Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fil-11 ta’ Settembru 2012 (1)

Kawża C-299/11

Staatssecretaris van Financiën

vs

Gemeente Vlaardingen

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi)]

“VAT – Tranżazzjonijiet taxxabbli – Applikazzjoni minn persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha ta’ merkanzija prodotta ‘matul tali negozju’”





1.        “Qatt ma jista’ jingħad li taxxa hija tajba” (“There is no such thing as a good tax”). Din l-espressjoni, qasira iżda mimlija b’sinjifikat, hija attribwita lil Sir Winston Churchill. Il-kawża ineżami tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk, fil-kuntest tal-hekk imsejħa “provvista preżunta”, l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq l-art mill-awtoritajiet Olandiżi kinitx, bħala tali – meta kkunsidrata mill-perspettiva tal-persuna taxxabbli – jekk mhux “taxxa tajba”, mill-inqas “taxxa legali” taħt is-Sitt Direttiva tal-VAT (2).

2.        Fil-Pajjiżi l-Baxxi jidher li hemm inċertezza kbira dwar l-interpretazzjoni u l-applikabbiltà tar-regoli Olandiżi li jimplementaw id-dispożizzjonijiet (jew partijiet minnhom) dwar il-provvisti li jistgħu jitqiesu bħala provvisti magħmula bi ħlas. Fil-fatt, l-eżitu ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari magħmul mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi) jista’ jkun ifisser li n-negozji jkunu ħallsu wisq VAT fil-passat minħabba li l-valur tal-art tagħhom stess kien inkluż fl-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista preżunta (3). Kien għalhekk li l-Hoge Raad iddeċidiet li titlob għajnuna dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti tas-Sitt Direttiva: l-Artikolu 5(7)(a). Dan ir-rinviju sar fil-kuntest ta’ proċeduri bejn l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzji) u l-Gemeente Vlaardingen (il-Muniċipalità ta’ Vlaardingen; iktar ’il quddiem il-“Muniċipalità”).

3.        B’mod partikolari, tqum il-kwistjoni ta’ jekk is-Sitt Direttiva tippermettix lill-awtoritajiet fiskali sabiex jittrattaw ċerti tranżazzjonijiet bħala provvista bi ħlas (provvista preżunta), billi jassimilaw mal-“provvista ta’ merkanzija” il-produzzjoni, minn terz, ta’ proprjetà immobbli li tikkonsisti f’xogħol ikkompletat (bini) fuq l-art tal-persuna taxxabbli (il-Munċipalità) stess, u sabiex jinkludu fil-VAT iffatturata l-valur tal-art anki jekk din l-art kienet preċedentement użata mill-istess persuna taxxabbli għal skopijiet ta’ negozju eżentati (kiri ta’ grawnds tal-isport lil assoċjazzjonijiet sportivi) u anki jekk il-persuna taxxabbli ma kinitx gawdiet minn tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ din l-art (4).

I –    Il-qafas ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

4.        L-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi kif ġej:

“Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvisti bi ħlas:

(a)      l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli għal skopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġetti magħmula [prodotti], maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati matul in-negozju, fejn [il-VAT] fuq dawn l-oġġetti, kieku kienu ġew akkwistati minn persuna oħra taxxabbli, ma tkunx deduċibbli kollha [...]”

5.        L-Artikolu 11 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva kien jipprovdi kif ġej fir-rigward tal-ammont taxxabbli:

“A.      Fit-territorju tal-pajjiż

1.      L-ammont taxxabbli għandu jkun:

[...]

(b)      fir-rigward ta’ provvisti msemmija fl-Artikolu 5(6) u (7), il-prezz tax-xiri ta’ l-oġġetti jew ta’ oġġetti simili jew, fl-assenza tal-prezz tax-xiri, il-prezz ta’ kemm jiġi, determinat fiż-żmien tal-provvista”.

6.        Id-Direttiva 2006/112/KE issostitwiet is-Sitt Direttiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007 (5). L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2006/112 jikkorrispondi, essenzjalment, għall-Artikolu 5(7) tas-Sitt Direttiva.

B –    Id-dritt nazzjonali

7.        L-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet op de omzetbelasting 1968 (Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tal-1968) (iktar ’il quddiem il-“Wet OB”) kien inizjalment jipprovdi, meta l-Wet OB daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1969, dan li ġej:

“1.      Provvista ta’ merkanzija tfisser:

[...]

(h)      l-użu għall-iskopijiet tan-negozju ta’ merkanzija prodotta min-negozju stess f’każijiet fejn, li kieku l-merkanzija nkisbet minn negozjant ieħor, it-taxxa fuq il-merkanzija ma kinitx tkun deduċibbli jew ma kinitx tkun deduċibbli kollha; merkanzija prodotta speċifikament fuq ordni fejn il-materjal ikun ġie pprovdut għandha titqies bħala merkanzija prodotta min-negozju stess.”

8.        L-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB ġie sussegwentement issupplementat u, fiż-żmien rilevanti, kien jipprovdi dan li ġej (6):

“1.      Provvista ta’ merkanzija tfisser:

[...]

(h)      l-użu għall-iskopijiet tan-negozju ta’ merkanzija prodotta min-negozju stess f’każijiet fejn, li kieku l-merkanzija nkisbet minn negozjant ieħor, it-taxxa fuq il-merkanzija ma kinitx tkun deduċibbli jew ma kinitx tkun deduċibbli kollha; merkanzija prodotta speċifikament fuq ordni fejn il-materjal, inkluża art, ikun ġie pprovdut għandha titqies bħala merkanzija prodotta min-negozju stess; hija eskluża mill-applikazzjoni ta’ dan il-punt l-art li ma kinitx mibnija minbarra art intiża għall-bini kif deskritta fl-Artikolu 11(4).”

9.        Fil-Pajjiżi l-Baxxi din hija msejħa “taxxa ta’ integrazzjoni”.

10.      Skont l-Artikolu 8(3) tal-Wet OB:

“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija kif deskritta fl-Artikolu 3(1)(g) u (h) u fl-Artikolu 3a(1), il-ħlas għandu jkun l-ammont, bl-esklużjoni tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, li kien ikollu jitħallas għall-merkanzija li kieku, fil-mument tal-provvista, din il-merkanzija kienet akkwistata jew prodotta fil-kundizzjoni li tkun fiha f’dak il-mument.”

II – Il-fatti u d-domanda magħmula

11.      Il-Muniċipalità hija negozjant fis-sens tal-Wet OB u hija l-proprjetarja ta’ diversi kumplessi tal-isport, inklużi numru ta’ artijiet użati għall-isport. Hija ilha diversi snin tikri dawn il-grawnds bil-ħaxix lil assoċjazzjonijiet sportivi, li huma eżentati mill-VAT.

