Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-17 ta’ Novembru 2011 ( 1 )

Kawża C-414/10

Société Véléclair

vs

Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Réforme de l’État

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza)]

“Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva — Taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni — Dritt għal tnaqqis — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt għal tnaqqis għall-ħlas effettiv ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli”

I – Introduzzjoni

1.

Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jikkonċerna l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva ( 2 ). Prinċipalment, għandu jiġi stabbilit jekk Stat Membru jistax, fil-każ ta’ importazzjoni ta’ beni, jissuġġetta d-dritt għal tnaqqis, mogħti lill-persuna taxxabbli mis-Sitt Direttiva ( 3 ), għall-ħlas minn qabel tal-VAT fuq l-importazzjoni mill-persuna taxxabbli msemmija.

2.

Din id-domanda tqum fil-kuntest ta’ kawża li fiha kumpannija tixtieq tikseb ir-rimbors tal-VAT fuq l-importazzjoni inkwantu din tista’ titnaqqas, għalkemm hija la ħallsitha ( 4 ) u lanqas se tħallasha, minkejja li hija stess hija debitriċi ta’ din it-taxxa. Fil-fatt, il-patrimonju tal-kumpannija kien is-suġġett ta’ proċeduri ta’ insolvenza u d-dritt tal-Istat għall-ħlas tat-taxxa ntilef minħabba l-invokazzjoni tardiva tiegħu.

II – Il-kuntest ġuridiku

A – Id-dritt tal-Unjoni

3.

L-Artikolu 10 tas-Sitt Direttiva jipprovdi dan li ġej:

(a)

‘Fatt taxxabbli’ tfisser fatt li permezz tiegħu il-kondizzjonijet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti;

(b)

Ikun hemm taxxa meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi f’mument partikolari biex tiġbor it-taxxa mill-persuna suġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista’ jkun pospost.

[…]

3.   L-event li għandu jsir ħlas tiegħu isir u t-taxxa ssir dovuta malli l-merkanzija tkun impurtata. […]

Madankollu, meta l-merkanzija impurtata tkun suġġetta għal dazju mid-dwana, jew levi agrikulturali jew għal xi spejjeż li jkollhom effett simili li jkunu stabbiliti b’politika komuni, l-event li għandu jsir ħlas fuqu iseħħ u t-taxxa ssir dovuta malli jseħħ l-event li għandu jsir ħlas fuqu għal dawk id-dazji Komunitarji u dawk id-dazji isiru dovuti.

[…]”.

4.

L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva jirrigwarda t-tnissil u l-portata tad-dritt għal tnaqqis. Dan l-artikolu jipprovdi dan li ġej, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f(1), tas-Sitt Direttiva ( 5 ):

“1.   Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.

2.   Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

(a)

taxxa fuq il-valur miżjud [dovuta jew] imħalsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż;

(b)

taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata fit-territorju tal-pajjiż;

[…]

(d)

taxxa fuq il-valur miżjud dovuta skond l-Artikolu 28a(1)(a)

[…]”.

5.

L-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li tnaqqas”, jipprovdi li:

“1.   Biex teżerċita d-dritt tat-tnaqqis persuna taxxabbli trid:

(a)

għal tnaqqis skond l-Artikolu 17(2)(a), irid ikollha fattura imħejjija skond l-Artikolu 22(3);

(b)

għal tnaqqis skond l-Artikolu 17(2)(b), irid ikollha dokument li jsemmiha bħala ir-riċevitur jew importatur u jiddikjara jew jippermetti l-kalkolu ta’ l-ammont ta’ taxxa dovut;

[…]

2.   Il-persuna taxxabbli għandha teffetwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut għall-perjodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali fir-rigward ta’ li, matul l-istess perjodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u jista’ jkun eserċitat taħt id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijet u l-proċeduri fejn persuna taxxabbli tista’ tkun awtorizzata biex tagħmel it-tnaqqis li hu m’għamilx b’mod konformi mad-disposizzjonijiet ta’ paragrafi 1 u 2.

[…]”.

6.

L-Artikolu 20(1) tas-Sitt Direttiva, intitolat “Aġġustamenti tat-tnaqqis”, jistipula li:

“1.It-tnaqqis inizzjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b’mod partikolari:

(a)

fejn it-tnaqqis jkun ogħla jew inqas minn dak li għalih l-persuna taxxabbli hi ntitolata;

(b)

fejn wara li jsir il-prospett xi tibdil isir fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, b’mod partikolari fejn ix-xirjiet huma kanċellati jew roħs fil-prezz hu miksub; madanakollu, aġġustamenti m’għandhomx isiru fil-każijiet ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u distrutti, telf jew serq tal-proprjetà verament ippruvati jew ikkonfermati, lanqas fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-iskopijiet ta’ għoti ta’ regali ta’ valur żgħir u ta’ l-għoti ta’ kampjuni speċifikati fl-Artikolu 5(6). Madanakollu, Stati Membri jistgħu jeħtieġu aġġustamenti fil-każijiet ta’ transazzjonjiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u ta’ serq” .

7.

L-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Persuni li jridu jħallsu t-taxxa lill-awtoritajiet”, jipprovdi li:

“Li ġejjin iridu jħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud:

[…]

2.   ma’ l-importazzjoni: il-persuna jew persuni innominati jew aċċettati li miżmuma responsabbli mill-Istat Membru li qed tkun importata l-merkanzija għal ġo fih”.

8.

