Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fl-20 ta’ Marzu 2012 (1)

Kawża C-31/11

Marianne Scheunemann

vs

Finanzamt Bremerhaven

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhofs (il-Ġermanja)]

“Libertajiet fundamentali — Definizzjoni — Libertà ta’ stabbiliment — Artikolu 49 TFUE — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 63 TFUE — Taxxa tas-suċċessjonijiet — Akkwist b’wirt ta’ sehem, bħala azzjonist uniku f’kumpannija b’kapital azzjonarju stabbilita fi Stat terz u li hija proprjetà tal-patrimonju privat tad-defunt — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi vantaġġi fiskali għall-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju nazzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża toriġina minn talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) skont l-Artikolu 267 TFUE li permezz tagħha din tal-aħħar għamlet domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju fuq il-moviment liberu tal-kapital.

2.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tidħol fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Scheunemann (iktar ’il quddiem “ir-rikorrenti”) u l-Finanzamt Bremerhaven (iktar ’il quddiem “il-konvenuta”) fir-rigward tal-legalità ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi d-dejn tagħha skont it-taxxa tas-suċċessjoni. Ir-rikorrenti, li wirtet, bħala azzjonista unika, b’mod partikolari sehem f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha fil-Kanada tikkontesta l-fatt li ċċaħħdet minn sensiela ta’ vantaġġi fiskali li, skont id-dritt nazzjonali, japplikaw għall-ishma f’kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom is-sede tagħhom fil-Ġermanja u fl-Istati l-oħrajn taż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”). Hija tinvoka ksur tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital. Skont ir-rikorrenti, dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu wkoll l-għoti ta’ vantaġġi fiskali kkontestati għal ishma fil-kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat terz. Ir-rikors tagħha biex jiġi mmodifikat id-dejn fiskali kien inċaħad fl-ewwel istanza għar-raġuni li l-vantaġġi fiskali kkontestati ma kellhomx jiġu evalwati fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital iżda biss skont kriterji tal-libertà ta’ stabbiliment. Madankollu, dan ma japplikax għall-istabbiliment f’pajjiżi terzi.

3.        Minbarra l-problema tal-kompatibbiltà ta’ tali differenzazzjoni fiskali mad-dritt tal-Unjoni, il-kawża preżenti tqajjem ukoll il-kwistjoni tad-distinzjoni bejn il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment; dawn iż-żewġ kwistjonijiet għandhom jiġu kkjarifikati fid-dawl tal-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandhom jiġu żviluppati kriterji ċari tad-distinzjoni. L-interess ta’ definizzjoni tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn il-libertajiet fundamentali fil-kuntest speċifiku tal-kawża prinċipali jirriżulta wkoll, mhux l-inqas, mill-fatt li r-rikorrenti, jekk il-libertà ta’ stabbiliment għandha tipprevali fuq il-moviment liberu tal-kapital, ma tistax toqgħod fuq il-protezzjoni li jagħti d-dritt tal-Unjoni biex tibbenefika mill-vantaġġi fiskali stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

4.        L-Artikolu 43 KE (li sar l-Artikolu 49 TFUE) jipprovdi:

“Fil-qafas tad-disposizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

Il-libertà ta’ l-istabbiliment tinkludi d-dritt li tibda u teżerċita attivitajiet bħala persuna li taħdem għal rasa, kif ukoll li tikkostitwixxi u tmexxi impriżi u b’mod partikolari kumpanniji li jaqgħu taħt it-tifsira tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 48 taħt il-kondizzjonijiet stipulati fil-liġijiet tal-pajjiż ta’ l-istabbiliment, għaċ-ċittadini tiegħu stess, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu dwar il-kapital.”

5.        L-Artikolu 56(1) KE (li sar l-Artikolu 63(1) TFUE) huwa redatt hekk kif ġej:

“Fil-kwadru tad-disposizzjonijiet indikati f’dan il-Kapitolu, kull restrizzjoni fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi tkun projbita”.

6.        L-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam] (2) jagħmel referenza b’mod partikolari għall-intestatura XI. (“Movimenti ta’ kapital personali”) sa “Wirt u legati” (punt D).

7.        L-Artikolu 58 KE (li sar l-Artikolu 65 TFUE) fih id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a)      li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

b)      li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal skopijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

2. Id-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandhom ikunu bla ħsara għall-applikabilità ta’ restrizzjoni fuq id-dritt ta’ stabbiliment li huma kompatibbli ma’ dan it-Trattat.

3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56”.

B –    Id-dritt nazzjonali

8.        Id-dispożizzjonijiet rilevanti jirriżultaw mil-Liġi fuq il-Wirt u d-Donazzjonijiet (Erbschaft- und Schenkungsteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“ErbStG”), fil-verżjoni applikabbli tagħha matul is-sena kkontestata tal-2007 (3).

9.        Skont l-Artikolu 1(1)(i) tal-ErbStG, il-wirt huwa suġġett għat-taxxa tas-suċċessjoni.

10.      Skont l-Artikolu 2(1) tal-ErbStG, l-obbligu fiskali japplika għat-totalità tal-patrimonju li jintiret ta’ resident fid-data meta tkun dovuta t-taxxa. Dan jolqot ukoll il-beni li jinsabu barra mill-pajjiż, jiġifieri li l-ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju li ma jkollhiex sede fil-Ġermanja huma affettwati wkoll.

11.      L-Artikolu 13a(1) u (2) tal-ErbStG, fil-verżjoni rilevanti tiegħu fil-perijodu inkwistjoni, jistabbilixxi vantaġġi għall-patrimonji professjonali, l-impriżi agrikoli u tal-foresti u għall-ishma fil-kumpanniji b’kapital azzjonarju. Hemm miktub li:

“1. Il-patrimonji professjonali, il-patrimonji agrikoli u tal-foresti u l-ishma fil-kumpanniji b’kapital azzjonarju skont il-paragrafu 4 jibqgħu eżenti sa valur ta’ EUR 225 000 bla ħsara għat-tieni paragrafu.

1) Fil-każ ta’ suċċessjonijiet;

[…]

2. Il-valur residwu tal-patrimonju skont il-paragrafu 4, wara l-applikazzjoni tal-paragrafu 1, għandu jiġi vvalutat f’65 %.”

12.      Skont l-Artikolu 13a(4)(3) tal-ErbStG, “it-tnaqqis fit-taxxa u l-valutazzjoni b’rata mnaqqsa għandhom japplikaw […] għall-ishma ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju meta din ikollha s-sede tagħha jew il-postijiet ewlenin ta’ negozju fit-territorju nazzjonali fid-data meta t-taxxa tkun inħolqot u d-decujus jew id-donatur kellhom sehem dirett li jaqbeż kwart tal-kapital nominali ta’ din il-kumpannija”.

13.      Skont l-Artikolu 13a(5)(4) tal-ErbStG, “it-tnaqqis fit-taxxa jew f’parti minnha u l-valutazzjoni bir-rata mnaqqsa ma japplikawx b’effett retroattiv, jekk l-akkwirent jiddisponi minn parti tal-ishma fil-kumpannija b’kapital azzjonarju fi żmien ħames snin mill-akkwist tagħhom”.

