Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO Cruz Villalón

ippreżentati fit-8 ta’ Settembru 2011 (1)

Kawża C-347/10

A. Salemink

vs

Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“Sigurtà soċjali ta’ ħaddiema migranti — Assigurazzjoni obbligatorja — Rifjut ta’ allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol — Ħaddiema impjegati fuq pjattaformi għall-estrazzjoni tal-gass li jinsabu fuq is-sikka kontinentali maġenb il-baħar territorjali ta’ Stat Membru”








Werrej


I –   Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt internazzjonali

B –   Id-dritt tal-Unjoni

C –   Id-dritt nazzjonali

II – Il-fatti

III – Id-domanda magħmula

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   Allegazzjonijiet

VI – Analiżi

A –   Il-kunsiderazzjoni preliminari

B –   Id-dritt internazzjonali bħala punt tat-tluq: is-sikka kontinentali bħala qasam tal-eżerċizzju tas-setgħat sovrani tal-Istati

C –   Il-Konsegwenzi għad-dritt tal-Unjoni

D –   Il-kompetenzi tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq is-sikka kontinentali

E –   Il-possibbiltà ta’ diversi sistemi ta’ sigurtà soċjali u l-bażi tagħhom

F –   Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala liġi nazzjonali applikabbli għas-sikka kontinentali maġenb il-kosta tiegħu — Konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

VII – Konklużjoni


1.        Il-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenzi Prodest (2) u Aldewereld (3) tista’ tippermetti li tingħata risposta għall-kawża preżenti bbażata fuq il-kriterju tar-rabta partikolari bejn ir-relazzjoni tax-xogħol u l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru. Alternattivament, id-domanda magħmula mir-Rechtbank Amsterdam tista’ xorta waħda tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-possibbiltà li tiddeċiedi fuq l-istatus tas-sikka kontinentali (4) inkwantu qasam tal-eżerċizzju tas-sovranità tal-Istati Membri, u għalhekk, fuq il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni (Artikolu 52(1) TUE).

2.        Jekk, hekk kif jiena nsostni fil-konkluzjonijiet preżenti, is-sikka kontinentali għandha tiġi kkunsidrata bħala “territorju tal-Unjoni” għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju fil-qasam tal-kompetenzi mogħtija lilha mill-Istati Membri, is-sitwazzjoni ġuridika tal-ħaddiema impjegati fl-esplojtazzjoni tar-riżorsi tagħha ma tistax tkun differenti minn dik ta’ dawk li jeżerċitaw attività professjonali fuq it-territorju statali strictu sensu, jew, biex inkun iktar preċiż, is-sistema ta’ assigurazzjoni ta’ dawn il-ħaddiema jista’ jkollha biss differenzi li jkunu kompatibbli mal-libertajiet iggarantiti mit-Trattati, fid-dawl tar-Regolament Nru 1408/71.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt internazzjonali

3.        L-Artikolu 77(1) tad-KNLUB jipprovdi:

“L-Istat kostali jeżerċita fuq is-sikka kontinentali drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni tagħha u ta’ l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha.”

4.        Fi kliem simili, l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni fuq is-Sikka Kontinentali (iktar ’il quddiem “KSK”) (5) tipprovdi:

“L-Istat kostali jeżerċita drittijiet sovrani fuq is-sikka kontinentali għall-finijiet tal-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

B –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (6):

“1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

a) persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk [t]kun [t]abita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah[a] huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

C –    Id-dritt nazzjonali

6.        Skont l-Artikolu 3(1) tal-liġi dwar l-assigurazzjoni għall-mard, (Ziektewet, iktar ’il quddiem, iz-“ZW”), “ħaddiem” ifisser persuna fiżika, li tkun għadha ma laħqitx l-età ta’ 65 sena, li tkun impjegata abbażi ta’ relazzjoni ta’ dritt privat jew ta’ dritt pubbliku. L-Artikolu 3(2) taz-ZW jipprovdi li persuna li impjieg tagħha jitwettaq barra mill-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex ikkunsidrata bħala ħaddiema impjegata, sakemm hija ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi u sakemm min iħaddimha wkoll ma jirrisjedix jew ma jkunx stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi.

l-Artikolu 7(1) tal-liġi dwar ix-xogħol u d-dħul skont il-kapaċità tax-xogħol (wet werk en inkomen naar arbeidsvermogen, iktar ’il quddiem il-“WIA”) teżiġi l-assigurazzjoni obbligatorja tal-ħaddiem impjegat. L-Artikolu 8 tal-WIA, min-naħa tiegħu, jikkunsidra li, fis-sens tal-liġi preżenti, persuna impjegata hija “ħaddiem fis-sens taz-ZW”.

7.        Skont l-Artikolu 18(1) u (2) tal-WIA, assigurazzjoni volontarja tista’ tiġi sottoskritta mill-persuna, li ma tkunx għadha laħqet l-età ta’ 65 sena, li ma tkunx tista’ tiġi kkunsidrata bħala persuna impjegata fis-sens taz-ZW, li l-assigurazzjoni obbligatorja tagħha tkun spiċċat, li tirrisjedi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u li tkun marbuta b’kuntratt tax-xogħol ta’ żmien massimu ta’ ħames snin ma’ persuna li timpjega li tirrisjedi jew li hija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi.

8.        Il-liġi dwar ix-xogħol ta’ tħaffir fil-baħar tan-Tramuntana (Wet arbeid mijnbouw Noordzee, iktar ’il quddiem il-“WAMN”) ma tipprovdix għal assigurazzjoni obbligatorja għall-ħaddiema impjegati fil-parti Olandiża tas-sikka kontinentali. L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprovdi li d-dritt Olandiż fil-qasam tal-kuntratti tax-xogħol japplika għall-kuntratt tax-xogħol ta’ persuna impjegata. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt internazzjonali privat, ix-xogħol imwettaq minn impjegat huwa kkunsidrat li twettaq fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-WAMN ma fihiex dispożizzjoni komparabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali.

9.        Skont l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar is-sigurtà soċjali konkluża bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u Spanja fil-5 ta’ Frar 1974, il-ħaddiema li jaħdmu fuq it-territorju ta’ wieħed mill-partijiet kontraenti huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ din il-parti, anki jekk huma jirrisjedu fuq it-territorju tal-parti l-oħra jew jekk min iħaddimhom jew is-sede tal-impriża li tħaddimhom ikunu jinsabu fuq it-territorju tal-parti l-oħra.

II – Il-fatti

10.      A. Salemink, ċittadin Olandiż, ħadem sa mill-1996 bħala infermier ma’ impriża Olandiża fuq pjattaforma għall-estrazzjoni tal-gass li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb il-baħar territorjali tal-Pajjiżi l-Baxxi.

11.      Fl-10 ta’ Settembru 2004, A. Salmenik, li sa dak iż-żmien kien residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, ittrasferixxa r-residenza tiegħu fi Spanja.

12.      Sakemm kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi, A. Salmenik kien kopert bl-assigurazzjoni obbligatorja skont il-liġi Olandiża applikabbli għall-persuni impjegati (Artikolu 3 taz-ZW).

13.      Fuq talba tiegħu u dan mill-4 ta’ Ottubru 2004, A. Salmenik kien kopert bl-assigurazzjoni volontarja skont il-liġi dwar is-sistema ġenerali tal-assigurazzjoni għall-inkapaċità għax-xogħol (Wet op de arbeidsongeschiktheidsverzekering).

14.      B’deċiżjoni tal-15 ta’ Lulju 2005, l-Institut ta’ Amministrazzjoni tal-Assigurazzjoni għall-Impjegati (Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, iktar ’il quddiem l-“UWV”) temm din il-kopertura, b’effett mill-4 ta’ Diċembru 2004, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas minn A. Salmenik tal-kontribuzzjoni korrispondenti. Din id-deċiżjoni ma ġietx ikkontestata minn A. Salmenik.

15.      Fil-15 ta’ Mejju 2006, A. Salmenik reġa’ talab lill-UWV biex ikun kopert mill-assigurazzjoni volontarja, liema talba ġiet irrifjutata permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Lulju 2006, minħabba n-natura tardiva tat-talba. Fil-11 ta’ Marzu 2008, l-UWV iddikjara l-ilment imressaq minn A. Salmenik kontra dan ir-rifjut inammissibbli minħabba n-natura tardiva tiegħu. A. Salmenik ma ppreżenta l-ebda appell kontra din id-dikjarazzjoni ta’ inammissibbiltà.

