minkejja l-fatt li l-bonds u strumenti simili jirrapreżentaw dejn ta’ min joħroġhom dovut lid-detenturi tagħhom.

42.      Fil-każ ta’ li d-debitur ifalli, il-kreditur jipprova jiġbor il-kapital misluf bl-interessi u l-ispejjeż anċillari billi jwettaq kollezzjoni tad-debitu, li jista’ jinkludi t-twettiq tal-garanziji tas-self.

43.      F’din il-kawża, il-Bank allegatament ħa miżuri ta’ kollezzjoni tad-dejn iżda sab li ma kienx raġonevoli li jitkomplew. Għaldaqstant, ingaġġa s-servizzi ta’ GFKL, li tqis li tista’ tiġbor id-dejn dubjuż b’mod iżjed effiċjenti mill-Bank minħabba l-kunsiderazzjonijiet legali u ta’ relazzjonijiet pubbliċi li jxekklu l-marġini ta’ ċaqliq tal-Bank f’dan ir-rigward. Ir-rwol ta’ GFKL f’dan l-arranġament huwa li jiġbor id-dejn għalkemm mhux neċessarjament kollu. L-element ta’ interessi inkluż fil-kalkolu tal-valur ekonomiku juri li GFKL ma hix qed takkwista l-portafoll tad-dejn għal skopijiet ta’ negozju iżda li għandha l-intenzjoni li tiġbor id-dejn hi stess matul perjodu ta’ żmien definit bil-quddiem.

44.      L-istruttura f’din il-kawża tinvolvi mhux biss il-Bank u GFKL, iżda wkoll id-debituri, u b’hekk issir relazzjoni triangolari. Għaldaqstant, ir-rwol ta’ GFKL huwa ħafna iżjed kumpless minn dak ta’ xerrej ta’ stokk ta’ prodotti li jiħżienu bħal prodotti tal-ikel wara d-data tal-iskadenza tagħhom.

45.      F’din il-kawża, il-Bank ma hu qed jittrasferixxi l-ebda dejn lil GFKL iżda portafoll ta’ diversi djun flimkien mal-ipoteki relatati u sigurtajiet oħra, dokumentazzjonijiet u pretenzjonijiet anċillari. Ir-riskju u l-valur ekonomiku li aktarx hemm f’dan il-portafoll ovvjament ġie analizzat minn GFKL fuq il-bażi tas-suċċess stmat ta’ iżjed irkupru ta’ dejn u l-valur tas-sigurtajiet li aktarx jiġi realizzat. It-tranżazzjoni twassal għal sitwazzjoni li hija ovvjament iżjed ta’ benefiċċju għall-Bank milli kienet tkun is-sitwazzjoni kieku l-Bank kellu jibqa’ jiġbor id-dejn hu stess. Barra minn hekk, GFKL toffri lill-Bank il-possibbiltà li jtemm numru ta’ relazzjonijiet ma’ klijenti li ma kinux sodisfaċenti, u teħilsu mill-problemi legali u ta’ relazzjonijiet pubbliċi relatati mal-isforzi kontinwi għall-kollezzjoni tad-debitu. Fil-qosor, GFKL toffri lill-Bank possibbiltà ekonomikament vijabbli biex jagħlaq il-kotba darba għal dejjem b’rabta mas-70 klijent li naqsu milli jħallsu d-dejn.

46.      Fid-dawl ta’ dan, jiena tal-opinjoni li l-Bank qed jirċievi vantaġġ li jmur lil hinn mill-ħlas ta’ prezz li jirrifletti l-valur kurrenti tad-djun. Fi kliem ieħor, qed jixtri servizz minn GFKL u GFKL qed tipprovdi dan is-servizz lill-Bank.

47.      Peress li hemm provvista ta’ servizz, huwa neċessarju li hemm attività ekonomika f’dan il-każ. Għaldaqstant, ma huwiex meħtieġ li jiġi kkunsidrat l-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT f’iżjed dettall.

2.      Ħlas

48.      Biex jaqa’ taħt l-ambitu tad-Direttiva tal-VAT, madankollu, servizz għandu jkun ipprovdut għal ħlas. Ħafna mid-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar l-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT f’din il-kawża jduru madwar l-eżistenza tal-ħlas.

49.      Biex ikun hemm ħlas fis-sens tas-Sitt Direttiva tal-VAT, irid ikun hemm relazzjoni legali bejn il-partijiet li tagħti lok għal eżekuzzjoni reċiproka. Fi kliem ieħor, il-ħlas għandu jkun magħmul bħala kontropartita għal servizz (19). Dan huwa magħruf ukoll bħala “ir-rekwiżit ta’ konnessjoni diretta” (20).

50.      Fis-sentenza MKG, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien hemm konnessjoni diretta bejn l-attività ta’ min wettaq il-fattorar u l-ammont li rċieva bħala kontropartita permezz ta’ ħlas peress li talab kummissjoni u tariffa del credere għall-attività li wettaq (21).

51.      F’din il-kawża, l-ebda kummissjoni ma ġiet miftiehma b’mod espliċitu bejn il-partijiet. Id-domanda li tqum, għaldaqstant, hija x’seta’ kien il-ħlas.

