Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fid-19 ta’ Lulju 2012 (1)

Kawża C-174/11

Finanzamt Steglitz

vs

Ines Zimmermann

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE – VAT – Eżenzjonijiet – Artikolu 13(A)(1)(g) – Servizzi konnessi mal-għajnuna soċjali u xogħol ta’ sigurtà soċjali minn korpi rregolati bid-dritt pubbliku jew minn organizzazzjonijiet oħra rikonoxxuti bħala tal-karità – Leġiżlazzjoni nazzjonali li taħtha l-eżenzjoni ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja hija suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet li ma humiex, madankollu, applikabbli meta s-servizzi inkwistjoni jiġu pprovduti minn certi assoċjazzjonijiet approvati mill-Istat, jew mill-membri ta’ dawk l-assoċjazzjonijiet”





1.        It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) oriġinarjament kienet maħsuba u ġiet introdotta bħala taxxa sempliċi fuq il-provvista ta’ oġġetti u servizzi. Madankollu, wieħed jista’ jargumenta li s-sistema tal-VAT u xi wħud mir-regoli tagħha spiċċaw ikunu pjuttost ikkumplikati. Tabilħaqq, imħallef tal-Court of Appeal (England and Wales) osserva f’dak ir-rigward li “lil hinn mid-dinja ta’ kuljum […] hemm id-dinja tal-[VAT], speċi ta’ theme park fiskali fejn ir-realtajiet fattwali u legali jiġu sospiżi jew invertiti” (2).

2.        Hu x’inhu l-każ, fil-kawża preżenti l-Bundesfinanzhof (Il-Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) qiegħda titlob li tingħata gwida dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(A)(1)(g) u/jew (2)(a) tas-Sitt Direttiva (3). Din it-talba saret f’kuntest ta’ kawża bejn Ines Zimmermann u l-Finanzamt Steglitz (L-Uffiċċju tat-Taxxa, Steglitz) (“il-Finanzamt”) dwar il-VAT dovuta għas-snin 1993 u 1994.

3.        Il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tikkjarifika jekk Stat Membru jistax – fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva – jagħmel l-eżenzjoni ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja għal dawk li huma morda jew fil-bżonn ta’ kura, dipendenti fuq il-fatt li, fil-każ ta’ tali organizzazzjonijiet, “l-ispejjeż tal-kura ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena kalendarja preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali” (4).

4.        Kif se nuri, iqumu dubji b’mod partikolari dwar jekk tali kundizzjoni hijiex konsistenti mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, peress li din ma tapplikax bl-istess mod għall-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja.

I –    Il-qafas legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

5.        L-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw mill-VAT, taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu sabiex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ tali eżenzjonijet u l-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar u abbuż possibbli:

“il-provvediment [il-provvista] tas-servizzi u ta’ l-oġġetti marbuta mal-komfort [mal-għajnuna soċjali] u x-xogħol tas-sigurtà soċjali, inklużi dawk fornuti mid-djar ta’ l-anzjani, mill-entitajiet regolati mid-dritt pubbliku jew minn organizazzjonijet oħrajn rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru konċernat”.

6.        Skont l-Artikolu 13(A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva:

7.         “l-Istati Membri jistagħu [jistgħu] jagħmlu l-għoti lill-entitjajiet għajr dawk regolati mid-dritt pubbiku ta’ kull eżenzjoni pprovduta f’(1)(b) (g), (h), (i), (l), (m) u (n) ta’ dan l-Artikolu soġġett għal kull każ individwali għal wieħed jew iżjed mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

–        huma m’għandhomx sistemikament jimmiraw biex jagħmlu profitt, imma kwalunkwe profitti li madanakollu jirriżultaw m’għandhomx jiġu mqassma, imma għandhom ikunu assenjati għall-kontinwament u għat-titjib tas-servizzi pprovduti,

–        huma għandhom ikunu mmaniġjati jew amministrati fuq bażi essenzjalment volontarja minn persuni li m’għandhomx interess dirett jew indirett, jew huma nfushom jew b’intermedji, fir-riżultati ta’ l-attivitajiet konċernati,

–        [huma] għandhom iżommu prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi jew li ma jeċċedux it-tali prezzijiet approvati jew, fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li m’humiex soġġetti għall-approvazzjoni, prezzijiet inqas minn dawk miżmuma għal servizzi simili minn enterpriżi [impriżi] kummerċjali soġġetti għall-[VAT],

–        eżenzjoni tas-servizzi konċernati m’għandiex toħloq tfixkil ta’ kompetizzjoni b’tali mod li tpoġġi fi żvantaġġ l-impriżi kummerċjali responsabbli [għall-VAT]”.

B –    Il-liġi nazzjonali

8.        Skont il-Paragrafu 4(16)(e) tal-Umsatzsteuergesetz 1993 (Il-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tal-1993, l-“UStG”), fil-verżjoni applikabbli fis-snin materjali (jiġifieri, fl-1993 u 1994), it-transazzjonijiet li ġejjin imsemmija fil-Paragrafu 1(1)(1) sa 1(1)(3) tal-UStG kienu eżenti: “transazzjonijiet marbuta mill-qrib mal-operat ta’ […] organizzazzjonijiet li jipprovdu kura ambulatorja għal dawk li huma morda jew fil-bżonn ta’ kura meta:

(e) fil-każ ta’ organizzazzjonijiet għall-ammissjoni temporanja ta’ dawk li għandhom bżonn ta’ kura u organizzazzjonijiet li jipprovdu kura ambulatorja għal dawk li huma morda jew fil-bżonn ta’ kura, l-ispejjeż tal-kura ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena kalendarja preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali’”.

9.        Skont l-ewwel sentenza tal-Paragrafu 4(18) tal-UStG, it-transazzjonijiet li ġejjin huma eżenti:

10.      “is-servizzi ta’ assoċjazzjonijiet volontarji tal-għajnuna soċjali li huma rikonoxxuti uffiċjalment, u korporazzjonijiet, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u patrimonji li jservu skopijiet ta’ għajnuna soċjali volontarja li huma affiljati bħala membri ta’ assoċjazzjoni tal-għajnuna soċjali, meta

(a)      dak l-operatur iservi, biss u b’mod dirett, skopijiet ta’ interess ġenerali, ta’ karità jew skopijiet ekkleżjastiċi,

(b)      is-servizzi jibbenefikaw direttament lill-grupp ta’ persuni li huma benefiċjarji skont l-istatut, l-att ta’ fondazzjoni jew xi kostituzzjoni oħra, u

(c)      il-ħlas li jsir għas-servizzi inkwistjoni huwa iktar baxx mir-rati medji mitluba minn impriżi kummerċjali għal servizzi simili.”

11.      Il-limitu ta’ żewġ terzi, previst fil-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG (“il-limitu ta’ żewġ terzi”), tnaqqas għal 40 % mill-1 ta’ Jannar 1995.

12.      Il-Paragrafu 23 tal-Umsatzsteuer-Durchführungsverordnung 1993 (Ir-Regolament ta’ Implementazzjoni tal-VAT tal-1993; l-“UStDV”) jelenka 11-il assoċjazzjoni li huma kklassifikati bħala assoċjazzjonijiet tal-għajnuna soċjali li huma uffiċjalment rikonoxxuti għall-iskopijiet tal-Paragrafu 4(18) tal-UStG.

