Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-22 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C-165/11

Daňové riaditeľstvo Slovenskej republiky

vs

Profitube spol. sro

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Najvyšší súd Slovenskej republiky, is-Slovakkja)

“Taxxa fuq il-valur miżjud – Merkanzija provenjenti minn pajjiż terz u mqiegħda taħt proċedura f’magażinaġġ doganali fi Stat Membru – Bejgħ ta’ merkanzija biż-żamma tas-sistema ta’ sospensjoni – Bejgħ ta’ oġġetti – Tranżazzjoni taxxabbli”





1.        Jekk prodott jiġi introdott fit-territorju tal-Unjoni billi tintuża sistema ta’ sospensjoni pprovduta mir-regoli tad-dwana, pereżempju, sabiex jiġi pproċessat u mbagħad esportat mill-ġdid lejn pajjiż terz, dan il-prodott ma jiksibx l-istatus ta’ merkanzija tal-Komunità. Mill-perspettiva tad-dwana, għalhekk, ma huwa dovut ebda dazju. X’jiġri, madankollu, jekk tali prodott, li jinsab barra minn hekk f’magażinaġġ tad-dwana, jinbiegħ minn kumpannija lill-kumpannija oħra tal-Unjoni, filwaqt li jibqa’ fiżikament fl-istess post u, legalment, f’sistema ta’ sospensjoni? B’mod partikolari, trid titħallas it-taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem “VAT”) fuq it-tali tranżazzjoni ta’ bejgħ? Din, essenzjalment, hija l-problema li ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, bid-domandi preliminari tagħha, il-Qorti Suprema Slovakka.

I –    Il- kuntest legali

A –    Il-leġiżlazzjoni tad-dwana

2.        Il-kunċett ta’ “territorju tad-dwana” tal-Unjoni hija mfissra fl-Artikolu 3 tal-Kodiċi Doganali (2). B’mod partikolari, skont din id-dispożizzjoni t-territorju tad-dwana jinkludi it-territorju tal-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-lokalitajiet imsemmija espliċitament fir-regola stess.

3.        L-Artikolu 84 tal-Kodiċi Doganali jelenka il-“proċeduri” li jaqgħu fosthom, b’mod partikolari, dik tal-magażinaġġ doganali u dik tal-proċessar tad-dħul f’forma ta’ sistema ta’ sospensjoni. Tali sistemi jippermettu, skont l-Artikolu 98 u l-Artikolu 114, li jiġu introdotti fit-territorju doganali tal-Unjoni merkanzija li ma hijiex Komunitarja mingħajr ħlas ta’ dazji. Il-proċedura tal-magażinaġġ doganali hija maħsuba għall-ħażna tal-merkanzija, dik tal-ipproċessar tad-dħul għat-trasformazzjoni tal-istess.

4.        Skont l-Artikolu 98(2) tal-Kodiċi Doganali, magażinaġġ doganali huwa “kull post approvat minn u taħt is-sorveljanza ta’ l-awtoritajiet doganali fejn merkanzija tista’ tinħażen taħt il-kondizzjonijiet stipulati”.

B –    Il-liġi tal-VAT

5.        Fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, li jmorru lura għall-2005- 2006, il-liġi tal-VAT applikabbli kienet dik li tinsab fis-Sitt Direttiva (3).

6.        Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT:

“1.       il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;

2.       l-importazzjoni ta’ oġġetti”.

7.        Wieħed jifhem bi “Provvista ta’ oġġetti” skont l-Artikolu 5(1), “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali”.

8.        It-territorju tal-Unjoni, għall-iskopijiet tas-Sitt Direttiva, huwa mfisser fl-Artikolu 3 segwenti. Huwa jinkludi t-territorju tal-Istati Membri, bl-eċċezzjoni tal-lokalitajiet speċifikament imsemmija fl-istess artikolu.

9.        L-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva fih xi regoli dwar l-eżenzjonijiet mit-taxxa. B’mod partikolari dan, fil-verżjoni emendata – b’teknika leġiżlattiva kurjuża – mill-Artikolu 28ċ tal-istess Sitt Direttiva (4), jipprovdi dan li ġej:

“1. Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijet oħra tat-taxxa Komunitarja, l-Istati Membri jistgħu, soġġetti għall-konsultazzjonijiet li hemm ipprovduti fl-Artikolu 29, jieħdu miżuri speċjali mfassla biex jeżentaw it-tranżazzjonijiet kollha jew ftit milli ġejjin (…):

(…)

provvista ta’ oġġetti li huwa maħsuba li jridu jiġu:

(…)

(ċ)      poġġut taħt arranġamenti depożitarji fid-dwana jew ġewwa arranġamenti proċessati;

(…)

D. provvisti ta’ oġġetti u servizzi mwettqa:

(a)       fil-postijiet msemmija f’B (a), (b), (ċ) u (d) u għadhom soġġetti għal waħda mis-sitwazzjonijiet msemmija hawnhekk;

(…)”.