16.      Fl-24 ta’ Ottubru 2006, A. Salmenik iddikjara li kien marid u, abażi ta’ dan, fil-11 ta’ Settembru 2007, talab allowance taħt il-WIA. B’deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2007, l-UWV ċaħad it-talba tiegħu minħabba li, wara d-data ta’ trasferiment tar-residenza tiegħu fi Spanja, A. Salmenik kien ġie eskluż mill-assigurazzjoni obbligatorja.

17.      B’deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2008, l-UWV iddikjara l-ilment imressaq minn A. Salmenik kontra d-deċiżjoni tal-11 ta’ Ottubru 2007 infondat. Għalhekk, A. Salmenik għamel azzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni.

18.      Quddiem il-qorti tar-rinviju, A. Salmenik isostni li għandu d-dritt li jirċievi allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol abbażi tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fehma tiegħu, l-UWV għandu jikkunsidra l-parti Olandiża tas-sikka kontinentali bħala parti mit-territorju Olandiż, filwaqt li, f’dan ir-rigward, jirreferi għas-sentenza Aldewereld, iċċitata iktar ’il fuq, u l-politika mħaddna mis-Sociale Verzekeringsbank (bank ta’ assigurazzjonijiet soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”), li jikkunsidra li mill-1 ta’ Jannar 2006, il-persuni impjegati li jeżerċitaw attività professjonali fil-parti Olandiża tas-sikka kontinentali huma koperti mis-sigurtà soċjali Olandiża (l-hekk imsejħa politika “estiża”).

19.      Min-naħa tiegħu, quddiem il-qorti tar-rinviju, l-UWV isostni li A. Salmenik ma kienx assigurat skont il-WIA fl-ewwel ġurnata ta’ applikazzjoni tagħha (fl-24 ta’ Ottubru 2008, sentejn wara li ddikjara l-mard).

20.      Fil-fehma tiegħu, barra minn hekk, is-sentenza Aldewereld ma hijiex applikabbli għall-kawża inkwistjoni, peress li ma jeżistix kunflitt pożittiv bejn diversi Stati li jikkunsidraw ruħhom kompetenti, iżda, għall-kuntrarju ta’ dan, kunflitt negattiv. Is-sentenza Weber (7), li kienet titratta kwistjoni ta’ kompetenza u mhux, bħal fil-każ preżenti, determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, lanqas ma hija applikabbli.

III – Id-domanda magħmula

21.      Abbażi ta’ dak li ntqal preċedentement, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tagħmel id-domanda segwenti:

“Ir-regoli tad-dritt Komunitarju Ewropew li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, u b’mod partikolari r-regoli msemmija fit-Titoli I u II tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll l-Artikoli 39 KE u 299 KE (li saru rispettivament l-Artikoli 45 TFUE u 52 UE, moqrija flimkien mal-Artikolu 355 TFUE), jipprekludu li persuna impjegata li teżerċita l-attivitajiet professjonali tagħha barra mit-territorju Olandiż f’impjant fiss li jinsab fuq il-blata [sikka] kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi, għal persuna li timpjega stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma tkunx assigurata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni soċjali, għar-raġuni biss li din il-persuna ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, Spanja), anki jekk għandha nazzjonalità Olandiża u anki jekk għandha l-possibbiltà li tassigura ruħha volontarjament b’kundizzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk tal-assigurazzjoni mandatorja?”

22.      Il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz ta’ noti tal-11 ta’ Lulju u tat-30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni Ewropea bagħtitilha numru ta’ kunsiderazzjonijiet fil-kuntest tal-proċeduri miftuħa kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt l-Artikolu 13(2)(a) u 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll l-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE (8).

a) Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71, il-Kummissjoni rrilevat li, fid-dawl tas-silenzju tar-regolament fuq dan il-punt, l-attivitajiet imwettqa fuq il-parti tas-sikka kontinentali li tappartjeni lil Stat Membru għandhom jitqiesu li saru fuq it-territorju tal-imsemmi Stat Membru, peress li dan jirriżulta mill-prinċipji tad-dritt internazzjonali pubbliku dwar is-sistema ġuridika tas-sikka kontinentali. Għalhekk, għall-finijiet tal-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali, is-sikka kontinentali tappartjeni lit-territorju Olandiż u d-dritt Olandiż fil-qasam tas-sigurtà soċjali japplika hemmhekk. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografiku tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea jista’ jestendi lil hinn mit-territorju ta’ Stat Membru, sa fejn Stat Membru jeżerċita d-drittijiet ta’ sovranità tiegħu, hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Lulju 1976, Kramer et (3/76, 4/76 u 6/76, Ġabra p. 1279).

b) Fir-rigward tar-Regolament Nru 1408/71, abbażi tas-sentenza Aldewereld, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan kien applikabbli għall-kawża, anki fil-każ fejn is-sikka kontinentali ma tagħmilx parti mit-territorju Olandiż.

c) Finalment il-Kummissjoni tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza, ir-regoli tad-dritt Komunitarju li jipprekludu d-diskriminazzjoni jistgħu japplikaw anki għal attivitajiet professjonali eżerċitati barra mit-territorju tal-Komunità, peress li r-relazzjoni tax-xogħol għandha rabta mill-qrib biżżejjed mal-imsemmi territorju (sentenzi Prodest u Aldewereld, iċċitati iktar ’il fuq, kif ukoll Lopes da Veiga (9)). Fil-kawża inkwistjoni, skont is-sentenza Weber, teżisti rabta mill-qrib mal-ordinament ġuridiku Olandiża. Skont il-Kummissjoni, is-sistema speċifika applikabbli għal pjattaformi ta’ estrazzjoni, twassal fil-prattika għal diskriminazzjoni indiretta kuntrarja għall-Artikolu 39(2) KE u għall-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li, din is-sistema tapplika biss, kważi fil-każijiet kollha, għall-ħaddiema migranti u mhux għall-ħaddiema Olandiżi li jaħdmu fuq l-istess pjattaformi ta’ estrazzjoni u li jirrisjedu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-konfront ta’ dawn tal-aħħar tapplika l-leġiżlazzjoni Olandiża ġenerali fil-qasam tas-sigurtà soċjali, u dan ifisser li huma jistgħu jirċievu l-benefiċċji Olandiżi kollha tas-sigurtà soċjali. Peress li l-ħaddiema kollha li jeżerċitaw attività fuq pjattaformi ta’ estrazzjoni għandhom jiġu kkunsidrati bħal ħaddiema li jeżerċitaw attività fuq it-territorju Olandiż, l-impożizzjoni ta’ kundizzjoni ta’ residenza għall-aċċess għal protezzjoni ta’ sigurtà soċjali estiża tikkostitwixxi forma ta’ diskriminazzjoni moħbija minħabba ċittadinanza.

23.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Artikolu 3(a) taz-ZW jagħti dritt ta’ kopertura soċjali biss sa fejn l-imsemmi dritt jirriżulta mid-dritt internazzjonali. Hija tistaqsi għalhekk sa liema punt id-dritt internazzjonali (b’mod partikolari d-dritt tal-Unjoni Ewropea) jagħti bażi lil dan id-dritt.

24.      Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li s-sentenza Weber tista’ tiġi interpretata fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex limitat għat-territorju tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, iżda jestendi ruħu wkoll għas-sikka kontinentali. Madankollu, ir-Rechtbank tistaqsi jekk din l-interpretazzjoni hijiex korretta.

25.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tammetti li l-leġiżlazzjoni nazzjonali eżaminata tista’ tkun inkompatibbli mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, peress li A. Salemink tilef vantaġġ li kien jibbenefika minnu meta kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu hija tistaqsi jekk din l-inkompatibbiltà tistax titnaqqas mill-fatt li A. Salemink seta’ ssottoskriva għal assigurazzjoni volontarja.

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2010.

27.      A. Salemink, l-UWV, il-Kummissjoni u l-Gvern Spanjol, Grieg u Olandiż ippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

28.      Waqt is-seduta, li nżammet fl-14 ta’ Ġunju 2011, dehru r-rappreżentanti ta’ A. Salemink, tal-UWV, tal-Gvern Spanjol, Grieg u Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, u ppreżentaw oralment l-osservazzjonijiet tagħhom.

V –    Allegazzjonijiet

29.      A. Salemink jinsisti fuq l-applikabbilità tad-dritt Olandiż, filwaqt li jirrileva wkoll li s-sitwazzjoni tiegħu hija komparabbli ma’ dik ta’ dawk li jbaħħru fuq vapur Olandiż u li jaqgħu, b’mod obbligatorju, taħt is-sistema ta’ sigurtà soċjali Olandiża.