52.      Anki jekk il-ħlas jiġi minn terzi (22), ma hemm l-ebda indikazzjoni li d-debituri jistgħu jkunu obbligati li jħallsu lil GFKL xi ħaġa iżjed minn dak li jkun dovut b’relazzjoni mal-Bank. Għaldaqstant il-ħlas f’din il-kawża jista’ jiġi dedott minn żewġ fatti: it-tnaqqis magħmul mill-valur nominali tad-dejn fil-kalkolu tal-prezz tax-xiri (kif suġġerit mill-qorti tar-rinviju), u l-opportunità li jsir profitt mix-xiri tad-dejn (kif suġġerit minn GFKL) (23).

53.      Fl-opinjoni tiegħi, it-tnaqqis ma jistax jitqies li jikkostitwixxi ħlas. Dan minħabba li t-tnaqqis isir sabiex jirrifletti l-ammont attwali tar-riskju li qed jiġi assenjat peress li d-dejn inkwistjoni huwa dejn dubjuż. Għaldaqstant, GFKL sempliċement qed tħallas għall-valur fis-suq tal-portafoll u ma hijiex qed tirċievi ħlas għas-servizzi tagħha. F’termini ekonomiċi, il-Bank ma hu qed jagħti l-ebda tnaqqis reali iżda qiegħed sempliċement jaċċetta l-prezz li bejjiegħ huwa ppreparat li jħallas għall-portafoll.

54.      Madankollu, anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li dan huwa ħlas ipprovdut mill-Bank, huwa dibattibbli jekk hemmx konnessjoni diretta bejn it-tnaqqis li jsir u s-servizz ipprovdut.

55.      Fis-sentenza Aardappelenbewaarplaats, il-Qorti tal-Ġustizzja ddecidiet li ma kienx hemm konnessjoni diretta bejn servizz ipprovdut u l-ħlas riċevut f’sitwazzjoni fejn il-ħlas tqis bħala tnaqqis mhux aċċertat fil-valur tal-azzjonijiet (24). F’dik il-kawża, assoċjazzjoni ta’ kooperattiva li tiġġestixxi maħżen għall-ħżin tal-patata kienet iżżomm il-flus lill-membri għall-ħżin, kif ukoll ittiehom azzjonijiet, bħala kontropartita talli l-membri jaħżnu l-patata tagħhom. F’sena minnhom, il-kooperattiva ddeċidiet li ma żżommx flus għall-ħżin, iżda minflok naqset il-valur tal-azzjonijiet tal-membri. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx hemm reċiproċità f’dan il-każ.

56.      Reċentament, madankollu, fis-sentenza Astra Zeneca, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kien hemm konnessjoni diretta bejn il-provvista tal-kupuni tal-bejgħ bl-imnut minn Astra Zenca lill-impjegati tagħha (is-servizz) u t-tnaqqis fil-pagi tal-impjegati (il-ħlas) (25).

57.      Din il-konklużjoni ma hijiex neċessarjament f’kontradizzjoni mad-deċiżjoni fis-sentenza Aardappelenbewaarplaats. Fis-sentenza Aardappelenbewaarplaats, it-tnaqqis fl-azzjonijiet ma kienx aċċertat. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma elaboratx fuq dan il-punt, fl-opinjoni tiegħi din il-konklużjoni tista’ tiġi spjegata bil-fatt li kien ikun diffiċli li jintwera l-valur li jirrapreżenta t-tnaqqis, u għaldaqstant li jintwera li dan il-valur jammonta għall-valur tas-servizz li qed jiġi pprovdut. Il-valur tas-servizzi pprovduti u jekk il-ħlas jirrapreżentax il-qligħ veru għas-servizzi huwa parti importanti dwar jekk hemmx konnessjoni diretta bejn il-ħlas ipprovdut u s-servizz mogħti (26).

58.      F’din il-kawża, it-tnaqqis li jidher mill-valur nominali jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi differenti li sempliċement huma ta’ rilevanza limitata għas-servizz ipprovdut minn GFKL. Dawn jinkludu: il-valutazzjoni possibbilment differenti tal-istat tal-kreditu tad-debituri, il-valur kontinwu tas-sigurtà li ġiet mogħtija għad-dejn, l-infurzabbiltà attwali tad-dejn u l-ispejjeż li jseħħu f’dak il-kuntest.

59.      Kif il-qorti tar-rinviju indikat, it-tnaqqis ma jirriżultax mis-servizz tal-ħelsien tal-Bank mill-piżijiet u r-riskji tal-kollezzjoni tad-debitu, iżda minn valutazzjoni li tikkonċerna l-valur attwali tad-dejn f’idejn GFKL. Fl-opinjoni tiegħi, dak it-tnaqqis primarjament huwa relatat mal-fatt li r-riskji inerenti fil-portafoll diġà saru evidenti minkejja li l-portafoll jibqa’ jirrapreżenta inċertezza kunsiderevoli dwar l-iżvilupp tal-valur tiegħu. Dawn l-inċertezzi huma relatati mhux biss mas-suċċess tal-attivitajiet tal-kollezzjoni tad-debitu ta’ GFKL iżda wkoll mal-iżvilupp ekonomiku b’mod ġenerali u l-iżviluppi tas-swieq tal-proprjetà li jaffetwaw il-valur tal-ipoteki b’mod partikolari.

