Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fl-1 ta’ Marzu 2012 (1)

Kawża C-334/10

X

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“VAT — Sitt Direttiva — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Trasformazzjonijiet magħmula f’bini kummerċjali għall-użu temporanju ta’ ċerti partijiet privati — Issuġġettar tal-użu privat”





I –    Introduzzjoni

1.        Fost il-ġurisprudenza vasta dwar it-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa fis-sistema komuni tal-VAT, ġie żviluppat minn kmieni qasam speċjali u akkumpanjat minn ġurisprudenza dettaljata: dan jirrigwarda esklużivament it-tnaqqis tat-taxxa fil-mument tal-akkwist ta’ beni kapitali użati għall-finijiet kemm kummerċjali kif ukoll privati tal-persuna taxxabbli (2). Dawn huma prinċipalment bini u karozzi li persuna taxxabbli tuża matul is-snin, kemm kummerċjalment kif ukoll privatament. Huwa biss l-użu kummerċjali ta’ dawn il-beni li huwa rilevanti għall-finijiet tat-taxxa tal-valur miżjud iġġenerat mill-attività kummerċjali u għalhekk huwa biss abbażi ta’ dan li t-taxxa tal-input imħallsa fuq dawn il-beni għandha tiġi newtralizzata. Madankollu, l-implementazzjoni fil-livell fiskali u prattiku ta’ dan il-prinċipju sempliċi jġib miegħu ċerti diffikultajiet.

2.        F’dan il-kuntest, il-kwistjoni ta’ dritt għal tnaqqis ta’ taxxa mħallsa għall-bini mibni mill-bidu sabiex jintuża għall-finijiet kemm kummerċjali kif ukoll privati diġà ġiet deċiża. Il-persuna taxxabbli tista’ għalhekk tinvoka l-integralità tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa fuq il-kostruzzjoni ta’ bini iżda, bħala kumpens, għandha mbagħad tħallas it-taxxa li tikkorrispondi mal-użu tal-bini għall-finijiet privati (3). Għalhekk, minn dan jirriżulta li, matul iż-żmien, it-tnaqqis inizjali jiġi parzjalment irrettifikat.

3.        Iżda — kif tistaqsi d-domanda preliminari fil-każ ineżami — li tittratta t-tnaqqis fil-każ ta’ trasformazzjonijiet ulterjuri magħmula fil-bini li inizjalment ikun jintuża għal finijiet strettament kummerċjali sabiex l-imsemmi bini jintuża wkoll parzjalment u temporanjament biss bħala residenza privata?

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, “fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima” (4), fil-verżjoni applikabbli għas-sena 2000 (iktar ’il quddiem : is-Sitt Direttiva) (5), jirregola l-“Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas” li jipprovdi b’mod partikolari dan li ġej:

“[...]

2. Sa kemm l-oġġetti [il-beni] u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:

a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fir-rigard [rigward] ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;

[…]”

5.        Id-dħul mill-bejgħ tal-persuna taxxabbli huwa normalment impost skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, li tipprovdi b’mod partikolari:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

[...]”.

6.        L-Artikolu 6(2), tas-Sitt Direttiva jestendi l-obbligu fiskali tal-Artikolu 2(1), tas-Sitt Direttiva kif ġej:

“2. Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:

a) l-użu ta’ oġġetti [beni] li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju [impriża] tiegħu fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;

b) il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat [bżonnijiet privati] tagħha jew għall-persunal tagħha jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.

[…]”

7.        It-Titolu VIII “Fatt taxxabbli u intaxxar” tas-Sitt Direttiva jinkludi l-Artikolu 11 li jipprovdi:

“A. Fit-territorju tal-pajjiż

1. L-ammont taxxabbli għandu jkun:

[...]

(ċ) fir-rigward ta' provvisti msemmija fl-Artikolu 6(2), l-ispejjeż kollha lill-persuna taxxabbli tal-provvediment tas-servizzi;

[...]”

B –    Il-liġi Olandiża

8.        Skont il-qorti tar-rinviju, l-Artikolu 15 ta’ Wet op de omzetbelasting 1968 (Liġi tal-1968 dwar il-VAT) jagħti lill-imprenditur id-dritt li jnaqqas il-VAT fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi mwettqa għall-finijiet tal-attività kummerċjali.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

9.        F’din il-kawża qiegħda tiġi kkontestata l-legalità ta’ aġġustament fiskali li jirrigwarda l-VAT tas-sena 2000.

10.      Il-persuna taxxabbli hija soċjetà f’isem kollettiv mingħajr personalità ġuridika iżda li hija madankollu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fis-sena 2000, hija eżerċitat kummerċ bl-ingrossa ta’ żebgħa għal karozzi. L-uniċi żewġ soċji tagħha huma koppja miżżewġa.

11.      Fl-1999, din il-koppja akkwistat maħżen u hija użatu fil-kuntest tal-kummerċ bl-ingrossa tagħha. Fil-bidu tas-sena 2000, parti mill-kamra ta’ taħt il-bejt tal-maħżen ġiet żviluppata sabiex isservi ta’ abitazzjoni temporanja għaż-żewġ soċji u t-tfal tagħhom. Għal dan il-għan, ġew installati żewġ twieqi tas-soqfa, kif ukoll entratura. kamra tal-banju u toilets. Il-VAT ġiet iffatturata fuq dan ix-xogħol.

12.      Il-kamra ta’ taħt il-bejt kif mibdula intużat għal 23 xahar bħala akkomodazzjoni. Din imbagħad ġiet organizzata sabiex tintuża għall-impriża u serviet bħala uffiċċju u ta’ post għat-taħriġ. It-twieqi, l-entratura, il-kamra tal-banju u t-toilets tħallew kif kienu.

13.      Il-persuna taxxabbli naqqset it-taxxa kollha fuq il-valur miżjud imħallsa fuq ix-xogħol ta’ żvilupp tal-kamra ta’ taħt il-bejt. Madankollu, l-amministrazzjoni fiskali Olandiża ċaħdet it-tnaqqis għall-parti tax-xogħol marbut mat-twieqi u l-entratura minħabba li l-installazzjoni tal-kamra tal-banju u tat-toilets biss kienu servew għall-bżonnijiet tal-impriża.

14.      Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-qorti tal-ewwel istanza minħabba li x-xogħol ta’ installazzjoni tat-twieqi u tal-entratura kienu saru biss bl-għan uniku li jkunu jistgħu jgħixu hemm iż-żewġ soċji u t-tfal tagħhom.

15.      Il-persuna taxxabli tikkontesta din is-sentenza permezz ta’ appell ta’ kassazzjoni tagħha quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, li rrinvijat id-domandi preliminari li ġejjin quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

Persuna taxxabbli li temporanjament tuża għall-bżonnijiet privati tagħha parti minn beni ta’ investiment tal-impriża tagħha — fid-dawl tal-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2), tal-Artikolu 11(A)(1)(ċ) u tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva — għandha d-dritt ta’ tnaqqis mit-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud fuq l-ispejjeż magħmula sabiex isiru tibdiliet fit-tul bl-uniku għan ta’ użu għal skopijiet privati? Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti fl-ipoteżi fejn l-akkwist ta’ beni ta’ investiment kien intaxxat bil-VAT u li din kienet tnaqqset mill-persuna taxxabbli?

16.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub. Ma saritx trattazzjoni orali.

IV – Kunsiderazzjonijiet legali

17.      Iż-żewġ domandi preliminari, li ser jiġu ttrattati flimkien iktar ’il quddiem, jirrigwardaw l-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis fil-każ deskritt mill-qorti tar-rinviju.