14.      Mill-proċess jirriżulta li l-amministrazzjoni fiskali ddeċidiet wara s-sentenza Jäger (4) li tapplika wkoll il-vantaġġi tal-Artikolu 13a(1) u (2) tal-ErbStG għall-ishma f’kumpanniji b’kapital azzjonarju mhux ikkwotati fil-borża li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor. Barra minn hekk, wara l-perijodu kkontestat, l-Artikolu 13a tal-ErbStG innfisu ġie emendat fis-sens li fost il-patrimonju li jgawdi mill-vantaġġi kien hemm issa l-ishma li jirrigwardaw il-patrimonju privat ta’ iktar minn 25 % f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru tal-Unjoni jew fiż-ŻEE. L-ishma fil-kumpanniji stabbiliti fl-Unjoni jew fiż-ŻEE jibqgħu esklużi.

III – Il-fatti, il-proċedura prinċipali u d-domandi preliminari

15.      Ir-rikorrenti, iddomiċiljata fil-Ġermanja hija l-unika werrieta ta’ missierha li miet fi Frar 2007 u li kien huwa stess iddomiċiljat fil-Ġermanja. Il-wirt kien jinkludi, fost l-oħrajn, sehem tal-missier bħala l-uniku azzjonist ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha fil-Kanada. Il-wirt tat-tifla huwa suġġett b’mod illimitat għat-tassazzjoni Ġermaniża fuq il-wirt.

16.      B’deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2008, ġew stabbiliti t-taxxi tas-suċċessjoni dovuti għal dan l-akkwist. Billi l-kumpannija b’kapital azzjonarju ma kellha la s-sede tagħha u lanqas il-postijiet prinċipali tan-negożju fit-territorju nazzjonali u/jew fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, il-vantaġġi fiskali skont l-Artikolu 13a(1) u (2) flimkien mal-paragrafu(4) tal-ErbStG, fil-verżjoni applikabbli fil-jum ta’ referenza ma kinux ingħataw (jiġifieri tnaqqis fit-taxxa ta’ EUR 225 000 u tnaqqis fil-valur ta’ 35 %).

17.      Wara li l-ilment tagħha nċaħad, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht (qorti fiskali) u bbażat ruħha fuq il-ksur tal-Artikolu 56 KE. Il-fatti kellhom jiġu ġġudikati fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital. Dan tal-aħħar, skont hi, kien jeħtieġ li jingħataw ukoll il-vantaġġi fiskali kkontestati għall-ishma f’kumpanniji b’kapital azzjonarju li jkollhom is-sede tagħhom fi Stat terz.

18.      Il-Finanzgericht ċaħdet ir-rikors għar-raġuni li l-vantaġġi fiskali kkontestati ma kellhomx jiġu evalwati fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapitali iżda unikament fid-dawl tal-kriterji tal-libertà ta’ stabbiliment, bil-konsegwenza li vantaġġ fiskali ma setax jingħata għal stabbiliment fi Stat terz. Imbagħad ir-rikorrenti ppreżentat rikors ta’ appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof.

19.      Il-Bundesfinanzhof uriet id-dubji tagħha dwar il-motivazzjoni li adottata mill-Finanzgericht meta bbażat ruħha fuq il-fatt li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-trattament fiskali tas-suċċessjonijiet, ta’ kwalunkwe xorta li jkunu, jirrigwarda d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital. Skont il-Bundesfinanzhof, huwa neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkjarifika jekk jikkonformax mad-dritt tal-Unjoni, li l-vantaġġi fiskali nazzjonali ma jkunux applikabbli għall-akkwist ta’ ishma fil-kumpanniji b’kapital azzjonarju li għandhom is-sede tagħhom u l-postijiet prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat terz. Għal din ir-raġuni, hija ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq din it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56(1) flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 58 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni applikabbli għal wirt, is-sehem fi proprjetà privata, miżmum minn persuna bħala l-uniku azzjonist ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha u t-tmexxija tagħha fil-Kanada, huwa stmat fil-valur sħiħ tiegħu, filwaqt li, jekk tali sehem huwa miksub f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha u t-tmexxija tagħha fit-territorju nazzjonali, jingħata tnaqqis marbut mal-proprjetà u jittieħed inkunsiderazzjoni biss 65 % tal-valur residwu?”

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

20.      It-talba għal deċiżjoni preliminari ddatata l-15 ta’ Diċembru 2010 waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Jannar 2011.

21.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

22.      Peress li ħadd mill-partijiet ma talab il-ftuħ tal-proċedura orali, il-konklużjonijiet ta’ din il-kawża tħejjew wara l-laqgħa ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 2012.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

A –    Il-libertà ta’ moviment applikabbli

23.      Kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-suċċessjonijiet jikkostitwixxu tip ta’ moviment liberu tal-kapital li, bla ħsara għal kwistjonijiet strettament nazzjonali, jaqgħu taħt l-Artikolu 63 TFUE. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li leġiżlazzjoni dwar it-taxxi tas-suċċessjoni li twassal għal tnaqqis fil-valur tas-suċċessjoni tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

24.      Iżda, fl-aħħar mill-aħħar, biex jiġi ddeterminat jekk leġiżlazzjoni nazzjonali partikolari tirrigwardax il-moviment liberu tal-kapital jew tal-libertà ta’ stabbiliment, hemm lok li jiġi eżaminat liema dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni hija primarjament affettwata. F’dan ir-rigward, għandha ssir evalwazzjoni kumplessiva li tikkunsidra mhux biss l-għan tad-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata, iżda wkoll l-għanijiet mixtieqa u ċ-ċirkustanzi attwali tal-ishma li jeżistu fil-kawża prinċipali. Fil-kawża prinċipali dawn huma primarjament id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment li huma affettwati. Il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni jaqblu li r-rikorrenti ma tistax toqgħod fuq dawn il-libertajiet sakemm id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma jkollhomx regoli li jestendu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom għal fatti li fihom jeżisti element transkonfinali marbut ma’ Stat terz.

B –    L-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

25.      Kemm il-Gvern Ġermaniż kif ukoll il-Kummissjoni jagħmlu osservazzjonijiet sussidjarji fuq il-kwistjoni jekk fil-kawża prinċipali, teżistix restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

26.      Filwaqt li l-Gvern Ġermaniż sempliċement iddikjara li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital huwa affettwat, il-Kummissjoni tirrikonoxxi espressament restrizzjoni fuq din il-libertà fundamentali. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata kienet teskludi kull tnaqqis fit-taxxa u kull valutazzjoni b’valur imnaqqas tal-ishma f’kumpannija meta s-sede u l-post prinċipali ta’ negozju tagħha jkunu fi Stat terz. Għalhekk dan iwassal għal tnaqqis fil-valur tas-suċċessjoni fil-każ li l-wirt jinkludi ishma f’tali kumpannija pparagunat ma’ suċċessjoni li tinkludi ishma f’kumpanniji li jkollhom is-sede jew il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju nazzjonali. Dan jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

C –    Il-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

27.      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital huwa ġġustifikat f’dan il-każ. Skont hu, huma kunsiderazzjonijiet dwar il-politika tal-impjiegi li jiġġustifikaw dawn ir-restrizzjonijiet li jikkostitwixxu dawn il-vantaġġi fiskali. Is-suċċessjoni tal-impriżi f’Istati terżi ma hijiex paragunabbli oġġettivament mas-suċċessjoni tal-impriżi li għandhom is-sede tagħhom fl-UE jew fiż-ŻEE. Peress li l-vantaġġi fiskali huma marbutin ma’ kundizzjonijiet, kien jeżisti wkoll bżonn kunsiderevoli ta’ sorveljanza fiskali li ma tistax tiġi ggarantita b’mod paragunabbli għal kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha fil-Kanada.