60.      F’dawn iċ-ċirkustanzi għaldaqstant, ma jistax jingħad li t-tnaqqis jingħata bħala korrispettiv għall-valur tas-servizz li GFKL qed jipprovdi lill-Bank. Għaldaqstant, ma hemmx konnessjoni diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-ħlas.

61.      Anki fil-każ li l-ħlas jitqies li huwa l-opportunità li GFKL tagħmel profitt bħala konsegwenza tax-xiri tad-dejn, jien ma naħsibx li hemm konnessjoni diretta.

62.      L-ewwel nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qligħ minn tqegħid f’fondi tal-investiment ma jikkostitwixxix ħlas dirett għal provvisti ta’ servizzi li jinkludu li l-kapital ikun disponibbli għall-benefiċċju ta’ terzi (27). B’analoġija, il-profitt magħmul mill-ispekulazzjoni dwar id-dejn dubjuż ma għandux jikkostitwixxi ħlas dirett għas-servizz tal-kollezzjoni tad-debitu inerenti.

63.      It-tieni nett, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li fejn il-ħlas jiddependi fuq fatturi li huma parzjalment mhux magħrufa, ma jkunx hemm konnessjoni diretta (28). Dan huwa l-każ b’rabta ma’ din il-kawża peress li l-ammont ta’ profitt li aktarx li se jsir jista’ jiġi aċċertat biss b’mod arbitrarju. Ma huwiex eskluż li fl-aħħar tal-ġurnata, GFKL tirċievi iżjed mill-valur nominali ekonomiku tad-dejn, somma bejn dan u l-prezz imħallas jew anki nqas milli ħallset lill-Bank.

64.      Għaldaqstant, din il-kawża ma taqax taħt l-ambitu tas-Sitt Direttiva tal-VAT peress li r-rekwiżit ta’ konnessjoni diretta bejn il-ħlas u s-servizz ma huwiex stabbilit.

65.      Ikun utli wkoll li wieħed iżid li jekk l-interpretazzjoni proposta hawn fuq hija fondata, allura ħafna mill-hekk imsejħa banek tal-assi ħżiena stabbiliti fl-Istati Membri sabiex jilliberaw il-karti tal-bilanċ ta’ istituzzjonijiet finanzjarji minn dejn dubjuż jistgħu f’ħafna każijiet jitqiesu, mill-aspett tal-VAT, li qed jipprovdu servizzi ta’ kollezzjoni tad-debitu. Fir-rigward tar-rekwiżit tal-ħlas, dan għandu jiġi analizzat fuq bażi ta’ każ b’każ meta jkun hemm konnessjoni diretta bejn is-servizz ipprovdut u l-kumpens, jekk ikun hemm, li jirċievi l-bank tal-assi ħżiena.

66.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tal-istess opinjoni, se nwieġeb ukoll it-tieni u t-tielet domandi preliminari.

VI – Din is-sitwazzjoni hija eżenti taħt l-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-VAT?

1.      Eżenzjonijiet

67.      Il-partijiet f’din il-kawża ssottomettew argumenti fuq il-bażi ta’ eżenzjonijiet li hemm fl-Artikoli 13B(d)(1), (2), (3) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

a)      L-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT

68.      GFKL tissottometti li t-tranżazzjoni għandha tiġi meqjusa bħala għotja ta’ kreditu fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT peress li l-ħlas isir minnufih filwaqt li d-dejn jinkiseb minn GFKL f’data iżjed tard.

69.      Fl-opinjoni tagħha, din il-kawża hija iktar minn sempliċi obbligu li titħallas ċertu somma ta’ flus, u għalhekk ma hijiex impenn finanzjarju fis-sens tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Huwa minnu li d-definizzjoni f’dak l-artikolu hija wiesgħa biżżejjed biex tkopri l-kreditu mogħti minn fornitur ta’ prodotti fil-forma ta’ differiment fil-ħlas (29). Barra minn hekk, dak l-artikolu ma huwiex limitat għal self jew krediti mogħtija minn istituzzjonijiet bankarji u finanzjarji (30). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, l-għoti ta’ kreditu jinvolvi relazzjoni ta’ dejn kontinwu bejn il-partijiet għal ċertu perijodu taż-żmien sakemm il-kreditu jitħallas lura. F’din il-kawża, ma hemmx din ir-relazzjoni ta’ dejn kontinwu wara x-xiri tal-portafoll (31).

70.      Barra minn hekk, ma jistax jingħad li GFKL tagħti kreditu lill-Bank peress li d-dejn diġà huwa dubjuż u l-iskop ta’ GFKL hu li jiġbru (32). Fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-Bank u GFKL, f’din il-kawża, b’differenza milli fil-fattorar improprju, GFKL ma hi qed tipprovdi l-ebda finanzjament biex il-Bank aktar ’il quddiem jagħmel tpaċija mal-pagamenti rċevuti mid-debituri.