10.      Essenzjalment, allura, l-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva jawtorizza lill-Istati Membri li jeżentaw mill-VAT il-bejgħ ta’ oġġett li huwa suġġett għall-proċedura ta’ importazzjoni sospensiv u jibqa’, wara l-bejgħ, suġġett għal tali arranġament.

II – Fatti, proċedimenti prinċipali u kwistjonijiet preliminari

11.      Il-kawża prinċipali tikkonċerna ċerti oġġetti tal-azzar (kojls) li jkunu għaddew minn ipproċessar parzjali importati mill-Ukraina f’isem il-kumpannija Slovakka Profitube, u mqiegħda, is-Slovakkja, f’arranġament sospensiv. B’mod iktar preċiż, il-merkanzija kienet ġiet l-ewwel mqiegħda taħt il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali, u mbagħad, sabiex tiġi ttrasformata f’profili tal-azzar, taħt il-proċedura tal-ipproċessar tad-dħul.

12.      Wara l-merkanzija, filwaqt li qatt ma abbandunat il-post fejn kienet, inbiegħet minn Profitube lill-kumpannija oħra Slovakka MERCURIUS, u mqiegħda mill-ġdid taħt il-proċedura ta’ magażinaġġ doganali.

13.      L-awtoritajiet tat-taxxa Slovakki talbu l-ħlas tal-VAT fir-rigward tal-bejgħ ta’ Profitube lil MERCURIUS, waqt li kkunsidraw it-tranżazzjoni, għall-finijiet tal-VAT, bħala bejgħ normali ta’ oġġetti suġġetta għat-taxxa.

14.      Profitube kkontestat b’mezz ġudizzjarju d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa, billi sostniet li, peress illi l-merkanzija inkwistjoni ma hijiex ikkunsidrata bħala merkanzija Komunitarja skont il-liġi doganali, l-istess ma għandha lanqas taqa’ fl-ambitu tal-applikazzjoni tad-dixxiplina tal-VAT.

15.      Ir-rikors ta’ Profitube kellu suċċess fl-ewwel istanza, quddiem il-Krajský súd (Qorti reġjonali) ta’ Bratislava, li annullat id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa. Fit-tieni istanza, madankollu, tali pożizzjoni ġiet maqluba mill-Najvyšší súd (Qorti suprema), l-attwali qorti tar-rinviju, li kkunsidrat it-tranżazzjoni bħala suġġetta għall-VAT.

16.      Profitube madankollu ppreżentat applikazzjoni quddiem l-Ústavný súd (Qorti Kostituzzjonali), li annullat id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema u rreferiet il-kawża lil din tal-aħħar. B’mod partikolari, skont il-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti Suprema ma kkunsidratx adegwatament ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Slovakka li kkonfermaw il-prevalenza tal-leġiżlazzjoni doganali fuq dik inkwistjoni tal-VAT.

17.      F’dan il-punt, il-Qorti Suprema ddeċidiet li tissospendi l-preċeduri, u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.      F’sitwazzjoni fejn, matul is-snin 2005 u 2006, importatur ta’ Stat Membru importa f’maħżen doganali pubbliku ta’ dan l-Istat Membru merkanzija li toriġina mit-territorju ta’ Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea (l-Ukraina) li sussegwentement ġiet ipproċessata f’dan il-maħżen doganali taħt is-sistema ta’ perfezzjonament attiv taħt forma ta’ sistema ta’ sospensjoni, u li l-prodott li rriżulta minn dan ma ġiex direttament esportat fis-sens tal-Artikolu 114 tar Regolament [KEE] Nru 2913/92, iżda, kuntrarjament, inbiegħ mill-proċessatur tal-merkanzija f’dan l-istess maħżen lil kumpannija oħra li toriġina minn dan l-Istat Membru, li min-naħa tagħha ma poġġitux f’ċirkulazzjoni ħielsa mill-maħżen doganali msemmi, iżda reġgħet poġġitu taħt is-sistema tal-maħżen doganali, il-leġiżlazzjoni doganali Komunitarja dejjem tapplika unikament għall-bejgħ imsemmi iktar ’il fuq f’dan il-maħżen doganali, jew il-bejgħ tal-merkanzija inkwistjoni biddel, f’dan il-punt, is-sitwazzjoni legali fis-sens li t-tranżazzjoni msemmija iktar ’il fuq taqa’ diġà taħt is-sistema tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977 (77/388/KEE), jiġifieri li huwa possibbli li jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud tas-Sitt Direttiva, li l-maħżen doganali pubbliku li jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru jkun jagħmel parti mit-territorju tal-Komunità, jiġifieri tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru fis-sens tad-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 3 tas-Sitt Direttiva?