30.      L-UWV, il-Gvern Spanjol, Grieg u Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni, għamlu riferiment għall-kwistjoni tas-sistema applikabbli għas-sikka kontinentali, b’mod partikolari għall-kwistjoni dwar jekk l-attività mwettqa fuq l-imsemmija sikka għandhiex tiġi kkunsidrata mwettqa fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

31.      F’dan ir-rigward, l-UWV u l-Gvern Olandiż jiċħdu din il-possibbiltà, billi jqajmu, minn naħa, in-natura limitata tad-drittijiet ta’ sovranità eżerċitati mill-Istati fuq is-sikka kontinentali u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-applikazzjoni territorjali tar-Regolament Nru 1408/71 hija limitata għat-territorju tal-Istati Membri. Barra minn hekk, iż-żewġ partijiet jaqblu li l-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenzi Weber u Aldewereld ma tapplikax għall-każ preżenti. Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Olandiż isostni li, anki jekk jiġi kkunsidrat li A. Salemink eżerċita xogħlu fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, sa fejn ir-Regolament Nru 1408/71 jirregola biss kunflitti ta’ liġijiet, dan ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jadottaw sistemi ta’ protezzjoni soċjali differenti għal-sitwazzjonijiet distinti, filwaqt li l-applikazzjoni fuq is-sikka kontinentali tal-istess sistema bħal dik fuq it-territorju Olandiż proprju ma hijiex obbligatorja.

32.      Barra minn hekk, il-Gvern Olandiż jikkontesta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tinvolvi diskriminazzjoni, diretta jew indiretta, minħabba ċittadinanza jew tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema, l-ewwel nett għaliex in-nazzjonalità ma hijiex kundizzjoni għall-aċċess għall-assigurazzjoni obbligatorja u li min ma jistax jibbenefika minnha għandu l-possibbiltà li jissottoskrivi għal assigurazzjoni volontarja jew, jekk ma jixtieqx li jagħmel dan, li jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-WAWN u, it-tieni nett, għaliex id-dritt tal-Unjoni ma jimponix l-obbligu li jiġi rikonoxxut id-dritt għall-assigurazzjoni obbligatorja fil-konfront ta’ dawk li la jirrisjedu u lanqas jaħdmu fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, jekk teżisti differenza fit-trattament, din hija fi kwalunkwe każ iġġustifikata mill-karatteristiċi tax-xogħol fuq il-pjattaformi għall-estrazzjoni tal-gass, li xi kultant jiġu mċaqilqa lejn partijiet tas-sikka kontinentali li ma humiex maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi. Finalment, il-Gvern Olandiż jeskludi li wieħed jista’ jitkellem fuq ostakolu għal-moviment liberu (li, jekk dan jeżisti, huwa fi kawlunkwe każ iġġustifikat), għaliex A. Salemink ġie żvantaġġat mill-aġir tiegħu stess, għaliex seta’ jissottoskrivi għal assigurazzjoni volontarja.

33.      Min-naħa tagħhom, il-Kummissjoni u l-Gvern Spanjol u Grieg isostnu li d-dritt tal-Unjoni japplika bis-sħiħ għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem li, bħal A. Salemink, jaħdem fuq is-sikka kontinentali maġenb Stat Membru.

34.      Fil-każ fejn is-sikka kontinentali ma tkunx tifforma parti mit-territorju Olandiż għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita fis-sentenza Aldewereld, teżisti rabta ta’ konnessjoni mil-qrib biżżejjed mal-ordinament ġuridiku Olandiża.

35.      Il-Gvern Grieg jaqbel mal-analiżi li, fil-limiti tal-eżerċizzju mill-Istat kostali tad-drittijiet tiegħu fuq is-sikka kontinentali, din tal-aħħar għandha tiġi assimilata, għall-finijiet tal-liġi applikabbli, mat-territorju proprju tal-imsemmi Stat.

36.      Il-Gvern Spanjol jirrileva, min-naħa tiegħu, li jekk id-drittijiet esklużivi ta’ esplojtazzjoni fuq is-sikka kontinentali jappartjenu lill-Istat kostali, dan għandu jkun kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relattivi għall-attività li tista’ ssir f’dan l-ispazju, inkluż ukoll dawk li jirrigwardaw il-kopertura tas-sigurtà soċjali.

37.      Kemm il-Kummissjoni kif ukoll il-Gvern Spanjol u Grieg jaqblu li jikkonstataw li l-leġiżlazzjoni nazzjonali hija diskriminatorja u tostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tfakkar r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq għal din l-istess raġuni kontra l-Istat Olandiż, filwaqt li tenfasizza li l-possibbiltà li wieħed jissottoskrivi għal assigurazzjoni volontarja ma tbiddel bl-ebda mod is-sitwazzjoni. Il-Gvern Grieg jargumenta bl-istess mod, filwaqt li l-Gvern Spanjol jirrileva finalment li, fl-agħar każ, rabta mat-territorju tal-Unjoni hija biżżejjed biex japplika r-Regolament Nru 1408/71, peress li, fil-fehma tiegħu, il-fatt li min iħaddem lil A. Salemink jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi huwa biżżejjed.

VI – Analiżi

A –    Il-kunsiderazzjoni preliminari

38.      Fil-fehma tiegħi, il-kawża preżenti tista’ tkun is-suġġett ta’ żewġ approċċi ta’ portata ferm differenti. Minn naħa, huwa possibbli li jiġi adottat approċċ li jista’ jiġi kklassifikat bħala “kontinwist” li fih, apparti l-kwistjoni relattiva għar-rabta tas-sikka kontinentali mat-“territorju” tal-Istati Membri u għalhekk mal-Unjoni, jiena nikkonċentra esklużivament fuq il-fatt li l-attività mwettqa minn A. Salemink tagħti lok għal relazzjoni kwalifikata mal-ordinament ġuridiku tal-Pajjiżi l-Baxxi.

39.      Min din il-perspettiva, il-ġurisprudenza inekwivoka stabbilita fil-kawżi Prodest u Aldewereld toffri raġunijiet suffiċjenti biex tingħata risposta lill-qorti tar-rinviju fis-sens li, fil-preżenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ impriża stabbilita fi Stat Membru, il-fatt li x-xogħol jitwettaq fil-prattika barra mit-territorju tal-imsemmi Stat Membru ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1408/71. Fil-fatt, skont l-imsemmija ġurisprudenza kkonfermata fil-kawża Habelt et (10), l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib biżżejjed bejn ir-relazzjoni tax-xogħol u l-ordinament ġuridiku ta’ Stat Membru hija biżżejjed biex id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tad-dritt industrijali jkunu applikabbli.

40.      Għalhekk, fil-kawża preżenti, għandu jiġi ddeterminat jekk, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn A. Salemink u min iħaddmu tagħtix lok, hekk kif jidher b’mod ċar li huwa l-każ, għal tali grad ta’ rabta mal-Pajjiżi l-Baxxi li minnha tirriżulta li l-ħtieġa li A. Salemink jirrisjedi huwa wkoll fil-Pajjiżi l-Baxxi biex ikollu aċċess għall-assigurazzjoni obbligatorja tikkostitwixxi, fil-fatt, limitazzjoni għal-libertà ta’ moviment tiegħu bħala ħaddiem.

41.      Alternattivament, hekk kif urew il-pożizzjonijiet adottati mill-partijiet fil-proċeduri preżenti, approċċ ieħor jista’ jikkonsisti fil-kunsiderazzjoni tal-problema iktar direttament mill-perspettiva tal-“kundizzjoni territorjali” tas-sikka kontinentali. Dan l-approċċ jista’ jiġi meqjus iktar innovattiv, anki jekk, hekk kif sejrin naraw, fl-apparenza biss, peress li, sa ċertu punt, huwa jinvolvi b’hekk l-arranġament sistematiku u l-ġeneralizzazzjoni tas-soluzzjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt l-eżami tad-diversi kwistjonijiet relattivi għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni.

42.      Jiena nikkunsidra li l-ġurisprudenza li għadni kif irreferejt għaliha ma teħtieġx kunsiderazzjoni partikolari min-naħa tiegħi. Madankollu, il-kawża preżenti tista’ tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkunsidra din l-okkażjoni bħala possibbiltà biex tavvanza fl-iżvilupp ta’ kwistjoni daqshekk sensittiva bħal dik tad-definizzjoni tal-qasam “territorjali” tal-eżerċizzju tal-kompetenzi. Il-kunsiderazzjonijiet li sejjer nesponi iktar ’l isfel għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati magħmula għal dan il-għan.

B –    Id-dritt internazzjonali bħala punt tat-tluq: is-sikka kontinentali bħala qasam tal-eżerċizzju tas-setgħat sovrani tal-Istati

43.      Id-dritt tal-Unjoni japplika għall-Istati Membri (Artikolu 52(1) TUE) li t-territorju tagħhom jikkostitwixxi għalhekk il-“kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati” (11). Għaldaqstant ma teżistix definizjoni proprja jew awtonoma tat-“territorju tal-Unjoni” (12), filwaqt li dan it-territorju jirriżulta mit-territorji kollha tal-Istati Membri, li d-delimitazzjoni tagħhom bħala spazju fiżiku taħt sovranità statali tista’ tiġi vverifikata fil-kuntest tad-dritt internazzjonali permezz tat-trattati li jisabbilixxu l-fruntieri (13).