18.      Fil-każ ineżami, il-kundizzjonijiet tad-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa jirriżultaw mill-Artikolu 17(2)(a), tas-Sitt Direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, minn naħa, il-persuna taxxabbli għandha tkun irċeviet mingħand persuna taxxabbli oħra servizzi li għalihom ħallset il-VAT (tranżazzjonijiet tal-input). Min-naħa l-oħra, dawn it-tranżazzjonijiet tal-input għandhom jintużaw għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha (tranżazzjonijiet tal-output).

19.      It-tranżazzjonijiet tal-input li fir-rigward tagħhom huwa kkontestat id-dritt għal tnaqqis fil-każ ineżami huma biss is-servizzi miksuba għall-iżvilupp tal-kamra ta’ taħt il-bejt, f’dak li jirrigwarda l-installazzjoni ta’ żewġ twieqi tas-soqfa u ta’ entratura (iktar ’il quddiem, : it-trasformazzjonijiet).

20.      Madankollu, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx id-dritt għal tnaqqis fuq l-akkwist ta’ bini li diġà jeżisti li sarulu t-trasformazzjonijiet. It-trattament tal-VAT tal-akkwist ta’ dan il-bini hija rilevanti biss — fil-kuntest tat-tieni domanda preliminari — sa fejn huwa jista’ jkollu effett fuq it-tnaqqis magħmul fuq it-trasformazzjonijiet.

21.      Skont l-Artikolu 17(2), tas-Sitt Direttiva, dawn it-trasformazzjonijiet għandhom jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet tal-output sabiex jinkiseb id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq l-input imħallsa. Peress li inizjalment, it-trasformazzjoni kienet għal użu privat, segwit madankollu iktar tard minn użu kummerċjali tal-kamra ta’ taħt il-bejt bħala uffiċċju u post ta’ taħriġ, jeħtieġ iktar u iktar li tiġi segwita l-ġurisprudenza relatata mat-tnaqqis ta’ taxxa tal-input imħallsa għal beni kapitali użati parzjalment għal użu privat; dan kollu ġie ġustament enfasizzat mill-partijiet.

22.      Ser nesponi, inizjalment (parti A) il-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, peress li l-kundizzjonijiet għal tnaqqis ma jirriżultawx direttament mid-dispożizzjonijiet tad-direttiva; u sussegwentement, neżamina jekk din il-ġurisprudenza tistax tiġi applikata fil-każ ineżami (parti B).

A –    Il-ġurisprudenza relatata mad-dritt għal tnaqqis f’każ ta’ beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati

1.      L-użu ta’ beni kapitali

23.      Skont ġurisprudenza stabbilita — li tmur lura sas-sentenza Lennartz (6), fil-każ ta’ użu ta’ beni kapitali kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk privati, il-persuna kkonċernata għandha l-għażla, għall-iskopijiet tal-VAT, jew li talloka totalment dan l-beni għall-patrimonju tal-impriża tagħha, jew li żżommu totalment fil-patrimonju privat tagħha u b’hekk teskludih kompletament mis-sistema tal-VAT, jew inkella li tinkludih fl-impriża tagħha biss sa fejn dan jintuża effettivament għal skopijiet kummerċjali (7).

24.      Jekk il-persuna taxxabbli tagħżel li tittratta l-beni kapitali użati kemm għal finijiet kummerċjali u kemm għal finijiet privati bħala beni tal-impriża, il-VAT tal-input dovuta fuq l-akkwist ta’ dawk il-beni fil-prinċipju tista’ titnaqqas b’mod sħiħ u immedjat (8).

25.      Dan japplika biss għat-taxxa tal-input li hija dovuta għall-bejgħ ta’ beni lesti iżda wkoll — dak li huwa b’mod partikolari rilevanti fil-qasam tal-proprjetà immobbli — għat-taxxa tal-input dovuta għall-manifattura ta’ beni (9), pereżempju għall-akkwist ta’ materjal ta’ kostruzzjoni jew l-użu ta’ servizzi ta’ kostruzzjoni. F’tali każ, il-kwistjonijiet relatati mat-trattament u l-użu tal-beni huma neċessarjament marbuta mal-prodott lest u mhux mas-servizzi użati għall-kostruzzjoni.

2.      L-użu tat-tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli

26.      Meta l-beni b’użu mħallat ikunu allokati totalment lill-impriża, il-konsegwenza hija li l-parti tal-użu li ssir għall-użu privat tiġi ntaxxata skont l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva flimkien mal-Artikolu 2(1) (10). Dan huwa maħsub sabiex jiġi evitat li l-persuna taxxabbli ma tapprofittax minn vantaġġ indebitu meta mqabbel mal-konsumatur finali (11) u sabiex l-użu finali għall-finijiet privati ma jevitax it-taxxa (12).

27.      F’dan il-kuntest, l-użu ta’ beni għal finijiet privati jikkostitwixxi tranżazzjoni tal-output intaxxata skont l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva (13). Ir-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa huma għaldaqstant issodisfatti għall-parti mill-beni kapitali użat għall-finijiet privati. Jekk, għall-kuntrarju, ma jkunx possibbli li jiġi ntaxxat l-użu privat, id-dritt għal tnaqqis ma jkunx jista’ jingħata, minkejja l-allokazzjoni totali tal-beni lill-impriża. Tali sitwazzjoni tista’ sseħħ meta l-kundizzjoni tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) ma tiġix issodisfatta (14).

28.      Barra minn hekk, skont is-sentenza Puffer, il-ġurisprudenza relatata mat-tnaqqis tat-taxxa għall-beni użati parzjalment għal finijiet privati ma hijiex iktar applikabbli meta l-beni kapitali huwa ċertament użat parzjalment għal finijiet privati u parzjalment għal bżonnijiet tan-impriża iżda li, għall-parti li tikkonċerna n-impriża, il-persuna taxxabbli tuża esklużivament l-beni kapitali għal tranżazzjonijiet tal-output eżentati mit-taxxa (15). F’tali każ, anki jekk ikun hemm użu mħallat tal-beni, madankollu ma teżisti, fil-parti tal-użu korrispondenti għan-impriża, l-ebda tranżazzjoni taxxabbli. Minn dan jirriżulta li skont il-ġurisprudenza, l-użu ta’ beni għall-bżonnijiet tal-impriża għandu jiġu ntaxxat — tal-anqas parzjalment — anki qabel ma jista’ jitnissel dritt għat-tnaqqis għal beni kapitali b’użu mħallat.

29.      Konsegwentement, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis fuq l-akkwist jew fuq il-kostruzzjoni ta’ beni kapitali użat parzjalment għal finijiet privati, għandha tiġi vverifikata t-taxxa kemm tal-użu tal-beni għall-bżonnijiet tan-impriża kif ukoll tal-użu tiegħu għal finijiet privati.

3.      L-għan

30.      Il-ġurisprudenza esposta ġiet bosta drabi kkontestata fil-prinċipju tagħha, iżda wara eżami fid-dettall, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermatha ripetutament (16).

31.      Il-fatt li l-persuna taxxabbli tingħata, fil-każ ta’ użu mħallat ta’ beni kapitali, l-allokazzjoni totali tal-beni lill-impriża u, għaldaqstant, it-tnaqqis totali tat-taxxa tal-input imħallsa minkejja l-użu parzjalment privat għandu bħala għan li jippermettilha twettaq modifiki ulterjuri, mingħajr żvantaġġi fiskali, fir-rigward tal-użu billi żżid il-proporzjon użat għall-finijiet tal-impriża (17).

32.      Fil-fatt, li kieku, fil-każ ta’ użu mħallat tal-beni kapitali, il-persuna taxxabbli kellha tassenja lill-impriża biss dik il-parti, li tikkorrispondi għall-użu, għall-bżonnijiet tal-impriża, it-tnaqqis tat-taxxa fuq l-input għall-parti użata għall-finijiet privati tkun definitivament eskluża. Il-parti tal-beni użata għall-finijiet privati tibqa’ għalhekk fil-patrimonju privat. Użu ulterjuri għall-finijiet ta’ impriża tal-parti tal-beni allokat għall-patrimonju privat ma jistax jagħti lok a posteriori għal dritt għal tnaqqis. L-ebda mekkaniżmu ta’ regolarizzazzjoni f’dan is-sens ma huwa previst fis-Sitt Direttiva (18).