2.      Is-sitwazzjoni inkwistjoni iktar ’il fuq tista’ tiġi evalwata billi tittieħed inkunsiderazzjoni d-duttrina tal-abbuż ta’ dritt żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li tikkonċerna l-applikazzjoni tas-Sitt Direttiva (Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax, C-255/02), fis-sens li r-rikorrenti, permezz tal-bejgħ tal-merkanzija fil-maħżen doganali pubbliku li jinsab fit-territorju tar- Repubblika Slovakka, diġà effettwat kunsinna ta’ beni bi ħlas fuq it-territorju nazzjonali?

3.      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, fis-sens li t-tranżazzjoni inkwistjoni taqa’ diġà taħt is-sistema tas-Sitt Direttiva, din it-tranżazzjoni tiġġenera t-taxxa

a.      skont l-Artikolu 10(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, meta mqabbla mal-eżiġibbiltà tat-taxxa, minħabba li saret kunsinna ta’ beni f’maħżen doganali li jinsab fuq it-territorju tar-Repubblika Slovakka, jew

b.      minħabba li, wara li l-merkanzija ġiet importata minn pajjiż terz (Artikolu 10(3) tas-Sitt Direttiva), matul il-ħażna f’dan il-maħżen doganali, kienet diġà ntemmet il-proċedura doganali permezz tal-bejgħ tal-merkanzija maħżuna lil persuna oħra tal-Istat Membru?

4.      L-għanijiet tas-Sitt Direttiva espressi fil-preambolu tagħha, fejn l-għanijiet tal-GATT (WTO), huma sodisfatti jekk il-bejgħ tal-merkanzija importata minn pajjiż terz lejn maħżen doganali, li sussegwentement ġiet ipproċessata, mibjugħa lil persuna oħra ta’ dan l-Istat Membru f’maħżen doganali fuq it territorju ta’ Stat Membru tal-Komunità Ewropea ma jaqax taħt is-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud f’dan l-Istat Membru?”

III – Analiżi

A –    Fuq l-obbligu ta’ ħlas tal-VAT (b’mod partikolari, fuq l-ewwel u fuq it-tielet domanda)

18.      B’mod ġenerali, il-VAT hija dovuta fuq merkanzija fil-każ ta’ importazzjoni jew kunsinna tal-istess. Fil-każ preżenti huwa paċifiku li ma kienx hemm ebda importazzjoni, peress li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinsab taħt sistema ta’ sospensjoni tad-dazji doganali. Għalhekk, l-eventwali obbligu tal-ħlas tal-VAT jista’ jkun ibbażat biss fuq l-eżistenza ta’ “kunsinna tal-beni” li għandu l-karatteristiċi speċifikati mis-Sitt Direttiva.

19.      B’mod iktar preċiż, il-VAT hija ġeneralment dovuta minħabba kunsinna ta’ beni, jekk jirrikorru tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, it-tranżazzjoni għandha tkun, fl-ewwel lok, kunsinna ta’ beni mwettqa b’titolu oneruż; fit-tieni lok, il-kunsinna kellha tiġi mwettqa minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

20.      Fit-tielet lok, it-tranżazzjoni kellha tiġi mwettqa ġewwa t-territorju tal-Unjoni, kif imfisser fl-Artikolu 3 tiegħu.

21.      Fil-kawża preżenti, l-eżistenza tal-ewwel żewġ kundizzjonijiet ma titqiegħedx fid-dubju mill-qorti tar-rinviju, u għalhekk ma għandhiex tingħata iktar attenzjoni. Il-bejgħ twettaq b’titolu oneruż minn persuna taxxabbli li aġixxiet bħala tali, u kien jinvolvi t-trasferiment mill-bejjiegħ lix-xerrej tad-dritt li jiddisponi mill-beni bħala sid. Id-domandi preliminari huma maħsuba sabiex jiċċaraw, minflok, jekk anki t-tielet kundizzjoni hijiex sodisfatta. Skont l-interpretazzjoni sostnuta mill-kumpannija rikorrenti fil-kawża prinċipali, merkanzija li tinsab taħt proċedura sospensiva, li għalhekk ma saritx komunitarja skont il-liġi doganali, ma għandhiex titqies bħala mqiegħda, għall-fini tal-VAT, fit-territorju tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, il-partijiet l-oħra kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża argumentaw li l-bejgħ tal-merkanzija minn Profitube lil MERCURIUS kien tranżazzjoni ekonomika normali suġġetta għall-VAT.