44.      Fir-rigward tal-ispazju fiżiku li jinsab taħt is-sovranità ta’ Stat, il-kunċett ta’ territorju jinkludi kemm l-ispazju territorjali proprju kif ukoll l-ispazju tal-ajru u l-ispazji marittimi. Fi kwalunkwe każ huwa jirrigwarda oqsma ta’ eżerċizzju tas-sovranità eskużiva ta’ kull Stat rikonoxxuti mid-dritt internazzjonali, anki jekk il-qasam li fih l-Istati jistgħu jeżerċitaw is-setgħat sovrani tagħhom ma huwiex limitat għal dawn biss, peress li d-dritt internazzjonali jirrikonoxxi wkoll l-eżistenza ta’ kompetenzi statali fuq bażi extraterritorjali (14).

45.      Hekk kif il-qasam tal-eżerċizzju tas-sovranità tal-Istati ma jikkoinċidix la eżattament u lanqas neċessarjament mal-estenzjoni tat-territorju tagħhom, hekk ukoll il-kompetenzi statali li jirrużultaw mis-sovranità mhux dejjem ikollhom il-karatteristiċi tal-esklużività u tat-totalità, li huma karatteristiċi tas-setgħa sovrana. Għall-kuntrarju, preċiżament minħabba s-sottomissjoni progressiva tal-komunità internazzjonali għall-intervenzjoni legali, l-eżerċizzju tas-sovranità huwa suġġett għal diversi livelli ta’ intensità, filwaqt li s-sovranità hija ferm inqas evidenti meta r-rabta bejn il-qasam tal-eżerċizzju tagħha u l-bażi territorjali tal-Istat tkun dgħajfa.

46.      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-baħar bħala qasam tal-eżerċizzju tas-sovranità, id-dritt internazzjonali ma jirrikonoxxix lill-Istati s-setgħat kollha ammessi fl-ispazju territorjali proprju, u lanqas fuq “il-baħar territorjali” (15) proprju, li fih “[i]s-sovranità […] hija eżerċitata bla ħsara għan din il-Konvenzjoni u għar-regoli l-oħrajn tal-liġi internazzjonali”, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 2(3) tal-KNULB, u fejn, b’mod partikolari, għandu jiġi rispettat id-dritt ta’ passaġġ innoċenti tal-vapuri tal-Istati kollha (Artikolu 17 tal-KNULB), li jimplika limitazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni tal-Istat kostali, hekk kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Novembru 1992 (16).

47.      Jekk is-sovranità tal-Istat fuq il-baħar territorjali hija diġà suġġetta għall-limitazzjoni indikata, is-setgħa imperium, karatteristika tal-Istat Sovran, titnaqqas progressivament iktar ma wieħed jitbiegħed, biex ninftiehem tajjeb, mill-“massa tal-art” u tiġi ridotta, hekk kif sejrin naraw fid-dettall iktar ’il quddiem, għal numru limitat ta’ “drittijiet sovrani”, b’għanijiet speċifiċi, fir-rigward tas-sikka kontinentali, u tiġi dilwita għall-eżerċizzju ta’ ċerti libertajiet biss meta jintlaħqu l-ibħra internazzjonali (17), fejn kwalunkwe pretenzjoni ta’ setgħa sovrana hija sempliċement illeġittima (18).

48.      Fir-rigward, b’mod partikolari, iż-żona ekonomika esklużiva (19), l-Istat kostali għandu, minn naħa, ċertu drittijiet sovrani, provduti fl-Artikolu 56(1)(a) tal-KNLUB “għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni, tal-konservazzjoni u l-immaniġġjar tar-riżorsi naturali, seww jekk ħajjin jew mhux ħajjin, tal-baħar supra-qarib tal-qiegħ tal-baħar jew tal-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt il-wiċċ tal-qiegħ tiegħu, [kif ukoll] f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet l-oħrajn għall-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni ekonomika taż-żona, bħal ma hija l-produzzjoni ta’ l-enerġija mill-ilma, mill-kurrenti jew mill-irjieħ”. Min-naħa l-oħra, barra minn hekk, huwa rikonoxxut li għandu ġurisdizzjoni fir-rigward tal-istabbiliment u l-użu ta’ gżejjer artifiċjali, ta’ installazzjonijiet u strutturi; ir-riċerka xjentifika marittima; u l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-ambjent marittimu, madankollu dejjem “kif hemm provvediment dwar dan fid-diposizzjonijiet relevanti ta’ din il-Konvenzjoni (skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni)” (Artikolu 56 (1)(b) tal-KNLUB). Fl-aħħar nett, ma dan jiżdied ukoll id-“id-drittijiet u d-doveri l-oħrajn li hemm provvediment dwarhom f'din il-Konvenzjoni” (Artikolu 56 (1)(ċ) tal-KNLUB).

49.      Finalment, fir-rigward tas-sikka kontinentali, li huwa l-ispazju li hawnhekk jinteressana b’mod partikolari (20), l-Istat kostali jeżerċita drittijiet sovrani biss “għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni tagħha u ta’ l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha” (21) (Artikolu 77(1) tal-KNULB). Dawn id-drittijiet sovrani huma meqjusa mill-KNLUB bħala “esklussivi” (22) “[indipendentament] mill-okkupazzjoni, effettiva jew mistħajjla, jew fuq [minn] xi proklama espressa” (Artikolu 77 (2) u (3) tal-KNLUB) (23) u fl-ebda każ ma jaffettwaw l-istatus ġuridiku tal-ilmijiet ta’ fuqhom jew l-ispazju tal-ajru misjub fuq dawn l-ilmijiet (Artikolu 78(1) tal-KNLUB) u lanqas ma jistgħu jaffettwaw in-navigazzjoni jew drittijiet u libertajiet rikonoxxuti ta’ Stati oħra (Artikolu 78(2) tal-KNLUB), b’mod partikolari dak li jitqiegħdu fili u pajpijiet sottomarini (Artikolu 79 tal-KNULB).

50.      Għalhekk, dawn huma d-drittijiet sovrani li l-liġi internazzjonali tal-baħar tirrikonoxxi lill-Istati Membri kostali skont il-KNLUB, li torbot bl-istess mod il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Unjoni.

51.      Dawn id-drittijiet, inkwantu jintitolaw l-eżerċizzju leġittimu tas-setgħa pubblika, jiżdiedu mas-setgħat imperium kollha li jikklassifikaw lill-Istati Membri bħala suġġetti tad-dritt internazzjonali u, fir-rigward ta’ dak li huwa rilevanti hawnhekk, bħala suġġetti kostituttivi tal-Unjoni Ewropea.

52.      Mas-sovranità bħala kwalità għall-eżerċizzju tas-setgħa pubblika b’mod esklużiv u b’ġurisdizzjoni sħiħa, jingħaqdu b’hekk, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali u fil-kuntest tal-ordinament ġuridiku tiegħu, “drittijiet sovrani”, jiġifieri intitolamenti għall-eżerċizzju tas-setgħa pubblika, ta’ natura kundizzjonata u limitata, f’oqsma li huma esklużi, bħala regola, mis-sovranità tal-Istati. Għalkemm is-sovranità hija l-espressjoni ta’ setgħa pubblika intrinsika, rikonoxxuta u limitata mid-dritt internazzjonali, id-drittijiet sovrani għandhom l-oriġini tagħhom fil-volontà tal-komunità internazzjonali, li fiha huma għandhom il-bażi, il-kontenut u l-limitu tagħhom.

53.      Madankollu, fiż-żewġ każijiet, kemm fil-każ tas-sovranità proprja jew ta’ drittijiet sovrani, il-fatt li dawn jinżammu mill-Istat, jagħti lok għal kompetenza għall-eżerċizzju ta’ setgħa pubblika, jiġifieri l-kontroll ġuridiku ta’ oqsma tar-realtà li fuqhom testendi ruħha s-setgħa inkontestabbli tas-sovran b’mod effettiv.