33.      Permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/162/UE, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li temenda diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud(19), sadattant il-leġiżlatur tal-Unjoni solva l-problema iżda biss fir-rigward tal-perijodi sussegwenti għal dawk rilevanti fil-kawża prinċipali (20). Skont l-Artikolu 168a miżjud fid-direttiva — attwalment fis-seħħ — 2006/112/KE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (21), id-dritt għal tnaqqis parzjali huwa mogħti biss fil-każ ta’ beni ta’ proprjetà immobbli — jew ta’ kull beni ieħor tal-għażla tal-Istati Membri — użati b’mod imħallat. Madankollu, din l-esklużjoni parzjali tad-dritt għal tnaqqis hija minn issa akkumpanjata minn possibbiltà ta’ korrezzjoni jekk il-proporzjonijiet tal-użu jiġu sussegwentement immodifikati.

B –    L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza għal din il-kawża

34.      B’hekk għad irid jiġi vverifikat jekk, skont il-ġurisprudenza ċċitata dwar id-dritt għal tnaqqis għal beni ta’ investimenti użati parzjalment għal finijiet privati, persuna taxxabbli li ssib ruħha fis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija awtorizzata li tnaqqas it-totalità tat-taxxa tal-input imħallsa għat-trasformazzjonijiet.

35.      Hekk kif il-Kummissjoni ġustament osservat, ma hemm l-ebda dubju f’dan ir-rigward jekk it-trasformazzjonijiet ikunu twettqu qabel l-akkwist tal-bini. Billi akkwistat bini maħsub sabiex ikun użat parzjalment bħala maħżen u parzjalment bħala akkomodazzjoni, il-persuna taxxabbli kellha tkun fid-dritt li talloka t-totalità tal-bini lill-impriża b’tali mod li hija kellu jkollha d-dritt li tnaqqas kompletament it-taxxa tal-input imħallsa, filwaqt li l-użu tal-akkomodazzjoni għall-finijiet privati kellhom jiġu ntaxxati iktar tard.

36.      Kien ikun l-istess kieku l-persuna taxxabbli bniet hija stess il-bini u kienet ippjanat mill-bidu parti tal-bini maħsub sabiex iservi bħala akkomodazzjoni.

37.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ddeterminat jekk l-uniku fatt li t-trasformazzjonijiet saru biss a posteriori jista’jwassal għal risposta oħra dwar id-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa. F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok għandu jiġi vverifikat (f’sezzjoni 1, iktar ’il quddiem) jekk, fid-dawl tat-trasformazzjonijiet, huwiex permess li l-persuna taxxabbli talloka totalment beni kapitali għall-patrimonju tal-impriża. Fit-tieni lok, għandha tiġi vverifikata kemm it-taxxa fuq l-użu għall-bżonnijiet tal-impriża kif ukoll dik fuq l-użu privat (fis-sezzjoni 2).

1.     L-allokazzjoni ta’ beni kapitali lill-impriża

38.      Kif intqal, id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għal servizzi ta’ kostruzzjoni ta’ beni kapitali jiġi evalwat skont l-allokazzjoni tal-beni kapitali prodott għall-patrimonju tal-impriża (22). F’dak li jirrigwarda l-beni kapitali prodott, għandu jeżisti dritt li dan jiġi allokat kompletament għall-patrimonju tal-impriża. Huwa biss f’dan il-każ li jeżisti dritt ta’ prinċipju li titnaqqas kompletament it-taxxa tal-input imħallsa għas-servizzi ta’ kostruzzjoni ta’ beni.

39.      Peress li f’dan il-każ it-trasformazzjonijiet saru fuq bini eżistenti, hemm lok qabel xejn li jiġi ddeterminat dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala l-beni kapitali prodott (taħt a) u taħt b) iktar ’il quddiem), qabel ma jiġi vverifikat jekk jeżistix dritt li jiġu allokati totalment lill-impriża (taħt c).

a)      It-trattament unitarju jew separat tat-trasformazzjonijiet

40.      F’dan il-każ jeżistu żewġ perspettivi possibbli: wieħed jista’ jikkunsidra t-trasformazzjonijiet bħala spejjeż ta’ kostruzzjoni — sussegwenti — tal-bini jew bħala spejjeż ta’ kostruzzjoni ta’ beni kapitali separat.

41.      Jekk wieħed jikkunsidra t-trasformazzjonijiet bħala parti mill-ispejjeż tal-kostruzzjoni tal-bini kollu, id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa fir-rigward ta’ dawn l-ispejjeż ikun jiddependi mill-allokazzjoni tal-bini li għadda minn trasformazzjonijiet. Jekk il-bini kien allokat kompletament lill-impriża, jeżisti fil-prinċipju dritt li titnaqqas kompletament it-taxxa tal-input imħallsa għat-trasformazzjonijiet.

42.      F’dan il-kuntest, ikun qabel xejn irrilevanti li t-trasformazzjonijiet intużaw sabiex joħolqu akkomodazzjoni intiża għall-użu purament privat. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza dwar id-dritt għal tnaqqis f’każ ta’ beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati, meta persuna taxxabbli tirċievi numru kbir ta’ beni u ta’ servizzi għall-kostruzzjoni ta’ bini, lanqas ma jiġi evalwat id-dritt għal tnaqqis għal kull tranżazzjoni tal-input meħuda b’mod individwali (23).

43.      Persuna taxxabbli tista’, għal kuntrarju, talloka, fit-totalità tiegħu lill-impriża, l-bini li hija bniet. Konsegwentement, hija, fil-prinċipju, ikollha d-dritt li tnaqqas it-totalità tat-taxxa tal-input imħallsa fuq it-tranżazzjonijiet kollha tal-input li servew għall-kostruzzjoni tal-bini. Dan jiġri anki meta jkun normalment possibbli li jiġu identifikati t-tranżazzjonijiet tal-input partikolari li servew esklużivament għal finijiet privati — bħal, pereżempju, il-kunsinna ta’ tieqa li ġiet installata fil-parti użata għal finijiet privati.

44.      Anki l-ġurisprudenza — iċċitata mill-qorti tar-rinviju — fil-kawża Bakcsi ma tipprekludix direttament trattament komuni ta’ trasformazzjonijiet sussegwenti u ta’ spejjeż ta’ kostruzzjoni inizjali. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tabilħaqq iddeċidiet li l-allokazzjoni ta’ beni kapitali ma tinċidix fuq l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-input użati għall-użu u l-manutenzjoni ta’ dak il-beni kapitali (24). Għalhekk, id-dritt għal tnaqqis fir-rigward tat-tranżazzjonijiet tal-input użati għall-użu u l-manutenzjoni b’mod partikolari ta’ bini, hija kwistjoni li għandha tiġi separata mill-allokazzjoni jew le tal-bini lill-impriża.

45.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju diġà enfasizzat, hija nnifisha, li l-ispejjeż ta’ trasformazzjoni tal-każ ineżami ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala spejjeż ta’ użu jew ta’ manutenzjoni (25). Jiena tal-opinjoni wkoll li dawn it-trasformazzjonijiet ma jikkostitwixxux tranżazzjonijiet tal-input li jservu għall-użu ta’ bini jew għall-konservazzjoni tiegħu f’kundizzjoni tajba iżda li dawn jirranġaw il-bini nnifsu u jemendaw il-forma tiegħu u l-possibbiltajiet tal-użu tiegħu. Minn dan jirriżulta li s-sentenza Bakcsi ma hijiex applikabbli fil-każ ineżami.