22.      Id-domandi mressqa mill-qorti nazzjonali jipprestaw ruħhom li jiġu ttrattati flimkien, peress li jqajmu kwistjoni waħda. Barra minn hekk, kif ser jintwera, jekk is-soluzzjoni hija fis-sens li s-Sitt Direttiva teħtieġ il-ħlas tal-VAT, ma huwiex neċessarju li nirrispondi għat-tieni u għar-raba’ domanda.

23.      Hija preċiżament din il-pożizzjoni tiegħi. Fl-opinjoni tiegħi, il-VAT hija dovuta. Fil-liġi tal-Unjoni ma teżisti ebda regola li tippermetti li teskludi l-obbligu ta’ ħlas tat-taxxa fil-każ tal-bejgħ ta’ merkanzija mqiegħda – u intenzjonata sabiex tibqa’ – taħt proċedura doganali sospensiva.

24.      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li għal-liġi tal-Unjoni, ir-regoli tad-dwana u dawk dwar il-VAT huma żewġ korpi regolatorji fundamentalment distinti. Dan ma jfissirx, naturalment, li ma hemmx relazzjonijiet reċiproċi bejn it-tnejn: l-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva, pereżempju, jirrigwarda, kif intwera, preċiżament sitwazzjoni fejn iridu jiġu applikati kemm ir-regoli tad-dwana kif ukoll dawk tal-VAT. Dak li jeħtieġ li jkun ċar, madankollu, huwa li dawn huma żewġ gruppi ta’ regoli li għandhom, min-naħa waħda, l-istess grad ġerarkiku ta’ regoli tad-dritt sekondarju – b’hekk kull prevalenza awtomatika ta’ wieħed fuq l-ieħor hija eskluża – u li jsegwu, min-naħa oħra, għanijiet kompletament differenti. Il-fatt li ċerta beni tgawdi minn proċedura “privileġġjata” fil-liġi doganali ma jfissirx li għandha awtomatikament tgawdi minn trattament preferenzjali għall-finijiet tal-VAT, u viċi versa.

25.      Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-VAT magażinaġġ doganali jagħmel parti, bla dubju, mit-territorju tal-Unjoni. Is-Sitt Direttiva tindika b’mod ċar il-partijiet tat-territorju tal-Istati Membri li għalihom is-sistema tal-VAT ma tapplikax, u fost dawn ma hemmx imħażen doganali. L-istess Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha okkażjoni tosserva, f’kawża li tixbah lil din preżenti, li magażinaġġ doganali jagħmel parti, għall-finijiet tal-VAT, tat-territorju tal-Unjoni (5). B’mod iktar ġenerali, kif stabbilit mill-ġurisprudenza, is-sistema tas-Sitt Direttiva “tapplika b’mod vinkolanti u mandatorju għat-territorju nazzjonali kollu ta’ l-Istati Membri” (6).

26.      Konsegwentement, il-fatt li l-beni kkunsinnati f’din il-kawża kienu fiżikament f’magażinaġġ doganali huwa rrilevanti għall-finijiet tal-VAT, bl-istess mod li bih huwa rrilevanti, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-imsemmija beni huma oġġett ta’ proċedura doganali sospensiva.

27.      Barra minn hekk, anki fil-liġi doganali l-imħażen doganali huma parti mit-territorju tal-Unjoni. Il-fatt li l-beni li jinsabu fihom jistgħu jgawdu minn regolament speċjali tad-dwana, marbut mal-fatt li jkunu faċilment kontrollabbli, ma jinnegax l-fatt li ma huma bl-ebda mod lokalitajiet extraterritorjali: huma biss, kif iddikjarat fl-Artikolu 98(2) tal-Kodiċi Doganali, postijiet approvati mill-awtoritajiet doganali għall-ħażna ta’ merkanzija skont ċerti kundizzjonijiet speċifiċi.

28.      Konsegwentement, bejgħ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi kunsinna ta’ beni li jinsabu ġewwa t-territorju tal-Unjoni, suġġett għall-ħlas tal-VAT.