II – Il-fatti u d-domandi rrinvjati

13.      Ines Zimmermann, li hija r-rikorrenti u l-intimata fl-appell fuq punt ta’ liġi fil-kawża prinċipali, topera servizz ta’ kura ambulatorja f’Berlin. Hija infermiera reġistrata u fl-1992 ħadmet f’ċentru tal-għajnuna soċjali bħala staff nurse. Barra dan, mill-bidu tal-1993 hija ttrattat pazjenti individwali fuq bażi freelance u fl-1 ta’ Ġunju 1993 irreġistrat servizz ta’ kura ambulatorja. Wara l-applikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Awwissu 1993, hija kienet aċċettata fl-iskemi tal-assigurazzjoni għas-saħħa fl-1 ta’ Ottubru 1993 għal servizzi ta’ infermieri fid-dar (5), servizzi ta’ kura fid-dar (6) u għajnuna domestika. (7) Fid-denunzja tal-VAT għas-snin materjali, hija ttrattat it-tranżazzjonijiet tagħha bħala eżenti skont l-Artikolu 4(16)(e) tal-UStG.

14.      Fl-1999, il-Finanzamt, il-konvenut u l-appellant fl-appell fuq punt ta’ liġi fil-kawża prinċipali, sab illi Ines Zimmermann (flimkien mal-persunal tagħha) kienet ittrattat 76 persuna fl-1993, li 52 minnhom (= 68 %) kienu pazjenti privati. Għaldaqstant, il-Finanzamt ċaħad l-eżenzjoni għas-servizzi pprovduti minn Ines Zimmermann fl-1993 skont il-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG, għar-raġuni li taħt dik id-dispożizzjoni l-ispejjeż tal-kura kellhom ikunu sostnuti kollha jew parzjalment, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali.

15.      Il-Finanzamt ċaħad l-eżenzjoni għas-servizzi pprovduti minn Ines Zimmermann fl-1994 taħt l-Artikolu 4(16)(e) tal-UStG għaliex dik id-dispożizzjoni tikkonċerna ċirkostanzi fis-sena preċedenti. Madankollu, l-eżenzjoni tal-VAT taħt il-Paragrafu 4(14) tal-UStG kienet tapplika safejn Ines Zimmermann kienet ipprovdiet kura ta’ natura terapewtika; kien stmat mill-Finanzamt li l-proporzjon ta’ dawk is-servizzi kien ta’ terz (8).

16.      Wara li għamlet ilment li kellu eżitu negattiv, Ines Zimmermann ressqet kawża kontra l-Finanzamt. Fil-kors tal-proċeduri ta’ rikors dirett, hija ppreżentat ittra, datata d-19 ta’ Ottubru 2005, li ntbagħtitilha mill-Amministrazzjoni tas-Senat ta’ Berlin għas-Saħħa, Affarijiet Soċjali u Protezzjoni tal-Konsumatur. Din tgħid: “... Jien nista’ nikkonfermalek li inti pprovdejt l-istess servizzi u li wettaqt l-istess attivitajiet fil-qasam tas-servizzi ta’ infermiera fid-djar bħal taċ-ċentri ta’ kura (ċentri tal-għajnuna soċjali) mil-Lega tal-Assoċjazzjonijiet tal-Għajnuna Soċjali Volontarja, f’Berlin. Id-deskrizzjoni tad-dmirijiet u s-sustanza tal-attivitajiet imwettqa mill-fornituri privati tas-servizzi kienu identiċi għal dawk taċ-ċentri tal-għajnuna soċjali volontarji. Skont it-tagħrif li għandi, dawn kienu identiċi tal-inqas sa mill-1988. Jiena nixtieq nirrileva li mill-1 ta’ Jannar 1992, l-eżenzjoni tal-VAT saret dipendenti fuq ċerti rekwiżiti fil-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG. Jiena ma nistax, u ma nixtieqx, nevalwa jekk dawk ir-rekwiżiti ġewx sodisfatti. Indipendentement minn dik id-dispożizzjoni, madankollu, jiena nemmen li inti u l-impriża tiegħek ġew rikonoxxuti, għall-iskopijiet tal-liġi tas-sigurtà soċjali, bħala organizzazzjoni tal-karità”.

17.      Il-Finanzgericht (il-Qorti tal-Finanzi) laqgħet ir-rikors fil-parti l-kbira tiegħu. Bħala raġunijiet, din qalet li t-transazzjonijiet ta’ Ines Zimmermann li twettqu fis-sena materjali 1993, sal-1 ta’ Ottubru, kienu eżenti taħt l-ewwel sentenza tal-Paragrafu 4(14) tal-UStG safejn dawn ġew attribwiti għal kura ta’ natura terapewtika; il-Finanzgericht stmat li l-proporzjon ta’ dawn is-servizzi kien ta’ 75% abbażi tal-kalkoli ppreżentati minn Ines Zimmermann fil-proċeduri ta’ rikors dirett.

18.      Skont il-Finanzgericht, Ines Zimmermann setgħet titlob eżenzjoni skont il-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994. Minn dak il-perijodu, mill-inqas tnejn minn tlieta ta’ dawk it-transazzjonijiet kienu attribwibbli għal persuni, li l-ispejjeż tal-kura tagħhom ġew sostnuti kollha jew parzjalment minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali. L-Artikolu 4(16)(e) tal-UStG kellu jiġi interpretat skont is-Sitt Direttiva fis-sens li l-perijodu minn Ottubru 1993 biss kien rilevanti.

19.      Bl-appell tiegħu fuq punt ta’ liġi, il-Finanzamt jallega li kien hemm ksur tal-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG. Dan isostni li l-Bundesfinanzhof għandu jannulla d-deċiżjoni preċedenti u jiċħad ir-rikors safejn il-Finanzgericht laqgħet ir-rikors għall-perijodu mill-1 ta’ Ottubru 1993 sal-31 ta’ Diċembru 1994 abbażi tal-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG. Ines Zimmermann issostni li l-Bundesfinanzhof għandu jiċħad l-appell fuq punt ta’ liġi.

20.      Huwa f’dan il-kuntest, li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)       L-Artikolu 13(A)(1)(g) u/jew (2)(a) tas-[Sitt Direttiva] jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali jissuġġetta l-eżenzjoni ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja pprovduta lil persuni morda jew li jeħtieġu tali kura għall-fatt li, fil-każ ta’ tali organizzazzjonijiet li jipprovdu tali servizzi, “l-ispejjeż mediċi u farmaċewtiċi ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali” (Artikolu 4(16)(e) tal-[UStG])?

2)       Fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud, huwa rilevanti, għar-risposta ta’ din id-domanda, li l-leġiżlatur nazzjonali jeżenta l-istess servizzi taħt kundizzjonijiet oħra meta dawn jiġu pprovduti minn assoċjazzjonijiet ta’ welfare [għajnuna soċjali] volontarji li huma uffiċjalment rikonoxxuti u minn persuni ġuridiċi, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u patrimonji li għandhom għan ta’ welfare [għajnuna soċjali] volontarju u li huma affiljati bħala membri ta’ assoċjazzjoni ta’ welfare [għajnuna soċjali] (Artikolu 4(18) tal-[UStG])?”

III – Evalwazzjoni

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

21.      Ines Zimmermann tispjega li organizzazzjonijiet pubbliċi (assoċjazzjonijiet tal-karità) u organizzazzjonijiet li jaħdmu bi qligħ jikkompetu fis-suq f’dawk li huma servizzi ta’ kura ambulatorja. Hija tirrileva li dispożizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ta’ dak it-tip li tiżgura l-kontroll tal-prezzijiet approvati mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu sodisfatti: (i) l-ispejjeż sostnuti mill-korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali jikkorrispondu għat-tariffi maqbula; u (ii) l-ispejjeż sostnuti mill-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali huma ġeneralment iktar baxxi mill-ammonti ffatturati lil pazjenti privati jew lil kumpanniji tal-assigurazzjoni privati.

22.      Ines Zimmermann essenzjalment tirrileva li, sabiex jiġi evalwat jekk hemmx distorsjoni illegali tal-kompetizzjoni, il-qrati nazzjonali għandhom jistabbilixxu jekk is-servizzi pprovduti, li huma, mill-perspettiva tal-pazjent jew tal-konsumatur finali, identiċi jew simili, humiex suġġetti għal trattament ta’ taxxa differenti. F’dan ir-rigward, il-persuna, il-forma legali jew il-kwalifika tal-operatur li jipprovdi l-kura għall-iskopijiet ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ ma għandhom jilagħbu ebda rwol.

23.      Il-Gvern Ġermaniż jirrileva li l-mod li bih il-leġiżlazzjoni torganizza ir-rikonoxximent uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet bħala organizzazzjonijiet tal-karità iqisx biżżejjed l-aspetti li ġejjin, li jirriżultaw mill-ġurisprudenza (9): (i) l-eżistenza possibbli ta’ dispożizzjonijiet legali speċifiċi; (ii) in-natura ta’ interess ġenerali li għandhom l-attivitajiet tal-persuna taxxabbli; (iv) jekk persuni taxxabbli oħra li jwettqu l-istess attivitajiet għandhomx diġà rikonoxximent simili; (v) il-prinċipju ta’ newtralità fis-sens ta’ newtralità kompetittiva.

24.      Skont il-Gvern Ġermaniż, il-limiti tal-marġini ta’ diskrezzjoni għar-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali ġew osservati. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, din hija l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fil-qafas tar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet bħala organizzazzjonijiet tal-karità sabiex jiġu assimilati ma’ organizzazzjonijiet pubbliċi. Abbażi ta’ dan, il-prinċipju ta’ newtralità jista’ ma jkunx ikkunsidrat fis-sens normali li l-kontenut ta’ servizzi li huma identiċi għandhom ikunu ntaxxati b’mod identiku. Pjuttost, għandu jiġi ikkunsidrat fis-sens li persuni taxxabbli identiċi jeħtieġ li jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet sabiex jibbenefikaw mill-eżenzjoni. Barra dan, skont il-Gvern Ġermaniż, dispożizzjoni li tikkonċerna r-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni minn Stat Membru li twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni għad-detriment ta’ kumpanniji privati hija permissibbli.

25.      Għalhekk, il-Gvern Ġermaniż iqis li, ladarba huwa aċċettat li l-Paragrafu l4(18) tal-UStG – kuntrarjament għall-Paragrafu 14(16) tiegħu – japplika biss għal persuni legali li ma jaħdmux għall-profitt, li x-xogħol tagħhom tal-karità kien uffiċjalment rikonoxxut, id-dispożizzjonijiet Ġermaniżi ma jittrattawx persuni taxxabbli identiċi b’mod differenti, imma sempliċement jistabbilixxu kundizzjonijiet differenti għall-għarfien, bħala organizzazzjoni li jkollha skop tal-karità, ta’ persuni taxxabbli differenti li huma suġġetti għal kundizzjonijiet materjali u ta’ qafas legali differenti.

B –    Analiżi

1.      L-ewwel domanda

26.      Qabelxejn, fir-rigward tas-sitwazzjoni legali taħt il-liġi nazzjonali, il-qorti tar-rinviju tistqarr f’termini mill-iktar ċari li, fil-każ preżenti, ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG ma humiex sodisfatti.

27.      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk dan l-eżitu huwiex korrett taħt is-Sitt Direttiva.

28.      Għalhekk, bl-ewwel domanda tagħha, hija ddeċidiet li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva jipprekludix li eżenzjoni ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja pprovduti minn organizzazzjonijiet privati tkun suġġetta għal kundizzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali (10).

29.      Jien se nibda billi nagħti rendikont tal-ġurisprudenza rilevanti, li hija diġà pjuttost estensiva, u li fid-dawl tagħha huwa meħtieġ li jkunu kkunsidrati d-domandi rrinvjati.

30.      Kif kien tfakkar reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja fi Future Health Technologies (11), “l-eżenzjonijiet taħt l-[Artikolu 13(A) tas-Sitt Direttiva (12)] ma għandhomx l-għan li jeżentaw mill-VAT kull attività li titwettaq fl-interess pubbliku, imma dawk biss li huma elenkati u deskritti b’ħafna dettal fiha”.

31.      Minn ġurisprudenza dwar is-Sitt Direttiva jirriżulta wkoll li l-kliem użat sabiex jiġu indikati l-eżenzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat b’mod strett, peress li huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li jistabbilixxi li l-VAT għandha tinġabar fuq kull oġġett u servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha tkun konformi mal-għanijiet imfittxija mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tħares ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta ma jfissirx li l-kliem użat sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat b’mod li jipprekludi lill-eżenzjonijiet milli jilħqu l-effetti tagħhom (13).

32.      Għandu jiġi osservat li r-regoli għall-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva stabbiliti fil-punt 29 iktar ’il fuq japplikaw għall-kundizzjonijiet speċifiċi stipulati sabiex dawk l-eżenzjonijiet japplikaw u b’mod partikolari għal dawk li jikkonċernaw l-istatus jew l-identità tal-aġent ekonomiku li jwettaq is-servizzi koperti bl-eżenzjoni (14).

33.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva dwar l-eżenzjoni mill-VAT ta’ provvisti konnessi ma’ xogħol ta’ għajnuna u sigurtà soċjali għandu jiġi interpretat li jfisser li l-espressjoni “organizzazzjonijiet rikonoxxuti bħala tal-karità mill-Istat Membru kkonċernat” (15) ma teskludix entitajiet privati li jagħmlu l-profitt, bħal pereżempju, persuni fiżiċi li jmexxu “negozju”(16).

34.      L-Artikolu 13(A)(l)(g) tas-Sitt Direttiva ma jispeċifikax il-kundizzjonijiet u l-proċeduri għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet, minbarra dawk rregolati bid-dritt pubbliku, bħala tal-karità. Għaldaqstant, bħala prinċipju, huwa d-dritt nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi r-regoli li fil-kuntest tagħhom tali rikonoxximent jista’ jingħata lill-istabbilimenti li jitolbuh (17).

35.      Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ regoli nazzjonali f’dan il-qasam hija prevista fl-Artikolu 13(A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva, skont liema Artikolu “l-Istati Membri jistagħu [jistgħu] jagħmlu l-għoti lill-entitajiet għajr dawk regolati bid-dritt pubbliku ta’ kull eżenzjoni pprovduta f’(1) [...] (g), [...] soġġett għal kull każ individwali għal wieħed [waħda] […] mill-kondizzjonijiet” imsemmija aktar tard hemmhekk (18).

36.      Il-ġurisprudenza tagħmilha ċara wkoll li għalkemm is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13A(1) tas-Sitt Direttiva tgħid li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-eżenzjonijiet sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara u sabiex jimpedixxu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jaffetwaw id-definizzjoni tal-kontenut tal-eżenzjonijiet ipprovduti (19).

37.      Isegwi mill-ġurisprudenza (20) illi l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva jagħti lill-Istati Membri diskrezzjoni sabiex jirrikonoxxu bħala tal-karità ċerti organizzazzjonijiet li ma humiex irregolati bid-dritt pubbliku.

38.      Madankollu, jibqa’ l-fatt li, meta persuna taxxabbli tikkontesta r-rikonoxximent ta’ organizzazzjoni bħala organizzazzjoni tal-karità, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jeżaminaw jekk l-awtoritajiet kompetenti osservawx il-limiti tad-diskrezzjoni mogħtija bl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva skont il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ trattament ugwali (21).

39.      Konsegwentement, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, b’mod partikolari, li provvisti ta’ servizzi simili, li għalhekk ikunu jikkompetu ma’ xulxin, jiġu ttrattati b’mod differenti għall-finijiet tal-VAT (22). Tabilħaqq, dan il-prinċipju jikkostitwixxi l-bażi loġika tal-VAT. F’dan ir-rigward, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, u ma huwiex ikkontestat li s-servizzi li pprovdiet Ines Zimmermann, tal-inqas dawk ipprovduti mill-1 ta’ Jannar 1993, kienu essenzjalment l-istess bħal dawk li kienu awtomatikament eżentati skont il-Paragrafu 4(18) tal-UStG.

40.      Fl-aħħar nett, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li, sabiex jiġi stabbilit jekk stabbilimenti rregolati mid-dritt privat jistgħux jiġu rrikonoxxuti għall-finijiet ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 13A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu, skont id-dritt tal-UE, u suġġett għall-istħarriġ tal-qrati nazzjonali, jieħdu inkunsiderazzjoni, inter alia u flimkien mal-interess ġenerali tal-attivitajiet ta’ persuna taxxabbli kkonċernata u l-fatt li persuni taxxabbli oħra li jwettqu l-istess attivitajiet diġà jibbenefikaw minn rikonoxximent simili, il-fatt li l-ispejjeż sostnuti għat-trattament inkwistjoni jistgħu fil-parti l-kbira tagħhom jiġu koperti minn skemi ta’ assigurazzjoni għall-mard jew minn organizzazzjonijiet oħra ta’ sigurtà soċjali (23).

41.      F’dan ir-rigward, il-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG kien ġie introdott mil-leġiżlatur Ġermaniż sabiex “jittejbu l-istrutturi tal-għajnuna soċjali għall-kura tal-morda u ta’ dawk li jeħtieġu l-kura” (24). Il-limitu ta’ żewġ terzi stabbilit f’dak il-paragrafu jfittex li jiżgura li l-vantaġġ fit-taxxa jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex jitħaffef il-piż fuq organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali (25).

42.      Għalhekk, huwa ċar li l-Paragrafu 4(16)(e) jista’ jinqara flimkien mar-rekwiżit fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva, li skontu, il-fornitur tas-servizzi li huma elenkati hemmhekk għandu jkun “[organizzazzjoni] rikonoxxut[a] bħala tal-karità mill-Istat Membru konċernat”.

43.      Minbarra l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 38 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’L.u.P. (26) li l-Artikolu 13(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-eżenzjoni tal-analiżi mediċi mwettqa minn laboratorju rregolat mid-dritt privat estern għal stabbiliment ta’ kura, għall-kundizzjoni li huma jitwettqu taħt kontroll mediku. Hija ddeċidiet ukoll, madankollu, li l-Artikolu 13(A)(1)(b) ma jipprekludix li din l-istess leġiżlazzjoni tissuġġetta l-eżenzjoni tal-imsemmija analiżi għall-kundizzjoni li tal-inqas 40 % minnhom ikunu ddestinati għal persuni assigurati minn organizzazzjoni ta’ sigurtà soċjali.

44.      Għalhekk isegwi li kriterji ta’ dan it-tip – li huma bbażati fuq definizzjoni partikolari tal-grupp ta’ benefiċjarji tas-servizzi – għandhom, skont dik il-ġurisprudenza, jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 13(A)(1) tas-Sitt Direttiva.

45.      Fil-fehma tiegħi, fil-qofol tal-każ preżenti jrid jiġi stabbilit essenzjalment jekk – billi ssuġġettat l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva għal kundizzjonijiet bħal dawk fil-Paragrafu 4(16) tal-UStG – ir-Repubblika Federali marritx lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lilha bis-Sitt Direttiva (27).

46.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li waħda mill-kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni ta’ dritt tal-UE li ġew irrilevati quddiemha huwa l-fatt li huwa inċert jekk il-limitu ta’ żewġ terzi li jinsab fl-Artikolu 4(16)(e) tal-UStG jistax ikun ibbażat fuq l-Artikolu 13(A)(1)(g) jew l-Artikolu 13(A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva.

47.      Il-kriterju inkwistjoni fil-każ preżenti huwa kemxejn differenti minn dak inkwistjoni f’L.u.P. (28). Il-kriterju fil-każ preżenti ma huwiex ibbażat biss fuq il-kompożizzjoni tal-grupp ta’ benefiċjarji tas-servizzi, imma jirrikjedi wkoll li, għal ċertu proporzjon minimu tal-benefiċjarji li fil-każ tagħhom is-sigurtà soċjali jew l-għajnuna soċjali tikkontribwixxi biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż mediċi u farmaċewtiċi, l-organizzazzjoni inkwistjoni tħallas dawn l-ispejjeż kollha jew “parti sew minnhom”.

48.      Id-dispożizzjoni legali Ġermaniża inkwistjoni tista’, għall-inqas fit-teorija, tiġi interpretata li tinkludi wkoll kriterju rigward prezzijiet, li jkollu jiġi evalwat separatament taħt it-tielet subinċiż tal-Artikolu 13(A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, bil-kontra ta’ Ines Zimmermann u tal-Gvern Ġermaniż, jien nikkunsidra li ma huwiex utli għall-iskopijiet biex tiġi riżolta l-kwistjoni fil-kawża prinċipali li jiġi invokat dak l-artikolu. Il-Kummissjoni hija korretta tirrimarka li, fid-dawl tal-fatt li l-qorti tar-rinviju ma qisitx li huwa neċessarju li tiġi pprovduta evalwazzjoni iktar profonda f’dan ir-rigward, analiżi separata tal-Artikolu 13(A)(2)(a) tkun tidher artifiċjali u, fi kwalunkwe każ, mhux neċessarja għall-iskopijiet biex jiġi riżolt il-każ inkwistjoni. Barra minn hekk, il-każ fil-kawża prinċipali bl-ebda mod ma jirrigwarda kwistjonijiet ta’ stabbiliment ta’ prezzijiet.

a)      Jekk il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru kinux osservati – il-limitu ta’ żewġ terzi

49.      Kif osservajt fil-punt 41 iktar ’il fuq, fis-sentenza L.u.P. (29) il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-Artikolu 13(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva ma jipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tissuġġetta l-eżenzjoni tal-analiżi medika inkwistjoni għall-kundizzjoni li dawn ikunu, almenu 40 % minnhom, iddestinati għal persuni assigurati minn organizzazzjoni ta’ sigurtà soċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li dik l-għażla kienet taqa’ fi ħdan il-marġni ta’ diskrezzjoni li jgawdu minnha l-Istati Membri fl-istadju meta jiġi stabbilit sa liema punt huma jirrikonoxxu organizzazzjoni bħala organizzazzjoni tal-karità (30).

50.      Fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt diġà rrikonoxxiet li dispożizzjonijiet li jistabbilixxu limitu bbażat fuq proporzjon (bħal ta’ żewġ terzi) huwa, fil-prinċipju, legali f’dawn iċ-ċirkostanzi. Jien naqbel mal-Kummissjoni li, safejn huwa rilevanti għall-każ preżenti u indipendentement mill-fatt li dan japplika għal sistema soċjali differenti (għajnuna soċjali), il-kriterju ta’ żewġ terzi ma huwiex differenti mill-kriterju evalwat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L.u.P. ħlief għal punt wieħed biss: jiġifieri, il-proporzjon ta’ benefiċjarji ta’ servizzi rikjest li l-ispejjeż tagħhom kollha jew parti sew minnhom jiġu sostnuti mis-sistemi soċjali.

51.      Għalhekk, inqis li l-istabbiliment tal-limitu ta’ żewġ terzi jibqa’ fi ħdan il-limiti ta’ x’jistgħu jirrikjedu l-Istati Membri sabiex jirrikonoxxu ċerti entitajiet bħala entitajiet tal-karità (31).

52.      Fil-fehma tiegħi, meta stabbilixxa l-limitu ta’ żewġ terzi, il-leġiżlatur Ġermaniż għażel perċentwali li tiżgura livell suffiċjenti ta’ integrazzjoni tal-fornitur tas-servizz fis-sistema tas-sigurtà soċjali. Dan, mill-banda l-oħra, jippermetti li tkun issalvagwardjata n-natura karitatevoli tal-fornitur u jippermetti li s-servizzi tiegħu jitqiesu li għandhom rabtiet mill-qrib (b’mod suffiċjenti) mal-għajnuna soċjali u s-sigurtà soċjali.

53.      Irid jingħad ukoll li, fil-ġurisprudenza, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel riferiment għall-ħlas tal-ispejjeż mill-patrimonji tal-assigurazzjoni tal-mard bħala kriterju biex jiġi stabbilit jekk organizzazzjoni hijiex se tkun uffiċjalment rikonoxxuta, hija dejjem tagħmel riferiment ukoll għal jekk l-ispejjeż humiex “fil-parti l-kbira” se jitħallsu taħt l-iskemi tal-assigurazzjoni tas-saħħa (32). Għalhekk, jidher li, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, il-leġiżlatur Ġermaniz għażel li jmur għal limitu li huwa sempliċi imma xieraq.

b)      Jekk il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru kinux osservati – is-sena kalendarja preċedenti

54.      L-ewwel nett, jien naqbel mal-Kummissjoni li r-riferiment għas-sena kalendarja preċedenti joħloq numru ta’ diffikultajiet. L-għażla tas-sena kalendarja preċedenti naturalment timplika ċertu ammont ta’ ineżattezza peress li din ma kinitx is-sena meta twettqu t-tranżazzjonijiet ikkonċernati.

55.      Madankollu, biżżejjed wieħed jgħid li l-fatt li l-limitu ta’ żewġ terzi jagħmel riferiment għas-“sena kalendarja preċedenti” ma jeċċedix id-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri.

56.      Minn naħa waħda, jista’ jiġi argumentat li l-konklużjoni ta’ hawn fuq hija sostnuta mill-fatt li fis-sentenza L.u.P. (33) il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-istess kriterju u mkien fis-sentenza ma kkontestat ir-riferiment għas-“sena kalendarja preċedenti” fid-dispożizzjoni li tistabbilixxi l-limitu ta’ 40 % (34) inkwistjoni f’dak il-każ. Mill-banda l-oħra, huwa minnu wkoll li fis-sentenza L.u.P. (35) il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkummentatx espressament dwar ir-rekwiżit stabbilit fil-Paragrafu 4(16)(c) tal-UStG li jgħid li l-limitu ta’ 40 % għandu jkun sodisfatt fis-“sena kalendarja preċedenti”.

57.      Hu x’inhu l-każ, jiena naqbel mal-Gvern Ġermaniż u mal-Kummissjoni li l-fatt li l-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG jagħmel riferiment għas-sena kalendarja preċedenti – apparti r-raġunijiet prattiċi ovvji – għandu l-vantaġġ li dan jikkonforma mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

58.      Tabilħaqq, altrimenti jkun diffiċli kieku l-persuni taxxabbli kontinwament jagħmlu riferiment għas-sena kurrenti. Li kien hekk il-każ, il-persuna taxxabbli ma tkunx taf u ma tkunx tista’ tkun taf, meta tipprovdi s-servizz, jekk hijiex se twettaq transazzjoni eżentata jew le, sakemm ma tkunx taf x’inhu s-sehem mill-ispejjeż li għandhom jitħallsu matul is-sena kurrenti.

59.      L-approċċ li qiegħed niddefendi hawnhekk huwa sostnut ukoll mill-qorti tar-rinviju, li fid-deċiżjoni tar-rinviju tqis li l-enfasi fuq iċ-ċirkustanzi fis-sena kalendarja preċedenti fil-Paragrafu 4(16)(e) (36) isservi biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u tista’ tkun ibbażata fid-dritt tal-UE fuq is-sentenza introduttiva tal-Artikolu 13(A)(1) tas-Sitt Direttiva, li tistipula li għandu jingħata qies, inter alia, għall-“applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet”.

60.      Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq li l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva jippermetti, fil-prinċipju, li leġiżlatur nazzjonali jagħmel l-eżenzjoni ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja għal dawk li huma morda jew fil-bżonn ta’ kura, suġġetta għall-fatt li, fil-każ ta’ tali organizzazzjonijiet, l-ispejjeż tal-kura jkunu ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena kalendarja preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali.

61.      Madankollu, jibqa’ l-fatt li dan il-kriterju jista’ jkun applikat biss sakemm dan jikkonforma mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li jinsab indirizzat speċifikament mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda (37).

2.      It-tieni domanda

62.      Bit-tieni domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk huwiex rilevanti għar-risposta tal-ewwel domanda, fir-rigward tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li l-leġiżlatur nazzjonali jeżenta l-istess servizzi taħt kundizzjonijiet differenti meta dawn jiġu pprovduti minn assoċjazzjonijiet volontarji tal-għajnuna soċjali li huma uffiċjalment rikonoxxuti u minn korporazzjonijiet, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u patrimonji li għandhom l-għajnuna soċjali volontarja bħala għan u li huma affiljati bħala membri ta’ assoċjazzjoni tal-għajnuna soċjali (38).

63.      Mill-bidu, huwa ċar illi l-prinċipju ta’ newtralità fiskali huwa inerenti għas-sistema komuni tal-VAT (39) u jammonta għal xejn inqas minn prinċipju fundamentali tagħha (40).

64.      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali kien maħsub sabiex, f’materji li jikkonċernaw il-VAT, jirrifletti l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali (41).

65.      Fil-fehma tiegħi, f’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ trattament ugwali huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-UE – u issa huwa wkoll stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – u li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali sempliċement jammonta għal manifestazzjoni ta’ dan il-prinċipju.

66.      Tabilħaqq, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi li jekk dispożizzjoni ta’ liġi nazzjonali li tagħmel traspożizzjoni ta’ eżenzjoni skont is-Sitt Direttiva tinkludi kundizzjoni li tmur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali, huwa neċessarju li dik il-kundizzjoni ma tiġix applikata (42).

67.      Il-ġurisprudenza tagħmilha ċara li meta l-Istati Membri jeżerċitaw il-poter tagħhom skont l-Artikolu 13(A)(1)(g) li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom l-eżenzjonijiet huma suġġetti u, għalhekk, li jistabbilixxu jekk it-tranżazzjonijiet humiex suġġetti għall-VAT jew le, huma għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ newtralità fiskali (43).

68.      Fis-sentenza Kügler, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, inter alia, li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess attivitajiet ikunu ttrattati b’mod differenti safejn hija kkonċernata l-impożizzjoni tal-VAT. Isegwi li dan il-prinċipju jkun qiegħed jiġi injorat jekk il-possibbiltà li wieħed jiddependi fuq l-eżenzjoni li hija prevista għall-provvista ta’ kura medika li jsir riferiment għaliha fl-Artikolu 13(A)(1)(ċ) kellha tkun dipendenti fuq il-forma legali li biha l-persuna taxxabbli twettaq l-attività tagħha (44).

69.      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi b’mod partikolari li oġġetti u provvisti ta’ servizzi simili, li huma għalhekk f’kompetizzjoni ma’ xulxin, ikunu ttrattati b’mod differenti għall-iskopijiet ta’ VAT, biex b’hekk dawk l-oġġetti jew provvisti għandhom ikunu suġġetti għal rata uniformi (45).

70.      Minn dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L.u.P. (46), jista’ jkun konkluż li l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali teżiġi, l-ewwel nett, li l-kategoriji kollha ta’ stabbilimenti rregolati mid-dritt privat previsti fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva jkunu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-finijiet tar-rikonoxximent tagħhom għall-provvista ta’ servizzi simili.

71.      Fl-aħħar mill-aħħar, inevitabbilment hija l-qorti nazzjonali (47) li għandha tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali hijiex konformi ma’ dan ir-rekwiżit jew jekk, għall-kuntrarju, din tillimitax l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet inkwistjoni għal ċerti tipi ta’ stabbilimenti, filwaqt li teskludi lil oħrajn.

72.      Madankollu, huwa diġà ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-qorti tar-rinviju hija inklinata li tieħu l-pożizzjoni li fil-każ preżenti dan il-prinċipju ma ġiex osservat.

73.      Kif se nuri fil-punti li ġejjin, jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju li, meta jingħata qies tar-rekwiżit tan-newtralità tal-VAT – hawnhekk fil-forma ta’ newtralità fir-rigward ta’ kompetizzjoni – fil-każ preżenti Ines Zimmermann, fil-prinċipju, ma għandhiex tiġi mċaħħda mill-eżenzjoni skont l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva u dan fuq il-bażi li mill-1 ta’ Jannar 1992, il-leġiżlatur nazzjonali irrikjeda, fil-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG fil-verżjoni applikabbli fis-snin materjali, li l-ispejjeż tal-kura ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena kalendarja preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali.

74.      L-ordni tar-rinviju tagħmilha ċara li, skont il-memorandum ta’ spjegazzjoni, kemm il-Paragrafu 4(16)(e) u l-Paragrafu 4(18) tal-UStG għandhom l-għan li jagħmlu t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva.

75.      Madankollu, il-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG jistabbilixxi kundizzjonijiet li jirregolaw l-eżenzjoni għal servizzi ta’ kura li kompetituri li jipprovdu servizzi simili ma humiex obbligati li jissodisfaw f’każ ta’ eżenzjoni skont il-Paragrafu 4(18).

76.      Tabilħaqq, fil-każ ta’ servizzi ta’ kura pprovduti mil-Lega tal-Assoċjazzjonijiet tal-Għajnuna Soċjali Volontarja, għall-iskopijiet tal-eżenzjoni skont il-Paragrafu 4(18) tal-UStG, huwa irrilevanti jekk l-ispejjeż tal-kura kinux sostnuti f’ċertu ammont ta’ każijiet minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali; lanqas ma huma rilevanti ċ-ċirkostanzi fis-sena kalendarja preċedenti.

77.      Fi kliem ieħor, l-organizzazzjonijiet koperti bil-Paragrafu 4(18) tal-UStG – kuntrarjament għal dawk li jaqgħu taħt il-Paragrafu 4(16) – huma eżentati mill-VAT indipendentement mill-kompożizzjoni tal-grupp ta’ benefiċjarji tas-servizzi tagħhom.

78.      Għalhekk, għandna quddiemna sitwazzjoni fejn – meta titqies il-kompetizzjoni li teżisti bejn fornituri simili – l-għarfien ta’ ċerti organizzazzjonijiet taħt l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva (dawk taħt il-Paragrafu 4(16) tal-UStG) ma huwiex suġġett għall-istess kundizzjonijiet bħal dawk għas-servizzi li huma simili (dawk skont il-Paragrafu 4(18)).

79.      Jista’ jkun irrilevat, f’dan ir-rigward, li fil-15 ta’ Marzu 2007 (48) il-Ħames Awla tal-Bundesfinanzhof ġustament waslet għall-konklużjoni fis-sentenza L.u.P., wara li rċeviet ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda preliminari tagħha, li r-regoli nazzjonali fil-Paragrafu 4(14) tal-UStG u l-Paragrafu 4(16)(b) u (c) tal-UStG ma kinux kompatibbli mal-prinċipju tad-dritt tal-UE ta’ newtralità fiskali, u dan għaliex taħt dik id-dispożizzjoni mhux il-kategoriji kollha ta’ stabbilimenti rregolati bid-dritt privat skont it-tifsira tal-Artikolu 13(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva kienu suġġetti għall-istess kundizzjonijiet għall-iskop tar-rikonoxximent tagħhom għall-provvista ta’ servizzi simili.

80.      Jiena naħseb li ma hemm xejn fid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li jimplika li d-distinzjoni ta’ hawn fuq tista’ madankollu tkun ikkunsidrata li hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, u l-argumenti tal-Gvern Ġermaniżi mhumiex konvinċenti f’dan ir-rigward.

81.      Il-Gvern Ġermaniż jargumenta essenzjalment li għandu jitħalla japplika regoli differenti għal persuni taxxabbli differenti. Tabilħaqq, f’deċiżjoni amministrattiva tat-13 ta’ Mejju 2003, intitolata “Tagħrif fil-qosor dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ Nru. 10” (49), l-Oberfinanzdirektion Düsseldorf (L-Uffiċċju Prinċipali tad-Dħul, Düsseldorf) ħa l-pożizzjoni li, fir-rigward tal-eżenzjoni, japplikaw kundizzjonijiet differenti għal servizzi ta’ kura ambulatorja. Dan qal li eżenzjoni skont il-Paragrafu 4(18) tal-UStG setgħet tingħata anki jekk ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG ma jkunux ġew sodisfatti.

82.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan l-argument imur kontra l-prinċipju ta’ newtralità fiskali u kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’L.u.P. (50). Minn dan il-prinċipju u mill-ġurisprudenza jsegwi li, bħala regola ġenerali, l-Istati Membri ma jistgħux japplikaw regoli differenti għal persuni taxxabbli differenti.

83.      Il-Gvern Ġermaniż argumenta li istituzzjonijiet tad-dritt pubbliku jistgħu jkunu ttrattati b’mod differenti minn entitajiet tad-dritt privat. Madankollu, huwa importanti li wieħed jirrileva – punt li kien neċessarju li jkun ikkjarifikat waqt is-seduta u li mbagħad kien ikkonfermat mill-Gvern Ġermaniż – li l-assoċjazzjonijiet volontarji tal-għajnuna soċjali rikonoxxuti uffiċjalment (51), li jsir riferiment għalihom fil-Paragrafu 4(18) tal-UStG, huma rregolati bid-dritt privat u mhux bid-dritt pubbliku u għalhekk ma humiex suġġetti għal eżenzjoni separata skont il-Paragrafu 4(16)(a), li jikkonċerna entitajiet irregolati bid-dritt pubbliku.

84.      Għandu jiġi rrilevat li l-għan wara l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva huwa li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa (52). F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna l-għanijiet li l-eżenzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva jippruvaw jilħqu, jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li l-imsemmija eżenzjonijiet, billi jittrattaw ċerti provvisti ta’ servizzi ta’ interess ġenerali fis-settur soċjali b’mod iktar favorevoli fil-kamp tal-VAT, huma intiżi sabiex inaqqsu l-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi u li jagħmluhom iktar aċċessibbli għall-individwi li jistgħu jibbenefikaw minnhom (53).

85.      Jiena nqis (bħalma tagħmel il-Kummissjoni) li filwaqt li, ċertament, l-għan imsemmi hawn fuq li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jiġġustifika, fil-prinċipju, l-użu ta’ kriterju bħal dak taż-żewġ terzi stabbilit bil-Paragrafu 4(16)(e) tal-UStG, jibqa’ l-fatt li dan l-għan ma jispjegax għalfejn persuni fis-sitwazzjoni ta’ Ines Zimmermann huma suġġetti għalih, filwaqt li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 4(18) tal-UStG ma humiex.

86.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li l-kundizzjoni fil-Paragrafu 4(16) tal-UStG tfittex li tiżgura li l-fornitur huwa tabilħaqq organizzazzjoni tal-karità u jservi biex dan jitqiegħed fl-istess livell ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi. Huwa jsostni li l-għan tar-regoli inkwistjoni huwa li l-eżenzjoni tat-taxxa tintuża biex jinġiebu persuni fi ħdan l-iskema tal-assigurazzjoni għall-mard.

87.      Filwaqt li nqis li dan wieħed jista’ jifhmu, jibqa’ l-fatt li ż-żewġ gruppi ta’ persuni taxxabbli (skont il-Paragrafi 4(16)(e) u 4(18)) għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli.

88.      Tabilħaqq, kif kien deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rank Group, “il-prinċipju ta’ newtralità fiskali għandu jiġi interpretat fis-sens li trattament differenti fir-rigward tal-VAT ta’ żewġ provvisti ta’ servizzi identiċi jew simili mill-perspettiva tal-konsumatur u li jissodisfaw l-istess bżonnijiet tiegħu huwa biżżejjed sabiex jistabbilixxi ksur ta’ dan il-prinċipju. Għalhekk, tali ksur ma jirrikjedix li barra minn hekk tiġi stabbilita wkoll l-eżistenza effettiva ta’ kompetizzjoni bejn is-servizzi inkwistjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-imsemmi trattament differenti” (54).

89.      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju hija korretta meta tirrileva li s-Sitt Direttiva ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tippermetti lill-Istati Membri li jagħmlu l-eżenzjoni tal-istess servizzi dipendenti fuq jekk il-fornitur huwiex assoċjazzjoni partikolari jew membru ta’ tali assoċjazzjoni.

90.      Bħala rimarka konklussiva, jiena ngħid li jekk il-Ġermanja tagħżel li tintroduċi regoli għall-għarfien ta’ organizzazzjonijiet bħala organizzazzjonijiet tal-karità – anki jekk il-ġurisprudenza tagħmilha ċara li s-Sitt Direttiva ma tirrikjedix li dan ir-rikonoxximent jingħata skont proċedura formali jew li dan ikun previst espressament f’dispożizzjonijiet tal-liġi tat-taxxa nazzjonali (55) – hija tista’ tagħmel dan. Madankollu, dawn ir-regoli għandhom jikkonformaw mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

91.      Mill-konsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq isegwi li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi l-applikazzjoni tal-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (56) jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, l-istess servizzi huma ttrattati bħala eżenti taħt kundizzjonijiet differenti fejn dawn jitwettqu minn assoċjazzjonijiet volontarji tal-għajnuna soċjali li huma uffiċjalment rikonoxxuti, u korporazzjonijiet, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u patrimonji li jservu skopijiet ta’ għajnuna soċjali volontarja li huma affiljati bħala membri ta’ assoċjazzjoni tal-għajnuna soċjali.

IV – Konklużjoni

92.      Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, nipproponi li d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) għandhom jingħataw ir-risposti segwenti:

1.      L-Artikolu 13A(1)(g) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, fil-prinċipju, jippermetti lil-leġiżlatur nazzjonali jagħmel l-eżenzjoni ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja pprovduta lil persuni morda jew li jeħtieġu kura suġġetta għall-fatt li, fil-każ ta’ tali organizzazzjonijiet, l-ispejjeż tal-kura ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena kalendarja preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali.

Jibqa’ l-fatt, però, li dan il-kriterju jista’ jiġi applikat biss safejn dan jikkonforma mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

2.      Il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju jekk, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli, servizzi identiċi jew simili huma ttrattati bħala eżenti taħt kundizzjonijiet differenti bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Royal & Sun Alliance Insurance Group plc vs Customs and Excise Commissioners [2001] STC 1476 (CA) at [54] per Sedley LJ. Fil-fehma tiegħi, għandu jingħad ukoll, madankollu, li ħafna drabi l-kumplessitajiet li jeżistu madwar l-applikazzjoni u l-interpretazzjoni tagħha ma humiex dovuti għall-VAT nnifisha, imma bħala riżultat ta’ min jipprova joqgħod jilgħab biha.


3 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).


4 – Minn hawn ’il quddiem “il-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali”.


5 – Paragrafu 37 tal-Ħames Ktieb tas-Sozialgesetzbuch (Il-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali Ġermaniż, “SGB V”), fil-verżjoni applikabbli fiż-żmien materjali (tal-20 ta’ Diċembru 1988, parti I, p. 2477).


6 – Paragrafi 53 sa 56 tas-SGB V.


7 – Paragrafu 38 tas-SGB V.


8 – L-avviżi ta’ stima tal-VAT għall-1993 u l-1994 tas-27 ta’ April 1999.


9 – Il-Gvern Ġermaniż jagħmel riferiment għas-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, Kingscrest Associates u Montecello (Kawża C-498/03, Ġabra p. I-4427, punti 53 u 41 et seq.), u għas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2002 (Kügler, Kawża C-141/00, Ġabra p. I-6833, punt 57 et seq.). Jagħmel riferiment ukoll għas-sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003 (Dornier, Kawża C-45/01, Ġabra p. I-12911, punt 72 et seq.).


10 – Li tgħid li l-ispejjeż tal-kura ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena kalendarja preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali.


11 – Is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010 (C-86/09, Ġabra p. I-5215, punt 29). Ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1985, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (Kawża 107/84, Ġabra p. 2655, punt 17); is-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services (Kawża C-307/01, Ġabra p. I-13989, punt 54); u s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz (Kawża C-473/08, Ġabra p. I-907, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12 – Issa l-Artikolu 132 tad-Direttiva tal-Kunsill  2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).


13 – Ara Future Health Technologies, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 30. Ara b’analoġija, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Haderer (C-445/05, Ġabra p. I-4841, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata); is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2009, Don Bosco Onroerend Goed (Kawża C-461/08, Ġabra p. I-11079, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata); kif ukoll is-sentenza Eulitz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene A/S (Kawża C-262/08, Ġabra p. I-5053, punti 25 u 26).