71.      Għaldaqstant, din is-sitwazzjoni ma tistax tkun eżenti taħt l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

b)      L-Artikolu 13B(d)(2) tas-Sitt Direttiva tal-VAT

72.      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din is-sitwazzjoni tammontax għal negozjar f’garanziji tal-kreditu peress li tidher li hija simili għas-sitwazzjoni fis-sentenza Bally (33). Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-ħlas permezz ta’ kard tal-kreditu għal ċerti prodotti li nxtraw. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din is-sitwazzjoni kienet tammonta għal garanzija u kienet għaldaqstant eżenti. Skont il-qorti tar-rinviju, dik il-kawża kienet tikkonċerna wkoll trasferiment ta’ dejn minn Bally lill-kumpannija tal-kards tal-kreditu, bħala korrispettiv għall-flus.

73.      Jiena mhux konvint minn din l-analoġija. Fi tranżazzjoni ta’ kard tal-kreditu, il-bejjiegħ jaċċetta li x-xerrej mhux se jwettaq l-obbligu tiegħu li jħallas il-prezz miftiehem b’munita legali iżda minflok jaċċetta li l-ħlas jieħu l-forma ta’ relazzjoni ta’ dejn ġdid li tiżviluppa bejn il-kumpannija tal-kards tal-kreditu u l-bejjiegħ (li tikkorrispondi għal dejn dovut mix-xerrej lill-kumpannija tal-kards tal-kreditu). Il-ħlas attwali mill-kumpannija tal-kards tal-kreditu lill-bejjiegħ huwa dejjem differit, jiġifieri, iseħħ wara li x-xerrej kien ikollu jħallas kieku għażel li jħallas fi flus. Għaldaqstant mill-aspett tal-partijiet oriġinali fit-tranżazzjoni tal-bejgħ, il-funzjoni tal-kumpannija tal-kard tal-kreditu hija li tiggarantixxi li l-bejjiegħ jirċievi l-prezz maqbul, bi tnaqqis tal-kummissjoni li tifforma l-ħlas li dan tal-aħħar jirċievi għall-provvista tiegħu ta’ servizz ta’ garanzija lill-bejjiegħ.

74.      F’din il-kawża, ma hemmx relazzjoni legali bejn id-debituri u GFKL li tkun teżisti b’mod indipendenti mix-xiri tal-portafoll. GFKL ma kinitx wegħdet lid-debituri jew lill-Bank li kienet se tħallas għad-dejn oriġinali bil-valur nominali. Hija sempliċement ħallset prezz għall-portafoll li jikkostitwixxi parti mill-valur nominali. Għaldaqstant, minkejja li din il-kawża tinvolvi t-trasferiment ta’ dejn bħala korrispettiv għall-flus, dak it-trasferiment ma sarx f’relazzjoni kuntrattwali definita minn qabel bejn il-garanti u l-kreditur tipika għal servizzi ta’ garanzija inklużi dawk fejn il-bejjiegħ jaqbel ma’ kumpannija ta’ kards tal-kreditu li jaċċetta l-kards tagħha.

75.      Il-Gvern Irlandiż jissottometti li din il-kawża tista’ tammonta għal “negozjar fis-sigurtà għall-flus”, parti oħra tal-Artikolu 13B(d)(2) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, peress li parti mid-dejn huwa assigurat b’oġġetti immobbli.

76.      Lanqas dan l-argument ma jikkonvinċini. Kif ammettiet l-Irlanda stess, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal parti mill-portafoll inkwistjoni, jiġifieri s-self mhux assigurat li hemm fih. Fl-opinjoni tiegħi, il-portafoll għandu jiġi kkunsidrat bħala ħaġa waħda u ma jistax jinqasam artifiċjalment biex uħud mid-dejn li hemm fih ikun eżenti taħt dispożizzjoni waħda filwaqt li dejn ieħor ma jkunx. Barra minn hekk, meta tagħmel ħlas, GFKL ma tistax titqies li qed tipprovdi sigurtà għall-flus lill-Bank.

c)      L-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT

77.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Irlandiż jargumenta li t-tranżazzjoni tista’ tiġi kklassifikata taħt l-Artikolu 13B(d)(5) ta’ dik id-direttiva bħala tranżazzjoni f’obbligazzjonijiet u sigurtajiet oħra, peress li d-dokumentazzjoni tas-self kienet ċarament negozjabbli.

78.      Għalkemm huwa minnu li din il-kawża tinkludi dokumentazzjoni ta’ self negozjabbli, dan il-fatt ma huwiex essenzjali fid-definizzjoni tal-ambitu tal-Artikoli 13B(d)(3) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, peress li ż-żewġ dispożizzjonijiet ikopru strumenti negozjabbli. Li huwa importanti huwa li l-ftehim tas-self ma’ klijenti individwali ta’ bank, anki jekk ikunu ffurmati jew assigurati bi promissory notes, ma huwiex intiż li jiġi skambjat fuq is-swieq tas-sigurtajiet bl-istess mod bħal obbligazzjonijiet u sigurtajiet oħra.