46.      Madankollu jirriżulta minn din il-ġurisprudenza li fil-prinċipju, l-allokazzjoni lill-impriża ta’ tranżazzjoni tal-input għandha tiġi evalwata b’mod separat għal kull tranżazzjoni.

47.      Din l-opinjoni tikkorrispondi mal-bqija tal-ġurisprudenza stabbilita fil-qasam ta’ taxxa tat-tranżazzjonijiet tal-output. Skont din tal-aħħar, jirriżulta mill-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva li kull kunsinna jew provvista għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala separata u indipendenti (26).

48.      Barra minn hekk, għandu jittieħed kont tal-ġurisprudenza li tistabbilixxi li hija persuna waħda biss, li għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli u li taġixxi bħala tali fil-mument fejn hija tibbenefika minn tranżazzjoni tal-input, li għandha dritt għal tnaqqis (27). Meta persuna taxxabbli tikseb beni esklużivament għal bżonnijiet privati, hija taġixxi b’mod privat u mhux bħala persuna taxxabbli fis-sens tas-Sitt Direttiva (28).

49.      Madankollu, li kieku t-tnaqqis tat-taxxa tal-input kellu jkun dipendenti fir-rigward ta’ kull trasformazzjoni sussegwenti fuq l-allokazzjoni tal-bini, għandu bl-istess mod jiġi permess it-tnaqqis fir-rigward tat-trasformazzjonijiet sussegwenti permanenti għal finijiet purament privati. F’tali każ, il-ġurisprudenza ċċitata, fl-opinjoni tiegħi, ma tkunx iktar osservata. Fil-fatt, tranżazzjoni tal-input użata b’mod sħiħ u sostenibbli għal finijiet privati ma tistax tiġi kkunsidrata bħala l-azzjoni ta’ persuna taxxabbli. Kieku kien mod ieħor, id-distinzjoni neċessarja fis-sistema tal-VAT bejn l-azzjoni ta’ persuna bħala persuna taxxabbli u l-azzjoni tagħha bħala persuna privata ma tkunx iktar possibli.

50.      Barra minn hekk, il-konsegwenzi ta’ approċċ unitarju għat-trattament għall-finijiet tal-VAT ta’ bini u ta’ trasformazzjonijiet sussegwenti jkunu wkoll inkompatibbli mal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa. Skont dak il-prinċipju, persuna taxxabbli għandha tħallas il-VAT biss meta din tkun relatata ma’ beni jew servizzi li din il-persuna tuża għall-konsum privat tagħha u mhux għall-attivitajiet kummerċjali taxxabbli tagħha (29).

51.      Iżda trattament komuni ta’ bini u ta’ trasformazzjonijiet sussegwenti jinvolvi wkoll konsegwentement li persuna taxxabbli li tagħmel trasformazzjonijiet permanenti għall-bini motivati biss mill-bżonnijiet tan-impriża tagħha, ma tkunx tista’ titlob tnaqqis f’dan ir-rigward, jekk il-bini preċedentement kien ġie allokat lill-patrimonju personali. Il-persuna taxxabbli għalhekk ikollha tbati b’mod definittiv il-VAT għat-trasformazzjonijiet, minkejja l-fatt li r-riżultat ta’ dawn it-trasformazzjonijiet kien ser jintuża għall-attività kummerċjali.

52.      F’dan il-kuntest, it-trattament unitarju — impliċitament rikonoxxut mill-ġurisprudenza dwar id-dritt għal tnaqqis għall-produzzjoni ta’ beni kapitali parzjalment użati għal finijet privati (30) — tat-tranżazzjonijiet tal-input li jservu għall-kostruzzjoni ta’ bini għal użu mħallat — jikkostitwixxi eċċezzjoni li hija ġġustifikata għal raġunijiet prattiċi, b’mod partikolari minħabba l-prossimità temporali kbira ta’ tranżazzjonijiet ta’ kostruzzjoni. Dan it-trattament unitarju jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, għall-għadd kbir ta’ tranżazzjonijiet tal-input neċessarji għall-kostruzzjoni ta’ bini, l-allokazzjoni ta’ kull tranżazzjoni tal-input għal finijiet privati jew kummerċjali rispettivament tikkawża diffikultajiet enormi ta’ distinzjoni u ta’ riżorsi amministrattivi kunsiderevoli. Dan ma huwiex il-każ fir-rapport bejn il-kostruzzjoni inizjali ta’ bini u t-trasformazzjonijiet sussegwenti tiegħu, li jistgħu jiġu kkunsidrati b’mod separat, peress li huma faċilment identifikabbli u li huma ma humiex konnessi mill-perspettiva temporali.

53.      Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ilha tirrikonoxxi minn żmien twil li diversi partijiet tal-istess beni jistgħu jiġu allokati b’mod separat lill-patrimonju privat jew lill dak tal-impriża (31). Għaldaqstant fil-qasam tal-VAT ma huwiex anormali li l-partijiet individwali tal-bini jiġu ttrattati b’mod differenti.

54.      Minn dan jirriżulta li fil-każ ta’ trasformazzjonijiet sussegwenti ta’ beni kapitali, id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa ma għandiex tiddependi mill-allokazzjoni tal-beni kapitali nnifsu. F’dan ir-rigward, jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Olandiż li l-fatt stess li l-bini bħala tali kien allokat lill-parti korrispondenti għall-impriża tal-persuna taxxabbli ma jfissirx awtomatikament li t-trasformazzjonijiet huma wkoll parti korrispondenti mill-impriża.

b)      Il-miżuri ta’ trasformazzjoni kkunsidrati bħala beni kapitali separat

55.      Peress li d-dritt għal tnaqqis fir-rigward tat-trasformazzjonijiet sussegwenti għandu għalhekk fil-prinċipju jiġi evalwat indipendentement mill-allokazzjoni tal-bini, id-domanda li tqum hija jekk inħoloqx beni kapitali separat permezz ta’ dawn il-trasformazzjonijiet.

56.      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok jidher evidenti li l-miżuri kollha ta’ trasformazzjoni li servew sabiex tinħoloq l-akkomodazzjoni fil-kamra ta’ taħt il-bejt ikkontribwixxew flimkien għall-kostruzzjoni ta’ beni kapitali ġdid, jiġifieri l-akkomodazzjoni. Ma jiġux ikkunsidrati biss it-twieqi u l-entratura, li rriżultaw mit-trasformazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali; iżda anki l-kamra tal-banju u t-toilets, li għall-kostruzzjoni tagħhom il-persuna taxxabbli diġà bbenifikat mid-dritt għal tnaqqis, li għalhekk jifformaw parti minn dan l-beni kapitali separat.

57.      Il-kwistjoni dwar jekk, għall-finijiet tad-deteminazzjoni tal-beni kapitali rilevanti, l-installazzjoni tat-twieqi u tal-entratura għandhiex tiġi separata mill-installazzjoni tal-kamra tal-banju u tat-toilets, tikkostitwixxi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fattwali li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju. L-element deċiżiv għal dik l-evalwazzjoni jikkonsisti fil-kwistjoni dwar jekk ix-xogħlijiet ta’ trasformazzjoni fir-rigward tat-twieqi, l-entratura, il-kamra tal-banju u t-toilets jinsabux magħquda fi kwadru fattwali u temporali tant strett li huwa komparabbli mar-rabta mill-qrib li tgħaqqad is-servzzi ta’ kostruzzjoni ta’ bini.

58.      Fi kwalunkwe każ, fil-fehma tiegħi ma teżisti l-ebda raġuni rilevanti sabiex ma tiġix ikkunsidrata l-akkomodazzjoni mibnija fl-intier tagħha, jew biss it-twieqi u l-entratura, bħala beni kapitali separat.