29.      Li din hija l-interpretazzjoni korretta huwa kkonfermat ukoll, fl-opinjoni tiegħi b’mod inekwivokabbli, mill-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva.

30.      Kif intwera iktar ’il fuq, fil-fatt, tali dispożizzjoni tipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti tranżazzjonijiet mill-VAT, fosthom anki l-kunsinni ta’ beni li jinsabu taħt proċedura doganali sospensiva u li jibqgħu jinsabu taħt tali proċedura wara l-kunsinna. Dan ifisser li Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżenta mill-VAT bejgħ bħal dak inkwistjoni fil-kawża preżenti (7). Għalhekk, huwa ċar li, jekk id-Direttiva tipprevedi li Stati Membri jistgħu jeżentaw mill-VAT tranżazzjonijiet bħal dik inkwistjoni, fil-każ li fih tali eżenzjoni ma tingħatax il-VAT għandha titħallas. Ma jagħmel ebda sens li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-VAT jekk ir-regola ġenerali ma kinitx dik tal-ħlas tat-taxxa. Fi kliem ieħor, is-Sitt Direttiva tassumi li kunsinna ta’ merkanzija li tinsab taħt proċedura doganali sospensiva hija normalment suġġetta għall-VAT, u tista’ tiġi eżentata biss jekk l-Istati Membri jiddiċiedu li jagħtu eżenzjoni.

31.      Fil-kawża preżenti, jidher li qed joħroġ ċar mill-osservazzjonijiet ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja li s-Slovakkja ma tatx eżenzjoni: l-istess Gvern Slovakk ikkonferma b’mod ċar dan il-fatt. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li evidentement għandha tiddetermina l-eżistenza jew le ta’ xi dispożizzjonijiet nazzjonali li daħħlu fil-liġi interna l-eċċezzjonijiet awtorizzati mill-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva.

B –    Fuq it-tieni u fuq ir-raba’ domanda

32.      Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li nipprovdi għad-domandi ċentrali mqajma mill-qorti nazzjonali, ma huwiex neċessarju li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina it-tieni u r-raba’ domanda, li huma magħmula biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustiżżja jkollha tafferma li, f’każ bħal dan, ebda VAT ma hija dovuta.

IV – Konklużjonijiet

33.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi mqajjma mill-Najvyšší súd Slovenskej kif ġej:

“Sakemm Stat Membru ma jkunx għamel użu mill-possibbiltà li tingħata eżenzjoni, skont l-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill Direttiva 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, il-fatt li bejgħ jirrigwarda beni mqiegħda taħt proċedura doganali sospensiva, u/jew mqiegħda f’magażinaġġ doganali, ma jinnegax is-soġġezzjoni tal-bejgħ stess għat-taxxa fuq il-valur miżjud”.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2–      Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2 Vol. 4, p. 307) kif sussegwentement emendat.


3–      Is-Sitt Direttiva 77/388/KEE tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq il-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ –Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif sussegwentement emendata.



4–      Il-parti tal-Artikolu 28(ċ) li jemenda l-Artikolu 16 kienet ġiet introdotta bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, li temenda d-Direttiva 77/388/KEE u tintroduċi miżuri ġodda sempliċi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud – skop għal ċertu eżenzjonijiet u arranġamenti prattiċi biex jimplimentawhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274). 


5 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Frar 2006, Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq (C-305/03, Ġabra. p. I-1213, punt 40). Il-Qorti tal-Ġustizzja hemm irrilevat li l-possibbiltajiet ta’ eżenzjoni skond l-Artikolu 16 tas-Sitt Direttiva huma dwar “transazzjonijiet li saru fit-territorju tal-pajjiż”.


6 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN vs Skatteverket (C-111/05, Ġabra. p. I-2697, punt 55).



7 – Xi dubju jista’ jiġi ppreżentat bl-argument li l-eċċezzjoni fl-Artikolu 16 għandu jkun applikabbli biss fil-każ ta’ kunsinna tal-beni li r-regolament tad-dwana ma jinbidilx minkejja l-kunsinna, mentri fil-każ preżenti l-beni għaddew, fil-mument tal-kunsinna, mis-sistema tal-perfezzjonament attiv għal dik tal-magażinaġġ doganali. Madankollu, nemmen li tali interpretazzjoni ma tkunx korretta, u li t-transizzjoni minn arranġament sospensiv għall-ieħor ma tirrestrinġix li titgawda l-eżenzjoni, sakemm prevista mill-Istat Membru kkonċernat.