79.      Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma japplikax f’din il-kawża. L-eżenzjonijiet elenkati fl-Artikolu 13B(d) ta’ dik id-direttiva ma jippreżentawx unità sistematika li hija ddefinita sew. Minkejja dan, it-test ta’ dik id-dispożizzjoni twassal għall-konklużjoni li l-eżenzjonijiet differenti jolqtu gruppi differenti ta’ tranżazzjonijiet tipikament ipprovduti minn operaturi ekonomiċi involuti fis-servizzi finanzjarji (34).

80.      L-eżenzjoni fl-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT hija mmirata lejn tranżazzjonijiet f’sigurtajiet li jirrapreżentaw jew il-kapital proprju tal-kumpannija jew il-kapital barrani tagħha, tipiċi għas-swieq primarji jew sekondarji tas-sigurtajiet u l-finanzjament korporattiv. Dawn it-tranżazzjonijiet normalment jitwettqu minn banek tal-investiment, fornituri tas-servizzi finanzjarji u investituri.

81.      Min-naħa l-oħra, l-eżenzjoni fl-Artikolu 13B(d)(3) tikkonċerna operazzjonijiet li huma normalment implementati minn istituzzjoni finanzjarja involuta fis-settur bankarju għall-konsum iżda li ma humiex eżenti taħt l-Artikoli 13B(d)(1) u (2) ta’ dik id-direttiva. Din l-eżenzjoni tapplika għad-diversi operazzjonijiet relatati ma’ kontijiet, dejn u pagamenti u strumenti negozjabbli relatati.

82.      Din hija r-raġuni għalxiex din is-sitwazzjoni ma għandhiex titqies taħt l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, iżda minflok taħt l-Artikolu 13B(d)(3) ta’ dik id-direttiva.

d)      L-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT

83.      L-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jeżenta t-tranżazzjonijiet li jikkonċernaw id-dejn iżda jeskludi l-eżenzjoni ta’ “kollezzjoni tad-debitu”. Id-domanda, għaldaqstant, hija jekk dan il-każ jaqax taħt it-tifsir ta’ “kollezzjoni tad-debitu” kif hemm f’dik id-dispożizzjoni.

84.      Huwa paċifiku li l-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, filwaqt li l-eċċezzjonijiet għall-eżenzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod wiesgħa (35).

85.      Il-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” ma huwiex definit fis-Sitt Direttiva tal-VAT iżda sa issa ġie kkunsidrat f’żewġ sentenzi (36). Skont dik il-ġurisprudenza, il-“kollezzjoni tad-debitu” tirreferi għal tranżazzjonijiet finanzjarji ddisinjati biex jinkiseb pagament għal ħlas ta’ debitu ta’ flus (37). It-terminu japplika ugwalment għal dejn dubjuż u dejn ieħor (38). Għalhekk, il-fatt li d-dejn ma jkunx tħallas meta dovut ma jaffetwax il-possibbiltà li tranżazzjoni tikkwalifika bħala “kollezzjoni tad-debitu”. (39)

86.      Għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 39 sa 46 ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis li din is-sitwazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “kollezzjoni tad-debitu” li hemm fl-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, u GFKL qed tipprovdi lill-Bank servizzi ta’ kollezzjoni tad-debitu.

2.      Provvista waħda?

87.      Jifdal il-kwistjoni finali taħt it-tieni domanda preliminari ta’ jekk il-provvista ta’ servizzi hawnhekk tistax titqies bħala provvista waħda jew jekk hemmx żewġ servizzi li qed jiġu pprovduti: wieħed li jeħles lill-Bank mill-operazzjonijiet tal-irkupru tad-dejn (li jiena kklassifikajt hawn fuq bħala s-servizzi tal-kollezzjoni tad-debitu), u l-ieħor li jikkwalifika bħala kreditu mogħti taħt l-Artikolu 13B(d)(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

88.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta tranżazzjoni tkun ikkostitwita minn sensiela ta’ elementi u ta’ azzjonijiet, għandhom jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi kollha li fihom isseħħ it-tranżazzjoni inkwistjoni, sabiex jiġi stabbilit jekk humiex involuti żewġ provvisti distinti jew iktar jew jekk hijiex involuta provvista waħda (40).

89.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, min-naħa waħda, mill-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jirriżulta li kull tranżazzjoni għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti u li min-naħa l-oħra, it-tranżazzjoni kkostitwita minn servizz uniku mill-perspettiva ekonomika ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT.

90.      Ikun hemm provvista waħda meta żewġ jew iktar elementi jew atti, ipprovduti mill-persuna taxxabbli tant huma konnessi mill-qrib li jiffurmaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda li ma tistax tiġi mifruda u li l-frid tagħha jkun artifiċjali (41). Ikun hemm ukoll provvista waħda meta element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu s-servizz prinċipali, filwaqt li, bil-kontra, element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala servizz jew servizzi anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li japplika għas-servizz prinċipali. B’mod partikolari, provvista għandha tiġi kkunsidrata bħala anċillari għal provvista prinċipali jekk din ma tikkostitwixxix għan fih innifsu, iżda l-mezz biex jibbenifikaw fl-aħjar kundizzjonijiet mis-servizz prinċipali (42).