59.      Hekk kif l-Avukat Ġenerali Mengozzi diġà pprovda, l-elementi essenzjali tad-definizzjoni ta’ beni kapitali — kif tapplika fil-kuntest tal-ġurisprudenza relatata mad-dritt għal tnaqqis għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati — huma n-natura permanenti ta’ dan l-beni u d-deprezzament flimkien mal-ispejjeż ta’ akkwist tiegħu (32). Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw kemm għall-akkomodazzjoni ppreparata kif ukoll għat-twieqi u l-entratura li ġew installati permezz tax-xogħlijiet ta’ trasformazzjoni fil-każ inkwistjoni.

60.      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li kemm l-akkomodazzjoni kif ukoll it-twieqi u l-entratura jagħmlu parti minn beni kapitali ieħor.

61.      L-Avukat Ġenerali Mengozzi ċertament qies preferibbli, fir-rigward ta’ beni li huma integrati mal-beni kapitali wara l-akkwist tiegħu iżda li jżid il-valur tiegħu, li, għal raġunijiet ta’ sempliċità tas-sistema komuni tal-VAT, ma tiġix applikata l-ġurisprudenza relatata mad-dritt għal tnaqqis għal beni kapitali użati parzjalement għal finijiet privati iżda li l-VAT fuq l-input imħallsa titqassam b’mod immedjat; iżda jkopri biss l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni, jiġifieri s-sostituzzjoni ta’ parti eżistenti ta’ beni kapitali għal waħda ġdida (33).

62.      Issa, il-każ ineżami ma jikkonċernax tali spejjeż ta’ sostituzzjoni iżda l-kostruzzjoni ta’ partijiet ġodda tal-bini, li ma kinux jeżistu qabel. Peress li l-kostruzzjoni ta’ partijiet ġodda ta’ bini li ser jintużaw b’mod imħallat ma għandhomx ikunu spissi ħafna, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li t-teħid inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-VAT ta’ diversi beni kapitali fi ħdan bini jikkostitwixxi inkarigu wisq ikkumplikat.

63.      Fid-dawl tal-konstatazzjoni li anki t-twieqi u l-entratura waħedhom jistgħu jikkostitwixxu beni kapitali separat, huwa fl-aħħar mill-aħħar superfluwu li jiġi evalwat jekk għandhiex tapplika wkoll għal beni oħra bħala beni kapitali l-ġurisprudenza dwar it-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati (34)

c)      L-użu parzjalment privat

64.      Fl-aħħar nett, id-dritt eżistenti fil-prinċipju ta’ tnaqqis fit-totalità t-taxxa tal-input imħallsa għat-trasformazzjonijiet jiddependi wkoll fuq il-fatt li l-beni kapitali mibni — jiġifieri, fil-kawża ineżami, kemm l-akkomodazzjoni mibnija, kif ukoll it-twieqi u l-entratura — jintużaw kemm għall-bżonnijiet tan-impriża kif ukoll għal finijiet privati. Il-beni kapitali jkun jista’ għalhekk jiġi allokat fit-totalità tiegħu lill-impriża.

65.      Jekk il-qorti tar-rinviju kkonstatat li hija l-akkomodazzjoni flimkien li għandha tiġi kkunsidrata bħala beni kapitali separat, tali allokazzjoni lill-impriża tkun possibbli. Fil-fatt, jidher stabbilit, fil-kawża prinċipali, li l-partijiet tal-akkomodazzjoni mibnija — jiġifieri l-kamra tal-banju u t-toilets — kienu ntużaw wkoll, flimkien, għall-bżonnijiet tal-impriża (35). It-trasformazzjonijiet — inkwistjoni fil-kawża prinċipali — maħsuba sabiex jiġu installati t-twieqi u l-entratura, allura kienu jifformaw parti mill-kostruzzjoni ta’ beni użat kemm għal finijiet privati kif ukoll għall-bżonnijiet tal-impriża. F’tali każ, l-akkomodazzjoni mibnija ma għandhiex tiġi ttrattata b’mod differenti milli kieku kienet bini mibni għal użu mħallat. F’dan ir-rigward, l-għan segwit mill-installazzjoni tat-twieqi u tal-entratura, ikkunsidrat separatament, huwa mingħajr importanza peress li huwa l-użu mħallat ta’ beni kapitali flimkien li huwa deċiżiv (36).

66.      Iżda l-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha tindirizza biss it-tnaqqis għal trasformazzjonijiet imwettqa esklużivament għal finijiet ta’ użu privat. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti tiegħi, din id-domanda hija ġġustifikata meta t-twieqi u l-entratura jikkostitwixxu beni kapitali separat. Sabiex nirrispondi għad-domanda preliminari f’każ fejn il-qorti tar-rinviju tasal għal tali konklużjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni materjali tagħha, ser inkompli dan l-eżami filwaqt li nassumi li t-twieqi u l-entratura jikkostitwixxu beni kapitali separat.

67.      Il-kawża ineżami tippreżenta għalhekk partikolarità fir-rigward tal-ġurisprudenża preċedenti dwar it-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għall-beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati. Fil-fatt, it-twieqi u l-entratura ntużaw, matul iż-żmien, għal bżonnijiet differenti: skont il-fatti ppreżentati mill-qorti tar-rinviju, iż-żewġ konjugi kienu inizjalment jużaw it-twieqi u l-entratura għal finijiet esklużivament privati fil-kuntest tal-akkomodazzjoni privata tagħhom, imbagħad, sussegwentement, esklużivament għal bżonnijiet tal-impriża fil-kuntest tal-użu tal-kamra ta’ taħt il-bejt bħala uffiċċju u post ta’ taħriġ. Għandu għalhekk jiġi eżaminat sussegwentement b’mod iktar fil-fond jekk jistax ikun ikkunsidrat li kien hemm użu mħallat fis-sens tal-ġurisprudenza relatata mat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati.

i)      Is-sentenza Lennartz

68.      F’dan il-kuntest, ġustament il-Gvern Olandiż enfasizza l-bżonn li jiġi vverifikat jekk il-koppja konjugi aġixxewx bħala persuni taxxabbli, meta bbenefikaw mis-servizzi ta’ trasformazzjoni. Fil-fatt, hija biss persuna waħda, li għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli u li taġixxi bħala tali fil-mument meta hija tibbenefika minn tranżazzjoni tal-input, li għandha dritt għal tnaqqis (37). Issa, skont il-ġurisprudenza, meta persuna taxxabbli tikseb beni esklużivament għal bżonnijiet privati, hija taġixxi bħala persuna privata u mhux bħala persuna taxxabbli fis-sens tas-Sitt Direttiva (38).

69.      Jekk nikkunsidraw l-użu inizjali biss, jirriżulta li l-konjugi ma wettqux it-trasformazzjonijiet biss għal użu privat u, għalhekk, li huma ma aġixxewx bħala persuni taxxabbli u għaldaqstant ma għandhomx dritt għal tnaqqis.

70.      Jekk nikkunsidraw l-użu inizjali biss, il-ġurisprudenza relatata mat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati tkun mill-bqija inapplikabbli. Għaldaqstant ma jkun hemm l-ebda użu mħallat, u lanqas ma jkun jeżisti — flimkien mal-użu privat — użu taxxabbli ta’ beni kapitali għall-bżonnijiet tal-impriża.

71.      Sabiex jiġi deċiż jekk l-użu inizjalment purament privat, imbagħad purament kummerċjali, jistax jiġi kkunsidrat mill-bidu bħala użu parzjalment għall-bżonnijiet tal-impriża, jidher utli li jsir riferiment għall-oriġini: is-sentenza Lennartz.

72.      Huwa f’din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet is-sisien tal-ġurisprudenza stabbilita tagħha minn dakinhar fil-qasam tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa għal beni użati parzjalment għal finijiet privati. Huwa wkoll f’din is-sentenza li hija esprimiet ruħha fuq domandi ta’ użu kummerċjali li beda biss sussegwentement. Fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li l-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis jiddependi biss mill-kwalità li fiha individwu jaġixxi fil-mument li fih iwettaq it-tranżazzjonjiet tal-input (39). Individwu li jakkwista beni għal-bżonnijiet ta’ attività ekonomika jwettaq dan bħala persuna taxxabbli, anki jekk l-beni ma jkunux immedjatament użati għal dawn l-attivitajiet ekonomiċi (40).