It-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Obbligazzjonijet fir-rigward ta’ l-importazzjoni”, jistipula li:

“B’mod partikolari, Stati Membri jistgħu jipprovdu li t-taxxa fuq il-valur miżjud pagabbli fuq l-importazzjoni ta’ oġġetti minn persuni taxxabbli jew persuni taxxabbli jew ċertu kategoriji ta’ dawn it-tnejn m’hemmx għalfejn jitħallsu fil-ħin ta’ l-importazzjoni, bil-kondizzjoni li t-taxxa tissemma bħala tali fir-ritorn li għandu jkun sottomess taħt l-Artikolu 22(4)”.

9.

Id-dispożizzjoni tranżitorja tal-Artikolu 28(3) tas-Sitt Direttiva tipprovdi dan li ġej:

“1.Matul il-perjodu transizzjonali riferut fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu:

[…]

(d)

ikomplu japplikaw disposizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju ta’ tnaqqis immedjat stabbilit fl-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 18(2);[…]”.

B – Id-dritt Franċiż

10.

L-Artikolu 271(II)(1) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi (iktar ’il quddiem is-“CGI”), fil-verżjoni applikabbli tiegħu tal-31 ta’ Diċembru 1997, jistipula li:

“Sa fejn il-beni u s-servizzi huma użati għall-bżonnijiet tal-operazzjonijiet taxxabbli tagħhom, u bil-kundizzjoni li dawn l-operazzjonijiet jagħtu dritt għal tnaqqis, it-taxxa li l-persuni taxxabbli jistgħu jnaqqsu hija, skont il-każ:

[…]

b.

dik li tiġi miġbura fuq l-importazzjoni.

[…]”.

III – Il-fatti u d-domanda preliminari

11.

It-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Société Véléclair u l-Ministeru Franċiż tal-Baġit.

12.

Bejn l-1992 u l-1995, Société Véléclair importat fil-Komunità roti minn pajjiżi terzi sabiex terġa’ tbigħhom. Peress li Véléclair ma ddikjaratx korrettament l-oriġini tar-roti, l-awtoritajiet doganali imponew a posteriori dazji doganali u dazji antidumping ta’ EUR 4 miljun fuq Société Véléclair, li min-naħa tagħhom kienu suġġetti għall-VAT fuq l-importazzjoni li tammonta għal EUR 735437.

13.

Dan l-ammont ma kienx għadu tħallas meta nfetħu l-proċeduri ta’ insolvenza fir-rigward ta’ Véléclair. Permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Frar 1999, l-imħallef kummissarju kkonstata t-telf ta’ dan id-dritt għal ħlas, minħabba li dan ma kienx ġie ddikjarat definittivament fit-tnax-il xahar wara l-pubblikazzjoni tal-istat ta’ insolvenza.

14.

Fil-kawża prinċipali, Véléclair titlob ir-rimbors tal-VAT. Fil-fatt hija tqis li l-VAT fuq l-importazzjoni, stabbilita a posteriori, tippermettilha tnaqqas l-ammont korrispondenti bħala taxxa tal-input.

15.

Għall-kuntrarju, l-awtorità tat-taxxa tqis li t-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni jimplika l-ħlas minn qabel tat-taxxa mill-persuna taxxabbli.

16.

Huwa f’dan il-kuntest li l-Conseil d’État, li quddiemu tressqet il-kawża fil-kuntest appell, għamel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva jippermetti lil Stat Membru li jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni, fid-dawl b’mod partikolari tar-riskji ta’ frodi, għall-pagament effettiv ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli, meta l-persuna taxxabbli tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni u l-persuna li għandha d-dritt għat-tnaqqis korrispondenti huma l-istess persuna fi Franza?”

17.

Société Véléclair, il-Gvern Franċiż, Ġermaniż, Olandiż u Portugiż u l-Kummissjoni Ewropea ħadu sehem fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Gvern Ġermaniż, Olandiż u Portugiż biss għamlu osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – Evalwazzjoni ġuridika

18.

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-kawża prinċipali għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva tas-Sitt Direttiva, peress li l-fatti ġraw qabel il-31 ta’ Diċembru 2006, id-data li fiha s-Sitt Direttiva tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud.

19.

L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva jirregola d-dritt għal tnaqqis. Kif iddikjarat kemm-il darba l-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għal tnaqqis jifforma parti integrali mis-sistema komuni tal-VAT ( 6 ). Huwa intiż sabiex jeħles kompletament lill-kumpanniji mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom ( 7 ) u, għalhekk, bħala regola ġenerali, ma jistax jiġi limitat ( 8 ). B’mod partikolari, dan jista’ jiġi eżerċitat mill-ewwel fir-rigward tat-taxxi kollha imposti fuq l-operazzjonijiet tal-input ( 9 ). Kull limitazzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għandha effett fuq il-livell tal-piż fiskali u għandha tiġi applikata b’mod simili fl-Istati Membri kollha. Konsegwentement, huma permessi biss derogi fil-każijiet espressament previsti mid-Direttiva ( 10 ). Din il-ġurisprudenza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tar-risposta għad-domanda preliminari.

20.

Regola nazzjonali, bħal dik fil-kawża prinċipali, tillimita kunsiderevolment il-possibbiltà li titnaqqas il-VAT, sa fejn hija tissuġġetta d-dritt għal tnaqqis għall-ħlas minn qabel tat-taxxa.

21.