12.      Fl-2003 l-Muniċipalità qabbdet kuntratturi sabiex jibdlu l-grawnds bil-ħaxix fi grawnds għall-korfball u għall-football b’wiċċ tal-ħaxix artifiċjali, u fi grawnds għall-handball b’wiċċ tal-asfalt (iktar ’il quddiem il-“grawnds”).

13.      Meta tlesta dan ix-xogħol fl-2004, il-grawnds reġgħu nkrew mill-Muniċipalità b’eżenzjoni mill-VAT u fil-fatt inkrew lill-istess assoċjazzjonijiet sportivi bħal qabel.

14.      L-ammont iffatturat mill-kuntratturi lill-Muniċipalità fir-rigward tax-xogħol imwettaq minnhom kien ta’ EUR 1 547 440, b’EUR 293 993 minnhom VAT. Il-Muniċipalità ma naqqsitx immedjatament dan l-ammont tal-aħħar mill-formula tat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha.

15.      L-Ispettur ikkunsidra l-kiri tal-grawnds mill-Muniċipalità – provvista eżentata skont l-Artikolu 11(1)(b) tal-Wet OB – bħala l-użu għal skopijiet tan-negozju ta’ merkanzija prodotta speċifikament fuq ordni fejn il-materjal, u b’mod partikolari l-ħamrija (taħt il-wiċċ), “ikun ġie pprovdut”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB. Skont l-Ispettur, dan kien ifisser li l-Muniċipalità hija kkunsidrata li pprovdiet il-grawnds, provvista li fir-rigward tagħha hija dovuta l-VAT, suġġetta għat-tnaqqis tal-VAT iffatturata lill-Muniċipalità mill-kuntratturi. L-Ispettur għalhekk indirizza lill-Muniċipalità avviż għal stima addizzjonali fir-rigward tal-perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2004. Il-Muniċipalità ressqet ilment kontra din l-istima iżda din l-istima ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Ispettur.

16.      Il-kawża mressqa mill-Muniċipalità fejn ikkontestat din id-deċiżjoni kienet miċħuda bħala infondata mir-Rechtbank te’s-Gravenhage (Qorti distrettwali, Den Haag). Il-Muniċipalità għalhekk appellat mid-deċiżjoni tar-Rechtbank quddiem il-Gerechtshof te’s-Gravenhage (Qorti reġjonali, Den Haag).

17.      Quddiem il-Gerechtshof, l-Ispettur argumenta li l-avviż ta’ stima addizzjonali inkwistjoni kien ikkalkolat f’livell għoli wisq. Għaldaqstant, ġie kkunsidrat possibbli li l-kalkolu jsir, għall-finijiet tal-appell, fuq il-bażi ta’ avviż ta’ stima addizzjonali għall-VAT fl-ammont ta’ EUR 116 099, ikkalkolat kif ġej:

Nefqa għall-kostruzzjoni tal-grawnds

Valur tal-grawnd

Ammont taxxabbli

EUR    1 547 440

EUR    610 940 +

EUR    2 158 380

19% VAT fuq EUR 2 158 380

Tnaqqis fir-rigward tal-kostruzzjoni

VAT dovuta

EUR    410 092

EUR    293 993 –

EUR    116 099


18.      Fis-26 ta’ Ġunju 2009, il-Gerechtshof annullat id-deċiżjoni tar-Rechtbank, iddikjarat il-kawża kontra d-deċiżjoni tal-Ispettur bħala fondata, u annullat din id-deċiżjoni kif ukoll l-istima addizzjonali. B’mod partikolari, il-Gerechtshof iddeċidiet li l-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB imur kontra l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva sa fejn jikkunsidra bħala provvista għall-finijiet tal-VAT anki l-użu ta’ merkanzija li n-negozjant ikun qabbad lil terzi sabiex jipproduċuha minn materjal li jkun ipprovdut min-negozjant, inklużi artijiet. L-iStaatssecretaris van Financiën ippreżenta appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden.

19.      Kien f’dan il-kuntest li l-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 5(5) u l-Artikolu 11 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li meta persuna taxxabbli tuża proprjetà immobbli għal finijiet ta’ tranżazzjonijiet eżenti, Stat Membru jista’ jimponi VAT f’każ fejn:

–        din il-proprjetà immobbli tikkonsisti fi struttura (bini) magħmula minn terza persuna bi ħlas f’isem il-persuna taxxabbli fuq art li tappartjeni esklużivament lilha, u fejn

–        il-persuna taxxabbli preċedentement użat l-art li qabel kienet użata għall-(istess) finijiet kummerċjali tagħha, u li l-persuna taxxabbli ma kinitx preċedentement ibbenefikat minn tnaqqis tal-VAT għall-istess art,

bir-riżultat li (il-valur ta’ dik) l-istess art jittieħed inkunsiderazzjoni fil-ġbir tal-VAT?”

III – Evalwazzjoni

A –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

20.      Il-Muniċipalità targumenta li d-domanda magħmula għandha tingħata risposta fin-negattiv. Hija ssostni li, meta persuna taxxabbli – bħalma huwa l-kuntrattur f’din il-kawża – jipproduċi merkanzija bil-materjal ipprovdut mill-klijent tiegħu (il-Muniċipalità), il-produzzjoni tal-merkanzija għandha titqies bħala li twettqet “matul -[in-]negozju” tal-persuna taxxabbli u mhux matul in-negozju tal-klijent. Sa fejn din il-produzzjoni tal-merkanzija hija suġġetta għall-VAT taħt l-Artikolu 5(5) tas-Sitt Direttiva – implementat permezz tal-Artikolu 3(1)(c) tal-Wet OB – din l-istess merkanzija ma tistax, fl-istess ħin, tiġi ttrattata (7) bħala prodotta matul in-negozju tal-klijent.

21.      Il-Muniċipalità ssostni wkoll li l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva huwa intiż li jiżgura trattament fiskali ugwali bejn persuni taxxabbli li jixtru merkanzija mingħand persuna taxxabbli oħra (“merkanzija akkwistata”) u persuni taxxabbli li jipproduċu merkanzija matul in-negozju tagħhom stess (“merkanzija prodotta”). Sabiex jiġi żgurat trattament ugwali, huwa biżżejjed li l-VAT mnaqqsa terġa’ tiġi inkluża. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li l-oneru fiskali jinqasam b’mod ugwali bejn il-merkanzija akkwistata u l-merkanzija prodotta. Insostenn tal-pożizzjoni tagħha, il-Muniċipalità tinvoka wkoll dokumenti leġiżlattivi li wasslu għall-adozzjoni tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE (8), kif ukoll tas-Sitt Direttiva.