73.      Il-punt dwar jekk it-tranżazzjonijiet tal-input ikunux imwettqa għal bżonnijiet sussegwenti tal-impriża hija kwistjoni ta’ fatt li għandha tiġi evalwata inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni kollha tal-każ ineżami, fost liema nsibu n-natura tal-beni kkonċernati u l-perijodu ta’ żmien bejn l-akkwist tal-beni u l-użu tagħhom għal finijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tal-persuni taxxabbli (41).

74.      Għalkemm din is-sentenza ngħatat fil-bidu tal-ġurisprudenza żviluppata fuq it-tnaqqis f’każ ta’ użu mħallat ta’ beni kapitali, diġà tinkludi l-kriterji prinċipali.

75.      Kif diġà ġie ntwera, ir-raġuni li għaliha ġiet żviluppata l-ġurisprudenza relatata mat-tnaqqis tat-taxxa tal-input għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati, hija n-nuqqas ta’ possibbiltà ta’ regolarizzazzjoni mill-persuni taxxabbli f’każ ta’ użu kummerċjali sussegwenti minn beni allokat lil patrimonju privat. Jekk persuna taxxabbli takkwista beni sabiex tużahom bħala l-patrimonju privat tagħha, it-tnaqqis huwa definittivament eskluż, anki jekk dan l-beni jiġi sussegwentement użat għall-bżonnijiet tal-impriża (42).

76.      F’dan il-kuntest, ma jkunx iġġustifikat li jinċaħad totalment id-dritt għal tnaqqis fir-rigward ta’ persuna taxxabbli li twettaq investimenti fejn huwa stabbilit li dawn ċertament ma jkunux użati immedjatament, iżda sussegwentement fit-totalità tagħhom għall-bżonnijiet tal-impriża. L-użu inizjali purament privat, imbgħad purament kummerċjali, jikkostitwixxi fir-realtà l-każ li jinvolvi l-ikbar żvantaġġi fiskali li persuna taxxabbli tista’ tgħaddi minnhom meta jsir bdil fl-użu ta’ beni; il-prevenzjoni ta’ dawn l-iżvantaġġi hija r-raġuni li għaliha ġiet żviluppata l-ġurisprudenza dwar it-tnaqqis ta’ taxxa tal-input imħallsa għal beni kapitali użati parżjalment għal finijiet privati.

77.      Fl-opinjoni tiegħi, dawn id-deduzzjonijiet meħuda mill-bidu tal-ġurisprudenza huma kompatibbli mas-sentenza iktar riċenti fil-qasam li hija s-sentenza Puffer.

78.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tnaqqis huwa eskluż għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati minn persuni taxxabbli li jwettqu biss tranżazzjonijiet eżentati. Madankollu, f’tali każ, fid-dawl tal-eżenzjoni tal-attività tagħha, il-persuna taxxabbli ma twettaqx, lanqas fil-futur, tranżazzjonijiet taxxabbli. Mill-bqija, fid-dawl tal-għan tal-ġurisprudenza relatata mat-tnaqqis għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati, ma hemm l-ebda raġuni li tiġi applikata fil-każ ta’ attività kompletament eżentata għaliex, skont l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, l-użu kummerċjali ta’ beni fl-ebda mument ma jagħti lok għad-dritt għal tnaqqis.

79.      Il-kawża preżenti ma tippreżentax tali sitwazzjoni. Il-kummerċ ta’ żebgħa għall-karozzi, ipprattikat mill-persuna taxxabbli, ma jikkostitwixxix attività eżentata mit-taxxa.

ii)    Il-prova tal-użu sussegwenti għall-bżonnijiet tan-impriża.

80.      Huwa ovvju li l-għoti tad-dritt ta’ allokazzjoni totali ta’ beni kapitali għal patrimonju tal-impriża minkejja użu inizjalment u esklużivament privat joħloq ċertu riskju ta’ abbuż.

81.      Dan huwa minnu speċjalment minħabba l-fatt li skont il-ġurisprudenza, l-għan inerenti ta’ tranżazzjoni tal-input jirriżulta biss mix-xewqa ta’ użu tal-persuna taxxabbli — ikkonfermata minn elementi benivi — fiż-żmien tat-tranżazzjoni tal-input u mhux mill-użu sussegwenti reali tat-tranżazzjoni tal-input. Dan huwa dak li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat espressament fil-każ tal-ewwel nefqa ta’ investiment li tkun saret minn persuna taxxabbli qabel il-bidu attwali tal-attività ekonomika tagħha (43). Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda raġuni li jiġi adottat approċċ differenti fil-każ ta’ nfiq ta’ investiment imwettaq sussegwentement fil-kuntest ta’ attività ekonomika pendenti.

82.      Madankollu, għandu jiġi nnutat li, anki skont din il-ġurisprudenza, għandu jkun hemm elementi oġġettivi li juru l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli li sussegwentement tuża għall-bżonnijiet tal-impriża beni kapitali użat inizjalment purament għal finijiet privati. Fost dawn l-għanijiet, is-sentenza Lennartz diġà kienet iċċitat in-natura tal-beni u l-perijodu sal-użu kummerċjali proġettat (44).

83.      Minn dan isegwi li jeżistu beni kapitali — bħal pereżempju sawna installata a posteriori fil-maħżen ta’ impriża bl-ingrossa ta’ żebgħa tal-karozzi — li, minħabba n-natura tagħhom, ma jistgħux normalment jintużaw fin-impriża kkonċernat ħlief għal użu privat. Barra minn hekk, il-possibbiltà li benivament tiġi pprovata l-intenzjoni ta’ użu kummerċjali sussegwenti tiddgħajjef iktar ma jtul iż-żmien sakemm isir dak l-użu.

84.      Għandu wkoll jiġi enfasizzat li s-sempliċi possibbiltà ta’ użu sussegwenti għall-bżonnijiet tal-impriża bl-ebda mod ma hija biżżejjed. Din tagħti lok għad-dritt għal tnaqqis għat-tranżazzjonijiet kollha tal-input imwettqa minn persuna taxxabbli. L-użu kummerċjali propost fil-futur għandu jkun konkret u dimostrabbli. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li użu privat inizjali fil-prinċipju jagħti lok għall-preżunzjoni ta’ intenzjoni għall-użu esklużivament privat. Il-persuna taxxabbli għandha tegħleb din il-preżunzjoni permezz ta’ elementi oġġettivi.

85.      F’dan il-każ, huwa stabbilit li t-trasformazzjonijiet inizjalment twettqu għal finijiet esklużivament privati, jiġifieri l-installazzjoni ta’ partijiet ta’ akkomodazzjoni. Imbagħad il-bini ntuża għal finijiet kummerċjali, bħala uffiċċji u kamra għat-taħriġ. Sa fejn kemm l-entratura kif ukoll it-twieqi baqgħu fl-istess stat wara l-konverżjoni tal-bini għal użu kummerċjali, it-trasformazzjonijiet kienu sussegwentement użati għall-bżonnijiet tal-impriża.

86.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma jirriżultax b’mod ċar mill-espożizzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali jekk meta saru x-xogħlijet ta’ trasformazzjoni, jiġifieri meta twettqu t-tranżazzjonijiet tal-input, dan l-użu sussegwenti għall-bżonnijiet tal-impriża kienx diġà previst u ppruvat minn elementi oġġettivi.