Il-Gvern Ġermaniż, Franċiż, Portugiż u Olandiż iqisu li s-Sitt Direttiva tawtorizza l-adozzjoni ta’ tali regola. Sabiex isostnu l-opinjoni tagħhom, huma jinvokaw, minbarra l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, ir-riskju ta’ frodi li jista’ jirriżulta f’każ kuntrarju. Il-Gvern Ġermaniż, Olandiż u Portugiż isemmu wkoll ir-rabta bejn id-dritt għal tnaqqis u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tas-Sitt Direttiva. Huma jsostnu li l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva jippermetti lill-Istati Membri jissuġġettaw id-dritt għal tnaqqis għall-ħlas minn qabel tat-taxxa fil-każijiet kollha li fihom Stat Membru ma użax l-għażla prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tas-Sitt Direttiva u li fihom il-VAT fuq l-importazzjoni għandha, għalhekk, titħallas meta ssir l-importazzjoni.

22.

Ma naħsibx li dan huwa l-każ. Iktar ’il quddiem se nuri, filwaqt li nikkunsidra b’mod partikolari l-prinċipju ta’ newtralità tal-VAT, li l-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tas-Sitt Direttiva ma tippermettix li jiġi konkluż li regola bħal dik tas-CGI Franċiż hija konformi mas-Sitt Direttiva. Barra minn hekk, ma jeżisti l-ebda riskju ta’ frodi li jirrikjedi interpretazzjoni differenti, u għalhekk, bħala regola ġenerali, id-domanda preliminari għandha tingħata risposta negattiva. Madankollu, din il-konklużjoni bl-ebda mod ma tippreġudika l-legalità tranżitorja ta’ tali regola bħala regola antika li baqgħet tiġi applikata.

23.

Wara l-analiżi tad-domanda preliminari, se neżamina, b’risposta għal argument tal-Gvern Ġermaniż u Olandiż, jekk id-dritt għal tnaqqis jintemmx fil-mument li fih id-dritt tal-Istat għall-ħlas tat-taxxa jintilef jew ma jibqax iktar infurzabbli.

A – Interpretazzjoni letterali

24.

Mill-kliem stess tas-Sitt Direttiva, jirriżulta li regola bħal dik tas-CGI Franċiż ma hijiex konformi mad-Direttiva. Skont l-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva, id-dritt għal tnaqqis jitnissel fil-mument li fih it-taxxa li tista’ titnaqqas issir dovuta. Fil-każ ta’ importazzjoni ta’ beni, it-taxxa li tista’ titnaqqas tikkorrispondi, skont l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva, għat-“taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata fit-territorju tal-pajjiż”.

25.

Skont l-Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva, din it-“taxxa fuq il-valur miżjud” (il-VAT fuq l-importazzjoni) issir dovuta mill-Istat Membru malli l-beni jkunu importati jew, meta l-beni importati jkunu suġġetti għal dazji doganali bħal f’dan il-każ, malli jseħħ il-fatt li għandu jsir ħlas fuqu u dawn id-dazji jsiru dovuti. Flimkien mal-eżiġibbiltà tat-taxxa, id-dritt għal tnaqqis jidħol fis-seħħ għall-benefiċċju tal-persuna taxxabbli f’konformità mal-Artikolu 17(1) tas-Sitt Direttiva. La l-Artikolu 17(1) u lanqas l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva ma jipprevedu li l-persuna taxxabbli trid tħallas minn qabel il-VAT fuq l-importazzjoni sabiex id-dritt għal tnaqqis jidħol fis-seħħ. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva jistipula b’mod espliċitu li huwa biżżejjed li l-VAT fuq l-importazzjoni tkun dovuta.

26.

Il-frażi “dovuta jew mħallsa” lanqas ma tippermetti li wieħed jasal għall-konklużjoni, kif isostni b’mod partikolari l-Gvern Portugiż, li l-Istati Membri għandhom għażla f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-Artikolu 17(1) u (2) tas-Sitt Direttiva jindika bi preċiżjoni l-kundizzjonijiet ta’ tnissil ta’ dan id-dritt u l-portata tiegħu, u ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri fir-rigward tal-implementazzjoni tagħhom ( 11 ). Dan huwa kkonfermat ukoll mill-fatt li s-Sitt Direttiva tindika wkoll espressament il-każijiet li fihom l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni, bħal pereżempju l-każ imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(2) jew fl-Artikolu 11B(6) tas-Sitt Direttiva.

27.

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, li jitkellem ukoll dwar “taxxa fuq il-valur miżjud [dovuta jew] imħalsa”, hija ċara f’dan ir-rigward ( 12 ). Reċentement, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-kuntest tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, it-tnissil u l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis huma, bħala regola ġenerali, indipendenti mill-fatt li l-korrispettiv dovut, VAT inkluża, għal operazzjoni tħallasx diġà jew le ( 13 ). Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk il-VAT dovuta fuq l-operazzjonijiet ta’ bejgħ preċedenti li jirrigwardaw il-beni kkonċernati tħallsitx jew le lill-awtorità tat-taxxa hija irrilevanti ( 14 ).

28.

Għall-kuntrarju tal-kawża inkwistjoni, huwa minnu li l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jikkonċerna l-każ li fih il-persuna li tħallas il-VAT ma hijiex l-istess waħda li tinvoka d-dritt għal tnaqqis, fatt li l-gvernijiet li intervenew ma naqsux milli jirrilevaw. Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riżultat jista’ madankollu jkun l-istess fiż-żewġ każijiet, kemm mil-lat fattwali kif ukoll minn dak ekonomiku.