14 – Ara s-sentenza Eulitz, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 42. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg (Ġabra p. I-4947, punti 16 sa 20); is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 23; u s-sentenza Haderer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 19.


15 – Wieħed għandu josserva li, fil-verżjoni bl-Ingliż, id-dispożizzjoni relattiva fid-Direttiva 2006/112 – l-Artikolu 132(1)(g) – ma tużax iktar il-kliem “charitable” [għall-karità] u, minflok, tagħmel riferiment għal “[…] bodies recognised by the Membrer State concerned as being devoted to social wellbeing” [korpi rikonoxxuti mill-Istat Membru kkonċernat bħala ddedikati għall-benesseri soċjali] (enfasi miżjuda).


16 – Ara s-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 35 et seq., u Gregg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 17 et seq.


17 – Ara s-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 64 u 81; is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 49; is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, L.u.P. (Kawża C-106/05, Ġabra p. I-5123, punt 42); u s-sentenza CopyGene A/S, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 63.


18 – Ara s-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 65, u s-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 50.


19 – Ara, inter alia, is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 22 sa 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006 VDP Dental Laboratory (Kawża C-401/05, Ġabra p. I-12121, punt 26).


20 – Ara s-sentenzi Kügler, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 54, u Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 51.


21 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kügler, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 56; is-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 69; is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 52; u s-sentenza L.u.P., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 48.


22 – Ara, inter alia, is-sentenza Kügler, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 30; is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Kummissjoni vs Franza (C-481/98, Ġabra p. I-3369, punt 22); is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-109/02, Ġabra p. I-12691, punt 20); is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 41 u 54; is-sentenza tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer (C-309/06, Ġabra p. I-2283, punt 47); u s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi Baxxi (C-41/09, Ġabra p. I-831, punt 66).


23 – Ara s-sentenza Kügler, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 57 u 58; is-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 72 u 73; is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 53 (rigward l-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva); u s-sentenza L.u.P., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 53 (rigward l-Artikolu 13(A)(1)(b) tas-Sitt Direttiva).


24 – Fl-oriġinal, “[um] die bestehenden Versorgungsstrukturen bei der Pflege kranker und pflegebedürftiger Personen zu verbessern”. Ara Bundestags-Drucksache 12/1506, p. 178 flimkien ma’ p. 65.


25 – Hawnhekk isir riferiment għas-sentenza tal-Bundesfinanzhof tal-24 ta’ Jannar 2008, V R 54/06, Bundessteuerblatt 2008, parti II, p. 643, taħt II. l.c., li tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-Bundesverfassungsgericht tal-31 ta’ Mejju 2007, 1 BvR 1316/04, Neue Juristische Wochenschrift 2007, p. 3628.


26 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 55.


27 – Ara, pereżempju, is-sentenza tas-7 ta’ Mejju 1998, Il-Kummissjoni vs Spanja (Kawża C-124/96, Ġabra p. I-2501), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li t-tielet subinċiż tal-Artikolu 13(A)(2)(a) tas-Sitt Direttiva ma jfissirx li Stat Membru, meta jissuġġetta l-eżenzjoni kkontemplata fl-Artikolu 13(A)(1)(m) għal xi kundizzjoni waħda jew iktar kif stipulat fil-paragrafu 2(a) ta’ dik id-dispożizzjoni, jista’ jbiddel l-iskop ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(A)(2)(a) jeskludi xi restrizzjoni tal-eżenzjoni lil entitajiet sportivi privati jew stabbilimenti ta’ natura soċjali li jitolbu miżati ta’ sħubija li ma jeċċedux ċertu ammont, mingħajr ma jingħata qies tan-natura u ċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull attività sportiva.


28 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.


29 – Ibid.


30 – Ara s-sentenza Kügler, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 54, u s-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 51.


31 – Għandu jitfakkar hawnhekk li, fil-frattemp, dan il-limitu ta’ żewġ terzi tnaqqas għal 40 %.


32 – Ara s-sentenza Kügler, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 57 et seq.; is-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 72 et seq.; u s-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 53 u 41 et seq.


33 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.


34 – Stabbilit fl-Artikolu 4(16)(c) tal-UStG 1980/1991/1993.


35 – B’mod partikolari, fil-punt 41 et seq.


36 – U, fil-fatt, fl-Artikolu 4(16)(b) sa (d) tal-UStG.


37 – Ara s-sentenza L.u.P., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 50.


38 – Il-Paragrafu 4(18) tal-UStG.


39 – Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fisher (C-283/95, Ġabra p. I-3369, punt 27) u s-sentenza Gregg (iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 19).


40 – Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF (C-29/08, Ġabra p. I-10413, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41 – Ara, inter alia, is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (Kawża C-174/2008, Ġabra p. I-10567, punt 41); is-sentenza CopyGene A/S, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 64; u s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, Rank Group (Kawżi Maqgħuda C-259/10 u C-260/10, Ġabra p. I-10947, punt 61). Ara wkoll is-sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2006, Eurodental (C-240/05, Ġabra I-11479, punt 55).


42 – Is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2005, Linneweber u Akritidis (Kawżi Maqgħuda C-453/02 u C-462/02, Ġabra p. I-1131, punt 37).


43 – Ara, b’analoġija, is-sentenza Fischer, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 39, punt 27, u s-sentenza Linneweber u Akritidis, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42, punt 24.


44 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 30. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Gregg, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14, punt 20.


45 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2001, Adam (Kawża C-267/99, Ġabra p. I-7467, punt 36), u tat-23 ta’ Ottubru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 20.


46 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 50.


47 – Ara s-sentenza Kügler, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 57; is-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 74, u s-sentenza CopyGene A/S, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13, punt 65.


48 – V R 55/03 (BFHE 217, 48, BStBl II 2008, 31). Madankollu, din tikkuntrasta mas-sentenza tal-Bundesfinanzhof fil-Kawża Czukas tal-24 ta’ Jannar 2008, V R 54/06.


49 – Kurzinformation Umsatzsteuer Nru. 10 (Umsatzsteuer-Rundschau 2005, 516).


50 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17.


51 – U korporazzjonijiet, assoċjazzjonijiet ta’ persuni u patrimonji li jaqdu għanijiet ta’ għajnuna soċjali volontarja li huma affiljati bħala membri ta’ assoċjazzjoni ta’ għajnuna soċjali.


52 – Ara, inter alia, is-sentenza L.u.P iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 31.


53 – Is-sentenza Kingscrest Associates u Montecello, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 30. Ara wkoll is-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 43 (li tikkonċerna l-Artikolu 13(A)(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva); is-sentenza D’Ambrumenil u Dispute Resolution Services, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 58 (L-Artikolu 13(A)(1)(b)); u s-sentenza L.u.P., iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 17, punt 25 (L-Artikolu 13(A)(1)(b) u (ċ)).


54 – Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 41, punt 36.


55 – Ara s-sentenza Dornier, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 67.


56 – Jiġifieri, fejn Stat Membru – fil-kuntest ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni fl-Artikolu 13(A)(1)(g) tas-Sitt Direttiva – jagħmel l-eżenzjoni ta’ servizzi ta’ kura ambulatorja għal dawk li huma morda jew fil-bżonn ta’ kura dipendenti fuq il-fatt li, fil-każ ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, l-ispejjeż tal-kura ġew sostnuti kollha jew parzjalment matul is-sena kalendarja preċedenti, minn tal-inqas f’żewġ terzi tal-każijiet, minn korpi legali ta’ assigurazzjoni soċjali jew ta’ għajnuna soċjali.