87.      Minn naħa, id-domanda preliminari ssemmi trasformazzjonijiet imwettqa esklużivament bil-ħsieb ta’ użu privat. Jekk wieħed jinterpretaha f’dan is-sens, li użu għall-bżonnijiet tal-impriża ma kienx previst fil-mument tax-xogħlijiet ta’ trasformazzjoni, it-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa tiġi eskluża mill-bidu. Fil-mument tat-tranżazzjonijiet tal-input, il-koppja għalhekk ma aġixxietx bħala persuna taxxabbli, peress li l-użu tas-servizzi kien marbut biss ma’ finijiet privati. Għaldaqstant ma kien ikun jeżista l-ebda dritt għal tnaqqis għat-trasformazzjonijiet.

88.      Min-naħa l-oħra, skont l-espożizzjoni tal-qorti tar-rinviju, l-użu ta’ parti mill-maħżen bħala akkomodazzjoni tal-koppja kienet prevista biss, mill-bidu, bħala temporanja. Il-konjugi seta’ għalhekk ikollhom proġetti fuq il-mod kif jintużaw it-trasformazzjonijiet, ġaladarba l-akkomodazzjoni titbattal. Barra minn hekk, is-sentenza tal-ewwel istanza, mehmuża mad-digriet tar-rinviju, tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-użu sussegwenti għall-bżonnijiet tal-impriża kien previst mill-bidu (45).

89.      Finalment, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi, bħala kwistjoni materjali, jekk l-intenzjoni tal-użu sussegwenti tat-twieqi u tal-entratura għall-bżonnijiet tan-natura eżistietx mill-bidu u jekk din l-intenzjoni kinitx stabbilita minn elementi oġġettivi.

2.      L-użu għal tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli

90.      Jekk il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-intenzjoni ta’ użu sussegwenti tat-twieqi u tal-entratura għall-bżonnijiet tal-impriża eżistiet sa minn meta twettqu t-tranżazzjonijiet tal-input jew jekk hija tqis li hija l-akkomodazzjoni sħiħa li tikkostitwixxi l-beni kapitali rilevanti, il-kumpannija taxxabbli jkollha, f’konformità mal-ġurisprudenza dwar it-tnaqqis għal beni kapitali użati parzjalment għal finijiet privati, id-dritt li talloka totalment dawn il-beni għall-impriża.

91.      Sabiex ikollha wkoll id-dritt għal tnaqqis totali tat-taxxa tal-input imħallsa, il-persuna taxxabbli kellu jkollha l-intenzjoni li tuża t-trasformazzjonijiet kompletament għal tranżazzjonijiet tal-output taxxabbli, f’konformità mal-Artikolu 17(2)(a), tas-Sitt Direttiva. Dan jiddependi f’dan il-każ mill-użu li ppjanat li tagħmel mill-beni kapitali kostruwit.

92.      Sa fejn l-intenzjoni kienet li l-beni kapitali jintuża għall-bżonnijiet tan-impriża — jiġifieri, f’dak li jirrigwarda l-akkomodazzjoni mibnija, għall-użu parzjali mill-impriża tal-kamra tal-banju u tat-toilets u, f’dak li jirrigwarda t-twieqi u l-entratura, meta l-użu tagħhom kien bħala komponenti tal-uffiċċju u ta’ post ta’ taħrig — it-tranżazzjonijiet tal-output huma taxxabbli fil-kuntest tal-attività kummerċjali tal-persuna taxxabbli, f’konformità mal-Artikolu 2(1), tas-Sitt Direttiva.

93.      Sa fejn l-intenzjoni kienet li l-beni kapitali jintuża għal finijiet privati, hemm lok għall-inċidenza tat-taxxa tat-tranżazzjonijiet tal-output f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) flimkien mal-Artikolu 2(1), tas-Sitt Direttiva.

a)      L-użu ta’ beni f’konformità mal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2), tas-Sitt Direttiva

94.      Skont l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva, l-użu ta’ beni allokat lill-impriża għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli hija taxxabbli.

95.      Għalhekk, jekk l-akkomodazzjoni mibnija jew anki t-twieqi u l-entratura jikkostitwixxu beni kapitali separat jista’ jiġi allokat kompletament għall-impriża, l-użu privat tiegħu għall-bżonnijiet tal-konjugi għandu jiġi ntaxxat separatament.

96.      Barra minn hekk, b’din l-awtonomija, huwa insinjifikanti li l-beni kapitali li miegħu huma marbuta l-akkomodazzjoni mibnija jew anki t-twieqi u l-entratura, ta lok għad-dritt għal tnaqqis totali jew parzjali tal-VAT. Huwa għalhekk meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda tal-Hoge Raad li l-fatt dwar jekk, fil-mument tal-akkwist ta’ beni kapitali, il-VAT ġietx iffatturata lill-persuna taxxabbli u jekk din tal-aħħar naqqsithiex, huwa irrelevanti għar-risposta għall-ewwel domanda preliminari.

97.      Mill-bqija, f’dan il-każ, l-użu privat tal-akkomdazzjoni mibnija jew anki tat-twieqi u tal-entratura ma huwiex lanqas eżentati mit-taxxa.

98.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha trid tiddeċiedi, fil-Kawża BLM (C-436/10), jekk l-Artikolu 13B(b) tas-Sitt Direttiva, li jeżenta mit-taxxa l-kiri ta’ proprjetà immobbli, japplikax għall-użu ta’ parti minn bini għal bżonnijiet privati, meta dan l-użu huwa fil-prinċipju taxxabbli skont l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, din il-kwistjoni fil-każ partikolari tqum fir-rigward ta’ utent ta’ parti minn bini li huwa legalment separat mill-kumpannija taxxabbli.

99.      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, il-kumpannija taxxabbli ma għandiex personalità ġuridika, u min-naħa l-oħra, id-domandi preliminari jikkunsidraw li l-persuna taxxabbli tuża l-beni kapitali għall-bżonnijiet personali tagħha u mhux għal individwu ieħor. Għal tali każ, diġà ġie deċiż li l-eżenzjoni tat-taxxa permezz tal-Artikolu 13B(b), tas-Sitt Direttiva ma japplikax għall-fatt li jagħti lok għat-taxxa skont l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva (46).

100. Għaldaqstant jirriżulta li, f’konformità mal-Artikolu 2(1), flimkien mal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva, l-użu ppjanat tal-beni kapitali għal finijiet privati huwa daqstant taxxabbli.

b)      Il-provvista ta’ servizzi mingħajr ħlas imwettqa mill-persuna taxxabbli, skont l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva

101. Għall-kuntrarju, id-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva ma jistax japplika f’dan il-każ.

102. It-tranżazzjonijiet tal-output ma jikkonsistux fl-użu ta’ servizzi ta’ trasformazzjoni mill-konjugi, kif kien parzjalment sostnut. Dawn is-servizzi kellhom jingħataw lill-kumpannija taxxabbli, sabiex ikun hemm lok ta’ dritt għal tnaqqis. Għalhekk dawn jikkostitwixxu tranżazzjonijiet tal-input.

103. It-tranżazzjonijiet tal-output huma kuntrarjament kostitwiti mill-użu ta’ beni kostruwiti mit-tranżazzjonijiet tal-input, jiġifieri tal-akkomodazzjoni mibnija jew anki tat-twieqi u tal-entratura. Peress li dan huwa użu ta’ beni allokat għan-impriża, id-dispożizzjoni tal-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva biss japplika għalih.