C –    Il-Konsegwenzi għad-dritt tal-Unjoni

54.      Hekk kif jipprovdi l-Artikolu 1 TUE, l-Unjoni Ewropea hija r-riżultat tal-volontà tal-Istati, li ħolquha biex jiksbu l-għanijiet komuni tagħhom permezz tal-attribuzzjoni ta’ ċertu kompetenzi. Il-kwistjoni dwar jekk tali kompetenzi jappartjenux lill-Istati Membri bis-saħħa tas-sovranità tagħhom jew jekk jirriżultawx mill-attribuzzjoni ta’ dritt sovran mid-dritt internazzjonali ma hijiex rilevanti għall-finijiet tad-delimitazzjoni tal-kompetenzi tal-Unjoni, li teżerċita eżattament il-kompetenzi li ġew attribwiti lilha (Artikolu 5 TUE), skont it-termini li bihom l-attribuzzjoni hija deċiża fit-Trattati, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut u tal-portata li biha l-Istati innifishom setgħu jeżerċitawhom qabel ma ssieħbu mal-Unjoni.

55.      Għalhekk, il-kriterju determinanti għad-definizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jingħata mill-portata tal-kompetenzi legittimament eżerċitati mill-Istati Membri fil-kuntest tad-dritt internazzjonali. Id-dritt tal-Unjoni japplika fejn ikun hemm l-eżerċizzju tas-setgħa pubblika tal-Istati Membri fl-oqsma ta’ kompetenzi attribwiti lill-Unjoni, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dan l-ordinament ġuridiku u indipendentament mill-awtorizzazzjoni ta’ attribuzzjoni originali tal-kompetenza statali trasferita lill-Unjoni Ewropea, jiġifieri kemm jekk tkun is-sovranità tal-Istat stess (irrikonoxxuta u ggarantita mid-dritt internazzjonali) jew l-attribuzzjoni mill-komunità internazzjonali ta’ dritt sovran.

56.      Għalhekk, sabiex tiġi mwieġba d-domanda magħmula fil-kawża preżenti, għandha ssir referenza għal numru konkret ta’ kompetenzi effettivament attribwiti lill-Unjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali kkonċernat, filwaqt li, għal dan il-għan, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija kompetenzi humiex eżerċitati fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi strico sensu jew fi spazju ġeografiku distint u taħt il-forma ta’ drittijiet sovrani mhijiex rilevanti. Fi kliem ieħor, għall-finijiet tal-Unjoni, it-“territorju” tal-Istati Membri huwa l-qasam (mhux neċessarjament territorjali, fis-sens ta’ spazju jew fis-sens ġeografiku) li fih jiġu eżerċitati l-kompetenzi tagħha (24).

57.      Fuq dan il-punt, u b’mod koerenti, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità tiddeċiedi, fil-passat, fuq il-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni billi utilizzat ġustament il-kriterju li għadu kif issemma. B’hekk, hija ddikjarat li d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (25) kellha tiġi kkunsidrata li kienet applikabbli lil hinn mill-ibħra territorjali tal-Istati Membri sa fejn, peress li dawn jeżerċitaw drittijiet sovrani fuq ċerti spazji, l-Istati Membri huma wkoll responsabbli għall-konservazzjoni tal-biodiversità tagħhom (26).

D –    Il-kompetenzi tal-Pajjiżi l-Baxxi fuq is-sikka kontinentali

58.      Fil-kawża preżenti, li fiha ma huwiex ikkontestat li l-pjattaforma għall-estrazzjoni tal-gass li fuqha ħadem A. Salemink tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb il-kosta tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa paċifiku wkoll li dan l-Istat Membru jeżerċita drittijiet sovrani fuq dan l-ispazju “għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni tagħha [tiegħu] u ta’ l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha [tiegħu]” (Artikolu 77(1) KNULB).

59.      Hekk kif jenfasizza l-UWV fil-punt 13 tal-osservazzjonijiet tiegħu, huwa ċert li d-dritt internazzjonali jattribwixxi biss lill-Istati kostali ġurisdizzjoni jew sovranità “funzjonali” fuq is-sikka kontinentali, mingħajr ma jagħmilha parti integrali tat-territorju tal-imsemmi Stat. Madankollu l-osservazzjoni hija irrilevanti, għaliex dak li jimporta huwa, minn naħa, il-portata tal-kompetenza attribwita lill-Istat kostali u, min-naħa l-oħra, sa fejn l-eżerċizzju tal-imsemmija kompetenza ġie trasferit lill-Unjoni Ewropea.

60.      Is-setgħa ta’ esplojtazzjoni tar-riżorsi tas-sikka kontinentali tagħti l-kompetenza esklużiva biex jiġu eżerċitati attivitajiet ta’ esplojtazzjoni tar-rikkezzi ta’ dan l-ispazju permezz ta’ ħaddiema li għandu neċessarjament ikun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat kostali fil-qasam tad-dritt industrijali.

61.      F’din id-dimensjoni konkreta, jiġifieri għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu fil-qasam tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, l-Istat kostali għandu titolu ta’ sovranità li, bħala regola, huwa ekwivalenti għal dak li jintitolah jirregola l-imsemmija relazzjonijiet fuq it-territorju tiegħu stess.

E –    Il-possibbiltà ta’ diversi sistemi ta’ sigurtà soċjali u l-bażi tagħhom

62.      Fil-punt 22 tan-nota ta’ osservazzjonijiet tiegħu, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi rrikonoxxa li huwa jikkunsidra li l-liġi dwar is-salarju u l-konċessjonijiet ta’ vaganzi minimi (Wet minimumloon en minimumvakantiebijslag), kif ukoll ċerti liġijiet fiskali applikabbli għas-sikka kontinentali sa mill-1990, il-liġi dwar il-ħin tax-xogħol (Arbeidstijdenwet) u l-liġi dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol (Arbeidsomstandighedenwet), japplikaw għal dan l-ispazju sa mill-2007. Madankollu, fil-punt 23 tan-nota tiegħu, huwa jsostni li l-KNULB ma tobbligax lill-Istati japplikaw l-istess sistema ta’ sigurtà soċjali għax-xogħol imwettaq fuq is-sikka kontinentali u għal dak imwettaq fuq it-territorju nazzjonali stricto sensu.

63.       Għalhekk, id-domanda reali hija dik dwar jekk l-Istati Membri humiex liberi li jiddeċiedu dwar il-portata tad-drittijiet sovrani tagħhom fuq is-sikka kontinentali, fis-sens li jistgħu leġittimament jeżerċitaw f’dan il-qasam is-setgħa pubblika tagħhom b’mod selettiv. Fi kliem ieħor, għandhu jiġi deċiż jekk jistgħux japplikaw għall-istess kwistjoni sistemi regolatorji differenti skont jekk is-setgħa pubblika eżerċitata tiġix mis-sovranità orġinali tal-Istat jew minn dritt sovran mogħti mid-dritt internazzjonali.

64.      Wieħed jista’ jaqbel mal-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi li l-KNULB ma teżiġix li l-Istati japplikaw ċertu sistema ta’ sigurtà soċjali għall-ħaddiema tas-sikka kontinentali. Fir-realtà, il-konvenzjoni ma timponi l-ebda obbligu fuq l-Istati fir-rigward tal-kontenut tad-dritt materjali li jirriżulta mill-eżerċizzju tad-dritt sovran konferit minnha, iżda tikkostitwixxi sempliċement titolu ta’ leġittimità għall-imsemmi eżerċizzju. Il-kundizzjonijiet fir-rigward tal-kontenut ta’ dan id-dritt għandhom għalhekk jinsabu fl-ordinament ġuridiku proprju tal-Istat kostali, kif ukoll fid-dritt tal-Unjoni meta l-imsemmi ordinament ġuridiku attribwixxa lill-Unjoni l-kompetenza regulatorja korrispondenti.

65.      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li d-distinzjoni skont l-oriġini tat-titolu ta’ leġittimità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika minn Stat Membru fl-oqsma tar-relazzjonijiet tax-xogħol, meħuda waħedha, ma tiġġustifikax differenzi ta’ kontenut fil-regolamentazzjoni ġuridika tal-imsemmija relazzjonijiet. Għalhekk, għall-finijiet tal-regolamentazzjoni tas-sistema tar-relazzjonijiet tax-xogħol, l-ispazji ġeografiċi li fuqhom l-Istati Membri jeżerċitaw leġittimament setgħat sovrani jiffurmaw parti, għall-Unjoni, fl-estenzjoni kollha tagħhom, mit-“territorju” tal-imsemmija Stati.

66.      Kwistjoni distinta tirrigwarda dik dwar jekk, fid-dawl tal-karatteristiċi tax-xogħol imwettaq fuq is-sikka kontinentali, ir-regolamentazzjoni tad-dritt industrijali applikabbli mill-Istat Membru kostali tistax ikollha modulazzjonijiet jew varjazzjonijiet meta mqabbla mas-sistema komuni applikabbli għax-xogħol imwettaq fuq it-territorju proprju tiegħu, b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dak li huwa importanti hawnhekk, fil-qasam tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema, filwaqt li madankollu, huwa dejjem mifhum li tali modulazzjonijiet ma jistgħux ikunu l-konsegwenza ta’ portata distinta tal-kompetenza statali eżerċitata, jew, jekk wieħed jippreferi, ta’ differenza ta’ kwalità fin-natura tas-setgħa normattiva kompetenti għar-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol. Din is-setgħa għandha, dejjem u unikament, tkun dik marbuta esklużivament mas-setgħa pubblika tal-Istat.