22.      Fi kwalunkwe każ, l-impożizzjoni tal-VAT bil-mod kif ġiet imposta fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju – fejn kienet imposta fuq il-valur bħala art tal-grawnds li jappartjenu lill-persuna taxxabbli u fejn dawn il-grawnds jiġu applikati minn din il-persuna taxxabbli għall-iskopijiet ta’ negozju eżentati – iżżid b’mod kunsiderevoli l-oneru fiskali fuq din il-persuna taxxabbli u tikser in-newtralità fiskali, prinċipju li huwa inerenti għas-sistema tal-VAT.

23.      Il-Gvern Olandiż isostni li, bl-użu ta’ kliem bħal “magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati” fl-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni għażel li juża formulazzjoni wiesgħa ħafna. Barra minn hekk, l-espressjoni “matul in-negozju” turi li għandhom jiġu kkunsidrati bl-istess mod (i) “il-provvista ta’ merkanzija” u, (ii) “il-produzzjoni ta’ merkanzija” minn terz b’materjal tal-persuna taxxabbli mqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu, hekk kif jirriżulta li din il-merkanzija kienet ordnata mill-persuna taxxabbli matul in-negozju tagħha.

24.      Il-Gvern Olandiż jargumenta li l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva ssostitwixxa l-Artikolu 5(3)(b) tat-Tieni Direttiva, li kien jipprovdi li “dawn li ġejjin għandhom jiġu ttrattati bħala provvista bi ħlas: [...] (b) l-użu għall-ħtiġijiet tal-impriża tagħha, minn persuna taxxabbli, ta’ merkanzija prodotta jew estratta minnha jew minn persuna oħra f’isimha” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-kliem “prodotta jew estratta minnha jew minn persuna oħra f’isimha” ġie ssostitwit fis-Sitt Direttiva bi kliem iktar ġenerali. Għaldaqstant, ma jista’ jkun hemm ebda dubju li s-Sitt Direttiva tippermetti li ċerti tranżazzjonijiet jitqiesu bħala provvisti bi ħlas, kif sar f’dan il-każ.

25.      Barra minn hekk, minkejja l-fatt li – b’differenza mill-Artikolu 5(3)(b) tat-Tieni Direttiva – l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva ma fihx il-kliem “minnha jew minn persuna oħra f’isimha”, jidher b’mod ċar li l-Artikolu 5(7)(a) jinkludi s-sitwazzjonijiet kollha fejn persuna taxxabbli takkwista merkanzija, b’tali mod li jkopri wkoll sitwazzjoni fejn ix-xogħol, imwettaq f’isem il-persuna taxxabbli, ikun twettaq fuq grawnds li huma l-proprjetà ta’ din il-persuna. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tkoprix sitwazzjoni fejn din il-persuna taxxabbli tqabbad lil terz jipproduċi merkanzija b’materjal li kien diġà fil-pussess ta’ dan it-terz.

26.      Il-Gvern Olandiż ikompli billi jsostni li, f’każ bħal dak ineżami, il-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni titqies bħala provvista bi ħlas huwa konsistenti mal-prinċipju tan-newtralità tal-VAT: meta terz jipproduċi merkanzija f’isem persuna taxxabbli b’materjal li jappartjeni lil din tal-aħħar, din l-“assimilazzjoni” tiżgura li l-valur tal-merkanzija (9) jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi kkalkolata l-VAT. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, dan huwa meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-oneru fiskali jkun l-istess bħal meta l-persuna taxxabbli tipproduċi l-merkanzija bil-materjal tagħha stess jew bħal meta t-terz jipproduċi l-merkanzija bil-materjal tiegħu u mbagħad ibiegħ din il-merkanzija lill-persuna taxxabbli.

27.      Fl-aħħar nett, il-Gvern Olandiż jargumenta li t-trattament tat-tranżazzjoni inkwistjoni bħala provvista bi ħlas huwa validu anki jekk l-art tal-persuna taxxabbli mqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ terz għall-finijiet tax-xogħol imwettaq f’isem il-persuna taxxabbli kienet intużat qabel għall-attivitajiet eżentati tal-persuna taxxabbli.

28.      Għaldaqstant, il-Gvern Olandiż isostni li d-domanda magħmula għandha tingħata risposta fis-sens li l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat bħala li jippermetti li Stat Membru jikkunsidra bħala tranżazzjoni paragunabbli mal-provvista ta’ merkanzija l-kostruzzjoni u l-provvista minn terz, f’isem il-persuna taxxabbli u fuq art tagħha stess, ta’ proprjetà immobbli li tikkonsisti f’xogħol (bini) u, għaldaqstant, li joħodha inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-VAT. F’dan ir-rigward huwa irrilevanti li l-persuna taxxabbli kienet qabel tuża l-art għal skopijiet ta’ negozju eżentati u li din il-persuna taxxabbli ma kinitx preċedentement gawdiet minn tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ din l-art.

29.      Il-Kummissjoni targumenta, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja, għad-domanda magħmula, għandha tagħti r-risposta li l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva ma jippermettix lill-Istati Membri jittrattaw bħala provvista magħmula bi ħlas l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli, għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet eżentati, ta’ merkanzija prodotta matul in-negozju ta’ din il-persuna taxxabbli minn terz b’materjal ipprovdut jekk dan il-materjal ikun diġà ġie applikat għal dawn il-ħtiġijiet mhux taxxabbli tal-persuna taxxabbli.

B –    Analiżi

30.      Permezz tad-domanda tagħha, il-Hoge Raad qiegħda tistaqsi jekk l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 5(5) u 11 A(1)(b) tagħha, għandux jiġi interpretat fis-sens li, mal-użu ta’ proprjetà immobbli (grawnds tal-isport) minn persuna taxxabbli (il-Muniċipalità) għal skopijiet eżentati – jiġifieri, l-kiri ta’ dawn il-grawnds lil assoċjazzjonijiet sportivii – l-awtoritajiet fiskali Olandiżi jistgħu jimponu l-VAT meta dawn il-grawnds tal-isport jikkonsistu f’xogħol ikkompletat bi ħlas fuq l-art tal-Muniċipalità stess u fuq l-ordni tagħha minn terz, anki meta din l-art kienet użata preċedentement mill-Muniċipalità għall-istess skopijiet eżentati, u meta l-Muniċipalità ma kinitx preċedentement gawdiet minn tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ din l-art, bir-riżultat li l-valur tal-art jiġi inkluż fil-kalkolu tal-VAT (10).

31.      L-ewwel nett, qabel nagħmel l-analiżi tiegħi nixtieq nirrimarka li, skont l-istruttura tas-sistema introdotta permezz tas-Sitt Direttiva, it-taxxi tal-input fuq merkanzija jew servizzi użati minn persuna taxxabbli għat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha huma deduċibbli. It-tnaqqis tat-taxxi tal-input huwa marbut mal-ġbir tat-taxxi tal-output (11). Meta l-merkanzija jew is-servizzi akkwistati minn persuna taxxabbli jintużaw għall-iskopijiet ta’ tranżazzjonijiet li huma eżentati jew li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-VAT, ma tkun tista’ tinġabar ebda taxxa tal-output u ma tkun tista’ titnaqqas ebda taxxa tal-input (12).