91.      F’din il-kawża, l-iskop ekonomiku tat-tranżazzjoni huwa li l-Bank jinħeles mill-attivitajiet tal-kollezzjoni tad-debitu tiegħu. Huwa ovvjament minnu li jsir ħlas minn GFKL biex jikseb id-dejn inkwistjoni iżda l-ħlas isir bħala korrispettiv għad-djun li tirċievi GFKL. Għaldaqstant, ma jistax jingħad li hemm żewġ servizzi indipendenti li qed jiġu pprovduti minn GFKL, iżda minflok huma interkonnessi b’mod inseparabbli.

92.      Għal dawk ir-raġunijiet, għandu jiġi konkluż li din is-sitwazzjoni tammonta għal “kollezzjoni tad-debitu” fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, u għaldaqstant ma hijiex eżenti mill-VAT.

VII – X’inhu l-valur tal-ħlas f’din il-kawża?

93.      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qed tistaqsi x’għandu jitqies bħala ħlas f’din il-kawża għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont taxxabbli: l-ispejjeż tal-irkupru li l-partijiet ikunu ħadu r-responsabbiltà tagħhom, jew l-ispejjeż tal-irkupru attwali.

94.      L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jiddefinixxi l-ammont taxxabbli bħala “dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti”.

95.      Skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-ħlas għandu jkun valur suġġettiv u mhux valur stmat li jiġi konkluż billi jiġu applikati kriterji oġġettivi (43). Għaldaqstant, il-bażi għall-valutazzjoni għall-provvista ta’ servizzi hija l-ammont ta’ ħlas li fil-fatt jiġi rċevut, u mhux il-valur nominali.

96.      Din hija r-raġuni għaliex f’din il-kawża, il-ħlas ma jistax jiġi kkalkulat fuq il-bażi tad-differenza bejn ’l hekk imsejjaħ valur nominali u l-prezz imħallas. Kif qalet il-qorti tar-rinviju, huwa probabbli ħafna li l-partijiet qablu fuq il-valur nominali ekonomiku għal skopijiet ta’ VAT biss. Għaldaqstant, il-valur nominali ekonomiku jirrifletti jew il-marġni tal-profitt ta’ GFKL b’rabta mat-tranżazzjoni, jew is-somma li fuq il-bażi tagħha, huma lesti li jħallsu l-VAT. Fl-opinjoni tiegħi, fil-każ fejn il-bażi taxxabbli huwa bbażat fuq il-marġni tal-profitt, dak il-marġni għandu jkun ibbażat fuq żviluppi reali, mhux fuq stimi preliminari, inkella l-persuni taxxabbli jistgħu jkunu obbligati li jħallsu l-VAT għal ħlas li qatt ma rċievew.

97.      L-ammont tal-ħlas ma jistax ikun ibbażat fuq id-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn inkluż fil-portafoll u l-prezz imħallas minn GFKL lanqas, għax sempliċement juru d-deprezzament tal-valur tad-dejn.

98.      Fl-opinjoni tiegħi, il-ħlas f’dan il-każ għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi ta’ dak li GFKL attwalment tirċievi mill-Bank. Dan ifisser id-differenza bejn l-ammont li attwalment tirċievi mid-debituri fil-portafoll u l-prezz li għalih kienet xtrat il-portafoll.

99.      Din il-konklużjoni hija bbażata fuq żewġ sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kienet affrontata bi problemi simili b’rabta mal-kalkolu tal-ammont tal-ħlas.

100. Fis-sentenza First National Bank Chicago, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li fi tranżazzjonijiet ta’ kambju barrani li fihom l-ebda tariffi jew kummissjoni ma huma kkalkulati fir-rigward ta’ ċerti tranżazzjonijiet speċifiċi, l-ammont taxxabbli huwa r-riżultat nett tat-tranżazzjonijiet tal-fornitur tas-servizzi fuq perijodu taż-żmien indikat (44). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-idea li l-firxa li tirrapreżenta d-differenza bejn il-prezz offrut u l-prezz tal-offerta setgħet tintuża bħala l-bażi taxxabbli (45).

101. Is-sentenza Argos hija utli wkoll f’din il-kawża permezz ta’ analoġija. Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-bejgħ ta’ kupuni minn ħanut, li xi kultant kien ibiegħhom bil-valur nominali tagħhom, u xi kultant b’valur skontat. Il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tiddeċiedi dwar x’għandu jkun l-ammont tal-ħlas f’sitwazzjoni fejn il-kupun inkwistjoni kien inxtara b’valur skontat – il-valur nominali, jew il-valur li għalih inxtara l-kupun. Il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li ma kienx il-valur nominali li kien rilevanti iżda l-ammont li l-ħanut kien attwalment irċieva (46).

102. Huwa minnu li din il-konklużjoni se twassal għal dewmien biex wieħed ikun jaf x’inhu l-ammont taxxabbli u biex jinġabar l-ammont dovut. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħlas jista’ jiġi akkumulat fuq perjodu taż-żmien (47).

103. Fid-dawl ta’ dan, inqis li f’din il-kawża l-ħlas għandu jkun ibbażat fuq id-differenza bejn l-ammont tad-dejn li huwa attwalment irkuprat minn GFKL, u l-prezz imħallas minnha meta hija xtrat dan id-dejn mill-Bank.