67.      Fi kliem ieħor, id-differenza tista’ tkun dovuta, jekk ikun il-każ, għall-attività professjonali kkunsidrata waħedha, iżda mhux għall-qasam ta’ sovranità li fih l-Istat Membru kkonċernat jeżerċita l-kompetenzi tiegħu.

F –    Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala liġi nazzjonali applikabbli għas-sikka kontinentali maġenb il-kosta tiegħu — Konsegwenzi tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni

68.      Il-Gvern Olandiż għandu raġun li jikkonstata li r-Regolament Nru 1408/71 jirregola biss kunflitti ta’ liġijiet fil-qasam tas-sigurtà soċjali, mingħajr ma jimponi portata partikolari għall-protezzjoni ggarantita lill-ħaddiema, liema kwistjoni hija l-obbligu tal-Istati Membri.

69.      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(2) tar-Regolament Nru 1408/71 “għandhom l-uniku għan li jiddeterminaw liema leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika għall-persuni li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (f) tiegħu. M’għandomx bħala għan li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet ta’ l-eżistenza tad-dritt jew ta’ l-obbligu li persuna tagħmel assigurazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali jew ma’ din jew dik il-fergħa ta’ l-istess skema. Huwa l-kompitu tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ kull Stat Membru li jiddetermina dawn il-kundizzjonijiet, inkluża dik li tirrigwarda l-waqfa ta’ l-affiljazzjoni […]” (27).

70.      Fil-każ preżenti, u fir-rigward ta’ dak li għadni kif għidt, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jidentifika l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi bħala dik applikabbli għall-kawża preżenti, peress li A. Salemink eżerċita “impjieg fuq it-territorju” ta’ dan l-Istat Membru għalkemm huwa jirrisjedi fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor. It-“territorju li fih jitwettaq l-impjieg” kien is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi li, għall-finijiet tal-kawża preżenti, peress li tikkostitwixxi qasam spazjali tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika Olandiża fil-kuntest tad-dritt internazzjonali, hija, f’dan is-sens, territorju ta’ dan l-Istat Membru u, għaldaqstant, territorju tal-Unjoni, jiġifieri kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li ġew mogħtija lilha mit-Trattati.

71.      Għalkemm huwa vera, hekk kif jikkonstata l-Gvern Olandiż, li jappartjeni lill-Istati Membri li jiddeterminaw il-portata tal-protezzjoni ggarantita lill-ħaddiema, xorta waħda jibqa l-fatt li l-marġni ta’ manuvra tal-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tas-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-ħaddiema ma hijiex illimitata, u għandha l-ewwel limitu fundamentali tagħha fil-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit mill-Artikolu 45 TFUE, li fid-dawl tiegħu għandhom jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/81 (sentenza tat-30 ta’ Marzu 1993, de Wit) (28). Fi kliem ieħor, huma leġittimi u konformi mad-dritt tal-Unjoni biss id-differenzi fis-sistemi ta’ assigurazzjoni tal-ħaddiema li ma jippreġudikawx il-libertà tal-moviment tagħhom.

72.      Sabiex jiġġustifikaw id-differenza fit-trattament magħmula bejn dawk ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi meta mqabbla ma dawn li jirrisjedu f’dan l-Istat Membru, kemm il-Gvern Olandiż, kif ukoll l-UWV invokaw il-karatteristiċi partikolari tar-relazzjonijiet tax-xogħol fuq is-sikka kontinetali, b’mod partikolari n-natura dinamika tagħhom, id-diversità tal-kuntratti utilizzati, kif ukoll il-mobbilità tal-pjattaformi nnifishom, li mhux dejjem jinsabu fil-partijiet maġenb il-baħar territorjali.

73.      Ovvjament, wieħed ma jistax jeskludi li l-karatteristiċi partikolari tax-xogħol fuq is-sikka kontinentali jistgħu jiġġustifikaw sistema ta’ sigurtà soċjali speċifika, distinta minn dik applikabbli għar-relazzjonijiet tax-xogħol fuq it-territorju Olandiż proprju. Mandankollu, għandu jiġi mfakkar li, fil-kawża preżenti, il-punt determinanti għal-leġiżlatur Olandiż ma kienx it-tip ta’ xogħol ikkonċernat, iżda s-sempliċi fatt tar-residenza tal-ħaddiem.

74.      Fil-fatt, fil-każ preżenti, id-differenza fit-trattament magħmula mill-leġiżlatur Olandiż tispiċċa biex tibbaża ruħha strettament fuq il-fatt tar-residenza. Fost il-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq is-sikka kontinentali, id-distinzjoni bejn dawk li jibbenefikaw mis-sistema komuni, u għalhekk minn assigurazzjoni obbligatorja u dawk li għandhom l-alternattiva li jissottoskrivu għal assigurazzjoni volontarja jew, jekk ikun il-każ, il-vantaġġ ta’ ċerti benefiċċji addizzjonali, hija ddeterminata mill-fatt li wieħed ikollu r-residenza tiegħu jew fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat ieħor, anki jekk, fiż-żewġ każijiet, min iħaddimhom ikun jirrisjedi f’dan l-ewwel Stat Membru.

75.      F’dan l-istadju, għandu jiġi rrilevat li d-differenza inkwistjoni ma hijiex mingħajr rilevanza għall-ħaddiema kkonċernati, jekk xejn minħabba li min iħaddem huwa dejjem implikat fl-amministrazzjoni tal-assigurazzjoni obbligatorja, filwaqt li, fil-każ ta’ assigurazzjoni volontarja, huwa l-ħaddiem li jrid jissottoskrivi għaliha u li jżommha fis-seħħ. B’hekk, dan tal-aħħar jassumi responsabbiltà individwali li, xi kultant, hekk kif juri l-każ preżenti, tista’ twassal għal sitwazzjonijiet ta’ preġudizzju partikolari għall-interessi tiegħu, li ma humiex neċessarjament imputabbli lilu, u, fid-dawl tal-pożizzjoni iktar dgħajfa tiegħu fil-kuntest tar-relazzjonijiet tax-xogħol, dan il-fatt ma jistax ikun irrilevanti għall-awtoritajiet pubbliċi. Dan lanqas ma jista’ jkun il-każ mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, jekk din il-kundizzjoni inqas favorevoli hija l-konsegwenza ta’ differenza fit-trattament fil-konfront ta’ dawk biss li ma jirrisjedux fuq it-territorju proprju ta’ Stat Membru.

76.      Fil-qosor, il-leġiżlatur Olandiż, għażel kriterju ta’ distinzjoni partikolarment suspettuż mill-perspettiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema (29) anki jekk huwa ċar li għamel dan f’kuntest speċifiku. Barra minn hekk, huwa għamel dan f’kuntest normattiv li fih id-dritt nazzjonali nnifsu jikkunsidra li x-xogħol li jsir fl-industriji ta’ estrazzjoni tal-Baħar tat-Tramuntana jitwettaq fuq it-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi, peress li japplika d-dritt Olandiż fil-qasam ta’ kuntratti tax-xogħol (Artikolu 2 tal-WAMN). Fil-qosor, jeżisti kuntest li fih r-rabtiet bejn ir-relazzjoni tax-xogħol u d-dritt Olandiż huma partikolarment qawwija u għalhekk, eżiġenza addizzjonali li, bħar-residenza tal-ħaddiem, tikkostitwixxi ostakolu għall-moviment liberu tal-impjegati fuq it-territorju tal-Unjoni ma hijiex iġġustifikata.

77.      Fil-fatt, fil-fehma tiegħi, ir-rabta bejn ir-relazzjoni tax-xogħol inkwistjoni u d-dritt Olandiż ma hijiex sempliċement kwalifikata — hekk kif ikkunsidrat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ ta’ xogħolijiet imwetqqa barra mill-pajjiż minn impjegati residenti fl-Istat Membru (30) — iżda kwalifikata b’mod qawwi ħafna, minħabba l-assimilazzjoni funzjonali, fil-każ preżenti, tas-sikka kontinentali mat-territorju tal-Istat. Peress li t-territorju għandu jiġi mifhum bħala l-qasam spazjali ta’ manifestazzjoni tas-setgħa sovrana tal-Istat fejn isir l-eżerċizzju tal-kompetenzi leġittimament miżmuma minnu fil-kuntest tad-dritt internazzjonali, is-sikka kontinentali maġenb il-kosta tiegħu tikkostitwixxi t-territorju tal-Istat Membru fis-sens indikat, jiġifieri spazju li fuqu huwa għandu kompetenza esklużiva relattiva, fil-kawża preżenti, għar-relazzjonijiet tax-xogħol konklużi għall-esplojtazzjoni ekonomika tal-imsemmija sikka. Bħala “territorju” statali f’dan is-sens preċiż, is-sikka kontinentali hija wkoll “territorju” tal-Unjoni għall-finijiet tal-applikabblità tad-dritt tal-Unjoni.