32.      F’tali sitwazzjoni jidher b’mod ċar li l-persuna taxxabbli ma tistax tirkupra l-VAT imħallsa meta tixtri merkanzija li tużaha hija stess.

33.      Min-naħa l-oħra, numru ta’ persuni taxxabbli ma jixtrux merkanzija li mbagħad jużaw fin-negozju tagħhom minn persuni taxxabbli oħra (possibbiltà 1); għall-kuntrarju, dawn jippreferu jipproduċu din il-merkanzija huma stess (possibbiltà 2); jew jagħżlu li jqabbdu lil terz sabiex jipproduċiha fil-lokal tagħhom (possibbiltà 3, li hija dik rilevanti f’din il-kawża).

34.      Merkanzija akkwistata skont il-possibbiltà 3 xi drabi tintuża għal skopijiet ta’ negozju eżentati. Dan kien preċiżament il-każ hawnhekk.

35.      Meta tiġi kkunsidrata l-liġi nazzjonali rilevanti, mill-istorja legali tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB jista’ jiġi dedott li, permezz tal-introduzzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni fl-1969, il-leġiżlatur Olandiż kellu l-intenzjoni jimplementa, fil-Wet OB, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(3)(b) tat-Tieni Direttiva.

36.      L-Artikolu 5(3)(b) kien jipprovdi li “dawn li ġejjin għandhom jiġu ttrattati bħala provvista bi ħlas: [...] (b) l-użu għall-ħtiġijiet tal-impriża tagħha, minn persuna taxxabbli, ta’ merkanzija prodotta jew estratta minnha jew minn persuna oħra f’isimha” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

37.      L-Artikolu 5(3)(b) tat-Tieni Direttiva inżamm fis-Sitt Direttiva. Madankollu, għandu jingħad li l-formulazzjoni taż-żewġ dispożizzjonijiet ma tikkorrispondix kompletament.

38.      L-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva (13) jipprovdi li “Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvisti bi ħlas: l-applikazzjoni minn persuna taxxabbli għal skopijiet tan-negozju tagħha ta’ oġġetti magħmula, maħduma, estratti, ipproċessati, mixtrija jew importati matul in-negozju, fejn [il-VAT] fuq dawn l-oġġetti, kieku kienu ġew akkwistati minn persuna oħra taxxabbli, ma tkunx deduċibbli kollha [...]”. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 5(7)(a) ikopri biss tranżazzjonijiet imwettqa “għal skopijiet tan-negozju [tal-persuna taxxabbli]” u l-espressjoni fl-Artikolu 5(3)(b) tat-Tieni Direttiva li l-merkanzija tista’ tiġi prodotta jew estratta “minn persuna oħra f’isimha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tħalliet barra. Jista’ jingħad ukoll li l-Artikolu 5(7)(a) japplika wkoll għal merkanzija li ġiet “maħduma, ipproċessata, mixtrija jew importata” għall-finijiet tan-negozju tal-persuna taxxabbli.

39.      Ikun biżżejjed jekk jingħad li, minkejja din id-differenza żgħira fil-formulazzjoni, mhux nara għalfejn u kif l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jkollu skop u effett differenti meta mqabbel mal-Artikolu 5(3)(b) tat-Tieni Direttiva. Fil-fatt, fis-Sitt Direttiva ma hemm xejn li jissuġġerixxi dan.

40.      Mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża ineżami, l-ispettur tat-taxxa kkunsidra l-ewwel użu tal-grawnds – jiġifieri, il-kiri ta’ dawn il-grawnds – mill-Muniċipalità bħala provvista ta’ merkanzija fis-sens tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB, sa fejn kien jikkonċerna l-użu, għal skopijiet ta’ negozju, tal-grawnds, li kienu prodotti minn terzi fuq ordni tal-Muniċipalità, fejn din tal-aħħar kienet ipprovdiet il-grawnds tal-ħaxix tagħha stess. L-espressjoni “merkanzija prodotta” fl-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB tkopri wkoll strutturi mwaħħla mal-art jew fl-art.

41.      Barra minn hekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB teħtieġ li xogħol ta’ kostruzzjoni, flimkien mal-art, għandhom jitqiesu bħala oġġett wieħed ta’ proprjetà (immobbli). Fuq din il-bażi, l-ispettur tat-taxxa inkluda l-valur tal-art fl-ammont taxxabbli fir-rigward tal-grawnds, bil-konsegwenza li, fl-aħħar mill-aħħar, il-VAT kienet imposta wkoll fuq il-valur tal-grawnds tal-ħaxix l-antiki tal-Muniċipalità.

42.      Għaldaqstant, tqum il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB, meta applikat għal din is-sitwazzjoni, huwiex kompatibbli mas-setgħat mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva.

43.      B’mod partikolari, kif tispeċifika l-qorti tar-rinviju, iqumu numru ta’ kwistjonijiet dwar is-sens u l-portata preċiża tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami.

44.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, jidher li sa issa l-Qorti tal-Ġustizzja saritilha domanda waħda biss dwar ir-regola li tikkonċerna t-trattament, skont l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, ta’ ċerti tranżazzjonijiet bħala provvisti bi ħlas: din id-domanda saret fil-kawża li wasslet għas-sentenza Gemeente Leusden u Holin Groep (14). Madankollu, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja evidentement ikkonċentrat fuq regoli oħra stabbiliti fis-Sitt Direttiva. Fir-rigward tad-dispożizzjoni li tinteressana f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement iddikjarat li l-Artikolu 5(7)(a), l-istess bħall-Artikolu 20(2) tas-Sitt Direttiva, għandu l-“effett ekonomiku” li jobbliga lil persuna taxxabbli tħallas ammonti ekwivalenti għat-tnaqqas li għalih ma kinitx intitolata (punt 90).

45.      Fir-rigward tal-iskop tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, li jikkonċerna l-provvista ta’ “merkanzija”, nixtieq ngħid li – bħall-iskop tad-dispożizzjoni simili li tikkonċerna l-provvista ta’ “servizzi” mill-persuna taxxabbli lilha stess: l-Artikolu 6(3) (15) – dan l-iskop huwa li tiġi evitata distorsjoni tal-kompetizzjoni (16). Il-persuna taxxabbli li twettaq attivitajiet eżentati tista’ jew tixtri l-merkanzija użata għal dawn l-attivitajiet minn terz, u tħallas fuq dan ix-xiri VAT li ma tkunx deduċibbli, jew inkella tista’ tipproduċi din il-merkanzija hija stess, f’liema każ, skont l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, ikollha tħallas il-VAT, li lanqas ma tkun deduċibbli, fuq il-valur ta’ din il-merkanzija. Kif jindikaw ġustament il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, persuna taxxabbli li twettaq attività eżentata mill-VAT, u li għalhekk ma tkunx tista’ tnaqqas it-taxxa mħallsa fl-istadju preċedenti fuq merkanzija akkwistata għall-finijiet ta’ din l-attività, tkun qiegħda, billi tipproduċi din il-merkanzija matul in-negozju tagħha, tgawdi minn vantaġġ ekonomiku fil-konfront ta’ negozjant li jwettaq l-istess attività eżentata mit-taxxa iżda li ma jkunx jista’ – jew li ma jkunx irid – jipproduċi l-merkanzija meħtieġa għal dan l-iskop huwa stess. Kien għalhekk li ġie previst li l-persuna taxxabbli li tipproduċi l-merkanzija matul in-negozju tagħha għandha tkun suġġetta għall-VAT ukoll.