VIII – Konklużjoni

104. Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti r-risposta li ġejja lill-qorti tar-rinviju:

(1) Ix-xiri ta’ portafoll ta’ dejn dubjuż jikkostitwixxi servizz u attività ekonomika min-naħa tax-xerrej tad-dejn fis-sens tal-Artikoli 2(1) u 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni.

Madankollu, peress li ma hemmx konnessjoni diretta f’din il-kawża bejn is-servizz ipprovdut u l-ħlas mogħti, il-provvista ta’ tali servizz ma jaqax taħt l-ambitu tal-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

105. Ma hemmx bżonn li t-tieni u t-tielet domanda jingħataw risposta. Madankollu, bħala alternattiva nipproponi dan li ġej:

(2) Din is-sitwazzjoni tammonta għal “kollezzjoni tad-debitu” fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(3) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, u għaldaqstant ma hijiex eżenti mill-VAT.

(3) Il-ħlas f’din il-kawża għandu jkun ibbażat fuq id-differenza bejn l-ammont tad-dejn li huwa attwalment irkuprat minn GFKL, u l-prezz imħallas minnha meta hija xtrat dan id-dejn mill-Bank.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Sentenza tas-26 ta’ Ġunju 2003, (C-305/01, Ġabra p. I-6729, iktar ’il quddiem, is-“sentenza MKG”).


3 – Ibidem, (punt 80).


4 – Ibidem, (punt 49).


5 – D. Laertius, [traduzzjoni libera tat-test oriġinali Grieg]..


6 –      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mat-taxxa fuq it-turnover – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ valutazzjoni (iktar ’il quddiem “is-Sitt Direttiva tal-VAT”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1 p. 23). Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006 L 347, p. 1) (iktar ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”) tissostiwixxi s-Sitt Direttiva tal-VAT b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007. L-għan tad-Direttiva VAT huwa li tippreżenta d-dispożizzjonijiet applikabbli b’mod ċar u razzjonali, b’mod kompatibbli mal-prinċipju ta’ leġiżlazzjoni aħjar (premessa 3).


7 – Skont l-approċċ tal-awtoritajiet Ġermaniżi, li qiegħed jiġi difiż mill-Ġermanja f’din il-kawża, id-differenza deċiżiva bejn servizzi ta’ rkupru ta’ dejn taxxabbli (bħall-fattorar improprju) u l-assenjazzjoni ta’ dejn mhux taxxabbli taħt il-VAT hija t-trasferiment tar-riskju. Jekk il-kreditur iżomm fuqu r-riskju, it-tranżazzjoni hija taxxabbli, filwaqt li jekk ir-riskju jiġi ttrasferit, ikun hemm sitwazzjoni ta’ bejgħ ta’ obbligi li ma jimplikax provvista ta’ servizz mix-xerrej lill-bejjiegħ.


8 – Dawn kienu jinkludu, inter alia, ipoteki fuq proprjetà immobbli u d-drittijiet u l-pretensjonijiet kollha l-oħra li joħorġu mill-ftehim tas-self elenkati fid-data tal-portafoll mehmuż, inkluż id-dejn tas-self, id-dejn anċillari kollha tal-preżent u/jew tal-futur, dejn kwalifikat u/jew temporanju, bħal interessi, spejjeż, tariffi u kummissjonijiet, is-sigurtajiet kollha addizzjonali u ta’ terzi partijiet, it-titoli u d-dokumenti l-oħra kollha assoċjati mad-diversi ftehim ta’ self, bħal ċertifikati, fajls tal-klijenti, korrispondenza u kwalunkwe dokumenti tan-negozju oħra.


9 – L-Ingliż, is-Svediż, l-Estonjan, il-Latvjan, il-Litwanjan, l-Ungeriż, il-Malti, il-Pollakk u s-Sloven.


10 – L-Ispanjol, iċ-Ċek, id-Daniż, il-Ġermaniż, il-Grieg, il-Franċiż, it-Taljan, l-Olandiż, il-Portugiż, is-Slovakk u l-Finlandiż. L-ebda traduzzjonijiet ma huma disponibbli għall-Bulgaru u għar-Rumen.


11 – Ara s-sentenza MKG, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 77.


12 – Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding (C-242/08, Ġabra p. I-10099, punti 27 u 28).


13 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago (C-172/96, Ġabra p. I-4387, punti 21 u 22)


14 – Ibidem (punt 25).


15 – Ibidem (punt 29).


16 – Ara s-sentenza MKG, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 49.


17 – Ibidem (punt 77).


18 – Ara s-sentenza MKG, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 50.


19 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma (C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 14)


20 – Ara s-sentenzi tal-5 ta’ Frar 1981, Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats (C-154/80, Ġabra p. 445); tat-8 ta’ Marzu 1988, Apple and Pear Development Council (102/86, Ġabra p. 1443), u tad-29 ta’ Frar 1996, Mohr (C-215/94, Ġabra p. I-959, punt 17).


21 – Ara s-sentenza MKG, iċċitata iktar ’il fuq, (punti 48 u 49).