78.      Jekk wieħed jitlaq minn din il-konnessjoni, jiena nikkunsidra li ma hemm ebda għażla ħlief li tiġi applikata l-ġurisprudenza stabbilita relattiva għar-Regolament Nru 1408/71. Għaldaqstant, skont il-kliem tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 1990, Kits van Heijningen (31), għandu jitfakkar li, meta jiffisaw il-kundizzjonijiet dwar l-eżistenza tad-dritt li wieħed jaffilja ruħu ma’ sistema ta’ sigurtà soċjali, l-Istati Membri ma jisgħux “jeskludu mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, il-persuni li fil-konfront tagħhom tapplika din il-leġiżlazzjoni bis-saħħa tar-Regolament Nru 1408/71” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

79.      B’hekk fl-imsemmija sentenza ġie kkonstatat li “l-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament jipprovi espliċitament li l-persuna li teżerċita impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat ‘anki jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor’. Din id-dipożizzjoni tiġi mċaħħda minn kwalunkwe effettività li kieku l-kundizzjoni ta’ residenza imposta mill-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jitwettaq l-impjieg, sabiex wieħed ikun intitolat jidħol fis-sistema ta’ assigurazzzjoni provduta minnha, tkun tista’ titqajjem kontra l-persuni msemmija fl-Artikolu 13(2)(a). Fir-rigward ta’ dawn il-persuni, l-Artikolu 13(2)(a) għandu l-effett li jissostitwixxi l-kundizzjoni ta’ residenza b’kundizzjoni bbażata fuq l-eżerċizzju tal-impjieg fuq it-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

VII – Konklużjoni

80.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domanda magħmula mir-Rechtbank Amsterdam:

“Ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, u b’mod partikolari r-regoli msemmija fit-Titoli I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, kif ukoll l-Artikoli 39 KE u 299 KE (li saru, rispettivament, l-Artikoli 45 TFUE u 52 TUE, moqrija flimkien mal-Artikolu 355 TFUE), jipprekludu li persuna impjegata, li teżerċita l-attivitajiet professjonali tagħha barra mit-territorju Olandiż propju, f’impjant fiss li jinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi, għal persuna li timpjega stabbilta fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma tkunx assigurata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni soċjali, għas-sempliċi raġuni li din il-persuna ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda fi Stat Membru ieħor, anki jekk għandha l-possibbiltà li tassigura ruħha b’mod volontarju”.


1—      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2—      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984 (237/83, Ġabra p. 3153).


3—      Sentenza tad-29 ta’ Ġunju 1994 (C-60/93, Ġabra. p. I-2991).


4—      Spazju li, skont l-Artikolu 76(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (iktar ’il quddiem il-“KNULB”), iffirmata f’Montego Bay (il-Ġamajka) fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, irratifikata mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-28 ta’ Ġunju 1996 u approvata għan-nom tal-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 4, Vol. 3, p. 260), “tinkludi l-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt dak taż-żoni ta’ taħt il-baħar li jestendu lil hinn mill-baħar territorjali […] matul prolongazzjoni naturali ta’ l-art territorjali [tal-Istat kostali] sat-tarf ta’ barra tal-marġini kontinentali, jew sa distanza ta’ 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom il-wisa’ tal-baħar territorjali huwa mkejjel meta t-tarf estern tal-marġini kontinentali ma jestendix sa dik id-distanza”.


5—      Konkluża f’Ġeneva, fid-29 ta’ April 1958 u daħlet fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 1964 (Nazzjonijiet Uniti, Ġabra ta’ Trattati, Vol. 499, p. 311)


6—      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), hekk kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308).


7—      Sentenza tas-27 ta’ Frar 2003 (C-37/00, Ġabra. p. I-2013).


8—      Kawża Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-141/10)), proċeduri pendenti (ĠU 2010, C 161, p. 119).


9—      Sentenza tas-27 ta’ Settembru 1989 (9/88, Ġabra. p. 2989).


10—      Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2007 (C-396/05, C-419/05 u C-450/05, Ġabra. p. I-11895, punt 122).


11—      Kamp ta’ applikazzjoni li, skont l-Artikolu 52(2) TUE innifsu, “huwa speċifikat fl-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea”. Din l-ispeċifikazzjoni ma hijiex rilevanti fil-kawża preżenti.


12—      K. Lenaerts u P. van Nuffel, European Union Law, Sweet & Maxwell, it-tielet edizzjoni, Londra, 2011 (12-006).


13—      Skont id-dritt internazzjonali, il-fruntiera stabbilita b’trattat “takkwista […] permanenza li t-trattat innifsu mhux neċessarjament ikollu. Trattat jista’ jieqaf li jibqa’ fis-seħħ mingħajr ma tiġi affettwata l-perpetwità tal-fruntiera” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Frar 1994, Jamahiriya Árbija Libjana vs Iċ-Ċad (Q.I.Ġ. Ġabra 1994, p. 37)). Din il-permanenza tal-funtieri lil hinn mit-trattati li jistabbilixxuhom turi l-importanza straordinarja tal-limiti territorjali bħala fattur ta’ stabbilità tal-komunità internazzjonali.


14—      B’mod ġenerali ara, J.D. González Campos, L. I. Sánchez Rodríguez u Paz de Andrés Sáenz de Santa María, Curso de Derecho Internacional Público, 4 Edizzjoni Riveduta, Thomson-Civitas, Cizur Menor, 2008.


15—      Il-firxa tal-baħar maġenb il-kosta li l-wisa’ tagħha ma teċċedix 12-il mil nawtiku, imkejla mil-linji ta’ bażi stabbiliti skont il-KNULB (Artikoli 2 u 3 tal-KNLUB).


16—      Sentenza Poulsen u Diva Navigation (C-286/90, Ġabra p. I-6019), punt 25.


17—      Libertajiet enumerati fl-Artikolu 87 tal-KNLUB u rikonoxxuti lill-“Istati kollha, seww jekk kostali u anke jekk m’għandhom aċċess dirett għall-baħar”: “a) il-libertà tan-navigazzjoni; b) il-libertà tat-titjiriet; ċ) il-liberta li jitqiegħdu fili u pajpijiet […]; d) il-libertà tal-kostruzzjoni ta’ gżejjer artifiċjali u stallazzjonijiet oħrajn permissibbli permezz tal-liġi internazzjonali […]; e) il-libertà tas-sajd […]; f) il-libertà tar-riċerka xjentifika […]”.


18—      Skont l-Artikolu 89 KNULB “[l]-ebda Stat ma jista validitament jipproponi li jissuġġetta xi parti mill-baħar internazzjonali għas-sovranità tiegħu”. Fir-rigward tal-“qiegħ tal-baħar u l-art oċeanika u l-istrata ta’ l-art taħt dik tal-wiċċ, lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali” li jikkostitwixxu ż-“Żona” iddefinita u rregolata mill-KNLUB, dan ġie dikjarat, fimkien mar-riżorsi tiegħu, wirt komuni tal-umanità (Artikolu 136 tal-KNLUB), filwaqt li hija eskluża kwalunkwe pretenzjoni jew eżerċizzju ta’ sovranità jew ta’ drittijiet sovrani mill-Istati (Artikolu 137(1) tal-KNLUB).


19—      Li “ma tistax teċċedi lil hinn minn 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom il-wisa’ tal-baħar territorjali tkun ġiet imkejla” (Artikolu 57 tal-KNULB).


20—      U li, skont l-Artikolu 76(1) tal-KNLUB, “tinkludi l-qiegħ tal-baħar u l-istrata ta’ taħt dak taż-żoni ta’ taħt il-baħar li jestendu lil hinn mill-baħar territorjali tiegħu matul prolongazzjoni naturali ta’ l-art territorjali tiegħu sat-tarf ta’ barra tal-marġini kontinentali, jew sa distanza ta’ 200 mil nawtiku mil-linji bażi li minnhom il-wisa’ tal-baħar territorjali huwa mkejjel meta t-tarf estern tal-marġini kontinentali ma jestendix sa dik id-distanza”.