29.

Minn naħa, kif indika l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet tiegħu, huwa possibbli, inkluż fil-każ ta’ importazzjoni ta’ beni, li l-persuna taxxabbli għall-għanijiet tal-VAT fuq l-importazzjoni u l-persuna li għandha d-dritt għal tnaqqis ikunu, permezz tal-Artikolu 21(2) tas-Sitt Direttiva, żewġ persuni differenti. Madankollu, f’tali każ għandu wkoll jiġi żgurat li d-dritt għal tnaqqis ta’ waħda minnhom ma jkunx limitat min-nuqqas ta’ ħlas eventwali tal-oħra. Din is-sitwazzjoni tikkorrispondi għal dik prevista fl-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

30.

Anki meta l-persuna taxxabbli għall-għanijiet tal-VAT fuq l-importazzjoni u l-persuna li għandha d-dritt għal tnaqqis ikunu l-istess persuna, is-sitwazzjoni tibqa’ paragunabbli, mil-lat ekonomiku, ma’ dik tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva. Fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet nazzjonali rregolati minn din id-dispożizzjoni, il-VAT hija dovuta lill-awtorità tat-taxxa mill-fornitur ( 15 ), indipendentement mill-fatt li l-klijent tiegħu jkun diġà tah il-prezz tal-bejgħ bil-VAT inkluża ( 16 ). Il-klijent, li huwa stess huwa persuna taxxabbli, jista’ madankollu jnaqqas direttament mit-taxxa li għandu jħallas lill-Istat l-ammont tal-VAT li għandu jagħti lill-fornitur, iżda li ma jkunx għadu ħallas ( 17 ). Is-Sitt Direttiva taċċetta l-vantaġġ finanzjarju li b’hekk jingħata lill-persuna li għandha d-dritt għal tnaqqis ( 18 ).

31.

In-nuqqas ta’ ħlas tal-VAT mill-fornitur lanqas ma għandu konsegwenzi għall-persuna taxxabbli ( 19 ). Minkejja kollox, il-persuna taxxabbli tista’ tnaqqas it-taxxa tal-input. F’tali każ, jista’ għaldaqstant jiġri — bħal f’dan il-każ fil-kuntest ta’ importazzjoni — li l-Istat ikollu jirrimborsa l-ammont ta’ taxxa li ma jkunx għadu ġabar. Għaldaqstant, huwa inerenti għall-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva li l-persuna taxxabbli tibbenefika minn vantaġġi finanzjarji għad-detriment tal-awtorità tat-taxxa jew tal-fornitur ( 20 ).

32.

Minħabba li s-sitwazzjonijiet jixxiebhu fil-livell ekonomiku, il-fatt li, fil-każ tat-tranżazzjonijiet nazzjonali rregolati mill-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva, il-persuna taxxabbli u l-persuna li għandha d-dritt għal tnaqqis huma żewġ persuni differenti ma jipprekludix li l-interpretazzjoni ġurisprudenzjali ċara tal-frażi “[dovuta jew] imħalsa” li tidher fil-punt (a) tiġi trasposta għall-każ irregolat mill-punt (b) li fih hemm l-istess frażi. Fil-kuntest tal-punt (b), id-dritt għal tnaqqis għandu wkoll jiġi rrikonoxxut mill-mument li fih il-VAT fuq l-importazzjoni hija dovuta.

B – Interpretazzjoni kuntestwali

33.

L-istruttura tas-Sitt Direttiva ma tawtorizza l-ebda interpretazzjoni oħra. F’dan ir-rigward, jiena ma naqbilx b’mod partikolari mal-punt tal-Gvern Ġermaniż, Olandiż u Portugiż, li skont huma l-frażi “dovut[a]” hija relatata biss mal-każijiet li fihom Stat Membru għamel użu mill-għażla prevista fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tas-Sitt Direttiva.

34.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-VAT fuq l-importazzjoni ma titħallasx fil-mument tal-importazzjoni, iżda tkun biss imsemmija fil-kuntest tad-dikjarazzjoni normali tal-VAT. Għalhekk, il-VAT fuq l-importazzjoni u t-tnaqqis korrispondenti jistgħu jitpaċċew direttament. Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-gvernijiet sostnew li f’tali każ biss ikun iġġustifikat li ma jintalabx il-ħlas minn qabel tal-VAT fuq l-importazzjoni sabiex id-dritt għal tnaqqis ikun jista’ jiġi eżerċitat.

35.

Għalkemm wieħed jista’ jifhem l-interess li fuqu dan l-argument huwa bbażat, fis-Sitt Direttiva xejn ma jindika li l-frażi “dovut[a]” li tidher fl-Artikolu 17(2)(b) tad-Direttiva tkopri biss il-każijiet previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23.

36.

Ma tista’ ssir tali konklużjoni la mill-fatt li d-dispożizzjoni li tippreċedi l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva, jiġifieri l-Artikolu 11(1)(b) tat-Tieni Direttiva ( 21 ), semmiet biss, fil-kuntest tad-dritt għal tnaqqis, il-VAT fuq l-importazzjoni mħallsa, u lanqas mill-fatt li din id-direttiva ma kinitx tinkludi dispożizzjonijiet ekwivalenti għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tas-Sitt Direttiva.

37.