22 – L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Normalment, id-debitur inadempjenti għandu jħallas l-ispejjeż tal-irkupru inklużi l-ispejjeż ta’ dawk li jieħdu ħsieb tal-kollezzjoni tad-debitu. Nippreżumi li GFKL hija intitolata għal dan il-kumpens bl-istess mod li kien ikun intitolat għalih il-Bank kieku baqa’ jiġbor id-dejn hu stess.


23 – Ninnota li l-firxa, kemm jekk tkun bejn il-valur nominali ekonomiku jew il-flus li fil-fatt jinġabru u l-prezz li GFKL tkun ħallset lill-Bank ma hijiex biss ħlas għall-kollezzjoni tad-debitu iżda tinvolvi wkoll qligħ u telf kapitali li jirriżulta mill-fatt li GFKL iżżomm il-portafoll fuq perijodu taż-żmien.


24 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, punt 12.


25 – Sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010 (C-40/09, Ġabra p. I-7505, punt 29).


26 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika tal-Finlandja, (C-246/08, Ġabra p. I-10605). F’dik il-kawża, qamet kwistjoni dwar jekk il-ħlas riċevut mill-provvista ta’ servizzi ta’ għajnuna legali kienx suġġett għat-taxxa, u l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kinitx, peress li l-ħlas jiddependi biss parzjalment fuq is-servizzi pprovduti. Il-fatturi l-oħra kienu jinkludu l-assi finanzjarji tar-reċipjent u d-dħul tiegħu, u ma kinux direttament konnessi mas-servizzi offruti.


27 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ April 2004, EDM (C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 63).


28 – Ara, bħala analoġija, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2000, Floridienne u Berginvest, (C-142/99, Ġabra p. I-9567, punti 22 u 23) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li peress li d-dividendi tħallsu b’konsegwenza ta’ deċiżjoni meħuda unilateralment minn xi ħadd ieħor, kienu bbażati fuq fatturi parzjalment mhux magħrufa u għaldaqstant ma kienx hemm konnessjoni diretta.


29      Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017, punt 34).


30      Ibidem (punt 34).


31 – F’dan ir-rigward, huwa importanti li l-interess f’din il-kawża jintuża biex jikkalkula l-valur nominali ekonomiku tad-dejn. Il-Bank ma huwiex obbligat li jħallas l-interessi lil GFKL wara l-konklużjoni tat-tranżazzjoni.


32      Hija kwistjoni separata jekk GFKL tistax f’każijiet individwali tinnegozja mill-ġdid it-termini tas-self billi tipprovdi żmien estiż għall-ħlas u b’hekk tagħti kreditu lil dawk li qabel kienu l-klijenti tal-bank (id-debituri). Dan ikun jammonta għal tranżazzjoni ġdida bejn GFKL u d-debitur inkwistjoni.


33 – Sentenza tal-25 ta’ Mejju 1993, Bally (C-18/92, Ġabra p. I-02871)


34 – Ara s-sentenza tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien (C-455/05, Ġabra p. I-3225, punti 21 u 22).


35 – Ara s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, AXA UK (C-175/09 Ġabra p. I-10701, u l-ġurisprudenza ċċitata, punt 30).


36 – Ara s-sentenzi MKG u AXA, iċċitati din-nota ta’ qiegħ il-paġna 2..


37 – Ara s-sentenzi MKG (punt 78)u AXA (punt 31), iċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.


38 – Ara s-sentenza AXA UK, ċċitata iktar ’il fuq (punt 34).


39 – B’differenza, il-fattorar huwa relatat mal-immaniġġjar mill-persuna li twettqu ta’ riċevibbli eżistenti tal-klijent. Din hija r-raġuni, fl-opinjoni tiegħi, għala tranżazzjonijiet li jikkonċernaw dejn dubjuż ma jistgħux jiġu kwalifikati bħala servizzi ta’ fattorar minkejja li l-fattorar inkwantu kunċett kummerċjali jista’ jinkludi wkoll ix-xiri ta’ dejn dubjuż.


40 – Ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank (C-41/04, Ġabra p. I-9433, punt19) u tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C-111/05, Ġabra p. I-2697, punt 21).


41 – Ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Levob Verzekeringen u OV Bank (punti 20 u 22), u Aktiebolaget NN (punti 22 u 23).


42 – Ara s-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 30); Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 40, punt 21; tal-11 ta’ Ġunju 2009, RLRE Tellmer Property (C-572/07, Ġabra p. I-4983, punt 18); u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere (C-276/09, Ġabra p. I-12359, punti 24 u 25).


43 – Ara s-sentenzi Coöperatieve Aardappelenbewaarplaats, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 20, (punt 13); tal-15 ta’ Mejju 2001, Primback (C-34/99, Ġabra p. I-3833, punt 24); tal-24 ta’ Ottubru 1996, Argos Distributors (C-288/94, Ġabra p. I-5311, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44 – Ara s-sentenza First National Bank of Chicago, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 47.


45 – Ibidem (punt 45).


46 – Ara s-sentenza Argos Distributors, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 43 (punti 16, 18, 20, 23).


47 – Ara s-sentenza First National Bank of Chicago, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata.