Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go





KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-8 ta’ Diċembru 2011 (1)

Kawża C-594/10

Van Laarhoven

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Taxxa fuq il-valur miżjud — Sitt Direttiva — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Limitazzjoni — Dispożizzjonijiet preċedenti li jkomplu jkunu tranżitorjament applikabbli — Emenda għal limitazzjoni eżistenti li testendi l-ammont tagħha — Vetturi użati kemm għal finijiet professjonali kif ukoll privati — Tassazzjoni tal-użu privat”






I –    Introduzzjoni

1.        Fil-prinċipju, id-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input ma jistax jiġi limitat. Is-Sitt Direttiva (2) u d-Direttiva 2006/112 (3), illi ssuċċedietha, jippermettu madankollu li liġijiet nazzjonali preċedenti li jillimitaw id-dritt għal tnaqqis ikomplu japplikaw, kemm-il darba dawn kienu diġà applikabbli meta daħlet fis-seħħ is-Sitt Direttiva. Iżda x’inhija s-sitwazzjoni fir-rigward ta’ emendi sussegwenti lil tali liġi li jkomplu jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis, u dan biss fir-rigward tal-ammont tagħha? Din hija d-domanda li essenzjalment qed issir lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti. F’dan il-kuntest, irid madankollu wkoll jiġi ttrattat il-punt dwar jekk il-leġiżlazzjoni Olandiża kkunsidrata f’dan il-każ għandhiex effettivament tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni relatati mad-dritt għal tnaqqis, jew, eventwalment, f’dak tad-dispożizzjonijiet relatati mat-taxxa tal-użu privat. Fil-fatt, hija tawtorizza t-tnaqqis immedjat u totali, fil-każ ta’ użu ta’ vettura bil-mutur għal finijiet kemm professjonali kif ukoll privati u tipprevedi biss, fir-rigward tal-użu għal finijiet privati, tassazzjoni annwali fissa a posteriori.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

2.        L-Artikolu 6 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Provvista ta’ servizzi”, jiddisponi b’mod partikolari:

“2.      Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:

a)      l-użu ta’ oġġetti li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;

[…]

Stati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, iżda li din id-deroga ma twassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni.”

3.        It-Titolu VIII tas-Sitt direttiva, intitolat “Ammont Taxxabbli”, jinkludi l-Artikolu 11, li fih id-dispożizzjonijiet rilevanti segwenti:

“A. Fit-territorju tal-pajjiż

1.      L-ammont taxxabbli għandu jkun:

[…]

(ċ)      fir-rigward ta’ provvisti msemmija fl-Artikolu 6(2), l-ispejjeż kollha lill-persuna taxxabbli tal-provvediment tas-servizzi;

[…]”

4.        L-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Oriġini u skop tad-dritt li tnaqqas”, jistabbilixxi b’mod partikolari dan li ġej, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f tad-Direttiva:

“2.       Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

(a)      taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra;

[…]

6.      Qabel perjodu ta’ erba’ snin ta’ l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m’għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-valur miżjud fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.

Sa kemm ir-regoli ta’ fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ.

[…]”

5.        L-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, intitolat “Aġġustamenti tat-tnaqqis”, huwa redatt kif ġej:

“1.      It-tnaqqis inizzjali għandu jkun aġġustat b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri b’mod partikolari:

(a)      fejn it-tnaqqis jkun ogħla jew inqas minn dak li għalih l-persuna taxxabbli hi ntitolata;

(b)      fejn wara li jsir il-prospett xi tibdil isir fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, b’mod partikolari fejn ix-xirjiet huma kanċellati jew roħs fil-prezz hu miksub; madanakollu, aġġustamenti m’għandhomx isiru fil-każijiet ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u distrutti, telf jew serq tal-proprjetà verament ippruvati jew ikkonfermati, lanqas fil-każ ta’ applikazzjonijiet għall-iskopijiet ta’ għoti ta’ regali ta’ valur żgħir u ta’ l-għoti ta’ kampjuni speċifikati fl-Artikolu 5(6). Madanakollu, Stati Membri jistgħu jeħtieġu aġġustamenti fil-każijiet ta’ transazzjonjiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u ta’ serq.

2.      Fil-każ ta’ oġġetti kapitali, l-aġġustment għandu jkun mifrux fuq ħames snin inkluż dik meta l-oġġetti jkunu akkwistati jew fabbrikati. L-aġġustament annwali għandu jsir biss fir-rigward ta’ wieħed minn ħamsa tat-taxxa imposta fuq l-oġġetti. L-aġġustament għandu jsir fuq bażi tal-varjazzjonijet fit-tnaqqis intitolat fis-snin konsekwenti b’relazzjoni għal dik is-sena meta l-oġġetti kienu akkwistati jew fabbrikati.

Permezz ta’ deroga mis-sub-paragrafu preċedenti, Stati Membri jistgħu jibbażaw l-aġġustament fuq perjodu ta’ ħames snin sħaħ li jibdew miż-żmien meta l-oġġetti huma użati għall-ewwel darba.

[…]”

B –    Id-dritt Olandiż

6.        Mill-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi żamm, fil-kuntest tat-traspożizzjoni tas-Sitt Direttiva, leġiżlazzjoni li tillimita d-dritt għal tnaqqis fir-rigward tal-vetturi bil-mutur illi l-operaturi jużaw mhux biss għal finijiet professjonali, iżda wkoll għal finijiet privati (4). Skont din il-leġiżlazzjoni, il-VAT imposta fuq il-pussess — inkluż ix-xiri — ta’ vettura bħal din, hija l-ewwel imnaqqsa daqs li kieku din kienet użata biss fil-kuntest tal-attività professjonali. Madankollu, fl-aħħar ta’ kull sena, ammont addizzjonali huwa impost. Dan huwa kkalkolat billi tiġi applikata perċentwali fissa lil ammont fiss, li matul il-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul jitqies li huwa taxxa għal użu privat. Dan l-ammont fiss huwa fih innifsu ugwali għal perċentwali tal-prezz tal-katalgu jew tal-valur tal-vettura.

7.        Sussegwentement din il-leġiżlazzjoni kienet is-suġġett ta’ bosta emendi li, skont il-qorti tar-rinviju, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet naqqsu l-ammont li jista’ jkun is-suġġett ta’ tnaqqis definittiv.

8.        Minn naħa, il-perċentwali fissa, imsemmija iktar ’il fuq ġiet emendata bosta drabi. Filwaqt li kienet ta’ 12 % meta daħlet fis-seħħ is-Sitt Direttiva, sussegwentement din ġiet stabbilita għal 12.5 %, 13.5 % u 13 %; madankollu mill-1 ta’ Jannar 1992 din hija mill-ġdid ta’ 12 %. Min-naħa l-oħra, l-ammont taxxabbli li fir-rigward tiegħu tapplika din il-perċentwali fissa ġie miżjud. Filwaqt li oriġinarjament kien għallinqas ugwali għal 20 % tal-prezz tal-katalgu tal-vettura, dan sussegwentement ġie mgħolli għal 24 %, imbagħad għal 25 %, f’ċerti każijiet, b’mod partikolari meta l-użu għal finijiet privati kien jeċċedi ċertu kilometraġġ. Mill-1 ta’ Jannar 2004 sal-perijodu taxxabbli inkwistjoni, il-perċentwali kienet ta’ għallinqas 22 %, sakemm l-użu għal finijiet privati ma kienx ta’ inqas minn 500 km fis-sena. Il-klassifikazzjoni tal-vjaġġi bejn il-post tar-residenza u dak tax-xogħol bħala użu għal finijiet professjonali jew privati, li tbiddlet maż-żmien, setgħet ukoll twassal għal żieda fl-ammont taxxabbli matul ċerti perijodi.

III – Il-fatti u d-domandi preliminari

9.        T.G. Van Laarhoven jopera, fil-Pajjiżi l-Baxxi, uffiċċju ta’ konsultazzjoni dwar it-taxxa fil-forma ta’ impriża individwali. Fl-2006, żewġ vetturi bil-mutur ġew suċċessivament inklużi fl-assi tal-impriża tiegħu; huwa użahom kemm għal finijiet professjonali kif ukoll privati. Fid-dikjarazzjoni tal-VAT tiegħu relatata mar-raba’ trimestru tal-2006, huwa indika, fir-rigward ta’ dan l-użu privat ta’ iktar minn 500 kilometru, ammont ta’ VAT dovut ta’ EUR 538, dikjarazzjoni li kontriha madankollu ressaq talba għar-rimbors ta’ dan l-ammont. Peress illi kemm it-talba tiegħu kif ukoll ir-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza ġew miċħuda, huwa ppreżenta appell fil-kassazzjoni quddiem il-Hoge Raad (il-Pajjiżi l-Baxxi). Huwa saħaq, b’mod partikolari, illi d-dispożizzjonijiet fiskali Olandiżi inkwistjoni kienu jmorru kontra l-klawżola ta’ “standstill” tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.

10.      F’dan il-kuntest, il-Hoge Raad stiednet lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi preliminarjament dwar id-domandi segwenti:

1)         It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprekludi emendi għal leġiżlazzjoni li tillimita [l-possibbiltajiet ta’] tnaqqis bħal dik inkwistjoni, skont liema Stat Membru jkun fittex li jieħu vantaġġ mill-possibbiltà, li għaliha dik id-dispożizzjoni tipprovdi, [li jeskludi t-tnaqqis] ([jew] li tinżamm […] l-esklużjoni ta[t-]tnaqqis[)] fir-rigward ta’ ċerti oġġetti u servizzi jekk, bħala konsegwenza ta’ dawk l-emendi, l-ammont eskluż mit-tnaqqis żdied f’ħafna każijiet, iżda l-approċċ u l-iskema tal-leġiżlazzjoni li tillimita t-tnaqqis baqgħu ma nbidlux?

2)         Jekk it-tweġiba għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, il-qrati nazzjonali għandhom jevitaw li japplikaw il-leġiżlazzjoni li tillimita t-tnaqqis fl-intier tagħha, jew huwa biżżejjed għalihom li ma japplikawx il-leġiżlazzjoni sa fejn tkun żiedet il-portata tal-esklużjoni jew tar-restrizzjoni eżistenti fil-mument meta s-Sitt Direttiva daħlet fis-seħħ?

11.      T.G. Van Laarhoven, il-Gvern Olandiż, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea pparteċipaw fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-Gvern tar-Renju Unit ppreżenta biss osservazzjonijiet bil-miktub.

IV – Analiżi ġuridika

A –    Osservazzjonijiet preliminari

12.      Skont ġurisprudenza stabbilita (5), id-dritt għal tnaqqis, illi huwa stabbilit f’termini espliċiti u preċiżi fl-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva (6), jagħmel parti integrali mis-sistema komuni tal-VAT. Dan huwa intiż sabiex jaġevola kompletament lill-impriżi mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fuq l-operazzjonijiet tal-input imwettqa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom (7), jitwettaq immedjatament (8) u jiggarantixxi b’hekk in-newtralità ta’ din it-taxxa (9). Għaldaqstant, dan ma jistax jiġi limitat (10).

13.      Id-dritt għal tnaqqis huwa madankollu suġġett għad-dispożizzjoni derogatorja li tinsab fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva u, b’mod partikolari, fit-tieni subparagrafu tiegħu (11). Abbażi ta’ dan tal-aħħar, l-Istati Membri huma awtorizzati jżommu l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom fil-qasam tal-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, sakemm il-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu (12). Peress illi dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux għadhom ġew adottati (13), l-Istati Membri setgħu, matul il-perijodu rilevanti, iżommu fl-intier tagħhom il-leġiżlazzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT (14).

14.      Il-Hoge Raad titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni Olandiża dwar is-sistema tal-VAT ta’ vetturi bil-mutur użati kemm għall-finijiet professjonali kif ukoll privati. Skont il-Hoge Raad, din il-leġiżlazzjoni, li kienet diġà teżisti fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, tirriżulta f’limitazzjoni għad-dritt għal tnaqqis. Id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mas-Sitt Direttiva jirriżultaw mill-fatt illi l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ġiet emendata bosta drabi wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u dan kompla naqqas, fir-rigward tal-ammonti tagħhom, il-possibbiltajiet għal tnaqqis.

15.      Hemm madankollu lok li jitqies jekk il-leġiżlazzjoni Olandiża għandhiex effettivament titqies li hija limitazzjoni għad-dritt għal tnaqqis li għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 17(6) tad-Sitt Direttiva.

16.      Fil-fatt, kif tirrileva l-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni Olandiża tawtorizza lill-persuna taxxabbli tnaqqas immedjatament u totalment it-taxxa tal-input imposta b’mod partikolari fuq ix-xiri ta’ vettura bil-mutur intiża biex tintuża kemm għal finijiet professjonali kif ukoll privati. Din il-leġiżlazzjoni hija għalhekk konformi mal-ġurisprudenza stabbilita li tistabbilixxi li persuna taxxabbli tista’ tinkludi kompletament fl-assi tal-impriża tagħha, oġġett kapitali anki jekk dan tal-aħħar ma jservix biss għall-attivitajiet tal-impriża tal-persuna taxxabbli, iżda wkoll għal finijiet privati (15) u, f’dan il-każ, il-VAT tal-input dovuta fuq l-akkwist ta’ dan l-oġġett tkun, fil-prinċipju, totalment u immedjatament deduċibbli, skont l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva (16).

17.      Il-qorti tar-rinviju tqis madankollu li d-dritt għal tnaqqis huwa limitat inkwantu l-leġiżlazzjoni Olandiża tipprevedi ammont addizzjonali sussegwenti fir-rigward tal-użu għal finijiet privati tal-vettura bil-mutur. Fil-fatt, fl-aħħar tas-sena, ammont ta’ VAT huwa impost fuq l-użu għal finijiet privati billi tiġi applikata perċentwali fissa lil ammont fiss tal-ispejjeż, li fih innifsu huwa ugwali għal perċentwali tal-prezz tal-katalgu jew tal-valur tal-vettura.

18.      Fil-kuntest tas-sistema tas-Sitt Direttiva, tali tassazzjoni a posteriori tal-użu għal finijiet privati ma tikkostitwixxix madankollu limitazzjoni għad-dritt għal tnaqqis fis-sens tal-Artikolu 17(6) tad-Direttiva, li tkun legali biss b’mod derogatorju u, fuq kollox, tranżitorju. Għall-kuntrarju, tali impożizzjoni ta’ VAT a posteriori fuq l-użu għal finijiet privati ta’ oġġett li jifforma kompletament parti mill-assi tal-impriża, li tat lok għal tnaqqis immedjat u totali, hija konformi mal-loġika tas-sistema stabbilita bid-Direttiva (17).

19.      Fil-fatt, is-Sitt Direttiva tistabbilixxi hija stess illi, f’dan il-każ, id-dritt għal tnaqqis totali u immedjat huwa madankollu suġġett għall-obbligu tal-ħlas tal-VAT fuq l-użu privat tal-oġġett tal-impriża (18). Għal dan il-għan, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tal-imsemmija direttiva jittratta l-użu għal finijiet privati bħall-provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas, tant illi l-persuna taxxabbli għandha, skont Artikolu 11A(1)(ċ) tad-Direttiva, tħallas il-VAT fuq l-ispejjeż relatati ma’ dan l-użu (19).

20.      Dan huwa wkoll l-għan aħħari tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, li jinkludi regoli fil-qasam tar-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis inizjalment imwettaq u li, għalkemm il-kamp tal-applikazzjoni tiegħu ma jikkoinċidix kompletament ma’ dak tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tal-imsemmija direttiva, huwa applikabbli, l-istess bħal din l-aħħar dispożizzjoni, għas-sitwazzjonijiet li fihom oġġett huwa użat kemm għal finijiet professjonali kif ukoll privati (20).

21.      Fil-każ ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-Direttiva, l-għan huwa minn naħa, li jiġi evitat illi l-persuna taxxabbli li tuża wkoll għal finijiet privati oġġett li jifforma parti mill-assi tal-impriża tagħha tingħata vantaġġ ekonomiku inġustifikat meta mqabbla mal-konsumatur finali, li jirriżulta mit-tnaqqis totali awtorizzat fl-ewwel lok. Min-naħa l-oħra l-għan huwa li tiġi ggarantita korrispondenza bejn it-tnaqqis tat-taxxa tal-input u l-ġbir tat-taxxa tal-output(21).

22.      Il-Hoge Raad tindika, fid-deċiżjoni tar-rinviju, illi d-dispożizzjonijiet Olandiżi relatati mal-użu għal finijiet privati ta’ oġġetti tal-impriża ma kinux jipprevedu, qabel l-1 ta’ Jannar 2007, taxxa fir-rigward tal-użu privat fis-sens tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva. Indipendentement minn dan, irid jingħad illi l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni tirregola t-tassazzjoni ta’ vetturi bil-mutur li huma użati għall-finijiet kemm professjonali kif ukoll privati u li taw dritt għal tnaqqis immedjat u totali. Biex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tingħata indikazzjonijiet utli għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mas-Sitt Direttiva, huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu interpretati l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) u l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva, u mhux l-Artikolu 17(6) ta’ din id-direttiva.

23.      Fl-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix l-opinjoni tiegħi, iktar ’il quddiem ser nitratta wkoll, sussidjarjament, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(6) tad-Direttiva li l-Hoge Raad talbet.

B –    Fuq l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2(a) u tal-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva

24.      Kif diġà indikajt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva u dak tal-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva jistgħu jikkoinċidu. Dan huwa partikolarment il-każ meta l-oġġett li jifforma parti mill-assi tal-impriża jkun ta lok għal tnaqqis immedjat u totali u huwa sussegwentement użat mhux biss għal finijiet professjonali, iżda wkoll għal finijiet privati (22). Jidher illi l-ġurisprudenza ma tippreċiżax jekk u f’liema ċirkustanzi waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tad-direttiva għandha, f’tali każ, tiġi eżaminata bħala prijorità.

25.      Mill-perspettiva tal-istruttura tas-Sitt Direttiva, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) jidher illi huwa d-dispożizzjoni speċjali, peress illi jikkonċerna biss l-użu għal finijiet privati jew estranji għall-impriża, u mhux l-użu għall-finijiet ta’ attivitajiet eżentati, pereżempju (23). Barra minn hekk, mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-użu privat jikkostitwixxi operazzjoni ntaxxata fis-sens tal-Artikolu 17(2) tal-istess direttiva (24). Din il-finzjoni għandha l-effett illi l-persuna taxxabbli hija awtorizzata tnaqqas it-taxxa tal-input relatata mal-oġġett li totalment jifforma parti mill-assi tal-impriża tagħha (25) u tibqa’ awtorizzata tagħmel dan, kemm-il darba ebda regolarizzazzjoni fis-sens tal-Artikolu 20 tad-Direttiva ma tkun meħtieġa u l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jidhrux, barra minn hekk, li huma sodisfatti. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva jippermetti implementazzjoni iktar flessibbli mill-Artikolu 20(2) ta’ din id-direttiva, li jipprevedi biss regolarizzazzjoni annwali.

26.      Ċertament, jeżisti ċertu paralleliżmu bejn il-leġiżlazzjoni Olandiża dwar it-tassazzjoni tal-użu privat ta’ vetturi bil-mutur b’użu mħallat, li tipprevedi ammont addizzjonali annwali, u l-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva, li jipprevedi wkoll regolarizzazzjoni annwali tat-tnaqqis. Madankollu mis-sentenza Wollny (26) jirriżulta li l-Istati Membri għandhom, fil-kuntest tat-tassazzjoni tal-użu privat fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva u abbażi tal-marġni ta’ diskrezzjoni li huma jgawdu minnha, il-possibbiltà li jipprevedu l-applikazzjoni, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ tassazzjoni, tar-regoli tal-Artikolu 20 relatati mar-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis.

27.      Madankollu ma huwiex meħtieġ, għall-finijiet tal-preżenti analiżi, li tiġi deċiża b’mod definittiv il-kwistjoni tar-relazzjoni eżatta bejn l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva u l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva. Fid-dawl tal-għan aħħari komuni tagħhom (27) u tal-effett ekonomiku identiku tagħhom (28), huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat illi dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, l-istess bħad-dritt għal tnaqqis, huma fihom infushom definittivament intiżi sabiex jiżguraw in-newtralità tal-impożizzjoni fiskali (29). Madankollu din hija ggarantita biss jekk it-tpaċija mwettqa abbażi ta’ waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet hija la inqas u lanqas iktar minn dik li tikkorrispondi għall-użu privat reali. L-impożizzjoni a posteriori tal-VAT għandha ssir kemm-il darba fin-nuqqas tagħha l-persuna taxxabbli tibbenefika minn arrikkiment indebitu minħabba l-użu privat tal-oġġett li fir-rigward tiegħu hija setgħet totalment tnaqqas it-taxxa tal-input (30).

28.      Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) u tal-Artikolu 11A(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva, illi, anki jekk il-kunċett tal-“ispejjeż kollha lill-persuna taxxabbli tal-provvediment tas-servizzi” huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom minn ċerta marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-prinċipji li jirregolaw id-determinazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż inkwistjoni. L-Artikolu 20(1) u (4) tas-Sitt Direttiva jagħti wkoll ċerta setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri inkwantu jipprovdi li t-tnaqqis inizjalment imwettaq għandu jkun irregolarizzat “b’mod konformi mal-proċeduri stabbiliti mill-Istati Membri” u li, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 20(2) b’mod partikolari, l-Istati Membri jistgħu jippreċiżaw liema huwa l-ammont tat-taxxa li huwa meħud inkunsiderazzjoni għar-regolarizzazzjoni u jistgħu jawtorizzaw simplifikazzjonijiet amministrattivi.

29.      Għalkemm dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ċertament jawtorizza, sa ċertu punt, metodi ta’ kalkolu fissi, għandu madankollu jiġi ggarantit illi l-użu ta’ metodi fissi jissodisfa, fil-prinċipju, ir-rekwiżiti tas-Sitt Direttiva fil-qasam tar-regolarizzazzjoni sussegwenti li għandha ssir. Il-kalkolu fiss ma għandux ikun sproporzjonat meta mqabbel mal-importanza reali tal-użu privat.

30.      Dan huwa tal-inqas dubjuż fil-każ tal-leġiżlazzjoni Olandiża hawnhekk inkwistjoni. Fil-fatt, matul is-sena fiskali kontenzjuża, l-2006, l-ammont addizzjonali kellu jiġi kkalkolat kif ġej: jekk l-użu għal finijiet privati kien inqas minn 500 km fis-sena, ammont taxxabbli ekwivalenti għal għall-inqas 22 % tal-valur tal-vettura kien applikat. Ir-rata ta’ taxxa applikata għal dan l-ammont taxxabbli kienet ta’ 12 %. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li tali rata fissa ma hijiex kompatibbli mad-Direttiva peress illi fin-nuqqas ta’ divrenzjar addizzjonali fil-każ ta’ użu privat ta’ iktar minn 500 km fis-sena, din la teskludi l-arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli u lanqas intaxxar għoli wisq tal-persuna taxxabbli minħabba n-nuqqas tat-teħid inkunsiderazzjoni tad-devalwazzjoni eventwali tal-vettura.

31.      Fl-opinjoni tiegħi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi fuq dan. Fil-fatt, mill-qari tad-deċiżjoni tar-rinviju ma huwiex ċar jekk l-ammont taxxabbli għas-sena 2006 ġiex ikkalkolat abbażi tal-prezz tal-katalgu jew abbażi tal-valur effettiv tal-vettura. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tirreferi, għal dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-ammont taxxabbli fl-2006, għal perċentwali ta’ mill-inqas 22 %, li ma jeskludix illi jsir divrenzjar addizzjonali skont l-importanza tal-użu privat.

32.      Jekk il-Hoge Raad kellha tikkonkludi, fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali, illi d-dispożizzjonijiet Olandiżi inkwistjoni wasslu għal tassazzjoni a posteriori għolja wisq (31) tal-użu privat reali tal-vettura, hija għandha, fid-dawl tas-supremazija tad-dritt tal-Unjoni u tal-obbligu tagħha li tħares id-drittijiet li dan tal-aħħar jagħti lill-individwi, tastjeni milli tapplika l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwantu din tmur lil hinn minn tassazzjoni adegwata tal-użu privat (32).

33.      Hemm lok għalhekk li r-risposta lill-Hoge Raad tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) u l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ċertament tawtorizza, għal vetturi bil-mutur użati għal finijiet kemm professjonali kif ukoll privati, it-tnaqqis immedjat u totali tat-taxxa tal-input, iżda li tipprevedi, għal dak li jikkonċerna l-użu privat, ammont addizzjonali fiss li ma huwiex relatat mal-importanza reali tal-użu privat. Jekk il-qorti nazzjonali jkollha quddiemha leġiżlazzjoni bħal din u jekk din wasslet għal tassazzjoni a posteriori għolja wisq tal-użu privat reali tal-vettura, hija għandha tastjeni milli tapplika din il-leġiżlazzjoni inkwantu din tmur lil hinn minn tassazzjoni adegwata tal-użu privat.

C –    Sussidjarjament: fuq l-ewwel domanda preliminari

34.      Fil-każ fejn, minkejja l-fatt illi l-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni tawtorizza it-tnaqqis immedjat u totali tat-taxxa tal-input u tipprevedi biss tassazzjoni a posteriori tal-VAT fuq l-użu privat, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis, skont il-formulazzjoni tad-domanda preliminari, illi huwa meħtieġ li jiġi interpretat l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, din id-dispożizzjoni ser tiġi eżaminata sussidjarjament iktar ’il quddiem. F’dan il-kuntest, ser nibda, bħall-qorti tar-rinviju, mill-premessa — li fl-opinjoni tiegħi ma hijiex eżatta — illi l-leġiżlazzjoni Olandiża tillimita d-dritt għal tnaqqis.

35.      Kif diġà ġie espost, l-Istati Membri jistgħu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, iżommu l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom fil-qasam tal-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva (33).

36.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat f’dan ir-rigward illi l-fatt biss illi d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni, li tillimita d-dritt għal tnaqqis, kienet ġiet adottata wara d-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva ma jimplikax illi din ma tistax taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet derogatorji tal-Artikolu 17(6) ta’ din id-direttiva. Għall-kuntrarju, wieħed irid iqis illi dispożizzjoni li hija, fis-sustanza tagħha, identika għal-leġiżlazzjoni preċedenti jew tnaqqas l-effetti tagħha tibbenefika mid-deroga prevista fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva (34).

37.      Min-naħa l-oħra, leġiżlazzjoni nazzjonali ma tikkostitwixxix limitazzjoni għad-dritt għal tnaqqis permessa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva u tkun tikser l-Artikolu 17(2) ta’ din tal-aħħar jekk din tkun intiża sabiex testendi, wara d-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti biex b’hekk titbiegħed mill-għan ta’ din id-direttiva (35).

38.      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Puffer (36) illi leġiżlazzjoni li hija bbażata fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti u li tistabbilixxi proċeduri ġodda ma tistax tkun ittrattata bl-istess mod bħal-leġiżlazzjoni eżistenti fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva.

39.      Kuntrarjament għal dik li tidher li hija l-opinjoni tal-Gvern Olandiż, ma nistax inqis li s-sentenza Puffer għandha tiġi interpretata fis-sens illi huwa biss meta leġiżlazzjoni ġdida tkun ibbażata fuq loġika differenti minn dik tad-dritt preċedenti u tistabbilixxi proċeduri ġodda li l-emenda ma tibqax taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet derogatorji tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva. Dan huwa biss wieħed mill-każijiet ipotetiċi possibbli li fihom leġiżlazzjoni nazzjonali testendi il-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti u b’hekk titbiegħed mill-għan ta’ din id-direttiva.

40.      Dan huwa kkorroborat b’mod partikolari mis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (37), li fuqha hija bbażata l-ġurisprudenza relatata mal-estensjonijiet inammissibbli, kif ukoll mis-sentenza X Holding u Oracle Nederland (38) illi ngħatat wara s-sentenza Puffer. F’dawn iż-żewġ sentenzi, il-kriterji tal-loġika differenti u tal-proċeduri l-ġodda ma kellhom l-ebda rwol. Dawn juru għall-kuntrarju li l-estensjoni, mill-perspettiva unika tal-ammont, ta’ limitazzjoni eżistenti għad-dritt għal tnaqqis għandha bħala effett, fil-prinċipju, illi l-leġiżlazzjoni ma tibqax koperta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.

41.      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat illi hija kienet diġà tistabbilixxi, fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva, illi, fil-każ ta’ vetturi użati għal finijiet kemm professjonali kif ukoll privati, tnaqqis definittiv kien eskluż fir-rigward tal-użu privat. Leġiżlazzjoni preċedenti bħal din tista’ fil-prinċipju, jekk wieħed iqisha bħala limitazzjoni għad-dritt għal tnaqqis mogħti mill-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet derogatorji tal-Artikolu 17(6) ta’ din id-direttiva. L-unika kwistjoni li tqum hija dik li jiġi stabbilit jekk l-emendi li saru sa dak iż-żmien jeħtiġux evalwazzjoni differenti. Il-fatt illi emendi kienu ġew adottati ma jostakolax l-applikabbiltà tal-Artikolu 17(6) tad-Direttiva. Hija l-portata tal-emendi li hija determinanti.

42.      Peress illi, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-loġika u l-istruttura tal-leġiżlazzjoni Olandiża ma nbidlux wara d-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva u xejn ma jiġġustifika li ssir evalwazzjoni differenti dwar din il-kwistjoni, l-eżami għandu jikkonċerna l-punt li jiġi stabbilit jekk l-emendi naqqsux, b’mod ulterjuri, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, it-tnaqqis definittiv fl-ammont tiegħu.

43.      Kif diġà ġie espost, limitazzjoni addizzjonali, mill-perspettiva tal-ammont, li ma tikkonċernax biss każijiet eċċezzjonali, hija biżżejjed fil-prinċipju sabiex titqies li hija estensjoni tal-kamp tal-esklużjonijiet eżistenti (39).

44.      Ikun madankollu prematur li wieħed jikkonkludi, awtomatikament, illi l-leġiżlazzjoni Olandiża b’hekk tbiegħdet iktar mill-għanijiet tas-Sitt Direttiva.

45.      Fil-fatt, wieħed għandu jieħu konjizzjoni tal-partikolaritajiet tal-mekkaniżmu tal-limitazzjoni inkwistjoni fil-kuntest tal-kawża preżenti. Kif rajna, dawn jikkonsistu fil-fatt illi, fil-każ ta’ vetturi bil-mutur għal użu mħallat, it-tnaqqis immedjat u totali huwa l-ewwel mogħti , iżda l-VAT hija a posteriori imposta fir-rigward tal-użu privat, b’mod illi, minn din il-perspettiva, it-tnaqqis ma kienx definittiv.

46.      Kif diġà ġie espost, tali mekkaniżmu huwa għal kollox kompatibbli mal-għanijiet tad-Direttiva jekk it-tnaqqis inizjalment mogħti huwa sussegwentement irregolarizzat sa fejn il-vettura kienet effettivament intużat għal finijiet privati. Jekk il-leġiżlazzjoni limitattiva inizjali ma kinitx tissodisfax din il-kundizzjoni relatata mal-applikazzjoni adegwata tal-VAT għall-użu privat, iżda l-emendi ulterjuri jqarrbuha lejn din il-kundizzjoni, din il-leġiżlazzjoni tavviċina ruħha mal-għanijiet tas-Sitt Direttiva fit-totalità tagħha, anki jekk, meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti, it-tnaqqis awtorizzat definittivament għadu limitat.

47.      Huwa biss jekk il-limitazzjoni addizzjonali ma sservix biex tissuġġetta għall-VAT, a posteriori u fil-miżura meħtieġa, l-użu privat tal-vettura li, minħabba t-tnaqqis immedjat, kien inizjalment mingħajr VAT u dan, b’mod partikolari, biex jiġi evitat arrikkiment indebitu tal-persuna taxxabbli, li jkun hemm lok li jiġi kkonstatat li tali limitazzjoni kompliet titbiegħed mill-għan tas-Sitt Direttiva u li għalhekk ma taqax iktar taħt id-dispożizzjonijiet derogatorji tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwa dan fil-każ tal-leġiżlazzjoni Olandiża inkwistjoni.

48.      Nipproponi għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja, sussidjarjament, tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda preliminari: it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jipprekludi emendi magħmula lil leġiżlazzjoni li kienet diġà eżistenti meta daħlet fis-seħħ din id-Direttiva:

–        leġiżlazzjoni li tillimita id-dritt għal tnaqqis fir-rigward ta’ ċerti oġġetti tal-impriża b’użu mħallat billi tawtorizza inizjalment it-tnaqqis immedjat u totali, iżda li tirrendih biss parzjalment definittiv, peress illi l-VAT hija imposta a posteriori fuq l-użu privat;

–        meta l-ammont illi t-tnaqqis definittiv tiegħu huwa eskluż żdied fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iżda l-loġika u l-istruttura tal-leġiżlazzjoni ma nbidlux,

biss jekk (u inkwantu) il-limitazzjoni addizzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni adegwata tal-VAT għall-użu privat.

D –    Sussidjarjament ukoll: fuq it-tieni domanda preliminari

49.      F’każ illi l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda preliminari kif magħmula, ser nitratta wkoll, iktar ’il quddiem u sussidjarjament, it-tieni domanda preliminari.

50.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’każ illi l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tibqax taqa’, wara l-emendi, taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva u b’hekk tkun tikser l-Artikolu 17(2) ta’ din tal-aħħar, il-qorti nazzjonali għandhiex tastjeni totalment milli tapplika din il-leġiżlazzjoni jew għandhiex tastjeni milli tapplikaha biss, sa fejn din il-leġiżlazzjoni estendiet il-portata tal-esklużjoni jew tal-limitazzjoni eżistenti fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva.

51.      Kif ġustament jirrileva l-Gvern Olandiż, in-nuqqas ta’ applikazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni Olandiża, sa fejn din teskludi, għall-vetturi b’użu mħallat, it-tnaqqis definittiv fir-rigward tal-użu privat, iwassal għal riżultat li huwa inkompatibbli mas-Sitt Direttiva, peress illi l-użu privat b’hekk ma jkunx iktar suġġett għall-VAT. Nuqqas ta’ applikazzjoni totali ma jistax konsegwentement ikun ikkontemplat fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

52.      Fi kwalunkwe każ, peress illi huwa biss fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni nazzjonali emendata tintroduċi limitazzjoni addizzjonali li tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-applikazzjoni adegwata tal-VAT għall-użu privat li din ma tibqax taqa’ taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, dak illi d-dritt tal-Unjoni jobbliga lill-qorti nazzjonali, huwa li tapplika l-leġiżlazzjoni l-ġdida biss sa fejn din hija meħtieġa għal din it-tassazzjoni. F’tali każijiet, ma huwiex meħtieġ li wieħed jirreferi għal leġiżlazzjoni preċedenti.

53.      Jekk globalment, il-limitazzjoni addizzjonali għat-tnaqqis definittiv li tirriżulta mill-emendi tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tat-tassazzjoni tal-użu privat u jekk konsegwentement din tirriżulta f’estensjoni tal-limitazzjoni li hija globalment inammissibbli, hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi, abbażi tal-possibbiltajiet illi joffrilha d-dritt nazzjonali, jekk tistax tapplika l-verżjoni emendata sa fejn din tirriformula l-leġiżlazzjoni limitattiva preċedenti jew jekk għandhiex tastjeni milli tapplikaha (40) u tapplika l-liġi preċedenti fiha nnifisha.

54.      B’mod ġenerali, hemm lok li jiġi osservat illi l-portata tal-limitazzjoni prevista mid-dritt nazzjonali fid-data tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva ma hijiex neċessarjament rilevanti. Fil-fatt, jekk l-effetti ta’ din il-limitazzjoni ġew imnaqqsa wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, iżda qabel l-emenda konkretament eżaminata, Stat Membru ma jistax fil-prinċipju jirritorna għas-sitwazzjoni taħt id-dritt nazzjonali tiegħu, li kienet tapplika qabel l-emenda (41).

55.      Għalhekk nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex sussidjarjament tirrispondi kif ġej għat-tieni domanda preliminari: jekk il-limitazzjoni addizzjonali għad-dritt għal tnaqqis li tirriżulta mill-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni adegwata tal-VAT għall-użu privat, b’mod illi l-leġiżlazzjoni emendata ma taqax iktar taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt direttiva, il-qorti nazzjonali għandha tapplika din il-leġiżlazzjoni, biss sa fejn din hija meħtieġa għall-finijiet ta’ din it-tassazzjoni. In-nuqqas ta’ applikazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida u/jew tal-leġiżlazzjoni preċedenti, bir-riżultat illi l-użu privat fl-ebda mument ma jkun suġġett għall-VAT, ma huwiex kompatibbli mas-Sitt Direttiva.

V –    Konklużjonijiet

56.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lill-Hoge Raad kif ġej:

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) u l-Artikolu 20 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li ċertament tawtorizza, għal vetturi bil-mutur użati għal finijiet kemm professjonali kif ukoll privati, it-tnaqqis immedjat u totali tat-taxxa tal-input, iżda li tipprevedi, għal dak li jikkonċerna l-użu privat, ammont addizzjonali fiss li ma huwiex relatat mal-importanza reali tal-użu privat. Jekk il-qorti nazzjonali jkollha quddiemha leġiżlazzjoni bħal din u jekk din wasslet għal tassazzjoni a posteriori għolja wisq tal-użu privat reali tal-vettura, hija għandha tastjeni milli tapplika din il-leġiżlazzjoni inkwantu din tmur lil hinn minn tassazzjoni adegwata tal-użu privat.

57.      Sussidjarjament, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għaż-żewġ domandi preliminari tal-Hoge Raad:

1.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima jipprekludi emendi magħmula lil leġiżlazzjoni li kienet diġà eżistenti meta daħlet fis-seħħ din id-direttiva:

–        leġiżlazzjoni li tillimita id-dritt għal tnaqqis fir-rigward ta’ ċerti oġġetti tal-impriża b’użu jħallat billi tawtorizza inizjalment it-tnaqqis immedjat u totali, iżda li tirrendih biss parzjalment definittiv, peress illi l-VAT hija imposta a posteriori fuq l-użu privat;

–        meta l-ammont illi t-tnaqqis definittiv tiegħu huwa eskluż żdied fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iżda l-loġika u l-istruttura tal-leġiżlazzjoni ma nbidlux, biss jekk (u inkwantu) il-limitazzjoni addizzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni adegwata tal-VAT għall-użu privat.

2.      Jekk il-limitazzjoni addizzjonali għad-dritt għal tnaqqis li tirriżulta mill-emendi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-finijiet tal-applikazzjoni adegwata tal-VAT għall-użu privat, b’mod illi l-leġiżlazzjoni emendata ma taqax iktar taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, il-qorti nazzjonali għandha tapplika din il-leġiżlazzjoni biss sa fejn din hija meħtieġa għall-finijiet ta’ din it-tassazzjoni. In-nuqqas ta’ applikazzjoni totali tal-leġiżlazzjoni l-ġdida u/jew tal-leġiżlazzjoni preċedenti, bir-riżultat illi l-użu privat fl-ebda mument ma jkun suġġett għall-VAT, ma huwiex kompatibbli mas-Sitt Direttiva.


1 –      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 –      Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


3 –      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ta’ 28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1). Il-fatti tal-kawża prinċipali jikkonċernaw is-sena 2006 u peress li, skont l-Artikolu 413 tagħha, din id-direttiva daħlet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Jannar 2007, il-kawża preżenti għandha tiġi eżaminata fir-rigward tas-Sitt Direttiva.


4 –      Ara d-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 15(6) tal-Liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting 1968) u tal-Artikolu 15 tad-digriet ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, tal-1968 (Uitvoeringsbeschikking omzetbelasting 1968).


5 –      Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-345/99, Ġabra p. I-4493, punt 18); tat-23 ta’ April 2009, Puffer (C-460/07, Ġabra p. I-3251, punt 82); u tat-23 ta’ April 2009, PARAT Automotive Cabrio (C-74/08, Ġabra p. I-3459, punt 17).


6 –      Sentenzi tas-6 ta’ Lulju 1995, BP Soupergaz (C-62/93, Ġabra p. I-1883, punt 18); tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora (C-414/07, Ġabra p. I-10921, punt 28); u tat-28 ta’ Lulju 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C-274/10, Ġabra p. I-7289, punt 43).


7 –      Sentenzi tal-15 ta’ Jannar 1998, Ghent Coal Terminal (C-37/95, Ġabra p. I-1, punt 15); tal-1 ta’ April 2004, Bockemühl (C-90/02, Ġabra p. I-3303, punt 39); u tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, Ġabra p. I-10567, punt 27).


8 –      Sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et (C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 43); tad-29 ta’ April 2004, Terra Baubedarf-Handel (C-152/02, Ġabra p. I-5583, punt 35); u tal-15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum (C-368/09, Ġabra p. I-7467, punt 37).


9 –      Sentenzi tat-8 ta’ Jannar 2002, Metropol u Stadler (C-409/99, Ġabra p. I-81, punt 59); tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca (C-371/07, Ġabra p. I-9549, punt 26); u Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28).


10 –      Sentenzi Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 28); Pannon Gép Centrum (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punt 37); u Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 43).


11 –      Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 19) u Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 29).


12 –      Sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 19), Danfoss u AstraZeneca (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 28) u tal-15 ta’ April 2010, X Holding (C-538/08 u C-33/09, Ġabra p. I-3129, punt 38).


13 –      Sentenzi Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 83), X Holding (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 39) u tat-30 ta’ Settembru 2010, Oasis East (C-395/09, Ġabra p. I-8811, punt 20). Id-Direttiva 2006/112 tinkludi, min-naħa tagħha, fl-Artikolu 176, dispożizzjoni derogatorja li tikkorrispondi għall-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.


14 –      Bil-kundizzjoni li l-oġġetti u s-servizzi esklużi jkunu ddefiniti b’mod suffiċjentement preċiż u li l-esklużjonijiet ma jkunux ġenerali, ara s-sentenza X Holding (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 40 sa 45).


15 –      Sentenzi tal-21 ta’ April 2005, HE (C-25/03, Ġabra p. I-3123, punt 46); tal-14 ta’ Settembru 2006, Wollny (C-72/05, Ġabra p. I-8297, punt 21); u Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 39).


16 –      Sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2005, Charles u Charles-Tijmens (C-434/03, Ġabra p. I-7037, punt 24); Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 22); u Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 40).


17 –      Sentenza Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 33).


18 –      Sentenzi Charles u Charles-Tijmens (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 30) u Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 24, 31 u 33).


19 –      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2003, Seeling (C-269/00, Ġabra p. I-4101, punti 42 u 43); Charles u Charles-Tijmens (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punt 25); u Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 41 u 42).


20 –      Sentenza Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 34).


21 –      Sentenza Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 35 u 36).


22 –      Ara l-punt 20 iktar ’il fuq.


23 –      Ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 33).


24 –      Sentenza Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 41).


25 –      Ibidem, (punt 42).


26 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punt 37.


27 –      Ibidem, (punt 37).


28 –      Sentenza Uudenkaupungin kaupunki (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 30).


29 –      Ara s-sentenza Uudenkaupungin kaupunki (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 26) dwar l-Artikolu 20 tad-Direttiva.


30 –      Ara s-sentenza Wollny (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 32 sa 36).


31 –      Ċertament, tassazzjoni a posteriori eventwalment baxxa wisq ukoll toħloq problema fiha nnifisha, iżda dan l-aspett għandu jkun irrilevanti fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha l-persuna taxxabbli tikkontesta biss d-deċiżjonijiet ta’ tassazzjoni, bil-għan li tikseb l-annullament tagħhom jew, għallinqas, tnaqqis fit-taxxa stabbilita.


32 –      Ara l-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Marks & Spencer (sentenza tal-10 ta’ April 2008, C-309/06, Ġabra p. I-2283). Min-naħa l-oħra, fis-sentenza Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 44), il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha fuq l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li hija konformi mad-dritt tal-Unjoni.


33 –      Ara l-punt 13 iktar ’il fuq.


34 –      Sentenza Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 85 u 87). Ara, fir-rigward tal-klawżola ta’ “standstill” tal-Artikolu 57(1) KE jew tal-Artikolu 64(1) TFUE, relatata mal-moviment liberu tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, is-sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05, Ġabra p. I-4051, punt 41), u tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, Ġabra p. I-1025, punt 42).


35 –      Sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-40/00, Ġabra p. I-4539, punt 17); Metropol u Stadler (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 46); tal-11 ta’ Settembru 2003, Cookies World (C-155/01, Ġabra p. I-8785, punt 66); Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 37), Danfoss u AstraZeneca (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 28); u Puffer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 86).


36 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 87. Ara wkoll is-sentenza Cookies World (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 63), kif ukoll, fir-rigward tal-klawżola ta’ “standstill” tal-Artikolu 57(1) KE jew tal-Artikolu 64(1) TFUE, relatata mal-moviment liberu tal-kapital fir-rigward ta’ pajjiżi terzi, is-sentenzi Holböck (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 41) u Fokus Invest (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34, punt 42).


37 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punt 17.


38 –      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 62 et seq.


39 –      Ara l-punt 40 iktar ’il fuq.


40 –      Ara s-sentenza Magoora (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 44). Ara wkoll Kokott u Henze, “Das Zusammenwirken von EuGH und nationalem Richter bei der Herstellung eines europarechtskonformen Zustands”, f’Steuerrecht im Rechtsstaat: Festschrift für Wolfgang Spindler, 2011, p. 279, 290.


41 –      Sentenza Il-Kummissjoni vs Franza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, punti 17, 18 u 24).