46.      Il-paragrafu 7 tal-Anness tat-Tieni Direttiva jispeċifika li l-Artikolu 5(3)(b) ta’ din id-direttiva [u għalhekk anki l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva] kien intiż li jiżgura ugwaljanza fit-tassazzjoni bejn, minn naħa, merkanzija mixtrija u intiżi għall-ħtiġijiet tan-negozju, u li fir-rigward tagħha ma jkunx hemm dritt għal tnaqqis immedjat jew sħiħ, u, min-naħa l-oħra, merkanzija prodotta jew estratta mill-persuna taxxabbli jew minn terz f’isimha u li tkun ser tintuża wkoll għall-istess ħtiġijiet – li hija s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali.

47.      Fil-fatt, dan li għadu kemm intqal jikkostitwixxi b’mod ċar applikazzjoni tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, li huwa inerenti għas-sistema tal-VAT (17) u li saħansitra jikkostitwixxi prinċipju fundamentali ta’ din is-sistema (18). L-għan prinċipali ta’ dan il-prinċipju huwa li jiġi żgurat trattament ugwali tal-persuni taxxabbli (19).

48.      Punt ieħor li nixtieq nagħmel huwa li l-kawża ineżami tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-grawnds tal-isport inkwistjoni, wara li ngħatalhom wiċċ ġdid ta’ ħaxix artifiċjali jew asfalt, jistgħux jitqiesu bħala merkanzija “prodotta” mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva – kif tidher li hija l-pożizzjoni tal-awtoritajiet fiskali Olandiżi u tal-Gvern Olandiż, kif ukoll tal-qorti tar-rinviju – jew jekk għandhomx jitqiesu bħala l-istess merkanzija, li sempliċement ġiet żviluppata jew imtejba.

49.      Fil-fehma tiegħi ma huwiex evidenti li l-grawnds tal-isports jikkostitwixxu merkanzija li kienet “prodotta” mill-ġdid. Fil-fatt, jiena mhux konvint li attwalment jikkostitwixxu tali merkanzija.

50.      F’dan ir-rigward, id-digriet fil-kawża V.O.F. Dressuurstal Jespers (20) ifakkar li, fis-sentenza Van Dijk’s Boekhuis (21) – wara li osservat li “normalment il-kunċett tal-ħolqien ta’ oġġett jimplika l-ħolqien ta’ oġġett li ma kienx jeżisti qabel” – il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-produzzjoni ta’ merkanzija mill-materjal tal-klijent isseħħ biss meta kuntrattur jipproduċi oġġett ġdid mill-materjal fdat lilu mill-klijent tiegħu.

51.      Inżid ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlitha ċara, fis-sentenza Van Dijk’s Boekhuis (22) li oġġett ġdid jiġi prodott meta x-xogħol tal-kuntrattur jirriżulta f’oġġett li “l-funzjoni tiegħu, skont dak li huwa aċċettat ġeneralment, tkun differenti minn dik tal-materjal ipprovdut. Hija l-qorti nazzjonali li, filwaqt li tikkunsidra l-użu li jista’ jsir mill-oġġett, għandha tiddeċiedi jekk ġiex prodott oġġett ġdid jew le”.

52.      Prima facie jidher li dan ma kienx il-każ hawnhekk, sa fejn insibha diffiċli nara kif il-grawnds tal-isports – billi ġew miksija b’ħaxix artifiċjali jew bl-asfalt – saru merkanzija li ma kinitx teżisti qabel.

53.      Fil-fatt, għandu jingħad ukoll li, fis-sentenza Van Dijk’s Boekhuis (23), il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li tiswijiet (li kienu inkwistjoni f’dik il-kawża), irrispettivament minn kemm ikunu radikali, li sempliċement iwasslu sabiex l-oġġett fdat lill-kuntrattur jerġa’ jikseb il-funzjoni li kellu qabel, mingħajr ma jirriżultaw fil-ħolqien ta’ oġġett ġdid, ma jammontawx għall-produzzjoni ta’ merkanzija bil-materjal tal-klijent.

54.      Minkejja l-fatt li x-xogħol imwettaq fuq il-grawnds tal-isport inkwistjoni kellu impatt ikbar minn sempliċi tiswija jew titjib, fil-fehma tiegħi xorta waħda jibqa’ l-fatt li dawn il-grawnds għadhom grawnds tal-isport mikrija lill-istess assoċjazzjonijiet sportivi – u għalhekk iżommu l-istess funzjoni fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (24).

55.      Fi kwalunkwe każ, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa din il-kwistjoni partikolari fid-dettall filwaqt li, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni l-użu li jsir mill-grawnds il-ġodda, u li għandha tasal għal konklużjoni fuq il-bażi tal-fatti. Għaldaqstant, dawn il-konklużjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq, u għandhom ikunu limitati għal, il-fatti kif ikkonstatati mill-qorti tar-rinviju u kif deskritti fid-digriet tar-rinviju.

56.      Mid-digriet tar-rinviju jidher li l-Hoge Raad ikkonstatat li dawn il-grawnds kienu merkanzija prodotta mill-ġdid.

57.      Nimmaġina li l-qorti tar-rinviju waslet għal dik il-konklużjoni minħabba l-portata tax-xogħol imwettaq fuq il-grawnds tal-isport. F’dan ir-rigward, għandu jingħad li l-ispejjeż relatati mat-tqegħid tal-ħaxix artifiċjali u tal-asfalt jidhru li jammontaw għal kważu darbtejn u nofs il-valur tal-art.

58.      Il-Kummissjoni ġustament tindika f’dan ir-rigward li jkun tajjeb jekk il-qorti tar-rinviju terġa’ tevalwa dan il-punt – minn tal-inqas għaliex, jekk, minkejja kollox, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra l-grawnds tal-isport inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li ma jikkostitwixxux merkanzija ġdida, allura jkun fi kwalunkwe każ impossibbli li jintuża l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva.

59.      Għaldaqstant, il-kunsiderazzjonijiet segwenti huma rilevanti biss jekk il-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-grawnds tal-isport il-ġodda għandhom fil-fatt jiġu kkunsidrati bħala merkanzija prodotta mill-ġdid, fis-sens tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva.

60.      Kif il-Kummissjoni ġustament issuġġeriet, il-kwistjoni li jmiss hija jekk l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva japplikax ukoll għal merkanzija koperta mit-tieni parti tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB: “merkanzija magħmula speċifikament fuq ordni fejn il-materjal, inkluża art [...]” (25).

61.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta hija, fil-prinċipju, iva. L-espressjoni “matul in-negozju” fl-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva ma tkoprix neċessarjament dik il-merkanzija biss li tkun prodotta min-negozju stess. Mingħajr ebda dubju, din l-espressjoni tista’ tkopri wkoll merkanzija prodotta minn terz bil-materjal ipprovdut mill-persuna taxxabbli.

62.      Madankollu, sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, huwa meħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni – fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont dovut – il-fatt li l-persuna taxxabbli tkun diġà ħallset il-VAT fuq il-fattura stabbilita mit-terz għall-produzzjoni tal-merkanzija tagħha. Milli jidher dan huwa dak li għamlu l-awtoritajiet fiskali Olandiżi f’din il-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju. Dawn l-awtoritajiet ħadu inkunsiderazzjoni l-fatt li kienet diġà tħallset fattura bil-VAT.

63.      Fil-fatt, fir-rigward tat-trattament, skont l-Artikolu 5(6) u (7) tas-Sitt Direttiva, ta’ ċerti tranżazzjonijiet bħala provvista bi ħlas, dan it-trattament jiġi applikat fil-mument meta l-merkanzija (jew servizz) prodotta matul in-negozju tiġi applikata mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tal-attivitajiet eżentati tagħha.

64.      Fil-fehma tiegħi, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni difiża mill-Gvern Olandiż, f’każ bħal dan – fejn, qabel it-trasformazzjoni jew l-integrazzjoni tiegħu f’merkanzija ġdida, il-materjal kien diġà ġie applikat mill-persuna taxxabbli (il-Muniċipalità) għall-finijiet tal-attivitajiet eżentati tagħha – l-awtoritajiet fiskali għandhom jieħdu dan il-fatt inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva. Fi kliem ieħor, il-valur ta’ dan il-materjal (l-art bħala tali) ma jistax jibqa’ jiġi inkluż fil-bażi ta’ stima għall-finijiet tal-kalkolu tal-VAT.

65.      Matul is-seduta, il-Kummissjoni ressqet eżempju tajjeb f’dan ir-rigward. Ejja ngħidu li l-Muniċipalità ma għandhiex grawnds tal-isport iżda tkun tixtieq li jkollha sabiex tkun tista’ tikrihom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed jista’ jimmaġina żewġ sitwazzjonijiet: jew (a) tixtri l-grawnds tal-isport lesti għall-użu u b’hekk tħallas il-VAT fuq il-prezz tax-xiri, li jkun jinkludi l-valur tal-art u n-nefqa tax-xogħlijiet meħtieġa sabiex jiġu żviluppati dawn il-grawnds; jew (b) il-Muniċipalità tkun il-proprjetarja ta’ art li tkun tista’ tintuża. Ejja ngħidu, pereżempju, li, fis-sitwazzjoni (b), il-Muniċipalità hija l-proprjetarja ta’ art li tinsab f’foresta. B’hekk hija tkun tista’ tipprepara u tiżviluppa din l-art sabiex tittrasformaha fi grawnds tal-isport. Meta dawn il-grawnds tal-isport jinkrew, jiġifieri, jiġu applikati mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha, skont l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, il-VAT tkun dovuta wkoll fir-rigward ta’ kollox – inkluż il-valur tal-art.

66.      Fil-fehma tiegħi, dan jikkorrispondi għal trattament fiskali identiku ta’ żewġ sitwazzjonijiet: xiri ta’ grawnds tal-isport lesti għall-użu, minn naħa, u l-iżvilupp ta’ tali grawnds fuq art li tkun diġà l-proprjetà ta’ dak li jkun, fuq in-naħa l-oħra.

67.      Madankollu, fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, l-art inkwistjoni mhux biss qiegħda tintuża attwalment bħala grawnds tal-isport iżda kienet diġà tintuża bħala tali fil-passat. Il-fatt li l-grawnds tal-isport inkwistjoni kienu ilhom jinkrew għal diversi snin lill-(istess) assoċjazzjonijiet sportivi joħroġ b’mod ċar mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

68.      Minn dan isegwi li dawn il-grawnds kienu diġà ġew applikati mill-muniċipalità għall-iskopijiet tan-negozju tagħha. Dak li huwa importanti huwa li l-applikazzjoni tal-art mill-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tan-negozju tagħha ma tistax titqies għal iktar minn darba bħala provvista bi ħlas.

69.      Jekk ma jkunx hekk jinħolqu riskju ta’ tassazzjoni doppja u riskju li jinkiser il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Kif il-Kummissjoni ġustament indikat matul is-seduta, li kieku l-Muniċipalità neħħiet is-siġar mill-foresta tagħha u, fl-ewwel lok, żviluppat l-art korrispondenti u ksietha b’wiċċ tal-ħaxix naturali u sempliċi sabiex tittrasformaha fi grawnds tal-isport u iktar tard, fit-tieni lok, iddeċidiet wara numru ta’ snin li tikisha b’ħaxix artifiċjali – f’tali każ, skont l-interpretazzjoni tal-Gvern Olandiż, dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet kienu jkunu suġġetti għall-VAT. Minn dan isegwi, skont dan il-gvern, li l-VAT ikollha tiġi imposta darbtejn fuq il-valur tal-art.

70.      Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri ma għandhomx ikunu jistgħu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, jieħdu inkunsiderazzjoni l-valur tal-materjal meta dan ikun diġà ġie applikat fil-passat mill-persuna taxxabbli għall-finijiet tan-negozju tagħha.

71.      Matul is-seduta, il-Gvern Olandiż argumenta li, fi kwalunkwe każ, is-sistema tal-VAT ma hijiex waħda ideali (26). Madankollu, fil-fehma tiegħi (u tal-Kummissjoni), fil-każ ta’ dubju, meta jkunu possibbli diversi interpretazzjonijiet, għandha tintgħażel l-interpretazzjoni li tippermetti bl-aħjar mod li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja.

72.      Bl-istess mod, il-Gvern Olandiż sostna, matul is-seduta, li, fi kwalunkwe każ, l-approċċ li qiegħed nipproponi f’dawn il-konklużjonijiet ma huwiex rilevanti hawnhekk sa fejn fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ma hemmx kwistjoni ta’ tassazzjoni doppja sa fejn il-VAT fuq il-grawnds tal-isport inkwistjoni qatt ma kienet tħallset.

73.      Il-Muniċipalità pprovat tirribatti dak li qal il-Gvern Olandiż dwar il-fatt li l-VAT qatt ma kienet tħallset fir-rigward tal-art. Hija argumentat li – minkejja l-fatt li l-grawnds tal-isport kienu diġà ġew żviluppati ħafna snin ilu – jibqa’ l-fatt li, taħt is-sistema applikabbli f’dak iż-żmien, il-Muniċipalità kienet ħallset ukoll it-taxxa ta’ integrazzjoni. Għalkemm l-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB, fil-verżjoni attwalment fis-seħħ, jipprevedi deroga għal art li ma hijiex art għall-bini, din id-deroga ma kinitx possibbli fiż-żmien rilevanti. Il-Muniċipalità sostniet, għaldaqstant, li hija kienet ħallset il-VAT fuq l-art kif ukoll fuq in-nefqa għall-iżvilupp ta’ din l-art u għat-trasformazzjoni tagħha fil-grawnds tal-isport oriġinali.

74.      Fil-fehma tiegħi, huwa biżżejjed jekk jingħad li l-kriterju rilevanti huwa wieħed differenti. Il-kwistjoni prinċipali ma hijiex jekk il-VAT kinitx diġà tħallset fuq dawn il-grawnds iżda jekk il-grawnds (il-materjal) kinux diġà ġew applikati mill-persuna taxxabbli fil-passat għall-iskopijiet tan-negozju tagħha.

75.      Peress li l-grawnds tal-isport inkwistjoni kienu diġà jinkrew “għal numru ta’ snin” qabel it-titjib tagħhom, is-sitwazzjoni fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju hija kompletament differenti, minn perspettiva ekonomika, mis-sitwazzjoni li kienet timmaterjalizza li kieku l-Muniċipalità kellha tixtri grawnds ġodda minn terz illum ’il ġurnata. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma għandhiex tiġi ttrattata bħala provvista bi ħlas. Kif indikat ġustament il-Kummissjoni, tali konklużjoni hija kompletament konsistenti mas-sistema tal-VAT.

76.      Fil-fatt, l-unika attività ekonomika mwettqa kienet it-tqegħid tal-ħaxix artifiċjali u tal-asfalt f’isem il-Muniċipalità. Il-VAT kienet imposta fuq din l-attività, taxxa li l-Muniċipalità ma setgħetx tnaqqas sa fejn l-attività tagħha – il-kiri tal-grawnds lil assoċjazzjonijiet sportivi – hija eżentata. Għaldaqstant, ma ġew ipprovduti ebda merkanzija jew servizz oħra li setgħu jkunu suġġetti għall-VAT.

77.      Qabel nikkonkludi, nixtieq nosserva li din il-konstatazzjoni ma hijiex imdgħajfa bis-saħħa tal-Artikolu 5(5) tas-Sitt Direttiva, li għalih tirreferi wkoll id-domanda preliminari. Skont din id-dispożizzjoni, “L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jagħtu ċertu xogħolijiet ta’ kostruzzjoni biex ikunu provvisti fis-sens ta’ paragrafu 1”.

78.      Fil-fehma tiegħi, iżda, il-Kummissjoni ġustament tindika li l-Artikolu 5(5) ma għandu ebda rilevanza fir-rigward tal-kwistjonijiet imqajma fil-kawża ineżami. Fi kwalunkwe każ, inżid ngħid li l-qorti tar-rinviju ma spjegatx għalfejn qiegħda tagħmel riferiment għal dan l-artikolu.

79.      Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tiegħi lanqas ma hija mdgħajfa mill-Artikolu 11 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva, li wkoll isir riferiment għalih fid-domanda preliminari. Din id-dispożizzjoni sempliċement tiddefinixxi xi jfisser “ammont taxxabbli” għall-finijiet tas-Sitt Direttiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fir-rigward tal-provvisti msemmija fl-Artikolu 5(6) u (7), l-ammont taxxabbli għandu jkun il-prezz tax-xiri tal-merkanzija jew ta’ merkanzija simili jew, fin-nuqqas ta’ prezz tax-xiri, il-prezz ta’ kemm swiet (cost price), iddeterminat fil-mument tal-provvista.

80.      Ikun biżżejjed jekk jingħad li l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 A(1)(b) tas-Sitt Direttiva tiddependi mill-eżistenza tas-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(7)(a).

81.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, mal-użu ta’ proprjetà immobbli minn persuna taxxabbli għal skopijiet eżentati, Stat Membru jista’ jimponi l-VAT meta din il-proprjetà immobbli tkun tikkonsisti f’xogħol (bini) ikkompletat, bi ħlas, fuq l-art tal-persuna taxxabbli stess u fuq l-ordni tagħha minn terz, bil-konsegwenza li (il-valur ta’ din) l-art (jiġi inkluż) tiġi inkluża fl-istima tal-VAT – sakemm l-art inkwistjoni ma kinitx diġà ġiet applikata fil-passat għall-istess skopijiet eżentati tan-negozju tagħha.

IV – Konklużjoni

82.      Għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq, fil-fehma tiegħi d-domanda magħmula mill-Hoge Raad der Nederlanden għandha tingħata din ir-risposta:

L-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li, mal-użu ta’ proprjetà immobbli minn persuna taxxabbli għal skopijiet eżentati, Stat Membru jista’ jimponi l-VAT meta din il-proprjetà immobbli tkun tikkonsisti f’xogħol ta’ bini ikkompletat, bi ħlas, fuq l-art tal-persuna taxxabbli stess u fuq l-ordni tagħha minn terz, bil-konsegwenza li l-valur ta’ din l-art jiġi inkluż fl-istima tal-VAT; sakemm l-art inkwistjoni ma kinitx diġà ġiet applikata fil-passat għall-iskopijiet eżentati tan-negozju tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 – Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata.


3 – Ara PricewaterhouseCoopers, Should own land be included in the taxable amount?, 20 ta’ Ottubru 2011.


4 – Għal iktar informazzjoni, ara l-kuntest fattwali tal-kawża u t-test sħiħ tad-domanda magħmula fil-punti 11 et seq. iktar ’il quddiem.


5 –      Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1). Id-Direttiva 2006/112 issostitwiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, id-dritt tal-Unjoni Ewropea dwar il-VAT, inkluża s-Sitt Direttiva.


6 – Il-bidliet huma indikati bil-korsiv.


7 – Taħt l-Artikolu 5(7)(a) tas-Sitt Direttiva, implementat permezz tal-Artikolu 3(1)(h) tal-Wet OB.


8 –      It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Struttura u metodi ta’ applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 71, p.1303).


9 – F’dan il-każ il-valur tal-proprjetà tal-art/grawnds tal-isport.


10 –      Fost il-kawżi nazzjonali dwar l-Artikolu 5(7)(a), l-eqreb li sibt fir-riċerka tiegħi hija l-kawża quddiem il-House of Lords tar-Renju Unit: Robert Gordon’s College vs Customs and Excise Commissioners [1996] 1 W.L.R. 201 (HL) [VAT – Provvista ta’ merkanzija jew servizzi – Persuna li tħallas it-taxxa u li tipprovdi servizzi edukattivi eżentati – Żvilupp ta’ art għal użu bħala grawnds għal-logħob ta’ skola – Prezzijiet iffatturati mill-kuntratturi għall-iżvilupp – Persuna li tħallas it-taxxa u li tagħti fuq lease lil kumpannija sussidjarja miżmuma kompletament minnha – Għoti mill-persuna li tħallas it-taxxa ta’ liċenzja mhux esklużiva għall-użu ta’ grawnds għal-logħob – Provvista mill-persuna li tħallas it-taxxa lilha stess jew le – Jekk il-prezzijiet iffatturati għall-iżvilupp jistgħux jitnaqqsu bħala taxxa tal-input jew le – Artikoli 5(7)(a) u 6(3) tas-Sitt Direttiva]. F’dan ir-rigward, ara wkoll H. McKay, Back to College, British Tax Review B.T.R. 321, 1996, disponibbli permezz ta’ Westlaw UK: kif qal Lord Hoffmann, l-Artikoli 5(7)(a) u 6(3) jippermettu li l-provvista ta’ merkanzija u servizzi mill-persuna taxxabbli lilha stess jiġu kkunsidrati bħala tranżazzjoni taxxabbli meta, li kieku l-merkanzija jew is-servizzi kienu akkwistati minn terz, il-VAT fuqhom kienet tkun kompletament deduċibbli. L-ipoteżi deskritta bil-korsiv tista’ tapplika biss jekk il-merkanzija jew is-servizzi ma kinux attwalment riċevuti minn terz iżda, fil-fatt, kienu maħluqa (bħal bini mibni fuq l-art tagħha stess) mill-persuna li tħallas it-taxxa stess. Jekk il-merkanzija jew is-servizzi jkunu akkwistati minn terz, il-kwistjoni ta’ jekk it-taxxa tal-input li għandha titħallas fuq dan l-akkwist hijiex deduċibbli jew le għandha tiġi ddeterminata bil-mod ordinarju; jiġifieri, billi jiġi ddeterminat jekk din it-taxxa tistax tiġi attribwita lil provvista taxxabbli. Ma hemm ebda lok għal determinazzjoni ipotetika ta’ x’kienet tkun il-pożizzjoni li kieku l-merkanzija jew is-servizzi kienu akkwistati minn terz. L-iskop tal-Artikoli 5(7)(a) u 6(3) huwa li l-Istati Membri jkunu jistgħu jintroduċu leġiżlazzjoni sabiex jevitaw id-distorsjonijiet li kienu jirriżultaw fis-suq li kieku persuna li tħallas it-taxxa titħalla tikseb vantaġġ fiskali billi takkwista merkanzija jew servizzi b’mod minflok b’ieħor: jiġifieri, billi tipprovdihom lilha nfisha minflok ma takkwistahom minn terz. Fil-kawża Robert Gordon’s College, l-użu li l-College għamel tal-grawnd tal-isports il-ġdid kien skont is-servizzi (il-liċenzja) ipprovduti lilu minn terz (Countesswells). Fil-fehma ta’ Lord Hoffmann, għaldaqstant, ma setax ikun lok hemm għal ħlas għall-provvista mill-persuna li tħallas it-taxxa lilha stess fis-sens tas-Sitt Direttiva. Għaldaqstant, l-ipoteżi deskritta bil-korsiv ma setgħetx tiġi applikata.


11 –      Fi kliem ieħor, it-taxxa tal-output għandha titħallas fuq il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti mill-persuna li tkun qiegħda topera negozju u t-taxxa tal-input għandha titħallas fuq il-merkanzija jew is-servizzi pprovduti lil dik il-persuna għall-iskopijiet ta’ dan in-negozju.


12–      Ara s-sentenzi tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki (C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 24); tal-14 ta’ Settembru 2006, Wollny (C-72/05, Ġabra p. I-8297, punt 20), kif ukoll tat-8 ta’ Frar 2007, Investrand (C-435/05, Ġabra p. I-1315).


13 –      Li issa sar l-Artikolu 18(a) tad-Direttiva 2006/112.


14 –      Sentenza tad-29 ta’ April 2004 (Kawżi magħquda C-487/01 u C-7/02, Ġabra p. I-5337). Ara wkoll, fir-rigward tal-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2001, Fischer u Brandenstein (Kawżi magqħuda C-322/99 u C-323/99, Ġabra p. I-4049, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata), u, fir-rigward tal-Artikolu 20 u tal-Artikoli 5 u 6 tas-Sitti Direttiva, is-sentenza Uudenkaupungin kaupunki, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 30.


15 – Din id-dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva tipprovdi: “Biex ma jħallux li jkun hemm distorzjoni ta’ kompetizzjoni u suġġetti għall-konsultazzjonijet imsemmija fl-Artikolu 29, Stati Membri jistgħu iqisu bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas minn persuna taxxabbli ta’ servizz għall-iskopijiet ta’ l-impriża tagħha fejn [il-VAT] fuq dan is-servizz, kieku ingħata minn persuna oħra taxxabbli, ma kinitx tkun deduċibbli kollha.”


16–      Fir-rigward tal-prevenzjoni ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni, ara, inter alia, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2008, Isle of Wight Council et (C-288/07, Ġabra p. I-7203).


17 –      Ara, inter alia, is-sentenzi tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fischer (C-283/95, Ġabra p. I-3369, punt 27), u tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg (C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 19).


18 –      Ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF (C-29/08, Ġabra p. I-10413, punt 67, u l-ġurisprudenza ċċitata).


19 –      Ara, inter alia, is-sentenzi tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark (C-174/08, Ġabra p. I-10567, punt 41); tal-10 ta’ Ġunju 2010, CopyGene A/S (C-262/08, Ġabra p. I-5053, punt 64), u tal-10 ta’ Novembru 2011, Rank Group (Kawżi magħquda C-259/10 u C-260/10, Ġabra p. I-10947, punt 61).


20– Digriet tal-1 ta’ Ġunju 2006 (C-233/05, punt 27).


21–      Sentenza tat-13 ta’ Diċembru 1985 (C-139/84, Ġabra p. 1405, punti 20 u 21).


22 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 22.


23 –      Iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 21, punt 23.


24 –      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 20 u 21.


25 –      Enfażi miżjuda.


26–      Il-Gvern Olandiż iżid li huwa prinċipalment minħabba l-eżenzjonijiet li s-sistema ma hijiex ideali u xi drabi twassal għal tassazzjoni doppja ta’ ċerti elementi li jirrappreżentaw in-nefqa.