28.      Iżda l-Kummissjoni tikkunsidra li restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital ma hijiex ġustifikata. Fir-rigward tal-għan tal-leġiżlatur nazzjonali li ma tantx jgħabbi bit-taxxa lill-werriet ta’ patrimonju ta’ kumpannija (jiġifieri li ma jiġix intaxxat bl-istess mod bħal persuna li tiret somma f’kontanti) u jiġi evitat li dan il-werriet ikun obbligat li jbigħ jew ixolji kumpannija biex ikun jista’ jħallas it-taxxa tas-suċċessjoni, il-Kummissjoni ssostni li ma hemmx elementi li jindikaw li l-għanijiet mixtieqa ma jistgħux jintlaħqu ħlief jekk il-vantaġġ ikun limitat għal ishma fil-kumpanniji nazzjonali. Quddiem l-impossibbiltà li jsir paragun, il-Kummissjoni tosserva li xejn ma jwassal għall-konstatazzjoni li s-sitwazzjoni li fiha l-kumpannija għandha s-sede tagħha jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha fit-territorju nazzjonali hija differenti minn dik fejn żewġ punti ta’ konnessjoni jkunu barra l-pajjiż, kemm jekk ikunu fi Stat Membru ieħor, kemm jekk ikunu fi Stat terz. Fl-aħħar nett, hija tgħid li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri ma jistgħux iressqu argumenti li jistrieħu fuq in-nuqqas ta’ reċiproċità sabiex jirrestrinġu l-moviment liberu tal-kapital f’sitwazzjonijiet b’konnessjoni ma’ Stati terzi.

VI – Il-kunsiderazzjonijiet

A –    Osservazzjonijiet introduttivi

29.      Minħabba l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni kkontestata kif ukoll l-emendi leġiżlattivi li saru matul is-snin, għandhom jissemmew fil-qosor l-elementi essenzjali tagħha. Kif jidher mid-digriet tar-rinviju, din il-kawża tirrigwarda leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kalkolu tat-taxxa tas-suċċessjoni f’sitwazzjoni fejn is-suċċessjoni jkollha sehem minn patrimonju privat fil-kapital ta’ kumpannija u f’dan ir-rigward, dan is-sehem għandu jirrappreżenta iktar minn 25 % ta’ dan il-kapital. Skont din il-leġiżlazzjoni, tnaqqis fit-taxxa jingħata fuq dan is-sehem u l-valur residwu jittieħed inkunsiderazzjoni biss sa 65 %. Fil-bidu, dawn il-vantaġġi japplikaw biss jekk is-sede jew il-post ta’ negozju tal-kumpannija kkonċernata jinsabu fit-territorju nazzjonali u mhux fil-każ ta’ kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom u l-post prinċipali tan-negozju barra mill-pajjiż. Wara s-sentenza Jäger fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-leġiżlazzjoni kienet inkompatibbli mal-moviment liberu tal-kapital (5), il-leġiżlatur nazzjonali abbanduna parzjalment din id-distinzjoni u estenda l-vantaġġi fiskali ċċitati iktar ’il fuq lill-kumpanniji li għandhom is-sede tagħhom u l-post prinċipali tan-negozju tagħhom fiż-ŻEE. Il-partikolarità ta’ din il-kawża tal-lum qiegħda fil-fatt li ż-żewġ kriterji ta’ konnessjoni qegħdin fi Stat terz mhux Ewropew. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-leġiżlazzjoni kkontestata hijiex kompatibbli mas-sitwazzjoni libera tal-kapital.

30.      Għall-finijiet ta’ ċarezza, l-ewwel nett għandhom jiġu ddefiniti l-elementi differenti fuq il-bażi ta’ ċerti kunsiderazzjonijiet. Ir-risposta għad-domanda preliminari teħtieġ l-ewwel nett li jiġi stabbilit jekk id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital japplikawx. Dan jiddependi mit-tip ta’ relazzjonijiet li jeżistu bejn din il-libertà fundamentali u d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment li huma rilevanti wkoll f’ċerti kundizzjonijiet. Dan huwa element ċentrali tal-evalwazzjoni li hija determinanti għal dak li ser jintqal. Imbagħad biss jista’ wieħed jiddetermina skont liema kriterji legali għandha tiġi kkunsidrata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni kkontestata mad-dritt tal-Unjoni. Minħabba l-fatt li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital ikopri — u l-ebda libertà fundamentali oħra ma tagħmel dan — sitwazzjonijiet li għandhom rabtiet ma’ Stati terzi, il-kwistjoni tal-ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni eventwali kienet tqum biss jekk din il-libertà fundamentali ma tkunx twarrbet mill-oħra.

B –    Il-libertà fundamentali applikabbli

1.      Kriterji ta’ delimitazzjoni

31.      Biex tingħata risposta dwar liema libertà fundamentali tikkostitwixxi l-kriterju rilevanti ta’ evalwazzjoni, għandhom jiġu eżaminati liema huma d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma affettwati l-iktar (6). F’dan ir-rigward, għandha ssir evalwazzjoni kumplessiva li tikkunsidra mhux biss is-suġġett tad-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata (7), iżda wkoll l-għanijiet mixtieqa u r-rabtiet ta’ ishma effettivi li jeżistu fil-kawża prinċipali.

32.      Miżura nazzjonali marbuta kemm mal-moviment liberu tal-merkanzija kif ukoll mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi għandha fil-prinċipju tiġi eżaminata biss fir-rigward ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali jekk jiġri li waħda minnhom hija għal kollox sekondarja fir-rigward tal-oħra u tista’ tkun konnessa magħha (8). Dan huwa l-każ meta l-effetti tal-leġiżlazzjoni fuq l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali huma biss il-konsegwenza inevitabbli ta’ libertà fundamentali oħra milquta fl-ewwel lok minn din il-leġiżlazzjoni (9). Iżda, jekk ma jidhirx ċar liema hi l-libertà fundamentali affettwata prinċiplament, minħabba li l-leġiżlazzjoni taffettwa direttament iż-żewġ libertajiet fundamentali kkunsidrati, allura dawn iż-żewġ libertajiet fundamentali japplikaw bl-istess mod (10).