21—      Mifhuma bħala tali r-“[riżorsi] minerali u r-riżorsi mhux-ħajjin l-oħrajn [l-oħra li mhumiex bioloġiċi] tal-qiegħ il-baħar u s-saff ta’ taħt dak […]” (Artikolu 77(4) tal-KNLUB).


22—      “[…] fis-sens li jekk Stat kostali ma jesplorax is-sikka kontinentali jew ma jutilizzax ir-riżorsi tagħha, ħadd ma jkun jista jidħol għal dawn l-attivitajiet mingħajr il-kunsens espliċitu ta’ l-Istat kostali” (Artikolu 77(4) tal-KNULB).


23—      Hekk kif iddikjarat il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, dawn id-drittijiet jeżistu ipso facto u ab initio bis-saħħa tas-sovranità tal-Istat u b’estenzjoni ta’ din tal-aħħar biex jesploraw qiegħ il-baħar u jisfruttaw ir-riżorsi tiegħu (sentenza tal-20 ta’ Frar 1969, Sikka kontinentali tal-Baħar tat-Tramuntana, Ġabra 1969, p .3, punt 19).


24—      Il-fatt li l-istorja tas-setgħa statali tal-epoka moderna hija essenzjalment dik tal-impożizzjoni progressiva tas-setgħa territorjali, twassal istintivament biex jiġi identifikat il-qasam li fih tiġi eżerċitata s-setgħa tal-Istat mat-territorju li fih dan tal-aħħar jeżerċita leġittimament is-sovranità tiegħu (b’mod ġenerali, A. Manuel Hespanha, “El espacio político”, f’ La gracia del Derecho, Economía de la cultura en la Edad Media, Centro de Estudios Políticos y Constitucionales, Madrid, 1993, p. 85 et seq). Ċertament, dan il-qasam huwa fundamentalment territorjali, iżda ma jillimitax ruħu għat-territorju. Fil-kuntest tad-dritt internazzjonali, is-setgħa tal-Istat tista’ tipproġetta ruħha legalment lil hinn mit-territorju tiegħu, bl-istess mod kif, b’mod invers, l-emerġenza li tirriżulta minn ċertu dritt ta’ interferenza tal-komunità internazzjonali fil-kwistjonijiet statali għal raġunijiet umanitarji twassal ukoll biex tiġi mminata l-esklużività tradizzjonali rrikonoxxuta lill-Istati fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fuq it-territorju proprju tagħhom. (Dimitris Liakopoulos, L’ingerenza umanitaria nel Diritto internazionale e comunitario, Cedam, Padua, 2007). Iż-żewġ fenomeni juru ksur fil-korrispondenza, li sa ftit żmien ilu kienet kważi perfetta, bejn, minn naħa, it-territorju bħala spazju fiżiku u, min-naħa l-oħra, il-qasam tal-eżerċizzju tas-sovranità. Fir-realtà, din il-korrispondenza kienet madankollu l-konsegwenza tal-evoluzzjoni storika tal-Istat modern u tirrigwarda għalhekk feonomenu iktar kontinġenti milli neċessarju.


      Barra minn hekk, f’termini ta’ neċessità, is-sovranità, bħala kwalità ta’ ordinament ġuridiku, għandha effettivament bżonn ta’ qasam għall-eżerċizzju tas-setgħa ġuridika miżmuma minnha, liema setgħa, meħuda bħala tali, tesprimi ruħha permezz tal-ħolqien ta’ regoli ġuridiċi li l-effettività tagħhom tiddependi mill-kapaċità ta’ impożizzjoni tal-ordnijiet tagħha minn dak li jagħtihom. Il-fatt li din il-kapaċità tirriżulta li hija effikaċi b’ mod partikolari fil-limiti ta’ territorju fiżiku ma jfissirx li hija ma tistax tippretendi (u tottjeni) effettività “extraterritorjali”. Fil-fatt, bħala espressjoni ta’ sollen, l-ordinament ġuridiku ma jsibx fis-sein, la l-bażi tal-eżistenza tiegħu, u lanqas il-limitu tal-pretenzjonijiet tiegħu, filwaqt li, għalkemm per definizzjoni, dawn tal-aħħar huma dejjem ideali, dawn huma biss is-suġġett tal-aġir li wieħed bi ħsiebu jirregola. Għaldaqstant, il-fatt li din ir-regulazzjoni hija effettiva biss fil-limiti ta’ territorju ma jfissirx li hija ġuridikament valida biss fuq l-imsemmija territorji. Xort’oħra tkun li wieħed jinsa li “it-territorjalità ma hijiex parti speċifika tal-kontenut tas-setgħa statali, iżda biss kundizzjoni u kwalità ta’ din is-setgħa” [traduzzjoni libera] (Raymond Carré de Malberg, Contribution à la théorie générale de l’État, I, Sirey, París, 1920, p. 4).


      Il-prova li dak li ntqal ma huwiex sempliċi logħob ta’ ħsibijiet astratti hija mogħtija mid-diffikultajiet li jħabbtu magħhom l-Istati biex jimplementaw, pereżempju, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-logħob, fid-dawl tal-effett tal-Internet, liema problema ġiet imqajma mill-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Konklużjonijiet tiegħu ppreżentati fl-4 ta’ Marzu 2010 fil-kawża Markus Stoss et (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, C-316/07, C-358/07, C-359/07, C-360/07, C-409/07 u C-410/07 Ġabra p. I-8069), li jirrileva fil-punt 79 li “id-diffikultajiet li Stat jista’ jiltaqa’ magħhom fil-missjoni tiegħu li tiġi mħarsa l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma humiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Ir-restrizzjoni stabbilita fil-liġi nazzjonali hija minnha nfisha kompatibbli jew inkompatibbli mat-Trattat, u l-possibbiltà li tinħoloq imġiba li tmur kontra dawn ir-regoli nazzjonali hija rrilevanti f’dan ir-rigward[…]”


25—      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.


26—      Sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-6/04, Ġabra p. I-9017, punt 117). Qabel din, skont l-istess ħsieb, is-sentenza Kramer et iċċitata iktar ’il fuq (punti 30 sa 33), kienet diġà kkonstatat li ċertu kompetenza ratione materiae tal-Komunità kienet testendi għas-sajd fl-ibħra internazzjonali “sa fejn kompetenza analoga tappartjeni lill-Istati, bis-saħħa tad-dritt internazzjonali pubbliku” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (punt 31). B’mod ġenerali, fuq id-dritt tal-Unjoni u tal-ispazji marittimi, ara M. Michael, L’applicabilité du Traité instituant la C.E.E. et du Droit dérivé au plateau continental des États membres, Librairie Générale de Droit et de Jurisprudence, Pariġi, 1984, kif ukoll M. Blanquet u N. de Grove-Valdeyron, “Zones côtières et Droit Communautaire”, Revue Juridique de l’Environnement, Edizzjoni Speċjali 2001, p. 53 sa 84. B’mod partikolari, H.D. Jarass, Naturschutz in der Ausschließlichen Wirtschaftszone, Nomos, Baden-Baden, 2002, u D. Czybulka, “Die Anwendung der Umwelthaftungsrichtlinie in der Ausschließlichen Wirtschaftszone und auf dem Festlandsockel”, Natur und Recht (2008) 30, p. 304 sa 311.


27—      Sentenza tas-7 ta’ Lulju 2005, van Pommeren-Bourgondiën (C-227/03, Ġabra p. I-6101, punt 33).


28 —            C-282, Ġabra p. I-1221, punt 16.


29—      Kundizzjoni suspettuża li għaliha diġà għamilt riferiment, f’kuntest ieħor, fil-punt 36 tal-Konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawża Stewart (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, C-503/09, Ġabra p. I-6497) u li hija rilevanti fil-każ preżenti, għalkemm A. Salemink għandu n-nazzjonalità Olandiża. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ċċitata mill-Rechtbank Amsterdam taffettwa sostanzjalment u prinċipalment il-ħaddiema barranin, sal-punt li, hekk kif indikat il-Kummissjoni, rikors abbażi tal-Artikolu 258 TFUE jinsab attwalment pendenti kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (C-141/10), liema rikors huwa intiż li jiġi kkonstatat li l-imsemmi Stat Membru naqas mill-obbligi tiegħu fil-konfront tal-Unjoni meta ċaħad ċertu benefiċċji ta’ sigurtà soċjali lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra li, bħal A. Salemink, jaħdmu fuq pjattaformi taż-żejt li jinsabu fuq is-sikka kontinentali Olandiża u li ma jirrisjedux fil-Pajjiżi l-Baxxi.


30—      Bħala eżempju, s-sentenza Habelt et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 122.


31—      C-2/89, Ġabra p. I-1755, punt 20 u 21.