Dan huwa b’mod partikolari kkonfermat mill-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva li jiddefinixxi r-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis. Fil-fatt, dan l-artikolu ma jirrikjedix li l-persuna taxxabbli tipprovdi prova tal-ħlas. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 18(1)(b) tas-Sitt Direttiva jipprovdi biss li l-persuna taxxabbli jkollha dokument ta’ importazzjoni, li jispeċifikaha bħala destinatarju jew importatur u li jsemmi jew jippermetti kalkulazzjoni tal-ammont tat-taxxa dovuta. La t-tnissil u lanqas l-eżerċitar tad-dritt għal tnaqqis ma jistgħu għalhekk ikunu jiddependu mill-ħlas effettiv tal-VAT.

C – Interpretazzjoni teleoloġika

1. Il-prinċipju ta’ newtralità

38.

L-għan tad-dritt għal tnaqqis jikkonferma l-konklużjoni preċedenti. It-tnaqqis huwa intiż sabiex jiżgura n-newtralità ekonomika tal-VAT għall-kumpanniji ( 22 ). Il-Gvern Franċiż iqis li din in-newtralità titheddet meta persuna taxxabbli tkun tista’ tnaqqas, bħala taxxa tal-input, il-VAT fuq l-importazzjoni li fir-realtà ma tkunx għadha ħallset, peress li tali tnaqqis fil-fatt jippermetti l-arrikkiment tagħha mingħajr ġustifikazzjoni.

39.

Normalment, meta l-VAT fuq l-importazzjoni tkun dovuta iżda ma tkunx għadha tħallset, it-tnaqqis tagħha mhux bilfors iwassal għal arrikkiment jew, għall-inqas, għal arrikkiment permanenti. Kif indikajt diġà, id-dritt għal tnaqqis tal-persuna taxxabbli jġib miegħu, l-iktar l-iktar, żvantaġġ finanzjarju provviżorju għall-Istat, li jista’ jqum ukoll fil-każ ta’ tranżazzjonijiet nazzjonali. Fiż-żewġ każijiet, l-iżvantaġġ li b’hekk isofri l-Istat jiġi kważi kkumpensat mill-fatt li l-VAT, bħala regola ġenerali, issir dovuta fuq bejgħ mill-ġdid minn meta ssir il-provvista. Fil-fatt, il-bejjiegħ għandu jiddikjara l-ammont korrispondenti indipendentement mill-ġbir reali tal-prezz tal-bejgħ bil-VAT inkluża.

40.

F’dan il-każ, l-Istat ma rnexxilux jinforza d-dritt tiegħu għall-ħlas tat-taxxa minħabba l-invokazzjoni tardiva tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri ta’ insolvenza. Għandu jiġi enfasizzat li każ daqshekk partikolari ma jistax jiddetermina waħdu r-risposta għad-domanda ġenerali dwar jekk id-dritt għal tnaqqis jistax jiġi suġġett għall-ħlas minn qabel tal-VAT fuq l-importazzjoni.

41.

Għall-kumpanniji li jimpurtaw beni, in-newtralità tal-VAT titheddet proprju jekk regola bħal dik tas-CGI Franċiż tiġi awtorizzata mingħajr limiti. Kull darba li l-Istat Membru kkonċernat ma jagħmilx użu mill-għażla offruta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23 tas-Sitt Direttiva, il-persuna taxxabbli sistematikament ikollha tħallas il-VAT bil-quddiem. Għaldaqstant, hija jkollha tħallas il-VAT fuq l-importazzjoni lill-awtoritajiet doganali qabel ma tkun tista’ tnaqqasha mid-dikjarazzjoni tal-VAT għall-perijodu ta’ tassazzjoni kkonċernat, peress li tali dikjarazzjoni tista’ ssir ħafna żmien wara li jsir il-ħlas tal-VAT.

42.

B’dan il-mod, il-persuna taxxabbli mhux biss issofri żvantaġġ finanzjarju iżda wkoll danni meta mqabbla ma’ persuni taxxabbli oħra li jakkwistaw beni simili fis-suq nazzjonali jew fis-suq intern. F’każ ta’ akkwist intra-Komunitarju, l-applikazzjoni tal-Artikolu 17(2)(d) tas-Sitt Direttiva fil-fatt dejjem twassal għal tpaċija bejn il-VAT dovuta għall-akkwist u t-taxxa tal-input li tista’ titnaqqas. Għalhekk, il-kumpanniji ma jistgħux isofru żvantaġġ finanzjarju. Fil-każ tat-tranżazzjonijiet nazzjonali, l-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jippermetti li titnaqqas it-taxxa tal-input f’dikjarazzjoni tal-VAT, filwaqt li l-ebda waħda mill-fatturi korrispondenti ma tkun tħallset u ma tkunx għadha nżammet il-VAT fuq ix-xiri mwettaq.

43.

Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ newtralità jipprekludi regola li tawtorizza t-tnaqqis biss wara l-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni.

2. Ir-riskju ta’ frodi

44.

Il-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali hija għan irrikonoxxut u inkoraġġut mis-Sitt Direttiva. Il-persuni ma jistgħux, bi frodi jew b’abbuż, jieħdu vantaġġ min-normi tal-Unjoni. Jekk l-awtorità fiskali tikkonstata li d-dritt għal tnaqqis ġie eżerċitat b’mod frawdolenti, hija għandha s-setgħa titlob, b’effett retroattiv, ir-rimbors tas-somom imnaqqsa u hija l-qorti nazzjonali li għandha tiċħad il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt huwa invokat b’mod frawdolenti ( 23 ).

45.

Fir-rigward tal-ġbir tal-VAT fuq l-importazzjoni, ma narax kif ir-riskju ta’ frodi jiżdied b’mod ġenerali tant li jeħtieġ li d-dritt għal tnaqqis jiġi suġġett sistematikament għall-ħlas minn qabel tal-VAT fuq l-importazzjoni. Kif il-Kummissjoni u Véléclair ġustament jispjegaw, l-introduzzjoni fiżika effettiva ta’ merkanzija fl-Unjoni hija, għall-Istati Membri, fatt ippruvat u faċilment verifikabbli li jikkostitwixxi l-bażi stess tat-tassazzjoni. Iċ-ċertifikat ta’ importazzjoni li l-persuna taxxabbli għandha tippreżenta, f’konformità mal-Artikolu 18(1)(b) tas-Sitt Direttiva, sabiex tkun tista’ tnaqqas it-taxxa tal-input u li jikklassifikaha bħala persuna taxxabbli għall-għanijiet tal-VAT filwaqt li jippermetti li għall-inqas jiġi stabbilit l-ammont tat-taxxa dovuta jnaqqas il-possibbiltà ta’ frodi.

46.

Għalhekk, ir-riskju ta’ frodi invokat mill-Istati Membri lanqas ma jippermetti li jiġi ġġustifikat li d-dritt għal tnaqqis, previst b’mod espliċitu fl-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva, kemm għall-VAT fuq l-importazzjoni mħallsa kif ukoll għat-taxxa li tkun biss dovuta, ikun b’mod ġenerali limitat għall-każ fejn il-VAT tkun effettivament tħallset.

D – Konklużjoni intermedjarja

47.

Abbażi tar-raġunijiet preċedenti, l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix lil Stat Membru jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq l-importazzjoni għall-ħlas effettiv ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli, u dan, anki fil-każ fejn il-persuna taxxabbli u l-persuna li għandha d-dritt għal tnaqqis huma l-istess persuna.

E – Dispożizzjonijiet tranżitorji

48.

Barra minn hekk, il-Gvern Portugiż u Ġermaniż sostnew li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta, fir-rigward tal-VAT fuq l-importazzjoni, id-dritt għal tnaqqis għall-ħlas minn qabel tat-taxxa kellha għall-inqas tiġi kkunsidrata bħala tranżizzjonalment legali skont l-Artikolu 28(3)(d) tas-Sitt Direttiva, inkwantu regola antika li baqgħet tapplika.

49.

Skont l-Artikolu 28(3)(d) tas-Sitt Direttiva, matul il-perijodu tranżitorju msemmi fl-Artikolu 28(4), l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju ta’ tnaqqis immedjat stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18(2) tad-direttiva msemmija. Kif jindika t-titolu tal-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva, il-kwistjoni dwar meta jista’ jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis taqa’ taħt ir-“regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt li tnaqqas”. Il-perijodu tranżitorju dam matul il-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva. L-Artikolu 372 tad-Direttiva 2006/112 jistipula huwa wkoll li l-Istati Membri li, fl-1 ta’ Jannar 1978, kienu japplikaw dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-prinċipju ta’ tnaqqis immedjat stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 jistgħu jkomplu japplikawhom.

50.

L-Artikolu 271 tas-CGI jissuġġetta d-dritt għal tnaqqis għall-ħlas minn qabel tat-taxxa. Għalkemm din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem fis-sens li d-dritt għal tnaqqis ma jistax jitnissel qabel il-ħlas tat-taxxa, għandha tiġi evalwata biss il-legalità tagħha fir-rigward tal-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, liema artikolu jirregola t-tnissil u l-iskop tad-dritt għal tnaqqis. Kif rajna, tali leġiżlazzjoni ma hijiex konformi mas-Sitt Direttiva. Madankollu, ir-regola tal-Artikolu 271 tas-CGI tista’ tinftiehem ukoll fis-sens li tistabbilixxi biss il-mument li minnu jista’ jibda jiġi eżerċitat id-dritt għal tnaqqis, u b’hekk tkun taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18(2) u tal-Artikolu 28(3)(d) tas-Sitt Direttiva. Huwa minnu li din l-interpretazzjoni jkollha, għall-persuna taxxabbli, l-istess effett bħal fil-każ fejn id-dritt għal tnaqqis jitnissel biss wara li jsir il-ħlas tal-VAT fuq l-importazzjoni. Madankollu, is-Sitt Direttiva tawtorizza espressament il-posponiment tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, b’applikazzjoni ta’ regola nazzjonali antika ammissibbli b’mod tranżitorju. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika jekk l-Artikolu 271(II)(1) tas-CGI jistax jiġi interpretat bħala dispożizzjoni li tirregola r-regoli li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis b’applikazzjoni tal-Artikolu 18 tas-Sitt Direttiva u jekk dan huwiex regola antika li diġà kienet tiġi applikata fl-1 ta’ Jannar 1978.

F – Telf jew nuqqas ta ’ infurzabbiltà tad-dritt għall-ħlas tat-taxxa

51.

Fl-aħħar nett, il-Gvern Ġermaniż u Olandiż sostnew ukoll li anki jekk il-VAT fuq l-importazzjoni setgħet kienet biżżejjed sabiex tnissel id-dritt għal tnaqqis meta hija kienet dovuta biss, dan id-dritt kien jintemm, fi kwalunkwe każ, fil-każ li d-dritt tal-Istat għall-ħlas tat-taxxa jintilef jew ma jibqax iktar infurzabbli.

52.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż jindika li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk it-telf tad-dritt għall-ħlas tat-taxxa, wara l-invokazzjoni tardiva tiegħu, għandux bħala effett li jestingwi dan id-dritt jew li jirrendih biss mhux infurzabbli. Matul is-seduta, il-Gvern Franċiż iddikjara li fil-fehma tiegħu, li tidher li hija wkoll dik tal-qorti tar-rinviju, id-dritt għall-ħlas tat-taxxa, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, ma jiġix estint, iżda jinbidel f’obbligu naturali. Għalhekk, id-dritt jibqa’ jeżisti, iżda ma jibqax iktar infurzabbli quddiem il-qrati. Jekk il-persuna taxxabbli finalment tħallas, il-ħlas ma jkunx indebitu.

53.

Huwa minnu li l-problema mqajma mill-Gvern Ġermaniż u Olandiż tmur lil hinn mill-kuntest tad-domanda preliminari. Madankollu jidher li sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, dan il-punt għandu jiġi eżaminat.

54.

L-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva jistipula li “il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas [...] taxxa fuq il-valur miżjud dovut jew imħallas għal merkanzija importata” ( 24 ). Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li, għall-finijiet tat-tnaqqis, ma huwiex biżżejjed li l-VAT fuq l-importazzjoni kienet dovuta f’mument partikolari (mingħajr ma kienet tħallset). Għall-kuntrarju, jeħtieġ li din tkun għadha effettivament dovuta. Il-kwistjoni dwar jekk il-VAT fuq l-importazzjoni għadhiex dovuta għandha tiġi evalwata fil-mument li fih tittieħed deċiżjoni definittiva dwar l-eżistenza effettiva tad-dritt għal tnaqqis invokat mill-persuna taxxabbli. Jekk id-dritt tal-Istat għall-ħlas tat-taxxa ikun estint f’dan il-mument mingħajr ma jkun tħallas, id-dritt għal tnaqqis ma jistax jibqa’ jeżisti. Tali interpretazzjoni hija wkoll imposta mill-ispirtu u l-iskop tad-dritt għal tnaqqis, ladarba dan huwa intiż sabiex jeħles lill-persuna taxxabbli mill-piż ekonomiku kollu li jirriżulta mill-VAT ( 25 ). Jekk il-piż fiskali jisparixxi, ma jeħtieġx iktar li dan jinħeles permezz tad-dritt għal tnaqqis.

55.

Barra minn hekk, ikun tajjeb li wieħed jistaqsi jekk il-VAT fuq l-importazzjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala li ma tkunx iktar “dovut” skont l-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva meta d-dritt tal-Istat għall-ħlas tat-taxxa jkun għadu jeżisti mingħajr ma jkun madankollu infurzabbli (kif jidher li huwa l-każ fil-kawża inkwistjoni). Ir-risposta għal din id-domanda ma tistax titħalla f’idejn id-dritt nazzjonali. Għall-kuntrarju, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, it-terminu “dovut” li jinsab fl-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva ( 26 ) għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu.

56.

Skont it-tifsira tiegħu, it-terminu “dovut” jista’ jiġi interpretat effettivament fis-sens li d-dritt tal-Istat għall-ħlas tat-taxxa għandu jkun legalment infurzabbli. Jidher li tali interpretazzjoni hija partikolarment neċessarja fid-dawl tal-ispirtu u tal-għan tad-dritt għal tnaqqis. Bħal fil-każ meta d-dritt tal-Istat għall-ħlas tat-taxxa jkun estint, fil-każ ta’ nuqqas ta’ infurzabbiltà tad-dritt, ma jeħtieġx li l-persuna taxxabbli tinħeles minn taxxa li fil-fatt ma għadx trid tħallas.

57.

Anki l-ħtieġa ta’ applikazzjoni uniformi tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud timmilita favur tali interpretazzjoni. Fil-fatt, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “taxxa dovut[a]” kien jiddependi mill-konsegwenzi ġuridiċi li d-dritt nazzjonali jorbot mal-invokazzjoni tardiva ta’ dritt għall-ħlas tat-taxxa matul proċeduri ta’ insolvenza, l-applikazzjoni uniformi tas-sistema komuni ta’ VAT ma tkunx iktar iggarantita fir-rigward ta’ fatti simili.

58.

Għaldaqstant, il-kelma “dovut” fis-sens tal-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tassumi li l-persuna taxxabbli għandha l-obbligu ċivili li tħallas l-ammont tal-VAT li tixtieq tnaqqas bħala taxxa tal-input. Fin-nuqqas ta’ tali obbligu, il-persuna taxxabbli ma tistax tkun intitolata tnaqqas VAT fuq l-importazzjoni li ma tkunx għadha ħallset.

V – Konklużjoni

59.

Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti segwenti għad-domandi tal-Conseil d’État:1)

“L-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva ma jippermettix lil Stat Membru jissuġġetta d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni għall-ħlas effettiv ta’ din it-taxxa mill-persuna taxxabbli, u dan, anki fil-każ fejn il-persuna taxxabbli u l-persuna li għandha d-dritt għal tnaqqis huma l-istess persuna. Bla ħsara għall-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 28(3)(d) tas-Sitt Direttiva, Stat Membru jista’ madankollu jżomm tali regola għal perijodu tranżitorju.2)

It-taxxa fuq il-valur miżjud hija dovuta biss, fis-sens tal-Artikolu 17(2)(b) tas-Sitt Direttiva, fil-każ li l-persuna taxxabbli għandha l-obbligu ċivili li tħallas l-ammont tal-VAT li tixtieq tnaqqas bħala taxxa tal-input. Fin-nuqqas ta’ tali obbligu, hija ma tistax tkun intitolata tnaqqas VAT fuq l-importazzjoni li ma tkunx għadha ħallset”.


( 1 )   Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.

( 2 )   Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

( 3 )   Fl-Artikolu 17(2)(b) tagħha.

( 4 )   Société Véléclair ikkontestat dan il-punt fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li dan huwa fatt li ġie kkonstatat mill-qorti, tant li għandu jservi bħala punt ta’ tluq għal din l-analiżi.

( 5 )   Introdott bl-Artikolu 1(22), tad-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, li tissupplimenta s-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud u temenda d-Direttiva 77/388/KEE bil-ħsieb li tneħħi l-fruntieri fiskali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160).

( 6 )   Sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1995, BP Soupergaz (C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 18); tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora (C-414/07, Ġabra p. I-10921, punt 28) u tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, Ġabra p. I-7289, punt 43).

( 7 )   Sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Ghent Coal Terminal (C-37/95, Ġabra p. I-1, punt 15); tal-1 ta’ April 2004, Bockemühl (C-90/02, Ġabra p. I-3303, punt 39) u tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, Ġabra p. I-10567, punt 27).

( 8 )   Sentenzi Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28); tal-15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum (C-368/09, Ġabra p. I-7467, punt 37) u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 43).

( 9 )   Sentenzi BP Soupergaz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18); Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 43) u tat-30 ta’ Settembru 2010, Uszodaépítő (C-392/09, Ġabra p. I-8791, punt 34).

( 10 )   Sentenzi BP Soupergaz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 18) u Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28); ara wkoll is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 52).

( 11 )   Sentenzi BP Soupergaz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 35); tal-10 ta’ Marzu 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-33/03, Ġabra p. I-1865, punt 16) u tat-23 ta’ April 2009, PARAT Automotive Cabrio (C-74/08, Ġabra. p. I-3459, punt 32).

( 12 )   F’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjoni Franċiża, Ingliża jew Taljana, il-punti (a) u (b) huma barra minn hekk ifformulati bl-istess mod: “la taxe sur la valeur ajoutée due ou acquittée”, “value added tax due or paid” u “l’imposta sul valore aggiunto dovuta o assolta”.

( 13 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 48).

( 14 )   Sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et (C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 54) u tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling (C-439/04 u C-440/04, Ġabra p. I-6161, punt 49).

( 15 )   Dan huwa l-fornitur li jipprovdi lill-persuna taxxabbli servizz li għalih din tal-aħħar tħallas il-VAT kif ukoll il-prezz tal-bejgħ.

( 16 )   Sentenza Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 46). Huwa minnu li fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali min-naħa tal-persuna taxxabbli, id-dejn fiskali tal-fornitur għandu jiġi aġġustat [Artikolu 11(Ċ)(1) tas-Sitt Direttiva]. Dan l-aġġustament jikkostitwixxi madankollu regola fakultattiva li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minnha.

( 17 )   Din il-problema hija magħrufa sew, b’mod partikolari mill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju. Il-Kummissjoni diġà indirizzat dan is-suġġett fid-dokument ta’ ħidma mehmuż mal-green paper intitolata “Green Paper on the future of VAT — Towards a simpler, more robust and efficient VAT system”, [SEC (2010) 1455, p. 43 u 44]. Dan id-dokument jipprevedi, fost id-diversi soluzzjonijiet possibbli, li t-tnaqqis jiġi awtorizzat biss wara l-ħlas effettiv tat-taxxa tal-input. Ir-regola tas-Sitt Direttiva ma tipprevedix madankollu tali possibbiltà.

( 18 )   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ħlas totali, id-direttiva lanqas ma tipprevedi li d-dritt għal tnaqqis jiġi aġġustat [l-ewwel sentenza tal-Artikolu 20(1)(b) tas-Sitt Direttiva]. Madankollu, tali aġġustament jista’ jseħħ jekk l-Istati Membri jeħtieġuh [it-tieni sentenza tal-Artikolu 20(1)(b) tas-Sitt Direttiva].

( 19 )   Ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 14.

( 20 )   Ara wkoll B. Terra u J. Kajus, Introduction to European VAT, 2011, Volum 1, Kapitolu 17.2, p. 1000.

( 21 )   It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE, tal-11 ta’ April 1967, dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Struttura u proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, p. 1303).

( 22 )   Sentenzi tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National (C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 24); tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik (C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 34), u tat-22 ta’ Diċembru 2010, RBS Deutschland Holdings (C-277/09, Ġabra p. I-13805, punt 38).

( 23 )   Sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 68 sa 71) u Kittel u Recolta Recycling (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punti 54 u 55, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 24 )   Enfasi miżjuda minni.

( 25 )   Ara s-sentenzi ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 7 u 22.

( 26 )   Sentenzi tat-3 ta’ Diċembru 2009, Yaesu Europe (C-433/08, Ġabra p. I-11487, punt 18) u tal-10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken (C-540/09, Ġabra p. I-1509, punt 19).