33.      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tirrigwarda l-konsegwenzi fiskali ta’ trasferiment causa mortis. Ċertament, it-taxxi diretti — fosthom hemm ukoll it-taxxi tas-suċċessjoni inkwistjoni f’dan il-każ — fil-prinċipju jirrigwardaw il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Istati Membri ma jistgħux jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom fis-suġġett ħlief fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u partikolarment tal-libertajiet fundmentali (11). Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tista’ tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, l-unika kwistjoni li tqum hija dik tal-effetti eventwali tagħha fuq il-moviment liberu tal-kapital u tal-libertà ta’ stabbiliment.

2.      Effetti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-libertajiet fundamentali

a)      Moviment liberu tal-kapital

i)      Kamp ta’ applikazzjoni materjali

34.      Fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jiġi nnutat fi kwalunkwe każ li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa affettwat minħabba l-fatt li f’din il-kawża, hemm trasferiment causa mortis. Sitwazzjoni bħal din hija prevista mill-moviment liberu tal-kapital u jiena ser neżaminaha iktar ’il quddiem b’mod iddettaljat.

35.      It-Trattat ma fihx definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment ta’ kapital”. Madankollu, billi l-Artikolu 63 TFUE jirriproduċi essenzjalment il-kontenut tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/361, u minkejja li din id-direttiva hija bbażata fuq l-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE inbidlu bl-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, imbagħad bl-Artikoli 56 sa 60 KE u issa bl-Artikoli 63 TFUE sa 66 TFUE), skont ġurisprudenza stabbilita, in-nomenklatura fir-rigward ta’ movimenti ta’ kapital annessa ma’ dik id-direttiva xorta għad għandha l-istess valur indikattiv għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” (12).

36.      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, meta tfakkar, b’mod partikolari, li s-suċċessjonijiet, li jikkonsistu fi trasferiment lil persuna waħda jew iżjed ta’ patrimonju mħolli mid-decujus, jirrigwardaw it-taqsima XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, bl-isem “Movimenti ta’ kapital ta’ natura personali”, iddeċidiet li s-suċċessjonijiet jikkostitwixxu movimenti tal-kapital, bl-eċċezzjoni tal-każijiet fejn l-elementi tagħhom kostituttivi huma ristretti fi Stat Membru wieħed biss (13).

37.      Il-moviment liberu tal-kapital huwa affettwat minn regoli nazzjonali fir-rigward ta’ taxxi ta’ suċċessjoni minħabba li proprjetà li tinsab fi Stat Membru ieħor hija miksuba. Il-Qorti tal-Ġustizzja tara fit-trasferiment causa mortis tranżazzjoni transkonfinali u l-kundizzjoni biex ikun rilevanti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital (14). Fil-fatt, fil-każ ta’ suċċessjoni, il-patrimonju tad-decujus jiġi ttrasferit lil persuna waħda jew iżjed li jfisser li d-drittijiet u l-obbligi li jikkostitwixxu dan il-patrimonju jiġu ttrasferiti lill-werrieta.

38.      Issa, sitwazzjoni li fiha persuna li toqgħod fi Stat Membru fil-mument tal-mewt tagħha tħalli wirt lil persuna oħra residenti f’dan l-istess Stat Membru, immobbli li jinsabu fi Stat Membru ieħor, bl-ebda mod ma tikkostitwixxi, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja stess, sitwazzjoni purament interna (15). Għandu jkun l-istess f’każijiet bħal dan tallum fejn l-unika werrieta wirtet mid-decujus 100 % tal-ishma f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha f’pajjiż terz. Barra minn hekk, is-suċċessjoni tal-ishma f’kumpannija stabbilita fi Stat terz fil-prinċipju taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-moviment liberu tal-kapital għaliex dan huwa ggarantit ukoll lil Stati terzi bis-saħħa tal-Artikolu 63(1) TFUE. Għaldaqstant, is-suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi tranżazzjoni transkonfinali li tikkorrispondi mad-definizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ta’ “moviment ta’ kapital”.

39.      Għaldaqstant, għandu jitqies li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħol biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital.

ii)    Restrizzjoni

40.      L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet kollha fuq il-moviment tal-kapital bejn l-Istati Membri. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fost il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE bħala restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ kapital, hemm dawk il-miżuri li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur ta’ suċċessjoni ta’ resident ta’ Stat li ma huwiex l-Istat Membru fejn jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxa s-suċċessjoni fuq l-imsemmija beni (16).

41.      F’dan il-każ, skont il-leġiżlazzjoni kkontestata, fil-każ ta’ ishma, l-applikazzjoni tat-tnaqqis fit-taxxa skont l-Artikolu 13a(1)(1) tal-ErbStG u tal-valutazzjoni tal-valur imnaqqas skont l-Artikolu 13a(1)(1) tal-ErbStG hija eskluża jekk is-sede u l-post prinċipali tan-negozju tal-kumpannija inkwistjoni jinsabu barra mill-pajjiż. Minn dan il-fatt, min-naħa tal-persuni taxxabbli, is-suċċessjoni li fiha ishma f’dawn il-kumpanniji tirċievi trattament inqas favorevoli milli fir-rigward ta’ suċċessjoni li tinkludi ishma fil-kumpanniji li għandhom is-sede u l-post prinċipali tan-negozju tagħhom fit-territorju nazzjonali. Fl-aħħar nett, min-naħa tal-werrieta, ikun hemm tnaqqis tal-valur tas-suċċessjoni u għandu jitqies li teżisti restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital.

b)      Libertà ta’ stabbiliment

42.      Minħabba l-għan partikolari tagħha u s-suġġett tagħha, huwa possibbli li l-leġiżlazzjoni kkontestata tikkonċerna wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment.

i)      Il-kriterju tal-influwenza determinanti fuq il-kumpannija

43.      Favur dan il-kriterju hemm il-fatt li din il-leġiżlazzjoni ma hijiex applikabbli b’mod ġenerali għal kull sitwazzjoni ta’ trasferiment causa mortis iżda pjuttost għal ċerti sitwazzjonijiet preċiżi ħafna. Skont l-Artikolu 13a(1) u (2) tal-ErbStG flimkien mal-paragrafu 4 punt 3 ta’ dan l-istess artikolu, il-vantaġġi fiskali tat-tnaqqis fit-taxxa jew il-valutazzjoni f’valur imnaqqas japplikaw biss “jekk id-decujus ikollu sehem dirett, li jaqbeż kwart il-kapital nominali ta’ kumpannija”. Il-fatt li qed tiġi ristretta l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-ishma f’kumpannija minn perċentwali partikolari jista’, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ikollu konsegwenzi fir-rigward tad-distinzjoni li għandha ssir bejn il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment.

44.      Il-libertà ta’ stabbiliment skont l-Artikoli 49 et seq tat-TFUE tirrigwarda persuni fiżiċi jew legali li jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor biex jaħdmu għal rashom. Dan jimplika l-“eżerċizzju attwali ta’ attività ekonomika permezz ta’ stabbiliment fiss fi Stat Membru ieħor għal perijodu indefinit” (17). Il-kunċett ta’ stabbiliment huwa wiesa’ ħafna; dan ifisser il-possibbiltà għal ċittadin Komunitarju li jipparteċipa, b’mod stabbli u kontinwu, fil-ħajja ekonomika ta’ Stat Membru li ma jkunx l-Istat ta’ oriġini tiegħu (18).