V –    Konklużjoni

104. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari tal-Hoge Raad kif ġej:

Persuna taxxabbli li temporanjament tuża għall-bżonnijiet privati tagħha parti minn beni kapitali allokat għan-impriża tagħha, skont l-Artikolu 17(2), tas-Sitt Direttiva, għandha d-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input fuq l-ispejjeż sostnuti sabiex isiru trasformazzjonijiet permanenti bl-għan uniku ta’ użu għal finijiet privati u li permezz tagħhom ikun inħoloq beni kapitali separat, meta l-persuna taxxabbli fil-mument tat-twettiq tat-trasformazzjonijiet ikollha l-intenzjoni, stabbilita minn elementi oġġettivi, li tuża l-beni kapitali maħluq ukoll għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli tal-impriża tagħha, anki jekk dan l-użu kellu jsir biss wara l-użu privat. Dan id-dritt għal tnaqqis jeżisti indipendentament mill-fatt dwar jekk, fil-mument tal-akkwist tal-beni kapitali li fih saru t-trasformazzjonijiet, ġietx iffatturata l-VAT fil-konfront tal-persuna taxxabbli u jekk din tal-aħħar naqqsithiex.


1 —      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 —      Għall-ewwel darba fis-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Lennartz, C-97/90, Ġabra 1991 p. I-3795 u reċentement fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C-118/11.


3 —      Ara, f’dan ir rigward, iktar dettalji fil-punti 23 et seq.


4 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.


5 —      Għas-sena 2000, għandu jiġi applikat l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva fil-verżjoni tagħha tal-Artikolu 28(f) tad-direttiva, li ġie introdott permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160), u emendat, sakemm dan huwa rilevanti fil-każ ineżami, mid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ġodda sempliċi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud — skop għal ċerti eżenzjonijiet u arranġamenti pratttiċi biex jimplementawhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274). Din il-verżjoni hija applikabbli fil-każ ineżami minħabba li x-xogħlijiet ta’ trasformazzjoni li fir-rigward tagħhom huwa diskuss id-dritt ta’ tnaqqis fil-kawża prinċipali twettqu fis-sena 2000.


6 —      Sentenza Lennartz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 35).


7 —      Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ottubru 1995, Armbrecht (C-291/92, Ġabra. 1995 p. I-2775, punt 20) ; tat-8 ta’ Marzu 2001, Bakcsi (C-415/98, Ġabra 2001 p. I-1831, punt 25) ; tat-8 ta’ Mejju 2003, Seeling (C-269/00, Ġabra 2003 p. I-4101, punt 40) ; tal-21 ta’ April 2005, HE (C-25/03, Ġabra 2005 p. I-3123, punt 46) ; tal-14 ta’ Lulju 2005, Charles u Charles-Tijmens (C-434/03, Ġabra 2005 p. I-7037, punt 23); tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, Ġabra 2006 p. I-3039, punt 34); tal-14 ta’ Settembru 2006, Wollny (C-72/05, Ġabra 2006 p. I-8297, punt 21); tat-12 ta’ Frar 2009, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (C-515/07, Ġabra 2009 p. I-839, punt 32); tat-23 ta’ April 2009, Puffer (C-460/07, Ġabra 2009 p. I-3251, punt 39), u s-sentenza Eon Aset Menidjmunt (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 53).


8 —      Sentenza Puffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 40) u l-ġurisprudenza hemm iċċitata; ara s-sentenza Lennartz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 2, punt 35).


9 —      Sentenzi Seeling (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 39), Wollny (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nr 7, punt 24) u Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 42).


10 —      Sentenza Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 41) u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.


11 —      Sentenzi Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 32) u Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 54) ; f’dan is-sens, ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler vs Finanzamt Homburg (C-230/94, Ġabra 1996 p. I-4517, punt 33).


12 —      Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1989, Kühne vs Finanzamt München III (50/88, Ġabra 1989 p. 1925, punt 29).


13 —      Sentenza Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 41) u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.


14 —      Sentenza Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punti 38 sa 40); minnha jirriżulta li ma jeżisti l-ebda dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa meta l-beni kapitali jintuża għal attività li ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ sistema tal-VAT iżda li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li qed isiru għall-“skopijiet oħra barra dawk” tal-impriża skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva.


15 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 49).


16 —      Sentenzi Charles u Charles-Tijmens (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7) u Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7) ; fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-artijiet, ara s-sentenza Seeling (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7).


17 —      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tal-10 ta’ Novembru 1992, Mohsche (C-193/91, Ġabra. 1993, p. I-2615, punt 18) u tas-6 ta’ April 1995, Armbrecht (C-291/92, Ġabra 1995, p. I-2775, punti 39 u 49).


18 —      Sentenza Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 44): f’dan il-kuntest, jeħtieġ ukoll jiġu ammessi vantaġġi finanzjarji possibbli (ta’ likwidità) li din id-dispożizzjoni tista’ tnissel għall-persuna taxxabbli meta mqabbla mal-konsumatur finali: ara, f’dan is-sens, is-sentenza Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punti 55 sa 57); ara wkoll is-sentenza Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 38).


19 —      ĠU L 10, p. 14.


20 —      Skont l-Artikolu 2 tagħha, id-Direttiva 2009/162/UE kellha tiġi trasposta sal-1 ta’ Jannar 2011.


21 —      ĠU L 347, p. 1.


22 —      Ara supra, punt 25.


23 —      Ara supra, punt 25.


24 —      Sentenza Bakcsi (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 33).


25 —      Digriet tar-rinviju, taħt 3.4.6.


26 —      Sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Don Bosco Onroerend Goed (C-461/08, Ġabra 2009 p. I-11079, punt 35), kif ukoll il-ġurisprudenza li hija ċċitata fiha; ara s-sentenza tal-25 ta’ Frar 1999, CPP (C-349/96, Ġabra 1999 p. I-973, punt 29) li tikkonċerna l-provvista ta’ servizzi.


27 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lennartz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 8) u s-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Waterschap Zeeuws Vlaanderen (C-378/02, Ġabra 2005 p. I-4685, punt 32).


28 —      Sentenza tas-6 ta’ Mejju 1992, De Jong (C-20/91, Ġabra 1992 p. I-2847, punt 17).


29 —      Sentenza HE (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 48).


30 —      Ara s-sentenzi Seeling (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punti 43 u 47), Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 24) u Puffer (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 42).


31 —      Sentenza Armbrecht (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punti 19 u 20).


32 —      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi tat-22 ta’ Diċembru 2008, Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (C-515/07, Ġabra. 2009, p. I-839, punt 67).


33 —      Konklużjonijiet fil-kawża Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 32, punt 73).


34 —      Konklużjonijiet fil-Kawża Vereniging Noordelijke Land- en Tuinbouw Organisatie (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 32, punti 59 et seq).


35 —      Ara f’dan ir-rigward is-sentenza ta’ Gerechtshof te Leeuwarden, tas-7 ta’ Settembru 2007, BK 1024/04, punt 2.5 ; kif ukoll id-deċiżjoni tal-ewwel istanza, din is-sentenza ġiet mehmuża mad-digriet tar-rinviju.


36 —      Ara supra, punti 42 u 43.


37 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lennartz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 8), u s-sentenza Waterschap Zeeuws Vlaanderen (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 27, punt 32).


38 —      Sentenza tas-6 ta’ Mejju 1992, De Jong (C-20/91, Ġabra 1992 p. I-2847, punt 17).


39 —      Sentenza Lennartz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 8) ; ara wkoll is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, Ġabra 2006 p. I-3039, punt 38).


40 —      Sentenza Lennartz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 14).


41 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lennartz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 21), Bakcsi (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7, punt 29) u Eon Aset Menidjmunt (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 58).


42 —      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tal-20 ta’ Jannar 2005, Charles u Charles-Tijmens (C-434/03, Ġabra 2005 p. I-7037, punt 75).


43 —      Sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl (C-400/98, Ġabra 2000 p. I-4321, punti 34 u 35) ; ara wkoll is-sentenza tal-21ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra 2000 p. I-1577, punt 45), mal-ġurisprudenza ċċitata.


44 —      Sentenza Lennartz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 2, punt 21).


45 —      Ara s-sentenza tal-Gerechtshof te Leeuwarden, tas-7 ta’ Settembru 2007, BK 1024/04, punt 2.3.


46 —      Sentenza Seeling (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-pagna 7).