45.      Is-sentenza Baars (19) hija l-iktar xierqa sabiex wieħed jifhem il-qofol tal-libertà ta’ stabbiliment u dan fis-sitwazzjoni speċifika ta’ sehem ta’ azzjonist f’kumpannija b’kapital azzjonarju, li hija l-istess sitwazzjoni ta’ din il-kawża. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment kienu japplikaw f’sitwazzjoni meta ċ-ċittadin ta’ Stat Membru fejn huwa residenti kellu sehem ta’ 100 % tal-kapital ta’ kumpannija li kellha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja mmotivat is-sentenza tagħha bil-fatt li sehem bħal dak jagħtih influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u tippermettilu li jiddetermina l-attivitajiet tagħha. Minħabba l-fatt li l-libertà ta’ stabbiliment ifisser, fost l-oħrajn, it-twaqqif u l-ġestjoni ta’ impriżi, u partikolarment ta’ kumpanniji, fi Stat Membru minn ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju dwar din il-libertà fundamentali f’sitwazzjoni bħal dik tal-każ tallum fejn l-azzjonista teżerċita funzjoni importanti fi ħdan tal-kumpannija, għandha tiġi kkunsidrata wkoll bħala ġusta.

46.      Sa mis-sentenza Baars, ġie rrikonoxxut fil-ġurisprudenza li d-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar iż-żamma ta’ ishma li jippermettu l-eżerċizzju ta’ influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u sabiex jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha, jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq il-libertà ta’ stabbiliment (20). Din il-ġurisprudenza issa tista’ titqies bħala stabbilita. Hija r-raġuni wkoll għaliex huwa loġiku li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tiġi eżaminata biex jiġi ddeterminat jekk din tirrigwardax anki dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment. F’każ bħal dan, fid-dawl tal-għan tal-leġiżlatur, din għandha tikkunsidra dak is-sehem li jagħti lill-azzjonist influwenza determinanti fuq il-kumpannija fis-sens tal-ġurisprudenza. F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni jekk il-limitu ta’ iktar minn 25 % tal-kapital nominali ta’ kumpannija stabbilit mil-leġiżlatur nazzjonali jistax jiġi kkunsidrat bħala għoli biżżejjed biex jissodisfa l-eżiġenzi tal-ġurisprudenza.

47.      Huwa ċert li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jistabbilixxu sempliċement sehem minimu li ’l fuq minnu jistgħu jiġu applikati l-vantaġġi fiskali. Din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tolqot naturalment sitwazzjoni fejn l-azzjonist, bħal f’dan il-każ, ikollu sehem ferm ikbar fil-kapital tal-kumpannija. Huwa preċiżament f’każ bħal dan fejn ir-rikorrenti għandha sehem ta’ 100 % fil-kapital tal-kumpannija, illi ma għandu jkun hemm l-ebda dubju li l-influwenza tagħha fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija hija, skont il-kriterji ffissati mid-dritt Ġermaniż tal-kumpanniji u mill-istatuti, konsiderevoli jekk mhux totali. Nikkunsidra li l-konklużjonijiet adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Baars huma applikabbli f’din il-kawża wara li jitqies ix-xebh bejn is-sitwazzjonijiet ta’ fatt ta’ dawn iż-żewġ każijiet. Kif irrikonoxxiet ġustament il-Qorti tal-Ġustizzja, dak li jkollu tali influwenza f’kumpannija jeżerċita d-dritt ta’ stabbiliment tiegħu (21). Iżda, ma teżistix il-possibbiltà li jiġu applikati dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapital. Għaldaqstant, din tieħu t-tieni post wara l-libertà ta’ stabbiliment.

48.      Madankollu, għall-finijiet ta’ kompletezza u lil hinn miċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, dan ma jipprekludinix milli nagħmel ċerti riflessjonijiet fundamentali dwar l-għoli ta’ dan il-limitu. Ċertament, sehem ta’ iktar minn 25 % tal-kapital nominali ma jiggarantixxix f’kull każ il-possibbiltà li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tal-kumpannija. Huwa ferm iktar rilevanti li jsir magħruf kif inhuma mqassmin l-ishma fil-kumpannija (22). Iżda, kif argumenta l-Gvern Ġermaniż b’mod konvinċenti meta bbaża ruħu fuq id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Ġermaniz tal-kumpanniji, anki sehem relattivament żgħir ta’ inqas minn 25 % jippermetti lill-azzjonist li jeżerċita influwenza fuq id-destin tal-kumpannija b’kapital azzjonarju. Fil-fatt, sehem bħal dak jagħtih minoranza li timblokka fil-każ ta’ deċiżjonijiet importanti li jiddeterminaw id-destin tal-impriża. Għalhekk, pereżempju, kull emenda lill-istatuti ta’ Aktiengesellschaft (kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata) teħtieġ, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 179(2) tal-Aktiengesetz (Liġi fuq il-kumpanniji, AktG) (23), deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali li għandha tiġi adottata bil-maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-kapital soċjali rrappreżentat meta tittieħed id-deċiżjoni. Jirriżulta li emenda għall-istatuti tista’ tiġi prekluża bir-rifjut ta’ minoranza li tikkonsisti f’mill-inqas 25 % tal-kapital soċjali rrappreżentat. Bl-istess mod f’Gesellschaft mit beschränkter Haftung (kumpannija b’responsabbiltà limitata), kull emenda tal-istatut teħtieġ, skont l-Artikolu 53(2) tal-Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung (liġi fuq il-kumpanniji b’responsabbiltà limitata, GmbHG) (24), deċiżjoni tal-imsieħba meħuda minn maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-voti mitfugħa. Jekk din il-maġġoranza ma tintlaħaqx, ma tkun tista’ tiġi adottata l-ebda deċiżjoni għall-emendar tal-istatuti.

49.      Dawn il-kunsiderazzjonijiet seta’ kellhom rwol meta l-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa b’mod vinkolanti l-limitu li ’l fuq minnu kellhom jingħataw il-vantaġġi fiskali. Kif jidher mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż (25) u tal-Kummissjoni (26), dawn il-vantaġġi fiskali kienu intiżi preċiżament għall-werrieta ta’ ishma konsiderevoli. L-għan tal-leġiżlazzjoni kien biex dawn tal-aħħar jiġu eżentati u jitħajru jidħlu f’attivitajiet kummerċjali. Fl-aħħar mill-aħħar, ried jiġi żgurat b’hekk li jżommu l-impriża tagħhom kif ukoll l-impjiegi matul il-fażi kkunsidrata bħala kritika tat-trasferiment tal-impriża fil-kuntest ta’ suċċessjoni. Madankollu, dan ifisser iż-żamma ta’ influwenza determinanti fuq l-impriża b’mod li l-grupp affettwat bil-vantaġġ suppost ikun ikkostitwit biss minn werrieta ta’ dawn l-ishma li jagħtuhom poter deċiżjonali. Għaldaqstant, il-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-eżami tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż tal-kumpanniji u tad-dritt fiskali huma bbażati fuq l-idea li din il-leġiżlazzjoni tolqot preċiżament dawn l-ishma li jagħtu influwenza determinanti fuq il-kumpannija fis-sens tal-ġurisprudenza.

50.      Evalwazzjoni fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti ma twassal għall-ebda konklużjoni oħra. F’dan ir-rigward, nagħmel referenza għall-kawża Lasertec (27) fejn il-miżura nazzjonali kkontestata kienet tapplika għal sitwazzjoni meta kumpannija barranija kellha sehem ta’ iktar minn 25 % f’kumpannija stabbilita fit-territorju nazzjonali. Il-persuna kkonċernata kellha wkoll żewġ terzi tal-kapital soċjali b’mod li kienet tapplika l-libertà ta’ stabbiliment. Fil-kawża Truck Center (28), il-miżura nazzjonali kkontestata kienet limitata għal ishma ta’ mill-inqas 25 %. Il-persuna kkonċernata kellha 48 % tal-kapital li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, kien jiggarantilha influwenza determinanti. Huwa possibbli li wieħed jiddeduċi minn din il-ġurisprudenza li s-sempliċi obbligu legali minimu ta’ 25 % tal-kapital nominali ta’ kumpannija huwa biżżejjed biex jirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment. Iktar u iktar japplika dan jekk l-azzjonist, bħal f’dan il-każ, ikollu sehem ta’ 100 % tal-kapital tal-kumpannija.

51.      Billi f’din il-kawza għandu jiġi kkunsidrat li teżisti influwenza determinanti fuq il-kumpannija, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom japplikaw fil-prinċipju d-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

ii)    L-oġġezzjonijiet kontra l-applikazzjoni f’din il-kawża ta’ din il-ġurisprudenza

52.      Madankollu, fid-digriet tar-rinviju tagħha (29), il-qorti nazzjonali tesprimi dubji dwar l-applikabbiltà ta’ din il-ġurisprudenza fil-kawża prinċipali. Hija tenfasizza li d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja li stabbilixxew il-ġurisprudenza kienu mhux dwar it-taxxi tas-suċċessjoni, iżda dwar sitwazzjonijiet oħrajn. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tidher li qed tesprimi l-preferenza tagħha għal applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital. Skont hi, il-libertà ta’ stabbiliment hija, l-iżjed l-iżjed, affettwata b’mod indirett biss u għalhekk ma tistax tipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital. Il-qorti tar-rinviju tirrikonoxxi l-fatt li kjarifika definittiva ta’ din il-kwistjoni hija prerogattiva tal-Qorti tal-Ġustizzja.

53.      Kontra d-dubji tal-qorti tar-rinviju, jista’ jingħad li hemm il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà applikat din il-ġurisprudenza fis-sentenza Geurts u Vogten (30) għal leġiżlazzjoni nazzjonali fuq it-taxxi ta’ suċċessjoni. Din il-leġiżlazzjoni laqtet kumpanniji tal-familji fejn id-defunt — eventwalment mal-qraba — kellu mill-inqas 50 % tal-kapital tal-kumpannija, li kien jagħtih influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u kien jippermettilu li jiddetermina l-attivitajiet tagħha. Id-decujus kellu konġuntament mal-konjuġi tiegħu, parzjalment indirettament u parzjalment direttament, 100 % tal-kapital ta’ kumpannija li kellha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment kienu japplikaw.

54.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dik is-sentenza li l-leġiżlazzjoni kkontestata fil-kawża prinċipali kienet taffettwa b’mod qawwi l-libertà ta’ stabbiliment u kienet tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet biss tat-Trattat dwar din il-libertà. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li jekk tali miżura nazzjonali għandu jkollha effetti restrittivi fuq il-moviment liberu tal-kapital, dawn l-effetti għandhom jiġu kkunsidrati bħala konsegwenza inevitabbli ta’ ostakolu eventwali fuq il-libertà ta’ stabbiliment u ma jiġġustifikawx eżami ta’ dik il-miżura fir-rigward tad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapitali (31). Għaldaqstant, is-sentenza Geurts u Vogten turi b’mod ċar li l-libertà ta’ stabbiliment għandha tirbaħ fuq il-moviment liberu tal-kapital sa fejn din tal-aħħar hija affettwata b’mod prinċipali.

55.      Dik is-sentenza turi fl-istess ħin li ma teżisti l-ebda raġuni biex ma tiġix applikata dik il-ġurisprudenza għal sitwazzjonijiet li jikkonċernaw taxxi tas-suċċessjoni. Il-fatt li t-trasferiment causa mortis tikkostitwixxi forma partikolari tal-moviment tal-kapital ma joħloqx ostaklu. Minn naħa, it-trasferiment causa mortis jikkostitwixxi trasferiment ta’ ishma bħal kwalunkwe wieħed ieħor u kull sehem f’impriża jfisser trasferiment ta’ kapital. Min-naħa l-oħra, għandu jitqies li billi l-leġiżlazzjoni fuq it-taxxa tas-suċċessjoni tolqot direttament l-interessi tal-werrieta, kif ġustament issottomettiet il-Kummissjoni, jeħtieġ, għalhekk, li wieħed jikkunsidra din il-fehma tagħhom ukoll (32). F’dan il-kuntest, nixtieq nenfasizza li l-werriet, wara t-trasferiment tad-drittijiet, ikun fl-istess pożizzjoni bħal kull detentur ieħor tal-ishma ta’ kumpannija. Fil-fatt, il-werriet jissostitwixxi ruħu għall-persuna tad-decujus għal dak li jirrigwarda s-suġġett tas-suċċessjoni. Għaldaqstant, għandu l-istess libertajiet fundamentali bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni li kellu d-decujus meta kien ħaj, għaliex dan stess kien detentur tal-ishma tal-kumpannija. F’dan il-kuntest, id-distinzjoni li tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja bejn ishma tal-portafoll u dawk li jippermettu lill-proprjetarju tagħhom li jiddetermina l-attivitajiet tal-kumpannija kkonċernata tibqa’ għal kollox rilevanti. Din l-aħħar sitwazzjoni hija ekwivalenti f’kull aspett għal stabbiliment tal-werriet fi Stat Membru ieħor.

56.      Għall-finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nenfasizza wkoll li s-sentenza Busley u Cibrian Fernandez (33), kuntrarjament għal dak li ssostni l-qorti tar-rinviju, ma fihiex indikazzjonijiet utli li jippermettu l-evalwazzjoni tar-relazzjoni li teżisti bejn iż-żewġ libertajiet fundamentali, tant li l-affermazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw esklużivament iċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ partikolari. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda element li jiġġustifika li tiġi eżaminata l-kwistjoni tal-applikazzjoni tal-libertà ta’ stabbiliment, billi l-fatti prinċipali jikkonċernaw beni li jintwirtu — jiġifieri beni immobbli u mhux, bħal f’dan il-każ, sehem f’kumpannija. L-istess jgħodd għall-kawżi l-oħrajn imsemmijin fid-digriet tar-rinviju, jiġifieri s-sentenzi Eckelkamp (34), Arens-Sikken (35) u Mattner (36). Għalhekk, f’dawn il-kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li t-trasferiment causa mortis tal-immobbli huwa fil-prinċipju suġġett għad-dispożizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-kapital. Din il-ġurisprudenza fiha nnifisha ma hijiex kontestabbli. Madankollu, ma tantx hija utli għall-evalwazzjoni tal-fatti f’din il-kawża prinċipali.

57.      Din hija r-raġuni għaliex id-dubji tal-qorti tar-rinviju jidhru li ma humiex fondati jekk wieħed jagħmel eżami iktar iddettaljat. Għaldaqstant, miniex qed nara argumenti konvinċenti kontra li l-prinċipji tal-ġurisprudenza Baars jiġu applikati f’dan il-każ partikolari. Jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni tirrigwarda wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tal-libertà ta’ stabbiliment.

3.      Konklużjoni intermedja

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata taffettwa kemm il-moviment liberu tal-kapital kif ukoll il-libertà ta’ stabbiliment.

C –    Distinzjoni bejn il-libertajiet fundamentali

59.      Wara li ġew eżaminati b’mod iddettaljat liema kienu l-konsegwenzi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq il-moviment liberu tal-kapital u l-libertà ta’ stabbiliment, issa tqum il-kwistjoni jekk waħda miż-żewġ libertajiet fundamentali hijiex eventwalment affettwata l-iktar. Għal dan l-iskop, għandha tiġi evalwata fil-kumpless tagħha l-leġiżlazzjoni kif ukoll fir-rigward tar-relazzjonijiet li jeżistu bejn id-dispożizzjonijiet differenti.

60.      L-ewwel nett, huwa fatt rilevanti li dawn il-leġiżlazzjonijiet jolqtu esklużivament ishma f’kumpanniji li jippermettu lid-detenturi tagħhom li jkollhom influwenza determinanti fuqhom. Din il-kunsiderazzjoni tmur favur l-argument li hija preċiżament il-libertà ta’ stabbiliment u mhux il-moviment liberu tal-kapital li hija direttament affettwata. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-distinzjoni bejn iż-żewġ libertajiet fundamentali li ġiet eżaminata diġà iktar ’il fuq, f’sitwazzjoni bħal din, huwa l-moviment liberu tal-kapital li għandu jċedi l-post għal-libertà ta’ stabbiliment.

61.      Fl-eżami ta’ din il-kwistjoni, għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-Artikolu 13(5) tal-ErbStG li jimponi fuq il-werriet, bħala kundizzjoni għall-għoti ta’ vantaġġi fiskali — u sakemm il-kumpannija jkollha s-sede u/jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Stat taż-ŻEE — li jiġu mwettqin effettivament l-attivitajiet tal-impriżi tagħha għal perijodu ta’ mill-inqas ħames snin u li ma jinbigħux l-ishma tagħha. Barra minn hekk, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi t-tneħħija retroattiva tal-vantaġġi jekk il-werriet ma josservax l-obbligi tiegħu. Hija tolqot b’mod ċar sitwazzjonijiet fejn il-werriet, meta jeżerċita l-libertà ta’ stabbiliment tiegħu, jipparteċipa b’mod kontinwu fil-ħajja ekonomika fi Stat ieħor. Fil-fatt tistabbilixxi li dan huwa obbligat li jkompli l-impriża għal perijodu ta’ żmien li ma huwiex insinjifikattiv. Il-prospettiva ta’ tneħħija retroattiva tal-vantaġġi tiżgura li l-werriet, fil-kwalità ġdida tiegħu ta’ imprenditur, jadotta aġir fit-tul li jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali wara t-trasferiment tad-drittijiet. Il-fatt li l-werriet jiġi offrut vantaġġi finanzjarji fil-każ ta’ tkomplija tal-impriża jfisser li dan huwa fl-aħħar mill-aħħar imħajjar mil-liġi biex jeżerċita r-rwol ta’ imprenditur. Jekk ma jixtieqx jitlef il-vantaġġi fiskali, il-marġni ta’ manuvra tiegħu huwa minħabba dan il-fatt ristrett ħafna speċjalment għal dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jinbiegħu l-ishma fil-kumpannija jew li jiġi deċiż li l-post tan-negozju tal-kumpannija jitwaqqaf barra miż-ŻEE. Huwa preċiżament minħabba l-konsegwenzi mixtieqa fuq il-werriet li, f’din il-kwalità, ħa pożizzjoni fuq dan il-punt partikolari fi ħdan l-impriża tad-decujus li tippermettilu li jmexxi l-attivitajiet kummerċjali tal-impriża, fejn jidher li restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital tikkostitwixxi, fl-aħħar mill-aħħar, konsegwenza inevitabbli tal-limitazzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment.

62.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taffettwa prinċipalment il-libertà ta’ stabbiliment u tirrigwarda biss il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat fuq din il-libertà fundamentali. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Geurts u Vogten mogħtija f’sitwazzjoni simili (37), ma għadux meħtieġ li jiġu eżaminati restrizzjonijiet eventwali fuq il-moviment liberu tal-kapital fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikoli 63 TFUE sa 65 TFUE.

63.      L-istess jgħodd meta, bħal fil-kawża prinċipali, l-istabbiliment ikkunsidrat isir fi Stat terz u li, minħabba dan il-fatt, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertà ta’ stabbiliment ma humiex, fl-aħħar mill-aħħar, applikabbli (38).

64.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, nikkonkludi li r-rikorrenti ma tistax tibbaża ruħha fuq il-moviment liberu tal-kapital biex tibbenefika mill-vantaġġi fiskali stabbiliti fid-dritt nazzjonali. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju biss dwar il-libertà ta’ stabbiliment jikkostitwixxu l-kriterju ġuridiku li fid-dawl tiegħu għandha tiġi kkunsidrata l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata mad-dritt tal-Unjoni. Madankollu, ir-rikorrenti ma tistax tuża dawn għaliex l-element transkonfinali huwa konness biss mal-Kanada bħala Stat terz.

65.      Għaldaqstant, fir-rigward tas-suġġett tad-domanda preliminari, għandu jiġi kkonstatat ukoll li d-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju dwar il-moviment liberu tal-kapital ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali li tistabbilixxi li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxi tas-suċċessjoni applikabbli għal wirt, is-sehem li jidħol f’patrimonju privat, u miżmum minn persuna bħala azzjonista unika ta’ kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha u l-postijiet prinċipali tan-negozju tagħha fil-Kanada, jiġi stmat bil-valur reali tiegħu, filwaqt li jekk dak is-sehem jinkiseb f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha u l-postijiet prinċipali tan-negozju tagħha fit-territorju nazzjonali, tnaqqis fit-taxxa marbut mal-beni huwa permess u l-valur residwu ma jiġix ikkunsidrat ħlief jekk ikun iżjed minn 65 %.

VII – Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi d-domanda preliminari tal-Bundesfinanzhof kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet ikkombinati tal-Artikolu 63(1) TFUE (li qabel kien l-Artikolu 56(1) KE) u tal-Artikolu 65 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 58 KE) għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tistabbilixxi li, għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxi tas-suċċessjoni applikabbli għal wirt, is-sehem li jidħol f’patrimonju privat, u miżmum minn persuna bħala azzjonista unika tal-kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha u l-postijiet prinċipali tan-negozju tagħha fil-Kanada, jiġi stmat bil-valur reali tiegħu, filwaqt li jekk dak is-sehem jinkiseb f’kumpannija b’kapital azzjonarju li għandha s-sede tagħha u l-postijiet prinċipali tan-negozju tagħha fit-territorju nazzjonali, tnaqqis fit-taxxa marbut mal-beni huwa permess u l-valur residwu ma jiġix ikkunsidrat ħlief jekk ikun iżjed minn 65 %.”


1 —      Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż


2 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10.


3 —      Verżjoni tal-pubblikazzjoni tas-27 ta’ Frar 1997 (BGBl. 1997 I, p. 378), b’emendi ulterjuri.


4 —      Sentenza tas-17 ta’ Jannar 2008 (C-256/06, Ġabra p. I-123).


5 —      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 56.


6 —      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber tal-14 ta’ Ottubru 1999 fil-kawża Baars (C-251/98, sentenza tat-13 ta’ April 2000, Ġabra p. I-2787, punti 28 sa 30).


7 —      Sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C-196/04, Ġabra p. I-7995, punti 31 sa 33); tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz (C-452/04, Ġabra p. I-9521, punti 34 u 44 sa 49); tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation (C-374/04, Ġabra p. I-11673, punti 37 et seq) u Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 36), tat-13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C-524/04, Ġabra p. I-2107, punti 26 sa 34), u tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen (C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305, punt 34).


8 —      Sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1994, Schindler (C-275/92, Ġabra p. I-1039, punt 22); tat-22 ta’ Jannar 2002, Canal Satélite Digital (C-390/99, Ġabra p. I-607, punt 31); tal-25 ta’ Marzu 2004, Karner (C-71/02, Ġabra p. I-3025, punt 46); tal-14 ta’ Ottubru 2004, Omega (C-36/02, Ġabra p. I-9609, punt 26); tas-26 ta’ Mejju 2005, Burmanjer et (C-20/03, Ġabra p. I-4133, punt 35), u Fidium Finanz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 34).


9 —      Sentenzi Omega (punt 27); Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 33); Fidium Finanz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 48); digrieti tal-10 ta’ Mejju 2007, Lasertec (C-492/04, Ġabra p. I-3775, punt 25), kif ukoll A u B (C-102/05, Ġabra p. I-3871, punt 27); sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA (C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 24); tal-25 ta’ Ottubru 2007, Geurts u Vogten (C-464/05, Ġabra p. I-9325, punt 16); tal-15 ta’ Mejju 2008, Lidl Belgium (C-414/06, Ġabra p. I-3601, punt 16); tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda (C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 74); tas-26 ta’ Marzu 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-326/07, Ġabra p. I-2291, punt 39); tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha (C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 35), u tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 40).


10 —      Sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck (C-157/05, Ġabra p. I-4051, punt 24); Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 36), u tal-11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-543/08, p. I-11241, punt 43).


11—      Sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19); tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 15); tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz (C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 21), u Jäger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 23).


12—      Sentenzi tas-16 ta’ Marzu 1999, Trummer u Mayer (C-222/97, Ġabra p. I-1661, punt 21); tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et (C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa 540/99, Ġabra p. I-2157, punt 30); tat-23 ta’ Frar 2006, Van Hilten-van der Heijden (C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 39); Fidium Finanz (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 41), u tal-10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach (C-25/10, Ġabra p. I-497 , punt 15). L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” skont l-Artikolu 63 TFUE huwa eżempju tal-interpretazzjoni sistematika tal-atti li għandhom gradi differenti fil-ġerarkija tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti interpretazzjoni tad-dritt primarju billi tirreferi għad-dritt sekondarju li kien ġie adottat għal dan l-iskop (ara fuq dan is-suġġett lil S. Grundmann, “Inter-Instrumental-Interpretation, Systembildung durch Auslegung im Europäischen Unionsrecht”, Rabels Zeitschrift für ausländisches und internationales Privatrecht, Vol. 75, 2011, p. 898).


13—      Sentenza Jäger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 25).


14—      Sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2003, Barbier (C-364/01, Ġabra p. I-15013, punt 58), u Van Hilten-van der Heijden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punti 41 u 42).


15—      Sentenza Jäger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 26).


16—      Sentenzi Van Hilten-van der Heijden (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 44); Jäger (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 32), u Missionswerk Werner Heukelbach (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 22).


17—      Sentenzi tal-25 ta’ Lulju 1991, Factortame et (C-221/89, Ġabra p. I-3905, punt 20), u tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 25).


18—      Sentenzi Gebhard (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 25), u tas-7 ta’ Settembru 2006, N (C-470/04, Ġabra p. I-7409, punt 26).


19—      Sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6.


20—      Sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-112/05, Ġabra p. I-8995, punt 13); Il-Kummissjoni vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 34); tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou (C-81/09, Ġabra p. I-10161, punt 47); Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, punt 41), u tal-10 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall (C-212/09, Ġabra p. I-10889, punt 43).


21—      Sentenza Baars (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 22).


22—      Sentenza Il-Kummission vs L-Italja (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 38).


23 —      Aktiengesetz, tas-6 ta’ Settembru 1965 (BGBl. I p. 1089), emendata l-aħħar bl-Artikolu 2(49), tal-liġi tat-22 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. I p. 3044).


24 —      Gesetz betreffend die Gesellschaften mit beschränkter Haftung, kif ippubblikata fil-verżjoni kkoreġuta fil-Bundesgesetzblatt Parti III, Nru 4123-1, emendata l-aħħar bl-Artikolu 2(51) tal-liġi tat-22 ta’ Diċembru 2011 (BGBl. I p. 3044).


25—      Punt 60 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż.


26—      Punt 50 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


27 —      Digriet iċċitat iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9.


28 —      Sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008 (C-282/07, Ġabra p. I-10767).


29—      Ara d-deċiżjoni tar-rinviju, p 8.


30 —      Sentenza Geurts u Vogten (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9).


31—      Sentenza Geurts u Vogten (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 16).


32—      Punt 48 tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.


33—      Sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrian Fernandez (C-35/08, Ġabra p. I-9807).


34—      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et (C-11/07, Ġabra p. I-6845).


35—      Sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Arens-Sikken (C-43/07, Ġabra p. I-6887).


36—      Sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner (C-510/08, Ġabra p. I-3553).


37—      Punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


38—      Digrieti Lasertec (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 27), u tas-6 ta’ Novembru 2007, Stahlwerk Ergste Westig (C-415/06, punt 13); is-sentenza Holböck (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 10, point 28). Mutatis mutandis, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, u l-moviment liberu tal-kapital, ara s-sentenza Fidium Finanz (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punt 50).